Language of document : ECLI:EU:T:2006:396

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Diċembru 2006 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq bankarju Awstrijak – ‘Klabb Lombard’ – Effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri – Kalkolu tal-multi”

Fil-kawżi magħquda T‑259/02 sa T‑264/02 u T‑271/02,

Raiffeisen Zentralbank Österreich AG, stabbilit fi Vjenna (l-Awstrija), irrappreżentat minn S. Völcker, avukat,

rikorrent fil-kawża T-259/02,

Bank Austria Creditanstalt AG, stabbilit fi Vjenna, irrappreżentat minn C. Zschocke u J. Beninca, avukati,

rikorrent fil-kawża T-260/02,

Anteilsverwaltung BAWAG PSK AG, li qabel kien Bank für Arbeit und Wirtschaft AG, stabbilit fi Vjenna, inizjalment irrappreżentat minn H.‑J. Niemeyer u M. von Hinden, imbagħad minn Niemeyer, avukati,

rikorrent fil-kawża T-261/02,

Raiffeisenlandesbank Niederösterreich-Wien AG, stabbilit fi Vjenna, irrappreżentat minn H. Wollmann, avukat,

rikorrent fil-kawża T-262/02,

BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG, li qabel kien Österreichische Postsparkasse AG, stabbilit fi Vjenna, inizjalment irrappreżentat minn H.-J. Niemeyer u M. von Hinden, imbagħad minn Niemeyer, avukati,

rikorrent fil-kawża T-263/02,

Erste Bank der oesterreichischen Sparkassen AG, stabbilit fi Vjenna, inizjalment irrappreżentat minn W. Kirchhoff, F. Montag, G. Bauer u A. Wegner, imbagħad minn Montag u Wegner, avukati,

rikorrent fil-kawża T-264/02,

Österreichische Volksbanken AG, stabbilit fi Vjenna,

Niederösterreichische Landesbank-Hypothekenbank AG, stabbilit f’St. Pölten (l-Awstrija),

irrappreżentati minn R. Roniger, A. Ablasser, R. Bierwagen u F. Neumayr, avukati,

rikorrenti fil-kawża T-271/02,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn S. Rating, imbagħad minn A. Bouquet, bħala aġenti, assistiti minn D. Waelbroeck u U. Zinsmeister, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, talbiet għall-annullament totali jew parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/138/KE tal-11 ta’ Ġunju 2002, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaċi – "Klabb Lombard") (ĠU 2004, L 56, p. 1), u, sussidjarjament, talbiet għal tnaqqis fil-multi imposti fuq ir-rikorrenti,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Is-suġġett tal-kawża

1        Permezz tad-deċiżjoni 2004/138/KE tal-11 ta’ Ġunju 2002 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaċi – "Klabb Lombard") (ĠU 2004, L 56, p. 1, iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata" jew id-"deċiżjoni"), il-Kummissjoni kkonstatat il-parteċipazzjoni ta’ diversi impriżi f’sensiela ta’ ftehim u prattiċi miftiehma fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE.

2        Kienu involuti, b’mod partikolari t-tmien banek li ġejjin, li huma d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata:

–        Erste Bank der oesterreichischen Sparkassen AG (iktar ‘il quddiem "Erste");

–        Raiffeisen Zentralbank Österreich AG (iktar ‘il quddiem "RZB");

–        Bank Austria AG, imsejħa, mit-13 ta’ Awwissu 2002, Bank Austria Creditanstalt AG (iktar ‘il quddiem "BA-CA");

–        Bank für Arbeit und Wirtschaft AG (iktar ‘il quddiem "BAWAG");

–        Österreichische Postsparkasse AG (iktar ‘il quddiem "PSK");

–        Österreichische Volksbanken-AG (iktar ‘il quddiem "ÖVAG");

–        Niederösterreichische Landesbank-Hypothekenbank AG (iktar ‘il quddiem "NÖ‑Hypo");

–        Raiffeisenlandesbank Niederösterreich-Wien AG (iktar ‘il quddiem "RLB").

3        Essenzjalment, il-Kummissjoni tikkritika lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata talli stabbilixxew dak li hija ssejjaħ in-"netwerk Lombard", jiġifieri laqgħat regolari (iktar ‘il quddiem il-"kumitati"), li huma kemm eżawrjenti fuq il-fond kif ukoll strettament marbuta fuq il-forma, fil-kuntest ta’ liema huma ftehmu f’intervalli regolari fuq l-imġieba tagħhom fir-rigward tal-parametri prinċipali li jaffettwaw il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi bankarji fl-Awstrija.

4        Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet fattwali u ta’ l-evalwazzjonijiet ġuridiċi mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi fuq l-impriżi kkonċernati.

5        Is-suġġett ta’ dan ir-rikors mhuwiex il-kontestazzjoni tal-materjalità tal-fatti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikors jirrigwarda biss, essenzjalment, ċerti aspetti ta’ l-evalwazzjoni ġuridika magħmula fuq dawn il-fatti kif ukoll fuq l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti.

II –  Ir-rikorrenti

6        Fl-Awstrija, issir distinzjoni bejn il-banek li għandhom struttura ta’ livell wieħed u l-gruppi bankarji li għandhom struttura ta’ diversi livelli, li għadhom jissejħu “deċentralizzati”. Il-banek ta’ tfaddil u l-banek popolari għandhom b’hekk struttura ta’ żewġ livelli u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu agrikolu (banek Raiffeisen) għandhom struttura ta’ tliet livelli. F’ kull waħda minn dawn l-istrutturi ta’ diversi livelli (iktar ‘il quddiem is-“settur tal-banek ta’ tfaddil”, is-“settur Raiffeisen" u s-“settur tal-banek popolari” u flimkien, is-“setturi deċentralizzati”), stabbiliment ċentrali, imsejjaħ fil-lingwaġġ kurrenti "kumpannija ewlenija" (iktar ‘il quddiem l-“istabbiliment ċentrali” jew il-“kumpannija ewlenija”) jeżerċita funzjonijiet ta’ għajnuna u ta’ servizz għall-banek tas-settur. Erste, RZB u ÖVAG huma, rispettivament, l-istabbilimenti ċentrali tas-settur tal-banek ta’ tfaddil, tas-settur Raiffeisen u tas-settur tal-banek popolari. Ir-relazzjonijiet kumplessi li jgħaqqdu dawn l-istabbilimenti ma’ membri oħra ta’ l-istruttura kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi reċriproki tagħhom huma rregolati mill-Bundesgesetz über das Bankwesen (Bankwesengesetz – BWG) [BGBl. 1993, p. 3903 (Liġi dwar is-sistema bankarja)], ippubblikata fit-30 ta’ Lulju 1993 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994].

A –  Erste (kawża T-264/02)

7        Erste huwa kumpannija ta’ responsabbiltà limitata li ħa post, fl-1993, bank ta’ tfaddil stabbilit fi Vjenna fl-1819 taħt l-isem "Erste österreichische Spar-Cassa". Fis-snin 80, u iktar u iktar mill-1990, dan ta’ l-aħħar kien estenda l-attivitajiet tiegħu lilhinn mill-parametri tas-suq inizjali tiegħu. Għall-ewwel, il-kumpannija rikorrenti kienet imsemmija “Die Erste Österreichische Spar-Casse-Bank AG” (iktar ‘il quddiem “EÖ”). F’Mejju ta’ l-1997, hija xtrat mill-ġdid 53 % ta’ l-ishma ta’ GiroCredit Bank der österreichischen Sparkassen AG (iktar ‘il quddiem "GiroCredit"), li kellu r-rwol ta’ kumpannija ewlenija tal-banek ta’ tfaddil. Mill-1994 sax-xiri mir-rikorrenti (li dak iż-żmien kienet imsemmija EÖ), l-ishma ta’ GiroCredit kienu fil-biċċa l-kbira miżmuma mill-grupp Bank Austria.

8        GiroCredit baqa’ persuna ġuridika awtonoma u kompla jokkupa r-rwol ta’ kumpannija ewlenija tal-banek ta’ tfaddil sa Ottubru 1997, data li fiha GiroCredit u Erste ngħaqdu u li fiha l-isem tal-kumpannija ta’ Erste sar "Erste Bank der oesterreichischen Sparkassen AG". Bl-għaqda ta’ Ottubru 1997, Erste reġa’ ħa r-rwol ta’ kumpannija ewlenija ta’ xi 70 banek ta’ tfaddil eżistenti fl-Awstrija matul il-perijodu kkonċernat. L-imġiba ta’ GiroCredit kienet ġiet attribwita lil Erste permezz tad-deċiżjoni kkontestata.

B –  RZB (kawża T-259/02)

9        RZB huwa kumpannija ewlenija tas-settur Raiffeisen, li l-ewwel livell tiegħu huwa kompost minn madwar 615 banek lokali indipendenti flimkien mal-fergħat tagħhom. It-tmien banek reġjonali (Raiffeisen-Landesbanken) jikkostitwixxu t-tieni livell. Il-banek Raiffeisen lokali ta’ l-istess Land huma proprjetarji tal-bank reġjonali tagħhom. RZB, li huwa inkarigat minn xogħlijiet ċentrali ta’ servizzi, jikkostitwixxi t-tielet livell. Il-banek reġjonali għandhom 80 % minn RZB.

C –  RLB (kawża T-262/02)

10      RLB huwa wieħed mill-banek reġjonali tas-settur Raiffeisen. Huwa akkwista, fl-1997, Raiffeisenbank Wien AG (iktar ‘il quddiem “RBW”), li tiegħu huwa kien l-azzjonist prinċipali. Dan l-aħħar stabbiliment kien ipparteċipa fil-kumitati u l-ksur tiegħu ġie attribwit lil RLB.

D –  BA-CA (kawża T-260/02)

11      BA-CA huwa stabbiliment ta’ kreditu li rriżulta mill-għaqda, f’Settembru 1998, ta’ de Bank Austria AG (iktar ‘il quddiem “BA”), ma’ Creditanstalt AG (iktar ‘il quddiem “CA”). L-isem tal-kumpannija ta’ BA-CA ġie mibdul, sabiex isir “Bank Austria Creditanstalt AG”, biss fit-13 ta’ Awwissu 2002, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda qabel il-preżentata tar-rikors. L-aġir ta’ CA qabel l-għaqda kienet ġiet attribwita lil BA-CA.

E –  Anteilsverwaltung BAWAG PSK AG (kawża T-261/02) u BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG (kawża T‑263/02)

12      Anteilsverwaltung BAWAG PSK AG (rikorrent fil-kawża T‑261/02, iktar ‘il quddiem “AVB”) huwa, wara ristrutturazzjoni tal-grupp ta’ kumpanniji li minnu jagħmlu parti BAWAG u PSK, li seħħet fl-2005, l-isem ta’ BAWAG li, mill-1 ta’ Ottubru 2005, ittrasferixxa l-attivitajiet bankarji kollha tiegħu lil BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG (rikorrent fil-kawża T‑263/02, iktar ‘il quddiem “BAWAG PSK”). Sa din id-data, BAWAG kien stabbiliment ta’ kreditu u, mix-xahar ta’ Diċembru 2000, l-azzjonist prinċipali ta’ PSK. Dan ta’ l-aħħar kien stabbiliment ta’ kreditu li kellu l-forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, li ħa post fl-1997 l-Österreichische Postsparkasse, persuna ġuridika ta’ dritt pubbliku. PSK kellu sehem maġġuri fi ħdan il-Bank der Österreichischen Postsparkasse AG (iktar ’il quddiem “PSK-B”), li ngħaqad miegħu fl-1998 u li l-imġiba tiegħu ġiet attribwita lilu permezz tad-deċiżjoni kkontestata. Sa l-għaqda, b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2005, ta’ PSK ma’ BAWAG PSK, BAWAG u PSK kienu kumpanniji b’responsabbiltà limitata u banek ġuridikament indipendenti.

F –  ÖVAG u NÖ-Hypo (kawża T-271/02)

13      ÖVAG huwa stabbiliment ta’ kreditu Awstrijak li, bħala bank kummerċjali, jipprovdi fuq skala reġjonali servizzi bankarji fis-suq Awstrijak, relatati prinċipalment ma’ l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SME”) u l-individwi. Mill-aspett ġeografiku, l-attività tiegħu hija limitata għal Vjenna u l-periferija tagħha; matul il-perijodu msemmi fid-deċiżjoni kkontestata, huwa kien jamministra 26 sussidjarji fl-Awstrija t’Isfel. Barra mill-funzjoni tiegħu ta’ bank kummerċjali, ÖVAG għandu r-rwol ta’ kumpannija ewlenija tal-Federazzjoni Awstrijaka tal-banek popolari. Dawn l-istabbilimenti għandhom, permezz ta’ holding, il-maġġoranza ta’ l-ishma ta’ ÖVAG. Barra minn hekk, l-ÖVAG għandu ishma f’impriżi iżgħar li jipprovdu servizzi bankarji u finanzjarji, u li fosthom jinsab, b’mod partikolari, NÖ-Hypo.

14      NÖ-Hypo kien ġie stabbilit fl-1888 bħala stabbiliment reġjonali ta’ kreditu ipotekarju. Sa l-1992, huwa kien persuna ġuridika ta’ dritt pubbliku tal-Land ta’ l-Awstrija t’Isfel. F’Settembru 1992, huwa nbidel, permezz ta’ kontribuzzjonijiet, f’kumpannija ta’ responsabbiltà limitata. Mill-1 ta’ Jannar 1997, NÖ-Hypo kien parti mill-grupp ÖVAG. Huwa kien jamministra 27 aġenziji, 20 minnhom fl-Awstrija t’Isfel u s-7 l-oħra fi Vjenna. NÖ-Hypo jeżerċita qabel kollox l-attività tiegħu fis-settur pubbliku. Mill-aspett ġeografiku, l-attività ta’ NÖ-Hypo hija limitata għal-Länder ta’ l-Awstrija t’Isfel u ta’ Vjenna.

III –  Il-proċedura amministrattiva

15      Wara li saret taf, fix-xahar ta’ April ta’ l-1997, b’dokument li qajjem is-suspett li jeżistu, fis-suq bankarju Awstrijak, ftehim u prattiċi miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Fit-30 ta’ Ġunju 1997, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204), il-partit politiku Freiheitliche Partei Österreichs (iktar ‘il quddiem “FPÖ”) ressaq ilment kontra tmien stabbilimenti ta’ kreditu Awstrijaċi suspettati li pparteċipaw għal ftehim u/jew prattiċi miftiehma li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

16      Fit-23 u fl-24 ta’ Ġunju 1998, il-Kummissjoni ssuġġettat diversi banek, fosthom il-biċċa l-kbira tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, għal verifiki għal għarrieda. Fil-21 ta’ Settembru 1998, il-Kummissjoni indirizzat talba għal informazzjoni lil diversi stabbilimenti ta’ kreditu suspettati li pparteċipaw għal dawn l-ftehim jew prattiċi, skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 17.

17      Immedjatament wara li rċevew it-talba għal informazzjoni, il-banek prinċipali kkonċernati offrew il-Kummissjoni l-"kooperazzjoni" tagħhom fl-eżami tal-każ, tant li pproponu li jippreżentaw il-fatti "minn rajhom" (minflok jirrispondu għat-talba għal informazzjoni), filwaqt li rrinunzjaw għal smigħ; b’riżultat ta’ dan, id-Direttorat Ġenerali tal-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni kellu jannulla t-talba tiegħu għal informazzjoni u jimponi biss ammenda amministrattiva "moderata". Filwaqt li rrikonoxxiet il-prontezza tal-banek li jipproponu l-kooperazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni rrifjutat kull ftehim dwar dan is-suġġett.

18      Imbagħad id-destinatarji kollha rrispondew għat-talba ta’ informazzjoni. F’dan ir-rigward, ċerti minnhom, madankollu, affermaw li huma ma kellhom, għall-biċċa l-kbira tad-domandi mressqa, ebda obbligu li jirrispondu u għalhekk huma kienu qed jipprovdu tali risposta u jibgħatu d-dokumenti relatati, b’mod volontarju, fil-kuntest tal-kooperazzjoni msemmija hawn fuq. Il-Kummissjoni rrifjutat dan l-argument ġuridiku.

19      Ftit żmien wara, il-banek prinċipali kkonċernati, li fosthom kien hemm ir-rikorrenti, bl-eċċezzjoni ta’ RLB, bagħtu lill-Kummissjoni dokument ta’ 132 paġna, intitolat "Rapport komuni tal-fatti", li fih huma ddeskrivew fid-dettall il-kuntest storiku ta’ l-akkordju tagħhom, imbagħad ġabru fil-qosor u taw l-evalwazzjoni tagħhom tal-kontenut tal-kumitati tagħhom, hekk kif jirriżulta mid-dokumenti maqbuda kif ukoll mid-dokumenti li ġew mitluba minnhom. Fl-istess ħin, huma ppreżentaw sittax-il fajl li kien fihom dokumenti kklassifikati skond il-kumitat flimkien ma’ werrejja dettaljati. Sabiex tkun tista’ tikkalkula l-valur miżjud eventwali tad-dokumenti mibgħuta mar-rapport komuni tal-fatti, il-Kummissjoni talbet lill-banek jindikawlha jekk ċerti dokumenti kinux għadhom mhux magħrufa u, jekk dan huwa l-każ, liema. L-interlokuturi tagħhom la qiesu possibbli u lanqas neċessarju li jilqgħu din it-talba.

20      Fit-13 ta’ Settembru 1999, il-Kummissjoni bagħtet lit-tmien banek id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet adottata fil-11 ta’ Settembru 1999. Wara li kellhom aċċess għal fajl u wara s-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tagħhom, seħħet seduta fit-18 u fid-19 ta’ Jannar 2000. Fit-22 ta’ Novembru 2000, il-Kummissjoni bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali lill-banek. Peress li l-impriżi kkonċernati kellhom aċċess mill-ġdid għall-fajl u ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub ġodda lill-Kummissjoni, seħħet seduta oħra fis-27 ta’ Frar 2001.

21      Fil-11 ta’ Ġunju 2002, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

IV –  Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Ġenerali

22      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tosserva li t-tmien banek li lilhom hija indirizzata din id-deċiżjoni wettqu ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE billi pparteċipaw fi ftehim u fi prattiċi miftiehma fuq il-prezzijiet, fuq il-kummissjonijiet bankarji u fuq parametri oħra tal-kompetizzjoni, li kellhom bħala għan li, mill-5 ta’ Jannar 1995 sa’ l-24 ta’ Ġunju 1998, jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tal-prodotti u tas-servizzi bankarji fl-Awstrija.

23      L-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tobbliga lill-impriżi ċċitati fl-Artikolu 1 li jieqfu mingħajr dewmien mill-ksur in kwistjoni, fil-każ fejn dawn għandhom m’għamlux hekk, u li ma jwettqux fil-futur kull azzjoni jew kull prattika li għandha għan jew effett li huwa ekwivalenti għal dan il-ksur.

24      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni kkotestata jimponi fuq id-destinatarji ta’ din ta’ l-aħħar il-multi li ġejjin:

–        Erste : EUR 37.69 miljun;

–        RZB : EUR 30.38 miljun;

–        BA-CA : EUR 30.38 miljun;

–        BAWAG : EUR 7.59 miljun;

–        PSK : EUR 7.59 miljun;

–        ÖVAG : EUR 7.59 miljun;

–        NÖ-Hypo : EUR 1.52 miljun;

–        RLB : EUR 1.52 miljun.

B –  Il-konstatazzjonijiet dwar il-kuntest ta’ l-akkordju, il-kumitati differenti, ir-relazzjonijiet tagħhom u r-rwol tal-kumpanniji ewlenin

25      Id-deċiżjoni kkontestata tesponi li fl-Awstrija l-ftehim bejn banek b’mod partikolari fuq ir-rati ta’ interessi u l-kummissjonijiet, jirriżultaw minn tradizzjoni qadima, parżjalment ibbażata, sas-snin 80, fuq bażi legali li madankollu ġiet abrogata, l-iktar tard, fl-1 ta’ Jannar 1994, meta r-Repubblika ta’ Awstrija aderiet maż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u meta l-BWG daħlet fis-seħħ.

26      L-istabbilimenti ta’ kreditu, madankollu, komplew, fil-kuntest ta’ netwerk imwaqqaf, jikkonkludu ftehim, b’mod partikolari fuq ir-rati ta’ depożiti u ta’ krediti.

27      Id-deċiżjoni kkontestata tesponi, fit-Titolu 5 tagħha, li l-ftehim konklużi kienu wisq kompleti fil-kontenut tagħhom, istituzzjonalizzati fil-biċċa l-kbira kif ukoll strettament konnessi u kienu jkopru t-territorju Awstrijak kollu. Għal kull prodott bankarju kien hemm kumitat speċifiku, li fih kienu jipparteċipaw l-impjegati responsabbli tat-tieni u tat-tielet livell ġerarkiku tal-banek ikkonċernati. Fil-prattika, din is-separazzjoni teoretika ma kinitx strettament osservata: minn żmien għal ieħor, kwistjonijiet konnessi koperti minn kumitati differenti kienu rregolati fl-istess ħin. Fl-aħħar nett, dawn il-kumitati differenti kienu parti minn organizzazzjoni sħiħa.

28      Rappreżentanti ta’ livell ta’ diretturi tal-banek Awstrijaki prinċipali kienu jiltaqgħu bħala korp ta’ livell għoli (imsemmi l-"klabb Lombard"), darba fix-xahar, ħlief f’Awwissu. Barra mit-temi ta’ interess ġenerali, newtrali mill-aspett tal-kompetizzjoni, dan il-korp kien jiddiskuti l-bidla fir-rati ta’ interessi, miżuri fil-qasam tar-riklamar, eċċ. F’ċerti laqgħat, rappreżentanti tal-Bank Nazzjonali Awstrijak (iktar ‘il quddiem l-“OeNB” kienu jkunu preżenti.

29      Fil-livell direttament inferjuri kien hemm il-kumitati tekniċi, marbuta ma’ prodotti speċifiċi. L-iktar importanti, f’dan ir-rigward, kienu l-kumitati fuq l-operazzjonijiet attivi, jiġifieri l-krediti, u dawk fuq l-operazzjonijiet passivi, jiġifieri t-tfaddil; kif jindika l-isem tagħhom, huma kellhom bħala għan l-iffissar tal-kundizzjonijiet (jiġifieri r-rati ta’ interessi) tal-krediti u tat-tfaddil u huma kienu jiltaqgħu kemm separatament kif ukoll flimkien. Bejn il-"klabb Lombard" u dawn il-kumitati, l-iskambju ta’ informazzjoni kien partikolarment intensiv.

30      Diversi kumitati reġjonali differenti kienu jiltaqgħu b’mod regolari fil-Länder Awstrijaċi kollha. F’ċerti Länder, l-istrutttura ġerarkika tal-“klabb Lombard” u l-kumitati tekniċi kienu riprodotti wkoll.

31      Matul il-kumitati federali fuq l-operazzjonijiet attivi u/jew passivi, rappreżentanti ta’ l-istabbilimenti ta’ Vjenna kienu jiltaqgħu mal-kontroparti reġjonali tagħhom sabiex, essenzjalment, jestendu d-deċiżjonijiet tagħhom għat-territorju Awstrijak kollu.

32      Barra minn hekk, jeżistu kumitati speċjalizzati intiżi għall-operazzjonijiet imwettqa ma’ l-impriżi, għall-operazzjonijiet imwettqa ma’ l-individwi fis-settur “professjonijiet liberi”, għas-self ipotekarju u għas-self għall-bini (imsemmija rispettivament “Minilombard”, “kumitat responsabbli għall-kontijiet il-kbar”, “kumitat tal-‘professjonijiet liberi’”, “kumitat ta’ self ipotekarju” u “kumitat tal-banek ta’ self għall-bini fuq l-operazzjonijiet passivi”).

33      Fl-aħħar nett, numru ta’ kumitati oħra kienu jiltaqgħu b’mod regolari fuq temi li jikkonċernaw il-kompetizzjoni: il-kumitat tad-diretturi finanzjarji (Treasurerrunde) kien jiddiskuti s-self lill-Istat Federali u l-kwistjonijiet relatati mar-rati, il-kumitati diversi fuq l-operazzjonijiet ta’ ħlas (b’mod partikolari l-kumitat li kellu dan l-isem, il-kumitat “Barrani” u l-kumitat ta’ l-organizzazzjoni ta’ l-Istituzzjonijiet Awstrijaċi ta’ l-istabbilimenti ta’ kreditu jew Organisationskomitee der österreichischen Kreditinstitutsverbände) kienu jiddiskutu l-kummissjonijiet u l-ispejjeż relatati ma’ dawn l-operazzjonijiet, il-klabb "Esportazzjoni" (Exportklub) kien jiddiskuti l-finanzjament ta’ l-esportazzjonijiet u l-kumitat fuq it-titoli (Bankenrunde Wertpapiere) kien jiddiskuti l-ispejjeż minimi, il-kummissjonijiet u r-rati applikabbli għal dawn il-prodotti.

34      Fost dawn il-kumitati speċjalizzati jinsab dak tal-kontrolluri ta’ amministrazzjoni (Controllerrunde), li kien jgħaqqad ir-rappreżentanti tad-dipartiment kompetenti tal-banek Awstrijaċi prinċipali. Kien fi ħdan dan il-kumitat li kienu ġew stabbiliti l-bażijiet ta’ kalkolu uniformi u kienu tressqu proposti komuni sabiex il-profitti jiżdiedu. Permezz ta’ dan, il-banek kienu jsaħħu t-trasparenza interbankarja.

35      Bejn dawn il-kumitati kollha, li kellhom għaldaqstant bħala għan essenzjali l-kundizzjonijiet tal-kreditu u tat-tfaddil kif ukoll il-kummissjonijiet bankarji, kien hemm skambju ta’ informazzjoni regolari. Ħafna drabi, diskussjonijiet mibdija fil-kuntest ta’ kumitat kienu jieqfu sakemm jinstab ftehim fil-kuntest ta’ kumitat ieħor. Fl-aħħar nett, is-supremazija tal-“klabb Lombard” kellha bħala effett li f’każ ta’ kontroversja d-deċiżjoni tiegħu kienet dik li tipprevali.

36      Fid-dawl ta’ l-implementazzjoni, fit-territorju Awstrijak kollu, tal-ftehim konklużi fil-kumitati ta’ Vjenna (jew sabiex jiġi żgurat li jkun hemm konformità ma’ dawn il-ftehim), informazzjoni kienet ukoll tiġi trażmessa b’mod regolari lill-kumitati tal-Länder jew, bil-kontra, trażmessi minn dawn lill-kumitati stabbiliti fil-belt kapitali. Minn żmien għal ieħor, il-kumitati reġjonali kienu jibgħatu rappreżentanti għall-kumitati federali fuq l-operazzjonijiet attivi u/jew passivi.

37      Il-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tikkonstata li, matul il-perijodu previst mill-investigazzjoni (jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 1994 sa l-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 1998), seħħew minn ta’ l-anqas 300 laqgħa fi Vjenna biss, mingħajr ma jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi kumitati reġjonali. Meta mqabbel ma’ numru ta’ ġranet ta’ xogħol, dan in-numru jfisser li, fil-belt kapitali biss, tinżamm laqgħa kull madwar erbat ijiem. Hija tosserva li, anki barra minn dan in-netwerk istituzzjonalizzat, ir-rappreżentanti ta’ l-istabbilimenti kkonċernati kien jwettqu diversi kuntatti – xi drabi fuq livell iktar għoli – fuq ir-rati ta’ interessi u fuq il-kummissjonijiet.

38      Il-Kummissjoni tenfasizza r-rwol partikolari li kellhom fin-"netwerk Lombard" il-kumpanniji prinċipali fir-rigward tal-koordinazzjoni u tar-rappreżentazzjoni tal-gruppi rispettivi tagħhom, jiġifieri, għal dak li jikkonċerna Erste (li qabel kien GiroCredit), is-settur tal-banek ta’ tfaddil, għal dak li jikkonċerna RZB, is-settur Raiffeisen u, għal dak li jikkonċerna ÖVAG, is-settur tal-banek popolari. Skondha, dan ir-rwol kien iservi direttament għat-tħaddim tajjeb tan-"netwerk Lombard". Minn naħa, il-kumpanniji ewlenin kienu organizzaw l-iskambji reċiproċi ta’ informazzjoni bejn Vjenna u l-Länder fi ħdan stess tal-gruppi; min-naħa l-oħra, huma kienu ddefendew l-interessi tal-grupp proprju tagħhom vis-à-vis l-gruppi l-oħrajn membri tal-kartell. Skond il-Kummissjoni, huma kienu b’hekk meqjusa bħala r-rappreżentanti ta’ dawn il-gruppi mill-parteċipanti l-oħra. Konsegwentement, il-ftehim konklużi ma seħħewx mhux biss bejn dawn l-istabbiliment, iżda wkoll bejn il-gruppi.

39      Sussegwentement, il-Kummissjoni tesponi, b’mod dettaljat fit-Titoli 6 sa 12 tad-deċiżjoni kkontestata, kif din is-sistema istituzzjonalizzata u strettament konnessa ta’ kumitati, li huma diversi fil-forma daqs kemm huma estiżi fil-fond, kienet tippermetti lill-istabbilimenti membri li jiftehmu b’mod regolari fuq l-imġiba tagħhom fis-suq, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna r-rati ta’ interessi u l-kummissjonijiet bankarji.

C –  Eżami ta’ l-argumenti tal-banek u l-evalwazzjoni ġuridika

40      Wara li osservat li l-banek ikkonċernati ma kkontestawx il-fatti kkonstatati mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ l-iżvilupp u tal-kontenut tal-kumitati, hija teskludi, fit-titolu 13 tad-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, l-argumenti mressqa mill-banek għal dak li jikkonċerna l-aspetti speċifikament storiċi, soċjali u politika-ekonomiċi ta’ l-akkordju u, min-naħa l-oħra, it-teżi tagħhom, sostnuta minn perizja ekonomika stabbilita mill-Professur von Weizsäcker, li l-ftehim ma kellu ebda effett fuq is-suq bankarju Awstrijak.

41      It-titolu 14 tad-deċiżjoni kkontestata jittratta l-evalwazzjoni ġuridika ta’ l-akkordju. Il-kummissjoni tirrifjuta qabel kollox il-teżi tal-banek li l-kuntest ekonomiku partikolari li fih jinsab is-settur bankarju jipprekludi l-applikazzjoni illimitata tad-dritt tal-kompetizzjoni għal dan is-settur.

42      Peress li l-banek ikkontestaw il-kompetenza tal-Kummissjoni li tieħu passi kontra l-ksur ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (iktar ‘il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), imwettaq fl-1994, l-imsemmija Kummissjoni, filwaqt li tafferma li din il-pożizzjoni kienet tmur kontra l-effett utli tal-Ftehim ŻEE, irrinunzjat li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għas-sena in kwistjoni.

43      Il-Kummissjoni tikklassifika l-fatti kkonstatati bħala ksur kumpless ta’ tul ta’ żmien twil, li jinkludu kemm il-ftehim kif ukoll il-prattiċi miftiehma. Hija tenfasizza li l-impriżi kkonċernati kellhom bħala għan li jillimitaw il-kompetizzjoni u tesponi, barra minn hekk, li l-prattiċi miftiehma pproduċew effetti reali fis-suq bankarju Awstrijak, minkejja l-fatt li l-impenji meħuda ma kinux dejjem irrispettati mill-banek.

44      F’dan il-kuntest, il-premessi 438 sa 469 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw rapport li jikkonċerna r-riperkussjonijiet tal-prattiċi miftiehma fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri.

45      Fir-rigward tal-fatt li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet indirizzata lil parti biss minn numru kbir ħafna ta’ banek li pparteċipaw fil-prattiċi in kwistjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li l-banek destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu ġew magħżula abbażi tal-frekwenza tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumitati prinċipali u, barra minn hekk, bl-eċċezzjoni ta’ NÖ-Hypo u ta’ RLB, huma għandhom rwol importanti fis-suq bankarju Awstrijak minħabba d-daqs tagħhom.

46      Fl-aħħar nett, għal dak li jikkonċerna t-tul ta’ żmien tal-ksur, id-deċiżjoni kkontestata tindika li l-prattiċi in kwistjoni jaqgħu, mill-1 ta’ Jannar 1995, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE u li l-Kummissjoni qieset li ma kien jeżisti ebda kumitat wara l-verifiki tax-xahar ta’ Ġunju 1998 u, għaldaqstant, li l-ksur kien waqaf.

D –  L-ordni li jintemm il-ksur u l-kalkolu tal-multi

47      It-Titolu 16 tad-deċiżjoni kkontestata jittratta dwar il-"miżuri korrettivi" adottati mill-Kummissjoni.

48      Minn naħa, il-Kummissjoni teżiġi mill-impriżi kkonċernati li dawn itemmu l-ksur, skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17.

49      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-multi imposti, il-Kummissjoni tosserva qabel kollox li l-ksur kien ġie kommess deliberatament.

50      L-ammont tal-multi imposti lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 24 hawn fuq) kien ġie kkalkulat billi ttieħdet in kunsiderazzjoni l-metodoloġija esposta fil-linji ta’ gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ‘il quddiem il-"linji gwida") kif ukoll il-Komunikazzjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom fil-każ ta’ akkordji (ĠU 1996, C 207, p. 4; iktar ‘il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni").

