Language of document : ECLI:EU:C:2019:33

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

17 ta’ Jannar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2009/138/KE – Bidu u eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni – Artikolu 13(13) – Kunċett ta’ ‘Stat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju’ – Kumpannija, stabbilita fi Stat Membru, li tipprovdi servizzi ta’ assigurazzjoni relatati mar-riskji kuntrattwali marbuta mat-trasformazzjonijiet tal-kumpanniji fi Stat Membru ieħor – Artikolu 157 – Stat Membru ta’ ġbir tat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni”

Fil-Kawża C‑74/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Frar 2018, fil-proċedura mibdija minn

A Ltd

fil-preżenza ta’:

Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn C. Toader, President, A. Rosas u M. Safjan (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, A. Armenia u E. Paasivirta, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 157 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU 2009, L 335, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2016, L 262, p. 34 u fil-ĠU 2014, L 219, p. 66), kif emendata bid-Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, L 341, p. 1) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2009/138”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija mill-kumpannija ta’ assigurazzjoni A Ltd fir-rigward ta’ deċiżjoni fiskali, li hija kienet talbet lill-keskusverolautakunta (il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, il-Finlandja), dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru li għandu s-setgħa ta’ tassazzjoni fil-qasam tat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2009/138

3        Skont l-Artikolu 13(13) tad-Direttiva 2009/138, “Stat Membru li fih jkun jinstab ir-riskju” jfisser kwalunkwe waħda mill-Istati Membri li ġejjin:

“(a)      l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà, meta l-assigurazzjoni tirrelata jew għal bini inkella għal bini u l-kontenut tagħhom, sa fejn il-kontenut ikun kopert mill-istess polza tal-assigurazzjoni;

(b)      l-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrelata għal vetturi ta’ kwalunkwe tip;

(ċ)      l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkun ħareġ il-polza fil-każ ta’ poloz ta’ erba’ xhur jew anqas li jkopru riskji tal-ivvjaġġar jew ta’ vaganza, tkun xi tkun il-klassi kkonċernata;

(d)      fil-każijiet kollha mhux koperti espliċtament mill-punti (a), (b) jew (c), l-Istat Membru li fih jinsab kwalunkwe wieħed minn dawn:

(i)      ir-residenza abitwali tat- titolari tal-polza; jew

(ii)      jekk it-titolari tal-polza jkun persuna ġuridika, dak l-istabbiliment tat-titolari tal-polza li jkun jirrelata għalih il-kuntratt.”

4        L-Artikolu 157 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt tal-assigurazzjoni għandu jkun suġġett esklużivament għat-taxxi indiretti u l-imposti parafiskali fuq premiums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun jinstab ir-riskju jew fl-Istat Membru tal-impenn.

[…]

3.      Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali tiegħu għal dawk l-impriżi tal-assigurazzjoni li jkopru riskji jew impenji li jinstabu fit-territorju tiegħu għal miżuri sabiex jiġi żgurat il-ġbir ta’ taxxi indiretti u piżijiet parafiskali dovuti taħt il-paragrafu 1.”

5        Skont l-Artikolu 310 tal-imsemmija direttiva, it-Tieni Direttiva tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xort’ oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 198), tħassret b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2016 u r-riferimenti għal din l-aħħar direttiva għandhom jinftiehmu bħala li qegħdin isiru għad-Direttiva 2009/138 u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni li tinsab fl-Anness VII ta’ din tal-aħħar. Skont din it-tabella, l-Artikolu 13(13) tad-Direttiva 2009/138 jikkorrispondi għall-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357.

 Id-Direttiva 88/357

6        L-Artikolu 2 tad-Direttiva 88/357 kien jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

(d)      ‘Stat Membru fejn ikun jinstab ir-riskju’ jfisser:

–        l-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà, meta l-assigurazzjoni tirrelata jew għal bini inkella għal bini u l-kontenut tagħhom, sa fejn il-kontenut ikun kopert mill-istess polza ta’ l-assigurazzjoni,

–        l-Istat Membru tar- reġistrazzjoni, meta l-assigurazzjoni tirrelata għal vetturi ta’ kull tip,

–        l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkun ħareġ il-polza fil-każ ta’ poloz ta’ erba’ xhur jew anqas li jkopru riskji ta’ l-ivvjaġġar jew ta’ vaganza, tkun xi tkun il-klassi kkonċernata,

