Language of document : ECLI:EU:T:2021:254

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Mejju 2021 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Membri tal-persunal bil-kuntratt – Remunerazzjoni – Persunal tas-SEAE assenjat f’pajjiż terz – Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Evalwazzjoni annwali tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien – Deċiżjoni dwar it-tnaqqis tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien għall-persunal assenjat fl-Etjopja minn 30 għal 25 % – Koerenza reġjonali – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑119/17 RENV,

Ruben Alba Aguilera, residenti f’Addis Ababa (l-Etjopja), u l-partijiet rikorrenti l-oħra li l-ismijiet tagħhom jinsabu fl-anness(1), irrappreżentati minn S. Orlandi, avukat,

rikorrenti,

vs

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt u R. Spáč, bħala aġenti, assistiti minn M. Troncoso Ferrer, C. García Fernández u F.-M. Hislaire, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni ADMIN (2016) 7 tas-SEAE tad‑19 ta’ April 2016 dwar l-istabbiliment tal-AKGĦ imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Proċedura 2016, sa fejn tnaqqas, mill‑1 ta’ Jannar 2016, l-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien imħallas lill-persunal tal-Unjoni Ewropea assenjat fl-Etjopja,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President, P. Nihoul u J. Martín y Pérez de Nanclares (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑11 ta’ Novembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolamenti tal-Persunal

1        Ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jispeċifikaw fl-Artikolu 1b(a) tagħhom li, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fir-Regolamenti tal-Persunal, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu, għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, jitqies bħala istituzzjoni tal-Unjoni.

2        L-Artikolu 101a tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi l-uniku artikolu tat-Titolu VIII b tagħhom. Dan l-artikolu jipprevedi li “[m]ingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet l-oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Annes X iniżżel id-disposizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali li jservi f’pajjiż terz”.

3        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 101 tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula li “[i]d-dispożizzjonijiet ġenerali li jimplimentaw […] ir-Regolamenti tal-Persunal għandhom jiġu adottati mill-awtorità tal-ħatra ta’ kull istituzzjoni wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal u mal-Kumitat dwar ir-Regolamenti tal-Persunal.”

4        L-Artikolu 8 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali u eċċezzjonali applikabbli għall-uffiċjali li jservu f’pajjiż terz”, jipprevedi li “[b]’mod ta’ eċċezzjoni, l-awtorità tal-ħatra tista’, b’deċiżjoni speċjali rraġunata, tagħti lill-uffiċjal leave tamistrieħ minħabba l-kondizzjonijiet partikolarment diffiċli ta’ l-għajxien fuq il-post ta’ l-impieg tiegħu. Għal kull tali post, l-awtorità tal-ħatra tista’ tistabbilixxi l-pajjiż(i) fejn il-leavetal-mistrieħ jistgħu jittieħdu.”

5        L-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jispeċifika:

“1.      Għandha tiġi ffissata allowance għall-kondizzjonijiet tal-għajxien, skont il-post tax-xogħol tal-uffiċjal, bħala perċentwal ta’ ammont ta’ referenza. Dak l-ammont ta’ referenza għandu jkun magħmul mis-salarju bażiku totali, bl-addizzjoni tal-allowance tal-espatrijazzjoni, l-allowance tal-familja u l-allowance tat-tfal dipendenti, mingħajr it-tnaqqis obbligatorju msemmi fir-Regolamenti tal-Persunal jew fir-regolamenti adottati biex jimplimentawhom.

Meta uffiċjal ikun impjegat f’pajjiż li fih il-kondizzjonijiet tal-għajxien jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk normalment misjuba fl-Unjoni Ewopea, l-ebda allowance minn dawn ma għandha titħallas.

Fil-każ ta’ postijiet oħra ta’ impjieg [assenjazzjoni], l-allowance għall-kondizzjonijiet tal-għajxien għandha tkun stabbilita billi jitqiesu, inter alia, il-parametri li ġejjin:

–        l-ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet,

–        is-sigurtà,

–        il-klima,

–        il-livell ta’ iżolament

–        kondizzjonijiet tal-għajxien lokali oħra.

L-allowance għall-kondizzjoniet tal-għajxien stabbilita għal kull post tal-impjieg għandha tkun riveduta u, fejn xieraq, aġġustata kull sena mill-awtorità tal-ħatra wara li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal.

L-awtorità tal-ħatra tista’ tiddeċiedi li tagħti primjum supplimentari flimkien mal-allowance għall-kondizzjonijiet tal-għajxien f’każijiet fejn uffiċjali jkollhom iktar minn inkarigu wieħed f’post ta’ impjieg meqjus bħala diffiċli jew diffiċli ħafna […]

2.      Jekk il-kondizzjonijiet tal-għajxien fil-post tal-impjieg huma tali li jpoġġu l-uffiċjal taħt riskju personali, allowance addizzjonali temporanja għandha titħallas lilu b’deċiżjoni speċjali motivata mill-awtorità tal-ħatra […]

3.      Għandha ssir deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu mill-awtorità tal-ħatra.”

 Kondizzjonijiet tal-impjieg

6        Il-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), jippreċiżaw, fl-Artikolu 10(5) tagħhom, li t-Titolu VIIIb tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b’analoġija għall-membri persunal temporanju li jservu f’pajjiż terz.

7        L-Artikolu 118 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprevedi li l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu japplika b’analoġija għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jservu f’pajjiżi terzi, b’riżerva, f’ċerti ċirkustanzi, għall-Artikolu 21 tagħhom. Din id-dispożizzjoni tikkonċerna t-teħid ta’ responsabbiltà mill-istituzzjoni għal ċerti spejjeż marbuta mal-akkomodazzjoni tal-uffiċjali fil-postijiet ta’ assenjazzjoni.

 Deċiżjonijiet tas-SEAE

8        Id-Deċiżjoni HR DEC(2013) 013 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà tas‑17 ta’ Diċembru 2013 dwar l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u dwar l-allowance komplementari msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013”) tirrigwarda r-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg, b’mod partikolari, dan l-Artikolu 10, u tispeċifika li hija ġiet adottata wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal. Skont l-unika premessa tagħha, hija għandha l-għan li tistabbilixxi direttivi interni dwar b’mod partikolari l-allowance tal-kundizzjonijiet tal-għajxien (iktar ’il quddiem l-“AKGĦ”).

9        L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013 jistipula li “ l]-parametri previsti fl-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huma evalwati mill-[Awtorità tal-Ħatra] li tista’ tibbaża, fost l-oħrajn, fuq l-informazzjoni pprovduta minn sorsi internazzjonali, pubbliċi jew privati affidabbli, mill-Istati Membri, kif ukoll mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u s-servizzi tal-[i]stistituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10      Skont l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013:

“Wara l-opinjoni tal-Kumitati tal-Persunal tas-SEAE u tal-Kummissjoni, l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tiddetermina l-perċentwali tal-[AKGĦ] dwar il-postijiet ta’ assenjazzjoni differenti. Dawn il-perċentwali jinqasmu fi tmien kategoriji (0, 10, 15, 25, 20, 30, 35 u 40 %), skont il-parametri […]

Fil-każ ta’ assenjazzjoni f’pajjiż li fih il-kundizzjonijiet tal-għajxien jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk normalment misjuba fl-Unjoni Ewopea, l-ebda allowance ta’ din in-natura ma għandha titħallas.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013 jelenka b’mod ta’ eżempju l-parametri li jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għall-istabbiliment tal-AKGĦ, li jikkorrispondu għall-parametri indikati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-tielet sal-ħames paragrafi tiegħu, dan l-artikolu jipprevedi:

“Għal kull parametru l-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tistabbilixxi l-livell ta’ diffikultà f’numru ta’ punti. Din id-data tiġi ttrasposta f’tabella ta’ paragun, li tirriżulta f’kwotazzjoni finali, li min-naħa tagħha tirrifletti l-perċentwali attribwita għall-[AKGĦ].

Il-metodoloġija użata hija s-suġġett tal-Linji gwida adottati mis-SEAE bi ftehim mas-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-grupp tekniku [AKGĦ].

Il-grupp tekniku [AKGĦ] huwa grupp ad hoc ta’ natura konsultattiva li jinkludi membri tal-amministrazzjoni u rappreżentanti tal-persunal tas-SEAE, minn naħa, u tal-Kummissjoni, min-naħa l-oħra. Ir-rappreżentanti tal-persunal jinħatru mill-Kumitat tal-Persunal tal-istituzzjoni tagħhom. Il-grupp tekniku [AKGĦ] għandu jieħu deċiżjoni fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet fuq talba tal-[Awtorità tal-Ħatra]. Huwa għandu, b’mod partikolari, jiġi kkonsultat dwar id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(1) u (3).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013 jippreċiża li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal temporanju kif ukoll għall-membri tal-persunal bil-kuntratt.

13      Abbażi tad-Deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013, b’mod partikolari tal-Artikoli 2 u 7 tagħha, kif ukoll abbażi tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-Artikoli 8 u 10 tiegħu, u wara konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal tas-SEAE u mal-Kumitat tal-Persunal tal-Kummissjoni, ġiet adottata d-Deċiżjoni EEAS DEC(2014) 049 tad-Direttur Ġenerali Amministrattiv ad interim tas-SEAE tat‑3 ta’ Diċembru 2014 dwar il-Linji Gwida li Jistabbilixxu l-Metodoloġija Sabiex Jiġu Stabbiliti, b’mod partikolari, l-AKGĦ (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida”).

14      L-Artikolu 1(1) tal-Linji gwida jelenka l-parametri li jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-istabbiliment tal-AKGĦ, li jikkorrispondu għall-parametri indikati fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. L-Artikolu 1(2) u (3) tal-Linji gwida jipprevedi:

“2.      Kull wieħed minn dawn il-parametri għandu jiġi evalwat u jirċievi l-punteġġ li ġej:

–        1 meta l-kundizzjonijiet tal-għajxien jkunu ekwivalenti għal dawk fl-Unjoni Ewropea,

–        2 meta l-kundizzjonijiet tal-għajxien jkunu pjuttost diffiċli meta mqabbla ma’ dawk fl-Unjoni Ewropea,

–        3 meta l-kundizzjonijiet tal-għajxien jkunu diffiċli meta mqabbla ma’ dawk fl-Unjoni Ewropea,

–        4 meta l-kundizzjonijiet tal-għajxien jkunu diffiċli ħafna meta mqabbla ma’ dawk fl-Unjoni Ewropea,

–        5 meta l-kundizzjonijiet tal-għajxien jkunu estremament diffiċli meta mqabbla ma’ dawk fl-Unjoni Ewropea.