51      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tikklassifika l-laqgħet tal-banek bħala "ksur serju ħafna" ta’ l-Artikolu 81 KE, mingħajr ma d-daqs relativament ristrettiv tas-suq ġeografiku jbiddel tali evalwazzjoni. Sussegwentement, hija taqsam il-parteċipanti fil-ftehim, skond l-ishma tas-suq tagħhom rispettivi, f’ħames kategoriji. B’dan il-mod, hija attribwit lill-kumpanniji ewlenin l-ishma tas-suq tal-banek tas-settur li jikkonċernawhom. Bħala eżempju, l-ishma tas-suq tal-banek kollha Raiffeisen ġew attribwiti lil RZB li, minħabba f’dan, ġie kklassifikat fl-ewwel mill-ħames kategoriji, li għaliha ammont bażiku tal-multa ta’ EUR 25 miljun kien ġie stabbilit.

52      Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex jiġi stabbilit it-tul ta’ żmien tal-ksur, għandu jitqies il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1995 sa l-aħħar tax-xahar ta’ Ġunju 1998. Fid-dawl ta’ tali tul ta’ żmien, hija żiedet l-ammont bażiku b’35 %.

53      Il-Kummissjoni ma tatx benefiċċju ta’ ċirkustanzi mitiganti lil ebda bank; hija tqis, b’mod partikolari, li d-distribuzzjoni tar-rwoli fi ħdan il-laqgħat ta’ banek mhijiex elementi rilevanti f’dan ir-rigward.

54      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħti lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata riduzzjoni ta’ ammenda ta’ 10 %, għan-"nuqqas ta’ kontestazzjoni" ta’ l-elementi ta’ fatt, skond il-Komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

55      Permezz ta’ rikorsi separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-30 ta’ Awwissu u fit-2 ta’ Settembru 2002, l-impriżi destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata ressqu dawn ir-rikorsi.

56      Wara li l-partijiet instemgħu fuq dan il-punt, permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Settembru 2005, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza għaqqad is-seba’ kawżi għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, konformement ma’ l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

57      Fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u ressqitilhom domandi. Il-partijiet issodisfaw dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

58      Il-Kummissjoni talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fid-dokumenti li hija ppreżentat, fir-rigward tar-rikorrenti ħlief BA-CA, minħabba li din tikkonċerna kwistjonijiet kunfidenzjali ta’ kummerċ ta’ din ta’ l-aħħar, u hija ppreżentat verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti kkonċernati. Peress li d-dokumenti kunfidenzjali mhumiex rilevanti għall-finijiet ta’ eżami tar-raġunjiet ta’ BA-CA, iżda hemm riferiment għalihom fir-raġunijiet imqajma minn rikorrenti oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li ddaħħal fil-proċess il-verżjonijiet mhux kunfidenzjali biss u li l-informazzjoni kunfidenzjali ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni, skond l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

59      Waqt is-seduta tal-11 ta’ Ottubru 2005, instemgħu t-trattazzjonijiet tal-partijiet u r-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza. Bħala risposta għal domanda ta’ din ta’ l-aħħar, Erste ppreżenta dokumenti dwar il-parti tiegħu tas-suq. Peress li l-partijiet l-oħra ħadu pożizzjoni fuq dawn id-dokumenti bil-miktub, il-proċedura orali ngħalqet fis-7 ta’ Novembru 2005.

60      RZB (rikorrent fil-kawża T-259/02) jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċernah;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuqu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

61      BA-CA (rikorrent fil-kawża T-260/02) jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċernah;

–        sussidjarjament, tnaqqas, b’mod xieraq, il-multa imposta fuqu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

62      AVB (rikorrent fil-kawża T-261/02, li qabel kien BAWAG) jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jikkonċernaw BAWAG;

–        sussidjarajment, tnaqqas il-multa imposta fuq BAWAG għal ammont ġust;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

63      RLB (rikorrent fil-kawża T-262/02) jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jikkonċernawh;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

64      BAWAG PSK (rikorrent fil-kawża T-263/02, li qabel kien PSK) jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 sa 3 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jikkonċernaw lil PSK;

–        sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta fuq PSK għal ammont xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

65      Erste (rikorrent fil-kawża T-264/02) jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċernah;

–        sussidjarjament, tannulla l-multa imposta fuqu;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-imsemmija ammenda billi tnaqqasha għal ammont xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

66      ÖVAG u NÖ-Hypo (rikorrenti fil-kawża T-271/02) jitolbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tikkonċernahom;

–        tannulla l-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni, safejn din tikkonċerna lilhom;

–        tannulla l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni, safejn din tikkonċernahom jew, sussidjarjament, tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqhom permezz ta’ dan l-artikolu;

–        sussidjarjament għall-ewwel tabla, tannulla d-deċiżjonijiet li jirrikonoxxu l-FPÖ bħala l-parti li ressqet l-ilment u li jintbagħtu lilha d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

67      Fil-kawża T-259/02, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        iżżid l-ammont tal-multa imposta fuq RZB sa EUR 33,75 miljun;

–        tikkundanna lir-rikorrrent ibati l-ispejjeż.

68      Fil-kawżi T-260/02 sa T-264/02 u T-271/02, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tikkundanna lir-rikorrrenti jbatu l-ispejjeż.

 Fuq l-effett tar-ristrutturazzjoni ta’ BAWAG (kawża T-261/02) u PSK (kawża T-263/02)

69      Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Jannar 2006, il-kunsill ta’ BAWAG u PSK informa lill-Qorti tal-Prim’Istanza li, fil-kuntest ta’ ristrutturazzjoni tal-grupp ta’ impriżi li minnu jagħmlu parti dawn iż-żewġ stabbilimenti ta’ kreditu, BAWAG PSK kien minn dak iż-żmien l-aventi kawża taż-żewġ rikorrenti fil-kawżi T-261/02 u T-263/02.

70      Mid-dokumenti annessi ma’ din l-ittra jirriżulta, minn naħa, li BAWAG ittrasferixxa l-attivitajiet bankarji tiegħu lil BAWAG PSK u li huwa biddel ismu u sar AVB u, min-naħa l-oħra, li PSK ingħaqad ma’ BAWAG PSK. Fl-ittra tiegħu tas-16 ta’ Jannar 2006, il-kunsill ta’ Bawag u PSK afferma li BAWAG PSK kien l-uniku aventi kawża ta’ BAWAG għal dak li jikkonċerna l-attivitajiet bankjarji ta’ dan ta’ l-aħħar.

71      Il-qrati Komunitarji jistgħu, ċertament, jieħdu att ta’ bidla ta’ isem ta’ parti fil-proċedura. Barra minn hekk, azzjoni għal annullament mressqa mid-destinatarju ta’ att tista’ tiġi segwita mill-aventi kawża b’titolu universali tiegħu, b’mod partikolari fil-każ ta’ mewt ta’ persuna fiżika jew fil-każ fejn persuna ġuridika ma tibqax teżisti filwaqt li d-drittijiet u l-obbligi kollha tagħha huma ttrasferiti għal persuna ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-20 ta’ Ottubru 1983, Gutmann vs Il-Kummissjoni, 92/82, Ġabra p. 3127, punt 2, u tat- 23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, Ġabra p. 1339, punti 13 sa 18). Għandu jiġi mfakkar li, f’tali sitwazzjoni, l-aventi kawża b’titolu universali jissostitwixxi neċessarjament ipso jure lill-predeċessur tiegħu bħala destinatarju ta’ l-att ikkontestat.

72      Min-naħa l-oħra, il-qorti komunitarja la hija kompetenti fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament imressaq taħt l-Artikolu 230 KE u lanqas fl-eżerċizzju tal-kompetenza assoluta tagħha taħt l-Artikolu 229 KE, fir-rigward tas-sanzjonijiet sabiex tiġi emendata d-deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja billi jiġi sostitwit id-destinatarju tagħha b’persuna fiżika jew ġuridika meta l-imsemmi destintatarju għadu jeżisti. Din il-kompetenza tappartjeni biss lill-istituzzjoni li adottata deċiżjoni in kwistjoni. B’hekk, ladarba l-istituzzjoni kompetenti adottat deċiżjoni u, għaldaqstant, iddeterminat l-identità tal-persuna li lilha għandha tiġi indirizzata, mhijiex il-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tissostitwixxi din ta’ l-aħħar b’persuna oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Pim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 47).

73      Sussegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li rikors imressaq minn persuna bħala destinatarja ta’ att sabiex issostni d-drittijiet tagħha fil-kuntest ta’ talba għal annullament, skond l-Artikolu 230 KE, u/jew talba għal riforma skond l-Artikolu 229 KE, ma jistax jiġi ttrasferit lil terza persuna li mhijiex id-destinatarja ta’ l-att. Fil-fatt, li kieku trasferiment bħal dan kellu jiġi permess, kien ikun hemm diskrepanza bejn il-kwalità li abbażi tagħha jkun tressaq ir-rikors u l-kwalità li abbażi tagħha huwa intenzjonat li jiġi segwit ir-rikors. Barra min hekk, tali trasferiment jagħti lok għal diskrepanza bejn l-identità tad-destinatarju ta’ l-att u dik tal-persuna li tkun qiegħda taġixxi ġudizzjarjament fil-kwalità ta’ destinatarja (sentenza JFE Engineering et vs Il-Kummissjoni, punt 72 hawn fuq, punt 48).

74      Għaldaqstant, għandu jittieħed att tal-bidla ta’ isem ta’ BAWAG f’AVB kif ukoll tal-fatt li, wara l-għaqda msemmija hawn fuq, BAWAG PSK sar l-aventi kawża ta’ PSK. Min-naħa l-oħra, mhemmx lok li ssir is-sostituzzjoni ta’ AVB bi BAWAG PSK fil-kawża T-261/02, indipendentement mill-effetti fid-dritt Awstrijak tar-ristrutturazzjoni li saret. Għaldaqstant, BAWAG (imsemmi minn issa ‘l quddiem AVB) jibqa’ r-rikorrent fil-kawża T-261/02, filwaqt li BAWAG PSK sar, ipso jure, ir-rikorrent fil-kawża T‑263/02.

75      Peress li d-deċiżjoni kkontestata kienet ġiet indirizzata lil BAWAG u lil PSK u li dawn ippreżentaw l-argumenti tagħhom bil-miktub u b’mod verbali lill-Qorti tal-Prim’Istanza taħt l-ismijiet preċedenti tagħhom, dawn ta’ l-aħħar ser ikunu użati sabiex jindikaw lir-rikorrenti fil-bqija ta’ din is-sentenza.

 Id-dritt

I –  Fuq it-talbiet ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalità tagħha

A –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq ksur tar-Regoli tal-Proċedura

1.     Fuq ir-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta (kawża T-260/02, T‑61/02 u T‑263/02)

a)     L-argumenti tar-rikorrenti

76      BA-CA, BAWAG u PSK josservaw li l-kopja tar-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta mibgħut lir-rikorrenti skond l-Artikolu 16(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/CE, KEFA, tat-23 ta’ Mejju 2001, dwar it-termini ta’ riferenza ta’ uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, p. 21) (iktar ’il quddiem it-“termini ta’ referenza”), ma fiha ebda firma. Huma ta’ l-opinjoni li dan jammonta għal ksur tal-forom sostanzjali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

77      BAWAG u PSK (kawżi T-261/02 u T-263/02) jaffermaw li l-inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kopja tar-rapport finali li ġiet mibgħuta lilhom tikkostitwixxix il-verżjoni finali ppreġudikat il-possibbilitajiet tagħhom li jiddefendu lilhom infishom b’mod adegwat kontra d-deċiżjoni kkontestata.

78      BA-CA (kawża T-260/02) isostni li l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni tirriżulta irregolari, peress li r-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta ma kienx ġie awtentikat. Barra minn hekk, l-indikazzjoni “abbozz” li tinsab fil-kopji sottomessi lill-kumitat konsultattiv u lill-kulleġġ setgħet taffettwa l-evalwazzjoni tar-rapport minn dawn l-awtoritajiet u għaldaqstant ir-riżultat tal-proċedura amministrattiva. Barra minn hekk, huwa jissuspetta li r-rapport finali kien ġiet ippreżentat lill-kulleġġ tal-Kummissjoni fil-lingwa Ġermaniża biss u dan jikkostitiwxxi ksur tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 6 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Novembru 2000 (ĠU L 308, p. 26, iktar ‘il quddiem ir-“regoli tal-proċedura”). Huwa jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tadotta miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex tagħtih aċċess komplet għall-fajl tal-Kummissjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

79      L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15 tat-termini ta’ referenza jiddisponi:

"L-uffiċjal tas-seduta għandu, abbażi ta’ l-abbozz tad-deċiżjoni li ser tkun mibgħuta lill-Kumitat Konsultattiv fil-każ in-kwistjoni, jipprepara rapport finali bil-miktub dwar ir-rispett lejn id-dritt tas-smigħ, kif imsemmmi fl-Artikolu 13(1). Dan ir-rapport għandu jikkunsidra wkoll jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jitrattax biss l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jagħmlu l-veduti tagħhom magħrufa, u, meta jkun xieraq, l-oġġettività ta’ xi inkjesta skond it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 14."

80      Skond l-Artikolu 16 tat-termini ta’ referenza:

"1.      Ir-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta għandu jinhemeż ma’ l-abbozz tad-deċiżjoni mogħti lill-Kummissjoni, sabiex ikun assigurat li, meta din tieħu deċiżjoni dwar xi każ individwali, il-Kummissjoni tkun mgħarrfa bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kors tal-proċedura u r-rispett tad-dritt tas-smigħ.

2.      Ir-rapport finali jista’ jkun modifikat mill-uffiċjal tas-seduta fid-dawl ta’ xi emendi għall-abbozz tad-deċiżjoni sal-ħin meta d-deċiżjoni tkun addottata mill-Kummissjoni.

3.      Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta, flimkien mad-deċiżjoni, lil dawk milquta bid-deċiżjoni. Din għandha tippubblika r-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, flimkien mad-deċiżjoni, wara li tikkunsidra l-interess leġittimu ta’ l-intrapriżi għar-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom."

81      L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-ilment li r-rapport finali ma kienx iffirmat, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni ppreżentat, annessi mar-risposta tagħha, tlett kopji ta’ l-imsemmi rapport (bil-Ġermaniż), jiġifieri:

–        dik mibgħuta lid-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata;

–        dik mibgħuta lill-kumitat konsultattiv;

–        dik mibgħuta lill-kulleġġ tal-Kummissjoni,

li t-test tagħhom hu identiku filwaqt li t-tieni waħda biss hija ffirmata. Barra minn hekk, l-aħħar żewġ kopji għandhom il-kliem "Entwurf" (abbozz) u "Intern" (intern).

82      Minn dawn id-dokumenti jirriżulta li l-uffiċjal qiegħed il-firma tiegħu fuq mill-inqas kopja waħda tar-rapport finali, u dan juri li dan it-test kien definittiv u li dak li nbagħat lill-awtoritajiet kompetenti kien jikkorrispondi għall-intenzjonijiet ta’ l-uffiċjal tas-seduta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li kopji oħra ta’ dan ir-rapport, identiċi għall-verżjoni ffirmata (bl-eċċezzjoni tat-tneħħija, f’ċerti każijiet, tal-kelma "abbozz"), kienu ġew mibgħuta lid-destinatarji tagħhom mingħajr ma kien fihom firma ma jistax jiġi meqjus bħala ksur tal-forom sostanzjali, li jista’ jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

83      L-ilment ta’ BAWAG u PSK, li n-nuqqas ta’ firma fuq il-kopja tar-rapport finali, li ġie mibgħut lilhom fl-istess ħin tan-notifika tad-deċiżjoni kkontestata kien ippreġudika d-drittijiet tagħhom tad-difiża billi rrenda iktar diffiċli t-tfassil tad-difiża tagħhom kontra l-imsemmija deċiżjoni, huwa irrelevanti. Fil-fatt, dan in-nuqqas ta’ firma ma jistax jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva. Safejn l-argument tar-rikorrenti huwa intiż sabiex isostni li n-nuqqas ta’ firma seta’ joħloq dubji rigward in-natura definittiva jew le ta’ l-imsemmi rapport li rrenda iktar perikoluża l-kritika ta’ dan ta’ l-aħħar u, għaldaqstant, id-difiża tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiġi kkonstatat li tali dubji jistgħu jitqajmu permezz tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u li l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura jippermetti lill-partijiet jiddefendu d-drittijiet tagħhom fir-rigward tar-riżultat ta’ miżuri simili billi jqajmu, jekk ikun il-każ, raġunijiet ġodda.

84      It-tieni nett, għandu jiġi eskluż l-ilment ta’ BA-CA bbażat fuq ksur ta’ l-obbligu allegat li tawtentifika r-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta. Fil-fatt, ir-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta ma jagħmilx parti mill-atti li jaqgħu taħt waħda mill-forom previsti fl-Artiolu 14 KEFA, fl-Artikolu 249 KE u fl-Artikolu 161 KEFA, li l-awtentifikazzjoni tagħhom hija rikjesta skond il-ħames subparagrafu ta’ l-Artikolu 18 tar-Regoli tal-Proċedura.

85      It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-kelma "abbozz" li tinsab f’kopji tar-rapport finali sottomess lill-kumitat konsutattiv u lill-kulleġġ tal-Kummissjoni, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 16(2) tat-termini ta’ referenza jipprevedi li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni, ir-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta jista’ jkun immodifikat minnu fid-dawl ta’ xi emendi għall-abbozz tad-deċiżjoni. Għaldaqstant mhuwiex illegali li l-kelma “abbozz” tinsab fir-rapport fil-mument tat-trażmissjoni tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti. Il-fatt li dan l-“abbozz” ma ġiex sostitwit b’verżjoni definittiva jekk dan ma ġiex mibdul ma jistax irendi d-deċiżjoni adottata abbażi tiegħu illegali. Fil-fatt, wieħed ma jistax jissopponi li l-membri tal-Kummissjoni, li għandhom quddiemhom deċiżjoni li timponi multi, mhux ser jagħtu każ l-obbligu li jieħdu in kunsiderazzjoni r-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta, stabbilit fl-Artikolu 16(1) tat-termini ta’ referenza, minħabba l-kelma "abbozz" li tinsab fih.

86      Ir-raba’ nett, għandu jiġi kkonstatat li s-suspett ta’ BA-CA, li jiddikjara li jiddubita li r-rapport finali kien ġie sottomess lill-awtoritajiet kompetenti fil-lingwi rikjesti kollha, mhuwiex fondat. F’dan ir-rigward, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ proċedura jiddisponi:

“L-aġenda u d-dokumenti neċessarji għall-ħidma għandhom jitqassmu lill-Membri tal-Kummissjoni fiż-żmien stipulat u fil-lingwi użati fil-ħidma kif ordnati mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 25.”

87      Huwa magħruf li d-dokumenti ta’ xogħol tal-Kummissjoni huma, bħala regola ġenerali, ippreżentati bil-Ġermaniż, bl-Ingliż u bil-Franċiż.

88      Issa, il-Kummissjoni ppreżentat, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-verżjonijiet Ġermaniżi, Ingliżi u Franċiżi tar-rapport finali, flimkien man-noti li ħarġu mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, datati l-4 ta’ Ġunju 2002, li minnhom jirriżulta t-trażmissjoni ta’ dawn il-verżjonijiet lill-membri tal-Kummissjoni. Konsegwentement, l-ilment ta’ BA-CA huwa nieqes mill-fatti.

89      Għandha tiġi miċħuda wkoll it-talba ta’ BA-CA għall-aċċess komplet tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni. Fil-fatt, minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li din il-miżura mhijiex neċessarja sabiex huwa jkun jista’ jivverifika jekk ir-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta kienx ġie ppreżentat fil-verżjonijiet lingwistiċi neċessarji. Barra minn hekk, BA-CA ma speċifikax fil-kuntest ta’ liema raġunijiet oħra mqajma minnu l-produzzjoni tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni jista’ jirriżulta neċessarju.

90      Minn dan isegwi li l-ilmenti li jikkonċerna r-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta, imqajma minn BA-CA, BAWAG u PSK, għandhom jiġu esklużi.

2.     Fuq il-pożizzjoni mogħtija lill-partit politiku FPÖ matul il-proċedura amministrattiva (kawżi T-260/02 u T-271/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

91      BA-CA, ÖVAG u NÖ-Hypo jikkritikaw lill-Kummissjoni talli wettqet irregolaritajiet, minn naħa, billi rrikonoxxiet il-FPÖ bħala dak li ressaq l-ilment taħt l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 u, min-naħa l-oħra, billi bagħtet verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet lil dan il-partit politiku. Huma jsostnu li dawn id-deċiżjonijiet kisru l-Artikoli 3 u 20 tar-Regolament Nru 17 u d-drittijiet tagħhom tad-difiża, l-ewwel nett, minħabba li l-ilment tal-FPÖ, li tressaq wara l-ftuħ tal-proċedura mill-Kummissjoni, ma kienx joriġina minnu, u t-tieni nett, minħabba li l-FPÖ ma setax jagħmel użu minn interess leġittimu sabiex jippreżenta talba skond l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17, peress li l-kwalità tiegħu bħala klijent bankarju kienet insuffiċjenti f’dan ir-rigward, it-tielet nett, minħabba li s-seduti fejn instemgħu l-partijiet kienu diġà seħħew meta ttieħdu dawn id-deċiżjonijiet u, ir-raba’ nett, minħabba li l-Kummissjoni ma kinitx kisbet mill-FPÖ l-impenn li jirrispetta l-obbligi ta’ dak li ressaq l-ilment. Skondhom, il-konsegwenza ta’ dawn l-irregolaritajiet għandha tkun l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Barra minn hekk, BA-CA jilmenta li l-Kummissjoni kisret d-drittijiet tiegħu tad-difiża billi naqset ─ minkejja diversi talbiet f’dan ir-rigward ─ milli tikkomunikalu, f’dan ir-rigward, deċiżjoni kontestabbli ġudizzjarjament u billi pprivata, minħabba f’hekk, mill-possibbilità li tressaq rikors kontra t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, huwa jsostni li l-Kummissjoni kisret it-Trattat KE billi m’għamiltx dak kollu fis-setgħa tagħha sabiex ittemm l-abbuż tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet mill-FPÖ u li hija naqset milli topponi l-użu abużiv li l-FPÖ għamel mid-dokumenti mibgħuta, u b’mod partikolari milli talbet r-restituzzjoni tagħhom.

93      Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-ilmenti mqajma fir-rigward tat-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ ma jippreżentaw l-ebda rabta ma’ l-għan ta’ din il-proċedura. Hija tafferma li l-ammissjoni tal-FPÖ li jintervjeni bħala dak li ressaq l-ilment m’għandha l-ebda effett fuq id-deċiżjoni kkontestata u li d-deċiżjoni li tawtorizza t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lill-FPÖ kellha tkun is-suġġett ta’ proċedura distinta, billi rikors a posteriori fil-kuntest ta’ din il-kontroversja mhuwiex iktar possibbli, biss minħabba raġunijiet ta’ dekadenza.

94      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni żżid li r-rikorrenti m’għandhomx il-kwalità sabiex jaġixxu fis-sens tar-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 230 KE kontra l-ammissjoni tal-FPÖ bħala dak li ressaq l-ilment u t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, minħabba li l-pożizzjoni ġuridika tagħhom mhijiex affettwata minn dawn il-miżuri. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-impatt li huma qed jilmentaw fuqu u l-ħsara li huma jqisu li sostnew ma jirriżultawx mill-atti tal-Kummissjoni, iżda mill-imġiba adottata sussegwentement u b’mod indipendenti mill-FPÖ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li hija kellha kull dritt li tirrikonoxxi l-FPÖ bħala dak li ressaq l-ilment u, għaldaqstant, l-obbligu li tibgħatlu d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

95      L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 jiddisponi li, jekk il-Kummissjoni tikkonstata, "fuq applikazzjoni jew fuq l-inizzjattiva tagħha", ksur ta’ l-Artikolu 81 KE jew ta’ l-Artikolu 82 KE, hija tista’ permezz ta’ deċiżjoni tobbliga l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jtemmu dan il-ksur. Skond l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 17, tali applikazzjoni tista’ tiġi ppreżentata minn persuna fiżika jew ġuridika li ssostni interess leġittimu f’dan ir-rigward. Sussegwentement mill-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat KE (ĠU L 345, p. 18), li l-persuni li ppreżentaw tali applikazzjoni għandhom ċerti drittijiet ta’ natura proċedurali, fosthom, b’mod partikolari, dak li jiksbu kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

96      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17 billi ammettiet lill-FPÖ għall-proċedura, għandha tiġi eskluża t-teżi tar-rikorrenti li tali talba ma setgħetx tiġi ppreżentata b’mod validu, malli proċedura ta’ ksur kienet ġiet mibdija ex officio. Fil-fatt, ir-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98 ma jirrikjedux, għar-rikonoxximent tal-kwalità ta’ dak li qed iressaq it-talba, li l-applikazzjoni in kwistjoni ssir fil-bidu tal-ftuħ mill-Kummissjoni tal-proċedura ta’ ksur u li l-investigazzjoni fuq il-ksur ilmentat ma tkunx għadha nfetħet. Jekk ikun mod ieħor, persuni li għandhom interess leġittimu li jikkonstataw ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni jiġu mwaqqfa milli jeżerċitaw matul il-proċedura d-drittijiet assoċjati ma’ din il-kwalità skond l-Artikoli 6 sa 8 tar-Regolament Nru 2842/98.

97      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, li l-FPÖ seta’ b’mod validu jinvoka l-istatus tiegħu ta’ klijent ta’ servizzi bankarji fl-Awstrija kif ukoll il-fatt li saritlu ħsara għall-interessi ekonomiċi tiegħu minħabba l-prattiċi antikompetittivi, tant li dawn jiġġustifikaw interess leġittimu sabiex jippreżenta talba intiża sabiex il-Kummissjoni tikkonstata li l-imsemmija prattiċi kkostitwew ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

98      F’dan ir-rigward, xejn ma jipprekludi l-fatt li klijent finali, li huwa xerrej ta’ beni jew ta’ servizzi, ikun jista’ jissodisfa l-kunċett ta’ interess leġittimu fis-sens ta’ l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li klijent finali li juri li huwa ġarrab ħsara jew li huwa jista’ jġarrab ħsara għall-interessi ekonomiċi tiegħu minħabba r-restrizzjoni ta’ kompetizzjoni in kwistjoni għandu interess leġittimu fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jippreżenta talba jew ilment sabiex il-Kummissjoni tikkonstata ksur għall-Artikoli 81 KE u 82 KE.

99      F’dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li r-regoli intiżi sabiex jassiguraw li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern għandhom bħala għan finali li jżidu l-benesseri tal-konsumatur. Dan l-għan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kliem ta’ l-Artikolu 81 KE. Fil-fatt, għalkemm il-projbizzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni tista’ tiġi ddikjarata inapplikabbli għal akkordji li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti in kwistjoni jew sabiex jippromwovu l-progress tekniku jew ekonomiku, din il-possibbiltà, prevista fl-Artikolu 81(3) KE, hija b’mod partikolari suġġetta għall-kundizzjoni li sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom ikun irriżervat għall-konsumaturi ta’ l-imsemmija prodotti. Għalhekk, id-dritt u l-politika tal-kompetizzjoni għandhom impatt li ma jistax jinċaħad fuq l-interessi ekonomiċi konkreti ta’ klijenti finali xerrejja ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. Issa, ir-rikonoxximent lil tali klijenti – li jsostnu li jkunu sofrew preġudizzju ekonomiku minħabba kuntratt jew imġiba li tista’ tirrestrinġi jew li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni – ta’ interess leġittimu li l-Kummissjoni tikkonstata ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE jikkontribwixxi għat-twettiq ta’ l-għanijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni.

100    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-fatt li, fil-bidu, il-FPÖ sostna li kien igawdi minn interess ġenerali bħala partit politiku fl-oppożizzjoni u li huwa sostna, sussegwentement, li huwa kien ġie ekonomikament ippreġudikat, bħala klijent finali tas-servizzi bankarji Awstrijaċi, mill-akkordju li dwaru sar l-ilment. Fil-fatt, din l-ewwel pożizzjoni ma setgħetx iċċaħħdu mill-possibiltà li sussegwentement isostni, bl-għan li juri li għandu interess leġittimu fis-sens tar-Regolament Nru 17, l-istatus tiegħu ta’ klijent tal-banek li kontrihom inbdiet il-proċedura, kif ukoll il-preġudizzju ta’ natura ekonomika li huwa allegatament sofra b’riżultat tal-ftehim in kwistjoni.

101    It-tielet nett, ir-rikonoxximent ta’ parti interessata bħala dik li għamlet l-ilment u t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lilha ma jistax jiġi suġġett għall-kundizzjoni li dan isir qabel kull smigħ orali quddiem il-Kummissjoni. Ir-Regolamenti Nru 17 u Nru 2842/98 ma jipprovdux terminu speċifiku li fih persuna terza, li hija applikant jew li tagħmel ilment u li juri li għandha interess leġittimu, għandha teżerċita d-dritt tagħha li tirċievi l-oġġezzjonijiet u li tinstema’ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur. Fil-fatt, l-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament Nru 2842/98 jillimitaw ruħhom li jistabbilixxu li l-Kummissjoni għandha tibgħat l-oġġezzjonijiet lill-imsemmi applikant jew persuna li tagħmel l-ilment u tiffissa terminu li fih dan jista’ jgħarraf l-opinjonijiet tiegħu bil-miktub, filwaqt li dan it-terz jista’ wkoll, jekk huwa hekk jitlob, jinstema’ oralment. Minn dan isegwi li d-dritt ta’ applikant jew ta’ min jagħmel l-ilment għall-komunikazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u li jinstema’ fil-proċedura amministrattiva għall-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE jista’ jiġi eżerċitat sakemm il-proċedura tkun għadha għaddejja.

102    Ir-raba’ nett, fir-rigward ta’ l-argumenti relatati ma’ l-użu magħmul mill-FPÖ tad-dokumenti li nbagħtulu, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98, dan il-partit politiku, fil-kwalità tiegħu ta’ applikant, kellu d-dritt li jirċievi verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet. Issa, il-Kummissjoni ma tistax, abbażi ta’ sempliċi suspetti dwar eventwali użu abużiv ta’ l-imsemmija dokumenti, tirrestrinġi d-dritt għall-komunikazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 2842/98 favur applikant terz li juri validament li għandu interess leġittimu. Fl-aħħar nett, l-użu li l-FPÖ seta’ jagħmel mid-dokumenti kkomumikati lilu ma jistax jiġi attribwit lill-Kummissjoni u għaldaqstant ma jistax jaffettwa l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

103    Minn dan isegwi li r-raġunijiet tar-rikorrenti dwar l-ammissjoni tal-FPÖ għall-proċedura għandhom jiġu esklużi bħala infondati, mingħajr ma jkun neċessarju għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tiddeċiedi fuq l-ammissibblità tagħhom.

3.     Konklużjoni

104    Ir-raġunijiet ibbażati fuq ksur tar-regoli proċedurali għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

B –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ftehim

1.     Osservazzjonijiet preliminari

105    Mingħajr ma kkonstataw l-eżistenza tal-kumitati, BAWAG et PSK (kawżi T‑261/02 u T‑263/02) talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi billi qajmu raġuni bbażata fuq ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE minħabba l-evalwazzjoni żbaljata tal-ftehim.

106    Minn naħa, huma jikkontestaw, essenzjalment, il-klassifikazzjoni ta’ akkordju uniku mogħti lill-kumitati. Mingħajr ma qajmu raġuni awtonoma, RLB, ÖVAG u NÖ-Hypo (kawżi T‑262/02 u T‑271/02) jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ akkordju uniku fil-kuntest tar-raġunijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ effetti transkonfinali tal-ftehim, sabiex isostnu li l-kapaċità tal-kumitati li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandha tkun is-suġġett ta’ eżami separat għal kull wieħed minnhom. Dawn l-argumenti ser jiġu eżaminati fil-kuntest ta’ din ir-raġuni.

107    Min-naħa l-oħra, BAWAG u PSK isostnu li l-kumitati ma wasslux għal grad għoli ta’ ftehim bejn il-banek, li bejniethom kien hemm kompetizzjoni qawwija. Dan l-aħħar ilment jikkonċerna, essenzjalment, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, u anki jekk jitqies fondat, ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi. Għaldaqstant, dan ser jiġi eżaminat, fil-kuntest tat-talbiet intiżi sabiex tinkiseb riduzzjoni tal-multa, ma’ l-ilmenti l-oħra li jikkonċernaw il-gravità tal-ksur.

2.     Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ksur wieħed attribwita lill-kumitati (kawżi T‑261/02 sa T‑263/02 u T‑271/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

108    Ir-rikorrenti f’ dawn il-kawżi jsostnu li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-kumitati kkostitwew akkordju globali uniku. Huma, qabel kollox, isostnu li l-kumitati differenti aġġixxew b’mod awtonomu u li l-"klabb Lombard" ma kellux il-funzjoni ta’ koordinazzjoni jew ta’ tmexxija fir-rigward tagħhom.

