Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2022 mill-Kummissjoni Ewropea mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-10 ta’ Novembru 2021 fil-Kawża T-771/20, KS u KD vs Il-Kunsill et

(Kawża C-44/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Y. Marinova u J. Roberti di Sarsina, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: KS, KD, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

tannulla fl-intier tagħha d-digriet appellat;

tistabbilixxi li l-qrati tal-Unjoni għandhom ġurisdizzjoni esklussiva sabiex jisimgħu u jiddeċiedu l-kawża;

tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq l-ammissibbiltà u l-mertu;

tirriżerva l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u l-proċeduri relatati.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka erba’ aggravji.

L-ewwel aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi i) naqset milli tirrikonoxxi n-natura tal-limitazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fl-Artikoli 24 TUE u 275 TFUE bħala deroga mill-ġurisdizzjoni ġenerali tal-QĠUE, ii) naqset milli tinterpreta din id-deroga b’mod restrittiv, kuntrarjament għall-ġurisprudenza stabbilita tal-QĠUE, u billi iii) interpretat b’mod żbaljat f’dan il-kuntest is-sentenzi fil-kawżi H 1 , SatCen 2 u Elitaliana 3 bħala li ma jsostnux il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża inkwistjoni.

It-tieni aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tikkwalifika kif xieraq ir-rikors bħala rikors għad-danni li jikkonċerna allegat ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u billi naqset milli tinterpreta l-limitazzjonijiet tal-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fid-dawl tar-rekwiżiti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-Istat tad-dritt taħt il-liġi primarja tal-Unjoni, li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-QĠUE fil-kawża inkwistjoni.

L-ewwel parti: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kkwalifikat l-atti, l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet ikkontestati mir-rikorrenti bħala li jaqgħu fi kwistjonijiet politiċi jew strateġiċi konnessi mal-Missjoni u li jikkonċernaw id-definizzjoni jew l-implimentazzjoni tal-PESK (Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-Unjoni Ewropea), u mhux bħala atti, azzjonijiet jew ommissjonijiet li jikkawżaw dannu li jirriżulta minn allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem f’kuntest ta’ PESK.

It-tieni parti: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tinterpreta l-Artikoli 24 TUE u 275 TFUE fid-dawl tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-Unjoni fil-Karta u l-KEDB, u l-valuri fundamentali tal-Unjoni tal-Istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fit-Trattati (Artikolu 2, Artikolu 3(5), Artikolu 6(1) u (3), Artikolu 21(2)(b) u Artikolu 23 TUE, u Artikolu 19 TUE, u Artikolu 47 tal-Karta).

It-tielet aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta interpretat b’mod żbaljat is-sentenza fil-kawża Bank Refah 1 u meta naqset milli tikkunsidra r-rikors għad-danni bħala azzjoni legali indipendenti li għaliha ma teżisti l-ebda eżenzjoni mill-ġurisdizzjoni tal-QĠUE taħt l-Artikolu 268 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

Ir-raba’ aggravju: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tiżgura l-awtonomija tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u billi ċaħħdet lir-rikorrenti minn rimedju effettiv.

L-ewwel parti: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi naqset milli tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Unjoni sabiex jisimgħu u jiddeċiedu l-kawża inkwistjoni.

It-tieni parti: Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi fil-kawża inkwistjoni ċaħħdet lir-rikorrenti minn kull rimedju effettiv u effettivament ħalliethom mingħajr ebda għażla vijabbli li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

____________

1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et, C-455/14 P, EU:C:2016:569.

1 Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2018, KF vs SatCen, T-286/15, EU:T:2018:718; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 2020, SatCen vs KF, C-14/19 P, ECLI:EU:C:2020:492; digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Lulju 2020, KF vs SatCen, T-619/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:337; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ottubru 2021, KF vs SatCen, C-464/20 P, mhux ippubblikata, ECLI:EU:C:2021:848.

1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 2015, Elitaliana vs Eulex Kosovo, C-439/13 P, EU:C:2015:753.

1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il-Kunsill, C-134/19 P, EU:C:2020:793.