Language of document : ECLI:EU:T:2007:9

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Jannar 2007 (*)

“Rikors għal annullament – Rappreżentanza diplomatika komuni f’Abuja (In-Niġerja) – Irkupru ta’ debitu permezz ta’ kumpens – Regolamenti (KE, Euratom) Nri 1605/2002 u 2342/2002 – Prinċipju ta’ bona fede fid-dritt internazzjonali pubbliku”

Fil-kawża T‑231/04,

Ir-Repubblika Ellenika, irrappreżentata minn P. Mylonopoulos u V. Kyriazopoulos, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn D. Triantafyllou u F. Dintilhac, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-att ta’ l-10 ta’ Marzu 2004 li permezz tiegħu l-Kummissjoni pproċediet bl-irkupru permezz ta’ kumpens tas-somom dovuti mir-Repubblika Ellenika wara l-parteċipazzjoni tagħha għal proġetti immobiljari li jikkonċernaw ir-rappreżentanza diplomatika tal-Kummissjoni kif ukoll ta’ ċerti Stati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea f’Abuja (In-Niġerja),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. García-Valdecasas, President, J. D. Cooke u I. Labucka, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-10 ta’ Mejju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 71(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Gunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 248, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”), jgħidu :

“1. Stabbiliment ta’ ammont riċevibbli huwa l-att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’su[b]-delega:

a)      jivverifika li d-debitu jeżisti;

b)      jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tad-debitu;

c)      jivverifika l-kondizzjonijiet li fihom id-debitu jkun dovut.

2. Ir-riżorsi tagħha kif disponibbli mill-Kummissjoni u [kull] ammont riċevibbli li huwa identifikat bħala li jkun ċert, ta’ ammont fiss u dovut għandu jkun stabbilit b’ordni ta’ rkupru lejn l-uffiċjal tal-kontijiet segwit b’nota ta’ debitu mibgħuta lid-debitur, it-tnejn imħejjija mill-uffiċjal awtorizzanti kif ikun responsabbli.”

2        Skond l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Finanzjarju :

“L-awtorizzazzjoni ta’ l-irkupru hija att li bih l-uffiċjal awtorizzanti b’delega jew b’su[b]-delega responsabbli jgħati struzzjonijiet lill-uffiċjal tal-kontijiet, bil-ħruġ ta’ ordni ta’ rkupru, li jirkupra l-ammont riċevibbli li hu/hi jkun stabbilixxa.”

3        Skond l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju :

“L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jaġixxi fuq ordnijiet ta’ rkupru għall-ammonti riċevibli, stabbiti kif suppost, mill-uffiċjal awtorizzanti, li huwa responsabbli. Hu/hi għandu jeżerċita diliġenza xierqa sabiex jassigura li l-Komunitajiet jirċievu l-introjtu dovut lilhom u għandu jara li d-drittijiet tagħhom ikunu ssalvagwardjati.

L-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra ammonti billi jagħmel kumpens b’bilanċ kontra tagħhom ekwivalenti għal talbiet li l-Komunitajiet ikollhom fuq xi debitur li hu nnifsu għandu talba kontra l-Komunitajiet li hija ċerta, ta’ ammont stabbilit u dovut.”

4        Skond l-Artikolu 78 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju (ĠU L 357, p. 1):

“1. Meta l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas, il-Komunitajiet jgħoddu dan il-fatt bħala stabbiliment tad-dritt li jintalab ħlas mid-detentur.

2. L-ordni ta’ rkupru tkun l-operazzjoni li biha l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jgħid lill-uffiċċjal tal-kontijiet jirkupra l-ammont stabbilit.

[…] ”

5        L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2342/2002 jipprovdi :

“Biex jistabbilixxi l-ammont li għandu jitħallas, l-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli jrid jiżgura li:

a)       li għandu jitħallas huwa ċert u m’hu suġġett ta’ l-ebda kondizzjoni;

b)       li għandu jitħallas hu ta’ ammont fiss, espress preċiżament f’termini ta’ flus;

c)       li għandu jitħallas hu dovut u mhux suġġett għal xi żmien ta’ ħlas;

d)       il-partikolari tad-debitur huma tajbin;

e)       l-ammont li għandu jkun irkuprat imniżżel fl-oġġett it-tajjeb tal-budget;

f)       id-dokumenti ta’ sostenn huma kif suppost; u

g)       irid jitħares il-prinċipju ta’ treġija finanzjarja tajba […]”

6        Skond l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 2342/2002 :

“F’kull punt tal-proċedura, l-uffiċċjal tal-kontijiet, wara li jkun informa lill-uffiċċjal li jawtorizza responsabbli u lid-debitur, jirkupra ammonti stabbiliti permezz ta’ kumpens, fejn id-debitur għandu jieħu mingħand il-Komunitajiet, meta li għandu jieħu huwa ċert, ammont fiss u li jrid jingħata minħabba somma stabbilita f’ordni ta’ pagament.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

7        Wara t-trasferiment tal-kapitali tan-Nigerja minn Lagos għal Abuja, il-Kummissjoni ilha mill-1993 tikri bini f’Abuja sabiex jilqa’ fih id-delegazzjoni tagħha kif ukoll, provviżorjament, ir-rappreżentanzi ta’ ċerti Stati Membri, fosthom tar-Repubblika Ellenika. Fil-kuntest ta’ arranġament ma’ dawn l-Istati Membri (iktar ’il quddiem il-‘proġett Abuja I’), il-Kummissjoni ssullokat numru ta’ uffiċċji u kienet tipprovdi ċerti servizzi lir-rappreżentanzi in kwistjoni. L-Istati Membri ftehmu fuq id-diviżjoni ta’ l-ispejjeż relatati mar-rappreżentanzi tagħhom. Il-kontribuzzjoni tar-Repubblika Ellenika kienet tammonta għal 5,5 % ta’ l-ispejjeż totali. Peress li kkunsidrat li r-Repubblika Ellenika ma kinitx ħallset id-debiti tagħha f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni pproċediet, fl-2004, bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tas-somom korrispondenti (ara l-punt 44 iktar ’il quddiem).

8        Fit-18 ta’ April 1994, ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika Portugiża u l-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-‘imsieħba’), fuq il-bażi ta’ l-Artikolu J.6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (li sar, wara emenda, l-Artikolu 20 UE), ikkonkludew memorandum ta’ ftehim (iktar ’il quddiem il-‘memorandum inizjali’) dwar il-kostruzzjoni, għall-missjonijiet diplomatiċi tagħhom f’Abuja, ta’ kumpless komuni ta’ ambaxxati li jużaw servizzi awżiljarji komuni (iktar ’il quddiem il-‘proġett Abuja II’). Il-memorandum inizjali ġie kkompletat, wara l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja, permezz ta’ protokoll ta’ adeżjoni.

9        L-Artikolu 1 tal-memorandum inizjali jipprovdi li l-ambaxxati ta’ l-Istati Membri parteċipanti u d-delegazzjoni tal-Kummissjoni għandhom ikunu missjonijiet diplomatiċi distinti, suġġetti għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Diplomatiċi, tat-18 ta’ April 1961, u, għal dak li jikkonċerna l-Istati Membri, suġġetti wkoll għall-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar Relazzjonijiet Konsulari ta’ l-24 ta’ April 1963.

10      L-Artikolu 10 tal-memorandum inizjali jindika li l-Kummissjoni għandha taġixxi, bħala l-koordinatriċi tal-proġett Abuja II, ‘f’isem’ l-imsieħba l-oħra.

11      Skond l-Artikolu 11 tal-memorandum inizjali, il-Kummissjoni hija responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ l-istudji arkitettorali tal-possibbiltà li jiġi attwat il-proġett Abuja II, l-istima inizjali ta’ l-ispejjeż u l-fażijiet tad-disinn. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll għall-konklużjoni ta’ memorandum ta’ ftehim addizzjonali dwar ‘id-disinn dettaljat tal-bini, id-diviżjoni ta’ l-ispejjeż u d-drittijiet fuq il-bini korrispondenti ta’ kull imsieħeb parteċipanti wara li jkun ġie kkompletat il-proġett [Abuja II]’ (iktar ’il quddiem il-‘memorandum addizzjonali’). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 11 jistabbilixxi kumitat permanenti ta’ direzzjoni, magħmul minn rappreżentanti ta’ l-imsieħba kollha u ppresedut mill-Kummissjoni, sabiex jikkoordina u jikkontrolla l-proġett Abuja II. Il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni għandu jippreżenta rapporti perijodiċi lill-grupp ta’ ħidma ‘Affarijiet amministrattivi’ stabbilit fi ħdan il-Kunsill fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PBSK) (iktar ’il quddiem il-‘grupp ta’ l-affarijiet amministrattivi PBSK’).

12      L-Artikolu 12 tal-memorandum inizjali jipprovdi :

‘Il-proġett [Abuja II] għandu jkun direttament iffinanzjat, wara approvazzjoni tal-[memorandum addizzjonali] previst fl-Artikolu 11, minn kontribuzzjonijiet ta’ l-imsieħba korrispondenti għall-parti tal-proġett allokata lil kull imsieħeb. Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għandha titħallas taħt it-titolu korrispondenti tal-baġit.

L-ispejjeż tax-xogħlijiet preparatorji (‘fażi 1’) għandhom jiġu imputati lill-krediti ta’ funzjonament tal-baġit tal-Kummissjoni. L-ammont ta’ dawn l-ispejjeż huwa kkalkolat għal ECU 140 000. Jekk il-proġett [Abuja II] jiġi mwettaq, dawn l-ispejjeż għandhom jitħallsu lura mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-imsieħba kollha skond il-parti tagħhom fil-proġett’.

13      L-Artikolu 13 tal-memorandum inizjali jgħid :

‘L-imsieħba kollha jiggarantixxu, wara l-approvazzjoni tal-[memorandum addizzjonali], il-ħlas ta’ l-ispejjeż kollha li jaqgħu fuqhom. L-ammont totali dovut minn kull imsieħeb jinkludi:

a)       l-ispiża totali tas-superfiċji tiegħu, u

b)       il-parti tiegħu fl-ispiża taż-żoni komuni u pubbliċi, ikkalkulata proporzjonalment abbażi tal-proporzjon bejn is-superfiċji tiegħu u t-total taż-żoni mhux komuni’

14      L-Artikolu 14 tal-memorandum inizjali jipprovdi li l-Kummissjoni, bil-ftehim u l-parteċipazzjoni ta’ l-Istati parteċipanti, għandha tħallas is-somom dovuti lil terzi (kontraenti).

