Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Marzu 2022 – RT France vs Il-Kunsill

(Kawża T-125/22)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: RT France (Boulogne-Billancourt, Franza) (rappreżentant: E. Piwnica, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/351 tal-1 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/512/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna;

tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/350 tal-1 ta’ Marzu 2022 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 833/2014 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha;

bil-konsegwenzi kollha legali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut naqas milli jirrispetta d-drittijiet tad-difiża kif ukoll naqas milli josserva l-prinċipju ta’ kontradittorju, hekk kif iggarantiti mill-Artikoli 41 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut naqas milli josserva l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni ggarantita mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut naqas milli josserva l-libertà ta’ intrapriża protetta mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut naqas milli josserva l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

____________