Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Ottubru 2008 - Clarke, Papathanasiou u Periañez-González vs UASI

(Kawża F-82/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Nicole Clarke (Alicante, Spanja), Elisavet Papathanasiou (Alicante, Spanja) u Mercedes Periañez-González (Brussell, il-Belgju) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni)

Suġġett tal-kawża

Minn naħa, l-annullament tal-klawżola fil-kuntratti tar-rikorrenti, peress li tipprovdi x-xoljiment awtomatiku tal-kuntratti fil-każ li r-rikorrenti ma jkunux inklużi fuq lista ta' riżerva tal-ewwel kompetizzjoni ġenerali għal-funzjonijiet tagħhom. Min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni li l-kompetizzjonijiet ġenerali OHIM/AD/02/07 u OHIM/AST/02/07 m'għandhom ebda effett fuq il-kuntratti tar-rikorrenti, jew l-annullament ta' dawn il-kompetizzjonijiet. Barra minn hekk, talba għal kumpens għal danni.

Talbiet tar-rikorrenti

Ir-rikorrenti jitolbu,

l-annullament tal-klawżola tal-Artikolu 5 tal-kuntratti ta' xogħol rispettivi tar-rikorrenti;

id-dikjarazzjoni li l-avviżi tal-kompetizzjonijiet OHIM/AD/02/07 u OHIM/AST/02/07, li ġew ippubblikati fit-12 ta' Diċembru 2007 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE C300A, m'għandhomx effett fuq ir-rapporti ta' xogħol tar-rikorrenti;

sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjonijiet impliċiti tal-UASI, skont it-tielet u r-raba' sentenza tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, tat-12 ta' Lulju 2008 (fir-rigward tal-ewwel, it-tieni u t-tielet rikorrenti) kif ukoll tat-18 ta' Lulju 2008 (fir-rigward tat-tieni rikorrenti);

sussidjarjament, l-annullament tad-deċiżjonijiet ta' ċaħda tal-UASI tas-7 ta' Marzu 2008, li jikkonċernaw lir-rikorrenti, innotifikati fl-10 ta' Marzu 2008, sabiex tingħata risposta għat-talbiet tar-rikorrenti skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal,

safejn dawn id-deċiżjonijiet ma jipprovdux:

konferma tal-emenda tal-kuntratti ta' xogħol indefiniti tar-rikorrenti fis-sens li titneħħa l-klawżola tal-Artikolu 5 tal-kuntratti dwar in-neċessità li ssir kompetizzjoni esterna, fl-intier tagħha, jew sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel frażi tagħha;

dikjarazzjoni dwar il-kontinwità tal-kuntratti indefiniti tar-rikorrenti;

dikjarazzjoni li mhemmx bżonn li r-rikorrenti jkunu kandidati ta' kompetizzjoni pubblika sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jaħdmu mal-UASI bħala membri tal-persunal temporanju b'kuntratt indefinit;

kif ukoll sussidjarjament

id-dikjarazzjoni li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-kompetizzjonijiet ippubblikati fit-12 ta' Diċembru 2007 bin-numru OHIM/AD/02/07 u OHIM/AST/02/07 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE C300A mhijiex neċessarja għall-impjieg mal-UASI bħala membri tal-persunal temporanju b'kuntratt indefinit;

l-annullament tal-ittra tad-Dipartiment tal-Persunal tal-UASI tad-19 ta' Diċembru 2007, li fiha l-UASI jistabbilixxi rabta bejn il-kompetizzjonijiet ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE C300A, tat-12 ta' Diċembru 2007, u l-klawżola tal-Artikolu 5 tal-kuntratti ta' xogħol tar-rikorrenti,

sussidjarjament, l-annullament tal-kompetizzjonijiet ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali C300A, tat-12 ta' Diċembru 2007, peress li jippreġudikaw lir-rikorrenti;

li l-UASI jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti kumpens għal dannu minħabba preġudizzju għal danni immaterjali u morali subiti; liema ammont għandu jiġi stabbilit b'mod xieraq mill-Qorti tal-Prim'Istanza, skont it-talbiet tar-rikorrenti;

li l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade Marks u Disinni) jiġi kkundannat għall-ispejjeż.

____________