KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SZPUNAR
ippreżentati fl-20 ta’ April 2016 (1)
Kawża C‑135/15
Ir-Repubblika Ellenika
vs
Grigorios Nikiforidis
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol, il-Ġermanja)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol — Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) — Artikolu 28 — Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis — Artikolu 9(3) — Regoli mandatorji barranin — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirrigwarda t-tnaqqis tar-remunerazzjoni tal-impjegati tas-settur pubbliku minħabba l-kriżi finanzjarja”
Introduzzjoni
1. Il-kwistjoni tar-regoli mandatorji barranin tikkostitwixxi waħda minn dawk it-temi li ilhom għal diversi snin jispiraw il-kummentarji tad-dritt internazzjonali privat kważi fid-dinja kollha. Huwa diffiċli anki li jittieħed inventarju tan-numru ta’ monografi u ta’ xogħlijiet xjentifiċi oħra ddedikati għal din il-kwistjoni. Fl-istess ħin, in-numru ta’ kawżi ġudizzjarji — inklużi l-proċeduri ta’ arbitraġġ — li jirrigwardaw din il-problema direttament huwa relattivament baxx.
2. Fid-19 ta’ Ġunju 1980, l-Istati Membri ta’ (dik li dak iż-żmien kienet) il-Komunità Ekonomika Ewropea ffirmaw il-Konvenzjoni ta’ Ruma dwar il-liġi applikabbli għall-obbligi kuntrattwali (2). L-Artikolu 7(1) tagħha — dwar ir-regoli mandatorji barranin — mhux biss kellu natura innovattiva, iżda qajjem ukoll l-iktar kontroversji qawwija.
3. Din il-konvenzjoni u l-protokoll Nru 1 tagħha li jagħti l-ġurisdizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta d-dispożizzjonijiet tagħhom daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 1991 u l-1 ta’ Awwissu 2004, rispettivament.
4. Din il-kawża tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tiċċara ċerti dubji mqajma mill-problema tar-regoli mandatorji barranin fir-rigward tar-regola li ssostitwixxiet l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, jiġifieri l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma 1. Din il-kwistjoni, li terġa’ tqajjem dibattiti qawwija fil-kummentarji tad-dritt internazzjonali privat, saret biss lill-Qorti tal-Ġustizzja 36 sena wara l-iffirmar tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, u għalhekk tiġġustifika l-qawl “aħjar tard milli qatt!”
Il-kuntest ġuridiku
Il-Konvenzjoni ta’ Ruma
5. L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, intitolat “Regoli mandatarji”, jiddisponi dan li ġej:
“1. Fejn tkun applikata skond din il-Konvenzjoni il-liġi ta’ pajjiż, ir-regoli mandatarji tal-liġi ta’ pajjiż ieħor li miegħu s-sitwazzjoni jkollha rabta mill-qrib jistgħu jingħataw effett, jekk u sakemm, skond il-liġi ta’ dan l-aħħar pajjiz, dawk ir-regoli għandhom ikunu applikati tkun liema tkun il-liġi applikabbli għall-kuntratt. Fil-kunsiderazzjoni dwar ir-regoli mandatarji jingħatawx effett, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom u l-effetti tagħhom jekk ikunu applikati jew jekk ma jkunux applikati.
2. Xejn f’din il-Konvenzjoni m’għandu jżomm l-applikazzjoni tar-regoli tal-liġi tal-forum f’sitwazzjoni fejn dawn ikunu mandatarji irrispettivament mil-liġi li tapplika mod ieħor għall-kuntratt.”
6. Skont l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, kull Stat kontraenti jista’, waqt l-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jirriżerva d-dritt li ma japplikax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1).
7. Il-Konvenzjoni ta’ Ruma ġiet issostitwita mir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (3).
Id-dritt tal-Unjoni
8. L-Artikolu 9 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [Regoli mandatorji]”, jiddisponi:
“1. Id-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [ir-regoli mandatorji] huma dispożizzjonijiet li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament.
2. Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [ir-regoli mandatorji] tal-liġi tal-forum.
3. Jista’ jingħata effett lid-dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti tal-liġi tal-pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt jkunu jridu jitwettqu [jiġu eżegwiti] jew ikunu twettqu [ġew eżegwiti], sa fejn dawn dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti jagħmlu illegali t-twettiq tal-kuntratt. Sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi li ġejjin mill-applikazzjoni jew min-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom.”
9. L-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, intitolat “Applikazzjoni temporali”, jippreċiża:
“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kuntratti konklużi mis-17 ta’ Diċembru 2009.”
Id-dritt Ġermaniż
10. L-Artikolu 34 tal-Liġi introduttorja għall-Kodiċi Ċivili [Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuch] (EGBGB), li tħassar mis-17 ta’ Diċembru 2009, kien jipprevedi:
“Din is-subtaqsima hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż li jirregolaw is-sitwazzjoni b’mod mandatorju, irrispettivament mil-liġi li tapplika għall-kuntratt.”
11. Interpretata fid-dawl tal-ġurisprudenza u tal-kummentarji tad-dritt Ġermaniż, din id-dispożizzjoni ma teskludix l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor, u lanqas, għall-inqas, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tagħhom bħala kwistjoni ta’ fatt, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt applikabbli li jeħtieġu iktar preċiżjoni (“ausfüllungsbedürftige Rechtsnormen”).
12. Skont l-Artikolu 241(2) tal-kodiċi ċivili Ġermaniż (Bürgerliches Gesetzbuch, iktar ’il quddiem il-“BGB”):
“L-obbligu jista’, skont il-kontenut tiegħu, jobbliga lil kull parti tqis id-drittijiet, l-interessi legali u l-interessi tal-parti l-oħra.”
Il-fatti fil-kawża prinċipali
13. L-applikant fil-kawża prinċipali, Grigorios Nikiforidis, huwa impjegat bħala għalliem minn skola primarja ġestita mir-Repubblika Ellenika fil-Ġermanja, fil-belt ta’ Nürnberg.
14. Fil-bidu tas-sena 2010, il-parlament Elleniku, fil-kuntest tal-kriżi tad-dejn, adotta l-Liġijiet Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 (4) bl-għan li jnaqqsu l-ispejjeż pubbliċi. Dawn il-liġijiet naqqsu r-remunerazzjonijiet tal-impjegati tas-settur pubbliku, inklużi l-għalliema impjegati fl-iskejjel pubbliċi.
15. Ir-Repubblika Ellenika naqqset ir-remunerazzjoni ta’ G. Nikiforidis skont il-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq.
16. Il-parti interessata aġixxiet quddiem il-qrati Ġermaniżi kontra l-persuna li timpjegaha, ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u tal-Affarijiet Reliġjużi, għall-finijiet tar-regolazzjoni tad-dħul professjonali tagħha relatat mal-perijodu li jibda minn Ottubru 2010 sa Diċembru 2012.
17. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2012, l-Arbeitsgericht Nürnberg (qorti tax-xogħol ta’ Nürnberg) ċaħdet l-azzjoni, fid-dawl tal-immunità tal-Istat Elleniku. Permezz ta’ sentenza tal-25 ta’ Settembru 2013, il-Landesarbeitsgericht Nürnberg (qorti tal-appell tax-xogħol ta’ Nürnberg) annullat din id-deċiżjoni u ddeċidiet favur G. Nikiforidis. Ir-Repubblika Ellenika ressqet azzjoni ta’ kassazzjoni (Reviżjoni) kontra din is-sentenza tal-appell quddiem il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol).
18. Fil-kuntest tal-appell ta’ kassazzjoni (Reviżjoni), il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) ikkonstatat li r-relazzjoni tax-xogħol li torbot lill-partijiet hija waħda ta’ dritt privat u ma taqax fil-qasam tal-immunità tal-Istat Elleniku. Din ikkonfermat ukoll il-ġurisdizzjoni tal-qrati Ġermaniżi fuq il-bażi tal-Artikoli 18(1) u 19(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001 tal-Kunsill, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (5).
19. Barra minn hekk, il-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) qieset li r-relazzjoni legali kienet suġġetta għad-dritt Ġermaniż, li skontu t-tnaqqis tar-remunerazzjoni jeħtieġ emenda għall-kuntratt tax-xogħol (Änderungsvertrag) jew notifika ta’ emenda fil-kuntratt (Änderungskündigung). Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju qieset rilevanti, għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża nazzjonali, il-kwistjoni jekk din tistax tapplika d-dispożizzjonijiet tal-Liġijiet Elleniċi Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 għar-relazzjoni tax-xogħol li torbot lill-partijiet, jew li tapplikahom b’xi mod ieħor.
Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
20. Huwa f’dan il-kuntest li l-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“1. L-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I dwar ir-relazzjonijiet tax-xogħol japplika biss jekk ir-relazzjoni legali ġiet stabbilita permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol miftiehem wara s-16 ta’ Diċembru 2009, jew anki jekk ikun hemm il-kunsens sussegwenti tal-partijiet fil-kuntratt, kemm jekk ir-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom tinbidel jew tkompli mingħajr bdil, jeffettwa l-applikabbiltà tar-Regolament?
2. L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I waħdu jeskludi l-applikazzjoni diretta tar-regoli mandatorji tal-pulizija [regoli mandatorji] ta’ Stat terz fejn l-obbligi bbażati fuq il-kuntratt ma għandhomx jiġu eżegwiti jew ma ġewx eżegwiti, jew jeskludi wkoll it-teħid inkunsiderazzjoni indirett tad-dritt tal-Istat li l-liġi tiegħu tirregola l-kuntratt?
3. Il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandu sinjifikat legali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-qrati nazzjonali li tapplika direttament jew indirettament ir-regoli mandatorji [...] ta’ Stat Membru ieħor?”
21. It-talba għal deċiżjoni preliminari waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2015.
22. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Elleniku, kif ukoll mill-Gvern tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u mill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet fil-proċedura u G. Nikiforidis attendew għal seduta għas-sottomissjonijiet orali, li nżammet fl-1 ta’ Frar 2016.
Analiżi
23. Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tagħmel diversi domandi marbuta mal-problema tar-regoli mandatorji barranin, li hija magħrufa sew fid-dritt internazzjonali privat u fl-istess ħin tqajjem diversi kontroversji — ta’ natura essenzjalment dottrinali.
24. Id-diffikultajiet li joħloq l-eżami tal-kwistjonijiet imqajma minn dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq soluzzjonijiet differenti li kienu ġew ipprovduti għalihom mill-Konvenzjoni ta’ Ruma, id-dritt internazzjonali privat tal-Istati Membri u r-Regolament Ruma I.
25. B’differenza mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jagħti effett lir-regoli barranin f’kundizzjonijiet strettament iddefiniti. Dan l-effett huwa rriżervat għad-dispożizzjonijiet tal-pajjiż li fih l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt għandhom jiġu eżegwiti jew ikunu ġew eżegwiti. Barra minn hekk, huwa permess li dawn id-dispożizzjonijiet jiġu applikati biss sa fejn dawn irendu illegali l-eżekuzzjoni tal-kuntratt. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-ewwel waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, iżda hija ma ddeċidietx dwar jekk hijiex issodisfatta f’dan il-każ it-tieni kundizzjoni.
26. Il-qorti tar-rinviju tinnota li l-possibbiltà li jitqiesu d-dispożizzjonijiet li jnaqqsu r-remunerazzjonijiet li jinsabu fil-Liġijiet Elleniċi Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010, bl-effett li jiddeterminaw l-obbligi tal-partijiet fil-kuntratt ta’ xogħol suġġett għad-dritt Ġermaniż, għandha importanza deċiżiva għall-finijiet tad-deċiżjoni li għandha tittieħed fir-rigward tat-tilwima. Din, barra minn hekk, tenfasizza li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni — li għandhom natura mandatorja u li l-osservanza tagħhom hija fattur essenzjali tal-protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tar-Repubblika Ellenika — bla dubju jikkostitwixxu regoli mandatorji fis-sens tad-dritt internazzjonali privat.
27. Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi jekk ir-Regolament Ruma I huwiex applikabbli ratione temporis għad-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għar‑relazzjoni legali stabbilita skont kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 (6) (l-ewwel domanda preliminari).
28. Il-qorti tar-rinviju mbagħad tistaqsi jekk — sakemm f’dan il-każ ir-Regolament Ruma I jibqa’ applikabbli ratione temporis — l-Artikolu 9(3) tiegħu, jipprekludix il-prattika tradizzjonali tal-qrati Ġermaniżi li tikkonsisti f’li ma japplikawx direttament id-dispożizzjonijiet ta’ liġi barranija fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt li jirregola l-kuntratt, iżda li jeħduhom inkunsiderazzjoni indirettament biss, (it-tieni domanda preliminari).
29. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE għandux influwenza fuq id-deċiżjoni li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor (it-tielet domanda preliminari).
30. Se neżamina dawn id-domandi suċċessivament bl-argumenti żviluppati hawn taħt f’dawn il-konklużjonijiet.
Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I (l-ewwel domanda preliminari)
31. Bid-domanda tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk hemmx lok li għal din it-tilwima, li nqalgħet fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż qabel is-17 ta’ Diċembru 2009, jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament jew ir-regoli l-antiki applikabbli qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.
32. Nixtieq nenfasizza li l-leġiżlatur irrestrinġa b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I għar-relazzjonijiet ġuridiċi diġà stabbiliti, billi ddispona, fl-Artikolu 28 ta’ dan it-test, li dan huwa applikabbli għall-“kuntratti konklużi sa mis-17 ta’ Diċembru 2009” (7).
33. L-adozzjoni mil-leġiżlatur ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji espliċiti teskludi kull possibbiltà li wieħed jirrikorri għall-prinċipji ġenerali, b’mod partikolari, għal dak tal-applikazzjoni immedjata tar-regola l-ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt ir-regola l-antika (8).
34. Permezz ta’ deroga minn dan il-prinċipju ġenerali, is-soluzzjoni li tinsab fl-Artikolu 28 “timmobilizza” s-sistema legali li tirregola l-kuntratt fil-jum tal-konklużjoni tiegħu (9).
35. Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 28, qabelxejn għandu jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni, sa fejn din torbot il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I maċ-ċirkustanza tal-konklużjoni tal-kuntratt, tintroduċix fid-dritt tal-Unjoni l-kunċett awtonomu ta’ “konklużjoni tal-kuntratt” jew tirreferix għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli.
36. Jien inqis li interpretazzjoni sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 28 tipprekludi b’mod ċar idea awtonoma tal-kunċett ta’ “konklużjoni tal-kuntratt”.
37. Huwa veru li hemm lok — fil-prinċipju — li tingħata interpretazzjoni awtonoma tat-termini użati fl-atti ġuridiċi tal-Unjoni. Din il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll għat-termini użati fid-dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali privat tal-Unjoni (10).
38. Madankollu nqis li din ir-regola ma hijiex applikabbli għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “konklużjoni tal-kuntratt” previst fl-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I.
39. Bħalma nnotaw ġustament il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni, mill-Artikolu 10 tar-Regolament Ruma I jista’ jiġi dedott li l-evalwazzjoni tal-eżistenza u tal-validità tal-kuntratt hija rregolata mid-dritt li jkun applikabbli għall-kuntratt skont ir-regolament, jekk wieħed jassumi li dan il-kuntratt ikun validu.
40. Jien naħseb li, biex jiġi ddeterminat il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt bl-għan li jsir użu mill-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, hemm lok li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tad-dritt li jkun applikabbli għal dan il-kuntratt skont dan ir-regolament (11).
41. Raġunijiet prattiċi qabel kollox jiffavorixxu tali soluzzjoni. Il-konklużjoni ta’ kuntratt hija att marbut b’mod inseparabbli mas-sistema legali li huwa suġġett għaliha. Id-dritt tal-Unjoni ma fihx dispożizzjoni waħda li tirregola l-kwistjoni tal‑konklużjoni ta’ kuntratt (12), b’tali mod li jkun diffiċli li jissawwar kunċett awtonomu ta’ “konklużjoni tal-kuntratt”.
42. Anki fis-sitwazzjoni fejn tali kunċett jkun inħoloq, l-applikazzjoni tiegħu tiltaqa’ ma’ problemi prattiċi sinjifikattivi. Wieħed ma jkunx jaf kif jipproċedi meta l-kuntratt, meqjus li huwa konkluż skont il-kunċett awtonomu, ikun nieqes mill-effetti skont id-dritt applikabbli u s-sitwazzjoni opposta tkun tqajjem l-istess inċertezzi.