15      L-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali jgħid :

‘Jekk wieħed mill-imsieħba jiddeċiedi li jirtira mill-proġett [Abuja II] billi ma jiffirmax il-[memorandum addizzjonali] previst fl-Artikolu 11, it-termini tal-memorandum ta’ ftehim preżenti, inklużi l-obbligi finanzjarji previsti fl-Artikoli 12 u 13, jieqfu milli japplikaw għall-imsieħeb li jirtira’.

16      Fid-29 ta’ Marzu 1995, il-Komunità, irrappreżentata mill-Kummissjoni, ikkonkludiet l-ewwel kuntratt ma’ impriża komposta bi sħab bejn, minn naħa, Dissing & Weitling arkitektfirma A/S, li rebħet kompetizzjoni ta’ l-arkitettura organizzata mill-Kummissjoni għall-proġett Abuja II u, min-naħa l-oħra, COWIconsult Consulting Engineers and Planners A/S (iktar ’il quddiem il-‘konsulenti’). Skond l-Artikolu 1 ta’ dan il-kuntratt, il-Kummissjoni tikkonferma l-intenzjoni ta’ l-imsieħba li jikkonkludu ‘kuntratt finali’ mal-konsulenti. Skond l-Artikolu 2, il-konsulenti jintrabtu li jippreparaw il-proġett in kwistjoni. L-ispiża ta’ din il-preparazzjoni ammontat għal EUR 212 547,59.

17      Waqt il-laqgħat bejn ir-rappreżentanti tas-servizzi kompetenti tal-Ministeri ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ l-Istati Membri kkonċernati u l-periti ta’ Dissing & Weitling arkitektfirma, ġew stabbiliti l-bżonnijiet reali tar-rappreżentanzi ta’ kull Stat Membru u l-parti ta’ l-ispiża għal kull waħda minnhom.

18      Fis-26 ta’ Ottubru 1995, iltaqa’ s-sub-grupp ta’ ħidma ‘Affarijiet immobiljari’ stabbilit fil-kuntest tal-PBSK. Mill-minuti tal-laqgħa jirriżulta li dan is-sub-grupp stieden lill-Kummissjoni :

‘[…]

–        sabiex ittemm il-fażi [tad-disinn bażiku];

–        sabiex tagħmel l-arranġamenti neċessarji ma’ l-uffiċċju tal-periti sabiex jiġu stabbiliti l-[pjanijiet tal-fażi ta’ disinn intermedjarju] fit-terminu previst mill-[kumitat permanenti ta’ direzzjoni];

–        sabiex jiġu konklużi l-kuntratti [dwar l-istudju ta’ l-artijiet u ta’ l-esplorazzjoni tas-sit], billi dan l-aħħar [kuntratt] kien indispensabbli għar-redazzjoni tal-memorandum addizzjonali;

–        kif ukoll sabiex jitħallsu l-ispejjeż marbuta ma’ dawn l-istadji’.

19      Is-subgrupp ta’ ħidma kkonferma li ‘l-ammonti mħallsa mill-Kummissjoni [jkunu] kkunsidrati bħala ħlas bil-quddiem tal-parti tagħha tal-fond ad hoc awtonomu, li ġie meqjus minn qabel bħala fformulat b’mod xieraq għall-finanzjament tal-proġett [Abuja II]’ u li, ‘[f’]każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-proġett, l-imsieħba l-oħra [jħallsu lura] lill-Kummissjoni skond il-metodi miftehma għall-fażijiet preċedenti’.

20      Fl-24 ta’ Novembru 1995, iltaqa’ l-kumitat permanenti ta’ direzzjoni (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Il-minuti ta’ dik il-laqgħa jsemmu li kuntratt ‘ta’ għajnuna teknika’ mal-konsulenti, b’valur ta’ EUR 2 676 369 (iktar ’il quddiem il-“kuntratt prinċipali”), kien ġie sottopost għall-approvazzjoni tal-Kumitat Konsultattiv dwar l-Akkwisti u l-Kuntratti tal-Kummissjoni. Huwa msemmi wkoll li, ‘fil-każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-proġett, l-imsieħba l-oħra għandhom iħallsu lura lill-Kummissjoni’.

21      Fis-27 ta’ Diċembru 1995, il-Kummissjoni kkonkludiet il-kuntratt prinċipali. Dan kien jikkonċerna d-disinn bażiku u l-fażi intermedjarja tal-proġett Abuja II (Artikoli 4.4 u 4.5), kif ukoll pjanijiet dettaljati eventwali (Artikolu 4.6).

22      Fid-19 ta’ Settembru 1996, il-grupp ta’ l-affarijiet amministrattivi PBSK approva d-disinn intermedjarju.

23      Fil-21 ta’ Novembru 1996, il-grupp ta’ l-affarijiet amministrattivi PBSK stieden lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri ad hoc sabiex il-periti jibdew jaħdmu fuq il-pjanti dettaljati. Il-grupp indika li l-kuntratt formali għal dik il-fażi kellu jkun konkluż wara li jiġi ffinalizzat il-memorandum addizzjonali. F’dik il-laqgħa, il-Kummissjoni informat lill-grupp imsemmi iktar ’il fuq dwar l-ammont li hija kienet ħalset minn qabel sal-15 ta’ Novembru 1996 għall-preparazzjoni tal-proġett Abuja II, jiġifieri madwar EUR 2,8 miljuni.

24      Fl-24 ta’ Frar 1997, dan l-istess grupp iltaqa’ u ddeċieda li ma jistenniex li jiġi kkompletat il-memorandum addizzjonali qabel jipproċedi għall-preparazzjoni tal-pjanti dettaljati u d-dokumenti kuntrattwali. Il-minuti ta’ dik il-laqgħa jinkludu r-riżoluzzjoni segwenti:

‘Il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-periti għall-preparazzjoni tad-dokumenti u sabiex jitħallsu l-fondi neċessarji għal dawn ix-xogħlijiet skond il-metodi miftehma għall-proġett. Bħal f’każijiet preċedenti, l-ammonti mħallsa minn qabel mill-Kummissjoni jitħallsu lura sussegwentement mill-parteċipanti l-oħra skond il-proċeduri previsti għal dan il-għan fil-[memorandum inizjali]’.

25      Fix-xhur segwenti, bosta Stati Membri rtiraw mill-proġett Abuja II. Fit-28 ta’ April 1997, il-grupp ta’ l-affarijiet amministrattivi PBSK qabbad lill-Kummissjoni sabiex tagħmel ‘arranġamenti bilaterali mar-Renju tad-Danimarka għall-ħlas lura tal-parti tiegħu fl-ispejjeż tal-proġett magħmula mill-Kummissjoni għan-nom ta’ l-imsieħba’. Ittieħdet deċiżjoni simili wara l-irtirar ta’ l-Irlanda f’Settembru 1997, kif ukoll tar-Repubblika Portugiża, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju ta’ l-Iżvezja.

26      Fit-12 ta’ Novembru 1997, il-Kummissjoni kkonkludiet mal-periti addendum għall-kuntratt prinċipali, li kellu bħala għan it-twettiq tal-pjanti dettaljati u l-ħlas ta’ l-ispejjeż ta’ l-ivjaġġar, b’valur ta’ EUR 1 895 696.

27      Fit-18 ta’ Ġunju 1998, il-grupp ta’ l-affarijiet amministrattivi PBSK semma l-eventwalità ta’ l-irtirar tar-Renju tal-Belġju mill-proġett Abuja II. Mill-minuti ta’ dik il-laqgħa jirriżulta li l-kumitat permanenti ta’ direzzjoni osserva li r-Renju tal-Belġju kien ser iħallas il-parti tiegħu ta’ l-ispejjeż kif stabbiliti wara l-approvazzjoni tad-disinn intermedjarju.

28      Fl-10 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Ellenika ordni ta’ pagament għal EUR 153 367,70, ammont li jikkorrispondi għas-sehem tar-Repubblika Ellenika fil-fażi inizjali tal-proġett, jiġifieri 5,06 % mill-ispiża totali. It-terminu tal-ħlas ġie stabbilit bħala l-31 ta’ Diċembru 1998.

29      Fid-9 ta’ Diċembru 1998, il-memorandum addizzjonali ġie ffirmat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju ta’ l-Olanda, ir-Repubblika ta’ l-Awstrija u l-Kummissjoni. L-Artikolu 11 tal-memorandum addizzjonali jipprovdi għall-ħolqien ta’ fond għall-finanzjament tal-proġett.

30      Skond l-Artikolu 14 tiegħu, il-memorandum addizzjonali japplika provviżorjament sa mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-firma tiegħu u jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Istati Membri u l-Kummissjoni jiddikjaraw li huma rratifikawh.

31      Fit-28 ta’ April 1999, il-Kummissjoni fetħet sejħa għal offerti għall-kostruzzjoni ta’ l-ambaxxati ta’ l-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll tad-delegazzjoni tal-Komunità (ĠU 1999, S 82). F’din is-sejħa kien indikat li l-ambaxxata tar-Repubblika Ellenika kellu jkollha superfiċji ta’ 677 m2.

32      Fit-3 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni ‘tenniet’ it-talba tagħha ta’ l-1998 fil-grupp ta’ l-affarijiet amministrattivi PBSK sabiex l-Istati Membri jħallsuha lura l-ammonti li hija kienet ħallset lill-konsulenti għall-fażi tad-disinn intermedjarju. Hija indikat li ċerti Stati Membri kienu diġà ħallsu l-ammonti dovuti, iżda li oħrajn, fosthom ir-Repubblika Ellenika, ma kinux ħallsu qabel l-iskadenza tat-terminu fil-31 ta’ Diċembru 1998. Il-Kummissjoni żiedet li ordni oħra ta’ pagament kienet ser tintbagħat lill-imsieħba dwar, minn naħa, l-ispejjeż tal-pjanti dettaljati u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż tal-modifika kkawżata mill-irtirar tar-Renju tal-Belġju, tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża.