–        l-Istat Membru fejn it-titolari tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu, jew jekk it-titolari tal-polza jkun persuna ġuridika, l-Istat Membru fejn l-istabbiliment ta’ dan ta’ l-aħħar, li jkun jirrelata għalih il-kuntratt, ikun jinstab, fil-każijiet kollha li mhumiex espliċitament koperti bl-inċiżi ta’ qabel;

[…]”

 Id-dritt Finlandiż

7        Skont l-Artikolu 1(1) tal-laki eräistä vakuutusmaksuista suoritettavasta verosta (664/1966) (il-Liġi (664/1966) dwar it-Taxxa li Tapplika għal Ċerti Primjums tal-Assigurazzjoni), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali, meta proprjetà li tinsab fil-Finlandja, interess relatat ma’ attività eżerċitata fil-Finlandja, jew interess ieħor li jinsab fil-Finlandja jiġu assigurati, għandha titħallas lill-Istat taxxa fuq il-primjum tal-assigurazzjoni miġbura bis-saħħa tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija liġi.

8        Skont l-Artikolu 6(1) tal-laki ulkomaisista vakuutusyhtiöistä (398/1995) (il-Liġi (398/1995) dwar il-Kumpanniji ta’ Assigurazzjoni Barranin), “riskju li jinsab fil-Finlandja” jfisser:

“1)      Proprjetà li tinsab fil-Finlandja, jekk l-assigurazzjoni tkun relatata ma’ proprjetà immobbli, bini jew bini u l-għamara li dan ikun fih jekk l-għamara tkun assigurata bl-istess assigurazzjoni bħal dik tal-bini;

2)      Vettura rreġistrata fil-Finlandja meta s-suġġett tal-assigurazzjoni huwa l-vettura; jew

3)      Riskju marbut ma’ vjaġġ jew ma’ vaganza jekk il-kuntratt ta’ assigurazzjoni relatat ikun konkluż għal tul massimu ta’ erba’ xhur u jekk id-detentur tal-polza jkun ikkonkluda l-kuntratt fil-Finlandja.”

9        Skont l-Artikolu 6(2) ta’ din il-liġi, fil-każijiet differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1), ir-riskju għandu jitqies li jinsab fil-Finlandja jekk id-detentur tal-polza jkollu r-residenza abitwali tiegħu fil-Finlandja jew jekk dan ikun persuna ġuridika li għandha stabbiliment fil-Finlandja li miegħu hija relatata l-assigurazzjoni.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      A Ltd hija fornitur ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni stabbilita fir-Renju Unit li topera fil-Finlandja permezz ta’ liċenzja ta’ aċċess għas-suq ta’ dan l-aħħar Stat Membru. Din il-kumpannija ma għandhiex stabbiliment stabbli separat fil-Finlandja.

11      Fost affarijiet oħra, A Ltd toffri lill-klijenti tagħha prodotti ta’ assigurazzjoni marbuta mal-akkwisti ta’ impriżi. Il-prodotti prinċipali ta’ assigurazzjoni li hija toffri f’dan il-kuntest huma assigurazzjonijiet imsejħa “warranty & indemnity” (iktar ’il quddiem l-assigurazzjoni “garanzija u kumpens”) li d-detentur tagħhom ikun il-bejjiegħ jew ix-xerrej, u assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili relatata mar-responsabbiltà marbuta mas-sitwazzjoni fiskali tal-impriża ttrasferita (iktar ’il quddiem l-“assigurazzjoni għar-responsabilità fiskali”). L-għan ta’ dawn l-assigurazzjonijiet huwa li jkopru r-responsabbiltà tad-detentur tal-polza jew li jikkumpensawh għal dannu finanzjarju.

12      L-assigurazzjonijiet “garanzija u kumpens” maħruġa mill-bejjiegħ jew mix-xerrej għandhom l-għan li jkopru, permezz tal-kumpannija ta’ assigurazzjoni, konformement mat-termini tal-kuntratt, id-dannu subit mix-xerrej minħabba ksur tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-bejjiegħ fl-att ta’ bejgħ. L-assigurazzjoni għar-responsabbiltà fiskali topera skont prinċipju simili, iżda din hija intiża sabiex tkopri l-impenn mogħti mill-bejjiegħ fl-att ta’ bejgħ li skontu l-kumpannija li hija s-suġġett tal-bejgħ (iktar ’il quddiem il-“kumpannija mmirata”) ma tkunx suġġetta għat-taxxa għall-perijodu li matulu hija kienet il-proprjetà tal-bejjiegħ.