3.      Il-punteġġ totali li jirriżulta minn din l-evalwazzjoni jista’ jiġi aġġustat abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 3, [stadju] 3. Il-punteġġ totali massimu mogħti lil pajjiż għandu jkun ta’ 25 punt. L-[AKGĦ] għandha tiġi ffissata skont l-iskala li ġejja:

–        […]

–        25 % għal punteġġ ta’ 12 jew 13 [il-punt]

–        30 % għal punteġġ ta’ 14 jew 15 [il-punt]

–        […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15      L-Artikolu 2(1) u (5) tal-Linji gwida huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet,

Il-punteġġ għall-[parametru] ‘Ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet’ ser jiġi ddeterminat abbażi tal-‘karta sanitarja’ komparattiva stabbilita minn ‘International SOS’ u, jekk ikun il-każ, [abbażi ta’] informazzjoni oħra pprovduta minn sorsi internazzjonali pubbliċi jew privati affidabbli.

Il-‘karta tas-saħħa’ ta’ ‘International SOS’ tattribwixxi klassifikazzjoni medika lill-pajjiżi billi tevalwa sensiela ta’ fatturi, inkluż l-istandard ta’ kura medika u dentali disponibbli, l-aċċess għall-prodotti mediċinali fuq riċetta medika, il-preżenza ta’ mard infettiv gravi u [l-eżistenza] ta’ ostakoli kulturali, lingwistiċi jew amministrattivi, skont skala ta’ ħames skali li jvarjaw minn ‘riskju baxx’ għal ‘riskju estrem’.

[…]

5.      Kundizzjonijiet [tal-għajxien] lokali oħra

Il-punteġġ għal [l-parametru] ‘Kundizzjonijiet tal-għajxien lokali oħra’ ser jiġi ddeterminat abbażi tad-data kkomunikata mid-delegazzjonijiet bi tweġiba għal kwestjonarju u, jekk ikun il-każ, [abbażi ta’] informazzjoni oħra pprovduta minn sorsi internazzjonali pubbliċi jew privati affidabbli.

Id-data li għandha tiġi kkomunikata mid-delegazzjonijiet ser tikkonċerna:

–        [i]l-kundizzjonijiet ta’ provvista,

–        [i]s-servizzi pubbliċi,

–        [l]-infrastruttura skolastika għal ulied il-persunal,

–        [l]-opportunitajiet ta’ xogħol għall-konjuġi,

–        [l]-attivitajiet sportivi u kulturali.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-Artikolu 3 tal-Linji gwida, intitolat “Is-sistema fi 3 stadji”, jistipula:

“L-evalwazzjoni tal-pajjiżi ser issir fi 3 stadji:

1.      L-ewwel evalwazzjoni għal kull pajjiż fil-livell amministrattiv […]

2.      Evalwazzjoni intermedja: [k]ontroll tal-ewwel evalwazzjoni sabiex tiġi vverifikata l-koerenza reġjonali u jsir il-paragun ma’ pajjiżi simili ([…] mas-servizzi tas-SEAE u mas-servizzi ġeografiċi tal-Kummissjoni).

3.      Evalwazzjoni finali u tqabbil mad-data tal-Istati Membri billi jiġi kkonsultat il-kumitat ta’ tmexxija għad-delegazzjonijiet ‘EUDEL’.

Stadju 1: l-ewwel evalwazzjoni.

Is-servizzi amministrattivi għandhom iħejju evalwazzjoni tal-bidu għal kull parametru, billi jagħtu punteġġ minn 1 sa 5 skont is-sistema spjegata fl-Artikolu 2. Ir-riżultati jiddaħħlu f’tabella komparattiva u tiġi stabbilita stima tal-impatt baġitarju.

Stadju 2: il-verifika tal-evalwazzjoni fir-rigward tal-koerenza reġjonali u b’paragun ma’ pajjiżi simili.

L-evalwazzjoni reġjonali tieħu inkunsiderazzjoni x-xebh jew id-differenzi reġjonali, il-fatturi speċifiċi ta’ iżolament jew il-kundizzjonijiet lokali li huma komparabbli fir-reġjun. Is-servizzi ġeografiċi għandhom jevalwaw jekk ir-riżultati tal-istadju 1 jidhrux xierqa minn perspettiva reġjonali. Bl-istess mod, f’dan l-istadju tal-proċedura, ir-riżultati bejn pajjiżi komparabbli (komparabbli fil-livell tad-daqs, tal-iżvilupp, tal-ħolqien tal-pajjiż, tal-pajjiżi tal-OECD, tat-territorji żgħar jew tal-gżejjer) jiġu vverifikati.

Għandu jiġi stabbilit rapport li jikkonkludi l-istadju 2, inkluż sunt tal-opinjonijiet riċevuti u stima tal-impatt baġitarju.

Stadju 3: l-evalwazzjoni finali

Fi-kuntest tal-evalwazzjoni finali, il-Kumitat tat-Tmexxija għad-Delegazzjonijiet “EUDEL” għandu riżultati intermedji wara l-istadju 1 u l-istadju 2. F’dan l-istadju tal-proċedura, il-Kumitat tat-Tmexxija għad-Delegazzjonijiet “EUDEL” għandu jwettaq analiżi komparattiva u jagħmel evalwazzjoni finali abbażi:

–        tal-livell ta’ koerenza bejn il-punteġġ miksub ma’ skemi ta’ diffikultajiet komparabbli stabbiliti minn kull Stat Membru jew skemi oħra ta’ diffikultajiet paragunabbli, pubbliċi jew privati,

–        ta’ verifika fil-fond tat-teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti tal-għanijiet ta’ politika ġenerali, tal-problemi ta’ reklutaġġ u ta’ elementi oħra mhux inklużi fil-parametri klassiċi, bħal sitwazzjonijiet ta’ kriżi atipiċi (epidemija, kriżijiet, eċċ.) waqt ir-riżultati intermedji tal-fażi 1 u tal-istadju 2.

L-evalwazzjoni finali tippermetti l-aġġustament tal-punteġġi. Għandu jiġi stabbilit rapport finali b’deskrizzjoni tal-proċeduri u tal-konklużjonijiet, inkluża ġustifikazzjoni tal-punteġġi li ġew aġġustati u stima tal-impatt baġitarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      L-Artikolu 4 tal-Linji gwida jipprevedi:

“Skont l-Artikolu 7 tad-[deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013], il-grupp tekniku [AKGĠ] għandu jiġi kkonsultat.

L-[Awtorità tal-Ħatra] għandha tiddetermina l-[AKGĦ] applikabbli għall-postijiet differenti ta’ assenjazzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18      L-Artikolu 5 tal-Linji gwida jaqra kif ġej:

“Skont l-Artikolu 8 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tagħti leave għall-mistrieħ minħabba kundizzjonijiet tal-għajxien partikolarment iebsa fil-post ta’ assenjazzjoni tiegħu. Leave tal-mistrieħ għandu jingħata skont il-punteġġ [stabbilit sabiex jiġi stabbilit] l-[AKGĦ] u l-iskala li ġejja:

–        1 [jum tal-] leave tal-mistrieħ għal punteġġ ogħla minn 13 [-il punt] iżda inqas jew ekwivalenti għal 17 [-il punt] [traduzzjoni mhux uffiċjali]

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

19      Ir-rikorrenti, Ruben Alba Aguilera u l-persuni l-oħra li isimhom jidher fl-anness, huma uffiċjali jew membri tal-persunal, temporanji jew kuntrattwali, tal-Unjoni li kienu assenjati fl-Etjopja meta d-deċiżjoni msemmija fil-punt 20 iktar ’il quddiem ġiet adottata.

20      Fid‑19 ta’ April 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Baġit u l-Amministrazzjoni tas-SEAE adotta d-Deċiżjoni ADMIN (2016) 7, dwar l-istabbiliment tal-AKGĦ imsemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal – Proċedura 2016 [ADMIN(2016) 7] (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li tirrevedi r-rata tal-AKĠĦ imħallsa lill-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi mill‑1 ta’ Jannar 2016. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, ir-rata tal-AKGĦ applikabbli għall-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja tnaqqset, minn 30 għal 25 % tal-ammont ta’ riferiment.

21      Fl-istess jum, id-Direttur Ġenerali tal-Baġit u l-Amministrazzjoni tas-SEAE adotta deċiżjoni dwar l-għoti ta’ leave tal-mistrieħ lill-uffiċjali, lill-membri tal-persunal temporanju u lill-membri tal-persunal bil-kuntratt assenjati fil-pajjiżi terzi. Konformement mal-Artikolu 5 tal-Linji gwida, it-tnaqqis tar-rata tal-AKGĦ applikabbli għall-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja wassal, għar-rikorrenti, għat-telf tal-benefiċċju tal-leave tal-mistrieħ.

22      Bejn it‑13 u t‑18 ta’ Lulju 2016, kull wieħed mir-rikorrenti ppreżenta, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, quddiem l-Awtorità tal-Ħatra jew l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASKR”), ilment kontra d-deċiżjoni kontenzjuża, li tikkontesta t-tnaqqis, mill‑1 ta’ Jannar 2016, tar-rata tal-AKGĦ applikabbli għall-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja.

23      Fid‑9 ta’ Novembru 2016, l-Awtorità tal-Ħatra, permezz ta’ deċiżjoni waħda, ċaħdet l-ilmenti tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilmenti”).

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

24      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ippreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża sa fejn din tnaqqas, mill‑1 ta’ Jannar 2016, ir-rata ta’ AKGĦ applikabbli għall-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja minn 30 għal 25 % tal-ammont ta’ riferiment, għall-kundanna tas-SEAE għall-ħlas ta’ somma f’daqqa, sabiex jiġi ddeterminat ex aequo et bono mill-Qorti Ġenerali, id-dannu morali mġarrab u għall-kundanna tas-SEAE għall-ispejjeż.