33      Fl-20 ta’ Settembru 1999, il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni ltaqa’ sabiex issir il-pre-selezzjoni tal-kumpanniji tal-kostruzzjoni. Ir-rappreżentant tar-Repubblika Ellenika ffirma l-minuti tal-laqgħa. Ġiet ippubblikata sejħa għal offerti sabiex issir il-kostruzzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali S 54 tas-17 ta’ Marzu 2000.

34      Permezz ta’ ordni ta’ pagament tas-17 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika sabiex tħallas somma ta’ EUR 168 716,94 għall-preparazzjoni tas-sejħa għal offerti dwar il-pjanti dettaljati.

35      Fit-22 ta’ Ġunju 2000, il-kumitat permanenti ta’ direzzjoni ddeċieda li jadotta approċċ ġdid għall-proġett (iktar ’il quddiem il-proġett ‘Abuja II imċekken’), li sar neċessarju minħabba l-irtirar tar-Repubblika Franċiża. Il-proġett Abuja II imċekken jipprovdi b’mod partikolari għall-eliminazzjoni ta’ bini u ta’ servizzi awżiljarji komuni, kif ukoll għal tnaqqis tas-superfiċji. Ir-rappreżentant tar-Repubblika Ellenika f’dik il-laqgħa indika li kien jaqbel mal-proġett, suġġett dejjem għall-approvazzjoni tas-superjuri tiegħu. Fid-29 ta’ Ġunju 2000, il-Kummissjoni bagħtet il-minuti tal-laqgħa tat-22 ta’ Ġunju 2000 lir-Repubblika Ellenika u talbitha tagħti risposta formali għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja II imċekken.

36      Fil-5 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni reġgħet għamlet it-talba tagħha lir-rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika. Wara nota ta’ tfakkir ġdida datata l-14 ta’ Settembru 2000, il-Kummissjoni, fil-25 ta’ Settembru 2000, bagħtet ittra lir-Repubblika Ellenika permezz tal-faks, fejn indikat it-30 ta’ Settembru 2000 bħala t-terminu għal risposta u fejn indikat li s-silenzju tagħha kien ser jiġi kkunsidrat bħala rtirar mill-proġett. Fit-2 ta’ Ottubru 2000, l-awtoritajiet Griegi informaw lill-Kummissjoni li huma ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu risposta formali dwar il-proġett Abuja II imċekken. Konsegwentement, il-Kummissjoni rrispondiet, fl-istess data, li hija kienet qabbdet lill-periti sabiex jipproċedu b’disinn ġdid tal-proġett Abuja II imċekken mingħajr ma jinkludu lir-Repubblika Ellenika.

37      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2002, il-Kummissjoni bagħtet nota ta’ debitu ta’ EUR 1 276 484,50 lir-Repubblika Ellenika dwar l-ispejjeż tal-kostruzzjoni konnessi mal-proġett Abuja II. Sussegwentement, il-Kummissjoni annullat din in-nota ta’ debitu.

38      Wara li stabbiliet l-ambaxxata tagħha f’Abuja, fit-13 ta’ Lulju 2002 ir-Repubblika Ellenika telqet mill-bini li hija kienet tokkupa b’mod provviżorju fil-kuntest tal-proġett Abuja I.

39      Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ottubru 2002, il-Kummissjoni nnotifikat formalment lir-Repubblika Ellenika bin-noti ta’ debitu mhux imħallsa dwar il-proġetti Abuja I u Abuja II u talbitha tħallas ammont totali ta’ EUR 861 813,87 u ta’ USD 11 000.

40      Wara negozjati bejn il-partijiet, il-Kummissjoni fakkret lir-Repubblika Ellenika, permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2003, li din ta’ l-aħħar ma kinitx ħallset id-debiti tagħha relatati mal-proġetti Abuja I u Abuja II u talbitha tħallas somma totali ta’ EUR 516 374,96 u ta’ USD 12 684,89 qabel l-aħħar ta’ Frar 2003. Il-Kummissjoni żiedet li, fin-nuqqas ta’ ħlas sad-data ta’ l-iskadenza ta’ dan it-terminu, hija kienet ser tipproċedi bl-irkupru tas-somom in kwistjoni billi tuża l-mezzi legali kollha disponibbli.

41      Fix-xhur segwenti, ir-Repubblika Ellenika u l-Kummissjoni ddiskutew l-ammont tas-somom dovuti.

42      Fid-29 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Ellenika bagħtet ittra lir-Rappreżentant Permanenti tagħha għall-Unjoni Ewopea li tgħid hekk:

‘Peress li l-Kummissjoni Ewropea ssostni l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-debiti ta’ pajjiżna marbuta mal-proġett Abuja II billi tapplika l-proċedura ta’ tpaċija, aħna nitolbuk issegwi din il-proċedura u tgħidilna jekk u kif ġiet implementata, sabiex ir-Repubblika Ellenika tkun tista’ teżamina l-possibbiltà li tressaq rikors kontra l-Kummissjoni Ewropea.

Għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja I, aħna nfakkruk li aħna aċċettajna d-debiti tagħna sa Mejju 2002, filwaqt li l-ammont mitlub mill-Kummissjoni jkopri l-perijodu li jestendi sa Lulju 2002 kif ukoll wara dik id-data. Peress li aħna għandna l-intenzjoni li nħallsu d-debiti tagħna ċċitati iktar ’il fuq, aħna nitolbuk tikkuntattja s-servizzi finanzjarji kompetenti tal-Kummissjoni sabiex tivverifika l-elementi ta’ l-ammont totali eżatt tad-debiti tagħna f’EUR sa Mejju 2002’.

43      Fis-16 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet ittra lir-Repubblika Ellenika fejn identifikat id-debiti ta’ din l-aħħar li kienu għadhom ma ġewx irregolarizzati fir-rigward tal-proġetti Abuja I u Abuja II. Mit-tabella mehmuża ma’ dik l-ittra, li ssemmi, b’mod partikolari, ħdax-il nota ta’ debitu mhux imħallsa relatati mal-proġetti Abuja I u Abuja II, jirriżulta li l-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika tħallas EUR 565 656,80. F’dik l-ittra, il-Kummissjoni ppreċiżat:

‘[Ir-Repubblika Ellenika] bagħtet lill-Kummissjoni t-talba għal ħlas segwenti: […]

2000GR161PO005OBJ 1 GREĊJA KONTINENTALI – Ħlas interim – EUR 4 774 562,67.

Skond il-kundizzjonijiet ta’ ħlas kif stabbiliti mit-[tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju], il-Kummissjoni għandha tipproċedi bit-tpaċija tad-debiti u ammonti riċevibbli b’kunsiderazzjoni wkoll, jekk ikun il-każ, ta’ l-interessi għad-dewmien.

Fil-każ fejn it-talbiet għal ħlas min-naħa tiegħek jaqbżu l-ammonti paċuti, il-bilanċ nett li għalih inti għandek dritt se jitħallas lilek malajr kemm jista’ jkun. […]’

44      Fl-10 ta’ Marzu 2004, il-Kummissjoni ttrasferiet fondi lir-Repubblika Ellenika fil-kuntest tal-program operazzjonali reġjonali tal-Greċja kontinentali. Madankollu, minflok ma ħallset l-ammont ta’ EUR 4 774 562,67 (ara l-punt 43 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ħallset biss EUR 3 121 243,03. Hija b’hekk ipproċediet bl-irkupru permezz ta’ tpaċija tal-bilanċ li kien għadu ma ġiex imħallas mir-Repubblika Ellenika, fosthom EUR 565 656,80 għal dak li jikkonċerna l-proġetti Abuja I u Abuja II (iktar ’il quddiem l-‘att ikkontestat’)”.

 Proċedura u t-talbiet tal-partijiet

45      Permezz ta’ talba ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ April 2004, ir-Repubblika Ellenika ressqet ir-rikors preżenti. Il-kawża ġiet irreġistrata taħt ir-referenza C‑189/04.

46      Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Ġunju 2004, b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/407/KE Euratom, tas-26 ta’ April 2004 li temenda l-Artikoli 51 u 54 tal-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU L 132, p. 5), il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat il-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

47      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, stiednet lill-partijiet sabiex jirrispondu bil-miktub għal serje ta’ mistoqsijiet. Din it-talba ġiet sodisfatta.

48      Fir-risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Kummissjoni sostniet li kien hemm lok li tneħħi mill-fajl l-opinjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1998 ippreżentata mir-Repubblika Ellenika fl-anness 12 tar-rikors.

49      Instemgħu s-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u r-risposti li taw għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta ta’ l-10 ta’ Mejju 2006.

50      Ir-Repubblika Ellenika titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-att ta’ kumpens, meħud mill-Kummissjoni għal ammont ta’ EUR 565 656,80;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

51      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Fuq il-mertu

52      Ir-Repubblika Ellenika tinvoka motiv uniku bbażat fuq il-ksur tal-memoranda inizjali u addizzjonali, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament Nru 2342/2002.

53      Dak il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet. Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni għamlet żbalji fir-rigward ta’ l-obbligi finanzjarji tagħha dwar il-proġetti Abuja I u Abuja II u, b’mod partikolari, li ebda obbligu finanzjarju ma jaqa’ fuqha għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja II. Fit-tieni lok u fi kwalunkwe każ, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tistax tipproċedi bl-irkupru ta’ l-ammonti in kwistjoni permezz ta’ kumpens, għaliex il-krediti ma kinux ċerti u ta’ ammont fiss skond ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament Nru 2342/2002.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażat fuq ksur tal-memoranda inizjali u addizzjonali

 L-argumenti tal-partijiet

54      Qabel kollox, fir-rigward tal-proġett Abuja I, ir-Repubblika Ellenika tagħraf li hija marbuta tħallas l-ammonti dovuti għal ispejjeż tal-kera u l-ispejjeż ta’ tħaddim, jiġifieri kemm total (esklużi l-interessi) ta’ EUR 50 312,67 kif ukoll USD 11 000. Madankollu, dawn is-somom ma tħallsux immedjatament peress illi, fl-ewwel lok, ċerti noti ta’ debitu ma kinux indikaw bi preċiżjoni l-perijodu li għalih huma kienu jirreferu. Ir-Repubblika Ellenika invokat f’dan ir-rigward nota ta’ debitu tad-9 ta’ Marzu 2000 u rreferiet għall-ittra tagħha tad-29 ta’ Diċembru 2003, li fiha talbet li jiġu ċċarati ċerti affarijiet dwar in-noti tad-debiti. Fit-tieni lok, kien jeżisti nuqqas ta’ ftehim kemm fid-data li fiha l-kirjiet kkonċernati kienu dovuti. Fl-aħħar nett u fit-tielet lok, il-Kummissjoni kienet unilateralment iddeċidiet li tipproċedi bil-kumpens ikkontestat.