13      L-assigurazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq jirrigwardaw ir-riskju kuntrattwali marbut mal-valur tal-azzjonijiet u mal-prezz ġust tax-xiri imħallas mix-xerrej.

14      A Ltd ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali sabiex tikseb deċiżjoni fiskali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat tal-ġbir tat-taxxi fuq il-primjums tal-assigurazzjoni, meta, bejn id-detentur tal-polza u il-kumpannija mmirata li tkun ser tiġi akkwistata, wieħed minnhom ikun persuna ġuridika barranija u l-ieħor ikun kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża.

15      Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, A Ltd indikat, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li l-assigurazzjoni “garanzija u kumpens” maħruġa mill-bejjiegħ tkopri, fost oħrajn, sa ammont massimu miftiehem, l-ispejjeż proċedurali u d-danni marbuta ma’ ksur, mill-bejjiegħ, tad-dikjarazzjonijiet li huwa għamel fl-att ta’ bejgħ. F’dawn is-sitwazzjonijiet, il-bejjiegħ huwa responsabbli fir-rigward tax-xerrej u huwa obbligat jikkumpensah, filwaqt li l-assigurazzjoni sussegwentement tikkumpensa lill-bejjiegħ għall-ispejjeż u għall-kumpens imħallsa lix-xerrej minħabba r-responsabbiltà inkorsa.

16      Fir-rigward tal-assigurazzjoni “garanzija u kumpens”, li d-detentur tagħha huwa x-xerrej, A Ltd spjegat li din l-assigurazzjoni hija intiża sabiex tikkumpensah direttament għad-dannu materjali kkawżat minn ksur, mill-bejjiegħ, tad-dikjarazzjonijiet tiegħu. L-assigurazzjoni tkopri wkoll l-ispejjeż proċedurali inkorsi mix-xerrej minħabba talba għad-danni mressqa minn terz li fl-istess ħin għandha bħala konsegwenza ksur, mill-bejjiegħ, tad-dikjarazzjonijiet tiegħu.

17      Fir-rigward tal-assigurazzjoni għar-responsabbiltà fiskali, A Ltd indikat li din tfittex li tipproteġi jew lill-bejjiegħ, jew inkella lix-xerrej kontra r-responsabbiltà inkorsa mill-kumpannija mmirata qabel it-tranżazzjoni ta’ akkwist. Għall-bqija, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà fiskali taħdem bl-istess mod bħaż-żewġ tipi ta’ assigurazzjoni “garanzija u kumpens”.

18      L-assigurazzjonijiet li għandhom rabta mal-Finlandja, proposti minn A Ltd, jipprevedu tliet għażliet għad-detentur tal-polza u għall-kumpannija mmirata. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-detentur tal-polza, li jista’ jkun jew il-bejjiegħ, jew ix-xerrej, ikun kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża, u l-kumpannija mmirata wkoll tkun persuna ġuridika Finlandiża. Madankollu, huwa wkoll possibbli li d-detentur tal-polza jkun kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża u li l-kumpannija mmirata tkun persuna ġuridika barranija, jew li d-detentur tal-polza jkun persuna ġuridika barranija u li l-kumpannija mmirata tkun kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża.

19      B’deċiżjoni tal‑4 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni Fiskali Ċentrali, fid-deċiżjoni fiskali tagħha għall-perijodu mill‑4 ta’ Novembru 2016 sal‑31 ta’ Diċembru 2017, iddeċidiet li, jekk A Ltd toffri assigurazzjonijiet lil kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża u l-kumpannija mmirata tkun persuna ġuridika barranija, il-primjums tal-assigurazzjoni ma għandhomx ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni fil-Finlandja.

20      Din l-awtorità qieset ukoll li, jekk A Ltd toffri assigurazzjonijiet lil persuna ġuridika barranija u l-kumpannija mmirata tkun kumpannija b’responsabbiltà limitata Finlandiża, il-primjums tal-assigurazzjoni għandhom ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni fil-Finlandja.

21      Fir-rikors tagħha quddiem il-qorti tar-rinviju, il-Korkein hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), kontra din id-deċiżjoni fiskali, A Ltd issostni li l-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju għandu jiġi ddeterminat skont dak li fih huwa stabbilit id-detentur tal-polza.