43. Eventwalment tista’ titfassal soluzzjoni li tikkonsisti fiż-żamma ta’ kunċett awtonomu fiż-“żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt” biss fil-każ fejn ikun stabbilit li l-kuntratt kien ġie konkluż b’mod validu skont id-dritt li huwa suġġett għalih. Madankollu nqis li tali soluzzjoni tkun ukoll wisq kumplessa u ftit li xejn prattika. Fil-fatt huwa impossibbli li jiġi ddeterminat il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt indipendentement mid-dritt applikabbli, li jikkundizzjona l-modalitajiet tal-aġir tas-suġġetti tad-dritt li jwettqu l-konklużjoni valida ta’ kuntratt.
44. Kunsiderazzjonijiet teleoloġiċi jiffavorixxu wkoll is-soluzzjoni li qiegħed nipproponi. Permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli ta’ kunflitt, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod partikolari kellu l-għan li jsaħħaħ iċ-ċertezza legali fid-determinazzjoni tad-dritt applikabbli (13). Għalkemm il-kunċett ta’ “konklużjoni tal-kuntratt” previst fl-Artikolu 28 kien maħsub f’sens awtonomu, indipendentement mid-dritt li jirregola l-aspetti l-oħra marbuta mal-konklużjoni u l-validità tal-kuntratt, tali kunċett mingħajr l-ebda dubju jnaqqas il-prevedibbiltà ġuridika.
45. Għalhekk, ma għandix dubju li l-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi ddeterminat skont il-lex causae.
46. Fil-kawża ineżami, hemm lok li jiġi ddeterminat skont id-dritt applikabbli għall-konvenzjoni inkwistjoni jekk il-kuntratt ta’ xogħol li jorbot lill-partijiet fil-kawża kienx ġie konkluż b’effett mis-17 ta’ Diċembru 2009 u jekk ir-relazzjoni kuntrattwali għalhekk taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I. Bħalma jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, id-dritt xieraq f’dan il-każ huwa d-dritt Ġermaniż.
47. Dan id-dritt jiddetermina b’mod partikolari jekk il-kuntratt ta’ xogħol konkluż mill-partijiet fil-kawża kienx suġġett, mis-17 ta’ Diċembru 2009, għal modifika li tista’ titqies li hija l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid, f’liema każ dan il-ftehim ikun suġġett għar-regoli ta’ kunflitt iddefiniti mir-Regolament Ruma I (14).
48. Din l-ipoteżi ftit li xejn tidher probabbli jekk wieħed iqis iċ-ċirkustanzi deskritti fid-digriet tal-qorti tar-rinviju. Ir-relazzjoni ta’ xogħol li torbot lill-partijiet fil-kawża kienet inħolqot fis-16 ta’ Settembru 1996 u l-kuntratt ma kien suġġett għall-ebda modifika bejn is-17 ta’ Diċembru 2009 u t-tnaqqis unilaterali inkwistjoni tar-remunerazzjoni.
49. Madankollu nixtieq nenfasizza li s-soluzzjoni li jien nirrakkomanda tista’ tkun sors ta’ inċertezzi fis-sitwazzjoni ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għal perijodu twil. Dan japplika pereżempju għall-ftehimiet bħall-kuntratti ta’ kiri, iżda wkoll għall-kuntratt ta’ xogħol — inkwistjoni fil-kawża nazzjonali. Relazzjonijiet legali ta’ dan it-tip jistgħu jdumu wkoll għal diversi deċennji. Il-leġiżlatur tal-Unjoni tassew li kellu l-intenzjoni li numru ta’ snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Ruma I jerġa’ jissuġġetta r-relazzjonijiet ġuridiċi ta’ dan it-tip għar-regoli ta’ kunflitt preċedentement fis-seħħ?
50. Regolazzjoni tal-kunflitti ta’ liġijiet li teskludi l-kuntratti eżistenti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda u li tissuġġettahom għal regoli antiki hija relattivament frekwenti fid-dritt privat u hija wkoll is-suġġett ta’ analiżi dottrinali, b’mod partikolari, f’termini tal-effetti tagħha fuq l-obbligi għal perijodu twil. Il-kummentarji Pollakki tad-dritt internazzjonali privat li saru fil-kuntest tal-Liġi tal-1964 — Dispożizzjonijiet li jintroduċu l-kodiċi ċivili (15) — iqisu li din is-soluzzjoni ma tistax tiġi applikata b’mod mekkaniku u li b’mod partikolari, din ma għandhiex tirrigwarda l-impenji għal perijodu twil (16). Skont l-opinjoni dominanti tal-kummentarji Pollakki attwali, huwa ppreferut li tiġi applikata l-liġi l-ġdida għar-relazzjonijiet kuntrattwali għal perijodu twil, jiġifieri għal dawk li l-eżekuzzjoni tagħhom tkun ta’ natura kontinwa jew perjodika. Dan il-kunċett jippermetti li jiġi evitat li numru sinjifikattiv ta’ relazzjonijiet legali jiġu suġġetti għal sistemi differenti ta’ regoli legali (17).
51. Mill-formulazzjoni ċara tal-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I jista’ jiġi dedott li ma huwiex possibbli li jiġi difiż l-argument li jsostni l-ħtieġa li jiġi applikat dan ir-regolament għar-relazzjonijiet kuntrattwali għal perijodu twil stabbiliti sas-17 ta’ Diċembru 2009. Ikun possibbli li tiġi aċċettata l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għal dan it-tip ta’ relazzjonijiet legali biss jekk il-modifiki għall-kuntratt, li jkunu saru wara din id-data, ikunu jistgħu jitqiesu — skont id-dritt applikabbli — bħala l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ hawnhekk.
52. Fid-dawl tal-argumenti żviluppati preċedentement, nikkonkludi li l-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt previst fl-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I għandu jiġi ddeterminat skont id-dritt li jkun applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, jekk dan ir-regolament kien applikabbli.
Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biex tinterpreta l-Artikoli 7(1) u 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma
53. Fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tqis li l-kuntratt inkwistjoni ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I, dan ikun suġġett għas-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Ruma (18).
54. Għalhekk, sabiex tingħata risposta utli għall-qorti tar-rinviju, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex tinterpreta l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li kien jirregola l-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji qabel ma r-Regolament Ruma I issostitwixxa l-Konvenzjoni.
55. Minkejja li l-Konvenzjoni ta’ Ruma ma hijiex att ġuridiku tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni biex tinterpretaha skont l-Artikoli 1 u 2(a) tal-ewwel Protokoll għal din il-konvenzjoni, inter alia fuq talba ta’ waħda mill-qrati federali supremi Ġermaniżi.
56. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-ġurisdizzjoni skont il-protokoll imsemmi iktar ’il fuq biex tinterpreta l-Konvenzjoni ta’ Ruma fuq talba tal-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol), fil-fehma tiegħi, din għandha l-ġurisdizzjoni wkoll sabiex tinterpreta din il-konvenzjoni fuq il-bażi ta’ dan ir-rinviju preliminari fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Ruma I. Mill‑ġurisprudenza tagħha jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tirriżerva b’mod ċar id-dritt li twessa’ l-portata tad-domandi preliminari sabiex tagħti risposta utli għall-qorti tar-rinviju, bil-kundizzjoni li tiġi ppreżervata s-sustanza tad-domanda magħmula (19). F’dan il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma jimmodifikax is-sustanza tat-tieni domanda preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, peress li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirregolaw l-istess tema.
57. Madankollu, huwa importanti li qabelxejn jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju — li tqajjem dubju dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tar-Regolament Ruma I — ma tagħmel l-ebda domanda dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. F’każ ta’ nuqqas ta’ applikabbiltà tar-Regolament Ruma I, ikun hemm lok li l-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji barranin għal din il-kawża, bħalma tinnota wkoll il-qorti tar-rinviju nnifisha, tiġi deċiża fuq il-bażi tad-dritt internazzjonali privat nazzjonali.
58. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rriżervat id-dritt, konformement mal-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, li ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1). Bħalma osserva ġustament il-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, din ir-riżerva għandha l-effett li l-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ma jkunx applikabbli għall-kawża nazzjonali sakemm tkun quddiem il-qorti Ġermaniża.
59. Ċertament, wieħed jista’ jistaqsi, bħalma nnotat il-Kummissjoni matul is-seduta, jekk il-fatt biss li l-Gvern Ġermaniż ħareġ riżerva fis-sens tal-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ċaħadx lill-qrati Ġermaniżi mill-possibbiltà li jirrikorru għall-prattika — ibbażata fuq id-dritt internazzjonali privat nazzjonali — li tippermettilhom li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod indirett ir-regoli mandatorji barranin.