25      Insostenn tat-talbiet tagħhom għal annullament, ir-rikorrenti qajmu tliet motivi. L-ewwel wieħed huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu tal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implimentazzjoni (iktar ’il quddiem id-“DĠI”) dwar l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn il-metodu użat mis-SEAE, fil-Linji gwida, sabiex tistabbilixxi l-AKĠĦ fil-post ta’ assenjazzjoni ħa inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv kien ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-parametri msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal fl-iffissar tal-AKGĦ inkwistjoni.

26      Permezz tas-sentenza tat‑13 ta’ April 2018, Alba Aguilera et vs SEAE (T‑119/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-bidu”, EU:T:2018:183), il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel motiv imqajjem quddiemha u annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn intalab mingħajr ma kien hemm bżonn li jiġu eżaminati t-tieni u t-tielet motiv. Barra minn hekk, hija ċaħdet it-talbiet għal kumpens li kienu tressqu quddiemha u kkundannat lis-SEAE għall-ispejjeż.

27      Fis‑26 ta’ Ġunju 2018, is-SEAE ppreżenta appell mis-sentenza tal-bidu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Fl-appell tiegħu, is-SEAE semma din is-sentenza sa fejn annullat id-deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, ikkundannatu għall-ispejjeż. Is-SEAE ma semmiex fl-appell tiegħu l-motivi ta’ din is-sentenza li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali kienet ċaħdet it-talbiet għad-danni li kienu tressqu quddiemha. B’hekk, peress li r-rikorrenti ma ppreżentawx appell inċidentali, il-kunsiderazzjonijiet dwar it-talba għal kumpens fis-sentenza oriġinali kisbu l-awtorità ta’ res judicata.

28      Insostenn ta’ dan l-appell, is-SEAE qajjem żewġ aggravji, l-ewwel wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn l-obbligu li fih li jiġu adottati DĠI konformement mal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jfisser obbligu li jiġu adottati DĠI li jikkonċernaw dan l-anness kollu, u t-tieni wieħed ibbażat fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 10 tal-imsemmi anness, sa fejn jikkostitwixxi dispożizzjoni li ma hijiex ċara u preċiża sa tali punt li ma tippermettix applikazzjoni li ma hijiex arbitrarja li trendi, għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ DĠI neċessarja.

29      Permezz tas-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2020, SEAE vs Alba Aguilera et (C‑427/18 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2020:109), minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-ewwel aggravju mqajjem mis-SEAE u b’hekk qieset li, billi ddeċidiet li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi dispożizzjoni li tistabbilixxi obbligu espress li jiġu adottati DĠI għal dan l-anness kollu u billi ddeduċiet minn dan li s-SEAE kien obbligat jadotta DĠI dwar l-Artikolu 10 tal-imsemmi anness qabel ma seta’ legalment jadotta d-deċiżjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi (sentenza tal-appell, punt 83).

30      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-tieni aggravju kien ibbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza tal-bidu u ċaħditu bħala infondat. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-bidu ma humiex marbuta man-natura tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-appell, punti 93 u 94).

31      Peress li l-ewwel aggravju huwa fondat, qabel kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat parzjalment is-sentenza tal-bidu. Sussegwentement, sa fejn, permezz tas-sentenza oriġinali, il-Qorti Ġenerali kienet laqgħet l-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti mingħajr ma eżaminat it-tieni u t-tielet motivi l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kawża ma kinitx fi stat li tiġi deċiża u bagħtet il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet f’din l-istanza wara rinviju

32      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Marzu 2020, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, informa lill-appellanti li kellhom terminu ta’ xahrejn miżjud b’terminu ta’ distanza b’rata fissa ta’ għaxart ijiem mid-data tan-notifika tas-sentenza tal-appell sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell għas-soluzzjoni tat-tilwima.

33      Is-SEAE u r-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu mis-sentenza tal-appell fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Mejju 2020.

34      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89(3)(a) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali, fit‑30 ta’ Settembru 2020, talbet lill-partijiet iwieġbu għal sensiela ta’ mistoqsijiet u lis-SEAE sabiex jipproduċi ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għall-mistoqsijiet u wieġbu għat-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti fit-terminu mogħti.

35      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul seduta li nżammet fil‑11 ta’ Novembru 2020.

36      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tnaqqas mill‑1 ta’ Jannar 2016, l-AKGĦ imħallsa lill-persunal assenjat fl-Etjopja,

–        tikkundanna lis-SEAE għall-ispejjeż.

37      Is-SEAE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-istanzi tal-bidu, tal-appell u tar-rinviju.

 Id-dritt

38      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġu adottati DĠI dwar l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-metodu użat mis-SEAE, fil-Linji Gwida, sabiex tistabbilixxi l-ammont tal-AKĠĦ fil-post ta’ assenjazzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali. Fl-aħħar nett, it-tielet motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-parametri msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal fl-iffissar tal-AKGĦ inkwistjoni.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġu adottati DĠI dwar l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal

39      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Unjoni għandha d-dritt tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari, jekk l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jinċaħad fuq il-mertu, mingħajr ma tieħu deċiżjoni minn qabel fuq l-ammissibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52, u tal‑5 ta’ April 2017, Franza vs Il-Kummissjoni, T‑344/15, EU:T:2017:250, punt 92).

40      Il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li hemm lok li tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dan il-motiv mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu, ikkontestata mis-SEAE minħabba li l-argumenti mqajma insostenn tiegħu ġew ippreżentati biss wara s-sentenza tal-appell, peress li dan il-motiv għandu, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, jiġi miċħud fil-mertu.

41      Ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi applikat arbitrarjament minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni tiegħu, b’tali mod li l-adozzjoni tad-DĠI tkun obbligatorja.

42      Fl-ewwel lok, huma jqisu, essenzjalment, li, fil-kuntest tal-iżvilupp leġiżlattiv tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, il-karattru illustrattiv tal-lista ta’ parametri li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu kif ukoll il-fatt li l-Awtorità tal-Ħatra jew l-ASTK għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tistabbilixxi l-AKGĦ huma ċirkustanzi li jirrikjedu l-adozzjoni ta’ DĠI. B’mod iktar preċiż, din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tinkludi, skont ir-rikorrenti, l-iffissar tal-metodu użat, il-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u l-valuri tagħhom kif ukoll il-koeffiċjenti u l-perċentwali applikabbli għall-AKGĦ.

43      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-fatt li l-Artikolu 10(3) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tistabbilixxi d-“dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni” ta’ dan l-artikolu ma jipprekludix li, għall-istabbiliment tal-AKGĦ, dawn il-modalitajiet jieħdu l-forma ta’ DĠI.

44      F’dan ir-rigward, huma jqisu, essenzjalment, li, peress li l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi tipi differenti ta’ allowances jew ta’ primjums li l-għoti tagħhom huwa s-suġġett ta’ diversi tipi ta’ deċiżjonijiet, l-adozzjoni ta’ DĠI ma hijiex rikjesta għal din id-dispożizzjoni kollha. Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt jista’ tispjega li l-leġiżlatur jistabbilixxi l-obbligu tal-Awtorità tal-Ħatra jew tal-ASTK li tadotta l-“modalitajiet ta’ applikazzjoni”. B’mod partikolari, ir-rikorrenti josservaw li l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi, fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, primjum supplementari fil-każ fejn uffiċjal ikun ġie assenjat iktar minn darba f’post meqjus diffiċli ħafna jew diffiċli ħafna u, fil-paragrafu 2 tiegħu, allowance komplementari meta l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-post ta’ assenjazzjoni jipperikolaw is-sigurtà fiżika tal-uffiċjal. Skont ir-rikorrenti, b’differenza mid-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-AKGĦ, l-għoti ta’ dawn il-primjums supplimentari u ta’ dawn l-allowances supplimentari huwa s-suġġett ta’ deċiżjonijiet individwali li ma jirrikjedux l-adozzjoni ta’ DĠI.

45      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jqisu li l-fatt li r-reviżjoni annwali tal-AKGĦ tippreżumi l-konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal ma jipprekludix li l-Awtorità tal-Ħatra jew l-ASTK tadotta, minn qabel, DĠI li jikkonċernaw din id-dispożizzjoni wara opinjoni tal-Kumitati tal-Persunal u tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal hija neċessarja sabiex jiġi żgurat li l-kriterji li skonthom jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-għajxien prevalenti fil-pajjiżi terzi jiġu stabbiliti b’mod astratt u indipendenti minn kull proċedura intiża sabiex tirrevedi l-ammont tal-AKGĦ, sabiex jiġi evitat ir-riskju li l-għażla ta’ dawn il-kriterji tkun influwenzata minn riżultat eventwalment mixtieq mill-amministrazzjoni.

46      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-adozzjoni tad-Deċiżjoni ADMIN(2018) 35 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal‑20 ta’ Diċembru 2018 li Tistabbilixxi d-Deċiżjonijiet Ġenerali ta’ Implimentazzjoni dwar l-Allowance għall-Kundizzjonijiet tal-Għajxien u tal-Allowance Komplementari msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“DĠI tal-2018”), ittendi li tikkonferma l-analiżi tagħhom. Fil-fatt, huma jikkunsidraw, essenzjalment, li, għalkemm is-SEAE ma qiesx li huwa obbligat jadotta DĠI skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa, billi adotta finalment id-DĠI tal-2018, impliċitament iżda neċessarjament irrikonoxxa li kellu jagħmel dan sa fejn l-Artikolu 10 tal-imsemmi anness jista’ jingħata applikazzjoni arbitrarja.

47      Is-SEAE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

48      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-assenza ta’ stipulazzjoni espressa, l-obbligu tal-adozzjoni ta’ DĠI suġġetti għall-kundizzjonijiet formali tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi ammess biss eċċezzjonalment, jiġifieri meta d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal tant ma jkunux ċari u preċiżi li jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod arbitrarju (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE, T‑792/14 P, EU:T:2016:156, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għandha tiġi enfasizzata n-natura eċċezzjonali tal-obbligu li jiġu adottati miżuri eżekuttivi suġġetti għall-kundizzjonijiet formali tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza aċċettat l-eżistenza ta’ lakuni fir-Regolamenti tal-Persunal li jħallu jissussistu, fl-istituzzjonijiet, ċerta libertà, peress li din hija limitata mill-obbligu li tiġi żgurata d-difiża tal-persuna kkonċernata f’kundizzjonijiet ġusti (sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1965, Willame vs Il-Kummissjoni, 110/63, EU:C:1965:71, p. 815).