55      Fir-rigward imbagħad tal-proġett Abuja II, ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija mhix suġġetta għal ebda obbligu finanzjarju. Il-fatt li hija ma rratifikatx il-memorandum addizzjonali huwa determinanti f’dan ir-rigward.

56      Jirriżulta mill-memorandum inizjali li msieħeb parteċipanti seta’ jirtira mill-proġett kemm billi ma jiffirmax il-memorandum addizzjonali (Artikolu 15(1)), u kemm wara d-dħul fis-seħħ tal-memorandum addizzjonali (Artikolu 15(2)). Ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija rtirat mill-proġett Abuja II billi applikat l-ewwel possibbiltà. Fil-fatt, hija ffirmat il-memorandum addizzjonali, iżda qatt ma rratifikatu. Dik in-non-ratifika hija ekwivalenti għal irtirar mill-proġett Abuja II.

57      Madankollu, skond l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), ir-ratifika tammonta għal kundizzjoni neċessarja għad-dħul fis-seħħ ta’ l-imsemmi memorandum, li jseħħ biss wara l-irtirar tar-Repubblika Ellenika.

58      Barra minn hekk, skond l-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali (ara l-punt 15 iktar ’il fuq), dan l-irtirar kellu bħala effett li r-Repubblika Ellenika mhijiex marbuta b’ebda obbligu finanzjarju.

59      Ir-Repubblika Ellenika ssostni li jirriżulta mill-Artikolu 12 tal-memorandum inizjali, u b’mod partikolari mit-tieni paragrafu tiegħu, li l-ispiża tax-xogħlijiet preparatorji tal-proġett Abuja II trid tkun attribwita lill-Kummissjoni. Hija żżid li, jekk il-proġett huwa mwettaq, l-ispiża tiegħu titħallas lura mill-kontribuzzjonijiet ta’ l-imsieħba kollha skond il-parti tagħhom fil-proġett (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Din l-ispiża ma għandhiex titħallas minn dawk li rtiraw mingħajr ma rratifikaw il-memorandum addizzjonali, iktar u iktar jekk kienu rtiraw qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

60      Skond ir-Repubblika Ellenika, l-opinjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kunsil tas-26 ta’ Ġunju 1998 jikkorrabora l-interpretazzjoni tagħha f’dan ir-rigward.

61      Fil-fatt, kull konklużjoni oħra tgħawweġ il-“ħsieb wara l-proġett”. Għalkemm l-Istati Membri kienu ttrasferew ċerti poteri lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proġett Abuja II, huma kienu żammew ċerta awtonomija, b’mod li l-azzjoni tagħhom ma kinitx “imfixkla jew limitata permezz ta’ regoli stretti, assoluti u riġidi”. B’hekk Stat Membru jista’ jirtira mill-proġett jekk huwa jaħseb li dan ta’ l-aħħar huwa finanzjarjament żvantaġġuż, jew għal kwalunkwe motiv leġittimu ieħor.

62      Skond ir-Repubblika Ellenika, minn dan isegwi li l-Kummissjoni kisret il-memorandum inizjali, b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu, kif ukoll il-memorandum addizzjonali.

63      Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Ellenika tosserva li bosta Stati Membri rtiraw mill-proġett Abuja II minħabba ż-żieda kunsiderevoli ta’ l-ispiża ta’ dan il-proġett meta mqabbla mal-baġit inizjali.

64      Hija ssostni wkoll li l-argument ġuridiku tal-Kummissjoni f’dan il-każ partikolari huwa sorprendenti. Minn naħa, il-Kummissjoni tametti l-inapplikabbiltà tal-memorandum addizzjonali u konsegwentement tinvoka l-allegata responsabbiltà prekontrattwali tar-Repubblika Ellenika. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tgħid li, sussidjarjament, il-memorandum addizzjonali huwa ġuridikament vinkolanti fit-totalità tiegħu. Skond ir-Repubblika Ellenika, ftehim internazzjonali huwa jew integralment fis-seħħ fit-totalità tiegħu, jew le minħabba nuqqas ta’ ratifikat. Konsegwentement, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux ikunu kkunsidrati bħala prinċipalment inapplikabbli u sussidjarjament applikabbli. F’dan ir-rigward, id-domanda essenzjali u determinanti tkun dik dwar jekk il-memorandum addizzjonali huwa fis-seħħ jew le.

65      Għal dak li jikkonċerna l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-Repubblika Ellenika għandha responsabbiltà prekontrattwali f’dak illi nibbtet fl-imsieħba l-oħra stennija skond liema hija kienet ser tassumi l-obbligi kuntrattwali definittivi, din l-aħħar imsemmija tallega li dik l-aspettattiva setgħet tkun fondata jekk iċ-ċirkustanzi ma kinux tbiddlu fondamentalment. Issa, minħabba l-irtirar ta’ bosta Stati, l-ispiża tal-proġett kienet żiedet b’mod kunsiderevoli. Dan il-piż tqil, miżjud ma’ tibdil radikali tal-kundizzjonijiet tal-proġett Abuja II, kien immotiva l-irtirar definittiv u leġittimu.

66      Skond ir-Repubblika Ellenika, huma biss il-memoranda inizjali u addizjonali li jirregolaw id-drittijiet u l-obbligi ta’ l-imsieħba, inklużi l-obbligi finanzjarji tagħhom. Jekk jiġi presuppost li xi deċiżjonijiet meħuda eventwalment matul ix-xogħlijiet tal-kumitat permanenti ta’ direzzjoni jkunu kuntrarji għall-kuntest ġuridiku ċċitat, fl-ebda każ ma jkunu jistgħu jipprevalu fuq dan.

67      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Ellenika ma ssostniex li l-Kummissjoni għandha tassumi r-responsabbiltà ta’ l-ispejjeż marbuta mal-proġett Abuja II. Interpretazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet tal-memoranda inizjali (Artikoli 12 u 13) u addizzjonali (Artikolu 14) juru li dik ir-responsabbiltà taqa' biss fuq l-imsieħba finali, il-proprjetarji u l-benefiċjarji esklużivi tal-kumpless immobiljari. Minbarra dan, bħala koordinatriċi tal-proġett kollu, il-Kummissjoni tista’ ssaqsi lill-imsieħba finali jassumu l-ispejjeż in kwistjoni.

68      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika Ellenika dwar il-proġett Abuja I. Hija ssostni li l-ispejjeż li huma r-responsabbiltà tagħha ġew ikkalkolati sat-13 ta’ Lulju 2002, data li fiha din l-aħħar imsemmija telqet mill-bini proviżorji.

69      Fir-rigward tal-proġett Abuja II, il-Kummissjoni tinvoka tliet argumenti sabiex turi r-responsabbiltà tar-Repubblika Ellenika.

70      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika Ellenika kellha responsabbiltà kuntrattwali għall-ispejjeż koperti mill-memorandum inizjali għall-fażi preliminari tal-proġett, skond il-perċentwali li jiġi lura lilha (ara t-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12 tal-memorandum inizjali), peress li ffirmat u rratifikat l-imsemmi memorandum.

71      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika Ellenika għandha responsabbiltà prekontrattwali li tirriżulta mill-memorandum addizzjonali għall-ispejjeż rilevanti tal-fażijiet ulterjuri, jiġifieri l-parti l-kbira ta’ l-ammont kontenzjuż. Hija tinvoka b’mod partikolari l-imġiba tar-Repubblika Ellenika u l-prinċipju tal-bona fede fid-dritt internazzjonali.

72      Fit-tielet lok, u sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni responsabbiltà kuntrattwali tar-Repubblika Ellenika li tirriżulta mill-applikazzjoni proviżorja tal-memorandum addizzjonali permezz ta’ mandat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali pprovda għall-implementazzjoni proviżorja ta’ dan l-aħħar imsemmi, li, suġġett għal ratifika, ħolqot obbligi kuntrattwali. Ir-Repubblika Ellenika b’hekk kienet de facto ċarament ipparteċipat għal dik l-applikazzjoni proviżorja. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li r-relazzjonijiet bejn l-Istati parteċipanti u bejnha, bħala koordinatriċi tal-proġett, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala relazzjonijiet bejn prinċipal u mandatarju. Bħala prinċipal, l-Istati Membri għandhom iħallsuha l-ispejjeż li hija ħallset bħala mandatarju.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

73      Qabel kollox, jeħtieġ li jiġi mfakkar li, fil-kuntest tat-Trattat UE, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mit-Trattat ta’ Amsterdam, il-kompetenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja huma elenkati b’mod limitat mill-Artikolu 46 UE. Dan ma jipprovdi l-ebda kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tat-Trattat UE (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Novembru 2005, Selmani vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T‑299/04, li għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġabra, punti 54 u 55).

74      Jirriżulta mill-proċess tal-kawża preżenti li r-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri jirriżultaw mill-kooperazzjoni tagħhom fil-kuntest tad-disinn, ta’ l-ippjanar u ta’ l-eżekuzzjoni tal-proġetti Abuja I u Abuja II rilevanti tat-Titolu V tat-Trattat UE (ara, b’mod partikolari, l-punt 8 iktar ’il fuq). Madankollu, huwa paċifiku li l-Kummissjoni pproċediet bl-irkupru tas-somom kontenzjuzi permezz ta’ att adottat abbażi tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament Nru 2342/2002, b’mod li l-att ta’ kumpens jaqa' taħt qasam tad-dritt Komunitarju. Billi att bħal dan jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament imressaq skond l-Artikolu 230 KE, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti li tittratta r-rikors preżenti.