60. Ir-risposta għal din id-domanda madankollu teħtieġ interpretazzjoni tal-Artikolu 22(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni. Għalhekk, tkun ikkonċernata d-definizzjoni tal-portata tar-riżerva maħruġa fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni fuq l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni. Jien inqis li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex teżamina din il-kwistjoni, minħabba li l-estensjoni tad-domandi preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma timmodifika s-sustanza tad-domanda preliminari ineżami. Indipendentement minn din il-kunsiderazzjoni, għandi nirrileva — anki jekk b’hekk nantiċipa xi ftit l-iżviluppi ulterjuri tiegħi — li r-risposta li nipproponi li tingħata għat-tieni domanda preliminari tista’ tikkontribwixxi wkoll sabiex tiċċara l-ambigwità enfasizzata mill-Kummissjoni.
61. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, f’dan il-każ, jien tal-fehma li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex tinterpreta l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma fl-ambitu tal-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(1) tagħha.
Interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I (it-tieni domanda preliminari).
Osservazzjonijiet preliminari
62. It-tieni domanda preliminari magħmula f’dan il-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I. Din id-dispożizzjoni tirregola l-kwistjoni tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor. Din għalhekk tirrigwarda dispożizzjonijiet li la jirriżultaw mil-liġi applikabbli għall-kuntratt (lex causae) u lanqas mid-dritt tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża (lex fori).
63. Mill-argumenti tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari jista’ jiġi dedott li r-risposta għal din id-domanda tkun rilevanti għall-qorti nazzjonali biss sa fejn, fuq il-bażi ta’ kriterji ddefiniti fir-risposta għall-ewwel domanda, din il-qorti tqis li r-Regolament Ruma I huwa applikabbli ratione temporis għall-kawża nazzjonali.
64. Madankollu, jidher li l-problema mqajma minn din id-domanda tinsab f’kuntest iktar wiesa’ u li l-eżami tagħha huwa utli wkoll għas-soluzzjoni li l-qorti tar-rinviju għandha tagħti għall-kawża nazzjonali fil-kuntest tad-dritt fis-seħħ qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament inkwistjoni.
Il-kunċett ta’ “regola mandatorja”
65. Il-kunċett ta’ regola mandatorja huwa użat mid-duttrina tad-dritt internazzjonali privat u mill-ġurisprudenza ta’ diversi pajjiżi (20). Dan jirrigwarda dispożizzjonijiet bl-għan li jiġu ssodisfatti interessi speċifiċi ta’ pajjiż speċifiku u li, minħabba l-għan tagħhom, ikunu applikabbli irrispettivament mid-dritt li jirregola r-relazzjoni ġuridika ineżami. Fi kliem ieħor, dawn ir-regoli jiddefinixxu huma stess il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, li ma jistax ikun limitat, anki jekk ir-regoli ta’ kunflitt jipprovdu għall-kompetenza ta’ dritt ieħor biex jirregola relazzjoni legali partikolari.
66. L-eżistenza ta’ dan it-tip ta’ dispożizzjonijiet hija r-riżultat tal-intervent li qiegħed jikber tal-Istat fir-relazzjonijiet tad-dritt privat. L-issuġġettar ta’ ċerti relazzjonijiet legali għall-kompetenza integrali ta’ dritt barrani tirriżulta inaċċettabbli mill-perspettiva tal-implementazzjoni minn Stat partikolari tal-interessi politiċi, soċjali u ekonomiċi tiegħu. Fil-fatt, l-Istati jagħmlu sforzi biex jissodisfaw sa fejn possibbli l-interessi li l-protezzjoni tagħhom tkun żgurata mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni, irrispettivament mid-dritt li jirregola — skont ir-regoli ta’ kunflitt — ir-relazzjoni ġuridika meqjusa. Dan il-fenomenu kien ġie nnotat u deskritt mill-ġuristi sa min-nofs is-seklu li għadda (21).
67. Il-kwistjoni tar-regoli mandatorji ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, konkluża bejn l-Istati Membri ta’ (dik li dak iż-żmien kienet) il-Komunità Ekonomika Ewropea. Din id-dispożizzjoni — innovattiva ħafna għal dak iż-żmien — ifformat il-perċezzjoni tar-regoli mandatorji mid-duttrina u l-ġurisprudenza tal-qrati, anki lil hinn mill-Istati Ewropej. Il-maġġoranza l-kbira tal-kodifikazzjonijiet moderni tad-dritt internazzjonali privat tal-Istati differenti jirregolaw, minkejja li b’mod differenti, il-kwistjoni tar-regoli mandatorji (22).
Ir-regoli mandatorji u l-ordni pubbliku
68. Eżami iktar fil-fond tal-ġenesi tar-regoli mandatorji jiżvela l-korrelazzjoni mill-qrib ħafna tagħhom mal-kunċett ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku. Ikun biżżejjed li f’dan ir-rigward isir riferiment għall-konstatazzjoni ta’ Frédéric de Savigny, li skontha l-ordni pubbliku ta’ Stat — indipendentement mill-eċċezzjoni ġenerali bbażata fuq l-ordni pubbliku li tirrimedja l-effetti prodotti mill-applikazzjoni tad-dritt kompetenti inkwistjoni — huwa wkoll protett minn regoli speċifiċi “ta’ natura strettament pożittiva u obbligatorja” (Gesetze von streng positiver, zwingender Natur) (23) [traduzzjoni libera]. Ir-rabta tar-regoli mandatorji mal-ordni pubbliku tirriżulta mis-sebgħa u tletin premessa tar-Regolament Ruma I, li skontu “[k]onsiderazzjonijiet ta’ interess pubbliku jiġġustifikaw li l‑qrati ta’ l-Istati Membri jingħataw il-possibbiltà li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jiġu applikati eċċezzjonijiet ibbażati fuq l-ordni pubbliku u fuq dispożizzjonijiet obbligatorji prevalenti [regoli mandatorji]” (enfasi miżjuda minni).
69. Minkejja li dawn iż-żewġ tipi ta’ strumenti legali joriġinaw mill-protezzjoni tal-ordni pubbliku, l-effett tagħhom madankollu ma huwiex l-istess. L-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku — li tiġi espressa b’mod partikolari fl-Artikolu 21 tar-Regolament Ruma I — hija bbażata fuq l-intenzjoni li tiġi eskluża l-applikazzjoni tad-dritt barrani meta din twassal għal ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża. Din l-eċċezzjoni għalhekk għandha l-funzjoni li tinnewtralizza ċerti effetti tal-applikazzjoni tad-dritt barrani li jidhru mhux mixtieqa fir-rigward tal-ħtieġa ta’ protezzjoni tal-ordni pubbliku.
70. Għall-kuntrarju, ir-regoli mandatorji jipproteġu l-ordni pubbliku mod ieħor. Dawn jaffettwaw direttament ir-relazzjoni ta’ dritt inkwistjoni billi jifformaw il-kontenut tiegħu, indipendentement mid-dispożizzjonijiet tad-dritt barrani li jirregola r-relazzjoni legali.
Ir-regoli mandatorji fid-dritt tal-Unjoni
71. Skont id-definizzjoni mogħtija lilhom mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I, ir-regoli mandatorji huma dispożizzjonijiet “li r-rispett tagħhom huwa meqjus bħala kruċjali minn pajjiż għas-salvagwardja ta’ l-interessi pubbliċi tiegħu, bħall-organizzazzjoni politika, soċjali jew ekonomika tiegħu, tant li dawn ikunu applikabbli fi kwalunkwe sitwazzjoni li taqa’ fl-ambitu tagħhom, irrispettivament mill-liġi applikabbli għall-kuntratt skond dan ir-Regolament”. Din id-definizzjoni hija ispirata mill-formulazzjoni użata mis-sentenza Arblade et, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol Belġjan, ikklassifikati fid-dritt Belġjan bħala “regoli mandatorji u ta’ sigurtà” (24).