50      Għaldaqstant, f’dan il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma huwiex ċar u preċiż sal-punt li ma jippermettix applikazzjoni nieqsa minn arbitrarjetà.

51      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jinftiehem li l-argumenti tar-rikorrenti jirrigwardaw l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal biss sa fejn dan jirregola l-AKGĦ, u mhux f’dak li jirrigwarda l-allowance supplimentari u l-allowance komplementari previsti, rispettivament, fil-ħames subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu u fil-paragrafu 2 tiegħu.

52      Fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-parametri stabbiliti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, anki jekk ma humiex limitattivi, huma ċari u preċiżi. Fil-fatt, l-ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet, il-kundizzjonijiet tas-sigurtà, il-kundizzjonijiet klimatiċi u l-grad ta’ iżolament kollha jikkostitwixxu elementi konkreti u suffiċjentement oġġettivi, b’tali mod li ma jistgħux jiġu applikati b’mod arbitrarju.

53      Fir-rigward tal-parametru dwar “kundizzjonijiet lokali oħra”, għalkemm huwa ċertament minnu li ma ġiex iddeterminat, b’mod preċiż, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, xorta jibqa’ l-fatt li l-kontenut tiegħu jista’ jiġi ddeterminat minħabba l-fatt li dan il-parametru għandu jservi sabiex jipparaguna l-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-postijiet ta’ assenjazzjoni ma’ dawk li jipprevalu normalment fl-Unjoni.

54      L-istess jgħodd għan-natura illustrattiva tal-lista tal-parametri. Fil-fatt, l-għan proprju ta’ dawn il-parametri, li jikkonsisti fit-tqabbil tal-kundizzjonijiet tal-għajxien, jimplika li dawn huma tali li jippermettu tali paragun. Dan il-fatt jillimita l-għażliet possibbli u jikkontribwixxi sabiex tiġi evitata applikazzjoni arbitrarja tal-imsemmija parametri.

55      Fit-tieni lok, u kif ġie indikat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża SEAE vs Alba Aguilera et (C‑427/18 P, EU:C:2019:866, punt 69), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 10(3) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Perunal, li skontu l-Awtorità tal-Ħatra “[g]ħandha ssir deċiżjoni dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu”. Fil-fatt, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari t-tielet u r-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, stabbiliti mill-Awtorità tal-Ħatra, jistgħu jitqiesu li huma regoli astratti u indipendenti mill-proċedura li għandha l-għan li tiddetermina, f’każ speċifiku, jekk il-kundizzjonijiet tal-għajxien li jipprevalu f’pajjiż għandhomx ekwivalenza ma’ dawk li huma abitwali fl-Unjoni.

56      Fl-aħħar, fit-tielet lok, għandu jitfakkar li l-istabbiliment tal-AKGĦ huwa suġġett għall-evalwazzjoni annwali, u jekk ikun il-każ, huwa suġġett għal reviżjoni, wara li tinkiseb l-opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal. Il-frekwenza regolari tal-evalwazzjonijiet u l-involviment tar-rappreżentanti tal-persunal li lilhom titħallas l-AKGĦ u li, minħabba f’hekk, tista’ tkun ikkonċernata minn reviżjoni ta’ dan tal-aħħar, jikkostitwixxu wkoll garanziji intiżi sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ arbitrarjetà fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

57      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li, minħabba l-formulazzjoni tiegħu, l-għanijiet tiegħu u l-garanziji proċedurali li huwa jipprevedi għar-reviżjoni tal-AKGĦ, f’kuntest annwali u wara opinjoni tal-Kumitat tal-Persunal, l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn dan jirregola l-AKGĦ, ma jirrikjedix l-adozzjoni, b’mod eċċezzjonali, ta’ DĠI fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq.

58      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi ddubitata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

59      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont is-sentenza tal-appell, mill-aħħar żvilupp leġiżlattiv tal-Artikolu 10 tal-Anness X u tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod ċar li, kieku l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jimponi l-adozzjoni ta’ DĠI, u mhux il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 10, meta huwa ssemplifika l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, huwa kien jindika dan espressament (sentenza tal-appell, punt 81).

60      Barra minn hekk, għalkemm, kif ġustament jenfasizzaw ir-rikorrenti, il-fatt li l-Artikolu 10(3) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi l-adozzjoni ta’ “dispożizzjonijiet dettaljati għall-applikazzjoni” ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprojbixxix li dawn jieħdu l-forma ta’ DĠI fis-sens tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal, madankollu din il-forma tista’ tiġi imposta biss fil-każ li għandu jiġi kkonstatat li waħda mid-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness hija nieqsa minn ċarezza u minn preċiżjoni sal-punt li ma tistax tiġi applikata b’mod arbitrarju. Issa, kif ġie konkluż fil-punt 57 iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn jirregola l-AKGĦ.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-adozzjoni tad-DĠI tal-2018 tikkonferma li l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal huwa suġġett għal applikazzjoni arbitrarja u jeħtieġ b’hekk l-adozzjoni ta’ DĠI. F’dan ir-rigward, mit-tweġibiet tas-SEAE għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta jirriżulta li l-adozzjoni tad-DĠI tal-2018 kienet intiża li jikkonforma ruħu mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, sa dak iż-żmien stabbilita, iżda invalidata, wara l-adozzjoni tal-imsemmija DĠI, mis-sentenza mogħtija fl-appell. Skont din il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 1 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal kienu kkunsidrati li għandhom portata ġenerali u d-DĠI li l-adozzjoni tagħhom kienet tipprevedi l-adozzjoni tagħhom kienu jikkonċernaw l-Anness X kollu tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2016, Vanhalewyn vs SEAE, T‑792/14 P, EU:T:2016:156, punt 25). Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li ebda waħda mill-premessi tad-DĠI tal-2018 ma ssemmi nuqqas ta’ ċarezza jew ta’ preċiżjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal li għalih id-DĠI għandhom jirrimedjaw. Min-naħa l-oħra, ir-riferiment magħmul, fil-premessa 4 tad-DĠI tal-2018, għall-“modalitajiet ta’ applikazzjoni” tal-imsemmi Artikolu 10 jissuġġerixxi li s-SEAE seta’ jiddeċiedi, fl-assenza ta’ kwalunkwe obbligu, li, fi kwalunkwe każ, tali “modalitajiet ta’ applikazzjoni” jadottaw il-forma ta’ DĠI suġġetti għar-rekwiżiti proċedurali tal-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża SEAE vs Alba Aguilera et, C‑427/18 P, EU:C:2019:866, punt 53).

62      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti li l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal hija neċessarja. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-istabbiliment tar-regoli astratti u indipendenti mill-proċedura li għandha l-għan li tirrevedi l-ammont tal-AKGĦ ma jirrikjedix neċessarjament l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-DĠI tal-2018, li kienu s-suġġett ta’ konsultazzjoni tal-Kumitat tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom, essenzjalment, l-istess kontenut bħad-deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2013 u l-Linji gwida.

63      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-metodu użat mis-SEAE, fil-Linji gwida, sabiex jistabbilixxi l-AKGĦ f’post ta’ assenjazzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali

64      Ir-rikorrenti jiddikjaraw li, skont l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rata tal-AKGĦ għandha tirrifletti l-ambjent ftit jew wisq diffiċli li għalih huma esposti l-uffiċjali u l-membri tal-persunal assenjati f’pajjiż terz li l-kundizzjonijiet tal-għajxien tagħhom ma humiex ekwivalenti għal dawk li jipprevalu normalment fl-Unjoni.

65      Huma jqisu li, permezz tat-tieni stadju previst fl-Artikolu 3 tal-Linji gwida, li jikkonsisti fil-verifika ta’ jekk il-punteġġi miksuba minn kull delegazzjoni humiex koerenti mill-perspettiva reġjonali, is-SEAE ma jibqax iwettaq evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-għajxien biss skont il-post ta’ assenjazzjoni, iżda skont ir-reġjun li fih tinsab id-delegazzjoni tal-Unjoni. B’dan il-mod, is-SEAE jirrelativizza l-evalwazzjoni tal-parametri msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u jiffavorixxi analiżi komparattiva, arbitrarja u suġġettiva ta’ postijiet ta’ assenjazzjoni differenti li jinsabu fl-istess reġjun. Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li l-fatt li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koerenza reġjonali sseħħ wara l-evalwazzjoni preċiża tal-kundizzjonijiet tal-għajxien f’post ta’ assenjazzjoni huwa tali li joħloq distorsjoni fl-evalwazzjoni tal-parametri msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

66      Is-SEAE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

67      Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma jqajmux formalment, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra l-Artikolu 3 tal-Linji gwida fir-rikors. Xorta jibqa’ l-fatt li l-essenza stess tal-motiv tagħhom hija intiża sabiex tinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li din tal-aħħar hija bbażata fuq l-imsemmi artikolu, li, skont ir-rikorrenti, sa fejn jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali, jikser l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal.

68      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok, l-ewwel nett, li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tal-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti u, fil-każ li din tkun ammissibbli, fit-tieni lok, li jiġi analizzat jekk l-imsemmija eċċezzjoni hijiex fondata.

69      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 277 TFUE huwa l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali li jiggarantixxi lil kull parti fil-proċeduri d-dritt li, sabiex tikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li tikkonċernaha direttament u individwalment, tikkontesta b’mod indirett il-validità ta’ att preċedenti tal-istituzzjonijiet li, għalkemm ma għandhomx il-forma ta’ regolament, jikkostitwixxi l-bażi legali tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-każ li din il-parti ma kellhiex id-dritt li tippreżenta rikors dirett skont l-Artikolu 263 TFUE kontra dawn l-atti, li hija ġarrbet b’hekk il-konsegwenzi tagħhom mingħajr ma kienet f’pożizzjoni li titlob l-annullament tagħhom (ara, s-sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Kummissjoni, T‑526/10, EU:T:2013:215, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Frar 2018, Paulini vs BĊE, T‑764/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:101, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70      Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita ferm jirriżulta li, peress li l-Artikolu 277 TFUE ma għandux l-għan li jippermetti li parti tikkontesta l-applikabbiltà ta’ kwalunkwe att ta’ natura ġenerali insostenn ta’ kwalunkwe rikors, l-att ġenerali li titqajjem l-illegalità tiegħu għandu jkun applikabbli, direttament jew indirettament, għall-każ partikolari li jkun is-suġġett tar-rikors u għandu jkun hemm rabta ġuridika diretta bejn id-deċiżjoni individwali kkontestata u l-att ġenerali inkwistjoni (ara s-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑358/11, EU:T:2015:394, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑28 ta’ Frar 2018, Paulini vs BĊE, T‑764/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:101, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      B’mod iktar preċiż, l-eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tkun diretta kontra dispożizzjonijiet tal-att ġenerali li għandhom effett fuq is-soluzzjoni tat-tilwima u li għandhom rabta legali diretta ma’ din tal-aħħar (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2015, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑358/11, EU:T:2015:394, punt 181; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tad‑29 ta’ Awwissu 2013, Iran Liquefied Natural Gas vs Il-Kunsill, T‑5/13 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:395, punt 32).