22      Quddiem din l-istess qorti, il-Veronsaajien oikeudenvalvontayksikkö (is-Servizz għad-Difiża tad-Drittijiet tad-Destinatarji tad-Dħul Fiskali, il-Finlandja) intervjena sabiex isostni l-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni Fiskali Ċentrali fid-deċiżjoni tagħha. Dan is-servizz isostni, b’riferiment għas-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner (C‑191/99, EU:C:2001:332), li r-riskju jinsab fil-livell tal-grupp li għalih tappartjeni l-kumpannija mmirata barranija u li l-post li fih ikun jinsab dan ir-riskju għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ rabta. Il-post ta’ stabbiliment tal-kumpannija mmirata għalhekk huwa fattur ta’ konnessjoni konkret li jippermetti li jiġi ddeterminat il-post li fih ikun jinsab ir-riskju.

23      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fl-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(1) tad-Direttiva 2009/138/KE, moqri flimkien mal-punti 13 u 14 tal-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, l-Istat Membru li għandu d-dritt li jiġbor it-taxxa fuq il-primjums tal-assigurazzjoni huwa l-Istat li fih hija stabbilita l-kumpannija (persuna ġuridika) li tkun iffirmat il-polza ta’ assigurazzjoni, jew l-Istat li fih hija stabbilita il-kumpannija li hija s-suġġett tal-akkwist tal-impriża, meta kumpannija ta’ assigurazzjoni li għandha s-sede tagħha fil-Gran Brittanja, mhux stabbilita fil-Finlandja, toffri assigurazzjoni li tkopri riskji relatati ma’ akkwist ta’ impriża

–        lil kumpannija mhux stabbilita fil-Finlandja, li, fil-kuntest tal-akkwist ta’ impriża, taġixxi inkwantu xerrej, fejn il-kumpannija immirata ta’ dan l-akkwist hija stabbilita fil-Finlandja,

–        lil kumpannija stabbilita fil-Finlandja, li, fil-kuntest tal-akkwist ta’ impriża, taġixxi inkwantu xerrej, fejn il-kumpannija immirata ta’ dan l-akkwist ma hijiex stabbilita fil-Finlandja,

–        lil kumpannija mhux stabbilita fil-Finlandja, li, fil-kuntest tal-akkwist ta’ impriża, taġixxi inkwantu bejjiegħ, fejn il-kumpannija immirata ta’ dan l-akkwist hija stabbilita fil-Finlandja,

–        lil kumpannija stabbilita fil-Finlandja, li, fil-kuntest tal-akkwist ta’ impriża, taġixxi inkwantu bejjiegħ, fejn il-kumpannija immirata ta’ dan l-akkwist ma hijiex stabbilita fil-Finlandja?

2)      Il-fatt li l-assigurazzjoni tkopri biss l-obbligi fiskali tal-kumpannija li rriżultaw qabel it-twettiq tal-akkwist ta’ impriża huwa rilevanti f’dan il-każ?

3)      Il-kwistjoni dwar jekk l-akkwist ta’ impriża jikkonċernax azzjonijiet jew fergħa minn attività tal-kumpannija immirata hija rilevanti f’dan il-każ?

4)      Fil-każ li fih l-akkwist ta’ impriża jikkonċerna azzjonijiet tal-kumpannija immirata, il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet magħmula mill-bejjiegħ lix-xerrej jikkonċernawx unikament il-fatt li l-bejjiegħ huwa proprjetarju tal-azzjonijiet mibjugħa u li dawn ma humiex is-suġġett ta’ talbiet minn terzi hija rilevanti f’dan il-każ?”

 Fuq id-domandi preliminari

24      Permezz tal-erba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, meta kumpannija ta’ assigurazzjoni stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru toffri assigurazzjoni li tkopri r-riskji kuntrattwali marbuta mal-valur tal-azzjonijiet u mal-prezz ġust tax-xiri mħallas mix-xerrej meta dan jakkwista impriża, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(1) tad-Direttiva 2009/138, moqri flimkien mal-Artikolu 13(13) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż f’dan il-kuntest għandu jkun esklużivament suġġett għat-taxxi indiretti u għall-imposti parafiskali fuq il-primjums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tal-polza, jew fl-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-kumpannija mmirata.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(1) tad-Direttiva 2009/138 jirriżulta li, bla ħsara għal kwalunkwe armonizzazzjoni sussegwenti, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għandu jkun esklużivament suġġett għat-taxxi indiretti u għall-imposti parafiskali fuq il-primjums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju.