72. Bħalma huwa indikat iktar ’il fuq, ir-regoli mandatorji jiddeterminaw huma stess il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, irrispettivament mid-dritt li jirregola r-relazzjoni tad-dritt ineżami. Għandu jiġi nnotat li, ta’ spiss ħafna, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jirriżultax direttament mill-kontenut tagħhom. F’kull każ, l-applikazzjoni tagħhom hija ddeterminata mill-qorti li quddiemha tkun tressqet kawża partikolari. Biex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tagħhom, din għandha tevalwa ċ-ċirkustanza tal-każ u tivverifika l-motivi u l-objettivi sottostanti għad-dispożizzjoni meqjusa f’dan il-każ. Il-qorti li quddiemha titressaq il-kawża għandha tagħti risposta għad-domanda dwar jekk kinitx effettivament l-intenzjoni tal-leġiżlatur awtur ta’ din ir-regola li jagħtiha n-natura ta’ dispożizzjoni ta’ regola mandatorja. L-interessi politiċi, soċjali jew ekonomiċi tal-Istat li minnhom oriġinat din id-dispożizzjoni jiġġustifikaw tassew li din ikollha effett fuq ir-relazzjoni legali ineżami, minkejja li r-regoli ta’ kunflitt jagħtu lid-dritt ta’ Stat ieħor il-kompetenza li jirregola r-relazzjoni ġuridika inkwistjoni?
73. Huwa għalhekk li huwa impossibbli li jitfassal katalogu ta’ dispożizzjonijiet privileġġati a priori. Il-leġiżlatur tal-Unjoni u l-kummentarji ġuridiċi jistgħu biss jiddeskrivu l-fenomenu nnifsu ta’ “regoli mandatorji”, iżda hija l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża li għandha tiddeċiedi dwar in-natura ta’ “regoli mandatorji” ta’ dispożizzjoni partikolari.
74. Jien inqis li l-analiżi li tasal għaliha l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża għandha natura funzjonali. Din il-qorti tiddeċiedi jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, soluzzjoni ġusta teżiġix li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi fondati u leġittimi ta’ Stat, li d-dritt tiegħu ma huwiex applikabbli għal relazzjoni ġuridika speċifika. Għalhekk jista’ jiġi affermat li l-kunċett innifsu ta’ regola mandatorja jagħti lill-qorti l-possibbiltà li tadotta deċiżjoni li tkun ġusta, filwaqt li tqis il-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-interessi diverġenti tal-Istati kkonċernati.
L-oriġini tar-regoli mandatorji
75. Fil-maġġoranza tagħhom, ir-regoli ta’ kunflitt ta’ Stati differenti jagħmlu distinzjoni bejn l-ammissibbiltà u l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji skont l-Istat ta’ oriġini tagħhom.
76. Għalkemm dawn ir-regoli jirriżultaw mid-dritt tal-Istat li jirregola r-relazzjoni legali meqjusa (lex causae), il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tagħhom ma tqumx b’mod ġenerali. Ftit li xejn jimporta jekk il-lex causae tkunx identika jew le għad-dritt tal-qorti li quddiemha tressqet il-kawża (lex fori). Dawn ir-regoli fil-fatt jagħmlu parti integrali mis-sistema legali li l-qorti għandha tiddeċiedi fuq il-bażi tagħha.
77. Il-kwistjoni tal-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli inkwistjoni tqajjem inqas kontroversji meta dawn ikunu ġew adottati mill-Istat li l-qrati tiegħu jkunu aditi b’kawża partikolari (lex fori) u meta r-relazzjoni legali ineżami tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat ieħor. Din il-kwistjoni kienet ġiet irregolata b’mod partikolari mill-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma u mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I. Għalhekk, ġustament, wieħed jassumi l-prinċipju li l-qrati ta’ Stat partikolari għandhom responsabbiltà partikolari fil-protezzjoni tal-interessi politiċi, soċjali u ekonomiċi tiegħu. Barra minn hekk, huma dawn il-qrati li jistgħu jiddefinixxu bl-iktar mod faċli l-portata tal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi u jevalwaw il-motivi u l-għanijiet li jiggwidaw dispożizzjoni determinata.
78. L-ikbar kontroversji naturalment jirrigwardaw it-tema li hija s-suġġett tat-tieni domanda magħmula f’dan il-każ mill-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol) fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor. Kienu ġew stabbiliti diversi studji dottrinali dwar dan is-suġġett — notevolment wara l-adozzjoni tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma — kważi fl-Istati Membri kollha. Inħoss ukoll li l-kummentarji dottrinali taw lil din it-tema interess manifestament sproporzjonat fir-rigward tas-sinjifikat prattiku tagħha li hu relattivament żgħir.
79. L-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kien dispożizzjoni innovattiva ħafna meta ġiet adottata (25). Għalkemm dan l-artikolu ispira lil numru kbir ta’ leġiżlaturi nazzjonali, anki ’l barra mill-Istati Membri, madankollu kien kontroversjali. B’mod partikolari kien hemm oppożizzjoni għalih bl-argument li l-applikazzjoni ta’ regoli mandatorji ta’ Stat ieħor għandha bħala effett li tagħti setgħa diskrezzjonali eċċessiva lill-awtoritajiet inkarigati bl-applikazzjoni tad-dritt. Ġie argumentat li l-ibbilanċjar tal-interessi li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet li joħorġu mil-lex causae, mil-lex fori u mid-dritt tal-Istat l-ieħor huwa eżerċizzju kkumplikat ħafna u li dawn il-kunsiderazzjonijiet jispjegaw ukoll in-nuqqas ta’ preċiżjoni li jaffettwa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tar-regoli mandatorji ddefiniti mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, għad-detriment tas-sigurtà tal-kummerċ u tas-suppożizzjoni tal-prevedibbiltà ta’ soluzzjonijiet. Huwa għal din ir-raġuni li l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma kien joffri lill-Istati partijiet f’din il-konvenzjoni l-possibbiltà li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(1), li rrikorrew għaliha r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika Portugiża, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Renju Unit.
80. Id-difensuri tal-Artikolu 7(1) qabelxejn sostnew li r-rikonoxximent tal-effetti ġuridiċi ta’ ċerti regoli mandatorji ta’ Stat ieħor jipprovdu l-opportunità li tiġi adottata deċiżjoni ġusta li tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-Istat l-ieħor (26). Dan jippermetti li jitneħħew ostakoli possibbli għar-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni f’dan l-Istat l-ieħor. Il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor issaħħaħ il-koerenza internazzjonali tas-soluzzjonijiet ġudizzjarji, peress li, irrispettivament mill-Istat li quddiem il-qrati tiegħu titressaq kawża, din tikkostitwixxi mekkaniżmu li jippermetti r-regolazzjoni uniformi tagħha (27) u li għalhekk jillimita l-fenomenu tal-forum shopping. Fl-aħħar nett, il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ pajjiż ieħor tiffavorixxi l-kooperazzjoni u s-solidarjetà internazzjonali, u dan jidher indispensabbli fil-kuntest tal-interdipendenza tal-Istati (28).
Ir-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor fir-Regolament Ruma I
– Osservazzjonijiet preliminari
81. Il-kontroversji mqajma mill-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma ssarrfu fix-xogħol preparatorju tar-Regolament Ruma I (29). Id-dispożizzjoni dwar il-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji barranin ġiet diskussa fi ħdan il-Kunsill (30). Fl-aħħar nett inżammet formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tillimita l-possibbiltà li jingħata effett lir-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor, b’rabta mal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma.
82. Ir-restrizzjonijiet essenzjali jikkonċernaw żewġ aspetti. Fl-ewwel lok, jista’ jingħata effett lid-dispożizzjonijiet tal-Istat li fih l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt għandhom jiġu jew ikunu ġew eżegwiti. Fit-tieni lok, tali approċċ huwa permess biss sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet irendu illegali l-eżekuzzjoni tal-kuntratt.
83. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I għadhom jistgħu jqajmu dubji oħra dwar l-interpretazzjoni, li jirrigwardaw b’mod partikolari l-kwistjoni dwar sa fejn id-dritt tal-Unjoni jista’ jipprojbixxi, jillimita jew jippreskrivi l-applikazzjoni ta’ ċerti regoli mandatorji. Fil-fatt, wieħed għandu jżomm f’moħħu li, għall-kuntrarju tal-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Ruma I jinkludi definizzjoni ta’ regoli mandatorji, li ma jistax ma jkollhiex effett fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Lanqas ma huwa evidenti li tiġi ddeterminata n-natura tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li l-Artikolu 9(2) jipprevedi l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum, filwaqt li l-Artikolu 9(3) għall-kuntrarju huwa intiż li jagħti effett lil dawn id-dispożizzjonijiet meta dawn joriġinaw minn Stat Membru ieħor. Iżda peress li dawn il-kwistjonijiet ma humiex is-suġġett ta’ din il-proċedura, jiena m’inix ser neżaminahom.
