Language of document : ECLI:EU:F:2011:168

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

29 taʼ Settembru 2011

Kawża F‑93/05

Harald Mische

vs

Il‑Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku — Ħatra — Reklutaġġ u trasferiment simultanju lejn istituzzjoni oħra — Klassifikazzjoni fi grad skont regoli ġodda inqas favorevoli — Ammissibbiltà tar-rikors — Interess li titressaq kawża — Tardività”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu H. Mische jitlob, qabelxejn, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament, tal-4 ta’ Ottubru 2004, li tistabbilixxi l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad A*6, skala 1, sussegwentement, l-istabbiliment mill-ġdid tad-drittijiet kollha tiegħu li jirriżultaw minn klassifikazzjoni regolari u, finalment, l-għoti ta’ kumpens għad-danni.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha. Il‑Kunsill, intervenjent, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Rikors għal annullament dirett kontra deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni — Reklutaġġ ta’ uffiċjal u trasferiment simultanju — Imputabbiltà tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1)(b), 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv imressaq minn qabel — Data tal-preżentata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

3.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv imressaq minn qabel — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(2))

1.      Is-suġġett tar-rikors għandu jkun jeżisti fl-istadju tal-preżentata ta’ dan tal-aħħar, sabiex ma jiġix iddikjarat inammissibbli, u għandu jissokta sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja, sabiex ma jiġix iddikjarat li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, u dan jippreżumi li l-kawża tkun tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentata. Dawn il-kundizzjonijiet ma humiex sodisfatti fil-każ ta’ rikors għal annullament dirett kontra d-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni taʼ uffiċjal, mill-Parlament, meta jkun jidher li din il-klassifikazzjoni ġiet stabbilita fid-deċiżjoni tal-Parlament li l-persuna kkonċernata għandha tiġi rreklutata u simultanjament ittrasferita lejn il-Kummissjoni, li dan ir-reklutaġġ twettaq biss fuq talba espressa tal-Kummissjoni, bl-għan ewlieni li timtela’, skont l-Artikolu 29(1)(b) tar-Regolamenti tal-Persunal, pożizzjoni vakanti fi ħdan id-dipartimenti tagħha, li l-Kummissjoni, addizzjonalment, assumiet rwol attiv fid-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni fi grad u fi skala u fl-istabbiliment tad-data effettiva tar-reklutaġġ, u li din tal-aħħar, barra minn hekk, ippreċiżat sussegwentement, fid-deċiżjoni tagħha ta’ assenjazzjoni, il-klassifikazzjoni fi grad tal-impjieg li fih il-persuna kkonċernata ġiet ittrasferita u emendat il-klassifikazzjoni fi skala ta’ din tal-aħħar. F’dawn il-kundizzjonijiet, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ssostitwixxiet, fir-rigward ta’ dawn il-punti, dik tal-Parlament mingħajr ma qatt ġiet, minn dan il-lat, eżegwita, peress li ż-żewġ deċiżjonijiet daħlu fis-seħħ fl-istess ġurnata u peress li l-persuna kkonċernata ma ħadmitx għall-Parlament. Barra minn hekk, l-uffiċjal ikkonċernat ma setax jiġi ttrasferit lejn il-Kummissjoni li kieku l-Parlament ma kklassifikahx fl-istess grad bħal dak iddeterminat minn din tal-aħħar.

Minn dan jirriżulta li, fir-rigward, minn tal-inqas tal-klassifikazzjoni tal-imsemmi uffiċjal fi grad u fi skala, id-deċiżjoni tal-Parlament hija formalment imputabbli lilu biss, peress li, fir-realtà, din il-klassifikazzjoni ġiet iddeterminata mill-Kummissjoni.

(ara l-punti 23 sa 25 u 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 taʼ April 2008, Flaherty et vs Il‑Kummissjoni, C‑373/06 P, C‑379/06 P u C‑382/06 P, punt 25

2.      Fir-rigward tad-determinazzjoni tad-data tal-preżentazzjoni taʼ lment amministrattiv imressaq minn qabel, l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ilment jitressaq mhux meta jintbagħat lill-istituzzjoni iżda meta dan jasal għandha. Fir-rigward tad-data tal-iskadenza tat-terminu ta’ tliet xhur, it-terminu previst fl-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jiskadi fi tmiem il-jum li, fit-tielet xahar, ikollu l-istess ċifra bħal dak tal-jum tal-avveniment jew tal-att li jkun ta bidu għad-dekorrenza tat-terminu.

(ara l-punt 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 taʼ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, punti 8 u 13; 15 taʼ Jannar 1987, Misset vs Il‑Kunsill, 152/85, punti 8 u 9

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 taʼ Diċembru 2007, Van Neyghem vs Il‑Kummissjoni, F‑73/06, punti 43 u 45

3.      It-terminu ta’ tliet xhur li, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, normalment jiddekorri mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni lid-destinatarju u fi kwalunkwe każ l-iktar tard mill-jum li fih il-persuna kkonċernata tkun kisbet konjizzjoni tagħha għandu jiġi interpretat fis-sens li dan it-terminu jiddekorri mill-jum li fih l-uffiċjal ikun kiseb konjizzjoni tal-motivazzjoni u tal-kontenut tad-dispożittiv tad-deċiżjoni, anki jekk dan iseħħ permezz ta’ istituzzjoni li ma tkunx l-awtriċi tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 30)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali: 3 taʼ Ġunju 1997, H vs Il‑Kummissjoni, T‑196/95, punt 31