Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2013 – Jinan Meide Casting vs Il-Kunsill

(Kawża T-424/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Jinan Meide Casting Co. Ltd (Jinan, iċ-Ċina) (rappreżentanti: R. Antonini u E. Monard, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 430/2013, tat-13 ta’ Mejju 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ fittings fonduti ta’ tubi jew pajpijiet bil-kamin, ta’ ħadid fondut malleabbli, li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u t-Tajlandja u li jtemm il-proċediment fir-rigward tal-Indoneżja, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti (ĠU 2013 L 129, p. 1); u

tordna lill-konvenut ibati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li n-nuqqas li jiġi pprovdut aċċess jew li tiġi żvelata lir-rikorrenti informazzjoni rilevanti għad-determinazzjoni tal-valur normali jikser id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u l-Artikoli 6(7), 20(2) u 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009 L 343, p. 51).

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li ċ-ċaħda ta’ ċerti aġġustamenti rikjesti mir-rikorrenti tikser l-Artikolu 2(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u l-Artikolu 2.4 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implementazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ 1994. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kunsill kiser l-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-determinazzjoni tal-valur normali tat-tipi ta’ prodotti li ma jikkorrispondux tikser l-Artikoli 2(7)(a), 2(10) u 2(10)(a) u l-Artikoli 2(11) flimkien mal-Artikoli 2(8), 2(9), 2(7)(a) u 9(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 u l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li n-nuqqas li jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjonijiet tal-ekonomija tas-suq japplikawx għar-rikorrenti fi żmien tliet xhur mill-bidu tal-investigazzjoni jikser l-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ data tal-importazzjoni żbaljata sabiex jiġi ddeterminat id-dannu jikser l-Artikoli 3(1), 3(2) u 3(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009.