109    RLB (kawża T-262/02) ma jikkontestax li kien hemm skambji ta’ informazzjoni bejn il-kumitati dwar id-depożiti u l-krediti (kumitati fuq l-operazzjonijiet attivi u passivi, "klabb Lombard", kumitat tal-kontrolluri), iżda jsostni li l-"klabb Lombard" qatt ma kien responsabbli għas-servizzi ta’ natura transkonfinali. Barra minn hekk, huwa jafferma li l-Kummissjoni invokat l-eżistenza ta’ akkordju globali għall-ewwel darba fir-risposta tagħha.

110    Il-Kummissjoni tafferma li l-klassifikazzjoni ta’ akkordju globali wieħed attribwita lill-kumitati hija ġġustifikata. F’anness mal-kontroreplika, hija ppreżentat serje ta’ dokumenti, li jagħmlu parti mill-fajl amministrattiv, sabiex turi l-konnessjoni stretta bejn il-kumitati.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

111    Ksur ta’ l-Artikolu 81(1) KE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn imġiba kontinwa. Din l-interpretazzjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba li element wieħed jew iktar ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ din l-imġiba kontinwa jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom infushom u meħuda weħedhom, ksur ta’ l-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt "pjan ġenerali", minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skond il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat fit-totalità tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punt 258).

112    Rigward dan is-suġġett, il-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata tesponi dan li ġej: […] il-ftehim in kwistjoni għandhom bħala għan ir-restrizzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-istabbilimenti li jipparteċipaw fil-kumitati, fir-rigward tas-suġġetti ttrattati minnhom. Dawn il-ftehim (u l-miżuri ta’ applikazzjoni miftiehma) kellhom jippermettu lill-banek iżidu l-profitt tagħhom. Kieku ma jkunx hemm dawn l-akkordji – li, skond il-banek, kienu jiggarantixxu ‘kompetizzjoni ragjonevoli’ – dan iwassal, min-naħa l-oħra, għal ‘tneħħija tal-marġni’." Għaldaqstant, il-Kummissjoni tafferma fir-rigward ta’ dan, essenzjalment, li kien jeżisti pjan globali li kellu l-għan li jelimina l-kompetizzjoni permezz tal-prezzijiet fir-rigward tas-servizzi bankarji kollha li kienu s-suġġett ta’ dawn il-kumitati. Għaldaqstant, l-ilment ta’ RLB li l-Kummissjoni invokat l-eżistenza ta’ akkordju globali uniku għall-ewwel darba fir-risposta tagħha għandu jiġi miċħud.

113    Sabiex jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx legalment tikkonkludi, abbażi ta’ l-elementi ta’ prova li hija kellha, li l-ftehim fi ħdan il-kumitati differenti kinux jaqgħu taħt pjan globali intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni, għandhom jiġu analizzati l-paragrafi tad-deċiżjoni kkontestata li fihom ċerti konstatazzjonijiet li fuqhom hija bbażata l-konlużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ akkordju uniku, li tirreferi għalihom fil-kontrorepliki ppreżentati fil-kawżi T-261/02 sa T-263/02 u T-271/02, u d-dokumenti li fuqhom dawn il-konstatazzjonijiet huma bbażati, ippreżentati f’anness ma’ l-imsemmija kontrarepliki.

114    L-ewwel nett, sabiex turi li l-"klabb Lombard", bħala awtorità suprema fuq il-kumitati l-oħra kollha, kien jittratta kwistjonijiet li kienu jirriżultaw minn diversi kumitati speċifiċi, il-Kummissjoni tirreferi għad-dokumenti relatati mal-laqgħat ta’ l-imsemmija awtorità miżmuma fis-7 ta’ Ġunju 1995 u fit-8 ta’ Mejju 1996.

115    Fir-rigward ta’ l-ewwel minn dawn l-laqgħat, il-premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi "nota kunfidenzjali" magħmula mid-direttur ta’ CA u li tirrigwarda konversazzjoni informali ta’ l-24 ta’ Mejju 1995 bejn ir-rappreżentanti ta’ BA, ta’ CA, ta’ BAWAG, ta’ GiroCredit, ta’ RZB u ta’ PSK, li kienet tikkonċerna l-punti li kellhom jiġu eżaminati u riżolti matul il-laqgħa tal-"klabb Lombard" tas-7 ta’ Ġunju 1995. Dan id-dokumenti juri li l-"klabb Lombard" kien effettivament jittratta kwistjonijiet li kienu jirriżultaw minn diversi kumitati dwar suġġetti differenti, inklużi servizzi ta’ natura transkonfinali, bħall-prattiċi miftiehma fuq ir-rati fuq il-krediti u fuq id-debiti, għal dak li jikkonċerna kemm l-individwi kif ukoll l-impriżi u fuq kundizzjonijiet oħra ta’ krediti inklużi l-krediti ta’ esportazzjoni.

116    Fir-rigwrad tal-laqgħa tal-"klabb Lombard" tat-8 ta’ Mejju 1996, il-premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal tliet dokumenti, li l-ewwel wieħed huwa nota mdaħħla fil-fajl ta’ NÖ-Hypo ta’ l-10 ta’ Mejju 1996, intiża, fost oħrajn, għad-diretturi ġenerali ta’ dan il-bank, li skondha, matul laqgħa tal-"klabb Lombard" tat-8 ta’ Mejju 1996 "id-diretturi ġenerali laħqu ftehim fuq ċerti punti fundamentali", dwar, b’mod partikolari, il-marġni tal-house banks (Hausbankspanne) matul il-finanzjament ta’ l-esportazzjonijiet, tar-rati ta’ interessi u kundizzjonijiet oħra ta’ tipi differenti ta’ self, ir-riklamar tar-rati ta’ interessi u ta’ l-ispejjeż amministrattivi ta’ l-ipproċessar. It-tieni dokumenti jżid li "proposta għal kummissjoni minimali għall-operazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli u l-operazzjonijiet ta’ ħlas għandha tiġi stabbilita", filwaqt li t-tielet dokument fih proposti adottati matul din il-laqgħa tal-“klabb Lombard”. Dawn id-dokumenti jikkonfermaw ukoll li l-"klabb Lombard" kien jittratta u jiddeċiedi dwar oqsma li rriżultaw minn diversi kumitati speċifiċi. L-ewwel tnejn jikkorroboraw b’mod iktar partikolari l-konstatazzjoni li l-"klabb Lombard" kien ikkunsidrat bħala responsabbli sabiex jiddeċiedi fuq l-iffissar tal-prezzijiet għal ċerti operazzjonijiet transkonfinali importanti, bħall-krediti ta’ esportazzjoni, il-ħlasijiet u t-tranżazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli.

117    It-tieni nett, mid-dokumenti msemmija mill-Kummissjoni fil-premessi 216 u 284 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-"klabb Lombard" kien jieħu d-deċiżjonijiet fundamentali. B’hekk, il-premessa 216 tad-deċiżjoni kkontestata tirreferi għal nota ta’ fajl fuq laqgħa tal-Kumitat ta’ Vjenna fuq l-operazzjonijiet passivi u fuq il-krediti lill-individwi tas-6 ta’ Frar 1996, indirizzata lid-direttur ġenerali ta’ wieħed mill-banek ikkonċernati u intiża sabiex tipprepara l-laqgħa tal-"klabb Lombard" prevista għall-ġurnata ta’ wara. Skond din in-nota, "huwa mistenni li l-"klabb Lombard" tas-7 ta’ Frar [1996] jieħu deċiżjonijiet fundamentali li jikkorrispondu" għal ċerti punti diskussi fil-kumitat. Il-premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi nota fil-fajl miktuba minn impjegat ta’ BAWAG, dwar il-laqgħa tal-kumitat "operazzjonijiet passivi" tal-25 ta’ Ottubru 1996, li matulha kien ġie diskuss tnaqqis fir-rati ta’ interessi tal-kontijiet ta’ tfaddil. Skond din in-nota, kumitat federali fuq l-operazzjonijiet passivi kienu previsti għat-12 ta’ Novembru 1996, sabiex ikun jista’ jifformula "rakkomandazzjonijiet għall-Lombard tad-diretturi ġenerali tat-13 ta’ Novembru 1996". Dawn id-dokumenti jindikaw b’mod ċar li l-awturi tagħhom kienu jistennew li l-"klabb Lombard" jieħu d-deċiżjonijiet relatati ma’ l-oqsma diskussi f’kumitati oħra.

118    It-tielet nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-"klabb Lombard" kien jeżerċita funżjoni arbitrarja u diversi gruppi fil-każ ta’ problemi ta’ dixxiplina kienu jaqgħu taħt l-awtorità tiegħu, b’mod partikolari permezz ta’ riferiment, fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, għal nota interna ta’ PSK li tiġbor fil-qosor "skambju ta’ esperjenzi bejn banek" ta’ l-24 ta’ Mejju 1995 li kienet tgħid li "[kien] previst li d-dixxiplina fil-qasam ta’ kundizzjonijiet [kienet] ittrattata mill-"klabb Lombard" tax-xahar ta’ Ġunju" u l-parteċipanti kienu ta’ l-opinjoni li wieħed seta’ jistenna dixxiplina ikbar biss “meta l-osservanza tal-marġni minimi [ssir] ‘kwistjoni ta’ unur’ għall-membri tal-bord ta’ diretturi”. Dan id-dokument juri li l-"klabb Lombard" kien meqjus mill-membri ta’ kumitati oħra bħala l-awtorità xierqa sabiex tirregola problemi ta’ “dixxiplina” fir-rigward tal-ftehim.

119    Ir-raba’ nett, il-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi r-rabta stretta bejn il-kumitati u l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tagħhom billi tesponi li "[i]l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni komuni kien jeħtieġ ħafna drabi [...] ħafna laqgħat ta’ kumitati (fil-biċċa l-kbira, il-kumitati ta’ Vjenna u federali fuq l-operazzjonijiet attivi u/jew passivi, il-"Minilombard" u l-’klabb Lombard’)". Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq żewġ dokumenti relatati mal-laqgħa tal-kumitat ta’ Vjenna fuq l-operazzjonijiet attivi u passivi tat-30 ta’ Awwissu 1995, li minn dawn jirriżulta li r-rappreżentanti tal-banek kienu ddiskutew r-reazzjoni tagħhom għal tnaqqis fir-rati ta’ interessi ta’ l-OeNB. Deċiżjoni dwar ir-rata tal-kontijiet ta’ tfaddil u ta’ krediti lill-individwi kienu previsti matul laqgħa sussegwenti fuq l-operazzjonijiet attivi u passivi fis-7 ta’ Settembru 1995, filwaqt li d-deċiżjoni finali fuq aġġustament eventwali tar-rati ta’ krediti lill-impriżi kellha tittieħed mill-“klabb Lombard” fit-13 ta’ Settembru 1995, abbażi ta’ proposta magħmula waqt laqgħa tal-"Minilombard" tat-8 ta’ Settembru 1995. Minn dawn id-dokumenti konkordanti jirriżulta li l-kumitati fuq ir-rati ta’ interess attivi u passivi għall-individwi u l-impriżi kienu jaqgħu taħt pjan komuni intiż sabiex jillimita b’mod globali l-kompetizzjoni mir-rati ta’ interessi.

120    Il-ħames nett, il-premessi 126, 130 u 237 tad-deċiżjoni kkontestata jagħtu eżempji li juru l-fatt li xi drabi l-kumitati kien ikollhom laqgħat komuni, li l-kompetenzi tal-gruppi jikkoinċidu u li l-kumitati kienu jżommu ruħhom reċiprokament informati fuq l-attivitajiet tagħhom. Jekk il-premessa 126 tiddeskrivi kumitat ta’ kontrolluri li nżamm f’Diċembru 1994, il-premessa 130, min-naħa l-oħra, tirreferi għal kumitat ta’ diretturi finanzjarji fil-bidu tax-xahar ta’ Jannar 1995. L-istedina għal dan il-kumitat, fejn kellhom jiġu eżaminati r-rati ta’ interessi tad-debiti u tal-krediti ta’ terminu qasir, issuġġeriet li l-parteċipanti li ma kellhomx huma nfishom influwenza diretta fuq l-iffissar tar-rati ta’ interessi tal-krediti ta’ terminu qasir għar-rata fissa tal-bank tagħhom kellhom jistiednu persuna inkarigata mill-“kontijiet il-kbar” (per eżempju, il-membru tal-kumitat ta’ dawk inkarigati mill-“kontijiet il-kbar”) sabiex jakkumpanjawhom. Il-premessa 237 issemmi messaġġ indirizzat mill-assoċjazzjoni tal-banek reġjonali ta’ self għal proprjetà immobbli lill-membri tagħhom, li informathom b’laqgħa tal-"Minilombard" tat-23 ta’ April 1996 u pprovdiet għal proċedura ta’ teħid ta’ deċiżjoni simili għal dik deskritta hawn fuq fil-punt 119.

121    Dawn l-elementi, meħuda fit-totalità tagħhom, jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni li kien jeżisti ftehim ta’ prinċipju bejn il-banek kollha li pparteċipaw fl-akkordju sabiex jelimaw il-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet fuq firxa kbira ta’ servizzi bankarji, intiżi kemm għall-individwi kif ukoll għall-impriżi, inklużi l-"kontijiet il-kbar". Il-fatt li d-dokumenti msemmija la jirreferu b’mod espliċitu għas-servizzi bankarji kollha kkonċernati mil-laqgħat differenti, u lanqas għall-kumitati kollha, ma jaffettwax din il-konklużjoni.

122    Jekk huwa minnu li l-Kummissjoni invokat wkoll, f’dan il-kuntest, ċerti dokumenti li mhumiex rilevanti sabiex ssostni l-konklużjoni tagħha, minħabba l-fatt li huma ma jirreferux għall-perijodu ta’ ksur jew ma jikkonċernawx il-"klabb Lombard" ta’ Vjenna (kif inhu l-każ tad-dokumenti msemmija fil-premesssi 66, 107 u 160 tad-deċiżjoni kkontestata relatati ma’ l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-“klabb Lombard” fil-livell ta’ diversi kumitati), dan il-fatt ma jistax iqiegħed in kwitsjoni l-konklużjoni li l-kumitati kienu jaqgħu taħt pjan globali, li kellu għan komuni.

123    Barra minn hekk, jirriżulta minn dokumenti analizzati fil-punti 114 sa 121 hawn fuq li d-deċiżjonijiet tal-“klabb Lombard” kienu jikkonċernaw, qabel kollox, kwistjonijiet ta’ prinċipju u li huma kienu ppreparati, b’mod dettaljat, minn kumitati oħra. Din is-separazzjoni ta’ funzjonijiet faċilment tispjega, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn RLB, kif id-diretturi ġenerali ta’ banek miġbura fi ħdan il-“klabb Lombard” setgħu jamministraw l-akkordju billi jiltaqgħu biss ħdax-il darba fis-sena.

124    Għandha wkoll tiġi eskluża t-teżi ta’ BAWAG u ta’ PSK, li jippruvaw jnaqqsu l-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti billi jsostnu li “r-rwol tal-‘klabb Lombard’ ma kienx ipperċepit korrettament u kien ingħata iktar importanza milli kellu fil-verità mill-parteċipanti tal-laqgħat l-oħra, b’mod ġenerali tal-membri tal-qafas intermedjarju”. Fil-fatt, parti mid-dokumenti analizzati hawn fuq kienu miktuba minn jew indirizzati lid-diretturi ġenerali ta’ ċerti banek li kienu jassistu personalment għal-laqgħat tal-“klabb Lombard” u li kellhom, għaldaqstant, konoxxenza perfetta tar-rwol li dan kellu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li eżaġerat il-valur probatorju ta’ dawn id-dokumenti.

125    Fl-aħħar nett, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut minn BAWAG u PSK, mid-dokumenti analizzati jirriżulta li r-riferimenti għar-rwol ta’ tmexxija tal-"klabb Lombard" fil-premessi 304 u 306 tad-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxux każijiet iżolati. Dan huwa wkoll ikkorroborat minn nota interna ta’ CA ppreżentata minn BAWAG u PSK annessa mar-rikorsi tagħhom, li tinforma d-destinatarji bil-kontenut ta’ laqgħa ta’ kumitat fuq l-operazzjonijiet attivi u passivi tas-17 ta’ April 1996. Din in-nota tipprovdi għall-preparazzjoni ta’ proposta intiża sabiex qabel kollox tkun is-suġġett ta’ prattika miftiehma fi ħdan dan il-kumitat sabiex sussegwentement tkun is-suġġett ta’ diskussjoni, u, jekk ikun il-każ, ta’ ftehim fi ħdan il-“klabb Lombard”.

126    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti mressqa kontra l-klassifikazzjoni ta’ akkordju globali uniku attribwita lill-kumitati mhumiex fondati.

C –  Fuq l-għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (kawża T‑271/02)

1.     L-argumenti tal-partijiet

a)     L-argumenti tar-rikorrenti

127    ÖVAG u NÖ-Hypo huma ta’ l-opinjoni li l-għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata hija illegali safejn tikkonċernahom. Huma ma jikkontestawx il-kriterji kkunsidrati, fl-opinjoni tagħhom, sabiex issir l-għażla, jiġifieri l-frekwenza tal-parteċipazzjoni fil-kumitati prinċipali u d-daqs ta’ l-istabbiliment fis-suq bankarju Awstrijak. Madankollu, huma jsostnu li l-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji hija illegali, peress li hija mhijiex suffiċjentement motivata, għaliex hija bbażata fuq konstatazzjonijiet fattwali żbaljati u għaliex ma tosservax il-prinċipju ta’ trattament ugwali. ÖVAG u NÖ-Hypo jaffermaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tindikax ir-raġunijiet u l-kriterji li abbażi tagħhom il-kumitati ta’ Vjenna u l-kumitati federali fuq l-operazzjonijiet attivi u/jew passivi, inklużi l-kumitati fuq il-krediti lill-individwi u fuq il-professjonijiet liberi, il-"Minilombard" u l-kumitati tal-kontrolluri kienu ġew magħżula bħala l-kumitati "l-iktar importanti".

128    Barra minn hekk, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu pożizzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, fuq l-argument tagħhom li l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-kumitati kien iddeterminat minn "ċirkolu strett" ta’ banek kbar, li huma ma kinux parti minnu u li, skondhom, kien l-iktar wieħed importanti mill-kumitati.

129    ÖVAG u NÖ-Hypo jammettu li huma pparteċipaw għal xi kumitati kklassifikati fid-deċiżjoni bħala "iktar importanti", iżda huma jsostnu li l-frekwenza tal-parteċipazjoni tagħhom għal dawn il-kumitati kien ridott u inferjuri ħafna mhux biss meta mqabbla ma’ dik tal-biċċa l-kbira tal-banek l-oħra li huma destinatarji tad-deċiżjoni, iżda wkoll meta mqabbla ma’ dik ta’ ċerti banek li lilhom ma ġietx indirizzata d-deċiżjoni.

130    Huma jesponu li d-deċiżjoni kkontestata ssemmi diversi drabi l-parteċipazzjoni tal-banek CA, BA, RZB, Erste jew GiroCredit, PSK u (inqas frekwenti) BAWAG għal "ċirkolu ristrett ta’ banek" li fi ħdanu rappreżentanti ta’ l-ikbar banek Awstrijaċi ltaqgħu, b’mod partikolari, għall-preparazzjoni tal-"klabb Lombard". Huma jsostnu li l-proċess ta’ prattika miftiehma fil-veru sens tal-frażi kienet stabbilita mill-imsemmi "ċirkolu strett", li għalih huma ma kinux jappartjenu. Skond ÖVAG u NÖ-Hypo, iċ-ċirkolu tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kien ikun kompletament differenti kieku l-Kummissjoni kklassifikat korrettament il-"prinċipji tal-kumitati", il-"klabb Lombard" u, b’mod partikolari, il-laqgħat taċ-"ċirkolu ristrett", fejn id-deċiżjonijiet kollha kienu ppreparati.

131    Barra minn hekk, ÖVAG u NÖ-Hypo huma ta’ l-opinjoni li l-inkużjoni tagħhom mid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx iġġustifikata fir-rigward tal-kriterji tad-daqs tal-banek u li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza meta għażlithom bħala destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

b)     L-argumenti tal-Kummissjoni

132    Il-Kummissjoni tafferma li d-daqs ta’ l-istabbiliment fis-suq Awstrijak ma kienx kriterju ta’ selezzjoni u li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu ġew magħżula esklużivament skond il-frekwenza tal-parteċipazjoni tagħhom fil-kumitati prinċipali. Hija tikkontesta t-teżi li ÖVAG et NÖ-Hypo pparteċipaw fil-kumitati b’mod ħafna inqas frekwenti mill-biċċa l-kbira tad-destinatarji l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata.

133    Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li hija ma kinitx obbligata tieħu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tad-deċiżjoni, l-eżistenza ta’ ċirkolu bankarju iktar ristrett. Hija tesponi li l-uniku punt li ddetermina s-selezzjoni ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo bħala destinatarji tad-deċiżjoni kien il-parteċipazzjoni frekwenti tagħhom fil-kumitati prinċipali, bħal banek oħra, u l-fatt li fi ħdan dawn il-kumitati huma kienu ftehmu fuq l-interessi u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu applikati. Fil-kontroreplika, hija żżid li, jekk ċerti membri tal-"klabb Lombard" setgħu jiftehmu u jaqsmu informazzjoni minn qabel, dawn il-prattiċi miftiehma iżolati kienu jservu biss, madankollu, sabiex jippreparaw il-prattiċi miftiehma fi ħdan il-kumitati differenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Fuq il-kriterji applikati mill-Kummissjoni u fuq id-daqs ta’ l-istabbilimenti

134    Għandu jiġi osservat, qabel kollox, li t-teżi mressqa minn ÖVAG u NÖ-Hypo, li d-daqs ta’ l-impriżi kienet ġiet meħuda in kunsiderazzjoni bħala kriterju sabiex jiġu identifikati d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, tirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 470 tad-deċiżjoni kkontestata, li tesponi, b’mod partikolari, dan li ġej:

"Id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni kienu ġew iddeterminati abbażi ta’ parteċipazzjoni partikolarment frekwenti fil-kumitati prinċipali; kumitati "operazzjonijiet attivi u/jew passivi" fi Vjenna jew fuq livell federali (inklużi l-kumitati fuq il-kreditu lill-individwi jew lil professjonijiet liberi), kumitati "MiniLombard" u kumitati tal-kontrolluri. Barra minn hekk, bl-eċċeżzjoni ta’ NÖ-Hypo u ta’ RBW (RLB [mix-xahar] ta’ Lulju 1997), huma għandhom rwol importanti fis-suq bankarju Awstrijak minħabba d-daqs tagħhom."

135    Fil-fatt, l-aħħar frażi ta’ din il-premessa ma ssemmix kriterju applikat mill-Kummissjoni, iżda tindika r-riżultat, skond id-daqs ta’ impriżi msemmija, ta’ l-applikazzjoni ta’ l-uniku kriterju użat, li huwa dak tal-parteċipazzjoni frekwenti fil-kumitati prinċipali.

136    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-applikazzjoni ta’ l-allegat kriterju tad-daqs ta’ l-impriżi huma irrilevanti.

137    Jekk jitqies li ÖVAG u NÖ-Hypo għandhom il-ħsieb, barra minn hekk, li jsostnu li l-Kummissjoni kellha tuża d-daqs ta’ l-impriżi bħala kriterju ta’ l-għażla tad-destinatarji, tali teżi ma tistax tiġi aċċettata.

138    Fil-fatt, skond ġurisprudenza kostanti, il-fatt li operatur, li kien jinsab f’sitwazzjoni simili għal dik tar-rikorrent, ma kienx akkużat bi ksur mill-Kummissjoni ma jistax, f’kull każ, jippermetti li jiġi eskluż il-ksur li bih huwa akkużat ir-rikorrent, jekk dan kien ġie stabbilit korrettament (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 146).

139    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tindirizza, lil kull impriża li għaliha ksur ġie stabbilit, deċiżjoni li tikkonstata dan il-ksur u li timponilha sanzjoni. Argumenti bbażati fuq paragun tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ tali deċiżjoni mas-sitwazzjoni ta’ impriżi oħra (kemm jekk huma destintarji jew le ta’ l-istess deċiżjoni) ma jistgħux, f’kull każ, iqiegħdu in kwistjoni l-legalità tad-deċiżjoni safejn din tikkonstata u tippenalizza ksur effettivament stabbilit. Għaldaqstant, tali argumenti huma rrilevanti safejn jikkonċernaw l-għażla ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo bħala destinatarji tad-deċiżjoni.

b)     Fuq l-identifikazzjoni tal-kumitati prinċipali

 Fuq il-motivazzjoni

140    Il-premesa 470 tad-deċiżjoni kontestata, imsemmija fil-punt 134 hawn fuq, tindika bħala "kumitati prinċipali" il-kumitati "operazzjonijiet attivi u/jew passivi" fi Vjenna u fil-livell federali (inklużi l-kumitati fuq il-kreditu lill-individwi u lil professjonijiet liberi), il-kumitati "Minilombard" u l-kumitati tal-kontrolluri.

141    Il-kumitati differenti huma deskritti fil-premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li tindika b’mod ċar, fir-rigward tal-biċċa l-kbira tal-kumitati msemmija hawn fuq, ir-raġuni għalfejn ngħatatilhom importanza partikolari. Ċertament, l-importanza tal-"Minilombard" mhijiex espressament invokata f’din il-premessa. Madankollu, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, huwa mifhum li kumitat iddedikat għar-rati ta’ interessi ta’ krediti mogħtija lill-klijenti kummerċjali huwa partikolarment importanti. Din l-importanza kellha tkun evidenti għall-banek destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

142    Peress li l-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija kienet ikklassifikat ċerti kumitati bħala partikolarment importanti, hija ma kinitx obbligata tispjega, barra minn hekk, għalfejn hija ma kinitx attribwiet l-istess importanza lil kumitati oħra.

143    Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti ta’ l-għażla tal-"kumitati prinċipali" mhuwiex fondat.

 Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-importanza tal-kumitati u fuq iċ-"ċirkolu ristrett ta’ banek"

144    Fil-preżenza ta’ netwerk ta’ ftehim daqshekk kumpless bħal dak in kwistjoni, il-Kummissjoni kellha diskrezzjoni sabiex tiddetermina, fost il-prattiċi miftiehma differenti, dawk li hija kkunsidrat bħala partikolarmenti sinjifikattivi, peress li din l-għażla tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju ristrett. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma twettaq żball manifest, tagħti iktar importanza lill-kumitati ta’ portata ġenerali tal-belt kapitali mill-prattiċi miftiehma reġjonali jew speċjalizzati, peress li ta’ l-ewwel setgħu jinfluwenzaw ta’ l-aħħar. Il-fatt li dawn il-kumitati kklassifikati bħala partikolarment importanti mill-Kummissjoni, kienu jimplikaw banek stabbiliti fi Vjenna iktar minn dawn stabbiliti fi bliet oħra jew reġjuni ma jistax jinvalida l-konklużjoni li l-għażla mwettqa mill-Kummissjoni kienet leġittima.

145    Il-Kummissjoni lanqas ma qabżet il-limiti tad-diskrezzjoni tagħha meta rrifjutat li tinkludi, fost il-kumitati l-iktar importanti, "ċirkolu ristrett ta’ banek", li fih l-ikbar banek kienu jiftehmu qabel il-kumitati. Barra minn hekk, ÖVAG u NÖ-Hypo ma jistgħux isemmu s-sitwazzjoni ta’ impriżi oħra li pparteċipaw għall-ksur sabiex jikkontestaw l-inkluzjoni tagħhom fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

c)     Fuq il-frekwenza tal-parteċipazzjoni ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo fil-kumitati prinċipali

146    Fir-rigward tal-frekwenza tal-pateċipazzjoni ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo fil-kumitati, jirriżulta minn tabella ppreżentata mill-Kummissjoni u annessa mar-risposta tagħha, li l-kontenut tagħha mhuwiex ikkontestat, li ż-żewġ stabbilitimenti kienu pparteċipaw fil-kumitati prinċipali kollha. Ċertament, il-parteċipazzjoni ta’ NÖ-Hypo fil-"Minilombard" (3 laqgħat minn 21) u fil-kumitat tal-kontrolluri (laqgħa waħda minn 40) ma dehritx sinijifikattiva ħafna. Min-naħa l-oħra, NÖ-Hypo pparteċipa f’14-il laqgħa tal-kumitati federali, minn totali ta’ 15, u f’32 kumitati ta’ Vjenna minn total ta’ 50. Fir-rigward ta’ ÖVAG, minn din it-tabella jirriżulta li huwa kien preżenti fil-laqgħat kollha tal-kumitati federali, f’42 laqgħa tal-kumitati fi Vjenna minn total ta’ 50, f’17-il laqgħa tal-"Minilombard", minn total ta’ 21, u f’14-il laqgħa tal-kumitat tal-kontrolluri, minn total ta’ 40. L-ilment li l-Kummissjoni evalwat ħażin il-frekwenza tal-parteċipazzjoni ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo fil-kumitati prinċipali għandu, għaldaqstant, jiġi eskluż.

d)     Konklużjoni

147    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ilmenti mressqa minn ÖVAG u NÖ-Hypo rigward l-għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

D –  Fuq l-amministrazzjoni tal-prova permezz ta’ dokumenti ta’ l-1994 (kawża T-271/02)

1.     L-argumenti tal-partijiet

148    ÖVAG u NÖ-Hypo jilmentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi bbażat ċerti konstatazzjonijiet importanti fuq dokumenti li jippreċedu l-perijodu li għalih kien ġie kkonstatat il-ksur. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-użu ta’ dawn id-dokumenti seta’ jinfluwenza d-deċiżjoni fuq il-multi.

149    Il-Kummissjoni tammetti li rreferiet għal dokumenti ta’ l-1994 sabiex tiddeskrivi l-kuntest globali ta’ l-akkordju. Madankollu, hija ssostni li l-konstatazzjonijiet tagħha dwar il-ksur huma bbażati fuq dokumenti ta’ l-1995.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

150    L-obbligu ta’ motivazzjoni ma jistax jinkiser permezz ta’ l-użu ta’ dokumenti li jippreċedu l-perijodu msemmi fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa leġittimu li l-Kummissjoni tiddeskrivi, f’deċiżjoni li timponi multi, il-kuntest iktar wiesgħa li fih taqa’ l-imġiba illegali.

151    Barra minn hekk, ÖVAG u NÖ-Hypo jaffermaw li huma ma jikkontestawx il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Huma lanqas jikkontestaw l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet konkreti li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li mhumiex ibbażati fuq provi datati fil-perijodu rilevanti.

152    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għal dokumenti li jippreċedu l-perijodu li għalih kien ġie kkonstatat il-ksur, ma jistax jaffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata.

E –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ effett tal-kumitati dwar il-kummerċ

1.     Osservazzjonijiet preliminari

153    Ir-rikorrenti kollha jsostnu li l-kumitati tal-"klabb Lombard" ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, peress li huma ma setgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

154    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat il-kapaċità tal-kumitati kkunsidrati flimkien li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Ir-riżultat ta’ dan l-eżami globali, espost fil-premessi 442, 451 u 469 tad-deċiżjoni kkontestata, jista’ jinġabar fil-qosor kif ġej:

–        in-netwerk maħluq mill-"klabb Lombard" kien fih numru kbir ta’ kumitati strettament marbuta bejniethom u kien ikopri t-territorju kollu ta’ l-Awstrija;

–        kien jimplika kważi l-istabbilimenti ta’ kreditu Awstrijaċi kollha;

–        kien ikopri firxa ta’ prodotti u servizzi bankarji offerti fl-Awstrija;

–        l-għan anti-kompetittiv tal-kumitati ma kienx ikkontestat;

–        l-akkordju biddel il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni fl-Awstrija kollha;

–        b’hekk huwa kien ta’ natura li jkollu effetti, mill-aspett tad-domanda, fuq l-imġiba ta’ l-impriżi u tal-konsumaturi marbuta direttament jew indirettament tal-kummerċ transkonfinali;

–        kien ukoll ta’ natura li jinfluwenza d-deċiżjonijiet ta’ dħul fis-suq ta’ banek barranin;

–        seta’, għaldaqstant, jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

Din il-konklużjoni hija spjegata, fil-premessi 454 sa 465, permezz ta’ serje ta’ eżempji relatati, minn naħa, mad-domanda u, min-naħa l-oħra, mal-provvista.

155    Ir-rikorrenti jikkontestaw din l-evalwazzjoni. L-ewwel nett, huma jressqu ċerti kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar l-interpretazzjoni tal-kriterju tan-natura transkonfinali u l-applikazzjoni tiegħu f’din il-kawża, billi jsostnu, b’mod partikolari, li l-kapaċità tal-kumitati differenti li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandha tiġi eżaminata separatament għal kull wieħed minnhom. It-tieni nett, huma jikkontestaw l-eżempji ta’ effett potenzjali tal-kummerċ bejn l-Istati Membri mogħtija mill-Kummissjoni fil-premessi 454 sa 465 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet nett, RLB jinvoka s-sitwazzjoni partikolari ta’ RBW.

2.     Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju tal-kapaċità li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-applikazzjoni tiegħu f’din il-kawża

a)     L-argumenti tal-partijiet

156    Ir-rikorrenti jsostnu li l-ftehim tal-"klabb Lombard" jikkostitwixxi akkordju purament nazzjonali, peress li stabbilimenti Awstrijaċi biss ipparteċipaw fih u li huwa kien ikkonċernat biss mill-prestazzjoni tas-servizzi fis-suq nazzjonali Awstrijak, kif ukoll fis-suq reġjonali u lokali.