84. Id-dubju espress mill-qorti tar-rinviju fit-tieni domanda fil-prinċipju jirrigwarda biss il-kwistjoni ta’ jekk, meta ma jkunux issodisfatti l-kundizzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 9(3), il-qorti tistax tieħu inkunsiderazzjoni b’mod indirett id-dispożizzjonijiet ta’ Stat ieħor — jiġifieri, f’dan il-każ, ir-regoli tad-dritt Elleniku. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, fil-fehma tagħha, l-eżekuzzjoni tal-obbligu kuntrattwali inkwistjoni fil-proċedura nazzjonali ma sseħħx fir-Repubblika Ellenika, iżda fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
85. L-ewwel nett nista’ nibda bl-eżami ta’ din il-problema, għalkemm ir-risposta għad-domanda tal-qorti tar-rinviju teżiġi li tinftiehem f’kuntest iktar wiesa’.
– Il-limiti għall-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor ipprovduti mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I
86. Fl-osservazzjonijiet li ppreżentaw matul din il-proċedura, il-gvernijiet tal-Ġermanja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni pproponew li jiġu interpretati b’mod restrittiv il-kriterji li jikkundizzjonaw l-użu l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I. Dawn iqisu li l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni dispożizzjonijiet ta’ din in-natura tad-dritt ta’ Stat ieħor minn issa ’l quddiem hija mnaqqsa b’mod notevoli b’paragun mal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Dan jikkonċerna prinċipalment il-limiti li jien semmejt fil-punt 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Dan il-kunċett jimplika, minn naħa, li l-possibbiltà li jiġu applikati r-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum hija kważi illimitata u, min-naħa l-oħra, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan it-tip ta’ dispożizzjonijiet li joriġinaw minn Stat ieħor ikun possibbli biss f’sitwazzjonijiet strettament ristretti.
87. Fil-fehma tiegħi, tali soluzzjoni la hija konformi mal-għan tar-Regolament Ruma I, u lanqas mal-funzjoni li għandha tissodisfa l-possibbiltà tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji.
88. Fl-ewwel lok, bħalma nnotajt iktar ’il fuq (31), l-analiżi li tippreċedi d-deċiżjoni dwar jekk hemmx lok li fi proċedura partikolari tittieħed inkunsiderazzjoni dispożizzjoni determinata ta’ regola mandatorja hija ta’ natura funzjonali. Il-qorti li tiddeċiedi dwar dan il-punt twettaq evalwazzjoni tal-motivi u tal-għanijiet li jispiraw din id-dispożizzjoni u tieħu inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi li hija tista’ toħloq għar-relazzjoni legali ineżami. Dan l-approċċ għandu jwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġusta li tieħu inkunsiderazzjoni l-interess leġittimu ta’ Stat ieħor. F’diversi każijiet, dan jista’ jkun ukoll l-interess ta’ Stat Membru ieħor. Huwa diffiċli li ma jiġix innotat li tali possibbiltà tiffavorixxi, f’sens wiesa’, il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri (32). Lanqas ma jista’ jiġi eskluż li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor f’ċerti każijiet ser jaqdi l-interessi tal-Istat tal-qorti li quddiemha titressaq il-kawża (33), li jista’ jkollu interess leġittimu li l-qrati ta’ Stati oħra jieħdu wkoll inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji tiegħu stess.
89. Fit-tieni lok, l-istabbiliment ta’ trattament daqshekk differenti tar-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum u tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor jiffavorixxi l-fenomenu tal-forum shopping. Ladarba l-applikant ikollu l-possibbiltà li jibda azzjoni quddiem il-qrati ta’ pajjiżi differenti, huwa jkun jista’ b’dan il-mod jiddetermina jekk regoli mandatorji speċifiċi jittiħdux inkunsiderazzjoni jew le. Anki fir-rigward tal-kawża nazzjonali li wasslet għal din il-proċedura, huwa konċepibbli li, kieku l-proċedura li tirrigwarda din il-kawża kienet mibdija quddiem qorti Ellenika, bla dubju din kienet tapplika r-regoli mandatorji tagħha stess fuq il-bażi tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I.
90. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, ma ninsabx konvint mill-argumenti li skonthom it-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat ieħor jiksru s-sigurtà tal-kummerċ u joħolqu l-imprevedibbiltà tas-soluzzjonijiet. Tali oġġezzjoni tista’ tkun opposta wkoll mill-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku (prevista fl-Artikolu 21 tar-Regolament Ruma I) jew mir-regoli mandatorji tal-Istat tal-forum (l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I). F’tali każijiet, indirizzajna wkoll forma ta’ ndħil fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt applikabbli. Dan l-indħil huwa ġġustifikat minħabba l-ħtieġa li jiġu rrispettati l-valuri fundamentali ta’ ordinament ġuridiku partikolari jew mill-protezzjoni tal-interessi vitali ta’ Stat partikolari. Fi kwalunkwe każ u irrispettivament minn jekk dan jirrigwardax l-applikazzjoni tal-Artikolu 21, l-Artikolu 9(2) jew l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, indħil ta’ dan it-tip għandu jkun ta’ natura eċċezzjonali u jibbaża fuq kunsiderazzjonijiet ta’ interess ġenerali partikolarment imperattivi.
91. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, ma tistax tibbaża fuq aċċettazzjoni indebitament restrittiva tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet [...] jkunu jridu jitwettqu [jiġu eżegwiti] jew ikunu twettqu [ġew eżegwiti]” (34). Dak li jkun, fuq kollox, ma jistax jipproċedi għal interpretazzjoni b’analoġija tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I, li jibbaża wkoll il-kompetenza ġudizzjarja f’materja ċivili u kummerċjali fuq il-kunċett ta’ “post tat-twettieq [tal-eżekuzzjoni] ta’ l-obbligi” (35). L-għanijiet taż-żewġ dispożizzjonijiet huma kompletament differenti. Ir-Regolament Brussell I għandu l-għan li jiddetermina l-post speċifiku li jinsab fl-Istat Membru li l-qorti tiegħu jkollha ġurisdizzjoni territorjali. Tali post għandu jkollu rabta mill-qrib biżżejjed mal-eżekuzzjoni tal-kuntratt sal-punt li tiġi ġġustifikata — għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja — il-ġurisdizzjoni ratione loci, li barra minn hekk tidderoga mill-kompetenza ġenerali li tirriżulta mill-Artikolu 2 tar-Regolament Brussell I. Għalhekk hemm lok li jiġi interpretat b’mod strett il-kunċett ta’ post tal-eżekuzzjoni tal-obbligu fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Brussell I.
92. L-istess ħaġa ma tapplikax fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “pajjiż fejn l-obbligazzjonijiet [...] jkunu jridu jitwettqu [jiġu eżegwiti] jew ikunu twettqu [ġew eżegwiti]” fis-sens tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I. L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (36) tipprevedi, mhux li tiddefinixxi l-post preċiż li jiddetermina l-ġurisdizzjoni ratione loci, iżda l-Istat li l-obbligu kuntrattwali huwa jew għandu jiġi eżegwit fuq it-territorju tiegħu. Għalhekk ma hijiex biss kwistjoni tal-eżekuzzjoni materjali (konkreta) minn parti għall-kuntratt ta’ azzjoni f’post ġeografiku determinat, iżda wkoll tar-rabta tiegħu mal-qasam tas-sovranità ta’ Stat partikolari u mal-ordinament ġuridiku tiegħu.
93. Barra minn hekk, hawnhekk ma hijiex ikkonċernata biss l-eżekuzzjoni tal-obbligu li tiġi pprovduta l-“prestazzjoni karatteristika” (37) ta’ relazzjoni kuntrattwali partikolari. Biex jiġu ddefiniti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kull obbligu li jirriżulta mill-kuntratt.
94. Barra minn hekk, dan ma għandux jirrigwarda esklużivament obbligu sempliċement iddefinit mill-partijiet għall-kuntratt (38). Għall-kuntrarju huwa d-dritt applikabbli għall-kuntratt li għandu jsawwar jew jikkompleta l-obbligi tal-partijiet fir-rigward tal-impenji li huma ftiehmu direttament dwarhom fil-kuntratt.
95. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, inqis li ma huwiex għalkollox ċert li l-Ġermanja hija l-uniku post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu fil-kawża nazzjonali li wassal għal din il-proċedura. Fir-rigward ta’ relazzjoni ta’ xogħol li l-Istat Elleniku huwa parti għaliha, li jissodisfa — fl-eżerċizzju tal-missjonijiet tiegħu ta’ servizz pubbliku — l-obbligu li jipprovdi servizzi edukattivi, iffinanzjati mill-baġit tiegħu, wieħed ma jistax jeskludi awtomatikament il-fatt li dan l-Istat huwa wkoll il-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligu. Ma hemm xejn li jipprekludi li fir-rigward ta’ ċerti relazzjonijiet kuntrattwali l-post ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi riżultanti jista’ jkun ikkostitwit — fid-dawl tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I — minn iktar minn Stat wieħed (39).
96. Madankollu, peress li l-qorti tar-rinviju qieset li l-Ġermanja hija l-uniku post ta’ eżekuzzjoni tal-kuntratt u li din ma għamlet l-ebda domanda fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I direttament dwar dan is‑suġġett, jien nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina biss il-problema li hija s-suġġett tat-tieni domanda.
– Applikazzjoni u teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin
97. Din id-domanda hija bbażata fuq il-premessa li l-applikazzjoni tar-regoli mandatorji hija ħaġa u li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin (“materielle rechtliche Berücksichtigung ausländischer Eingriffsnormen”) huwa ħaġa oħra. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza u l-kummentarji Ġermaniżi, li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż bħala lex causae, jippermettu t-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji barranin bħala element ta’ fatt (40). Il-qorti tar-rinviju tosserva li hi tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni Ellenika fil-kawża prinċipali, fuq il-bażi tal-Artikolu 241(2) tal-BGB (punt 13) (41).
98. Ma huwiex meħtieġ li f’dan il-każ jiġu eżaminati l-prinċipji dottrinali differenti li jiġġustifikaw il-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut tar-regoli mandatorji barranin. Hija determinanti biss il-kwistjoni li s-soluzzjoni tagħha tista’ tkun rilevanti għall-qorti tar-rinviju.
99. Bħalma sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jeskludi kull possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r‑regoli mandatorji barranin bl-użu ta’ mekkaniżmi oħra minbarra d-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq. Fir-rigward tal-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-Istat li jkun ifformula riżerva skont l-Artikolu 22(1)(a) ta’ din il-konvenzjoni jkun ċaħħad lilu nnifsu minn bażi legali għat-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji barranin.
100. Din il-perspettiva timplika li, bħalma kkonfermat il-Kummissjoni f’dan ir-rigward matul is-seduta, minkejja li l-qorti tar-rinviju qieset il-Konvenzjoni ta’ Ruma bħala applikabbli ratione temporis għall-kawża, din ma tistax tinvoka l-prattika tradizzjonali tal-qrati Ġermaniżi li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin.
101. Huwa minnu li d-differenza prattika bejn l-applikazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut ta’ regola mandatorja barranija hija kważi imperċepibbli. Id-differenza tidher biss bl-użu tal-ġustifikazzjoni dottrinali ta’ tali distinzjoni. Huwa f’dan is-sens li wieħed jista’ jifhem it-tħassib tal-Kummissjoni li l-possibbiltà li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kontenut ta’ regola mandatorja barranija tista’ twassal sabiex jiġu evitati l-limiti stabbiliti mill-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jew mir-riżervi fformulati skont l-Artikolu 22(1)(a) tal-Konvenzjoni ta’ Ruma. Madankollu nqis bħala indebitament restrittiva l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(3), issuġġerita mill-Kummissjoni — li teskludi kull possibbiltà oħra li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor.
102. Fl-ewwel lok, inqis li r-Regolament Ruma I — bil-funzjoni li jirregola l-kunflitti ta’ liġijiet — jindika d-dritt applikabbli għal relazzjoni kuntrattwali partikolari (lex causae). Meta dak li jkun, fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt indikat bħala kompetenti, jitwassal sabiex jieħu inkunsiderazzjoni, skont dan l-istess dritt, regola mandatorja barranija, dan b’hekk ikun jirrigwarda l-applikazzjoni esklużiva tal-lex causae. Tali teħid inkunsiderazzjoni tar-regola mandatorja jinsab għalhekk lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Ruma I (42).
103. Ir-Regolament Ruma I għandu l-funzjoni li jindika d-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali u possibbilment jiġġustifika “korrezzjoni” ta’ din l-indikazzjoni, pereżempju fuq il-bażi tal-eċċezzjoni bbażata fuq l-ordni pubbliku jew l-istrument tar-regoli mandatorji. L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I jibda japplika meta l-qorti tkun beħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni regola mandatorja barranija, indipendentement mill-kontenut tal-lex causae. Fi kliem ieħor, dan għalhekk jirrigwarda l-proċediment għal intrużjoni ġenwina fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-lex causae permezz tat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ regola mandatorja li tirriżulta minn ordinament ġuridiku ieħor.
104. Hawnhekk ma teżistix tali sitwazzjoni meta tittieħed inkunsiderazzjoni r-regola mandatorja barranija fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-lex causae (43).
105. Fit-tieni lok, l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni timplika li r-Regolament Ruma I ma għandux biss il-funzjoni li jindika d-dritt kompetenti għar-regolazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali, iżda li dan jista’ jinterferixxi wkoll fl-applikazzjoni stess tad-dritt indikat. Kif jista’ wieħed jispjega mod ieħor li, skont il-Kummissjoni, il-prattika tradizzjonali tal-qrati Ġermaniżi li tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut ta’ regola mandatorja barranija fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż għandha tkun inkompatibbli mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I?
106. Is-sistemi ġuridiċi kollha fihom regoli li jinkludu kunċetti indeterminati. Dan jista’ jirrigwarda pereżempju kunċetti ta’ “moralità”, ta’ “bona fide”, ta’ “interess leġittimu ta’ parti” jew anki ta’ “regoli tal-ħajja fis-soċjetà”. Dawn il-kunċetti huma maħsuba biex jirriżervaw setgħa diskrezzjonali adegwata għall-qrati. Jien ma għandix dubju li, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni — bħala element ta’ fatt — dispożizzjonijiet legali fis-seħħ fi Stati oħra. Dan jirrigwarda fuq kollox leġiżlazzjoni motivata mill-ħtieġa li jiġu protetti interessi oġġettivament leġittimi u li jkollha rabta xierqa mar-relazzjonijiet kuntrattwali ineżami. Ma hemm l-ebda dubju li għalhekk, hawnhekk, hija kkonċernata l-applikazzjoni tad-dritt kompetenti li jirregola kuntratt partikolari. Fi kliem ieħor, dan ix-xenarju ma jikkostitwixxix deroga mill-applikazzjoni tal-lex causae.
107. Huwa għalhekk li l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kummissjoni toħloq problemi ta’ ġurisdizzjoni. Ir-Regolament Ruma I kien ġie adottat fuq bażi legali bl-għan li tippromwovi “l-kompatibbiltà tar-regoli applikabbli [...] li jikkonċernaw il-konflitt tal-liġijiet” [dispożizzjonijiet ikkombinati ta’ dawk li kienu l-Artikoli 65 KE u 61(c) KE]. Għalhekk dan ma għandux jinterferixxi fl-applikazzjoni prattika tar-regoli tad-dritt indikati bħala d-dritt applikabbli, fuq kollox meta jkunu kkonċernati regoli — prinċipalment taħt id-dritt privat — li jirriżervaw ċertu marġni ta’ diskrezzjoni għall-qrati ġudizzjarji.
108. Fl-aħħar nett u fit-tielet lok, l-esklużjoni tal-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji barranin fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-lex causae tikkontribwixxi sabiex jitħeġġeġ il-fenomenu tal-forum shopping (44).
109. Bħala sommarju ta’ din it-taqsima tal-konklużjonijiet tiegħi, nixtieq nirrileva li l-possibbiltà li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli mandatorji barranin — ma jimpurtax jekk dan jirrigwardax l-applikazzjoni tagħhom jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kontenut tagħhom — ma taqax taħt approċċ mekkaniku. Il-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, li għandha tippermettilha tagħti deċiżjoni ġusta filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-partijiet kif ukoll l-interess tal-Istat li d-dritt tiegħu għandu effett fuq relazzjoni legali partikolari.
