Language of document : ECLI:EU:T:2024:187

Kawża T115/22

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Belshyna AAT

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal-20 ta’ Marzu 2024

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja u l-involviment tal-Bjelarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi – Appoġġ għar-reġim ta’ Lukashenko – Appoġġ finanzjarju – Impriża li tappartjeni lill-Istat – Repressjoni tas-soċjetà ċivili – Żball ta’ evalwazzjoni”

1.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja – Portata tal-istħarriġ – Prova tal-fondatezza tal-miżura – Obbligu li l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tistabbilixxi, fil-każ ta’ kontestazzjoni, il-fondatezza tal-motivi invokati kontra l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati – Inklużjoni fil-listi bbażata fuq sensiela ta’ indizji preċiżi, konkreti u konkordanti

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, 2021/2124 u 2023/419, Anness I)

(ara l-punti 24 sa 27, 57 u 77)

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li jibbenifikaw mir-reġim ta’ Lukashenko jew li jappoġġawh – Kunċett ta’ appoġġ għar-reġim – Żball ta’ evalwazzjoni

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Artikolu 4(1)(b) u Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, Artikolu 2(2), 2021/2124 u 2023/419, Anness  I)

(ara l-punti 31, 35 sa 37, 45, 49, 51 sa 55, 61, 62, 97 u 98)

3.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Portata tal-istħarriġ – Esklużjoni ta’ elementi miġjuba għall-attenzjoni tal-istituzzjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, 2021/2124 u 2023/419, Anness I)

(ara l-punt 60)

4.      L-Unjoni Ewropea – Stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Iffriżar ta’ fondi ta’ ċerti persuni u entitajiet fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja – Portata tal-istħarriġ – Inklużjoni fil-lista annessa mad-deċiżjoni kkontestata minħabba r-responsabbiltà tagħha fir-repressjoni eżerċitata kontra s-soċjetà ċivili u l-oppożizzjoni demokratika – Artikli tal-istampa li ma joriġinawx minn sorsi differenti – Valur probatorju – Assenza

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, 2021/2124 u 2023/419, Anness I)

(ara l-punti 68, 72 u 73)

5.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja – Kriterji ta’ adozzjoni tal-miżuri restrittivi – Persuni, entitajiet u organi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili jew tal-oppożizzjoni demokratika, jew li jimminaw id-demokrazija jew l-Istat tad-dritt – Kunċett – Żball ta’ evalwazzjoni

(Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Artikoli 4(1)(a) u l-Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, Artikolu 2(4), 2021/2124 u 2023/419, Anness I)

(ara l-punti 76 sa 81, 97 u 98)

6.      Proċedura ġudizzjarja – Deċiżjoni li tissostitwixxi jew tibdel matul l-istanza d-deċiżjoni kkontestata – Talba għall-adattament tar-rikors – Rikors intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi – Adattament għall-finijiet tal-annullament ta’ deċiżjoni ta’ żamma – Ammissibbiltà – Deċiżjoni ta’ żamma sussegwenti li ma kinitx is-suġġett ta’ tali talba – Assenza ta’ effett

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 86(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK, kif emendata bid-Deċiżjonijiet (PESK) 2021/2125 u (PESK) 2023/421, Anness; Regolamenti tal-Kunsill Nru 765/2006, 2021/2124 u 2023/419, Anness I)

(ara l-punti 89 sa 94)

Sunt

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għal annullament ippreżentat minn Belshyna AAT kontra l-atti li permezz tagħhom hija kienet ġiet inkluża, u sussegwentement inżammet għat-tieni darba, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja. Din il-kawża tat l-opportunità lill-Qorti Ġenerali tagħmel preċiżazzjonijiet dwar l-ammissibbiltà, fid-dawl tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ta’ talba għall-adattament tar-rikors fil-kontenzjuż dwar miżuri restrittivi.

Din is-sentenza ngħatat fl-ambitu tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mill-2004 minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja fir-rigward tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn il-miżuri kienu jipprevedu b’mod partikolari l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu lil persuni, entitajiet jew organi responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom jimminaw serjament id-demokrazija jew l-Istat tad-dritt fil-Bjelorussja, kif ukoll lil persuni, entitajiet jew organi li jappoġġaw ir-reġim ta’ Lukashenko (1). Ir-rikorrenti, impriża stabbilita fil-Bjelorussja li tipproduċi tajers, ġiet inkluża fl-imsemmija lista fl-2021 (2) mill-Kunsill, u sussegwentement inżammet fiha fl-2022 (3) u fl-2023 (4), sa fejn kienet tirrappreżenta sors importanti ta’ dħul għar-reġim ta’ Lukashenko u sa fejn kienet tat is-sensja lil impjegati li ħarġu fuq strajk wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020. Wara li talbet l-annullament tal-atti inizjali, hija adattat ir-rikors tagħha sabiex titlob ukoll l-annullament tal-atti ta’ żamma tal-2023 mingħajr madankollu ma wettqet tali talba għall-atti ta’ żamma tal-2022.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward tal-eżami tal-ammissibbiltà tal-adattament tar-rikors, li hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, il-Qorti Ġenerali fakkret li meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid (5).

F’dan il-każ, hija osservat, l-ewwel nett, li kemm l-atti inizjali kif ukoll l-atti taż-żamma, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, kellhom l-għan li jimponu fuqha miżuri restrittivi individwali li jikkonsistu fl-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha tagħha (6).

Sussegwentement hija rrelevat li dawn il-miżuri restrittivi individwali ħadu l-forma ta’ inklużjoni tal-isem tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-organi identifikati fil-listi kontenzjużi li jinsabu fl-annessi tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament Nru 765/2006.

F’dan il-kuntest, l-atti inizjali emendaw l-annessi tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament Nru 765/2006 sabiex inkludew, b’mod partikolari, l-isem tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi. Fir-rigward tal-atti taż-żamma, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, li d-Deċiżjoni 2023/421 estendiet sat-28 ta’ Frar 2024 l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni 2012/642, li l-Anness I tagħha, kif emendat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/2125, kien isemmi isem ir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/419 emenda l-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006, filwaqt li żamm, tal-inqas impliċitament, l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fl-imsemmi anness. Għaldaqstant, l-atti taż-żamma għandhom jitqiesu bħala li emendaw l-atti inizjali fis-sens tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fid-dawl tal-premess, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li sa fejn ir-rikorrenti kienet talbet l-annullament tal-atti inizjali fir-rikors, hija kellha d-dritt tadatta r-rikors sabiex titlob l-annullament tal-atti taż-żamma tal-2023 minkejja li hija ma kinitx preċedentement adattat ir-rikors sabiex titlob l-annullament tal-atti tal-2022.


1      Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/642/PESK tal-15 ta’ Ottubru 2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1) u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belarus (ĠU 2006, L 134, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1014/2012 tas-6 ta’ Novembru 2012 (ĠU 2012, L 307, p. 1).


2      Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2125 tat-2 ta’ Diċembru 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 16) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2124 tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”).


3      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/307 tal-24 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2022, L 46, p. 97) u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/300 tal-24 ta’ Frar 2022 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2022, L 46, p. 3) (iktar ’il quddiem l-“atti tal-2022”).


4      Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/421 tal-24 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L. 61, p. 41) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/419 tal-24 ta’ Frar 2023 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 20).


5      Artikolu 86(1) tar-Regoli ta’ Proċedura.


6      Skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2012/642 u l-Artikolu 2(4) u (5) tar-Regolament Nru 765/2006.