72      Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-eżistenza ta’ tali rabta tista’ tiġi dedotta mill-konstatazzjoni li d-deċiżjoni individwali kkontestata hija bbażata essenzjalment fuq dispożizzjoni tal-att li l-legalità tiegħu hija kkontestata, anki jekk din tal-aħħar ma tikkostitwixxix formalment il-bażi legali tagħha (ara s-sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, Paulini vs BĊE, T‑764/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:101, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Linji gwida, minkejja li ma jikkostitwixxux il-bażi legali tal-att ikkontestat, jistgħu jiġu kkontestati permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità jekk ikunu servew għall-adozzjoni ta’ dan l-att (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Paulini vs BĊE, T‑764/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:101, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      Fl-aħħar, mill-ġurisprudenza jirriżulta li att ta’ portata ġenerali fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE huwa att li japplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u li jipproduċi l-effetti legali tiegħu fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod astratt (ara s-sentenza tat‑28 ta’ Frar 2018, Paulini vs BĊE, T‑764/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:101, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      F’dan il-każ, il-Linji gwida huma att ta’ portata ġenerali, peress li japplikaw għal kategorija ta’ persuni previsti b’mod astratt, jiġifieri l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni, meta dawn ikunu f’sitwazzjoni ddeterminata oġġettivament, jiġifieri meta jkunu assenjati f’pajjiżi terzi.

76      Fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 70 u 71 iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk teżistix rabta bejn, minn naħa, id-dispożizzjoni tal-att ġenerali inkwistjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 3 tal-Linji gwida, sa fejn jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, f’nota tal-Awtorità tal-Ħatra tas‑7 ta’ April 2016 indirizzata lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Etjopja (iktar ’il quddiem in-“nota tas‑7 ta’ April 2016”), huwa ddikjarat dan li ġej:

“[…] abbażi [tal-Linji gwida], verifika addizzjonali tal-evalwazzjoni globali għandha tieħu inkunsiderazzjoni [il-prinċipju ta’] koerenza reġjonali u r-riżultati tal-pajjiżi paragunabbli, kif ukoll elementi oħra rilevanti. Konsegwentement, ir-rakkomandazzjonijiet finali ħadu inkunsiderazzjoni dawn il-kunsiderazzjonijiet, inkluża l-opinjoni mogħtija mis-servizzi ġeografiċi […] tas-SEAE u tal-Kummissjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

78      Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilmenti, tiddikjara li “it-tnaqqis żgħir tal-punteġġ għall-[parametru tal-kundizzjonijiet lokali oħra] huwa marbut ukoll mal-kwalità tas-servizzi pubbliċi fl-Etjopja, li, konformement mal-informazzjoni pprovduta mid-[d]elegazzjoni tal-U[njoni] u fid-dawl [tal-prinċipju ta’] koerenza reġjonali, jidher li kien [sottovalutat]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

79      B’hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li teżisti rabta bejn, minn naħa, id-dispożizzjoni tal-att ġenerali inkwistjoni, f’dan il-każ l-Artikolu 3 tal-Linji gwida, sa fejn jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali, u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, dan il-fatt ma huwiex ikkontestat mis-SEAE.

80      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandha titqies bħala ammissibbli u għandha tiġi eżaminata fil-mertu.

81      Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-istituzzjonijiet għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-fatturi u tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali (ara s-sentenza tal‑25 ta’ Settembru 2002, Ajour et vs Il-Kummissjoni, T‑201/00 u T‑384/00, EU:T:2002:224, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-AKGĦ tagħmel parti mir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi. Fil-fatt, skont l-Artikolu 62 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-remunerazzjoni tal-uffiċjali tinkludi salarju bażiku u allowances. Skont l-Artikolu 1b(a) tar-Regolamenti tal-Persunal, salv dispożizzjonijiet kuntrarji tar-Regolamenti tal-Persunal, is-SEAE huwa assimilat, għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Peress li l-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedix dispożizzjoni kuntrarja fir-rigward tal-elementi inklużi fil-kunċett ta’ remunerazzjoni, l-AKGĦ għandha titqies li tagħmel parti mir-remunerazzjoni tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal assenjati f’pajjiżi terzi.

83      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima, jirriżulta mill-emendi magħmula mir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126). Dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw dawn il-modifiki, il-premessa 27 tar-Regolament Nru 1023/2013 tipprevedi li għandhom “jiġu modernizzati l-kondizzjonijiet ta’ xogħol tal-persunal impjegat f’pajjiżi terzi u, biex dawn isiru aktar kosteffiċjenti filwaqt li jiġġeneraw iffrankar tal-ispejjeż” u li “għandha tiġi prevista l-possibbiltà li tiddaħħal firxa usa’ ta’ parametri għall-iffissar tal-[AKGĦ] mingħajr ma jintlaqat l-għan ġenerali ta’ ġenerazzjoni ta’ ffrankar tal-ispejjeż”.

84      Għal dan il-għan, l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEFA, KEE) Nru 3019/87 tal‑5 ta’ Ottubru 1987 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet speċjali u derogatorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej assenjati f’pajjiż terz (ĠU 1987, L 286, p. 3.), ġie ssemplifikat. Essenzjalment, il-lista tal-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ffissata l-AKGĦ saret illustrattiva, il-preċiżazzjonijiet relatati mal-koeffiċjenti, mal-valuri ta’ dawn il-parametri u mal-perċentwali tal-ammont ta’ riferiment tneħħew u l-paragrafu 3, li skontu l-Awtorità tal-Ħatra tistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, żdied (sentenza tal-appell, punt 79).

85      Minn dan jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jħalli lill-Awtorità tal-Ħatra ċertu marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi u l-elementi marbuta ma’ għanjiet iktar ġenerali, bħal, pereżempju, iżda mhux biss, dik li jiġi żgurat l-għan ġenerali li jikkonsisti f’li jsir iffrankar, sakemm l-għan tal-AKGĦ jiġi osservat, li huwa li jiġu kkumpensati, bl-għoti ta’ allowance, kundizzjonijiet tal-għajxien iktar diffiċli fil-post ta’ assenjazzjoni tal-uffiċjal minn dawk li jipprevalu normalment fl-Unjoni.

86      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3 tal-Linji gwida, minbarra l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali, l-Awtorità tal-Ħatra tieħu inkunsiderazzjoni, minn naħa, fatturi oħra u elementi oħra li ma humiex strettament marbuta ma’ finijiet komparattivi tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-postijiet ta’ assenjazzjoni f’pajjiżi terzi ma’ dawk li jipprevalu normalment fl-Unjoni, jiġifieri l-impatt baġitarju, il-livell ta’ koerenza ma’ skemi ta’ diffikultajiet paragunabbli stabbiliti minn kull Stat Membru u skemi oħra ta’ diffikultajiet paragunabbli, pubbliċi jew privati, l-għanijiet ta’ politika ġenerali u fl-aħħar nett, problemi ta’ reklutaġġ, kif ukoll, min-naħa l-oħra, elementi oħra mhux inklużi fil-parametri klassiċi, bħal sitwazzjonijiet ta’ kriżi atipiċi (epidemija, kriżijiet, eċċ.). Issa, ir-rikorrenti ma jikkontestawx l-applikazzjoni ta’ dawn il-fatturi u ta’ dawn l-elementi.

87      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali huwa intiż, skont l-għan tal-AKGĦ, li jiżgura l-oġġettività tal-paragun tal-kundizzjonijiet tal-għajxien li jipprevalu fil-postijiet ta’ assenjazzjoni ma’ dawk eżistenti fl-Unjoni. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju hija intiża sabiex tiggarantixxi li kundizzjonijiet simili prevalenti f’żewġ pajjiżi li jinsabu fl-istess reġjun jiġu evalwati b’mod simili.

88      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ tal-Awtorità tal-Ħatra fir-rigward tal-fatturi u tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-aġġustament tar-remunerazzjonijiet tal-uffiċjali, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Artikolu 3 tal-Linji Gwida, sa fejn jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali, ma jiksirx l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk ma jistax jitqies li huwa illegali.

89      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

90      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma jagħmel is-SEAE, li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koerenza reġjonali ma tiksirx il-fatt li l-eżami tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-postijiet ta’ assenjazzjoni isir b’paragun ma’ dawk li jipprevalu normalment fl-Unjoni u ma hijiex inkompatibbli ma’ tali eżami. Fil-fatt, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju, is-servizzi ġeografiċi tas-SEAE sempliċement jivverifikaw jekk ir-riżultati miksuba wara dan l-eżami humiex xierqa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi komparabbli fil-postijiet ta’ assenjazzjoni li jinsabu fl-istess reġjun.

91      B’hekk, l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koerenza reġjonali għandha l-għan li tivverifika u, jekk ikun il-każ, li tikkoreġi mhux biss li tnaqqas, iżda wkoll li żżid, l-eżami tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-postijiet ta’ assenjazzjoni, iżda mhux li tiżnatura r-riżultati tal-imsemmi eżami. F’dan is-sens, l-applikazzjoni tal-prinċipju msemmi iktar ’il fuq ma tistax, bħala prinċipju, twassal għal bidla sostanzjali tar-riżultati miksuba waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet tal-għajxien fil-postijiet ta’ assenjazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, fuq skala ta’ tmien gradi f’termini ta’ diffikultajiet fil-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-Etjopja naqset biss minn grad minħabba l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koerenza reġjonali.