157    RLB jinvoka l-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 KE, li jipprekludi, fl-opinjoni tiegħu, interpretazzjoni wiesgħa tal-kundizzjoni ta’ l-effett bejn l-Istati ta’ l-Artikolu 81(1) KE. Huwa josserva li l-għan taż-żamma ta’ kompetizzjoni b’saħħitha jista’ jkun inkompattibbli ma’ għanijiet oħra ta’ politika ekonomika, bħal dak ta’ stabbilità monetarja, u s-soluzzjoni ta’ dawn il-kunflitti hija, fl-aħħar mill-aħħar, ta’ natura politika. Huwa jfakkar li l-Kummissjoni kkunsidrat, għall-inqas sa l-1986, il-ftehim bejn il-banek li kien jikkonċerna biss ir-rati ta’ interess u li kien awtorizzat u approvat mill-awtoritajiet nazzjonali bħala strument leġittimu tal-politika monetarja ta’ l-Istati Membri. Billi jinvoka l-parteċipazzjoni ta’ l- OeNB fil-kumitati in kwistjoni, RLB isostni li mhuwiex il-kompitu tal-Kummissjoni li timponi l-perspettiva attwali tagħha tar-relazzjoni bejn politika ta’ kompetizzjoni u politika monetarja minflok il-perspettiva ta’ l-awtorità Awstrijaka ta’ sorveljanza tal-banek, f’każ fejn l-effetti ser jinħassu biss fit-territorju Awstrijak.

158    Ir-rikorrenti kollha jsostnu li l-kapaċità tal-kumitati differenti li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati membri għandha tiġi evalwata separatament għal kull wieħed minnhom. In sostenn tat-teżi tagħhom li ma teżistix rabta bejn il-kumitati li jiġġustifikaw evalwazzjoni globali ta’ l-effetti tagħhom, huma jsostnu, minn naħa, li l-klassifikazzjoni tal-kumitati bħala akkordju globali uniku hija żbaljata u, min-naħa l-oħra, li s-servizzi bankarji kkonċernati mill-kumitati jaqgħu taħt swieq differenti. RZB, ÖVAG u NÖ-Hypo jaffermaw li, jekk l-ebda wieħed mill-ftehim, ikkunsidrati individwalment, ma jista’ jipproduċi effett bejn l-Istati, in-natura transkonfinali ta’ kull ftehim ma tistax tirriżulta minn eżami globali. BAWAG, RLB, PSK u Erste jenfasizzaw li wieħed ma jistax jiddeduċi tali effett ta’ kull ftehim min-natura transkonfinali tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ diskussjoni ta’ xi kumitati. Fl-aħħar nett, RLB huwa ta’ l-opinjoni li eżami separat għandu jsir għal dak li jikkonċerna t-tariffi bejn il-banek multilaterali ttrattati fil-kuntest tal-kumitati relatati mal-ħlas, peress li l-ftehim relatat miegħu jista’ jibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE.

159    Ir-rikorrenti huma ta’ l-opinjoni li wieħed ma jistax jafferma, b’mod ġenerali, li akkordju li japplika għat-territorju kollu ta’ Stat Membru jista’, min-natura tiegħu stess, jaffettwa b’mod sinjifikattiv il-kummerċ bejn Stati Membri. Huma jiddeduċu mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Jannar 1999, Bagnasco et, C‑215/96 u C‑216/96, Ġabra p. I‑135) u l-prattika ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni [Deċiżjoni 1999/687/KE tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Settembru 1999, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (IV/34.010 Nederlandse Vereniging van Banken [Ftehim GSA ta’ l-1991], IV/33.793 Nederlandse Postorderbond, IV/34.234 Verenigde Nederlandse Uitgeversbedrijven u IV/34.888 Nederlandse Organisatie van Tijdschriften Uitgevers/Nederlandse Christelijke Radio Vereniging) (ĠU L 271, p. 28, iktar ‘il quddiem id-"deċiżjoni Banek Olandiżi II")], li dan japplika b’mod aktar partikolari għall-ftehim bejn stabbilimenti ta’ kreditu. Skondhom, ċirkustanzi addizzjonali (li ma jinsabux f’dan il-każ) huma neċessarji, flimkien ma’ l-estenzjoni territorjali, sabiex tkun tista’ tiġi kkonstatata n-natura transkonfinali ta’ akkordju "nazzjonali". Skond xi rikorrenti, huwa neċessarju għal dan il-għan li l-akkordju jkollu l-effetti tat-tqassim tas-suq.

160    Ir-rikorrenti jaffermaw, f’dan ir-rigward, li ebda miżura intiża sabiex jiġu esklużi kompetituri barranin mis-suq Awstrijak ma ttieħdet u lanqas ma ġiet maħsuba. Minn naħa, huma jsostnu li tali miżuri ma kinux neċessarji, peress li s-servizzi bankarji kkonċernati mill-ftehim l-iktar importanti (kontijiet ta’ tfaddil u krediti lill-individwi u lill-impriżi żgħar) ma tantx kienu interessanti għall-banek barranin. Skondhom, dan kien il-każ, minħabba li l-ostakoli għad-dħul fis-suq kienu għolja (b’mod partikolari, il-preferenza tal-klijentela għall-banek lokali, il-problemi lingwistiċi u n-neċessità li jkun hemm netwerk ta’ aġenziji kbir), it-tieni nett, minħabba li dawn is-servizzi ma kinux joħolqu profitti kbar u, it-tielet nett, minħabba li s-suq ta’ dawn is-servizzi fl-Awstrija kien laħaq is-saturazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma jaffermaw li banek barranin kienu preżenti fis-suq Awstrijak.

161    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-kapaċità li l-kummerċ bejn Stati Membri jiġi affettwat

162    Il-kundizzjoni relatata ma’ l-effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, li tinsab fl-Artikolu 81(1) KE, hija intiża sabiex jiġi ddeterminat, f’dak li jirrigwarda l-leġiżlazzjoni tal-kompetizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju b’relazzjoni għal dak ta’ l-Istati Membri. Huwa għalhekk li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju kull akkordju jew prattika miftiehma li jista’ jolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri b’mod li jista’ jkun ta’ dannu għat-twettiq ta’ l-għanijiet ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri, b’mod partikolari billi jiġu iżolati s-swieq nazzjonali jew billi tiġi modifikata l-istruttura tal-kompetizzjoni fis-suq komuni. Min-naħa l-oħra, l-imġiba li l-effetti tagħha jinħassu ġewwa territorju ta’ Stat Membru wieħed taqa’ fil-kamp ta’ l-ordni ġuridiku nazzjonali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 1979, Hugin vs Il-Kummissjoni, 22/78, Ġabra p. 1869, punt 17).

163    Skond ġurisprudenza kostanti, ftehim bejn impriżi, sabiex ikun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, għandu, abbażi ta’ numru ta’ elementi oġġettivi ta’ dritt jew ta’ fatt, jippermetti li wieħed jipprevedi bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti li huma jeżerċitaw influwenza diretta jew indiretta, attwali jew potenzjali, fuq it-tendenzi tal-kummerċ bejn l-Istati Membri, b’mod li jkun jista’ jostakola t-twaqqif ta’ suq wieħed bejn l-Istati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1985, Remia et vs Il-Kummissjoni, 42/84, Ġabra p.2545, punt 22). B’hekk, l-effett fuq il-kummerċ intrakomunitarju jirriżulta b’mod ġenerali mill-għaqda ta’ diversi elementi li, meħuda waħedhom, mhumiex neċessarjament determinanti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 1994, DLG, C‑250/92, Ġabra p. I‑5641, punt 54; Bagnasco et, punt 159 imsemmi hawn fuq, punt 47, u tad-29 ta’ April 2004, British Sugar vs Il-Kummissjoni, C‑359/01 P, Ġabra p. I‑4933, punt 27).

164    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-influwenza ta’ akkordju fuq il-kummerċ huwa sfavorevoli, newtrali jew favorevoli ma tantx huwa importanti. Fil-fatt, restrizzjoni ta’ kompetizzjoni hija kapaċi taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri meta hija tista’ tbiddel id-direzzjoni li t-tendenzi kummerċjali kieku kienu jsegwu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 172). Għaldaqstant, it-teżi mressqa minn ċerti rikorrenti in kwistjoni, li l-effetti tat-tqassim tas-swieq jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni biss sabiex jiġi konkluż li l-akkordju kien kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, għandha tiġi eskluża.

165    Din l-interpretazzjoni wiesgħa tal-kriterju tal-kapaċità li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà invokat minn RLB. Fil-fatt, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, it-Trattat jipprevedi li kunflitti eventwali bejn iż-żamma ta’ kompetizzjoni b’saħħitha ma’ għanijiet leġittimi oħra ta’ politika ekonomika għandhom ikunu riżolti skond l-Artikolu 81(3) KE. Għaldaqstant, dan jista’ jiġi kkunsidrat bħala dispożizzjoni speċjali li timplementa l-prinċipju ta’ sussidjarjetà fil-qasam ta’ l-akkordji. Għaldaqstant, dan il-prinċipju ma jistax jiġi invokat sabiex jirrestrinġi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Van den Bergh Foods vs Il-Kummissjoni, T‑65/98, Ġabra p. II‑4653, punt 197).

166    Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li l-kapaċità ta’ akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, jiġifieri l-effett potenzjali tiegħu, hija biżżejjed sabiex dan jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE u li mhuwiex neċessarju li jintwera’ preġudizzju effettiv fuq il-kummerċ (sentenza Bagnasco et, punt 159 imsemmi hawn fuq, punt 48, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 19). Il-fatt li din il-kawża tikkonċerna l-evalwazzjoni a posteriori ta’ ksur li għadda ma jistax ibiddel dan il-kriterju, peress li effett potenzjali ta’ l-akkordju fuq il-kummerċ huwa wkoll suffiċjenti f’dan il-każ. Għaldaqstant, l-argumenti mressqa minn Erste, ÖVAG u NÖ-Hypo, li n-nuqqas allegat ta’ effetti tal-ftehim fuq is-suq kellu jittieħed in kunsiderazzjoni bħala prova ta’ l-inkapaċità ta’ dawn ta’ l-aħħar li jaffettwaw l-kummerċ bejn Stati Membri għandhom jiġu miċħuda.

167    Madankollu, huwa neċessarju li l-effett potenzjali ta’ l-akkordju fuq il-kummerċ bejn Stati jkun sinjifikattiv, jew, fi kmien ieħor, li ma jkunx insinjifikanti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1998, Javico, C‑306/96, Ġabra p. I‑1983, punti 12 sa 17; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913, iktar ‘il quddiem is-"sentenza FETTCSA", punt 207).

 Fuq l-eżami globali ta’ effett transkonfinali tal-kumitati

168    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex id-dritt tevalwa din l-influwenza potenzjali, in kwistjoni, globalment għall-prattiċi miftiehma kollha li seħħew fi ħdan il-kumitati tan-"netwerk Lombard", mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-effetti fuq il-kummerċ bejn Stati Membri ta’ ftehim li bejniethom teżisti rabta diretta u li jagħmlu parti intergrali ta’ element wieħed għandhom jiġu eżaminati flimkien, filwaqt li ftehim li bejniethom mhemmx rabta diretta u li jikkonċernaw attivitajiet distinti għandhom jiġu eżaminati separatament (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1997, VGB et vs Il-Kummissjoni, T‑77/94, Ġabra p. II‑759, punti 126, 142 u 143).

169    Għall-kuntarju ta’ dak sostnut minn ÖVAG u NÖ-Hypo, mhuwiex determinanti f’dan ir-rigward jekk dawn kinux arranġamenti kuntrattwali informali, li jirrigwardaw prodotti ta’ l-istess tip u sempliċi, u li r-rilevanza tagħhom għal dak li jirrigwarda l-kummerċ bejn l-Istati hija evidenti.

170    Fil-fatt, rabta, li tiġġustifika u teħtieġ eżami globali tal-kapaċità li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri, teżisti b’mod partikolari bejn ftehim jew imġiba oħra li jirriżultaw fi ksur wieħed. Issa, kif jirriżulta mill-punti 111 sa 125 ta’ din is-sentenza, Il-Kummissjoni setgħet legalment tikkonkludi li l-prattiċi miftiehma fi ħdan il-kumitati differenti tal-"klabb Lombard" kienu parti ta’ ksur wieħed minħabba li huma kienu jaqgħu taħt pjan globali li kellu l-għan li jelimina l-kompetizzjoni.

171    Ir-rikorrenti ma jistgħux jiddeduċu mill-fatt li, fis-sentenza Bagnasco et, punt 159 imsemmija hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet għall-eżami separat tal-klawżoli li kienu jikkonċernaw żewġ operazzjonijiet bankarji distinti, li kienu jinsabu fil-kundizzjonijiet bankarji uniformi applikati mill-membri ta’ l-assoċjazzjoni tal-banek Taljani, regola ġenerali li tipprojbixxi eżami globali tal-kapaċità tal-ftehim in kwistjoni li jaffettwaw l-kummerċ bejn Stati Membri. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Bagnasco et, punt 159 imsemmi hawn fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mitluba tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari, fuq il-kompatibbiltà ta’ l-imsemmija klawżoli ma’ l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE). Hija kkonstatat li, għal waħda mill-operazzjonijiet ikkonċernati, il-kundizzjonijiet bankarji uniformi ma kellhomx bħala għan jew bħala effett li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, filwaqt li l-klawżoli li kienu jikkonċernaw l-operazzjoni l-oħra ma setgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri. F’din il-kawża, għaldaqstant, il-kwistjoni ta’ eżami globali ta’ l-effetti transkonfinali tal-kundizzjonijiet bankarji, li minnhom kienu jagħmlu parti l-imsemmija klawżoli, ma tqajmitx.

172    Fir-rigward ta’ l-argument imressaq minn BA-CA, BAWAG, PSK, Erste, ÖVAG u NÖ-Hypo li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-fatt li l-prodotti bankarji differenti koperti mill-kumitati kienu jaqgħu taħt swieq differenti, u li l-kapaċità li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri kellha tiġi eżaminata separatament fir-rigward ta’ kull wieħed minn dawn is-swieq, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li r-rwol tad-definizzjoni tas-suq in kwistjoni jinbidel skond jekk jiġix applikat l-Artikolu 81 KE jew l-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE, huwa sabiex jiġi ddeterminat jekk il-ftehim, id-deċiżjoni minn assoċjazzjoni ta’ impriżi jew il-prattika miftiehma in kwistjoni jistgħux jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u għandu bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, li għandu jiġi ddefinit is-suq in kwistjoni. Din hija r-raġuni għalfejn, fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, l-ilmenti fformulati kontra d-definizzjoni tas-suq adottati mill-Kummissnoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati separatament minn dawk li jikkonċernaw l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri u dawk li jikkonċernaw il-preġudizzju lill-kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-kontestazzjoni tad-definizzjoni tas-suq rilevanti hija irrilevanti jekk il-Kummissjoni kkonkludiet ġustament, abbażi tad-dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim in kwistjoni kien joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni u seta’ jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Diċembru 2003, Adriatica di Navigazione vs Il-Kummissjoni, T‑61/99, Ġabra p. II‑5349, punt 27). Issa, f’dan il-każ, l-ilment relatat mad-definizzjoni tas-swieq huwa intiż sabiex jikkontesta l-metodu li l-Kummissjoni użat sabiex tevalwa l-effetti fuq il-kompetizzjoni, b’mod li huwa ma jistax jiġi eskluż, mill-ewwel, bħala irrilevanti.

173    Skond il-ġurisprudenza, is-suq li għandu jittieħed in kunsiderazzjoni jinkludi l-prodotti kollha li, skond il-karatteristiċi tagħhom, huma partikolarment kapaċi li jissodisfaw il-bżonnijiet kostanti u ma tantx jistgħu jiġu sostitwiti minn prodotti oħra (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 1983, Michelin vs Il-Kummissjoni, 322/81, Ġabra p. 3461, punt 37).

174    F’dan il-każ, is-servizzi bankarji differenti previsti mill-ftehim ma jistgħux jiġu sostitwiti ma’ xulxin. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-klijenti ta’ banek universali jitoblu totalità ta’ servizzi bankarji, bħad-depożiti, il-krediti u l-operazzjonijiet ta’ ħlas u kompetizzjoni bejn banek tista’ tikkonċerna dawn is-servizzi kollha. Għaldaqstant, definizzjoni stretta tas-suq in kwistjoni tkun artifiċjali f’dan is-settur ta’ attività. Barra minn hekk, eżami separat ma jippermettix li jinftiehmu kompletament l-effetti ta’ ftehim li, jekk jikkonċerna prodotti jew servizzi u klijenti differenti (individwi jew impriżi), jaqa’ madankollu taħt l-istess settur ta’ attività. Fil-fatt, l-effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri jista’ jkun indirett u s-suq li fih huwa jista’ jseħħ mhuwiex neċessarjament identiku għas-suq tal-prodotti jew tas-servizzi li l-prezz tagħhom huwa ffissat mill-akkordju (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jjannar 1985, BNIC, 123/83, Ġabra p. 391, punt 29, u Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, imsemmija hawn fuq fil-punt 138, punt 142). Issa, kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, fil-premessi 456 sa 459 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iffissar tal-prezz għall-firxa kbira ta’ servizzi bankarji offerti lill-individwi jew lill-impriżi jista’ jipproduċi, fit-totalità tiegħu, effetti fi swieq oħra.

175    Konsegwentement, il-Kummissjoni mhijiex obbligata teżamina separatament is-swieq ta’ prodotti bankarji differenti previsti mill-kumitati għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-effetti fuq il-kummerċ bejn stati Membri f’dan il-każ (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Frar 1995, SPO et vs Il-Kummissjoni, T‑29/92, Ġabra p. II‑289, punti 76 sa 83, li fihom ġie deċiż li s-suq rilevanti kien is-suq ta’ kostruzzjoni ta’ l-Olanda).

176    Sussegwentement, l-argument imressaq minn RLB, li jgħid li l-kapaċità li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri tal-ftehim fuq it-tariffi bejn banek diskussi fil-kumitati dwar ħlas internazzjonali għandha tiġi ezaminata separatament mill-ftehim l-ieħor peress illi dan il-ftehim jista’ jibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE, għandu jiġi miċħud. L-ewwel nett, RLB ma jsostnix li eżenzjoni ta’ dan il-ftehim għandha tiġi mitluba. Sussegwentement, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Frar 1986, Windsurfing International vs Il-Kummissjoni (193/83, Ġabra p. 611, punti 96 u 97), jirriżulta li l-fatt li ċerti klawżoli ta’ ftehim m’għandhomx bħala għan jew effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma jipprekludiex l-eżami globali tiegħu. Dan japplika wkoll, a fortiori, meta ċerti ftehim fi ħdan akkordju wieħed jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni.

177    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tieħu in kunsiderazzjoni l-effett potenzjali akkumulat mill-kumitati kollha sabiex tiddetermina jekk l-akkordju globali jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza VGB et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 168 hawn fuq, punt 140) Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk kull kumitat ikkunsidrat separatament jistax jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri mhijiex rilevanti (ara, b’analoġija, is-sentenza Windsurfing International vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 176 hawn fuq, punt 96). Minn dan jirriżulta wkoll li mhuwiex neċessarju li jiġi stabbilit li wieħed jew ieħor mill-kumitati differenti, ikkunsidrat separatament, jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, sabiex jiġi kkonstatat li l-akkordju globali għandu din il-kapaċità.

178    Għaldaqstant, il-kapaċità tal-kumitati li jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati ma tippresupponix li waħda mill-prattiċi miftiehma kellha bħala suġġett servizzi li kellhom natura transkonfinali. Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-argument li l-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi, permezz ta’ eżami globali, effett transkonfinali ta’ l-akkordju mill-effett transkonfinali ta’ xi kumitati li huma ta’ importanza żgħira ħafna, b’relazzjoni mal-ftehim kollha.

 Fuq il-kapaċità ta’ akkordju li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru li jaffettwa l-kummmerċ bejn Stati Membri

179    Mhuwiex ikkontestat li l-akkordju globali kkonstatat mill-Kummissjoni f’dan il-każ kien ikopri t-territorju Awstrijak kollu.

180    Skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza, akkordju li jkun mifrux fuq it-territorju kollu ta’ Stat Membru għandu, min-natura tiegħu, l-effett li jikkonsolida d-diviżjonijiet ta’ natura nazzjonali, u b’hekk jostakola l-interpenetrazzjoni ekonomika mixtieqa mit-Trattat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il-Kummissjoni, 8/72, Ġabra p. 977, punt 29; Remia et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 163 hawn fuq, punt 22; tat-18 ta’ Ġunju 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑35/96, Ġabra p. I‑3851, punt 48 u tad-19 ta’ Frar 2002, Wouters et, C‑309/99, Ġabra p. I‑1577, punt 95; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punt 179). Barra minn hekk, kien ġie deċiż li miżura statali li tikkonċerna approvazzjoni ta’ tariffa tad-drittijiet ta’ avukati, li hija mifruxa fuq it-territorju kollu ta’ Stat membru, tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri fis-sens ta’ l-Artikolu 81(1) KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Frar 2002, Arduino, C‑35/99, Ġabra p. I‑1529, punt 33).

181    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li teżisti, ta’ l-anqas, preżunzjoni qawwija li prattika restrittiva tal-kompetizzjoni applikata fuq it-territorju ta’ Stat Membru tista’ tikkontribwixxi għad-diviżjoni ta’ swieq u tista’ taffettwa l-kummerċ interkomunitarju. Din il-preżunzjoni tista’ tiġi eskluża biss meta l-analiżi tal-karatteristiċi tal-ftehim u tal-kuntest ekonomiku li fih jaqa’ juri l-kuntrarju.

182    F’dan ir-rigward, għal dak li jikkonċerna s-settur bankarju, mis-sentenza Bagnasco et, imsemmija fil-punt 159 hawn fuq, (punti 51 sa 53), jirriżulta li jista’ jeżisti ftehim li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru li ma jipproduċiex effett sinjifikattiv fuq il-kummerċ bejn Stati Membri. Barra minn hekk il-Kummissjoni żammet approċċ analogu fid-deċiżjoni Banek Olandiżi II (punt 159 hawn fuq, premessa 61).

183    Il-ksur kumpless f’dan il-każ jiddistingwi ruħu madankollu mill-ftehim imsemmija fis-sentenza u d-deċiżjoni ċċitata fil-punt preċedenti, li jikkonċernaw, kull wieħed minnhom, operazzjoni bankarja speċifika (minn naħa, il-garanzija ġenerali qabel l-għoti ta’ kreditu f’kont kurrenti u, min-naħa l-oħra, il-proċedura ta’ trasferimenti). Fil-fatt, il-prattiċi miftiehma fi ħdan in-"netwerk Lombard" kienu jimplikaw mhux biss kważi l-istabbilimenti kollha ta’ kreditu fl-Awstrija, iżda wkoll firxa kbira ħafna ta’ prodotti u servizzi bankarji, b’mod partikolari d-depożiti u l-krediti u, minħabba f’dan, huma setgħu jbiddlu l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni f’dan l-Istat Membru kollu.

184    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument li l-membri ta’ l-akkordju ma ħadux miżuri intiżi sabiex jeskludu kompetituri barranin mis-suq ma jippermettix li jiġi konkluż li kien hemm nuqqas ta’ effett transkonfinali.

185    Fil-fatt, in-"netwerk Lombard" seta’ kkontribwixxa għaż-żamma ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq deskritti mir-rikorrenti (ara l-punt 160 hawn fuq), fis-sens li huwa seta’ jippermetti ż-żamma ta’ l-istrutturi tas-suq bankarju Awstrijak, li n-natura ineffikaċi tiegħu kienet ġiet ammessa minn BA-CA stess, u tad-drawwiet tal-konsumaturi korrispondenti.

186    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma qalbux il-preżunzjoni li l-akkordju, ikkunsidrat fit-totalità tiegħu u li huwa mifrux madwar l-Awstrija kollha, seta’ kellu effetti ta’ diviżjoni tas-swieq u seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati.

c)     Konklużjoni

187    Peress li l-Kummissjoni ddeduċiet ġustament, f’dan il-każ, il-kapaċità ta’ l-akkordju globali li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri minħabba l-fatt li huwa kien ikopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti kontra l-eżempji li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata huma irrilevanti.

3.     Il-każ partikolari ta’ RLB (kawża T-262/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

188    RLB josserva li RBW, li l-imġiba tiegħu ġiet attribwita lilu, ma pparteċipax għall-biċċa l-kbira tal-kumitati u li dawk li huwa pparteċipa fihom ma kellhom l-ebda relazzjoni ma’ l-operazzjonijiet transkonfinali. Huwa ta’ l-opinjoni li wieħed ma jistax jikkritika lil RBW talli pparteċipa f’akkordju li jkopri mingħajr ebda distinzjoni l-firxa kollha ta’ prodotti bankarji u li l-kapaċità li jiġi affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri għandha, għaldaqstant, tiġi eżaminata separatament għall-kumitati li għalihom ipparteċipa RBW.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

189    Sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni ta’ impriża għal akkordju uniku, il-Kummissjoni għandha tagħti prova li l-imsemmija impriża kellha l-ħsieb li tikkontribwixxi, permezz ta’ l-imġiba tagħha, għall-għanijiet komuni intiżi mill-parteċipanti kollha u li hija kienet taf bl-imġiba materjali ppjanata jew implementata minn impriżi oħra fit-tilħiq ta’ l-istess għanijiet, jew li hija setgħet, b’mod raġonevoli, tipprevedihom u li hija kienet lesta taċċetta r-riskju ta’ dan (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 111 hawn fuq, punt 83; tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 87 u tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 145).

190    RLB jammetti li RBW ipparteċipa fil-kumitati fuq l-operazzjonijiet attivi u passivi kemm f’livell federali kif ukoll fi Vjenna, jiġifieri fil-kumitati l-iktar importanti li kienu jikkonċernaw il-kundizzjonijiet ta’ krediti u ta’ depożiti (ara l-punti 140 u 144 hawn fuq). Il-Kummissjoni tikkonstata, fil-premessa 51(b) tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kumitati tiegħu kienu jinvolvu relazzjonijiet partikolarment stretti mal-"klabb Lombard", u dan mhuwiex ikkontestat minn RLB.

191    Għaldqstant, RBW ma jistax jinjora l-fatt li l-kumitati li għalihom huwa kien jipparteċipa kienu jagħmlu parti minn totalità iktar vasta ta’ ftehim u li l-parteċipazzjoni tiegħu fil-prattiċi miftiehma fuq il-kundizzjonijiet attivi u passivi kienu jaqgħu taħt it-tilħiq ta’ l-għanijiet ta’ l-akkordju globali. Peress li l-kumitati fuq l-operazzjonijet attivi u passivi kienu partikolarment importanti għall-akkordju fit-totalità tiegħu, RBW kellu, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu għal dawn ta’ l-aħħar, konoxxenza ta’ l-imġiba materjali l-iktar sinjifikattiva ppjanata jew implementata mill-banek l-oħra fit-tilħiq ta’ l-għanijiet ta’ l-akkordju, jiġifieri l-koordinazzjoni tal-kundizzjonijiet tad-depożiti u tal-krediti.

192    RLB jinsisti b’mod aktar partikolari fuq n-nuqqas ta’ RBW fil-kumitati li kienu jikkonċernaw operazzjonijiet transkonfinali. Issa, il-fatt li impriża ma pparteċipatx fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju jew li hija kellha rwol minuri fl-aspetti li fihom hija pparteċipat mhuwiex rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur min-naħa tagħha. Dawn l-elementi għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss matul l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, jekk ikun il-każ, matul id-determinazzjoni tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punt 90 u Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 111 hawn fuq, punt 86).

193    Bl-istess mod, la l-fatt li RBW ma kienx jaf, fid-dettal, il-prattiċi miftiehma li seħħew fi ħdan il-kumitati diversi li għalihom huwa ma pparteċipax, u lanqas il-fatt li huwa ma kienx jaf bl-eżistenza ta’ ċerti kumitati bħal dawk relalati ma’ l-operazzjonijiet transkonfinali, jekk jitqiesu stabbiliti, ma jistgħu jinvalidaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li huwa pparteċipa fl-akkordju globali. Issa, minħabba l-parteċipazzjoni tiegħu għall-kumitati federali fuq l-operazzjonijiet attivi jew passivi, RBW ma setax jinjora l-portata ġenerali u l-karatteristiċi essenzjali ta’ l-akkordju globali.

194    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet, ġustament, li RWB kien ipparteċipa fl-akkordju globali u mhux biss f’xi ftehim iżolat. Minn dan isegwi li hija ddeċidiet ġustament li l-imġiba ta’ RBW kienet taqa’ taħt l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE.

195    Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 178 hawn fuq, il-fatt li l-akkordju globali kien jikkonċerna, b’mod partikolari, ċerti operazzjonijiet transkonfinali mhuwiex deċiżiv sabiex jiġi konkluż li kellu l-kapaċità li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, peress li l-ftehim fuq il-kundizzjonijiet tad-depożiti u tal-krediti li kien fiċ-ċentru ta’ dan l-akkordju u li fih RBW ipparteċipa kienu ħafna iktar importanti f’dan ir-rigward.

196    Għandu jingħad ukoll li, peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet kif titlob il-liġi li l-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 81(1) KE li għalih ipparteċipat impriża seta’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, mhuwiex neċessarju li hija turi li l-parteċipazzjoni individwali ta’ din l-impriża affettwat il-kummerċ bejn Stati Membri (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-10 ta’ Marzu 1992, ICI vs Il-Kummissjoni, T‑13/89, Ġabra p. II‑1021, punt 305).

197    Għaldaqstant, l-ilment ta’ RLB ibbażat fuq il-parteċipazzjoni limitata ta’ RWB fil-kumitati għandu jiġi miċħud.

II –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (kawżi T-259/02, T-264/02 u T-271/02)

A –  L-argumenti tar-rikorrrenti

198    RZB, Erste, ÖVAG u NÖ-Hypo qed jitolbu l-annullament ta’ l-ordni li jintemm il-ksur, indirizzat lill-banek fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Skondhom, dan l-ordni huwa illegali, peress li huwa paċifiku li l-banek kienu diġà waqfu l-ksur fid-data tal-verifiki, f’Ġunju 1998.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

199    Il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni estiża meta hija għandha tiddeċiedi jekk huwiex neċessarju, sabiex tissodisfa l-funzjoni tagħha li tissorvelja l-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni, li jiġu adottati miżuri taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ l-aħħar dubju fir-rigward tat-twaqqif effettiv ta’ ksur hija biżżejjed sabiex hija tkun tista’ legalment tordna lill-impriżi sabiex iwaqqfu l-ksur.

200    Għaldaqstant, it-talbiet imressqa minn RZB, minn ERSTE, minn ÖVAG u minn NÖ-Hypo sabiex l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontetstata jiġi annullat mhumiex fondati.

III –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Nuqqas ta’ ħtija (kawżi T-261/02 sa T-263/02, T-264/02 u T–271/02)

1.     L-argumenti tal-partijiet

201    BAWAG, RLB, PSK, Erste, ÖVAG u NÖ-Hypo huma ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 billi imponiet fuqhom multa, peress li l-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE li ġie attribwit lilhom, jekk jitqies stabbilit, la ġie mwettaq deliberatament u lanqas b’mod negliġenti. Huma jsostnu qabel kollox li ebda ħtija ma tista’ tiġi attribwita lilhom għal dak li jikkonċerna l-kapaċità tal-ftehim li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

202    BAWAG, PSK, Erste, ÖVAG u NÖ-Hypo jsostnu li l-elementi mressqa fil-premessi 29 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata ma jurux li l-banek Awstrijaċi kienu jafu bl-inkompatibbiltà tal-kumitati ma’ l-Artikolu 81 KE. BAWAG, PSK, ÖVAG u NÖ-Hypo jinvokaw ukoll id-dritt Awstrijak ta’ l-akkordji applikabbli f’dak iż-żmien, li skondu akkordji "fil-forma ta’ prattiċi" (Verhaltenskartelle), jiġifieri ftehim li m’għandux forza vinkolanti fir-rigward tal-partijiet, kienu legali fl-Awstrija sa l-1 ta’ Jannar 2000, sakemm dawn ma kinux ġew ipprojbiti minn deċiżjoni tal-qorti kompetenti. Barra minn hekk, ÖVAG u NÖ-Hypo jirreferu għan-natura pubblika tal-kumitati u għall-parteċipazzjoni f’dawn ta’ l-aħħar ta’ l-awtoritajiet pubbliċi.

203    RLB jafferma li l-kwistjoni tal-ħtija ma tiddependix mill-konoxxenza tal-projbizzjoni ta’ l-akkordji, iżda mill-konoxxenza tal-fatti li jrendu din il-projbizzjoni applikabbli f’dan il-każ u li din il-konoxxenza ma kinitx hemm għal dak li jikkonċerna RBW (li l-imġiba tiegħu ġiet attribwita lilu), minħabba l-attiviatjiet ġeografikament limitati tiegħu. Fis-seduta, huwa jindika li persuna waħda kienet ipparteċipat fil-kumitati f’isem RWB u dan ta’ l-aħħar ma kellux, fiż-żmien tal-ksur, servizz ġuridiku intern. BAWAG, ÖVAG u NÖ-Hypo jenfasizzaw ukoll in-natura reġjonali ta’ l-attivitajiet tagħhom u r-rwol mhux daqstant importanti ta’ l-operazzjonijiet transkonfinali f’dan il-kuntest.