75      Sussegwentement, jeħtieġ li tiġi eżaminata r-responsabbiltà finanzjarja tar-Repubblika Ellenika għall-proġetti Abuja I u Abuja II.

76      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-proġett Abuja I, ir-Repubblika Ellenika ammettiet bħala prinċipju r-responsabbiltà tagħha għall-ispejjeż in kwistjoni u, aktar preċiżament, irrikonoxxiet debitu ta’ EUR 50 312,67 u ta’ USD 11 000, esklużi l-interessi. Min-naħa l-oħra, hija tikkontesta r-responsabbiltà tagħha għas-somma totali ta’ EUR 72 714,47 li l-Kummissjoni talbitha tħallas għall-proġett Abuja I.

77      F’dan ir-rigward jeħtieġ li jiġi mfakkar li, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 53 ta’ l-istess Statut, u ta’ l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors previst fl-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jrid b’mod partikolari jkun jikkontjeni l-materja tal-kwistjoni u dikjarazzoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Skond ġurisprudenza stabbilita, dawn l-indikazzjonijiet għandhom ikunu suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi dwar ir-rikors, f’dan il-każ partikolari, mingħajr informazzjoni oħra minn qabel. Sabiex tiġi ggarantita s-sigurtà ġuridika u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas sommarjament, iżda b’mod koerenti u komprensibbli, mit-test tar-rikors stess (Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Frar 2005, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T‑19/01, Ġabra p. II‑315, punt 64).

78      Għalkemm hija tametti bħala prinċipju r-responsabbiltà tagħha għall-proġett Abuja I, ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija ma ħallsitx id-debiti in kwistjoni minħabba nuqqas ta’ ftehim fir-rigward tad-data li fiha l-kirjiet kkonċernati kienu dovuti (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). Madankollu, ir-Repubblika Ellenika bl-ebda mod ma ppreżentat dan l-argument fir-rikors tagħha skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq.

79      Jeħtieġ li jingħad li l-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Ellenika tħallas is-somma ta’ EUR 72 714,47 skond il-proġett Abuja I, li tikkorrispondi għal-lokazzjoni proviżorja tal-fondi okkupati minnha sat-13 ta’ Lulju 2002. Il-Kummissjoni qasmet dawn l-ispejjeż skond dokumentazzjoni dettaljata u kkonstatat il-kreditu tagħha permezz ta’ noti ta’ debitu. Jirriżulta li r-responsabbiltà tal-prova tal-karattru mhux fondat jew tal-kalkolu żbaljat ta’ l-ammont in kwistjoni taqa' fuq ir-Repubblika Ellenika. Madankollu, din l-aħħar imsemmija ma spjegatx la l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tad-data ta’ l-kirjiet dovuti kkonċernati, u lanqas d-differenza tal-pożizzjoni bejnha u l-Kummissjoni. Bl-istess mod, ir-Repubblika Ellenika ma ppreċiżatx la l-elementi tal-kalkolu ta’ l-ammonti ta’ l-EUR 50 312,67 u tad-USD 11 000, u lanqas r-raġunijiet li għalihom hija rrifjutat li taċċetta r-responsabbiltà tagħha għas-somma totali ta’ EUR 72 714,47 li l-Kummissjoni talbitha tħallas għall-proġett Abuja I.

80      Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika ma ressqitx il-provi li l-Kummissjoni kienet għamlet żball fir-rigward ta’ l-ammont dovut. Konsegwentement, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tevalwa jekk il-Kummissjoni għamlet żball fl-evalwazzjoni tagħha ta’ l-ammont dovut sabiex tissostitwixxi l-ammont aċċettat mir-Repubblika Ellenika għal dik irkuprata mill-Kummissjoni.

81      Ir-Repubblika Ellenika issostni wkoll li n-noti ta’ debitu ma kinux indikaw bi preċiżjoni l-perijodu li għalih huma kienu jirreferu (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). Jeħtieġ li f’dan ir-rigward jingħad li, minn naħa, ir-Repubblika Ellenika ammettiet bħala prinċipju r-responsabbiltà tagħha għad-debitu in kwistjoni u li, min-naħa l-oħra, hija ma qajmitx oġġezzjonijiet meta hija rċeviet bosta noti ta’ debitu bejn it-30 ta’ Novembru 1997 u l-31 ta’ Jannar 2001. Minn dan isegwi li hija r-Repubblika Ellenika li trid tressaq il-prova li hija ma kinitx responsabbli għad-debitu in kwistjoni. Madankollu, hija ripetutament falliet f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, u kif ġie indikat fil-punt 79 iktar ’il fuq, ir-Repubblika Ellenika ma spjegatx għaliex hija tqis li hija m’għandhiex tħallas id-differenza bejn l-ammont li hija tammetti u dak mitlub mill-Kummissjoni. Hija lanqas ma tippreċiża f’xiex jikkonsisti l-allegat nuqqas ta’ preċiżjoni fin-noti ta’ debitu f’dan ir-rigward.

82      Minn dan jirriżulta li l-argument tar-Repubblika Ellenika dwar ir-responsabbiltà tagħha għad-debitu relattiv għall-proġett Abuja I ma jistax jiġi kkunsidrat.

83      Fit-tieni lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-Repubblika Ellenika li skond dan hija m’għandha l-ebda responsabbiltà finanzjarja għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja II. Filwaqt li ssostni li d-drittijiet u l-obbligi ta’ l-imsieħba huma stabbiliti biss fil-memoranda inizjali u addizzjonali, ir-Repubblika Ellenika ssostni li hija rtirat mill-proġett peress li qatt ma rratifikat il-memorandum addizzjonali. Konsegwentement, jirriżulta mill-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali li hija ma għandha l-ebda obbligu finanzjarju dwar il-proġett Abuja II (ara l-punti 55 sa 62 iktar ’il fuq).

84      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni, qabel kollox, li r-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li hija ma aġixxietx bħala parteċipant sħiħ għall-proġett Abuja II għal aktar minn sitt snin, jiġifieri mit-18 ta’ April 1994 sat-30 ta’ Settembru 2000. Fil-fatt, ir-Repubblika Ellenika, li tallega f’dan il-każ partikolari li rtirat mill-proġett Abuja II, peress li hija qatt ma rratifikat il-memorandum addizzjonali, ipparteċipat għall-imsemmi proġett għal bejn wieħed u ieħor sentejn wara l-firma ta’ l-imsemmi memorandum f’Diċembru 1998 (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Anki wara li rċeviet il-korrispondenza mill-Kummissjoni dwar il-proġett Abuja II imċekken (ara l-punti 35 u 36 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Ellenika ma rtiratx formalment mill-proġett, iżda kkontentat ruħha li tindika, fl-ittra tagħha tat-2 ta’ Ottubru 2000, li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti risposta definittiva fuq il-parteċipazzjoni tagħha għall-proġett Abuja II (ara l-punt 36 iktar ’il fuq). B’mod kostanti bejn ix-xahar ta’ April 1994 u x-xahar ta’ Settembru 2000, permezz ta’ l-imġiba tagħha, r-Repubblika Ellenika tat lill-imsieħba oħra x’jifhmu li hija żammet il-parteċipazzjoni tagħha għall-proġett Abuja II. B’hekk, ħalliet lill-imsieħba l-oħra jaħsbu li hija kienet ser tkompli tonera l-obbligi finanzjarji tagħha relatati mal-proġett Abuja II. Konsegwentement, l-evalwazzjoni ta’ l-obbligi tar-Repubblika Ellenika ma tistax tkun limitata għall-memoranda inizjali u addizjonali, iżda għandha tieħu wkoll in kunsiderazzjoni l-aspettattivi li l-imsemmi Stat Membru ħoloq fl-imsieħba tiegħu permezz ta’ l-imġiba tiegħu.

85      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Prim’Istanza tfakkar li l-prinċipju ta’ bona fede hija regola tad-dritt internazzjonali komuni li l-eżistenza tagħha ġiet rikonoxxuta mill-Qorti Permanenti tal-Ġustizzja Internazzjonali stabbilita fil-kuntest tas-Kunsill tal-Lega tan-Nazzjonijiet (ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 1926, Intérêts allemands en Haute-Silésie polonaise, CPJI, serje A, Nru 7, p. 30 u 39), imbagħad mill-Qorti tal-Ġustizzja Internazzjonali u li konsegwentement, tapplika f’dan il-każ partikolari għall-Komunità kif ukoll għall-imsieħba l-oħra.

86      Dan il-prinċipju ġie kkodifikat mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati, konkluż fit-23 ta’ Mejju 1969, li jgħid li:

“Stat irid jastjeni minn atti li jċaħħdu Trattat mill-għan u mill-iskop tiegħu:

a)       meta huwa ffirma t-trattat jew meta jsir skambju ta’ l-istrumenti li jiffurmaw it-trattat suġġett għar-ratifika, għall-aċċettazzjoni jew għall-approvazzjoni, sakemm ma mmanifestax l-intenzjoni tiegħu li ma jsirx parti għat-Trattat; jew

b)       meta esprima l-kunsens tiegħu sabiex ikun marbut mit-trattat, fil-perijodu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tat-trattat u bil-kundizzjoni li dan ma jiġix imtawwal mingħajr bżonn.”

87      Hemm lok li jiġi osservat ukoll li l-prinċipju ta’ bona fede huwa l-korollarju, fid-dritt internazzjonali pubbliku, tal-prinċipju tal-protezzjoni ta’ l-aspettattiva leġittima, li, skond il-ġurisprudenza, tagħmel parti mis-sistema ġuridika Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Jannar 1997, Opel Awstrija vs Il-Kunsill, T‑115/94, Ġabra p. II‑39, punt 93).

88      Huwa kostanti li, fit-18 ta’ April 1994, ir-Repubblika Ellenika ffirmat il-memorandum inizjali u li hija rratifikatu wkoll. Konsegwentement, skond il-preambolu ta’ l-imsemmi memorandum, hija kienet waħda mill-imsieħba tal-proġett Abuja II li ddeċiedew li jibnu kumpless komuni ta’ ambaxxati f’“l-ispirtu ta’ interess komuni”. Din il-kwalità ta’ msieħeb tinkludi ċerti obbligi miżjuda ta’ kooperazzjoni u ta’ solidarjetà bejn il-parteċipanti.