26      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, skont l-Artikolu 13(13)(d)(ii) tad-Direttiva 2009/138, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “Stat Membru li fih jkun jinstab ir-riskju” ifisser, jekk id-detentur ikun persuna ġuridika, l-Istat Membru li fih l-istabbiliment tad-detentur, li għalih jirrelata l-kuntratt, ikun jinsab.

27      Għalhekk, meta d-detentur tal-polza jkun, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna ġuridika, għandu jiġi ddeterminat, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, l-Istat Membru li fih ikun jinsab l-istabbiliment tad-detentur li għalih jirrelataw il-kuntratti ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 13(13)(d)(ii) tad-Direttiva 2009/138.

28      Għal dan l-għan, sa fejn l-Artikolu 13(13) tad-Direttiva 2009/138 jikkorrispondi, skont it-tabella li tinsab fl-Anness VII tagħha, għall-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357, hemm lok li jsir riferiment għall-portata tal-aħħar inċiż tal-Artikolu 2(d) ta’ din tal-aħħar, li hija identika għal dik tal-Artikolu 13(13)(d)(ii) tad-Direttiva 2009/138, u għall-ġurisprudenza relatata tal-Qorti tal-Ġustizzja.

29      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, minn naħa, li mill-ewwel sar-raba’ inċiż tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 88/357 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jipproponi, għat-tipi kollha ta’ riskji assigurati, soluzzjoni li tippermetti li jiġi ddeterminat l-Istat li fih ikun jinsab ir-riskju fuq il-bażi ta’ kriterji ta’ natura konkreta u fiżika iktar milli fuq kriterji ta’ natura ġuridika. L-għan imfittex kien li għandu jkun hemm element konkret li jikkorrispondi għal kull riskju, li jippermetti li dan jiġi llokalizzat fi Stat Membru speċifiku (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 44).

30      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għan tal-aħħar inċiż tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva kien, b’mod partikolari, li jistabbilixxi regola supplimentari għad-determinazzjoni tal-post li fih ikun jinsab riskju operattiv, meta dan ir-riskju ma jkunx marbut speċifikament ma’ bini, ma’ vettura jew ma’ vjaġġ. Għal dan l-għan, l-enfasi hija fuq il-post li fih hija eżerċitata l-attività li r-riskju tagħha huwa kopert mill-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2001, Kvaerner, C‑191/99, EU:C:2001:332, punt 46).

31      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju, fis-sens tal-Artikolu 157(1) tad-Direttiva 2009/138, għandha tiġi identifikata, b’mod partikolari, l-attività preċiża li r-riskji tagħha huma koperti mid-diversi kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

32      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-kawża prinċipali tirrigwarda diversi tipi ta’ kuntratt, li jkopru tipi differenti ta’ riskji.

33      L-ewwel nett, l-għan tal-assigurazzjoni “garanzija u kumpens”, maħruġa jew mix-xerrej, jew inkella mill-bejjiegħ, tal-kumpannija mmirata, huwa li l-kumpannija ta’ assigurazzjoni tkopri d-dannu subit mix-xerrej minħabba ksur tad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-bejjiegħ fl-att ta’ bejgħ.

34      It-tieni nett, l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà fiskali hija intiża sabiex tkopri r-riskju marbut mal-impenn meħud mill-bejjiegħ tal-kumpannija mmirata fir-rigward tas-sitwazzjoni fiskali ta’ din tal-aħħar fil-mument tal-bejgħ għall-perijodu ta’ qabel it-trasferiment tal-proprjetà tagħha favur ix-xerrej u b’hekk tipproteġi jew lill-bejjiegħ, jew inkella lix-xerrej, kontra r-responsabbiltà possibbilment inkorsa mill-kumpannija mmirata qabel l-akkwist tagħha.