110. Ma jistax jiġi eskluż li f’dan il-każ il-qorti tar-rinviju ma tiħux inkunsiderazzjoni għal kollox id-dispożizzjonijiet tad-dritt Elleniku u li din tqis bħala xieraq is-sempliċi tnaqqis parzjali tar-remunerazzjoni ta’ G. Nikiforidis. Din il-qorti tista’ tqis ukoll — bħall-qorti tat-tieni istanza f’din il-kawża (Landesarbeitsgericht) — li l-prinċipji fundamentali tad-dritt tax-xogħol Ġermaniż jipprekludu t-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Elleniku.
111. Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I ma jillimitax il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u lanqas il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tad-dritt Ġermaniż — bħala dritt applikabbli għall-kuntratt tax-xogħol.
Konklużjoni fuq it-tieni domanda preliminari
112. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet żviluppati iktar ’il fuq, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb għat-tieni domanda preliminari tal-qorti nazzjonali fis-sens li l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni indirett tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin, meta dan ikun awtorizzat skont id-dritt tal-Istat li jirregola l-kuntratt.
Ir-rilevanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE) għall-finijiet tat-teħid inkunsiderazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stat Membru ieħor (it-tielet domanda preliminari)
113. Il-qorti Ġermaniża tirrileva fir-rinviju preliminari tagħha li l-Liġijiet Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 għandhom l-għan li jeżegwixxu l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika Ellenika skont dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-politika ekonomika u, partikolarment, l-obbligu li jiġi evitat id-defiċit eċċessiv tal-Gvern impost mill-Artikolu 126(1) TFUE. Minħabba l-kriżi finanzjarja tar-Repubblika Ellenika u l-għajnuna li din ingħatat mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, dan l-obbligu ġie implementat mid-Deċiżjoni 2010/320/UE (45). Din id-deċiżjoni tiddisponi li r-Repubblika Ellenika ser tadotta sensiela ta’ miżuri bl-għan li jiġi eliminat id-defiċit eċċessiv tagħha.
114. Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE jeżiġix li jingħata effett lil-liġijiet imsemmija iktar ’il fuq tar-Repubblika Ellenika.
115. Nixtieq nenfasizza li d-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE huwa mingħajr dubju wieħed mill-prinċipji organiċi fundamentali tad-dritt tal-Unjoni.
116. Meta jiġi implementat dan il-prinċipju, madankollu huwa importanti li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Dan il-prinċipju jorbot lill-awtoritajiet tal-Istat Membru — inklużi l-qrati tiegħu — biss sa fejn dawn japplikaw id-dritt tal-Unjoni.
117. Hemm lok li jiġi rrilevat li l-applikazzjoni tar-Regolament Ruma I għandu biss l-għan li jindika d-dritt applikabbli għal kuntratt partikolari. Id-deċiżjoni li għandha tittieħed fuq il-mertu tal-kawża ma hijiex adottata fuq il-bażi tar-Regolament Ruma I, iżda skont id-dritt nazzjonali kompetenti (lex causae).
118. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, naħseb li ma tagħmilx differenza li d-dritt li jirregola l-kuntratt tax-xogħol ikun ġie indikat mir-regoli ta’ kunflitt tad-dritt tal-Unjoni. Fi kliem ieħor, essenzjalment ftit jimporta, biex tingħata risposta għat-tielet domanda, li l-kompetenza tad-dritt Ġermaniż għar-regolazzjoni ta’ dan il-kuntratt tirriżulta mir-Regolament Ruma I jew mir-regoli ta’ kunflitt tad-dritt Ġermaniż li jimplementaw il-Konvenzjoni ta’ Ruma.
119. Il-qorti tar-rinviju għandha tieħu konjizzjoni ta’ kawża mqajma fil-każ ta’ kuntratt ta’ xogħol suġġett għad-dritt Ġermaniż.
120. Għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li d-dritt tal-Unjoni jagħmel parti integrali mill-ordinamenti ġuridiċi tal-Istati Membri. Meta, konsegwentement, tkun tressqet kawża quddiem il-qorti ta’ Stat Membru, ir-regoli mandatorji dderivati mid-dritt tal-Unjoni jiġu applikati skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament Ruma I (46). Fil-fatt, dawn ir-regoli jirriżultaw mis-sistema legali fis-seħħ fil-post tas-sede tal-qorti li quddiemha tkun tressqet il-kawża (lex fori) (47).
121. Il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-Liġijiet Elleniċi Nru 3833/2010 u Nru 3845/2010 hija element essenzjali li juri rabta possibbli tal-kawża nazzjonali mal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
122. L-ewwel nett, nixtieq ninnota li d-Deċiżjoni 2010/320 — li skontha ġew adottati ż-żewġ liġijiet Elleniċi — hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika u mhux lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Din id-deċiżjoni għalhekk — anki fir-rigward tal-Artikolu 4(3) TUE — ma tistax tobbliga lil qorti Ġermaniża tirrifjuta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż, li huwa kompetenti biex jirregola r-relazzjoni tax-xogħol li hija s-suġġett tal-kawża nazzjonali.
123. It-tieni nett, bħalma tenfasizza ġustament il-Kummissjoni, l-obbligu li jitnaqqsu r-remunerazzjonijiet ta’ persuni impjegati fis-settur pubbliku ma jirriżultax direttament, għajr għal xi wħud mill-elementi aċċessori tagħhom (48), mid-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2010/320.
124. It-tielet nett, bħalma jirriżulta mill-argumenti żviluppati fir-rinviju preliminari, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tax-xogħol Ġermaniż ma jipprekludux it-tnaqqis tar-remunerazzjonijiet imħallsa lill-impjegati tal-istabbilimenti pubbliċi Elleniċi li joperaw fil-Ġermanja, iżda jeżiġu biss li l-persuna li timpjega tirrispetta ċerti kundizzjonijiet ta’ natura li jiggarantixxu emenda għall-kuntratt tax-xogħol jew notifika ta’ modifika għall-kuntratt.
125. Fid-dawl tal-elementi preċedenti, jien tal-fehma li mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali — stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE — ma jistax jiġi dedott obbligu li jingħata effett lid-dispożizzjonijiet ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li dawn għandhom il-funzjoni li jippermettulu jissodisfa l-obbligi tiegħu fir-rigward tal-Unjoni. Dan b’hekk huwa indipendenti mill-kwistjoni ta’ jekk il-qorti jkunx beħsiebha tieħu inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet bħala element ta’ fatt fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-lex causae jew jekk din tapplikax l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I.
126. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 9(3) in fine tar-Regolament Ruma I jippreċiża espressament li, sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett lil dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jitqiesu n-natura u l-għan tagħhom kif ukoll il-konsegwenzi tal-applikazzjoni jew tan-nuqqas ta’ applikazzjoni tagħhom. Dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li sabiex jiġi deċiż jekk għandux jingħata effett jew le lil dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I, il-qorti għandha tqis li dawn kienu ġew adottati minn Stat Membru ieħor sabiex jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tiegħu fl-Unjoni, madankollu, mingħajr ma dan jippreġudika d-deċiżjoni finali li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tadotta f’dan ir-rigward.
Konklużjoni
127. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposti segwenti għad-domandi magħmula mill-Bundesarbeitsgericht (qorti federali tax-xogħol):
“1) Il-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, fis-sens tal-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), għandu jiġi ddeterminat skont id-dritt li jkun applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni, jekk dan ir-regolament ikun applikabbli.
2) L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I ma jeskludix it-teħid inkunsiderazzjoni indirett tal-kontenut tar-regoli mandatorji barranin, meta dan ikun awtorizzat skont id-dritt tal-Istat li jirregola l-kuntratt.
3) Fir-rigward tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit mill-Artikolu 4(3) TUE, il-qorti ta’ Stat Membru mitluba tagħti effett lir-regoli mandatorji barranin fuq il-bażi tal-Artikolu 9(3) tar-Regolament Ruma I għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn id-dispożizzjonijiet kienu ġew adottati minn Stat Membru ieħor sabiex jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mill-appartenenza tiegħu fl-Unjoni, madankollu, mingħajr ma dan jippreġudika d-deċiżjoni finali li l-qorti li quddiemha titressaq il-kawża tadotta f’dan ir-rigward.”