89      Il-memorandum inizjali jikkonċerna l-fażijiet preliminari tal-proġett Abuja II. Peress li dan il-memorandum, u b’mod partikolari l-Artikoli 11 sa 15 tiegħu, jistgħu jiġu kkritikati għan-nuqqas ta’ ċarezza tagħhom, huwa paċifiku li minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni hija marbuta li tkun responsabbli għall-ispejjeż tax-xogħol preparatorju ta’ EUR 140 000 u li din l-ispiża għandha tiġi mħallsa lura mill-imsieħba kollha skond il-parti tagħhom fil-proġett f’każ li dan ta’ l-aħħar jiġi mwettaq (ara b’mod partikolari l-Artikolu 12 tal-memorandum inizjali, iċċitat fil-punt 12 iktar ’il fuq). Il-partijiet ikkonfermaw ukoll, fis-seduta, li jirriżulta mill-Artikoli 11 sa 15 tal-memorandum inizjali li wara l-ewwel fażi, kkaratterizzata minn disinn inizjali tal-proġett, l-imsieħba kkonċernati bl-andament tal-proġett kellhom jiffirmaw memorandum addizzjonali dwar id-disinn dettaljat tal-bini u għall-finanzjament dettaljat tal-proġett.

90      Wara l-firma tal-memorandum inizjali, il-Kummissjoni, bl-approvazzjoni ta’ l-imsieħba, iffirmat il-kuntratti mal-konsulenti (ara l-punt 16 iktar ’il fuq). Għalkemm jirriżulta mill-fajl li l-ispejjeż żdiedu meta mqabbla mal-kalkoli inizjali, l-ispejjeż sostnuti ma ġewx ikkontestati, fil-laqgħat tal-kumitati responsabbli għall-proġett (ara l-punti 18 sa 23 iktar ’il fuq), mill-imsieħba parteċipanti, li kienet tifforma parti minnhom ir-Repubblika Ellenika.

91      Jeħtieġ li jingħad li jirriżulta mill-memorandum inizjali, iffirmat u rratifikat mir-Repubblika Ellenika, li l-parteċipazzjoni ta’ l-Istati Membri għall-proġett ġie stabbilit abbażi tas-superfiċji mitlub għad-delegazzjoni tagħhom u jinkludi parti mill-ispiża taż-żoni komuni u pubbliċi (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Ir-Repubblika Ellenika ma tikkontestax li hija talbet is-superfiċji ta’ 591 m2 għall-ambaxxata tagħha, b’mod li l-parteċipazzjoni tagħha għall-proġett, fir-rigward ta’ dawk l-erbatax-il imsieħeb, ġiet inizjalment stabbilita għal 5,06 %.

92      Wara l-fażi ta’ disinn inizjali tal-proġett, u kuntrarjament għal dak li kien previst fil-memorandum inizjali (ara l-punt 11 iktar ’il fuq), l-imsieħba ddeċidew li jkomplu bil-proġett u li jħallsu l-ispejjeż relattivi għad-disinn dettaljat tal-bini, qabel ma jkun stabbilit il-memorandum addizzjonali. B’mod partikolari, il-grupp ta’ l-affarijiet amministrattivi PBSK, fil-laqgħa ta’ l-24 ta’ Frar 1997, li għaliha pparteċipaw żewġ rappreżentanti tar-Repubblika Ellenika, awtorizza lill-Kummissjoni li tagħmel l-arranġamenti neċessarji mal-periti sabiex tfassal il-pjanti dettaljati mingħajr ma tistenna l-memorandum addizzjonali (ara l-punt 24 iktar ’il fuq). Ġie previst li, “bħal fil-każijiet preċedenti, l-ammonti mħallsa minn qabel mill-Kummissjoni jitħallsu lura sussegwentement mill-parteċipanti l-oħra skond il-proċeduri previsti għal dan il-għan fil-memorandum inizjali”.

93      Dan huwa element importanti. Billi ddeċiedew li jelaboraw il-pjanti dettaljati mingħajr ma jistennew li jiġi stabbilit il-memorandum addizzjonali, l-imsieħba marru lilhinn mill-fażijiet preliminari, fejn b’hekk ikkonkludew ftehim impliċitu li jwettqu l-proġett. Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż iġġenerati minn dik id-deċiżjoni, l-imsieħba evidentement ma invokawx il-proċeduri previsti mill-memorandum addizzjonali, li ma kienx ġie approvat (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Konsegwentement, meta rreferiet għall-ħlas lura sussegwenti tal-ħlasijiet bil-quddiem previsti mill-memorandum inizjali, l-imsieħba effettivament irreferew għall-Artikolu 12 tagħha, li jgħid li jekk il-proġett jiġi mwettaq, l-imsieħba għandhom iħallsu lura l-ammont għax-xogħlijiet preparatorji mħallsa bil-quddiem mill-Kummissjoni (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). Issa, billi l-imsieħba kienu ddeċiedew fil-laqgħa ta’ l-24 ta’ Frar 1997 li jwettqu l-proġett, huma ma kinux ħielsa li jirtiraw mill-proġett mingħajr ma jħallsu l-parti tagħhom ta’ l-ispejjeż preliminari u l-ispejjeż ulterjuri.

94      Għalkemm ċerti Stati Membri kienu mbagħad irtiraw mill-proġett (ara l-punti 25 u 27 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Ellenika ma adottat l-ebda mġiba li tista’ toħloq dubju fuq il-parteċipazzjoni tagħha. Barra minn hekk, hija ma qajmet l-ebda oġġezzjoni fir-rigward ta’ l-ispejjeż relattivi għall-kuntratt prinċipali, ta’ ammont ta’ EUR 1 895 696 konkluż mal-konsulenti fit-12 ta’ Novembru 1997 (ara l-punt 26 iktar ’il fuq).

95      Fid-9 ta’ Diċembru 1998, ir-Repubblika Ellenika u l-imsieħba l-oħra li ma rtirawx mill-proġett iffirmaw il-memorandum addizzjonali (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Minbarra dan, fix-xhur segwenti, ir-Repubblika Ellenika aġixxiet bħala imsieħeb b’parti sħiħa fil-proġett. Kien biss fis-sajf tas-sena 2000 li hija, għall-ewwel darba, uriet riżervi fir-rigward tal-perseveranza tal-parteċipazzjoni tagħha, li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li hija rtirat mill-proġett (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

96      Huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika kienet ġustifikata li tirtira mill-proġett. Madankollu, fid-dawl b’mod partikolari ta’ l-evoluzzjoni ta’ l-impenji wara l-fażi inizjali u minkejja n-nuqqas ta’ ratifika tal-memorandum addizzjonali, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li hija ma setgħetx tirtira mingħajr ma tħallas l-ispejjeż marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II.

97      Ir-Repubblika Ellenika, bħala firmatarja tal-memorandum addizzjonali, kienet marbuta taġixxi f’bona fede fir-rigward ta’ l-imsieħba l-oħra. Dak l-obbligu kien imsaħħaħ mill-fatt li r-Repubblika Ellenika ffirmat u rratifikat il-memorandum inizjali u li hija kienet, mit-18 ta’ April 1994 sat-30 ta’ Settembru 2000, “imsieħeb parteċipanti” għall-proġett. F’dan ir-rigward, minn naħa, jeħtieġ li jingħad li r-Repubblika Ellenika pparteċipat għal-laqgħat tal-kumitati responsabbli għall-proġett u approvat l-ispejjeż tal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika talbet li s-superfiċji ta’ l-ambaxxata tagħha fil-kumpless ikun ta’ 591 m2 u aċċettat, wara li rtiraw ċerti Stati Membri mill-proġett, li ttella dan in-numru għal 677 m2 (ara s-sejħa għall-offerti tat-28 ta’ April 1999). Fil-fatt, hija kienet totalment assoċjata mal-proċedura dwar is-sejħa għall-offerti għall-proġett fl-1999 u fl-2000, u r-rappreżentant tagħha pparteċipa għall-evalwazzjoni tal-kumpanniji ta’ kostruzzjoni (ara l-punti 31 u 33 iktar ’il fuq).

98      Barra minn hekk, ir-Repubblika Ellenika ma urietx dubju għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett bejn it-18 ta’ April 1994 u t-30 ta’ Settembru 2000. Jekk hija kienet temmen li m’għandha l-ebda responsabbiltà finanzjarja qabel ir-ratifika tal-memorandum addizzjonali, hija kellha topponi l-ordnijiet tal-ħlas ta’ l-10 ta’ Ġunju 1998 u tas-17 ta’ Frar 2000 li l-Kummissjoni bagħtitilha għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja II (ara l-punti 28, 32 u 34 iktar ’il fuq). Minbarra dan, hija qatt ma mmanifestat l-intenzjoni li tirtira jew li ma tirratifikax il-memorandum addizzjonali, minkejja l-irtirar ta’ bosta Stati Membri u konsegwentement il-modifika tal-parti tagħha mill-proġett. Jeħtieġ li jiġi nnotat f’dan ir-rigward li, skond il-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq il-Liġi tat-Trattati (ara l-punt 86 iktar ’il fuq), parti li trid tirtira minn ftehim internazzjonali hija obbligata tinforma lill-partijiet l-oħra (Artikoli 65 u 67).

99      Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li jirriżulta minn dak li ntqal li r-Repubblika Ellenika aġixxiet bħala parteċipanti sħiħa għall-proġett. Hija tat lill-partijiet l-oħra x’jifmhu, permezz ta’ l-imġiba tagħha, li hija taċċetta u tapprova l-obbligi meħuda mill-Kummissjoni għan-nom ta’ l-imsieħba. B’hekk, hija sedqet fl-imsieħba fiduċja li hija kienet ser tonera l-obbligi finanzjarji tagħha fir-rigward tal-proġett. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li l-parteċipazzjoni għall-proġett, u b’mod partikolari l-ambaxxata tagħha ta’ 677 m2, kellha effett dirett fuq l-ispiża totali tal-proġett. Konsegwentement, minħabba l-prinċipju tal-bona fede, ir-Repubblika Ellenika ma setgħetx taħrab l-obbligi finanzjarji tagħha billi tiġġustifika lilha nfisha bil-fatt li hija ma kinitx irratifikat il-memorandum addizzjonali.