35      Fid-dawl tal-għanijiet ta’ protezzjoni indikati fiż-żewġ punti preċedenti, il-kuntratti ta’ assigurazzjoni huma intiżi, f’kull waħda minn dawn l-ipoteżi, esklużivament sabiex jipproteġu lid-detentur tal-polza, kemm jekk dan jaġixxi bħala xerrej kif ukoll jekk dan jaġixxi bħala bejjiegħ tal-kumpannija mmirata, kontra r-riskju marbut mal-ksur, mill-bejjiegħ, tad-dikjarazzjonijiet magħmula u tal-impenji meħuda minn dan tal-aħħar fl-att ta’ bejgħ.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirriżulta espressament mid-deċiżjoni tar-rinviju, it-tliet tipi ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw l-assigurazzjoni tar-riskju kuntrattwali marbut mal-valur tal-azzjonijiet u mal-prezz ġust tax-xiri mħallas mix-xerrej. L-assigurazzjoni tkopri biss it-tnaqqis fil-valur tal-azzjonijiet li jkun ikkawżat minn fatti li kienu s-suġġett ta’ dikjarazzjonijiet differenti mill-bejjiegħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ bejgħ.

37      Fil-fatt, la l-kuntratti ta’ assigurazzjoni “garanzija u kumpens” u lanqas l-assigurazzjoni għar-responsabbiltà fiskali ma huma intiżi sabiex ikopru r-riskji ta’ dannu jew ta’ telf finanzjarju possibbli marbut mal-operat tal-kumpannija mmirata jew mal-funzjonament tajjeb tagħha.

38      F’dan ir-rigward, id-determinazzjoni, b’mod awtomatiku, kif propost mill-Gvern Finlandiż, tal-post li fih hija eżerċitata l-attività li r-riskju tagħha huwa kopert mill-kuntratt ta’ assigurazzjoni abbażi tal-post li fih il-kumpannija mmirata hija stabbilita tmur kontra l-formulazzjoni tal-Artikolu 13(13)(d)(ii) tad-Direttiva 2009/138, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi b’mod ċar li, sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru li fih ikun jinsab ir-riskju, il-post ta’ stabbiliment tat-“titolari” biss huwa rilevanti.

39      Issa, fl-ipoteżi li x-xerrej ta’ impriża jkun, bħala detentur, iffirma l-kuntratt ta’ assigurazzjoni, din l-impriża tista’ titqies bħala “l-istabbiliment tat-titolari tal-polza” biss minn meta t-trasferiment tal-proprjetà tagħha favurih ikun ħa effett.

40      Dan jgħodd ukoll għall-każ oppost, ikkaratterizzat mill-fatt li l-bejjiegħ tal-impriża jkun iffirma l-kuntratt ta’ assigurazzjoni. F’din l-ipoteżi, din l-impriża tista’ titqies bħala “l-istabbiliment tat-titolari tal-polza” biss sa din l-istess data.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies, minn naħa, li l-post li fih hija eżerċitata l-attività li r-riskju tagħha huwa kopert mill-kuntratti ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa l-post ta’ stabbiliment tad-detentur tal-polza li jaġixxi, skont il-portata tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni, jew bħala bejjiegħ jew inkella bħala xerrej, u mhux dak tal-kumpannija mmirata.

42      Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li ċ-ċirkustanzi msemmija fit-tieni sar-raba’ domandi ma għandhom l-ebda effett f’dan il-każ.

43      Għaldaqstant, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(1) tad-Direttiva 2009/138, moqri flimkien mal-Artikolu 13(13) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kumpannija ta’ assigurazzjoni stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru toffri assigurazzjoni li tkopri r-riskji kuntrattwali marbuta mal-valur tal-azzjonijiet u mal-prezz ġust tax-xiri mħallas mix-xerrej meta dan jakkwista impriża, kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż f’dan il-kuntest għandu jkun esklużivament suġġett għat-taxxi indiretti u għall-imposti parafiskali fuq il-primjums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tal-polza.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 157(1) tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II), kif emendata bid-Direttiva 2013/58/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal11 ta’ Diċembru 2013, moqri flimkien mal-Artikolu 13(13) tal-imsemmija Direttiva 2009/138, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta kumpannija ta’ assigurazzjoni stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru toffri assigurazzjoni li tkopri r-riskji kuntrattwali marbuta mal-valur tal-azzjonijiet u mal-prezz ġust tax-xiri mħallas mix-xerrej meta dan jakkwista impriża, kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż f’dan il-kuntest għandu jkun esklużivament suġġett għat-taxxi indiretti u għall-imposti parafiskali fuq il-primjums tal-assigurazzjoni fl-Istat Membru li fih ikun stabbilit id-detentur tal-polza.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.