Language of document :

Rikors ippreżentat fit-18 ta' Ġunju 2012 - Suwaid vs Il-Kunsill

(Kawża T-268/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Joseph Suwaid (Damascus, is-Sirja) (rappreżentanti: L. Defalque u T. Bontinck, avukati)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-paragrafu 7 tat-Taqsima A, tal-Anness I tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/172/PESK, tat-23 ta' Marzu 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 87, p. 103);

tannulla l-paragrafu 7 tat-Taqsima A, tal-Anness I tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 266/2012, tat-23 ta' Marzu 2012, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 87, p. 45);

fin-nuqqas ta' dan, tiddikjara d-deċiżjoni u r-regolament kkontestati bħala mhux applikabbli għar-rikorrent u tordna t-tneħħija ta' ismu u l-informazzjoni personali tiegħu minn fuq il-lista ta' persuni suġġetti għal sanzjonijiet tal-UE;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha u b'mod partikolari għall-ispejjeż, il-miżati u l-ħlasijiet kollha li saru f'din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq

allegazzjoni ta' ksur tad-drittijiet fundamentali u garanziji proċedurali u ksur tal-Artikolu 21(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK u tal-Artikolu 32(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 36/2012 peress li l-miżuri kkontestati ma ġewx innotifikati lir-rikorrent li lanqas ma ngħata prova jew indikazzjonijiet serji biex tiġi ġġustifikata l-inklużjoni tiegħu fil-lista ta' persuni suġġetti għal sanzjonijiet;

It-tieni motiv ibbażat fuq

allegazzjoni ta' żball manifest ta' evalwazzjoni peress li r-rikorrent ma kienx involut fil-linja politika tar-reġim tas-Sirja;

It-tielet motiv ibbażat fuq

allegazzjoni ta' ksur tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta' smigħ xieraq, u l-prinċipju ta' protezzjoni ġudizzjarja effettiva, safejn il-Kunsill ma rrispondiex għat-talba tar-rikorrent, u għalhekk ma spjegax għaliex isem ir-rikorrent ġie inkluż fil-listi ta' sanzjonijiet, la pproduċa provi li jiġġustifikaw l-inklużjoni tiegħu fil-listi, u lanqas offrielu l-opportunità li jinstema' oralment, qabel u wara ma ġew adottati l-miżuri restrittivi kkontestati;

It-tielet motiv ibbażat fuq

allegazzjoni ta' ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, safejn il-Kunsill sempliċiment uża kliem affermattiv u vag fid-deċiżjoni u r-regolament kkontestati, mingħajr ma pprovda ġustifikazzjoni ddettaljata, meta adotta l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent;

It-tielet motiv ibbażat fuq

allegazzjoni li l-Kunsill wettaq żball meta deliberatament naqas milli jsemmi fl-atti kkontestati, id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali mogħtija skont id-dritt tal-UE fl-Unjoni Ewropea. F'dan ir-rigward ir-rikorrent isostni ulterjorment li l-Kunsill adottata l-atti kkontestati abbażi tal-Artikolu 215 TFUE, li ma jipprovdi għal ebda "salvagwardji demokratiċi".

____________