100    Min-naħa l-oħra, l-obbligi tar-Repubblika Ellenika jirriżultaw ukoll mill-kliem tal-memorandum inizjali. Kif irrikonoxxiet ir-Repubblika Ellenika (ara l-punt 56 iktar ’il fuq), jirriżulta espliċitament mill-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali li msieħeb parteċipanti li ma ffirmax il-memorandum addizzjonali jista’ jevita l-obbligi finanzjarji konnessi mal-proġett (ara l-punt 15 iktar ’il fuq). Issa, huwa fatt li r-Repubblika Ellenika ffirmat il-memorandum addizzjonali. Fiċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża preżenti, l-Artikolu 15(1) tal-memorandum inizjali għandu jinqara b’mod strett, għall-kuntrarju ta’ l-interpretazzjoni li tat ir-Repubblika Ellenika.

101    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li r-ratifika tal-memorandum addizzjonali tammonta għal kundizzjoni neċessarja għad-dħul fis-seħħ tagħha (ara l-punt 57 iktar ’il fuq). Il-Qorti tal-Prim’Istanza ssostni f’dan ir-rigward, li, skond l-Artikolu 14 tal-memorandum addizzjonali, dan ta’ l-aħħar japplika proviżorjament sa mill-ewwel jum tat-tieni xahar wara l-firma tiegħu. Peress li l-imsemmi memorandum ġie ffirmat mill-imsieħba fid-9 ta’ Diċembru 1998, japplika proviżorjament sa mill-1 ta’ Frar 1999. B’hekk, il-memorandum addizzjonali beda japplika proviżorjament għar-Repubblika Ellenika sa minn Ottubru 2000. Din ta’ l-aħħar ma tistax tinjora dik l-applikazzjoni proviżorja billi tinvoka l-fatt li hija ma rratifikatx il-memorandum.

102    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi nnotat li t-tmien Stati Membri l-oħra li kienu rtiraw mill-proġett, ħallsu l-parti tagħhom ta’ l-ispejjeż, anki jekk ma rratifikawx il-memorandum addizzjonali.

103    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li r-Repubblika Ellenika hija responsabbli għall-ispejjeż kollha konnessi mal-parteċipazzjoni tagħha fil-proġett Abuja II.

104    Ir-Repubblika Ellenika tammetti li l-imsieħba l-oħra kienu jkunu ġustifikati li jaħsbu li hija kienet ser tassumi l-obbligi kuntrattwali definittivi tagħha li kieku ċ-ċirkustanzi “ma kinux tbiddlu fondamentalment” (ara l-punt 65 iktar ’il fuq). Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, fir-rigward ta’ proġett ta’ kostruzzjoni ta’ bini, iż-żieda fl-ispiża ta’ proġett ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “tibdila fundamentali taċ-ċirkustanzi”. Minbarra dan, ir-Repubblika Ellenika aċċettat iż-żieda ta’ l-ispiża tal-proġett, magħrufa sa mill-bidu tal-proġett Abuja II (ara l-punt 90 iktar ’il fuq), u hija ma qajmet ebda oġġezzjoni meta l-parti tagħha fil-proġett ġiet miżjuda wara l-irtirar ta’ bosta Stati Membri bejn l-1997 u l-1999.

105    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-ewwel parti tal-motiv uniku għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regolament Nru 2342/2002

 L-Argumenti tal-partijiet

106    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, billi pproċediet bl-irkupru permezz ta’ kumpens ta’ l-ammonti in kwistjoni, il-Kummissjoni kisret ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament Nru 2342/2002.

107    Ir-Repubblika Ellenika ssostni li, kuntrarjament għal dak li tgħid il-Kummissjoni, hemm inċertezza ċara fir-rigward ta’ l-ammont u l-ġustifikazzjoni tas-somom mitluba, kemm għall-proġett Abuja I kif ukoll għall-proġett Abuja II. Permezz ta’ tliet ittri suċċessivi tad-29 ta’ Mejju, tal-11 ta’ Ottubru 2002 u tal-31 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni kienet stiednitha tħallas tliet ammonti totalment differenti għall-proġetti in kwistjoni (rispettivament EUR 1 276 484,50, EUR 861 813,87 u EUR 516 374,96). Id-dewmien fil-ħlas ta’ l-ammont dovut b’hekk jiġi spjegat bin-nuqqas ta’ ċarezza mogħtija li tidher fin-noti ta’ debitu, kif ukoll permezz tad-differenzi kbar tas-somom korrispondenti (ara l-punt 54 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Ellenika tfakkar li d-debitu ta’ EUR 1 276 484,50 ġie annulat peress illi ma kienx dovut.

108    Ir-Repubblika Ellenika żżid li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji li jirregolaw it-tranżazzjonijiet ta’ irkupru permezz ta’ kumpens previsti fl-Artikoli 77 sa 89 tar-Regolament Nru 2342/2002. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 2342/2002, li jgħid li l-kreditu jrid ikun ċert u jkun ammont fiss sabiex ikun hemm kumpens validu, mhumiex sodisfatti.

109    Minbarra dan, ir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament Nru 2342/2002 fihom dispożizzjonijiet li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet (Artikoli 78(1) u 80(1) tar-Regolament Nru 2342/2002). Madankollu, f’dan il-każ partikolari, l-ammont tal-kumpens, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-proġett Abuja II, ma jikkonċernax krediti tal-Komunitajiet fir-rigward tar-Repubblika Ellenika, iżda krediti eventwalment miżmuma mill-imsieħba fil-proġett Abuja II, fil-kuntest biss tad-dispożizzjonijiet tal-memorandum inizjali. Minn dan, ir-Repubblika Ellenika tasal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma tistax tirrikorri validament għall-proċeduri previsti fir-Regolament Finanzjarju.

110    Il-Kummissjoni tgħid li r-rikorrenti kienet żbaljata meta kkontestat l-imsemmija krediti, li huma ċerti, verifikati u dovuti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

111    Jeħtieġ li mill-bidu jingħad li jirriżulta mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, u b’mod partikolari ta’ l-Artikolu 1 tiegħu, li l-proċedura ta’ irkupru permezz ta’ kumpens previst fl-Artikolu 73(1) tiegħu (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), japplika biss għas-somom rilevanti tal-baġit Komunitarju. Issa, mhuwiex ikkontestat li l-Kummissjoni kienet awtorizzata, skond l-Artikolu 268 KE, li jipprovdi għall-inklużjoni fil-baġit kemm ta’ l-ispejjeż tal-Komunità kif ukoll ta’ ċerti spejjeż sostnuti mill-istituzzjonijiet skond id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Unjoni Ewropea dwar il-politika barranija u tas-sigurtà komuni, tinkludi fil-baġit Komunitarju l-ispejjeż sostnuti għall-proġetti Abuja I u Abuja II.

112    Skond ir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni kisret ir-Regolament Finanzjarju kif ukoll ir-Regolament Nru 2342/2002 peress illi l-krediti in kwistjoni ma kinux “ċerti u ta’ ammont fiss” skond l-imsemmija regolamenti. Ir-Repubblika Ellenika tgħid b’mod partikolari li hemm inċertezza dwar l-ammont u l-ġustifikazzjoni tas-somom mitluba (ara l-punti 106 sa 108 iktar ’il fuq).

113    F’dan ir-rigward jeħtieġ li jingħad li r-Regolament Finanzjarju u r-Regolament Nru 2342/2002 jikkontjenu r-regoli dettaljati dwar id-dritt tal-Kummissjoni li tipproċedi b’irkupru permezz ta’ kumpens.

114    L-Artikolu 73(1) tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li l-uffiċjal tal-kontijiet għandu jirkupra ammonti billi jagħmel kumpens b’bilanċ kontra tagħhom ekwivalenti għal talbiet li l-Komunitajiet ikollhom fuq xi debitur li hu nnifsu għandu talba kontra l-Komunitajiet li hija ċerta, ta’ ammont stabbilit u dovut (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

115    Fir-rigward tal-proċedura applikabbli, l-Artikolu 71 tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi li l-uffiċjal kompetenti jrid, mill-bidu, jikkonstata kreditu, jiġifieri jivverifika li d-debitu jeżisti, jiddetermina jew jivverifika r-realtà u l-ammont tad-debitu u jivverifika l-kundizzjonijiet li fihom id-debitu ikun dovut (ara l-punt 1 iktar ’il fuq). L-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 2342/2002 jeżiġi li l-uffiċjal jassigura ruħu, b’mod partikolari, mill-fatt li l-kreditu huwa “ċert”, liema fatt m’għandux ikun suġġett għal kundizzjoni. Huwa obbligat ukoll li jassigura li l-kreditu huwa “ta’ ammont fiss”, liema ammont għandu jkun espress preċiżament f’termini ta’ flus, kif ukoll li huwa “dovut”, jiġifieri li l-kreditu mhuwiex suġġett għal xi żmien ta’ ħlas (ara l-punt 5 iktar ’il fuq). Minbarra dan, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2342/2002 jiddisponi li kull konstatazzjoni ta’ kreditu għandha tkun ibbażata fuq dokumenti ta’ sostenn tad-drittijiet tal-Komunitajiet.

116    Kull kreditu identifikat bħala “ċert, ta’ ammont fiss u dovut” irid ikun stabbilit minn ordni ta’ irkupru mogħtija lill-uffiċjal u mfassla mill-uffiċjal tal-kontijiet kompetenti (Artikolu 71(2) tar-Regolament Finanzjarju). L-ordni ta’ l-irkupru hija t-tranżazzjoni li permezz tagħha l-uffiċjal jagħti struzzjoni lill-uffiċjal tal-kontijiet li jirkupra l-kreditu kkonstatat (Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 2342/2002).

117    Fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Ellenika ma stabbilietx li l-uffiċjal kien għamel żball meta kkonkluda li l-kreditu in kwistjoni kien “ċert, ta’ ammont fiss u dovut”.

118    Għandu jiġi enfasizzat li f’dan ir-rigward, kumpens skond l-Artikolu 73(1) tar- Regolament Finanzjarju mhuwiex eskluż meta wieħed mid-debitu huwa kkontestat jew meta kien hemm negozjati bejn il-Kummissjoni u d-debitur dwar l-imsemmija debiti. Li kieku dan ma kienx il-każ, id-debitur ikun jista’ jtawwal b’mod indefinit l-irkupru ta’ debitu.