92      Barra minn hekk, l-argument invokat mir-rikorrenti li l-fatt li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koerenza reġjonali sseħħ wara l-eżami tal-kundizzjonijiet tal-għajxien f’post ta’ assenjazzjoni huwa tali li joħloq distorsjoni fl-evalwazzjoni tal-parametri msemmija fl-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, peress li l-għan huwa li jiġu pparagunati l-punteġġi mogħtija għall-postijiet ta’ assenjazzjoni u, jekk ikun il-każ, li jiġu aġġustati fit-tielet stadju previst fl-Artikolu 3 tal-Linji gwida, l-applikazzjoni tal-imsemmi prinċipju għandha ssir neċessarjament wara eżami tal-bidu tal-kundizzjonijiet tal-għajxien.

93      Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ koerenza reġjonali jwassal għal analiżi jew għal soluzzjoni arbitrarja u suġġettiva. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv, il-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda diversi miżuri li jippermettu li jiġi eskluż ir-riskju ta’ arbitrarjetà fl-implimentazzjoni tat-tielet u tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża SEAE vs Alba Aguilera et, C‑427/18 P, EU:C:2019:866, punt 69).

94      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

95      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li jikkonċernaw b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-parametri tal-“ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet” u tal “kundizzjonijiet lokali oħra” imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10(1) tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal. Ir-rikorrenti jsostnu li dawn l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jirriżultaw ukoll mill-fatt li huwa biss is-SEAE li kkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Etjopja tjiebu bejn l-2014 u l-2016, filwaqt li diversi Stati Membri kienu kkunsidraw li kienu baqgħu l-istess u Stat Membru saħansitra kien ikkonstata deterjorament tagħhom.

96      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-parametru dwar l-“ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet”, ir-rikorrenti jindikaw li punteġġ ta’ 4 minn 5 ingħata lill-Etjopja, ikklassifikat bħala “pajjiż b’riskju mediku għoli” skont il-karta tas-saħħa komparattiva stabbilita minn International SOS. Issa, pajjiżi bħal Madagascar, l-Uganda, iż-Żambja, iż-Żimbabwe jew il-Comores, ikklassifikati wkoll bħala “pajjiżi b’riskju mediku għoli” mill-imsemmija organizzazzjoni, irċevew il-punteġġ ta’ 5 minn 5. Ir-rikorrenti jilmentaw li s-SEAE ma ressaq ebda motivazzjoni li tippermetti li tiġġustifika din id-differenza fis-salarju li tidher, għaldaqstant, purament arbitrarja.

97      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-parametru marbut mal-“kundizzjonijiet lokali oħra”, ir-rikorrenti jsostnu li t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarji ssodisfatti fl-2014 u fl-2015 ma ttiħdux suffiċjentement inkunsiderazzjoni mis-SEAE. Dan tal-aħħar sempliċement ikkonstata li l-kundizzjonijiet lokali oħra f’postijiet ta’ assenjazzjoni oħra huma iktar diffiċli milli fl-Etjopja, konstatazzjoni li ma hija sostnuta minn ebda element tali li jippermetti lir-rikorrenti jew lill-Qorti Ġenerali jivverifikaw il-fondatezza tagħha.

98      Ir-rikorrenti jsostnu li l-“kundizzjonijiet lokali oħra” fl-Etjopja ma tjibux fl-2015 u ma humiex biss “pjuttost diffiċli” meta mqabbla ma’ dawk prevalenti fl-Unjoni.

99      F’dan ir-rigward, l-ewwel, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ provvista, ir-rikorrenti jinnotaw li s-sitwazzjoni tibqa’ kritika, fid-dawl tar-regoli stretti dwar l-importazzjoni ta’ prodotti, b’mod partikolari tal-ikel, f’pajjiż fejn l-ekonomija hija kompletament ikkontrollata mill-Istat. It-tieni, fir-rigward tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi, ir-rikorrenti jindikaw li s-sitwazzjoni tibqa’ wkoll kritika. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-aċċess għall-internet huwa inċert, spiss u għoli ħafna, li l-qtugħ tal-kurrent huma ta’ kuljum, li l-aċċess għall-ilma tax-xorb huwa kkomplikat, li l-firxa tal-mard bħall-kolera hija frekwenti, li ma hemm ebda servizz pubbliku ta’ trasport sigur u li l-ġbir tal-iskart isir b’mod irregolari ħafna. It-tielet, huma josservaw li l-possibbiltajiet ta’ xogħol għall-konjuġi huma ineżistenti, peress li leġiżlazzjoni Etjopjana tipprojbixxi r-reklutaġġ tagħhom. Ir-raba’, ir-rikorrenti jsostnu li hemm deterjorament tal-kwalità tal-attivitajiet sportivi u kulturali minħabba riskji ta’ sigurtà mill-2014. Il-ħames, huma jsostnu li l-kwalità tal-istabbilimenti skolastiċi baqgħet l-istess mill-2014. Fl-aħħar nett, fis-sitt lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatt li l-Etjopja ma rratifikatx il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari tal‑24 ta’ April 1963, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata d-diffikultà tal-kundizzjonijiet tal-għajxien li għalihom huma esposti l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni li huma assenjati fiha.

100    Fit-tielet lok, fir-rigward tad-data kkomunikata mill-Istati Membri, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mis-SEAE fil-kuntest tat-tielet stadju previst fl-Artikolu 3 tal-Linji gwida, ir-rikorrenti jsostnu li s-SEAE biss ikkunsidra li l-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Etjopja tjiebu bejn l-2014 u l-2016. B’hekk, huma jaffermaw li din l-evalwazzjoni hija manifestament kontradetta minn din id-data, peress li r-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Istati Uniti tal-Amerika kkunsidraw li l-kundizzjonijiet tal-għajxien fl-Etjopja kienu baqgħu l-istess. Ir-Repubblika tal-Awstrija, min-naħa tagħha, kienet ikkonstatat deterjorament tal-kundizzjonijiet tal-għajxien.

101    Is-SEAE jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

102    Għandu jitfakkar, qabelxejn, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-oqsma fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-legalità eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni huwa limitat għall-istħarriġ tar-regolarità proċedurali, tal-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 1997, N vs Il-Kummissjoni, T‑273/94, EU:T:1997:71, punt 125; tas‑16 ta’ Lulju 1998, Y vs Il-Parlament, T‑144/96, EU:T:1998:173, punt 34, u tal‑14 ta’ Mejju 2002, Antas de Campos vs Il-Parlament, T‑194/00, EU:T:2002:119, punt 37).

103    Fil-każijiet fejn istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Fost dawn il-garanziji, hemm inkluż b’mod partikolari fil-konfront tal-istituzzjoni kompetenti l-obbligu li teżamina, b’akkuratezza u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami u dak li tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti għad-deċiżjoni tagħha (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14; tas‑7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il-Kummissjoni, C‑258/90 u C‑259/90, Ġabra, EU:C:1992:199, punt 26; u tat‑8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, EU:T:2009:313, punt 163).

104    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit li istituzzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi tali li jiġġustifika l-annullament ta’ att, il-provi prodotti mir-rikorrent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-fatti kkonstatati f’dan l-att. Mingħajr preġudizzju għal dan l-eżami tal-plawżibbiltà, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti kumplessi flok dik tal-awtur ta’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑204/11, EU:T:2015:91, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

105    Barra minn hekk, il-ġurisprudenza hija stabbilita fis-sens li, minn naħa, att amministrattiv igawdi minn preżunzjoni ta’ legalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2000, Griesel vs Il-Kunsill, T‑157/99, EU:T:2000:192, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata) u li, min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova jaqa’, bħala prinċipju, fuq dak li jallega, b’tali mod li huma r-rikorrenti li għandhom jipprovdu tal-inqas indizji suffiċjentement preċiżi, oġġettivi u konkordanti ta’ natura li jsostnu l-veraċità jew il-plawżibbiltà tal-fatti insostenn tal-allegazzjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 113).

106    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji ġurisprudenzjali li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

107    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-punteġġ totali li jirriżulta mill-evalwazzjoni tal-Etjopja għas-sena 2015 kien ta’ 15-il punt. Peress li dan il-punteġġ huwa ogħla mil-limitu ta’ 14-il punt rikjest mill-Artikolu 1(3) tal-Linji gwida għall-iffissar tar-rata tal-AKGĦ għal 30 % tal-ammont ta’ riferiment, il-persunal tal-Unjoni assenjat fl-Etjopja seta’ jibbenefika mill-ħlas tal-AKGĦ b’din ir-rata.

108    Wara l-evalwazzjoni annwali sabiex tiġi ffissata r-rata tal-AKGĦ applikabbli mill‑1 ta’ Jannar 2016, konformement mas-sistema fi tliet stadji prevista fl-Artikolu 3 tal-Linji gwida, il-punteġġ mogħti lill-Etjopja ġie stabbilit għal 13-il punt, li jgħaddu taħt il-limitu ta’ 14-il punt, punteġġ li jikkorrispondi, konformement mal-Artikolu 1(3) tal-imsemmija linji gwida, għal rata ta’ AKGĦ ta’ 25 % tal-ammont ta’ riferiment.

109    B’mod partikolari, it-tnaqqis ta’ żewġ punti tal-punteġġ mogħti lill-Etjopja għas-sena 2016 jikkorrispondi għal tnaqqis tal-punteġġi mogħtija lill-parametri “ambjent tal-isptarijiet u tas-saħħa” u “kundizzjonijiet oħra lokali”, imnaqqsa kull wieħed minn punt meta mqabbel mas-sena 2015 (minn 5 għal 4 punti għall-ewwel u minn 3 għal 2 punti għat-tieni). Skont l-Artikolu 1(2) tal-Linji gwida, dan it-tnaqqis ifisser li l-“ambjent tal-isptarijiet u tas-saħħa”, fil-bidu meqjus bħala “estremament diffiċli” meta mqabbel ma’ dak abitwali fl-Unjoni, issa huwa kkunsidrat bħala “diffiċli ħafna”. Fir-rigward tal-“kundizzjonijiet lokali oħra”, fil-bidu kkunsidrati bħala “diffiċli”, dawn issa huma kkunsidrati bħala “pjuttost diffiċli”.

 Fuq il-parametru “ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet”

110    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tal-Linji gwida, il-punteġġ għall-parametru “ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet” għandu jingħata abbażi tal-karta tas-saħħa komparattiva stabbilita minn International SOS u, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ informazzjoni oħra pprovduta minn sorsi internazzjonali pubbliċi jew privati affidabbli.