204    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-argumenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

205    Skond ġurisprudenza kostanti, mhuwiex neċessarju, sabiex ksur tar-regoli fuq il-kompetizzjoni jista’ jiġi meqjus bħala wieħed li sar deliberatament, li l-impriża kienet konxja li kienet qed tikser dawn ir-regoli; huwa biżżejjed li hi ma setgħetx tinjora l-fatt li l-imġiba tagħha kellha bħala għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T‑61/89, Ġabra p. II‑1931, punt 157; SPO et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 175 hawn fuq, punt 356 u ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Mayr-Melnhof vs Il-Kummissjoni, T‑347/94, Ġabra p. II‑1751, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Mayr-Melnhof", punt 375).

206    F’dan ir-rigward, mhuwiex deċiżiv li wieħed ikun jaf jekk ir-rikorrenti kinux jafu bl-interpretazzjoni tal-kriterju tan-natura transkonfinali mill-Kummissjoni jew mill-ġurisprudenza, filwaqt li huwa importanti li wieħed ikun jaf jekk huma kellhomx il-konoxxenza tal-fatti li rriżultaw konkretament fil-kapaċità ta’ l-akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri jew, ta’ l-anqas, li huma ma setgħux jinjorawhom.

207    Issa, ir-rikorrenti kollha kienu jafu, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumitati prinċipali, li n-netwerk tal-"klabb Lombard" kien ikopri t-territorju kollu ta’ l-Awstrija u firxa kbira ħafna ta’ prodotti bankarji importanti, b’mod partikolari l-krediti u d-depożiti. Huma kienu jafu, għaldaqstant, il-fatti essenzjali li minnhom irriżulta, f’dan il-każ, l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

208    Min-naħa l-oħra, hekk kif ġie osservat fil-punt 178 hawn fuq, il-fatt li xi ftit mill-ftehim, li ma tantx kienu importanti meta mqabbla ma’ l-akkordju globali fit-totalità tiegħu, kienu jipprevedu operazzjonijiet ta’ natura transkonfinali la huwa indispensabbli u lanqas, fih innifsu, biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-kapaċità ta’ l-akkordju globali li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. Lanqas ma huma determinanti li wieħed ikun jaf jekk il-banek kollha kinux informati dwar il-fatt li l-ftehim kien jikkonċerna, b’mod partikolari, operazzjonijiet transkonfinali.

209    Għaldaqstant, mhuwiex rilevanti f’dan il-kuntest li wieħed ikun jaf f’liema miżura r-rikorrenti kellhom konoxxenza ta’ l-inkompatibbiltà ta’ l-imġiba tagħhom ma’ l-Artikolu 81 KE. Bl-istess mod, il-fatt li fid-dritt Awstrijak ċerti akkordji ma kinux ipprojbiti ipso jure, iżda setgħu jiġu pprojbiti, fuq talba, mill-qorti kompetenti (jekk jitqies li l-ftehim tal-"klabb Lombard" kien parti minn dawn l-akkordji) ma jaffettwax in-natura intenzjonali tal-ksur ta’ l-Artikolu 81 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Mayr-Melnhof, imsemmija fil-punt 205 hawn fuq, punti 373 sa 376). Fl-aħħar nett, l-argumenti bbażati fuq in-natura pubblika tal-laqgħat u tal-parteċipazzjoni f’dawn ta’ l-aħħar ta’ l-awtoritajiet nazzjonali la jaffettwaw l-intenzjoni ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni u lanqas il-konoxxenza tal-fatti li minnhom irriżultat il-kapaċità ta’ l-akkordju li jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri.

210    Fir-rigward, b’mod aktar partikolari, tal-kawża T-262/02, il-parteċipazzjoni ta’ RBW għal iktar minn 80 % tal-kumitati fi Vjenna u għal iktar minn 90 % tal-kumitati federali fuq l-operazzjonijiet attivi u passivi turi li r-rappreżentant tiegħu ma setax jinjora l-fatt li l-ftehim fuq dawn l-operazzjonijiet ma kinux limitati għal Vjenna, iżda kienu jkopru biċċa kbira ta’ l-Awstrija jew ukoll it-territorju tagħha kollu. Għaldaqstant, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-persuni responsabbli ta’ RBW kinux inżammu informati mill-prattiċi miftiehma, fi ħdan in-"netwerk Lombard", fuq operazzjonijiet bankarji oħra, għandu jiġi kkonstatat li RBW kellu konoxxenza tal-fatti essenzjali li minnhom irriżulta l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri permezz ta’ l-akkordju li fih ipparteċipa.

211    Għaldaqstant, l-ilment li l-ksur ma kienx ġie kommess deliberatament għandu jiġi miċħud. L-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru n-nuqqas ta’ negliġenza huma, għaldaqstant, irrilevanti.

B –  Il-possibbiltà ta’ eżenzjoni tal-ftehim (kawżi T-262/02, T-271/02)

1.     L-argumenti tal-partijiet

212    RLB, ÖVAG u NÖ-Hypo jsostnu li l-Kummissjoni ma timponix, b’mod regolari, multi meta l-ftehim ikkonċernat jista’ jibbenefika minn eżenzjoni taħt l-Artikolu 81(3) KE. Huma jsostnu li dan huwa l-każ tal-ftehim in kwistjoni. RLB jinvoka l-Artikolu 4(2)(1) tar-Regolament Nru 17, li jimplika, fil-fehma tiegħu, preżunzjoni ta’ legalità u li kien jippermetti lill-Kummissjoni, f’dan il-każ, li tagħti eżenzjoni retroattiva. ÖVAG u NÖ-Hypo jsostnu b’mod partikolari, li l-ftehim ikkontestat huwa intiż sabiex joffri lill-konsumaturi Awstrijaċi l-firxa kollha ta’ servizzi bankarji ta’ l-aħjar kwalità bi prezzijiet raġonevoli u li wħud minnhom kienu jikkonċernaw l-iffissar ta’ kummissjonijiet bejn il-banek li jistgħu jibbenefikaw minn eżenzjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

213    Din ir-raġuni ma tistax tintlaqa’, peress li l-ftehim in kwistjoni ma kienx ġie nnotifikat. Fil-fatt, in-notifika ma tikkostitwixxix sempliċi formalità imposta fuq l-impriżi, iżda kundizzjoni sostanzjali, indispensabbli sabiex jinkisbu ċerti vantaġġi. Skond l-Artikolu 15(5)(a) tar-Regolament Nru 17, ebda multa ma tista’ tiġi imposta għal atti li jseħħu wara n-notifika, sakemm dawn jaqgħu fil-limiti ta’ l-attività deskritta fin-notifika. Issa dan il-benefiċċju mogħti lill-impriżi li nnotifikaw ftehim jew prattika miftiehma jikkostitwixxi l-korrispettiv tar-riskju mġarrab mill-impriża billi tiddikjara hi stess il-ftehim jew il-prattika miftiehma. Din l-impriża tieħu r-riskju, fil-fatt, mhux biss li l-ftehim jew il-prattika jiġi ddikjarat li jikser l-Artikolu 81(1) KE u tiġi rrifjutata l-applikażżjoni tal-paragrafu 3, iżda wkoll li tiġi ppenalizzata b’multa għall-atti tagħha qabel in-notifika. Iżjed u iżjed, impriża li ma riditx iġġarrab dan ir-riskju ma tistax issostni, kontra multa imposta għal ksur mhux notifikat, il-possibbiltà ipotetika li notifika setgħet tagħti lok għal eżenzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, iktar ‘il quddiem is-"sentenza MDF", punt 93).

214    F’kull każ, ir-rikorrenti ma wrewx li dan in-netwerk ta’ ftehim fuq prezz kien jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika minn eżenzjoni.

C –  Konklużjoni

215    Ir-raġunjiet intiżi sabiex jinkiseb l-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata mhumiex, għaldaqstant, fondati.

IV –  Fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi imposti

A –  Osservazzjonijiet preliminari

216    Skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni imponiet, fuq ir-rikorrenti kollha, multi. Mill-premessi 502 sa 542 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li – għalkemm id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix għalih b’mod espliċitu, ħlief fil-premessa 529 li tikkonċerna ċ-ċirkustanzi mitiganti u, fil-kuntest tad-deskrizzjoni ta’ argument tal-banek, fin-nota f’qiegħ tal-paġna nru 519 – il-Kummissjoni kellha ħsieb tikkalkula l-ammont tal-multi skond il-metodoloġija esposta fil-linji gwida. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqqset dawn l-ammonti b’ 10 % skond il-komunikazjoni fuq il-kooperazzjoni.

1.     Fuq l-applikabbiltà tal-linji gwida u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

a)     Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività (kawża T‑264/02)

217    Erste jikkontesta l-metodu segwit għall-kalkolu tal-multi peress illi l-Kummissjoni, billi applikat il-linji gwida adottati wara li l-ksur intemm u billi reġgħet għamlet il-prattika tagħha iktar severa matul il-ħarifa ta’ l-2001, kisret il-prinċipju ta’ non-retroattività stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, u fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1).

218    Hekk kif ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq (punti 202 sa 232), din ir-raġuni għandha tiġi miċħuda, peress li l-linji gwida u, b’mod partikolari, il-metodu ġdid ta’ kalkolu tal-multi li dawn jinkludu, li kieku kellu effett aggravanti rigward il-livell tal-multi imposti, kienu raġonevolment prevedibbli għal impriżi bħar-rikorrenti fiż-żmien meta l-ksur ikkonċernat twettaq.

b)     Fuq ir-rilevanza tal-linji gwida u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għall-istħarriġ ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata

219    Il-linji gwida huma strument intiż li jippreċiża, fir-rispett tad-dritt ta’ kompetenzi superjuri, il-kriterji li l-Kummissjoni tixtieq tapplika fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni fl-iffissar tal-multi mogħtija lilha mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

220    Billi ddikjarat, fil-linji gwida tagħha, il-metodu li hija kienet ipproponiet tapplika għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni baqgħet fil-qafas legali impost minn din id-dispożizzjoni u ma qabżet bl-ebda mod id-diskrezzjoni attribwita lilha mil-leġiżlatur (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punt 252).

221    Jekk tali regoli li huma intiżi sabiex jipproduċu effetti esterni ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala regoli ta’ dritt li l-awtoritajiet amministrattivi għandhom dejjem josservaw, madankollu huma jistabbilixxu regoli tal-kondotta li jindikaw prattika li l-awtoritajiet amministrattivi ma jistgħux jinjoraw, f’każ partikolari, mingħajr ma jagħtu raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

222    Meta tadotta regoli ta’ kondotta bħal dawn u meta tiddikjara billi tippubblikahom li hija ser tapplikahom minn issa ‘l quddiem għall-każijiet relatati magħhom, il-Kummissjoni tkun qed tillimita lilha nfisha fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha u ma tistax tinjora dawn ir-regoli taħt il-piena li tiġi ssanzjonata, jekk xieraq, talli tkun kisret prinċipji ġenerali tad-dritt, bħat-trattament ugwali jew il-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi.

223    Għaldaqstant, jekk il-linji gwida ma jikkostitwixxux il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din ta’ l-aħħar hija bbażata fuq l-Artikoli 3 u 15(2) tar-Regolament Nru 17, huma jiddeterminaw, madankollu, b’mod ġenerali u astratt, il-metodoloġija li l-Kummissjoni imponiet fuqha nfisha għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni u jassiguraw, konsegwentement, iċ-ċertezza legali ta’ l-impriżi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punti 209 sa 213).

224    L-awtolimitazzjoni tad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni li tirriżulta mill-adozzjoni tal-linji gwida mhijiex, madankollu, inkompatibbli maż-żamma ta’ marġni ta’ diskrezzjoni sostanzjali għall-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑44/00, Ġabra p. II‑2223, punti 246, 274 u 275). Fil-fatt, il-linji gwida fihom elementi differenti ta’ flessibbiltà li jippermettu lill-Kummissjoni teżerċita d-diskrezzjoni tagħha skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punt 267).

225    Bħal-linji gwida, il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ħolqot aspettattivi leġittimi għall-impriżi, b’mod li l-Kummissjoni hija obbligata tikkonforma ruħha magħha matul l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni ta’ dawn ta’ l-aħħar fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705, punt 360).

226    Għaldaqstant, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kuntest ta’ l-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li għandha tivverfika jekk il-Kummissjoni eżerċitatx id-diskrezzjoni tagħha skond il-metodu espost fil-linji gwida u fil-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u, jekk hija tikkonstata li hija tbiegħdet minnhom, li tivverifika jekk din id-diverġenza hijiex legalment iġġustifikata u motivata biżżejjed fid-dritt.

227    Madankollu, il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni u l-limiti li hija imponiet fuq tali marġni ma jippreġudikawx l-eżerċizzju, mill-qorti Komunitarja, tal-kompetenza sħiħa tagħha.

2.     Fuq il-formulazzjoni ta’ l-ilmenti tar-rikorrenti

228    Bl-eċċezzjoni ta’ RLB (kawża T-262/02), ir-rikorrenti kollha jikkontestaw l-iffissar ta’ l-ammont tal-multi. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li l-ksur ġie kklassifikat b’mod żbaljat bħala "gravi ħafna" (ara l-punt B iktar ‘il quddiem). It-tieni nett, ħafna mir-rikorrenti jikkontestaw il-legalità tal-klassifikazzjoni f’kategoriji tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata u l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi skond il-parti tagħhom fis-suq (ara l-punt C iktar ‘il quddiem). It-tielet nett, RZB (kawża T‑259/02), BAWAG (kawża T‑261/02) u PSK (kawża T‑263/02) jikkritikaw l-evalwazzjoni tat-tul ta’ żmien tal-ksur (ara l-punt D iktar ‘il quddiem). Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jinvokaw ċirkustanzi mitiganti differenti (ara l-punt E iktar ‘il quddiem). Il-ħames nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni (ara l-punt F iktar ‘il quddiem). Fl-aħħar u s-sitt nett, ÖVAG u NÖ-Hypo (kawża T-271/02) jitolbu li l-multa tagħhom tiġi mnaqqsa minħabba l-ksur ta’ ċerti regoli proċedurali (ara l-punt G iktar ‘il quddiem).

229    Hemm ċerta sovrappożizzjoni bejn l-argumenti mressqa mir-rikorrenti sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u dawk invokati fir-rigward ta’ ċirkustanzi mitiganti, filwaqt li l-klassifikazzjoni ta’ dawn l-argumenti u l-formulazzjoni tar-raġunijiet jippreżentaw ċerti diverġenzi bejn kawża u oħra.

230    Sabiex jiġi ddefinit il-kuntest approprjat ta’ l-eżami ta’ dawn l-argumenti, għandu jsir riferiment għall-istruttura tal-linji gwida.

231    Filwaqt li l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jsemmi biss żewġ kriterji tal-gravità u tat-tul tal-ksur, l-ewwel nett, il-linji gwida jipprevedu l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, li abbażi tagħha "ammont bażiku ġenerali" jista’ jiġi ffissat. It-tieni nett, il-gravità hija analizzata abbażi tal-karatteristiċi ta’ l-impriża kkonċernata, b’mod partikolari d-daqs tagħha u l-pożizzjoni tagħha fis-suq rilevanti, li tista’ tagħti lok għall-kalkolu ta’ l-ammont bażiku, abbażi tal-klassifikazzjoni ta’ l-impiżi f’kategoriji u abbażi ta’ l-iffissar ta’ "ammont bażiku speċifiku" (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, iktar ‘il quddiem is-"sentenza ADM", punti 45 sa 47). It-tielet nett, it-tul ta’ żmien tal-ksur huwa meħud in kunsiderazzjoni għall-iffissar ta’ l-ammont bażiku u, ir-raba’ nett, il-linji gwida jipprevedu t-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti li jippermettu l-evalwazzjoni, b’mod partikolari, tal-gravità relatata mal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża kkonċernata (sentenza ADM, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 260).

232    B’hekk, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali tiddependi b’mod partikolari fuq il-kapaċità ta’ l-imġiba inkriminanti li tippreġudika l-għanijiet tat-Trattat (sentenza MDF, imsemmija fil-punt 213 hawn fuq, punt 107), indipendentement mill-kontribuzzjoni ta’ kull impriża u l-ħtija individwali tagħha, filwaqt li ċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti jirreferu, kif juru l-eżempji elenkati fil-linji gwida, għan-natura punibbli ta’ l-imġiba individwali ta’ l-impriża kkonċernata.

233    Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-elementi li jistgħu jaffettwaw il-potenzjal tal-ksur li jippreġudika kompetizzjoni b’saħħitha u għanijiet oħra tat-Trattat, li ser jiġu analizzati fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u, min-naħa l-oħra, l-elementi relatati ma’ l-imġiba individwali tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, li ser jiġu eżaminati fil-kuntest taċ-ċirkustanzi mitiganti. Ċerti elementi invokati mir-rikorrenti għandhom, madankollu, jiġu eżaminati fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ aspetti.

B –  Fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala "gravi ħafna"

1.     Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l-evalwazzjoni tal-gravità

234    Fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur bħala tali, il-linji gwida jindikaw dan li ġej:

"Biex tiġi valutata l-gravità tal-ksur, għandu jiġi kunsidrat in-natura tiegħu, l-impatt reali tiegħu fuq is-suq, fejn dan jista’ jkun ikkalkolat, u d-daqs tas-suq ġeografiku rilevanti.

Il-ksur se jinqasam għalhekk fi tliet kategoriji: ksur ftit serju, ksur serju u ksur serju ħafna."

235    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-ksur ma jistax jiġi kklassifikat bħala serju ħafna minħabba n-natura tiegħu u jikkritikaw lill-Kummissjoni talli naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni l-kuntest storiku ta’ l-akkordju. It-tieni nett, huma jsostnu li l-ftehim ma kellux impatt konkret fis-suq. It-tielet nett, huma jinvokaw id-daqs żgħir tas-suq ġeografiku kkonċernat. Ir-raba’ nett, RZB huwa ta’ l-opinjoni li n-natura selettiva tal-proċedimenti mibdija mill-Kummissjoni teskludi li l-ksur ikun ikklassifikat bħala "serju ħafna".

236    Qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti, għandhom jiġu esposti xi kunsiderazzjonijiet preliminari fuq ir-relazzjoni bejn it-tlett aspetti ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li t-teħid in kunsiderazzjoni tagħha hija prevista mil-linji gwida.

237    L-ewwel nett, il-fatt li l-Kummissjoni speċifikat, permezz tal-linji gwida tagħha, il-metodu tagħha fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur ma jipprekludix li hija tevalwa din ta’ l-aħħar b’mod globali skond iċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni, inklużi elementi li mhumiex espressament imsemmija fil-linji gwida.

238    Fil-fatt, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għad-determinazzjoni ta’ l-ammonti tal-multi, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien u l-elementi kollha li jistgħu jidħlu fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur (sentenza MDF, imsemmija fil-punt 213 hawn fuq, punt 129). Il-gravità tal-ksur għandha tiġi stabbilita skond numru kbir ta’ elementi, bħaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, il-kuntest tiegħu u l-portata dissważiva tal-multi, u dan mingħajr ma tiġi stabbilita lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li bilfors iridu jittieħdu in kunsiderazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punti 240 u 241).

239    F’dan ir-rigward, hija, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tan-natura tal-ksur li tippermetti t-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti differenti, li lista eżawrjenti tagħhom fil-linji gwida mhijiex possibbli u li fosthom jinsab l-impatt potenzjali (li huwa differenti mill-impatt konkret u li jista’ jiġi kkalkulat) tal-ksur fis-suq.

240    Sussegwentement, għandu jiġi osservat li t-tliet aspetti msemmija hawn fuq tal-gravità tal-ksur m’għandhomx l-istess importanza fil-kuntest ta’ l-eżami globali. In-natura tal-ksur għandha rwol primordjali, b’mod partikolari, sabiex tikkaratterizza l-ksur "serju ħafna". F’dan ir-rigward, mid-deskrizzjoni tal-ksur serju ħafna fil-linji gwida jirriżulta li ftehim jew prattiċi miftiehma li jipprevedu, b’mod partikolari, bħal f’dan il-każ, l-iffissar ta’ prezzijiet jistgħu jkollhom, abbażi tan-natura tagħhom stess, il-klassifikazzjoni ta’ "serju ħafna", mingħajr ma jkun neċessarju li tali mġiba tkun ikkaratterizzata minn impatt partikolari jew firxa ġeografika partikolari. Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li, jekk id-deskrizzjoni indikattiva tal-ksur serju ssemmi espressament l-impatt fuq is-suq u l-effetti fuq żoni estiżi tas-suq komuni, dik ta’ ksur serju ħafna, min-naħa tagħha, ma ssemmi l-ebda rekwiżit ta’ impatt konkret fuq is-suq u lanqas tal-produzzjoni ta’ effetti fuq żona ġeografika partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 178).

241    Barra minn hekk, hemm interdipendenza bejn it-tliet aspetti fis-sens li grad għoli ta’ gravità fir-rigward ta’ waħda mill-kriterji tista’ tikkumpensa għal grad baxx ta’ gravità tal-ksur taħt l-aspetti l-oħra.

2.     Fuq in-natura u l-kuntest tal-ksur

a)     L-argumenti tal-partijiet

242    Minn naħa, fir-rigward tan-natura tal-ksur, BAWAG, PSK u Erste (kawżi T‑261/02, T-263/02, T-264/02) isostnu li, skond prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni, ftehim orizzontali fuq il-prezzijiet huwa ġeneralment ikklassifikat bħala ksur "serju ħafna" meta restrizzjonijiet oħra, bħad-diviżjoni tas-swieq, jinsabu magħhom. BAWAG u PSK isostnu li l-fatt li l-akkordju kien ikopri ħafna prodotti mhuwiex rilevanti sabiex tiġi evalwata l-gravità peress li din tiddependi fuq il-ħsara kkawżata mill-akkordju u mhux fuq l-estent tiegħu. Skondhom, il-parteċipazzjoni tal-banek il-kbar Awstrijaċi kollha fil-ksur mhijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika klassifikazzjoni bħala serju ħafna, peress li l-parteċipazzjoni ta’ impriżi li tirrappreżenta kważi s-suq Ewropew kollu kienet neċessarja għal dan il-għan.

243    Barra minn hekk, il-banek jaffermaw li l-ksur attribwit lilhom ma kienx kartell klassiku u sigriet, maħluq b’għan antikompetittiv u li kien jipprevedi profitti ta’ monopolju u sabiex jippreġudika l-konsumaturi. Skond ÖVAG u NÖ-Hypo, il-natura vera tal-kumitati kienet tersaq iktar lejn skambju ta’ informazzjoni (eventwalment illegali) milli akkordju tipikament pur u riġidu.

244    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kuntest tal-ksur, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli injorat li l-ftehim kellhom oriġini legali, billi kienu ġew maħluqa mill-Istat bħala strument ta’ orjentazzjoni ekonomika, skond, fil-fehma ta’ RZB, ÖVAG u NÖ-Hypo, it-tradizzjoni Awstrijaka li l-Istat jagħmel użu, sabiex iwettaq il-finijiet tiegħu ta’ interess ġenerali, mill-kooperazzjoni bejn l-impriżi u ma’ l-imsieħba soċjali. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li huwa neċessarju li ssir differenza bejn is-sitwazzjoni ta’ impriżi li ħolqu kartell sigriet u istituzzjonalizzat għal skopijiet antikompetittivi u s-sitwazzjoni tagħhom, ikkaratterizzata mill-fatt li huma sempliċement naqsu milli jabbandunaw prattika li, qabel, kienet legali. RZB u Erste jinvokaw il-partikolaritajiet tas-suq bankarju, b’mod partikolari l-interess ta’ l-Istat għall-istabbilità ta’ dan is-settur, li jikkontribwixxu għal intervent importanti ta’ l-awtoritajiet pubbliċi u jnaqqsu l-gravità tal-ksur. BAWAG u PSK jaffermaw barra minn hekk li l-ftehim kien fenominu storiku li ma setax jerġa’ jseħħ, b’mod li multa għolja mhijiex neċessarja f’dan il-każ sabiex jiġi ggarantit effett dissważiv.

245    It-tieni nett, BA-CA, ÖVAG u NÖ-Hypo jsostnu li, anki wara l-adeżjoni ta’ l-Awstrija fil-Komunità, akkordji tat-tip ta’ kumitati ma kinux ipprojbiti mid-dritt tal-kompetizzjoni Awstrijak, li kien jiffavorixxi l-"akkordji permezz ta’ prattiċi" mhux vinkolanti.

246    It-tielet nett, ir-rikorrenti jinvokaw l-influwenza ta’ l-awtoritajiet statali, b’mod partikolari ta’ l-OeNB, tal-Kamra Ekonomika (Wirtschaftskammer) u tal-Ministeru tal-Finanzi, fi ħdan il-kumitati. Huma jenfasizzaw li l-awtoritajiet statali pparteċipaw attivament fil-kumitati billi ddikjaraw, b’mod partikolari, li huma kienu kontra l-kompetizzjoni qawwija bejn il-banek. BA-CA jsostni li r-rwol ta’ l-OeNB kien ħafna iktar importanti minn dak indikat fil-premessa 374 tad-deċiżjoni kkontestata u li l-OeNB eżerċita pressjoni fuq il-banek sabiex huma jbiddlu l-kundizzjonijiet kummerċjali tagħhom.

247    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti huma ta’ l-opinjoni li l-karattru istituzzjonalizzat ta’ l-akkordju jirriżulta mill-oriġini legali tal-laqgħat u għaldaqstant ma jżid xejn mal-gravità tal-ksur. Barra minn hekk, BAWAG u PSK josservaw li l-laqgħat kienu, fil-biċċa l-kbira, jittrattaw temi newtrali fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni.

248    Il-ħames nett, Erste jinvoka l-adeżjoni riċenti ta’ l-Awstrija ma’ l-Unjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

249    Għal dak li jikkonċerna, minn naħa, in-natura tal-ksur, il-Kummissjoni tenfasizza, ġustament, fil-premessa 506 u fin-nota ta’ qiegħ il-paġna nru 514 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-akkordji orizzontali ta’ prezzijiet huma inklużi fost il-ksur serju ħafna, anki fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet oħra ta’ kompetizzjoni bħal diviżjoni tas-swieq (sentenza ADM, imsemmija fil-punt 231 hawn fuq, punti 117 sa 126; ara, ukoll, is-sentenza SPO et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 175, punt 377).

250    F’dan il-każ, in-natura "serja ħafna" tal-ksur hija rinforzata b’mod partikolari, kif ġie osservat ġustament fil-punt 506 tad-deċiżjoni kkontestata, bl-importanza tas-settur bankarju għall-ekonomija kollha u mill-estensjoni tal-ftehim, li kien ikopri firxa kbira ta’ prodotti u li fih kienu pparteċipaw il-biċċa l-kbira ta’ l-operaturi ekonomiċi tas-suq ikkonċernat, inklużi l-impriżi l-iktar importanti. Fil-fatt, il-gravità ta’ ksur minħabba n-natura tiegħu tiddependi qabel kollox fuq il-periklu li hija tirrappreżenta għal kompetizzjoni b’saħħitha. F’dan ir-rigward, l-estensjoni ta’ akkordju fuq il-prezzijiet, kemm fuq il-livell tal-prodotti kkonċernati kif ukoll fuq il-livell ta’ l-impriżi membri, għandu rwol deċiżiv. F’kull każ, it-teżi tar-rikorrenti li biss l-ksur li għalih pparteċipaw kważi l-impriżi kollha jista’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna mhijiex fondata (ara wkoll il-punt 307 u 313 iktar ‘il quddiem fuq l-effett tal-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat).

251    It-teżi, imressqa mill-banek, li l-akkordju ma kellux għan antikompetittiv tikkontradixxi n-natura stess tal-ftehim li kellu bħala għan r-restrizzjoni, u anki l-eliminazzjoni, tal-kompetizzjoni fuq il-prezzijiet. Dan jgħodd ukoll għall-affermazzjoni ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo li l-ksur għandu iktar jiġi kklassifikat bħala skambju ta’ informazzjoni milli bħala akkordju fuq il-prezzijiet.

252    Fir-rigward ta’ l-argument li l-akkordju ma kienx sigriet, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex ibbażata fuq in-natura sigrieta tal-ftehim sabiex tiġġustifika l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna (ara l-premessi 505 sa 514). Ċertament, il-Kumissjoni tirreferi, f’parti mir-risposta tagħha, għall-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni li tiddikjara, fil-punt A.1 tagħha, li l-"akkordji sigrieti bejn impriżi għall-iffissar tal-prezzijiet [...] huma fost l-iktar restrizzjonijiet serji ta’ kompetizzjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, din ir-riferenza tirriżulta minn raġunament intiż sabiex juri n-natura "serja ħafna" tal-ftehim orizzontali fil-qasam ta’ prezz, u dan jidher ċar mir-riferiment segwenti għal-linji gwida li jispeċifikaw li l-kategorija ta’ ksur serju ħafna hija essenzjalment ikkostitwita minn “restrizzjonijiet orizzontali bħal kartelli ta’ prezzjiet” mingħajr ma jsemmu n-natura sigrieta jew le ta’ dan il-ksur. Minn dan isegwi li l-argumenti li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ natura sigrieta tal-ftehim huma irrilevanti għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur mill-Kummissjoni. F’kull każ, jekk in-natura sigrieta ta’ akkordju hija ċirkustanza li tista’ tenfasizza l-gravità, mhijiex kundizzjoni indipensabbli sabiex wieħed ikun jista’ jikklassifika ksur bħala "serju ħafna".

253    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti kontra l-klassifikazzjoni ta’ l-akkordju bħala serju ħafna minħabba n-natura tiegħu stess għandhom jiġu esklużi.

254    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li akkordju orizzontali ta’ prezz ta’ estensjoni bħal dak li ġie kkonstatat mill-Kummissjoni f’dan il-każ, li jikkonċerna settur ekonomiku daqshekk importanti, ma jistax, ġeneralment, jevita l-klassifikazzjoni ta’ ksur serju ħafna, ikun xi jkun il-kuntest tiegħu. F’kull każ, iċ-ċirkustanzi mressqa mir-rikorrenti f’dan il-każ ma jistgħux jaffettwaw il-validità ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur mwettqa mill-Kummissjoni.

255    Fil-fatt, fir-rigward tal-kuntest storiku ta’ l-akkordju, il-Kummissjoni tosserva ġustament, l-ewwel nett, li l-bażi ġuridiċi li fuqhom kienu bbażati l-kumitati inizjalment kienu ġew abrogati, l-iktar tard, fil-mument ta’ l-adeżjoni ta’ l-Awstrija maż-ŻEE. Matul il-perijodu previst mid-deċiżjoni kkontestata, ma kien hemm ebda dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li setgħet tobbliga l-banek għal prattika miftiehma jew għal restrizzjoni tal-marġni tagħhom ta’ azzjoni fis-suq. Fir-rigward tat-"tradizzjonijiet Awstrijaċi" li jirreferu għalihom ċerti rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li t-tradizzjonijiet u l-preferenzi politiċi ta’ l-Istati Membri jistgħu xi drabi jidħlu in konflitt ma’ l-għan fundamentali ta’ kompetizzjoni b’saħħitha, stabbilit fl-Artikolu 3(g) KE. Għaldaqstant, il-fatt li l-akkordju kien ġie maħluq u miżmum bl-appoġġ ta’ l-Istat ma jaffettwax il-potenzjal tiegħu ta’ ħsara lill-għanijiet tat-Trattat.

256    L-argument li multa għolja mhijiex neċessarja minħabba n-natura singulari tal-ftehim mhuwiex rilevanti f’dan il-kuntest. In-natura dissważiva tal-multi hija inkluża, ċertament, fost l-elementi diversi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-gravità ta’ ksur fis-sens ta’ l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 17 (sentenza MDF, imsemmija fil-punt 213 hawn fuq, punt 120) Madankollu, kif ġie espost fil-punt 231 hawn fuq, il-linji gwida jagħmlu distinzjoni bejn l-aspetti differenti tal-gravità fis-sens ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u jipprevedu t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-effett dissważiv flimkien ma’ dik tal-gravità "intrinsika" tal-ksur. Din id-distinzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li hija tikkontribwixxi għal iktar trasparenza tal-proċess ta’ l-iffissar tal-multi mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, kunsiderazzjonijiet marbuta man-natura dissważiva tal-multa ma jistgħux jiġu invokati b’mod validu kontra l-evalwazzjoni tal-gravità intrinsika tal-ksur.