119    Fil-fatt, fl-ittra tagħha tad-29 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Ellenika talbet lir-rappreżentant permanenti tagħha għal-UE li jassigura ruħu li l-Kummissjoni tipproċedi bil-kumpens, għall-inqas f’dak li jikkonċerna l-proġett Abuja II (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).

120    Minkejja l-ittra tagħha tad-29 ta’ Diċembru 2003, ir-Repubblika Ellenika ssostni fil-kawża preżenti li l-krediti ma kinux ċerti u ta’ ammont fiss għar-raġuni li l-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Ellenika tħallas tliet ammonti totalment differenti għall-proġetti in kwistjoni (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). Għalkemm setgħet teżisti inċertezza fl-2002 għal dak li jirrigwarda l-krediti, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, wara l-komunikazzjoni bejn il-partijiet u wara eżami ġdid tal-fajl, il-Kummissjoni waslet għal konklużjoni ċerta għal dak li jikkonċerna l-ammonti dovuti fl-2004 meta hija pproċediet bl-irkupru.

121    Għandu jiġi ppreċiżat li r-Repubblika Ellenika tammetti li l-Kummissjoni annulat in-nota ta’ debitu ta’ EUR 1 276 484,50 aktar minn sena qabel l-irkupru permezz ta’ kumpens f’Marzu 2004 (ara l-punt 107 iktar ’il fuq). Dik in-nota ta’ debitu tikkonċerna l-ispejjeż ta’ kostruzzjoni relattivi għall-proġett Abuja II u huwa paċifiku fil-kawża preżenti li l-Kummissjoni ma ppruvatx tirkupra dik is-somma permezz ta’ l-att ikkontestat. Minn dan jirriżulta li n-nota ta’ debitu in kwistjoni hija nieqsa minn rilevanza fil-kawża preżenti.

122    Għal dak li jikkonċerna l-ittra tal-11 ta’ Ottubru 2002, li permezz tagħha l-Kummissjoni talbet il-ħlas ta’ EUR 861 813,87 u ta’ USD 11 000 għall-proġetti Abuja I u Abuja II, il-Kummissjoni naqqset dan l-ammont sew qabel id-deċiżjoni ta’ irkupru. Fil-fatt, fl-ittra tagħha tal-31 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni talbet il-ħlas ta’ EUR 516 374,96 u ta’ USD 12 684,89.

123    In segwitu ta’ l-aħħar nota ta’ debitu tat-28 ta’ Marzu 2003 u ta’ l-impożizzjoni ta’ l-interessi għal nuqqas ta’ ħlas, il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Frar 2004, stabbiliet l-ammont dovut ta’ EUR 565 656,80 (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Hija annettiet il-11-il nota ta’ debitu korrispondenti għall-perijodu ta’ 20 ta’ Awwissu 1997 sat-28 ta’ Marzu 2003 u indikat l-intenzjoni tagħha li tipproċedi bl-irkupru permezz ta’ kumpens.

124    Barra minn hekk, jirriżulta mill-fajl li, meta adottat l-att ikkontestat, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq dokumenti ta’ sostenn tad-drittijiet tal-Komunitajiet skond l-Artikolu 71 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2342/2002. Dawn id-dokumenti jinkludu l-memorandum inizjali ffirmat u rratifikat mir-Repubblika Ellenika, il-memorandum addizzjonali ffirmat mir-Repubblika Ellenika, ir-rapporti tal-laqgħat li fihom il-Kummissjoni kienet awtorizzata mill-imsieħba, fosthom ir-Repubblika Ellenika, sabiex tkompli bil-proġett Abuja II mingħajr ma tistenna li jitlesta l-memorandum addizzjonali, id-dokumenti dwar l-assoċjazzjoni tar-Repubblika Ellenika għall-proċedura tas-sejħa għall-offerti għall-proġett fl-1999 u fl-2000, kif ukoll bosta dokumenti dwar l-ispejjeż marbuta mal-proġett Abuja I u sostnuti mir-Repubblika Ellenika sat-13 ta’ Lulju 2002.

125    Minbarra dan, kull waħda mill-11-il nota ta’ debitu indirizzati mill-Kummissjoni lir-Repubblika Ellenika u mehmuża ma’ l-ittra tas-16 ta’ Frar 2004 tistabbilixxi data ta’ skadenza, kif rikjest mill-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 2342/2002, u huwa paċifiku li r-Repubblika Ellenika ma ħallsitx id-debitu tagħha fiż-żmien mogħti lilha.

126    Ir-Repubblika Ellenika ma ressqet l-ebda element li juri li l-Kummissjoni ma segwitx il-proċedura prevista mir-regolamenti in kwistjoni u li hija ma kinitx ġustifikata li tikkonkludi li l-kreditu kien “ċert, ta’ ammont fiss u dovut”. B’mod partikolari, ir-Repubblika Ellenika ma wrietx li d-debiti kienu kundizzjonali u lanqas li l-ammont dovut ma kienx ġie stabbilit bi preċiżjoni (ara l-punt 115 iktar ’il fuq).

127    Fil-fatt, fir-rigward tal-proġett Abuja II, ir-Repubblika Ellenika ma sostnietx li l-kreditu ma kienx ċert u ta’ ammont fiss. Hija limitat ruħha li ssostni li hija ma kellha l-ebda obbligu finanzjarju dwar dan il-proġett, argument miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-kuntest ta’ l-ewwel parti tal-motiv uniku.

128    Għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja I, ir-Repubblika Ellenika ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex tipproċedi bl-irkupru minkejja n-negozjati fis-seħħ. Madankollu, kif indikat il-Qorti tal-Prim’Istanza fil-punt 118 iktar ’il fuq, l-eżistenza tan-negozjati ma setgħux jipprevjenu lill-Kummissjoni milli tipproċedi bl-irkupru. Jirriżulta b’mod partikolari mill-ittra tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Ġunju 2003 li hija kienet taf bl-oġġezzjoni tar-Repubblika Ellenika dwar il-proġett Abuja I minn din id-data. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-Kummissjoni kienet ġustifikata li tiċħad l-oġġezzjoni in kwistjoni u, billi tkompli l-proċeduri previsti fir-Regolament Finanzjarju u r-Regolament Nru 2342/2002, tipproċedi f’Marzu 2004 għal irkupru permezz ta’ kumpens.

129    Skond ir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni ma setgħetx tipproċedi bl-irkupru permezz tal-kumpens għar-raġuni li r-regolamenti msemmija iktar ’il fuq għandhom l-għan li jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Komunità. Issa, il-krediti in kwistjoni jappartjenu allegatament lill-imsieħba u mhux lill-Komunità (ara l-punt 109 iktar ’il fuq).

130    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-krediti in kwistjoni huma dawk tal-Komunità. Għal dak li jikkonċerna l-proġett Abuja I, huwa paċifiku li l-Kummissjoni, bi ftehim ma’ l-Istati Membri, tikri l-bini in kwistjoni u tissulloka uffiċċji lilhom. Il-Kummissjoni tipprovdi wkoll ċerti servizzi lill- Istati Membri. Dawn l-aħħar imsemmija, fosthom ir-Repubblika Ellenika, użaw dawn il-postijiet b’għarfien sħiħ tal-fatt li l-Kummissjoni kienet marbuta fir-rigward tas-sid tal-bini għan-nom ta’ l-okkupanti kollha. Il-Kummissjoni kienet fil-fatt il-mandatarja tagħhom għal dan il-għan.

131    Fir-rigward tal-proġett Abuja II, il-Kummissjoni kienet ukoll il-mandatarja tal-partijiet parteċipanti (ara, per eżempju, l-Artikoli 11 u 12 tal-memorandum inizjali, punti 11 u 12 iktar ’il fuq). Jirriżulta mill-proċess li l-Kummissjoni ħallset bil-quddiem l-ammonti kkontestati f’isem l-Istati Membri u bħala pagament bil-quddiem għall-parteċipazzjoni sħiħa tagħha fil-proġett. Konsegwentement, l-ammonti kienu dovuti lill-Komunità u mhux lill-imsieħba.

132    Jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika Ellenika, il-kundizzjonijiet previsti għal irkupru permezz ta’ kumpens kienu sodisfatti fid-data ta’ l-att ikkontestat.

133    Għaldaqstant, it-tieni parti tal-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-talba tal-Kummissjoni bil-għan li titneħħa mill-proċess l-opinjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1998

134    Fir-rigward ta’ l-oġġezzjoni mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tas-servizz ġuridiku tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1998 (ara l-punt 48 iktar ’il fuq), jeħtieġ li jiġi mfakkar li jkun kontra l-interess pubbliku, li jirrikjedi li l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-opinjonijiet tas-servizz ġuridiku tagħhom, mogħtija indipendentement, li kieku dokumenti interni bħal dawn jitħallew jiġu ppreżentati f’kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza minn persuni li ma jiffurmawx parti mis-servizzi li jkunu talbu t-tfassil tagħhom, ħlief jekk il-preżentazzjoni tagħhom tkun awtorizzata mill-istituzzjoni kkonċernata jew ordnata mill-qorti (Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2002, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00, Ġabra p. I‑9151, punt 12, u d-Digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Jannar 2005, Gollnisch et vs Il-Parlament, T‑357/03, Ġabra p. II‑1, punt 34).

135    Fil-kawża preżenti, ir-Repubblika Ellenika ma sostnietx li l-Kunsill kien awtorizza l-produzzjoni ta’ l-opinjoni in kwistjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jeħtieġ li tiġi milqugħa t-talba tal-Kummissjoni u li titneħħa l-imsemmija opinjoni mill-proċess.

136    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li r-rikors irid jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

137    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-Repubblika Ellenika tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, skond it-talbiet tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-opinjoni tas-servizz ġuridiku tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1998, ppreżentata mir-Repubblika Ellenika fl-anness 12 tar-rikors, għandha titneħħa mill-proċess.

2)      Ir-rikors huwa miċħud.

3)      Ir-Repubblika Ellenika għandha tbati l-ispejjeż.

García-Valdecasas

Cooke

Labucka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-17 ta’ Jannar 2007.

E. Coulon

 

      J. D. Cooke

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Grieg.