111    Mill-proċess jirriżulta li l-Etjopja ġiet ikklassifikata bħala “pajjiż b’riskju mediku għoli” bil-karta tas-saħħa komparattiva stabbilita minn International SOS f’Diċembru 2015. Barra minn hekk, skont is-SEAE, din il-klassifikazzjoni ġiet ikkonfermata minn Falck Global Assistance, kumpannija inkarigata mill-evakwazzjonijiet mediċi f’isem is-SEAE. Waqt is-seduta, is-SEAE ddikjara li l-postijiet ta’ assenjazzjoni li jinsabu f’“pajjiżi b’riskju mediku għoli” kienu jingħataw punteġġ ta’ 4 jew 5 punti.

112    Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra tindika, fin-nota tas‑7 ta’ April 2016, li “l-punteġġ ta’ 5 [punti] ([fuq] skala minn 1 sa 5 [punti]) għall-parametru ta’ [“l-ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet”] huwa rriżervat għal pajjiżi perikolużi ħafna bħas-Sudan ta’ Isfel, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew is-Somalja fejn l-espożizzjoni potenzjali għal riskji għas-saħħa hija kkunsidrata iktar severa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

113    Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra tindika, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilmenti, dan li ġej:

“[G]ħandu jiġi aċċettat li fl-istess reġjun jeżistu pajjiżi fejn l-espożizzjoni potenzjali għal riskji għas-saħħa hija iktar severa. Dawn il-pajjiżi kisbu l-ogħla marka fil-parametru tal-[‘ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet’] għas-sena 2016: Madagascar, l-Uganda, iż-Żambja, iż-Żimbabwe, il-Comores, l-Eritrea, is-Somalja, is-Sudan u s-Sudan t’Isfel […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

114    il-Qorti Ġenerali tqis li, ċertament, il-fatt li l-Etjopja hija l-uniku “pajjiż b’riskju mediku għoli” li jinsab fuq il-karta sanitarja komparattiva stabbilita minn International SOS f’Diċembru 2015 li ngħatat punteġġ ta’ 4 punti, u mhux ta’ 5 punti, jista’ jqajjem ċerti dubji dwar l-evalwazzjoni magħmula mill-Awtorità tal-Ħatra. Madankollu, dawn ma jistgħux ikunu tali li jikkonkludu li s-SEAE eċċeda l-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-leġiżlatur ried jafdalu fl-istabbiliment tal-AKGĦ.

115    Fil-fatt, l-Artikolu 2(1) tal-Linji gwida jipprevedi li l-punteġġ għall-parametru “l-ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet” huwa ddeterminat abbażi tal-karta tas-saħħa komparattiva stabbilita minn International SOS, iżda dan l-artikolu ma jimponix korrispondenza bejn l-iskali tal-iskala użata minn din il-karta u l-punteġġ li għandu jingħata għal dan il-parametru. B’hekk, id-deċiżjoni tas-SEAE li tagħti lill-Etjopja punteġġ ta’ 4-il punt ma tmurx kontra din id-dispożizzjoni.

116    Barra minn hekk, is-SEAE rrikorra għall-informazzjoni pprovduta minn Falck Global Assistance sabiex tikkonferma l-evalwazzjoni tal-parametru “ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet” fl-Etjopja li kellu jiġi dedott mill-karta tas-saħħa komparattiva stabbilita minn International SOS.

117    Barra minn hekk, l-eżami tal-livell ta’ diffikultà tal-ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet ta’ ċertu post ta’ assenjazzjoni jirriżulta li huwa operazzjoni kumplessa li tirrikjedi evalwazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ fatturi, bħal, b’mod partikolari, il-livell ta’ kura medika u dentali disponibbli, l-aċċess għall-prodotti mediċinali fuq riċetta medika, il-preżenza ta’ mard infettiv gravi u l-eżistenza ta’ ostakoli kulturali, lingwistiċi jew amministrattivi.

118    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat, kif jenfasizza ġustament is-SEAE, li la l-grupp tekniku AKGĦ u lanqas il-Kumitat EUDEL ma taw opinjoni negattiva dwar it-tnaqqis tal-AKGĦ għall-Etjopja mill‑1 ta’ Jannar 2016.

119    Barra minn hekk, ir-rikorrenti sostnew, waqt is-seduta, li l-informazzjoni pprovduta minn Falck Global Assistance ma kinitx affidabbli, fid-dawl tal-fatt li mis-sit internet ta’ din il-kumpannija jirriżulta li hija ma kinitx topera fl-Etjopja. Għandu jiġi rrilevat li, għalkemm dan l-argument tqajjem mir-rikorrenti fl-ilmenti tagħhom, ippreżentati fl-anness għar-rikors, dan ma tressaqx fit-test ta’ dan tal-aħħar.

120    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annessi tas-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzjaw jew jikkompletaw motivi jew argumenti espressament invokati mir-rikorrenti fit-test proprju tas-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom. Fil-fatt, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u li tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tkun tista’ tqis li jkunu l-bażi tar-rikors, sa fejn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2020, Sammut vs Il-Parlament, T‑608/18, EU:T:2020:249, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

121    Barra min hekk, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, motivi jew argumenti ġodda ma jistgħux jiġu ppreżentati matul il-kawża sakemm dawn il-motivi jew dawn l-argumenti ma jkunx ibbażati fuq punti ta’ fatt u ta’ liġi li joħorġu matul il-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Lulju 2015, Dennekamp vs Il-Parlament, T‑115/13, EU:T:2015:497, punt 80) jew ikun jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

122    Issa, f’dan il-każ, dan huwa argument ġdid invokat matul is-seduta u li ma ġiex ippreżentat fl-istadju tar-rikors filwaqt li huwa bbażat fuq punti ta’ fatt li kienu diġà magħrufa mir-rikorrenti waqt il-preżentata tal-imsemmi att bil-miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, von Blumenthal et vs BEI, T‑558/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:827, punt 50). Dan l-argument lanqas ma jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors li miegħu għandu rabta stretta. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

123    Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni pprovduta minn Falck Global Assistance ma tistax tiġi kkunsidrata bħala nieqsa minn affidabbiltà għas-sempliċi raġuni li din il-kumpannija ma toperax fl-Etjopja.

124    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, li mill-proċess ma jirriżultax li s-SEAE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-parametru “ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet”. B’mod iktar preċiż, l-elementi tal-proċess ma jippermettux lill-Qorti Ġenerali li ċċaħħad mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni magħmula mis-SEAE li tgħid li l-ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet fl-Etjopja huwa “diffiċli ħafna” filwaqt li dak ta’ Madagascar, tal-Uganda, taż-Żaire, taż-Żimbabwe u tal-Comores, b’mod partikolari, huwa “estremament diffiċli”.

 Fuq il-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra”

125    Għandu jitfakkar, kif ġie indikat fil-punt 109 iktar ’il fuq, li l-punteġġ mogħti lill-Etjopja għall-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra” tnaqqas b’punt, minn 3 punti għas-sena 2015 għal 2 punti għas-sena 2016. Dan ifisser li l-“kundizzjonijiet lokali oħra”, inizjalment ikkunsidrati bħala “diffiċli”, issa huma kkunsidrati “pjuttost diffiċli”.

126    Għandu jitfakkar ukoll li, konformement mal-Artikolu 2(5) tal-Linji gwida, il-punteġġ għall-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra” huwa ddeterminat abbażi tad-data kkomunikata mid-delegazzjonijiet bi tweġiba għal kwestjonarju u, jekk ikun il-każ, abbażi ta’ informazzjoni oħra pprovduta minn sorsi internazzjonali pubbliċi jew privati affidabbli. B’mod partikolari, id-data li għandha tiġi kkomunikata mid-delegazzjonijiet tirrigwarda ħames kriterji, jiġifieri “il-kundizzjonijiet ta’ provvista”, “is-servizzi pubbliċi”, “l-infrastruttura skolastika għal ulied il-persunal”, “l-opportunitajiet tax-xogħol għall-konjuġi” u “l-attivitajiet sportivi u kulturali”.

127    Fir-rigward tas-sistema stabbilita għall-għoti ta’ punteġġi għall-ħames kriterji inklużi fil-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra” u, permezz ta’ dan, għall-imsemmi parametru, mill-folja ta’ evalwazzjoni ppreparata mis-SEAE mid-data kkomunikata mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Etjopja jirriżulta li jista’ jingħata total massimu ta’ 54 punt lill-ħames kriterji kollha. Spjegazzjoni li tinsab f’din in-nota ta’ evalwazzjoni tistabbilixxi l-korrispondenza bejn, minn naħa, il-punteġġi, minn 0 sa 54 punt, maqsuma f’ħames partijiet, li jistgħu jingħataw għall-ħames kriterji kollha u, min-naħa l-oħra, il-punteġġ, minn 1 sa 5 punti, li jikkorrispondu għal kull parti, li għandha tingħata lill-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra”. Minn din l-ispjegazzjoni jirriżulta li punteġġ li jinsab bejn 11 u 21 punt għall-ħames kriterji kollha jikkorrispondi għal punteġġ ta’ 2 punti għall-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra”, filwaqt li punteġġ ta’ bejn 22 u 29 punt għall-ħames kriterji kollha jikkorrispondi għal punteġġ ta’ 3 punti għall-imsemmi parametru.

128    F’dan il-każ, mit-total massimu ta’ 54 punt attribwibbli għall-ħames kriterji kollha, il-punteġġ għas-sena 2015 kien ta’ 24 punt, filwaqt li kien ta’ 20 punt għas-sena 2016. Dawn l-erba’ punti ta’ differenza jikkorrispondu għal tnaqqis tal-punteġġi mogħtija lill-kriterji “servizzi pubbliċi” u għall-“possibbiltajiet ta’ xogħol għall-konjuġi”, minn 5 għal 2 punti għall-ewwel wieħed u minn 3 għal 2 punti għat-tieni wieħed. Il-punteġġi mogħtija lit-tliet kriterji l-oħra baqgħu l-istess.