257    Fir-rigward, it-tieni nett, ta’ l-argumenti bbażati fuq il-fatt li d-dritt Awstrijak kien jittollera l-"akkordji permezz ta’ prattiċi" (Verhaltenskartelle) anki wara l-adeżjoni u matul it-tul ta’ żmien kollu tal-ksur, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li dan il-fatt ma jaffettwax l-eżistenza ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE u lanqas jista’ jinfluwenza l-evalwazzjoni tal-gravità ta’ dan il-ksur. Fil-fatt, skond id-deskrizzjoni tad-dritt Awstrijak mogħtija b’mod partikolari minn BA-CA, ÖVAG u NÖ-Hypo, il-privileġġ mogħti sa l-2000 lill-"akkordji permezz ta’ prattiċi" kien marbut man-natura mhux vinkolanti ta’ dawn. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 81 KE jipprojbixxi l-prattiċi miftiehma bl-istess mod kif jipprojbixxi l-ftehim u lanqas il-linji gwida ma jiddistingwu, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità, bejn il-ftehim vinkolanti u l-"gentlemen’s agreements".

258    It-tielet nett, għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni ta’ l-awtoritajiet statali għall-kumitati, invokata mir-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li l-Istati Membri ma jistgħux jistabbilixxu miżuri li jippermettu l-impriżi privati jevitaw restrizzjonijiet imposti mill-Artikoli 81 KE sa 89 KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 1977, INNO, 13/77, Ġabra p. 2115, punt 33). Issa, jekk huwa minnu li l-impriżi ma jistgħux jiġu ppenalizzati għal imġiea antikompetittiva peress li din kienet imposta minn liġi nazzjonali inkompatibbli ma’ l-imsemmija dispożizzjonijiet jew minn pressjoni irreżistibbli eżerċitata fir-rigward tagħhom mill-awtoritajiet nazzjonali, dan ma jgħoddx meta tali liġi jew tali mġiba huma limitati sabiex jinċitaw jew jiffaċilitaw l-adozzjoni, mill-impriżi, ta’ imġiba antikompetittiva u awtonoma (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2003, CIF, C‑198/01, Ġabra p. I‑8055, punti 52 sa 56 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Settembru 1996, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T‑387/94, Ġabra p. II‑961, punt 65).

259    F’dan ir-rigward, huwa kostanti li l-aġir tal-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-każ, ma kellhiex l-effett li ġġiegħel il-banek jadottaw imġiba antikompetittiva. Huwa minnu li nota ppreżentata minn BAWAG u PSK tirreferi għal “sejħa indirizzata mi[ll-]OeNB lill-banek sabiex jnaqqsu l-kompetizzjoni mhux raġonevoli fuq il-prezzijiet tad-depożiti u tal-krediti”. Madankollu, ma jidhirx li tali sejħa kellha tiġi eżegwita b’mod obbligatorju mill-banek. L-eżempji ta’ pressjoni allegata eżerċitata mill-OeNB fuq il-banek, invokati minn BA-CA, juru li din wisset lill-banek ibaxxu r-rati ta’ interessi, iżda ma fihom ebda indikazzjoni li hija indirizzatilhom stediena sabiex jiftehmu fuq dan is-suġġett, u inqas u inqas li l-banek kienu ġew esposti għal pressjoni irreżistibbli f’dan is-sens. Għaldaqstant, din il-parteċipazzjoni ma taffettwax ir-responsabbiltà għall-aġir tagħhom li tikkostitwixxi ksur.

260    Lanqas ma taffettwa l-gravità intrinsika tal-ksur. Fil-fatt, l-intervent ta’ l-awtoritajiet statali waqt il-kumitati, hekk kif deskritt mir-rikorrenti, bl-ebda mod ma jista’ jnaqqas il-potenzjal ta’ l-akkordju fuq il-prezzijiet in kwistjoni li jikkawża ħsara lill-għanijiet tat-Trattat. Għall-kuntrarju, tali approvazzjoni jew tolleranza ta’ l-imġiba li tikkostitwixxi ksur mill-awtoritajiet pubbliċi tista’ issaħħaħ l-effetti tal-ftehim illegali.

261    Għandu jingħad ukoll li l-kwistjoni dwar jekk, madankollu, l-imġiba ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tistax tittieħed in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ ċirkustanza mitiganti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CIF, imsemmija fil-punt 218 hawn fuq, punt 57) ser tiġi eżaminata iktar ‘il quddiem fil-punti 504 u 505.

262    Ir-raba’ nett, fir-rigward tan-natura istituzzjonalizzata ta’ l-akkordju, huwa leġittimu li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li akkordju opera fil-forma ta’ sistema ta’ laqgħat perijodiċi istituzzjonalizzati (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Cascades vs Il-Kummissjoni, T‑308/94, Ġabra p. II‑925, punti 104, 194). Ċertament, in-"netwerk Lombard" kien ġie maħluq fi żmien meta l-ftehim ma kienx illegali. Madankollu jibqa’ l-fatt li l-banek użaw din l-istruttura li kienet teżisti qabel għall-prattiċi miftiehma illegali tagħhom u dan seta’ jikkontribwixxi b’mod konsiderevoli għat-tħaddim u għall-effikaċja ta’ l-akkordju globali. Il-fatt li l-laqgħat kienu jikkonċernaw ukoll suġġetti oħra, newtrali fir-rigward tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma jnaqqasx il-perikoli għal kompetizzjoni b’saħħitha li tirriżulta minn sistema ta’ prattiċi miftiehma organizzati sew.

263    Fl-aħħarnett, l-adeżjoni riċenti tar-Repubbika ta’ l-Awstrija ma’ l-Unjoni Ewropea fil-mument tal-fatti ma taffettwax il-gravità intrinsika tal-ksur.

264    Konsegwentement, iċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu in kwistjoni l-validità tal-konstatazzjoni, fil-premessa 506 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim tan-"netwerk Lombard" huma ksur serju ħafna minn natura tagħhom stess.

3.     Fuq l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq

265    Ir-rikorrenti jopponu l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna minħabba li l-Kummissjoni ma wrietx effetti sinjifikattivi ta’ l-akkordju fuq is-suq. Huma jsostnu, l-ewwel nett, li tali prova hija indispensabbli sabiex tiġi ġġustifikata l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna, u t-tieni nett, li l-kunsiderazzjonijiet fuq l-impatt ta’ l-akkordju li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata huma insuffiċjenti għal dan u, it-tielet nett, li l-perizja ekonomika tal-professur von Weizsäcker li huma ppreżentaw matul il-proċedura amministrattiva wriet in-nuqqas ta’ tali impatt.

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

266    Fil-kuntest ta’ l-analiżi tagħha tal-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tosserva, fil-premessa 508 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

"Għal dak li jikkonċerna l-implementazzjoni u l-effetti ta’ l-akkordju, dawn jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, fost numru ta’ elementi oħra, f’każijiet fejn il-prattiċi m’għandhomx bħala għan dirett id-distorsjoni tal-kompetizzjoni u għaldaqstant jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 […] KE biss minħabba l-effetti konkreti tagħhom." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

267    Sussegwentement, hija tiddikjara li l-banek ikkonċernati pparteċipaw b’mod regolari u frekwenti f’numru ta’ kumitati u li d-dokumenti tal-perijodu in kwistjoni miġbura juru b’mod ċar l-mod kif il-banek kienu jimplementaw il-ftehim konkluż waqt il-kumitati jew kif huma kienu jieħdu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li huma kienu jiksbu f’dawn l-okkażjonijiet mill-kompetituri tagħhom sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess. Għad-dettalji, il-Kummissjoni tirreferi għall-premessi 430 sa 437 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom deskrizzjoni ta’ l-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-kartell fil-kuntest tal-konstatazzjoni tal-ksur.

268    Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi, fil-premessa 510 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan il-ftehim globali, stipulat għal diversi snin, kellu effett fuq is-suq. Hija żżid li l-fatt li l-membri ta’ l-akkordju kellhom isofru diffikulatijiet jew xi drabi anki jammettu ma’ xulxin li l-isforzi tagħhom kienu fallew ma jeskludix li l-ftehim tagħhom seta’ kellu effetti fuq is-suq. Hija ssostni fl-aħħar nett li lanqas il-perizja mwettqa għall-banek ma setgħet tagħti prova li l-akkordju ma kellux effetti.

b)     Fuq il-klassifikazzjoni ta’ l-argumenti ta’ BA-CA

269    BA-CA, li jqajjem biss l-aħħar żewġ ilmenti msemmija fil-punt 265 iktar ‘il fuq, jafferma li r-raġuni tiegħu mhijiex intiża sabiex tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna, iżda li ssostni ksur ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni. Huwa jiddikjara li l-effetti ekonomiċi jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, għall-iffissar tal-multa, biss jekk huma ġew effettivament stabbiliti u motivati u li l-Kummissjoni għandha l-oneru tal-prova f’dan ir-rigward.

270    Permezz ta’ dan ir-raġunament, BA-CA jikkritika, essenzjalment, lill-Kummissjoni talli ma tatx prova ta’ l-impatt tal-ksur fuq is-suq. Dan l-ilment ma jikkonċernax il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala serju ħafna. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandu jkun distint mill-kwistjoni tal-mertu tal-motivazzjoni, li jirriżulta mil-legalità tal-mertu ta’ l-att ikkontestat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67 u tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35). Għaldaqstant, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti ta’ BA-CA fl-istess ħin ta’ dawk, li jikkonċernaw il-mertu ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur mid-deċiżjoni kkontestata, imqajma mir-rikorrenti.

c)     L-argumenti tal-partijiet

271    L-ewwel nett, il-banek isostnu li, skond il-linji gwida u l-ġurisprudenza, huwa neċessarju li jittieħed in kunsiderazzjoni l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq sabiex tiġi ddeterminata l-gravità. BAWAG jafferma, barra minn hekk, li l-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-ftehim li huwa partikolarment ta’ ħsara jkun sopress b’sanzjonijiet iktar severi minn dak li għandu ftit effett jew ebda effett.

272    Ir-rikorrenti jsostnu li l-oneru tal-prova ta’ impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq huwa tal-Kummissjoni. Huma ta’ l-opinjoni li l-iżviluppi li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ l-implementazzjoni tal-ftehim mhumiex biżżejjed sabiex juru l-eżistenza ta’ tali impatt. RZB, BAWAG, PSK u Erste jsostnu li huwa neċessarju, sabiex tittressaq din il-prova, li jintwera, permezz ta’ studju ekonomiku, li r-rati ta’ interessi u l-kummissjonijiet ipprattikati fl-Awstrija matul il-perijodu kkontestat kienu differenti minn dawk li kienu jiġu pprattikati fin-nuqqas ta’ ksur.

273    It-tieni nett, ir-rikorrenti jikkritikaw ir-raġunament tad-deċiżjoni kkontestata. Mingħajr ma jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Kummissjoni rigward l-implementazzjoni tal-ftehim, BA-CA, BAWAG, PSK u Erste jsostnu li l-eżempji mogħtija ma jirrappreżentawx ir-realtà, li l-fajl fih numru ta’ eżempji tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim u li l-banek wettqu kompetizzjoni segrieta intensa. BA-CA u BAWAG jaffermaw li dan jgħodd b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-imġiba tagħhom stess. Skond BAWAG u PSK, id-dokumenti li fihom il-banek tkellmu fuq l-implementazzjoni u l-osservanza tal-ftehim fihom biss evalwazzjonijiet suġġettivi ta’ tali jew tali kollaboratur tal-banek u ma jikkostitwixxux għaldaqstant bażi affidabbli sabiex jiġu evalwati l-effetti ekonomiċi reali tagħhom.

274    BA-CA u Erste jsostnu li l-ftehim ma setax, f’kull każ, jiġi osservat fis-suq peress li dan kien ikkonċernat biss mir-rati "uffiċjali", irriklamati mal-counter, filwaqt li r-rati effettivament offerti lill-klijenti kienu jiddependu minn parametri oħra, b’mod partikolari mill-iskala ta’ l-operazzjoni, mis-solvenza tal-klijent u mis-setgħat mogħtija lill-impjegati sabiex ma jużawx ir-rata uffiċjali.

275    BA-CA u Erste jenfasizzaw l-importanza ta’ rati prinċipali ta’ interessi għall-iżvilupp tar-rati applikati mill-banek. Skondhom, in-neċessità ekonomika li ssegwi l-modifiki ta’ dawn ir-rati teskludi l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn ir-riżultati tal-kumitati u r-rati stabbiliti mill-banek.

276    Fl-aħħar nett, RZB, BAWAG, PSK u Erste huma ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi l-eżistenza ta’ effetti mill-frekwenza tal-kumitati. Huma jżidu li dawn l-laqgħat kienu jikkonċernaw numru ta’ suġġetti newtrali mill-aspett tal-kompetizzjoni u kienu jissodisfaw funzjoni soċjali.

277    It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet tal-perizja tal-professur von Weizsäcker li huma ppreżentaw. Huma jsostnu li din il-perizja wriet, permezz ta’ metodi statistiċi, li la l-prezzijiet iċċarġjati mill-banek u lanqas ir-redditu ma kienu superjuri, bħala medja, għal dawk li kienu jiġu mwettqa fin-nuqqas ta’ ftehim. Huma ta’ l-opinjoni li l-oġġezzjonijiet imqajma fid-deċiżjoni kkontestata kontra din il-perizja mhumiex fondati. RZB, ÖVAG u NÖ-Hypo jsostnu li l-konklużjoni tal-periżja tista’ tiġi invalidata biss permezz ta’ studju ieħor li huwa xjentifikament validu. Ir-rikorrenti josservaw li l-Kummissjoni rrinunzjat li tinvoka, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kontroperizja li hija ordnat, minħabba n-nuqqasijiet tekniċi li din ippreżentat.

278    Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li akkordju jista’ jiġi kklassifikat fost il-ksur l-iktar serju minħabba l-għan antikompetittiv tiegħu, anki jekk dan ma jipproduċi l-ebda effett fuq is-suq. Madankollu hija ta’ l-opinjoni li f’dan il-każ l-impatt tal-akkordju kien ġie stabbilit.

279    Hija ssostni li akkordju ma jeżerċitax l-effetti tiegħu biss meta tingħata prova li l-prezzijiet kellhom jiżviluppaw mod ieħor f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni ħielsa, iżda meta l-ftehim huwa implementat. Hija tosserva li d-dokumenti li hija ħadet u li huma datati fiż-żmien rilevanti juru b’mod ċar kif il-banek kienu jimplementaw il-ftehim konklużi matul il-kumitati u kif huma ħadu in kunsiderazzjoni l-informazzjoni li huma kisbu mill-kompetituri tagħhom sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom stess. Skondha, ma jistax jiġi kkontestat il-fatt li l-akkordju kellu effetti fuq dan il-livell, anki jekk, f’ċerti każijiet, il-banek ma rnexxilhomx jiftehmu jew josservaw il-ftehim.

280    Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li l-perizja ppreżentata mill-banek mhijiex deċiżiva sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur. Hija żżid li l-perizja ma wrietx b’mod konvinċenti li l-akkordju ma kellux effetti fuq l-iżvilupp tal-prezzijiet.

d)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

281    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ħadet in kunsiderazzjoni l-impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. Fil-fatt, jekk il-Kummissjoni tafferma, fil-premessi 429 u 508, li mhuwiex neċessarju li jittieħdu in kunsiderazzjoni l-effetti konkreti meta tingħata prova ta’ l-għan antikompetittiv ta’ akkordju, il-premessi 509 u 510 kif ukoll il-premessi 430 sa 436 jikkonstataw, madankollu, l-eżistenza ta’ effetti, f’dan il-każ, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-implementazzjoni tal-ftehim, anki jekk il-premessa 436 tafferma li mhuwiex possibili li dawn jiġu kkwantifikati bi preċiżjoni.

282    Għaldaqstant, il-kwistjoni dwar, f’dan il-każ, jekk il-linji gwida jissuġġettawx il-klassifikazzjoni ta’ akkordju bħala "serju ħafna" għall-prova ta’ impatt konkret fuq is-suq hija irrilevanti. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni tiddisponi minn diskrezzjoni għal dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, il-legalità ta’ din l-evalwazzjoni tiddependi mill-mertu tal-konstatazzjonijiet li fuqhom hija effettivament ibbażata, u mhux mill-kwistjoni dwar jekk l-elementi kollha li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni kinux indispensabbli għal dan l-iskop.

283    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, il-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx tikkonkludi, mill-implementazzjoni ta’ akkordju, l-eżistenza ta’ impatt konkret ta’ dan fuq is-suq u, it-tieni nett, jekk kinitx intitolata tikkontesta tali implementazzjoni f’dan il-każ u, it-tielet nett, jekk hija ma evalwatx b’mod inkorrett, f’dan il-kuntest, ir-rilevanza u n-natura probatorja tal-perizja ppreżentata mill-banek.

284    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li, sabiex jiġi evalwat l-impatt konkret ta’ ksur fuq is-suq, hija l-Kummissjoni li għandha tirreferi għall-kompetizzjoni li normalment teżisti fin-nuqqas ta’ ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 619 u 620; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza Mayr-Melnhof, imsemmija fil-punt 205 hawn fuq, punt 235; tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 645 u ADM, imsemmija fil-punt 231 hawn fuq, punt 150).

285    Għal dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, akkordju fuq il-prezzijiet, huwa leġittimu għall-Kummissjoni li tiddeduċi li l-ksur kellu effetti, mill-fatt li l-membri ta’ l-akkordju kienu ħadu miżuri sabiex japplikaw il-prezzijiet miftiehma, per eżempju, billi ddikjarawhom lill-klijenti, billi taw l-impjegati tagħhom l-istruzzjoni li jużawhom bħala bażi ta’ negozjati u billi ssorveljaw l-applikazzjoni tagħhom mill-kompetituri tagħhom u mis-servizz ta’ bejgħ tagħhom. Fil-fatt, sabiex jiġi konkluż li kien hemm impatt fuq is-suq, huwa biżżejjed li l-prezzijiet miftiehma servew ta’ bażi għall-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjonijiet individwali, billi b’hekk illimitaw il-marġni ta’ negozjati tal-klijenti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, T-7/89, Ġabra p. II‑1711, punti 340 u 341, u ta’ l-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punti 743 sa 745).

286    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tistax tiġi meħtieġa, meta tingħata prova ta’ l-implementazzjoni ta’ akkordju, li turi sistematikament li l-ftehim ippermetta effettivament li l-impriżi kkonċernati jilħqu livell ta’ prezz ta’ tranżazzjoni ogħla minn dak li kien jipprevali fin-nuqqas ta’ akkordju. F’dan ir-rigward, it-teżi li biss il-fatt li l-livell ta’ prezzijiet ta’ tranżazzjoni kien ikun differenti fin-nuqqas ta’ akkordju jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-gravità, ma tistax tintlaqa’ (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 2000, Cascades vs Il-Kummissjoni, C‑279/98 P, Ġabra p. I‑9693, punti 53 u 62). Barra minn hekk, ma jkunx proporzjonat li teżiġi tali prova li tassorbi riżorsi kunsiderevoli peress li din tirrekjedi l-użu ta’ kalkoli ipotetiċi, ibbażati fuq mudelli ekonomiċi li l-eżattezza tagħhom tista’ tiġi vverifikata biss b’mod diffiċli mill-imħallef u fejn mhemm l-ebda prova tan-natura affidabbli tagħhom. (Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali M. Mischo tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, C‑283/98 P, Ġabra p. I‑9855, I‑9858, punt 109).

287    Fil-fatt, sabiex tiġi evalwata l-gravità tal-ksur, huwa deċiżiv li wieħed ikun jaf li l-membri ta’ l-akkordju kienu għamlu minn kollox fil-poter tagħhom sabiex jagħtu effett konkret lill-intenzjonijiet tagħhom. Dak li seħħ sussegwentement, fuq il-livell tal-prezzijiet tas-suq effettivament miksuba, seta’ ġie influwenzat minn fatturi oħra, barra mill-kontroll tal-membri ta’ l-akkordju. Il-membri ta’ l-akkordju ma jistgħux għaldaqstant jibbenefikaw minn fatturi esterni li kkontrabattew l-isforzi tagħhom, billi għamluhom fatturi li jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża li tat lok għas-sentenza Mo och Domsjö vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 286 hawn fuq, punti 102 sa 109).

288    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu tibbaża ruħha fuq l-implementazzjoni ta’ l-akkordju sabiex tikkonkludi li kien hemm impatt fuq is-suq.

289    It-tieni nett, rigward il-mertu tal-konstatazzjonijiet li fuqhom il-Kummissjoni bbażat din il-konklużjoni f’dan il-każ, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma jikkontestawx l-eżempji ta’ implementazzjoni tal-ftehim tan-"network Lombard" mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata.

290    Sussegwentement, rigward l-argument li dawn l-eżempji ma jirrappreżentawx ir-realtà peress li l-fajl fih ukoll numru ta’ eżempji ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim u tal-kompetizzjoni bejn il-banek, għandu jiġi osservat li l-fatt li l-ftehim ma kienx dejjem osservat mill-membri ta’ l-akkordju mhuwiex biżżejjed sabiex jiġi eskluż effett fuq is-suq.

291    F’dan ir-rigward, l-eżempji invokati minn BA-CA, BAWAG, PSK u Erste ma jurux li l-konklużjoni li l-akkordju kien ġie implementat kienet żbaljata.

292    BA-CA jirreferi għal diversi siltiet tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 149, 172, 199, 229, 264, 283 u 299 et seq) li ssemmi każijiet li fihom ftehim speċifiku ma kienx ġie osservat mill-banek. Dawn l-eżempji juru l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma injoratx il-fatt li l-implementazzjoni tal-ftehim ma kinitx kompluta. Madankollu, ma jistgħux jikkonfermaw it-teżi ta’ BA-CA li kien hemm biss "tentattivi iżolati ta’ traspożizzjoni" tal-ftehim. B’hekk, il-premesssa 149 tirreferi għall-fatt li PSK ġie mċanfar mill-banek l-oħra peress li huwa ma osservax il-ftehim fuq ir-rata ta’ ċertu prodott ta’ tfaddil, il-premessa 172 tiddeskrivi r-reazzjoni mill-banek l-oħra għal tnaqqis fir-rati ta’ kreditu mwettaq minn BAWAG "mingħajr avviż" u l-premessa 199 tirreferi għal nuqqas ta’ dixxiplina li għalih Erste "kien iddikjarat ħati" mill-banek l-oħra. Minn dawn l-eżempji jirriżulta li l-banek li individwalment ma applikawx il-ftehim ġew esposti għall-kritika mill-membri l-oħra ta’ l-akkordju li kienu apparentement osservawhom. Jekk, waqt kumitat deskritt fil-premessa 229, kien hemm il-kwistjoni ta’ azzjonijiet "speċjali mwettqa minn ċerti banek" kontra dan il-ftehim, il-parteċipanti kollha fih, madankollu, ikkonstataw li l-banek kollha kienu "osservaw globalment il-ftehim" konklużi fix-xahar preċedenti. Bl-istess mod, il-premessa 264 tiddeskrivi d-diskussjonijiet li matulhom Erste lmenta fuq l-applikazzjoni ta’ rati mhux konformi mal-ftehim minn numru ta’ kompetituri, filwaqt li dawn ta’ l-aħħar, minkejja li rrikonoxxew li "l-miżuri kienu qed jipproċedu iktar bil-mod" fi ħdan l-istabbiliment tagħhom, kienu affermaw li kollox kien sejjer kif previst. Fl-aħħar nett, il-premessa 283 tirreferi għal ċanfira kkunsidrata mill-"klabb Lombard" minħabba n-nuqqas ta’ dixxiplina fil-qasam tar-rati, filwaqt li l-premessi 299 sa 301 jiddeskrivu ksur ta’ ċertu ftehim u l-isforzi mill-banek sabiex jiġġielduh. Dawn is-siltiet, kollha kemm huma, bl-ebda mod ma jikkorroboraw it-teżi ta’ BA-CA li tgħid li n-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim kien ir-regola u l-implementazzjoni tagħhom mill-banek l-eċċezzjoni.

293    BAWAG u PSK jiċċitaw 28 dokumenti tal-fajl tal-Kummissjoni li fihom hemm in-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim u l-eżistenza ta’ kompetizzjoni bejn il-banek, filwaqt li Erste jippreżenta lista ta’ 85 riferenzi, li jinkludu 74 dokument, li 22 minnhom huma identiċi għad-dokumenti invokati minn BAWAG u PSK.

294    Madankollu, dawn id-dokumenti mhumiex inkompatibbli mal-konklużjoni tal-Kummissjoni. Per eżempju, it-tliet banek jibbażaw ruħhom fuq il-minuti ta’ kumitat fuq l-operazzjonijiet passivi tas-27 ta’ Settembru 1995, li minnu BAWAG u PSK jiċċitaw estratt, li jgħid "ir-rappreżentant ta’ RBW kien irrimarka li […] il-kundizzjonijiet u l-iskadenzi miftiehma waqt il-kumitat […] ma [kinux] osservati". Issa, din is-silta hija direttament ippreċeduta mil-lingwaġġ li ġej: "F’dan il-kuntest, ir-rappreżentanti ta’ ċerti stabbilimenti qed jitolbu li, waqt l-iskadenzi ta’ tnaqqis ta’ rati kkunsidrati fil-kumitat, ir-[rati ta’ ċerti kuntratti ta’ tfaddil speċifiċi] ma jitnaqqsux awtomatikament ukoll. Volksbank, CA-BV, [RBW], NÖ-Hypo, PSK u Erste adattaw il-kundizzjonijiet tagħhom f’dan il-qasam. [BA] u BAWAG ser jagħmlu dan biss wara l-aħħar ta’ Settembru." Fl-istess dokument, intiż għad-direttur ġenerali ta’ BAWAG, hemm indikat, barra minn hekk, li bank ieħor kien ilmenta li, waqt stħarriġ, kien possibbli li jinkisbu minn għand BAWAG u PSK interessi iktar għolja minn dawk miftiehma għal depożitu ġdid. Id-dokument ikompli: "Dan jikkonċerna, f’dan il-każ, l-aġenziji tagħna [indikazzjoni ta’ indirizzi]. Passi xierqa ġew meħuda permezz tal-fergħat tad-dipartiment tagħna." Għaldaqstant, dan id-dokument jagħti eżempji kemm tan-nuqqas ta’ osservanza tal-ftehim fuq ċerti punti u l-implementazzjoni tagħhom f’aspetti oħra kif ukoll ċanfira indirizzata minn bank lil aġenziji li ma kinux osservaw il-ftehim.

295    Issa, fid-dawl tan-numru ta’ eżempji mhux ikkontestati ta’ implementazzjoni tal-ftehim li għalihom tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li f’ċerti każijiet il-ftehim ma ġewx osservati minn bank jew numru ta’ banek, li l-banek ma rnexxilhomx iżommu l-livell tar-rata miftiehma jew li jżidu l-profitabbiltà tagħhom jew li kien hemm kompetizzjoni bejniethom fir-rigward ta’ ċerti prodotti mhuwiex biżżejjed sabiex jinvalida l-konstatazzjoni li l-ftehim ġew implementati u li kellu effetti fuq is-suq.

296    F’dan il-kuntest, l-argumenti bbażati minn BA-CA u BAWAG fuq l-imġiba stess tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, l-imġiba effettiva li impriża tallega li adottat hija bla rilevanza għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impatt ta’ l-akkordju fuq is-suq, u li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni biss l-effetti li jirriżultaw mill-ksur fit-totalità tiegħu (sentenzi l-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punti 150 u 152 u Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, insemmija fil-punt 285 hawn fuq, punt 342).

297    L-argument tal-banek li r-rati ta’ interessi effettivament applikati lill-klijenti ma kinux isegwu r-rati "uffiċjali" miftiehma waqt il-kumitati u rriklamati mal-counter, minħabba karatteristiċi speċifiċi ta’ operazzjonijiet individwali u minħabba s-setgħa ta’ l-impjegati tal-banek li jidderogaw, f’ċerti limiti, minn dawn ir-rati, mhuwiex rilevanti. Fil-fatt, ir-rati "uffiċjali" irriklamati mill-banek jikkostitwixxu l-punt tat-tluq tan-negozjati mal-klijenti individwali u jinfluwenzaw, minħabba f’dan, ir-riżultat ta’ dawn.

298    Rigward l-argument ta’ BAWAG u ta’ PSK li d-dokumenti li fihom il-banek stess evalwaw l-applikazzjoni konkreta tal-ftehim tagħhom mhumiex probatorji peress li fihom biss evalwazzjonijiet suġġettivi tal-kollaboraturi tal-bank, għandu jiġi osservat li l-affidabbiltà tad-dokumenti li fihom il-membri ta’ akkordju jesprimu opinjoni fir-rigward tas-"suċċess" tiegħu għandha tiġi eżaminata skond il-każ (sentenzi Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 262 hawn fuq, punt 186 u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsmemija fil-punt 285 hawn fuq, punti 746 u 747). Dubji rigward in-natura probatorja ta’ tali dikjarazzjonijiet jistgħu b’mod partikolari jkunu ġġustifikati meta huma jirreferu għal impressjonijiet li mhumiex fondati fuq elementi konkreti u meta jeżistu opinjonijiet kuntrarji għalihom ta’ membri oħra ta’ l-akkordju li jirrigwardaw l-istess perijodu. Madankollu, dawn ta’ l-aħħar mhumiex iktar kredibbli minn dawk ta’ l-ewwel. F’dan il-każ, il-Kummissjoni tosserva li l-banek evalwaw l-applikazzjoni konkreta tal-ftehim abbażi ta’ stħarriġ regolari f’banek oħra (premessa 433 tad-deċiżjoni kkontestata) u dan il-fatt mhuwiex ikkontestat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha, fost oħrajn, fuq id-dokumenti li fihom il-membri ta’ l-akkordju, kienu esprimew ruħhom, fiż-żmien tal-fatti, fuq l-implementazzjoni ta’ l-akkordju, sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ impatt tiegħu fuq is-suq.

299    Sussegwentement għandu jiġi osservat li l-importanza tar-rati prinċipali għar-rati applikati mill-banek mhijiex ikkontestata mill-Kummissjoni, li tikkritika ġustament lill-banek talli kkoordinaw ir-reazzjoni tagħhom għall-iżvilupp tar-rati prinċipali. Issa, l-effett tal-ftehim li jirriżulta, f’dan il-każ, mill-implementazzjoni tagħhom u l-fatt li r-rati applikati mill-banek kienu segwew ir-rati prinċipali, b’mod li l-impatt konkret tal-ftehim ma jistax jiġi mkejjel ħlief b’diffikultà, mhumiex biżżejjed fihom infushom sabiex jinvalidaw ir-raġunament tal-Kummissjoni.

300    Fl-aħħar nett, jekk huwa minnu li l-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi min-numru u l-frekwenza tal-kumitati biss li dawn kellhom impatt fuq is-suq (sentenza ADM, imsemmija fil-punt 231 hawn fuq, punt 159), ir-riferiment għal din il-frekwenza fid-deċiżjoni kkontestata huwa biss element sekondarju tar-raġunament tal-Kummissjoni li fuqu ma tistax tiddependi l-legalità ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

301    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konstatazzjoni li l-akkordju ġie implementat ma ġietx invalidata mill-argumenti tal-partijiet.

302    It-tielet nett, il-perizja ppreżentata mill-banek ma turix li l-Kummissjoni wettqet żball billi ddeduċiet mill-implementazzjoni tal-ftehim l-eżistenza ta’ impatt konkret tagħhom fuq is-suq. F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi osservat li l-espert kkonstata, abbażi ta’ paragun bejn is-suq bankarju Awstrijak u s-suq bankarju Ġermaniż, li l-kundizzjonijiet kummerċjali li minnhom kienu jibbenefikaw il-klijenti bankarji fl-Awstrija ma kinux inqas favorevoli minn dawk applikati fuq is-suq Ġermaniż u li l-profitabbiltà tal-banek Awstrijaċi kienet inferjuri għal dak tal-banek Ġermaniżi. Min-naħa l-oħra, l-espert osserva, permezz ta’ żewġ investigazzjonijiet li kienu jirrigwardaw il-prodotti bankarji rappreżentattivi, li ebda influwenza li tista’ titkejjel tar-rati mmirati ffissati mill-ftehim fuq il-medja tar-rati applikati effettivament mill-banek ma tista’ tiġi kkonstatata.

303    B’hekk, l-espert illimita s-suġġett ta’ l-istudju tiegħu għal eżami ta’ ċerti kwistjonijiet speċifiċi, filwaqt li l-analiżi tiegħu ma tirrigwardax l-effetti potenzjali kollha tal-ftehim fuq is-suq. Minn dan il-fatt, il-perizja ma tistax turi n-nuqqas ta’ impatt konkret ta’ l-akkordju fuq is-suq.

304    Minn naħa, il-Kummissjoni setgħet b’hekk tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball, li l-paragun mas-suq ta’ Stat Membru ieħor ma jistax juri liema kienu l-kundizzjonijiet applikati fuq is-suq Awstrijak fin-nuqqas ta’ ftehim u li wieħed ma jistax jiddeduċi mill-informazzjoni relatata mal-profitabbiltà tal-banek li l-akkordju ma pproduċiex effett.

305    Min-naħa l-oħra, l-fatt li l-perizja ma setgħetx tkejjel, f’termini ta’ statistiċi, impatt sinjifikattiv ta’ l-akkordju fuq il-medja tal-prezzijiet ma jagħtix prova li l-ftehim ma pproduċa ebda effett fuq l-iffissar tal-prezzijiet ta’ tranżazzjoni applikata lill-klijenti, li jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur.

