Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tat-18 ta’ Ottubru 2016 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesarbeitsgericht - il-Ġermanja) – Republik Griechenland vs Grigorios Nikiforidis
(C-135/15) 1
[Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Dritt applikabbli għall-kuntratt ta’ xogħol – Regolament (KE) Nru 593/2008 – Artikolu 28 – Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis – Artikolu 9 – Kunċett ta’ “regoli mandatorji” – Applikazzjoni tar-regoli mandatorji ta’ Stati Membri għajr l-Istat tal-forum – Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi tnaqqis tas-salarji fis-settur pubbliku minħabba kriżi baġitarja – Dmir ta’ kooperazzjoni leali]
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesarbeitsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Republik Griechenland
Konvenut: Grigorios Nikiforidis
Dispożittiv
L-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Ġunju 2008, dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) għandu jiġi interpretat fis-sens li relazzjoni kuntrattwali ta’ xogħol konkluża qabel is-17 ta’ Diċembru 2009 taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament biss jekk din ir-relazzjoni tkun ġiet suġġetta, bl-effett ta’ kunsens reċiproku tal-partijiet kontraenti li mmaterjalizza minn din id-data, għal modifika tant kbira li jkollu jitqies li ġie konkluż kuntratt ta’ xogħol ġdid b’effett mill-imsemmija data, aspett li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.
L-Artikolu 9(3) tar-Regolament Nru 593/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi li regoli mandatorji għajr dawk tal-Istat tal-forum jew tal-Istat li fih għandhom jiġu jew ġew eżegwiti l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt, jistgħu jiġu applikati, bħala regoli ġuridiċi, mill-qorti tal-forum, iżda ma jipprekludix it-teħid inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar ta’ tali regoli mandatorji oħra bħala punt ta’ fatt sa fejn dan huwa pprovdut mid-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament. Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.
____________1 ĠU C 198, 15.6.2015.