129    Madankollu, is-SEAE jsostni, mingħajr ma ġie kontradett mir-rikorrenti fuq dan il-punt, li l-kriterju li realment wassal għal emenda tal-punteġġ mogħti lill-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra” huwa dak li jikkonċerna s-“servizzi pubbliċi”. Fil-fatt, mill-karta ta’ evalwazzjoni mogħtija mis-SEAE jirriżulta li, jekk il-punteġġ mogħti lill-kriterju “opportunitajiet ta’ xogħol għall-konjuġi” baqa’ l-istess, dak mogħti lill-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra” xorta waħda kien jonqos b’punt minħabba t-tnaqqis tal-punteġġ mogħti lill-kriterju “servizzi pubbliċi”. Mill-proċess jirriżulta li s-SEAE ddikjara li ħa inkunsiderazzjoni l-kwestjonarju mimli mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Etjopja dwar il-“kundizzjonijiet lokali oħra” sabiex jagġti punteġġ lill-imsemmi parametru, konformement mal-Artikolu 2(5) tal-Linji gwida. F’dan ir-rigward, fin-nota tas‑7 ta’ April 2016, l-Awtorità tal-Ħatra indikat dan li ġej:

“[L]-informazzjoni dwar il-‘kundizzjonijiet lokali oħra’ ittieħdet inkunsiderazzjoni fl-ewwel lok matul l-evalwazzjoni tal-bidu bbażata fuq il-kontribuzzjoni e-AKGĦ tad-[d]elegazzjoni. Id-data deskritta fil-kwestjonarju u dwar il-kundizzjonijiet lokali oħra rċeviet marka […] Konformement ma’ din l-evalwazzjoni, il-parametru tal-“kundizzjonijiet lokali oħra” għall-Etjopja kiseb in-nota ta’ 2 (fuq skala minn 1 sa 5).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

130    Mill-proċess jirriżulta wkoll li t-tweġibiet mogħtija mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Etjopja għall-kwestjonarju dwar il-kriterju “servizzi pubbliċi”, inkluż għall-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra” tas-sena 2014, għall-iffissar tal-AKGĦ applikabbli fl-2015 u dawk mogħtija fir-rigward tas-sena 2015 għall-istabbiliment tal-AKGĦ applikabbli fl-2016 huma l-istess.

131    Fir-rigward tal-kriterju “servizzi pubbliċi”, mit-tweġibiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Etjopja għall-kwestjonarju jirriżulta, essenzjalment, li, f’dan il-pajjiż, la t-trasport pubbliku u lanqas is-servizz ta’ taxi ma jistgħu jintużaw. Barra minn hekk, l-assistenza tal-pulizija lokali ma hijiex iggarantita, b’tali mod li, f’każ ta’ urġenza, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Etjopja għandhom jirrikorru għas-servizz ta’ sigurtà tal-imsemmija delegazzjonijiet. Fl-aħħar nett, ma hemmx sistema ta’ mmaniġġjar tal-iskart u li l-ġbir tal-iskart huwa organizzat lokalment f’ċerti distretti ta’ Addis Ababa (l-Etjopja).

132    Għandu jiġi rrilevat li l-eżami tal-kwalità tas-servizzi pubbliċi ta’ ċertu post ta’ assenjazzjoni jirriżulta li huwa operazzjoni kumplessa li tirrikjedi evalwazzjoni wiesgħa ta’ fatturi, b’mod partikolari l-affidabbiltà tat-trasport pubbliku u privat, tal-pumpiera, tas-servizzi ta’ ambulanza, ta’ pulizija u ta’ ġendarmerija u ta’ amministrazzjoni ta’ skart.

133    F’dan ir-rigward, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 104 iktar ’il fuq, fl-evalwazzjoni tal-fatti kumplessi tali li jiġġustifikaw l-annullament ta’ att, l-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika ta’ jekk ir-rikorrenti rnexxilhomx iċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjoni tal-fatti kkonstatati f’dan l-att.

134    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-kwalità tas-servizzi pubbliċi ma tjibitx fl-2015 u li hija tibqa’ kritika. B’hekk, l-aċċess għall-internet huwa inċert, spiss interrott u għoli ħafna, il-qtugħ tal-kurrent huma ta’ kuljum, l-aċċess għall-ilma tax-xorb huwa kkomplikat u l-firxa tal-mard bħall-kolera hija frekwenti, ma hemm ebda servizz pubbliku ta’ trasport sigur u l-ġbir tal-iskart isir b’mod irregolari ħafna.

135    Barra minn hekk, ir-rikorrenti, waqt is-seduta, indikaw li t-tweġibiet mogħtija mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fl-Etjopja għall-kwestjonarji li jikkonċernaw il-kriterji “servizzi pubbliċi” tas-sena 2014 għall-istabbiliment tal-AKGĦ applikabbli fl-2015 u dawk mogħtija fir-rigward tas-sena 2015 għall-istabbiliment tal-AKGĦ applikabbli fl-2016 ma varjawx. Is-SEAE madankollu ma spjegax it-tnaqqis tal-punteġġ mogħti lil dan il-kriterju.

136    Minn naħa, għandu jiġi rrilevat li s-SEAE ma pproduċiex elementi li jippermettu li jiġu kkontestati l-argumenti ppreżentati mir-rikorrenti.

137    Min-naħa l-oħra, is-SEAE ma esponiex, b’mod plawżibbli, ir-raġunijiet li għalihom huwa qies li l-kwalità tas-servizzi pubbliċi tjiebet bejn is-snin 2014 u 2015, b’tali mod li kellu jitnaqqas il-punteġġ mogħti lil dan il-kriterju minn 5 għal 2 punti. Fil-fatt, dawn ir-raġunijiet ma jirriżultawx mill-proċess u, mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, is-SEAE indika li huwa ma kellux provi x’isostnu minbarra dawk li jinsabu fil-proċess u, essenzjalment, li għalhekk ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għall-mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar dan il-punt.

138    Huwa ċertament minnu li l-Awtorità tal-Ħatra, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilmenti, tiddikjara li “it-tnaqqis żgħir tal-punteġġ [għall-parametru tal-kundizzjonijiet lokali oħra] huwa marbut ukoll mal-kwalità tas-servizzi pubbliċi fl-Etjopja, li, konformement mal-informazzjoni pprovduta mid-[d] elegazzjoni tal-U[njoni] u fid-dawl [tal-prinċipju ta’] koerenza reġjonali, jidher li kienet [issottovalutata]”.

139    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Etjopja ma tinsabx fost il-pajjiżi Afrikani li l-punteġġi tagħhom ġew aġġustati skont il-prinċipju ta’ koerenza reġjonali fir-rapport stabbilit wara t-tieni stadju previst fl-Artikolu 3 tal-Linji gwida, li fih is-SEAE jwettaq verifika tal-evalwazzjoni tal-punteġġi mogħtija fl-ewwel stadju fid-dawl tal-koerenza reġjonali. Barra minn hekk, għalkemm is-SEAE, mistoqsi f’dan ir-rigward waqt is-seduta, ma kkontestax li l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali seta’ ġie applikat għal dan il-każ, sostna, essenzjalment, li ma kienx f’pożizzjoni li jispjega, konkretament, b’liema mod l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju kellha influwenza fuq id-deċiżjoni kkontestata.

140    B’hekk, fid-dawl, minn naħa, tal-argumenti tar-rikorrenti li l-kwalità tas-servizzi pubbliċi fl-Etjopja ma tjibitx bejn is-snin 2014 u 2015 u, min-naħa l-oħra, tal-assenza ta’ spjegazzjonijiet min-naħa tas-SEAE li jippermettu li jiġi ġġustifikat it-tnaqqis tal-punteġġ mogħti lill-kriterju tas-“servizzi pubbliċi”, għandu jiġi konkluż li s-SEAE wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kriterju.

141    Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ tali żball manifest ta’ evalwazzjoni għad-deċiżjoni kkontestata, għandu jitfakkar li (ara l-punt 128 iktar ’il fuq) li l-kriterju li kien wassal għal tnaqqis ta’ punt wieħed fil-punteġġ attribwit lill-parametru “kundizzjonijiet oħra lokali” huwa dak li jirrigwarda s-”servizzi pubbliċi”, b’tali mod li l-punteġġ totali mogħti għall-Etjopja kien ta’ 13-il punt għall-2016. Issa, it-tnaqqis tar-rata tal-AKGĦ imwettaq bid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta mill-fatt li l-punteġġ mogħti lill-Etjopja għadda taħt il-limitu ta’ 14-il punt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-iżball manifest imwettaq fl-evalwazzjoni tal-kriterju “servizzi pubbliċi” huwa tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

142    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mqajma fil-kuntest tat-tielet motiv.

 Fuq l-ispejjeż

143    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-kuntest ta’ rinviju ta’ kawża wara annullament, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż relatati, minn naħa, mal-proċeduri mibdija quddiemha u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

144    Permezz tal-appell tiegħu, is-SEAE talab l-annullament tas-sentenza tal-bidu, b’mod partikolari sa fejn ikkundannatu għall-ispejjeż. Peress li l-kawża ġiet irrinvijata, fis-sentenza tagħha tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż.

145    Konsegwentement, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi f’din is-sentenza dwar l-ispejjeż sostnuti fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali li tat lok għas-sentenza oriġinali, tal-proċedura tal-appell fil-Kawża C‑427/18 P u ta’ din il-proċedura, wara rinviju.

146    Peress li s-SEAE tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż relatati ma’ din il-kawża kif ukoll mal-Kawżi T‑119/17 u C‑427/18 P, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tal-Baġit u l-Amministrazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad19 ta’ April 2016, dwar l-iffissar tal-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien msemmija fl-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal - Proċedura 2016 hija annullata, sa fejn tnaqqas, mill1 ta’ Jannar 2016, l-allowance għall-kundizzjonijiet tal-għajxien mħallas lill-persunal tal-Unjoni Ewropea assenjat fl-Etjopja.

2)      Is-SEAE huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti fil-Kawżi T-119/17, C427/18 P u T119/17 RENV.

Gervasoni

Nihoul

Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑12 ta’ Mejju 2021.

Firem


Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolamenti tal-Persunal

Kondizzjonijiet tal-impjieg

Deċiżjonijiet tas-SEAE

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet f’din l-istanza wara rinviju

Id-dritt

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġu adottati DĠI dwar l-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal

Fuq it-tieni motiv bbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tal-Anness X tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-metodu użat mis-SEAE, fil-Linji gwida, sabiex jistabbilixxi l-AKGĦ f’post ta’ assenjazzjoni jieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ koerenza reġjonali

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

Kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq il-parametru “ambjent tas-saħħa u tal-isptarijiet”

Fuq il-parametru “kundizzjonijiet lokali oħra”

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni notifikata lill-partijiet.