306    Minn dan isegwi li l-ilmenti li jikkonċernaw l-impatt tal-ksur fuq is-suq għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

4.     Fuq l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat

a)     L-argumenti tal-partijiet

307    Bl-eċċezzjoni ta’ BA-CA (kawża T-260/02) u ta’ RLB (kawża T-262/02), ir-rikorrenti kollha huma ta’ l-opinjoni li l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala "serju ħafna", minkejja d-daqs ridott tas-suq ġeografiku kkonċernat, tmur kontra l-linji gwida, kontra prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni u kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, RZB, BAWAG u PSK (kawżi T-259/02, T-261/02 u T-263/02) jikkunsidraw li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata mhijiex biżżejjed fuq dan is-suġġett. RZB jiddikjara madankollu li huwa m’għandux l-intenzjoni li jinvoka l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni u jistieden il-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex teżamina d-deċiżjoni kkontestata rigward il-mertu.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

308    Skond il-premessa 511 tad-deċiżjoni kkontestata:

"Fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ dan il-każ kif ukoll tal-kuntest tal-ksur, id-daqs komparattivament żgħir tat-territorju ta’ l-Awstrija ma jistax ibiddel in-natura ‘serja ħafna’ tal-ksur."

309    Meta tinqara’ flimkien mal-premessi 506 sa 510 tad-deċiżjoni kkontestata, relatati man-natura tal-ksur, ma’ l-implementazzjoni u ma’ l-effetti ta’ l-akkordju, din il-motivazzjoni miġbura fil-qosor hija suffiċjentement ċara sabiex tippermetti lill-banek li jifhmu r-raġunijiet li wasslu l-Kummissjoni sabiex tikkunsidra li, minkejja l-estensjoni limitata tas-suq, il-ksur kellu jiġi kklassifikat bħala "serju ħafna".

310    Fir-rigward tal-mertu ta’ din l-evalwazzjoni, l-ewwel nett, il-punt 511 juri li l-Kummissjoni la injorat l-estensjoni limitata tas-suq ġeografiku u lanqas ma naqset milli tikkunsidraha.

311    It-tieni nett, l-estensjoni tas-suq ġeografiku jirrappreżenta biss kriterju wieħed minn tliet kriterji rilevanti, skond il-linji gwida, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni globali tal-gravità tal-ksur. Fost dawn il-kriterji interdipendenti in-natura tal-ksur għandha rwol importanti (ara l-punti 240 u 241 hawn fuq). Min-naħa l-oħra, l-estensjoni tas-suq ġeografiku mhijiex kriterju awtonomu fis-sens li biss il-ksur li jikkonċerna l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri jista’ jiġi kklassifikat bħala "serju ħafna". La t-Trattat, la r-Regolament Nru 17, la l-linji gwida u lanqas il-ġurisprudenza ma jippermettu li jiġi meqjus li biss ir-restrizzjonijiet ġeografikament estiżi ħafna jistgħu jiġu kklassifikati hekk (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Lulju 2005, Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, T‑241/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 87). Għaldaqstant, l-argument ta’ BAWAG u ta’ PSK li biss il-ksur li għalih ipparteċipaw kważi l-impriżi kollha tas-suq Ewropew jista’ jiġi kklassifikat bħala serju ħafna (ara l-punti 242 u 250 hawn fuq) għandu jiġi miċħud.

312    It-tielet nett, it-territorju kollu ta’ Stat Membru, anki jekk huwa, meta mqabbel ma’ l-Istati Membri l-oħra, relattivament "żgħir", jikkostitwixxi, f’kull każ, parti sostanzjali tas-suq komuni (sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 173 hawn fuq, punt 28, għas-suq Olandiż u s-sentenza Brasserie nationale et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 240 hawn fuq, punt 177, għas-suq Lussemburgiż). F’dan il-kuntest, l-argument imressaq minn BAWAG, li l-ftehim li fih ipparteċipa jestendi biss sa Vjenna u l-parti tal-punent ta’ l-Awstrija, għandu jiġi miċħud peress li dan jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur globali, li ma tiddependix mill-imġiba effettiva ta’ impriża partikolari (ara f’dan is-sens, is-sentenza Hercules Chemicals vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 285 hawn fuq, punt 342). Issa, mhuwiex ikkontestat li l-akkordju globali jestendi għal l-Awstrija kollha.

313    Għaldaqstant, id-daqs limitat tas-suq ġeografiku kkonċernat ma jipprekludix il-klassifikazzjoni bħala "serju ħafna" tal-ksur ikkontestat f’din il-kawża.

5.     Fuq in-natura selettiva tal-proċedimenti (kawża T-259/02)

314    RZB jerġa’ isostni li l-klassifikazzjoni tal-ksur bħala "serju ħafna" hija inkompatibbli ma’ l-għażla tal-Kummissjoni li tipproċedi biss kontra xi ftit mill-impriżi li pparteċipaw fil-ksur.

315    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod leġittimu, bħala kriterju ta’ għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni, il-parteċipazzjoni frekwenti tagħhom fil-kumitati l-iktar importanti (ara l-punti 134 sa 145 hawn fuq), il-fatt li hija ma pproċedietx kontra l-membri kollha ta’ l-akkordju ma jipprekludix li hija tikklassifika bħala "serju ħafna" l-ksur tat-tip kartell fuq il-prezzijiet in kwistjoni.

6.     Konklużjoni fir-rigward tal-gravità tal-ksur

316    Għar-raġunijiet esposti hawn fuq, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti kollha tar-rikorrenti dwar il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala "serju ħafna" mid-deċiżjoni kkontestata.

C –  Fuq it-tqassim tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata f’kategoriji u fl-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi

317    Hekk kif jirriżulta mill-premessi 519 u 520 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qassmet id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata f’ħames kategoriji, skond l-informazzjoni disponibbli fuq is-sehem tagħhom fis-suq, li għalihom hija ffissat ammonti bażiċi ta’ EUR 25, 12.5, 6.25, 3.13 u 1.25 miljun rispettivament. Fir-risposti tagħha, il-Kummissjoni spjegat li l-valuri ta’ gwida ta’ ishma tas-suq għall-ewwel erba’ kategoriji ta’ impriżi kienu ta’ madwar 22 %, 11 %, 5,5 % u 2,75 %, filwaqt li, fil-ħames kategorija (li hija ssemmi "kategorija tal-bqija"), jinsabu banek li għandhom sehem tas-suq ta’ inqas minn 1 %.

318    Ir-rikorrenti jressqu sensiela ta’ ilmenti kontra aspetti differenti tad-determinazzjoni tas-sehem tagħhom tas-suq, tat-tqassim f’kategoriji u ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi. L-ewwel nett, Erste (kawża T‑264/02) isostni li huwa illegali li l-Kummissjoni attribwietlu ksur ta’ bank (GiroCredit) li miegħu hu kien maqgħud, iżda li, qabel, kien parti mill-grupp ta’ BA‑CA (ara, iktar ‘il quddiem, il-punti 319 et seq). It-tieni nett, RZB (kawża T‑259/02), Erste u ÖVAG (kawża T‑271/02) jopponu l-fatt li l-Kummissjoni attribwitilhom, bħala stabbilimenti ċentrali tas-setturi deċentralizzati, rispettivament, tal-banek Raiffeisen, tal-banek ta’ tfaddil u tal-banek popolari, l-ishma tas-suq tas-setturi rispettivi tagħhom għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji (ara, iktar ‘il quddiem il-punti 337 et seq). It-tielet nett, numru ta’ rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tat-tqassim f’kategoriji u ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi (ara iktar ‘il quddiem il-punti 410 et seq). Ir-raba’ nett, BAWAG, PSK u NÖ‑Hypo (kawżi T-261/02, T-263/02 u T-271/02) jinvokaw ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (ara, iktar ‘il quddiem, il-punti 418 sa 431) filwaqt li, il-ħames nett, PSK, Erste u ÖVAG isostnu li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni rigward s-sehem tagħhom tas-suq huma żbaljati (ara, iktar ‘il quddiem, il-punti 432 et seq).

1.     Fuq l-attribuzzjoni tal-ksur ta’ GiroCredit lil Erste (kawża T‑264/02)

a)     Il-fatti li fuqhom hija bbażata din ir-raġuni u d-deċiżjoni kkontestata

319    Erste (taħt l-isem preċedenti tiegħu EÖ) xtara mill-ġdid, f’Mejju 1997, 53 % ta’ l-ishma ta’ GiroCredit, li assuma r-rwol ta’ stabbiliment ċentrali tall-banek ta’ tfaddil. Mill-1994 sax-xiri ta’ l-ishma minn EÖ, l-ishma ta’ GiroCredit kienu fil-biċċa l-kbira miżmuma mill-grupp Bank Austria (ara l-punti 7 u 11 hawn fuq). F’Ottubru 1997, GiroCredit u EÖ ingħaqdu, u l-isem ta’ EÖ tbiddel f’Erste.

320    Il-Kummissjoni eżaminat, fil-premessi 475 sa 481 tad-deċiżjoni kkontestata, jekk ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq minn GiroCredit kellhiex tiġi attribwita lil Erste jew lil BA. Hija qieset li hija ma setgħetx tikkonkludi li l-politika kummerċjali ta’ GiroCredit kienet ġiet influwenzata minn BA qabel ix-xiri mill-ġdid minn Erste. Għaldaqstant, hija kkonkludiet li GiroCredit stess kien responsabbli mill-ksur u li din ir-responsabbilità kienet ġiet ittrasferita lil Erste wara l-għaqda.

b)     L-argumenti tal-partijiet

321    Erste huwa ta’ l-opinjoni li l-imġiba illegali ta’ GiroCredit matul il-perijodu li jippreċedi l-akkwist tiegħu għandu jiġi attribwit lil BA u mhux lilu. Huwa jsostni, billi jipproduċi ċerti elementi ta’ prova, li l-kundizzjonijiet li fihom ir-responsabbiltà għall-imġiba ta’ kumpannija sussidjarja tista’ tiġi attribwita lill-kumpannija ewlenija kienu ġew sodosfatti fir-relazzjonijiet bejn BA u GiroCredit.

322    Il-Kummissjoni tafferma li mhuwiex stabbilit li l-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni tal-ksur ta’ GiroCredit lil BA huma sodisfatti. Hija ta’ l-opinjoni li hija għandha, f’kull każ, l-għażla li timponi s-sanzjoni fuq il-kumpannija ewlenija jew fuq il-kumpannija sussidjarja, anki jekk il-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ l-imġiba tal-kumpannija sussidjarja lill-kumpannija ewlenija huma sodisfatti.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

323    Fil-kuntest ta’ din ir-raġuni, għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk il-kundizzjonijiet li fihom ix-xerrej ta’ impriża huwa responsabbli għall-ksur li hija wettqet qabel l-akkwist humiex sodisfatti f’dan il-każ u, it-tieni nett, l-effett, fuq ir-responsabbiltà tax-xerrej, minħabba l-fatt li l-impriża akkwistata kienet ikkontrollata qabel minn kumpannija ewlenija oħra.

324    Skond ġurisprudenza kostanti, huwa obbligu, bħala prinċipju, tal-persuna fiżika jew morali li tmexxi l-impriża fil-mument meta l-ksur ikun ġie kommess, li tirrispondi għal dan, anki jekk, fil-ġurnata ta’ l-adozzjoni tad-deċiżjoni li kkonstatat il-ksur, it-tmexxija ta’ l-impriża tkun saret ir-responsabbiltà ta’ persuna oħra (sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 286 hawn fuq, punt 78). Sakemm il-persuna morali li kienet tmexxi l-impriża fil-mument tal-ksur teżisti, ir-responsabbiltà għall-imġiba illegali ta’ l-impriża ssegwi din il-persuna morali, anki jekk l-elementi materjali u umani li kkontribwixxew għat-twettiq tal-ksur kienu ġew ittrasferiti wara l-perijodu tal-ksur lill-terzi persuni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, T-327/94, Ġabra p. II‑1373, punt 63, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 25).

325    Min-naħa l-oħra, meta, bejn il-mument li fih il-ksur ġie mwettaq u l-mument li fih l-impriża in kwistjoni għandha tirrispondi għalih, il-persuna responsabbli għat-tmexxija ta’ din l-impriża waqfet teżisti legalment, huwa neċessarju li jinsabu, l-ewwel nett, l-elementi materjali u umani kollha li kkontribwixxew għat-twettiq tal-ksur u, it-tieni nett, li tiġi identifikata l-persuna li saret responsabbli għat-tmexxija ta’ dan kollu, sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn, minħabba l-għajbien tal-persuna responsabbli għat-tmexxija tagħha fil-mument tat-twettiq tal-ksur, l-impriża ma tirrispondix għal dan (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 285 hawn fuq, punt 953).

326    Meta l-impriża in kwistjoni waqfet teżisti minħabba li hi ġiet akkwistata minn xerrej, dan ta’ l-aħħar jassumi l-attivi u l-passivi tagħha, inklużi r-responsabbilitajiet tagħha fir-rigward ta’ ksur tad-dritt Komunitarju (Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Mischo tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Stora Kopparbergs Bergslags Il-Kummissjoni, C‑286/98 P, Ġabra p. I‑9925, I‑9928, punt 75). F’dan il-każ, ir-responsabbiltà għall-ksur imwettaq mill-impriża akkwistata tista’ tiġi attribwita lix-xerrej (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punt 145).

327    F’dan il-każ, il-persuna morali responsabbli għat-tmexxija ta’ l-attivitajiet bankarji ta’ GiroCredit qabel l-għaqda ma’ EÖ kienet GiroCredit Bank der österreichischen Sparkassen AG. Peress li dan ġie akkwistat minn EÖ f’Mejju 1997, din il-persuna morali waqfet teżisti f’Ottubru 1997 minħabba l-għaqda tagħha ma’ EÖ, li sar Erste.

328    Skond il-prinċipji esposti hawn fuq, Erste għandu għaldaqstant jinżamm responsabbli għall-ksur imwettaq minn GiroCredit qabel ix-xiri ta’ dan ta’ l-aħħar minn EÖ.

329    Sussegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk din ir-responsabbiltà tax-xerrej għandhiex tiġi eskluża fil-każ fejn ir-responsabbiltà għal ksur li l-impriża akkwistata wettqet qabel ix-xiri tistax tiġi attribwita lill-kumpannija prinċipali tagħha ta’ qabel.

330    Fir-rigward ta’ dan, għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, l-imġiba ta’ kumpannija sussidjarja li għandha personalità ġuridika distinta tista’ tiġi attribwita lill-kumpannija ewlenija, b’mod partikolari meta l-kumpannija sussidjarja ma tiddeterminax b’mod awtonomu l-imġiba tagħha fis-suq, iżda tapplika, essenzjalment, l-istruzzjonijiet li jingħatawlha mill-kumpannija ewlenija (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Lulju 1972, ICI vs Il-Kummissjoni, 48/69, Ġabra p. 619, punti 132 u 133; tas-16 ta’ Novembru 2000, Metsä-Serla et vs Il-Kummissjoni, C‑294/98 P, Ġabra p. I‑10065, punt 27 u tat-2 ta’ Ottubru 2003, Aristrain vs Il-Kummissjoni, C‑196/99 P, Ġabra p. I‑11005, punt 96; sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij. et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 285 hawn fuq, punt 960) jew meta l-kumpannija ewlenija, li tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-politika kummerċjali tal-kumpannija sussidjarja tagħha, tkun taf u tapprova l-parteċipazzjoni ta’ din ta’ l-aħħar fl-akkordju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, T‑309/94, Ġabra p. II‑1007, punti 41, 42, 45, 47 u 48, ikkonfermata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, C‑248/98 P, Ġabra p. I‑9641, punt 73).

331    Din il-possibbiltà li timponi s-sanzjoni għall-imġiba illegali tal-kumpannija sussidjarja fuq il-kumpannija ewlenija ma tipprekludix madankollu, fiha nfisha, li l-kumpannija sussidjarja stess tkun penalizzata. Fil-fatt, impriża – jiġifieri entità ekonomika li tikkonsisti f’elementi personali, tanġibbli u intanġibbli (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 1962, Mannesmann vs l-Awtorità Għolja, 19/61, Ġabra p. 675, 705 u 706) – hija amministrata mill-korpi previsti mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha u kull deċiżjoni li timponi ammenda fuqha tista’ tiġi indirizzata lill-amministrazzjoni kif provdut fl-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ l-impriża (il-bord ta’ amministrazzjoni, il-kumitat ta’ amministrazzjoni, id-direttur, il-chairman, eċċ), anki jekk il-konsegwenzi finanzjarji huma finalment sostnuti mill-proprjetarji. Din ir-regola ma tkunx osservata jekk il-Kummissjoni, meta affrontata b’imġieba illegali ta’ impriża, tkun mitluba li tivverifika dejjem min hu l-proprejtarju li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq l-impriża, sabiex tkun tista’ tippenalizza dan il-proprjetarju biss (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, Ġabra p. II‑1181, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Tokai I", punti 279 sa 281). Peress li l-fakultà li tiġi ppenalizzata l-kumpannija ewlenija għall-imġiba ta’ kumpannija sussidjarja ma taffettwax għaldaqstant il-legalità ta’ deċiżjoni indirizzata lill-unika kumpannija sussidjarja li pparteċipat għall-ksur, il-Kummissjoni għandha l-għażla li tippenalizza kemm il-kumpannija sussidjarja li pparteċipat għall-ksur, kif ukoll lill-kumpannija ewlenija li kkontrollata matul dan il-perijodu.

332    Din l-għażla hija wkoll tal-Kummissjoni fil-każ ta’ suċċessjoni ekonomika fil-kontroll tal-kumpannija sussidjarja. Jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi l-imġiba tal-kumpannija sussidjarja lill-kumpannija ewlenija preċedenti għall-perijodu li jippreċedi t-trasferiment u lill-kumpannija ewlenija l-ġdida għall-bqija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 330 hawn fuq, punt 73), hija mhijiex obbligata tagħmel dan u tista’ tagħżel li tippenalizza biss il-kumpannija sussidjarja ta’ l-imġiba tagħha stess.

333    Ċertament, fir-rigward tan-natura tal-ksur in kwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-grad tas-severità tas-sanzjonijiet relatati miegħu, ir-responsabbiltà għat-twettiq tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha natura personali (sentenza Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punt 78), u persuna, fiżika jew morali, għandha tiġi ppenalizzata biss għall-fatti li huma attribwiti lilha individwalment (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 u T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, iktar ‘il quddiem is-"sentenza KTS", punt 63 u s-sentenza ADM, imsemmija fil-punt 231 hawn fuq, punt 261). Skond dan il-prinċipju, il-Kummissjoni ma tistax tattribwixxi lix-xerrej ta’ kumpannija r-responsabbiltà ta’ l-imġieba tagħha qabel l-akkwist tagħha peress li din ir-risponsabbiltà għandha tiġi attribwita lill-kumpannija stess sakemm din għadha teżisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni,imsemmija fil-punt 330 hawn fuq, punt 72, u Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 286 hawn fuq, punti 77 sa 80).

334    Min-naħa l-oħra, mhuwiex inkompatibbli ma’ dan il-prinċipju li tattribwixxi lill-kumpannija sussidjarja r-responsabbiltà ta’ l-imġiba stess tagħha, anki jekk dan għandu l-konsegwenza, fil-każ fejn kumpannija sussidjarja titlef il-personalità ġuridika tagħha wara l-ksur, li s-sanzjoni tkun imposta fuq ix-xerrej, li ma wettaqx il-ksur.

335    Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni stabbiliet il-parteċipazzjoni ta’ impriża f’akkordju, hija setgħet legalment timponi ammenda fuq il-persuna fiżika jew morali li tamministraha, jew anki, jekk din ma teżistix iktar, fuq l-aventi kawża ta’ din ta’ l-aħħar mingħajr ma tkun obbligata tivverfika jekk l-impriża aġixxietx b’mod awtonomu jew skond l-ordinijiet ta’ kumpannija ewlenija. Kieku dan kien mod ieħor, l-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jkunu konsiderevolment twal minħabba n-neċessità li jiġi vverifikat, f’kull każ ta’ suċċessjoni fil-kontroll ta’ impriża, safejn l-attivitajiet tagħha jistgħu jiġu attribwiti lill-kumpannija ewlenija ta’ qabel.

336    Minn dak li jippreċedi jirriżulta, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġi vverifikat jekk l-imġiba ta’ GiroCredit kellhiex tiġi attribwita lil BA, li l-Kummissjoni ma wettqet ebda illegalità meta attribwiet din l-imġiba lil Erste, bħala l-aventi kawża ta’ GiroCredit.

2.     Fuq l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq tal-banek tas-"setturi deċentralizzati" lill-istabbilimenti ċentrali (kawżi T‑259/02, T‑264/02 u T‑271/02)

337    RZB, Erste u ÖVAG huma ta’ l-opinjoni li l-klassifikazzjoni tagħhom f’kategorija hija illegali peress li l-Kummissjoni attribwitilhom, bħala kumpanniji ewlenin tas-setturi deċentralizzati tal-banek Raiffeisen, tal-banek ta’ tfaddil u tal-banek popolari, l-ishma tas-settur rispettiv kollu.

a)     Id-deċiżjoni kkontestata

338    Id-deċiżjoni kkontestata tiġġustifika l-attribuzzjoni, lill-istabbilimenti ċentrali, ta’ l-ishma tas-suq tas-setturi rispettivi bil-premessi li ġejjin:

" (515) Għal dak li jikkonċerna l-ksur li għandu f’dan il-każ jiġi kkaratterizzat bħala gravi ħafna, l-iskala tal-multi li għandhom jiġu imposti tippermetti li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-impriżi kkonċernati li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sinjifikattiv. [Din l-iskala tippermetti] ukoll li jiġi stabbilit l-ammont tal-multa għal livell li jassigura li hija għandha effett suffiċjentement dissważiv. Dan it-tip ta’ trattament iddivrenzjat huwa partikolarment neċessarju f’dan il-każ, peress li hemm differenzi kbar bejn l-impriżi u l-gruppi li pparteċipaw fil-ksur.

(516)          F’dan il-każ, il-partikolaritajiet tas-suq bankarju Awstrijak għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni. Ma jkunx fil-fatt realistiku li tillimita l-importanza ta’ Erste, ta’ RZB u ta’ ÖVAG fi ħdan in-netwerk, kif ukoll il-kapaċità effettiva tagħhom li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni b’detriment għal konsumaturi, għall-attivitajiet tagħhom rispettivi bħala banek kummerċjali.

(517)          Għall-kuntrarju, il-fajl juri b’mod ċar ħafna li dawn l-impriżi, bħala mexxejja tal-gruppi rispettivi tagħhom, ikkontribixxew għall-effiċjenza tan-netwerk fl-Awstrija kollha permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni intensiva fi ħdan il-grupp. Dawn l-istabbilimenti ma ppreżentawx biss l-interessi proprji tagħhom, iżda wkoll dawk tal-gruppi rispettivi tagħhom, u kienu, f’dan is-sens, ikkunsidrati mill-parteċipanti l-oħra bħala r-rappreżentanti ta’ dawn ta’ l-aħħar. Għaldaqstant, ma kienx hemm biss ftehim bejn il-banek differenti, iżda wkoll bejn il-gruppi.

(518)          Li tinjora l-gruppi wara l-istituzzjonijiet li jmexxulhom – gruppi tal-banek ta’ tfaddil, gruppi tal-[banek Raiffeisen] u gruppi ta’ banek popolari – iwassal għall-iffissar ta’ multi mhux xierqa u ‘l bogħod mir-realtà ekonomika u li ma jkollhom ebda effett dissważiv. Il-multi jkollhom effett dissważiv biss jekk dawn il-kumpanniji li jmexxuhom ma jipparteċipawx iktar fil-futur fil-prattiċi miftiehma bħala rappreżentanti tal-gruppi tagħhom rispettivi." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

b)     L-argumenti tal-partijiet

 L-argumenti tar-rikorrenti

339    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tagħhom tad-difiża u l-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni nett, huma jsostnu li l-Kummissjoni injorat, fuq il-pjan ġuridiku, il-kundizzjonijiet li fihom attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq ta’ impriża lil oħra, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, hija ammissibbli. It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq u l-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti.

–       Fuq id-drittijiet tad-difiża u tal-motivazzjoni

340    Erste tikkritika l-Kummissjoni talli kisret id-drittijiet tagħha tad-difiża peress li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ma kinitx tirreferi għall-intenzjoni tal-Kummissjoni li tattribwixxi lill-istabbilimenti ċentrali l-ishma tas-suq tal-gruppi tagħhom. Barra minn hekk, Erste u ÖVAG isostnu li la t-trażmissjoni allegata ta’ informazzjoni lill-banek deċentralizzati u lanqas ir-rappreżentazzjoni allegata tagħhom mill-kumpanniji ewlenin ma kienu msemmija fid-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet.

341    Barra minn hekk, Erste huwa ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq.

–       Fuq il-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq

342    RZB u Erste jiddikjaraw li l-attribuzzjoni, lill-istabbilimenti ċentrali, ta’ l-ishma tas-suq tal-banek li jappartjenu għas-setturi tagħhom twassal sabiex tiġi attribwita l-imġiba ta’ dawn kollha lilhom. Huma jaffermaw li din l-attribuzzjoni hija nieqsa minn bażi ġuridika u tmur kontra n-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur fid-dritt tal-kompetizzjoni, peress li s-setturi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala entitajiet ekonomiċi. RZB u Erste huma ta’ l-opinjoni li b’hekk il-Kummissjoni qed tipprova terġa’ lura fuq id-deċiżjoni tagħha li tipproċedi selettivament kontra parti mill-impriżi li pparteċipaw għall-ksur u li tippenalizza l-imġiba tal-banek li jappartjenu lit-tliet setturi msemmija hawn fuq mingħajr ma tagħtihom il-possibbiltà li jiddefendu lilhom nfishom.

343    RZB iżid li l-approċċ tal-Kummissjoni mhuwiex koerenti peress li hija imponiet multa fuq RLB, li jappartjeni ukoll għall-grupp Raiffeisen. Bl-istess mod, Erste jsostni, fil-kuntest tar-raġuni tiegħu bbażata fuq determinazzjoni żbaljata ta’ l-ishma tas-suq tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil (ara l-punt 440 hawn fuq), li ishma tas-suq ta’ EÖ kienu ttieħdu in kunsiderazzjoni darbtejn, peress li multa individwali ġiet imposta fuqu filwaqt li huwa kien wieħed mill-banek deċentralizzati tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil qabel l-għaqda tiegħu ma’ l-istabbiliment ċentrali GiroCredit li minnha rriżultat Erste (ara l-punt 319 hawn fuq). Erste jżid li l-attribuzzjoni ta’ l-imġiba tal-banek ta’ tfaddil lill-istabbiliment ċentrali wassal għal riżultati inġusti, peress li ma kellux il-possibbiltà la fid-dritt u lanqas fil-fatt li jqassam il-multa bejn il-banek ta’ tfaddil ġuridikament indipendenti.

344    Skond ir-rikorrenti, la l-"kapaċità effettiva" ta’ l-impriżi li jippreġudikaw lill-konsumaturi u lanqas in-neċessità ta’ effett dissważiv suffiċjenti tal-multa ma jistgħu jiġġustifikaw din l-attribuzzjoni. F’dan il-kuntest, ÖVAG u Erste jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma osservatx il-prinċipju ta’ ugwaljanza ta’ trattament bejn il-banek il-kbar ċentralizzati u s-setturi deċentralizzati. ÖVAG iżid li l-Kummissjoni, billi attribwiet l-ishma tas-suq tas-setturi lill-kumpanniji ewlenin, billi ttrattat dawn ta’ l-aħħar, b’mod żbaljat, bħall-banek kummerċjali l-kbar, li għandhom netwerk ta’ aġenziji suġġetti għall-istruzzjonijiet ta’ l-uffiċċju ċentrali. Barra minn hekk, huwa jilmenta wkoll li l-Kummissjoni naqset inġustament milli tieħu in kunsiderazzjoni trażmissjoni ta’ informazzjoni simili għal dik attribwita lis-setturi deċentralizzati bejn BA-CA u ċerti banek li fihom huwa għandu ammont sinjifikattiv ta’ ishma.

345    RZB u Erste invokaw barra minn hekk ir-regoli applikabbli għall-assoċjazzjoni ta’ impriżi li f’din il-kawża, skondhom, jopponu l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq tal-kumpanniji ewlenin. L-ewwel nett, huma jinvokaw is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni (T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 254), li teskludi, skondhom, l-attribuzzjoni tas-setgħa ekonomika tas-setturi lill-kumpanniji ewlenin peress li dawn mhumiex assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, iżda impriżi. It-tieni nett, huma jsostnu li l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq tal-banek deċentralizzati lill-kumpanniji ewlenin hija eskluża peress li dawn ta’ l-aħħar m’għandhom l-ebda possibbiltà li jorbtu l-banek tas-settur tagħhom, filwaqt li, skond il-ġurisprudenza, il-kapaċità ta’ assoċjazzjoni li torbot il-membri tagħha hija kundizzjoni ta’ l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq ta’ dawn ta’ l-aħħar. It-tielet nett, huma jaffermaw li l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq lill-kumpanniji ewlenin hija inkompatibbli man-natura sussidjarja tar-responsabbiltà ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi prevista fil-punt 5(c) tal-linji gwida. Skond ir-rikorrenti, kien possibbli ħafna, f’dan il-każ, li tinbeda l-proċedura ta’ ksur fir-rigward tal-banek deċentralizzati u li timponi fuqhom is-sanzjonijiet xierqa.

–       Fuq il-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjoni tagħhom

346    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli injorat l-indipendenza ġuridika u ekonomika tal-banek deċentralizzati, billi enfasizzat li huma ma setgħux jagħtu istruzzjonijiet lill-istabbilimenti tas-setturi tagħhom. Huma jinsistu, b’mod partikolari, fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, fuq in-nuqqas ta’ kull setgħa "fattwali" li biha setgħu jinfluwenzaw l-imġiba kompetittiva tal-banek deċentralizzati.

347    RZB jispjega f’dan ir-rigward li s-settur Raiffeisen jippreżenta struttura "bottom up" skond liema l-banek Raiffeisen lokali (jew "primarji") huma l-membri kooperaturi tal-banek reġjonali (jew "sekondarji", insemmija "Raiffeisen‑Landesbanken"), fejn dawn ta’ l-aħħar għandhom, min-naħa tagħhom, iktar minn 80 % ta’ l-ishma ta’ RZB. Skondu, RZB u r-Raiffeisen‑Landesbanken jassiguraw unikament ċerti "funzjonijiet ta’ servizz" fir-rigward tal-banek li jinsabu fil-livell primarju jew sekondarju. Huwa josserva li huwa ma kellu ebda sehem fil-kapital ta’ dawn ta’ l-aħħar u li dan il-fatt jiddistingwieh minn kumpanniji ewlenin ta’ setturi deċentralizzati oħra. RZB isostni li l-iktar l-iktar huwa l-istrument tal-banek primarji u ta’ Raiffeisen‑Landesbanken u li dawn mhumiex, għall-kuntrarju, suġġetti għall-istruzzjonijiet ta’ RZB. Skondu, l-organizzazzjoni tas-settur f’kooperattivi teskludi kull attribuzzjoni ta’ l-imġiba tal-banek primarji lil RZB, u l-fatt li huma għandhom f’ċerti oqsma parzjali l-istess apparenza esterjuri ma jistax ibiddel dan. RZB jindika li n-nuqqas ta’ strutturi ġerarkiċi kien il-kawża tan-"nuqqas ta’ dixxiplina" magħruf tas-settur Raiffeisen waqt l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-laqgħat ta’ banek, li dwaru l-banek l-oħra kienu jilmentaw b’mod regolari. Skondu, is-settur Raiffeisen huwa ta’ natura tali li l-banek Raiffeisen individwali, li jissorveljaw b’mod rigoruż l-awtonomija tagħhom, bagħtu biss informazzjoni mhux kompluta fuq il-kundizzjonijiet ppjanati jew anki ddikjaraw minn qabel li huma jiffissaw il-kundizzjonijiet tagħhom "huma stess".

348    Erste jiddiskrivi qabel kollox l-ishma li huwa kellu fil-kapital ta’ ċerti banek ta’ tfaddil. Huwa ta’ l-opinjoni li huwa eskluż, fid-dawl ta’ l-importanza ridotta ta’ dawn l-ishma, li l-grupp tal-banek ta’ tfaddil jikkostitwixxi entità ekonomika li tista’ tiġġustifika l-attribuzzjoni ta’ l-imġiba tal-banek ta’ tfaddil lill-istabbiliment ċentrali. Hija tesponi sussegwentement li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi relatati mas-settur tal-banek ta’ tfaddil u l-istatuti ta’ assoċjazzjoni ta’ l-istabbiliment ċentrali huma intiżi sabiex jippermettu jew jiffaċilitaw, għal stabbilimenti ta’ kreditu żgħar tas-settur deċentralizzat, l-eżerċizzju ta’ attività bankarja u jirrigwardaw il-funzjonijiet li dawn l-istabbilimenti ma jistgħux jassumu minħabba d-daqs tagħhom u n-nuqqas ta’ riżorsi tagħhom. Huwa jipproċedi għal analiżi dettaljata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li minnha huwa jiddeduċi li dawn ma jagħtu lill-istabbiliment ċentrali ebda influwenza fuq l-imġiba kummerċjali tal-banek ta’ tfaddil. Erste jikkritika lill-Kummissjoni talli użat "kriterji differenti" peress li d-drittijiet u l-obbligi li fuqhom hija bbażat l-attribuzzjoni tal-banek ta’ tfaddil reġjonali lil GiroCredit kienu jeżistu, sa Ottubru 1997, f’proporzjonijiet ħafna iktar sinjifikattivi bejn GiroCredit u BA, li, barra minn hekk, kellu l-maġġoranza tal-kapital f’Girocredit. Erste enfasizza li, minkejja dan, il-Kummissjoni ma attribwixxitx l-imġiba ta’ GiroCredit lil BA. Erste jsostni li, fil-fatti wkoll, l-imġiba kummerċjali tal-banek ta’ tfaddil kienet indipendenti mill-kumpannija ewlenija. F’dan ir-rigward, huwa josserva, qabel kollox, li l-oneru tal-prova li Erste/GiroCredit għandu kontroll effettiv fuq l-imġiba kummerċjali tal-banek ta’ tfaddil jaqa’ fuq il-Kummissjoni, li ma ressqitx tali prova fid-deċiżjoni. Madankollu, huwa ressaq l-argumenti li ġejjin sabiex juri l-indipendenza ta’ l-imġiba kummerċjali tal-banek ta’ tfaddil:

–        l-indipendenza tal-banek ta’ tfaddil mill-kumpannija ewlenija kienet iggarantita mil-liġi Awstrijaka dwar il-banek ta’ tfaddil u minn dik dwar il-kumpanniji pubbliċi;

–        jekk il-kumpannija ewlenija kellha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq l-imġiba tal-banek ta’ tfaddil, dispożizzjonijiet speċjali ta’ l-Artikolu 30 tal-BWG kellhom jiġu applikati u dan ma seħħx;

–        il-banek ta’ tfaddil kienu f’pożizzjoni aħjar mill-kumpannija ewlenija sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet bankarji tagħhom skond is-sitwazzjoni reġjonali u lokali;

–        kull bank ta’ tfaddil segwa l-politika kummerċjali tiegħu stess u l-kundizzjonijiet bankarji li l-banek ta’ tfaddil stabbilixxew fir-relazzjonijiet kummerċjali mal-klijenti tagħhom kienu differenti;

–        fuq kollox, il-banek ta’ tfaddil reġjonali kienu f’kompetizzjoni magħhom u mal-kumpanniji sussidjarji tal-kumpanija ewlenija fuq numru ta’ swieq lokali matul il-perijodu kkonċernat.

349    It-tieni nett, rigward l-iskambji ta’ informazzjoni bejn il-kumpanniji ewlenin u l-banek deċentralizzati, RZB jammetti li tali skambju seħħ fi ħdan is-settur tiegħu, iżda huwa jikkontesta li l-mekkaniżmi interni ta’ informazzjoni u ta’ rappreżentazzjoni kienu ġew speċjalment ikkostitwiti għall-finijiet ta’ l-implementazzjoni tal-ftehim. Hija tafferma li l-infrastruttura tas-settur Raiffeisen kienet diġà teżisti u kienet tikkorrispondi sempliċiment għall-istruttura ta’ tliet gradi ta’ dan is-settur. RZB huwa ta’ l-opinjoni li t-trażmissjoni ta’ informazzjoni minn RZB intiża għall-implementazzjoni tal-ftehim fuq livell lokali ma kellha ebda importanza deċiżiva peress li kien hemm kuntratti "orizzontali" diretti fuq il-livell lokali u li r-Raiffeisen-Landesbanken setgħu jiksbu l-informazzjoni fuq il-ftehim huma stess. Erste u ÖVAG isostnu, min-naħa l-oħra, li ma ngħatatx prova ta’ l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ informazzjoni bejn l-istabbiliment ċentrali u l-istabbilimenti deċentralizzati la fir-rigward tal-banek ta’ tfaddil u lanqas fir-rigward tal-banek popolari.

350    It-tielet nett, RZB u Erste jikkontestaw il-konstazzjonijiet, li jinsabu b’mod partikolari fil-premessi 61 u 517 tad-deċiżjoni kkontestata, li skondhom huma kienu "rappreżentanti" tas-settur tagħhom u/jew kienu kkunsidrati bħala tali mill-banek l-oħra.

351    RZB jenfasizza li huwa ma kellu ebda setgħa li jinvolvi s-settur kollu waqt il-laqgħat ta’ banek ikkonċernati u dan kien kompletament ċar għall-parteċipanti l-oħra fil-laqgħat. Huwa jżid li hu ma kellu ebda interess li s-settur Raiffeisen kollu japplika l-ftehim, peress li huwa ma kienx jibbenefika minn żieda fil-valur allegat derivanti mill-akkordji pprojbiti, minħabba l-istruttura tas-settur.

352    Erste jafferma, abbażi ta’ analiżi dettaljata tad-dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-premessa 62, li dawn ma jagħtux prova ta’ l-allegazzjoni li huwa (GiroCredit qabel l-għaqda) kien aġixxa bħala rappreżentant tas-settur kollu tal-banek ta’ tfaddil waqt il-kumitati. Fir-risposta tiegħu, huwa jżid li l-Kummissjoni lanqas setgħet tiddeduċi min-notifika li saret f’Ottubru 1999 ta’ abbozz ta’ ftehim konkluż fi ħdan is-settur tal-banek ta’ tfaddil, li fiha kien hemm indikat li l-kumpannija ewlenija għandha "tippreżerva l-interessi tal-banek ta’ tfaddil", li huwa ddefenda l-interessi ta’ dan ta’ l-aħħar fi ħdan il-kumitati. Huwa enfasizza, fis-seduta, li s-settur tal-banek ta’ tfaddil kien is-suġġett ta’ modifiki kbar bejn l-1997 u l-1999 fis-sens ta’ approssimazzjoni ta’ l-istabbilimenti u tal-preżentazzjoni tagħhom fis-suq. Barra minn hekk, huwa jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi li kien hemm ftehim fuq il-kundizzjonijiet kummerċjali wkoll fi ħdan il-grupp.

353    Ir-raba’ nett, Erste jsostni li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-influwenza allegata tal-kumitati ta’ Vjenna fuq dawk eżistenti fuq livell reġjonali sabiex tiġġustifika l-attribuzzjoni kkontestata. Huwa jafferma li d-deċiżjoni kkontestata tinjora l-fatt li, jekk Erste/GiroCredit kien preżenti fil-Länder, dan kien permezz tal-fergħat proprji tiegħu u mhux minħabba l-intervent tal-banek ta’ tfaddil reġjonali indipendenti. Erste ma jikkontestax li hu stess jew GiroCredit kienu pparteċipaw għall-kumitati tas-siti reġjonali fejn huwa kellhu fergħat. Huwa jenfasizza li dan ma jfissirx li pprova jeżerċita influwenza fuq il-banek ta’ tfaddil reġjonali li kienu ħadu sehem għall-istess kumitati indipendentemnt mill-kumpannija prinċipali tagħhom u li huwa ttratta l-banek ta’ tfaddil matul il-kumitati eżattament bl-istess mod bħall-banek l-oħra preżenti.

 L-argumenti tal-Kummissjoni

354    Il-Kummissjoni ssostni qabel kollox li għandha ssir distinzjoni bejn l-attribuzzjoni ta’ l-imġieba illegali ta’ impriża lil oħra u l-klassifikazzjoni ta’ l-impriżi f’kategoriji għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont bażiku tal-multa u hija tafferma li hija ppenalizzat kull kumpannija ewlenija biss għall-imġiba tagħha stess, jiġifieri għall-kontribuzzjoni tagħha fit-tħaddim ta’ l-akkordju fit-territorju Awstrijak kollu permezz tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni intiża għall-istabbilimenti tas-settur tagħhom jew li jiġu minn dawn ta’ l-aħħar. Skondha, l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ unità ekonomika u r-regoli applikabbli għall-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi mhumiex għaldaqstant rilevanti. Hija tqis li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ishma tas-suq kien iġġustifikat, fir-rigward tal-linji gwida, minħabba n-neċessità li tittieħed in kunsiderazzjoni l-kapaċità effettiva tal-kumpanniji ewlenin li jippreġudikaw il-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-kumpanniji ewlenin jifformaw, mal-gruppi tagħhom, unitajiet li jeżerċitaw attività ekonomika komuni, simili għall-unitajiet ekonomiċi.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Osservazzjonijiet preliminari

355    L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-attribuzzjoni, lill-istabbilimenti ċentrali, ta’ l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi tagħhom taqa’ fil-kuntest tad-diviżjoni f’kategoriji tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Billi għamlet użu minn din il-fakultà, prevista fis-sitt subparagrafu tal-punt 1A tal-linji gwida, il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tieħu in kunsiderazzjoni l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ dawn l-istabbilimenti li joħolqu distorsjoni ta’ kompetizzjoni, u tal-piż speċifiku u għaldaqstant ta’ l-impatt reali fuq il-kompetizzjoni, permezz ta’ l-imġiba illegali tagħhom.

356    F’dan ir-rigward, għandha tiġi miċħuda t-teżi tar-rikorrenti li d-deċiżjoni kkontestata, billi attribwixxiet lill-kumpanniji ewlenin l-ishma tas-suq tal-banek tas-settur tagħhom, imponiet fuqhom l-imġiba illegali ta’ dawn ta’ l-aħħar. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata ma tibbażax l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq fuq il-konstatazzjonijiet speċifiċi, relatati mal-parteċipazzjoni effettiva tal-banek deċentralizzati fil-ksur. Hekk kif jirriżulta mill-premessi 516 sa 518, l-ewwel nett, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq it-teħid in kunsiderazzjoni tal-partikolaritajiet tas-suq bankarju Awstrijak li huwa kkaraterizzat, fil-fehma tagħha, mill-fatt li l-importanza ta’ l-istabbilimenti ċentrali fi ħdan in-netwerks tagħhom u l-kapaċità effettiva li joħolqu distorsjoni ta’ kompetizzjoni huma iktar importanti mill-attiviatjiet rispettivi tagħhom bħala banek kummerċjali. It-tieni nett, il-Kummissjoni rreferiet għar-rwol tal-kumpanniji ewlenin, minn naħa, ġewwa s-setturi għall-implementazzjoni tal-ftehim, b’mod partikolari permezz ta’ skambji ta’ informazzjoni u min-naħa l-oħra, bħala rappreżentanti tas-setturi fi ħdan l-akkordju. Billi għamlet hekk, il-Kummissjoni ppenalizzat il-kumpanniji ewlenin għall-imġiba tagħhom stess, li l-gravità tagħha kienet ġiet stabbilita skond in-natura tal-ksur imwettaq – jiġifieri ftehim orizzontali fuq il-prezzijiet – fid-dawl tal-fatt ukoll li s-settur bankarju joffri servizzi ta’ importanza estrema kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-impriżi, jiġifieri għall-ekonomija kollha (premessi 506 u 507 tad-deċiżjoni kkontestata).

357    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti kollha tar-rikorrenti bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni attribwitilhom imġiba illegali tal-banek tas-setturi tagħhom.

358    Barra minn hekk, mhuwiex ikkonstatat li l-multi imposti mill-Kummissjoni lill-kumpanniji ewlenin ma jaqbżux il-limitu ta’ 10 % tal-fatturat tagħhom, iffissat fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 17. Barra minn hekk, huwa kostanti li l-Kummissjoni ma kklassifikatx il-kumpanniji ewlenin bħala assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet li għalihom il-ġurisprudenza tissuġġetta l-attribuzzjoni tal-fatturat tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi lil din ta’ l-aħħar għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-imsemmi limitu mhumiex rilevanti f’dan il-każ. Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda l-ilmenti l-oħra bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservazzjoni tal-kundizzjonijiet li għalihom huwa suġġett it-teħid in kunsiderazzjoni tal-fatturat tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi waqt l-iffissar ta’ multa imposta fuq din ta’ l-aħħar.

359    Sussegwentement, għandu jiġi osservat, kif ikkonfermaw il-partijiet kollha fir-risposti għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji ta’ impriżi, skond is-sitt subparagrafu tal-punt 1A tal-linji gwida, kwalitajiet oġġettivi jew strutturali ta’ l-impriżi kif ukoll is-sitwazzjoni fuq is-suq ikkonċernat.

360    Fost dawn l-elementi oġġettivi jinsabu mhux biss id-daqs u s-setgħa fuq is-suq ta’ impriża kif jirriżultaw mis-sehem tagħha stess tas-suq jew mill-fatturat tagħha stess, iżda wkoll il-konnessjonijiet li hija żżomm ma’ impriżi oħra jekk dawn jistgħu jinfluwenzaw l-istruttura tas-suq. Fil-fatt, kif osservat ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 516 u 518 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kapaċità effettiva ta’ impriża li tikkawża dannu sinjifikattiv u l-impatt reali tal-ksur li hija wettqet għandhom jiġu evalwati fid-dawl tar-realtà ekonomika. Għaldaqstant, huwa leġittimu għall-Kummissjoni, fir-rigward tal-linji gwida, li tieħu in kunsiderazzjoni tali relazzjonijiet sabiex tiddetermina l-kapaċità ekonomika effettiva tal-membri ta’ akkordju li wettqu ħsara u l-piż speċifiku tal-ksur tagħhom.

361    F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li l-istruttura tas-suq ma tistax tiġi influwenzata biss meta konnessjonijiet bejn impriżi jagħtu lil waħda minnhom is-setgħa ta’ direzzjoni jew il-kontroll komplet ta’ l-imġiba kompetittiva ta’ operaturi oħra, bħal fil-każ ta’ l-unitajiet ekonomiċi. Is-setgħa fis-suq ta’ impriża tista’ wkoll tiżdied, lilhinn mis-sehem tas-suq tagħha, meta hija żżomm relazzjonijiet stabbli ma’ impriżi oħra li fir-rigward tagħhom hija tista’ teżerċita, b’mod informali, influwenza reali fuq l-imġiba tagħhom. Dan japplika wkoll meta l-konnessjonijiet eżistenti bejn l-impriżi għandhom l-effett li jnaqqsu jew jeliminaw il-kompetizzjoni bejniethom (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1978, United Brands vs Il-Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punti 99 sa 103). Il-fatt li tali konnessjonijiet mhumiex ta’ natura li jiġġustifikaw il-konstatazzjoni li l-impriżi kkonċernati għamlu parti mill-istess entità ekonomika ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha teliminhom u tevalwa s-sitwazzjoni fis-suq bħalikieku dawn il-konnessjonijiet ma jeżistux.

362    Min-naħa l-oħra, l-imġiba konlreta tal-membri differenti ta’ akkordju jew il-grad tal-ħtija individwali tagħhom mhijiex determinanti, bħala tali, għall-finijiet tad-diviżjoni f’kategoriji. L-imġiba ta’ impriża tista’, ċertament, tikkostitwixxi indizju tan-natura tar-relazjonijiet li din iżżomm ma’ impriżi oħra. L-eżistenza ta’ imġiba speċifika, bħal l-organizzazzjoni ta’ skambji ta’ informazzjoni ma’ dawn ta’ l-aħħar jew it-teħid ta’ pożizzjoni speċifika waqt il-laqgħat tal-kartell li huma intiżi sabiex jiddefendu l-interessi tagħhom jew li jinvolvuhom fir-rigward tal-ftehim antikompetittivi, madankollu la hija indispensabbli u lanqas hija suffiċjenti waħedha sabiex tiġġustifika t-teħid in kunsiderazzjoni tas-sehem tas-suq ta’ dawn l-aħħar impriżi waqt l-evalwazzjoni tas-setgħa fis-suq ta’ l-ewwel impriża. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ relazzjonijiet stabbli ma’ l-impriżi li magħhom iseħħ l-iskambju ta’ informazzjoni jew li l-interessi tagħhom huma rrappreżentati, tali mġiba mhijiex deċiżiva għall-finjiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji, filwaqt li din tista’, f’dan il-każ, tittieħed in kunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi aggravanti u mitiganti, skond il-punti 2 u 3 tal-linji gwida.

363    Ir-raġunament li fuqu l-Kummissjoni bbażat l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq (ara l-punt 356 hawn fuq) għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti.

364    F’dan ir-rigward, ir-referenza, magħmula fil-premessi 516 u 517 tad-deċiżjoni kkontestata, għar-rwol tal-kumpanniji ewlenin bħala rappreżentanti tas-setturi tagħhom u l-affirmazzjoni li kien hemm ftehim bejn il-gruppi għandha tinftiehem bħala riferiment għall-elementi inerenti għall-klassifikazzjoni ta’ kumpannija ewlenija, bħall-influwenza li din tista’ teżerċita, fuq il-membri tal-grupp, permezz tar-rwol tagħha u mhux għal atti konkretament imwettqa mir-rikorrenti. Dan huwa kkorroborat mill-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata, li tipprovdi:

"Hawnhekk, ir-rwol partikolari li kellhom il-kumpanniji ewlenin Erste (qabel GiroCredit), RZB u ÖVAG fin-’netwerk Lombard’ għandu jiġi eżaminat. Dan ir-rwol, ta’ koordinazzjoni u ta’ rappreżentazzjoni tal-gruppi rispettivi tagħhom (rwol stabbilit fi tradizzjoni storika u li kellhom għal żmien twil), kien iservi direttament għat-tħaddim tajjeb ta’ l-imsemmi netwerk. Minn naħa, il-kumpanniji ewlenin kienu jorganizzaw l-iskambji reċiproċi ta’ informazzjoni bejn Vjenna u l-Länder fi ħdan il-gruppi nfushom; min-naħa l-oħra, huma kienu jiddefendu l-interessi tal-grupp stess fir-rigward tal-gruppi oħra membri tal-kartell" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

365    Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi oġġettivi, fir-rigward ta’ l-istruttura tas-suq, billi affermat li jeżistu "konnessjonijiet partikolari" li jagħtu lin-netwerk tal-banek ta’ tfaddil "struttura li tixbaħ lil dik ta’ grupp" (nota f’qiegħ il-paġna Nru 21) u li l-banek Raiffeisen lokali, minkejja l-fatt li huma ma kinux suġġetti għall-istruzzjonijiet ta’ RZB jew tal-banek reġjonali, "kellhom relazzjoni ta’ kompetizzjoni limitata bejniethom" (nota f’qiegħ il-paġna Nru 23).

366    F’dan il-kuntest, ir-referenza għal ċerti elementi ta’ natura ta’ mġiba taqa’ fid-deskrizzjoni tar-rwol tal-kumpanniji ewlenin. Fil-fatt, l-iskambji ta’ informazzjoni msemmija fid-deċiżjoni kkontestata huma indizju tar-rwol tal-kumpanniji ewlenin u tal-pożizzjoni tagħhom fi ħdan il-gruppi filwaqt li l-kunċett ta’ "rappreżentazzjoni" ma jirreferix biss għal imġiba konkreta, iżda tista’ tiġi inkluża ukoll f’sens strutturali.

367    Waqt l-eżami tar-raġunijiet ta’ l-istabbilimenti ċentrali li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tattribwixxilhom l-ishma tas-suq tal-banek tas-setturi tagħhom, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet preċedenti kif ukoll il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Martinelli vs Il-Kummissjoni, T-150/89, Ġabra p. II‑1165, punt 59), u teżerċita stħarriġ ġudizzjarju ristrett, illimitat għall-verifika ta’ l-osservanza tar-regoli tal-proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball ta’ dritt, ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter. Lilhinn minn dan l-istħarriġ ta’ legalità, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tevalwa jekk hemmx lok li teżerċita l-kompetenza sħiħa tagħha fir-rigward tal-multa imposta fuq l-istabbilimenti ċentrali.

368    L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tirrispettax id-drittijiet tad-difiża, li jinsabu fost ir-regoli tal-proċedura, u jekk din hijiex suffiċjentement motivata għal dak li jikkonċerna l-attribuzzjoni, lill-istabbilimenti ċentrali, ta’ l-ishma tas-suq tal-banek deċentralizzati. It-tieni nett, il-legalità tar-raġunament li wassal il-Kummissjoni għal din l-attribuzzjoni ser tiġi eżaminata fir-rigward tan-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni. It-tielet nett, għandhom jiġu analizzati l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-linji gwida, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u fuq l-inkompatibbiltà ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni mas-sentenza SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, punt 345 imsemmija hawn fuq. Ir-raba’ u l-aħħar nett, l-eżami ser jirrigwarda l-ilmenti tar-rikorrenti fuq l-eżattezza materjali tal-konstazzjonijiet fattwali li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha u fuq il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl tar-rwol ta’ l-istabbilimenti ċentrali, l-attribuzzjoni li għaliha pproċediet il-Kummissjoni kinitx iġġustifikata.

 Fuq id-drittijiet tad-difiża u tal-motivazzjoni

369    Għandu jiġi miċħud, qabel kollox, l-ilment li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi naqset milli ssemmi, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, l-intenzjoni li tattribwixxi l-ishma tas-swieq tas-setturi deċentralizzati lill-istabbilimenti ċentrali. Fil-fatt, fir-rigward tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, huwa biżżejjed, skond ġurisprudenza kostanti, li l-Kummissjoni tindika b’mod espliċitu, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jinvolvu multa, bħall-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur allegat u l-fatt li dan twettaq "b’mod deliberat jew b’mod negliġenti" (sentenza MDF, imsemmija fil-punt 213 hawn fuq, punt 21). Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni mhijiex obbligata, peress li hija indikat l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom hija ser tibbaża l-kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, li tispeċifika l-mod kif hija ser tuża kull wieħed minn dawn l-elementi għad-determinazzjoni tal-livell tal-multa. Barra minn hekk, l-impriżi jibbenefikaw minn garanzija addizzjonali, għal dak li jikkonċerna d-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi, safejn il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi b’kompetenza sħiħa u tista’ b’mod partikolari tneħħi jew tnaqqas il-multa, skond l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17 (sentenza LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 225 hawn fuq, punti 199, 200 u 206). F’dan il-każ, il-Kummissjoni indikat, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, li RZB, Erste u ÖVAG kienu l-kumpanniji ewlenin tas-setturi rispettivi tagħhom. Din l-indikazzjoni kienet biżżejjed sabiex jiġu osservati d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

370    Minn dan isegwi li l-ilmenti mressqa minn Erste u ÖVAG, li d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ma fihiex indikazzjonijiet suffiċjenti fir-rigward tat-trażmissjoni ta’ informazzjoni fi ħdan is-setturi tagħhom u fir-rigward tar-rappreżentazzjoni tal-banek deċentralizzati minn dawn l-istabbilimenti ċentrali, għandhom jiġu esklużi wkoll. Fil-fatt, ir-referenza għal dawn l-elementi fid-deċiżjoni kkontestata taqa’ fl-analiżi tal-kapaċità effettiva tal-kumpanniji ewlenin li joħolqu distorsjoni ta’ kompetizzjoni għall-finijiet tal-klassifikazzjoni f’kategoriji. F’dan il-kuntest, huma jikkostitwixxu indizji li huma intiżi sabiex juru r-rwol tal-kumpanniji ewlenin li, fir-rigward tiegħu, kien ġie msemmi fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Min-naħa l-oħra, dawn l-elementi m’għandhom l-ebda influwenza awtonoma fuq l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur li, hekk kif diġà ġie osservat, kienet determinanti abbażi tan-natura tal-ksur, fid-dawl ta’ l-importanza tas-settur bankarju għall-ekonomija kollha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Scandinavian Airlines System vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 311 hawn fuq, punti 158 u 159). Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tirreferi għalihom fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġeżżjonijiet.

371    Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti, għandu jiġi kkonstatat li l-indikazzjonijiet dwar ir-raġunijiet ta’ l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq tal-gruppi deċentralizzati li jinsabu fil-premessi 515 sa 518 tad-deċiżjoni kkontestata huma biżżejjed sabiex jippermettu lir-rikorrenti jiddefendu d-drittijiet tagħhom u għall-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessi 516 u 518 li l-Kummissjoni kellha l-ħsieb tieħu in kunsiderazzjoni r-realtà ekonomika kkostitwita mill-pożizzjoni ta’ l-istabbilimenti ċentrali fi ħdan in-netwerk u l-influwenza li huma setgħu jeżerċitaw fuq il-banek tas-setturi tagħhom sabiex tiġi evalwata l-kapaċità effettiva ta’ dawn l-istabbilimenti li joħolqu distorsjoni ta’ kompetizzjoni. Sabiex tiġi spjegata r-raġuni għalfejn il-kapaċità effettiva ta’ dawn ta’ l-aħħar li jippreġudikaw il-kompetizzjoni tikkorrispondi għall-kapaċità tas-setturi deċentralizzati, il-premessa 517 tirreferi għall-kontribuzzjoni ta’ l-istabbilimenti ċentrali għall-effiċjenza tan-"netwerk Lombard", għar-rappreżentazzjoni ta’ l-interessi tas-setturi mill-imsemmija stabbilimenti u għall-perċezzjoni tal-parteċipanti l-oħra fil-kumitati, li, skond id-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidraw l-istabbilimenti ċentrali bħala rappreżentanti tas-setturi. Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn il-premessi jiġġustifikawx l-approċċ tal-Kummissjoni, huma jindikaw, b’mod suffiċjentement espliċitu, ir-raġunijiet li għalihom hija emmnet li hija tista’ tadotta dan l-approċċ.

 Fuq il-legalità ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

372    Skond il-prinċipju li r-responsabbiltà għat-twettiq tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni għandha natura personali, persuna fiżika jew morali tista’ tiġi ppenalizzata biss għall-fatti attribwiti lilha individwalment (ara l-punt 333 hawn fuq).

373    Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li d-deċiżjoni kkontestata ma tattribwixxix lill-kumpanniji ewlenin l-imġiba illegali tal-banek tas-settur tagħhom, iżda li hija ppenalizzathom minħabba l-imġiba tagħhom stess, li hija ddeterminata skond il-kapaċità li jippreġudikaw il-kompetizzjoni u skond l-impatt konkret tal-ksur tagħhom li rriżulta mill-pożizzjoni li huma kienu jokkupaw fi ħdan is-setturi bankarji deċentralizzati (ara l-punt 355 sa 366 hawn fuq).

374    Peress li l-Kummissjoni ma attribwixxit ebda mġiba illegali tal-banek deċentralizzati lill-kumpanniji ewlenin, il-kwistjoni dwar jekk il-konnessjonijiet eżistenti bejn il-membri ta’ tali grupp bankarju jippermettux li jiġi kklassifikat bħala unità ekonomika mhijiex rilevanti f’dan il-każ. Minn dan isegwi li l-ilment li l-approċċ tagħha kien inkompatibbli man-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni mhuwiex fondat.

375    Ir-rikorrenti jikkritikaw il-Kummissjoni talli adottat approċċ inkoerenti u li jikkostitwixxi sanzjoni doppja billi hija imponiet sanzjonijiet individwali liż-żewġ stabbilimenti li huma parti mis-setturi deċentralizzati, li fihom hija kkonstatat ksur. Dan jikkonċerna, minn naħa, RLB, li huwa parti mis-settur Raiffeisen, u, min-naħa l-oħra, EÖ, li, qabel l-għaqda tiegħu mal-kumpannija ewlenija GiroCredit li minnha rriżultat Erste, kien wieħed mill-banek deċentralizzati tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil (ara l-punt 319 hawn fuq).

376    Billi qajmu dan l-ilment, il-kumpanniji ewlenin jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni, li għażlet li taqsam il-membri ta’ l-akkordju f’kategoriji skond l-ishma tagħhom fis-suq, kienet obbligata tipproċedi għall-iffissar minn qabel tal-limitu globali għall-multi, li jikkorrispondi għall-100 % ta’ l-ishma tas-suq tal-membri ta’ l-akkordju, u li tqassam sussegwentement dan it-total bejn l-impriżi ppenalizzati skond l-ishma individwali tagħhom fis-suq. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza rrikonoxxew li tali approċċ huwa kompatibbli mad-determinazzjoni individwali tas-sanzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, Boehringer vs Il-Kummissjoni, 45/69, Ġabra p. 769, punti 55 u 56, u tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ et vs Il-Kummissjoni, 96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, Ġabra p. 3369, punti 52 u 53; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, T‑191/98 u T‑212/98 sa T‑214/98, Ġabra p. II‑3275, punt 1572). Madankollu dan ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-uniku approċċ ammissibbli. Fil-fatt, l-uniku limitu vinkolanti li l-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta waqt l-iffissar tal-multi jirriżulta mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u jirreferi individwalment għal kull impriża li pparteċipat fil-ksur. Il-Kummissjoni tista’ għaldaqstant, kif hija għamlet fil-linji gwida, tagħti preferenza lil approċċ li jieħu bħala punt tat-tluq il-gravità tal-ksur individwali ta’ kull impriża, evalwata skond is-setgħa fis-suq.

377    Issa, kif ġie espost fil-punt 361 hawn fuq, is-setgħa fis-suq u l-kapaċità li tippreġudika l-kompetizzjoni ta’ impriża jistgħu jkunu superjuri għal dawk li jirriżultaw direttament mis-sehem individwali tagħha fis-suq minħabba l-konnessjonijiet informali li hija żżomm ma’ operaturi oħra, anki jekk dawn il-konnessjonijiet ma jagħtuhiex il-kontroll komplet ta’ l-imġiba fuq dawn ta’ l-aħħar fis-suq. Fil-preżenza ta’ konnessjonijiet simili, ir-responsabbiltà ta’ dawn l-operaturi l-oħra mhijiex affettwata mit-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-infuwenza informali li l-ewwel impriża kienet kapaċi teżerċita fuq l-imġiba tagħhom. Minn dan isegwi li mhuwiex illegali, fir-rigward tad-determinazzjoni individwali tas-sanzjoni għal kull impriża li pparteċipat fil-ksur, li tippenalizza kemm il-kumpannija ewlenija fid-dawl ta’ l-impatt tal-ksur tagħha, kif jirriżulta mill-influwenza li hija tista’ teżerċita fuq il-banek deċentralizzati, kif ukoll dawn ta’ l-aħħar għall-ksur li huma stess wettqu.

378    L-approċċ tal-Kummissjoni li jikkonsisti b’hekk fil-penalizzazzjoni ta’ kull destinatarju tad-deċiżjoni kkontestata għall-imġiba tiegħu stess, ma jistax jiġi meqjuż inkoerenti, u ebda sanzjoni doppja ma ġiet imposta fuq il-banek. Minn dan isegwi li l-ilment imqajjem minn RZB li l-Kummissjoni adottat sanzjoni għall-imġiba tal-banek deċentralizzati mingħajr ma tathom il-possibbiltà li jiddefendu lilhom nfushom għandu jiġi miċħud ukoll.

379    Bl-istess mod, peress li l-kumpanniji ewlenin ma kinux ppenalizzati għall-imġiba tal-banek deċentralizzati, il-legalità ta’ l-approċċ sostnut mill-Kummissjoni mhijiex suġġetta għall-fakultà ta’ kull impriża li titfa’ fuq il-banek deċentralizzati l-multa li ġiet imposta fuqha.

380    Minn dan isegwi wkoll li l-ilment li l-Kummissjoni pprovat tannulla l-effetti tad-deċiżjoni tagħha li ma tipproċediex kontra l-banek kollha li pparteċipaw fil-kumitati mhijiex fondata. Fil-fatt, il-fatt li l-Kummissjoni ma bdietx proċedimenti kontra ċerti persuni li pparteċipaw fl-akkordju jew li ma imponietx fuqhom sanzjoni ma jistax, fih inifsu, jipprekludiha milli tattribwixxi l-ishma tas-suq ta’ dawn l-impriżi lil membri oħra ta’ l-akkordju jekk tali attribuzzjoni hija neċessarja sabiex tinftiehem kompletament is-setgħa ta’ dan ta’ l-aħħar fis-suq, fid-dawl tar-realtà ekonomika.

 Fuq l-ilmenti l-oħra li jikkonċernaw il-legalità ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni

–       Fuq il-kompatibbiltà ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni mal-linji gwida

381    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li, skond ġurisprudenza kostanti, fost l-elementi ta’ evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur, jistgħu, skond il-każ, jinsabu l-volum u l-valur tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur kif ukoll id-daqs u s-setgħa ekonomika ta’ l-impriża (sentenzi MDF, imsemmija fil-punt 231 hawn fuq, u IAZ et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 376 hawn fuq, punt 52). Madankollu, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-Kummissjoni m’għandhiex dritt tagħti, waqt id-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur, importanza għan-natura tiegħu, meta mqabbla mad-daqs ta’ l-impriżi (sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punt 411). F’dan il-każ, hekk kif ġie enfasizzat fil-punti 356 u 370 hawn fuq, il-kriterju użat għad-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur kienet in-natura tiegħu peress li l-kriterju ta’ l-ishma tas-suq serva biss, skond il-premessa 519 tad-deċiżjoni kkontestata, fl-istadju distint ulterjuri tal-klassifikazzjoni f’kategoriji skond is-sitt subparagrafu tal-punt 1A tal-linji gwida. Mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 360 u 361 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni kellha dritt tieħu in kunsiderazzjoni, f’dan l-aħħar stadju, relazzjonijiet li dawk li wettqu ksur għandhom ma’ impriżi oħra. Għaldaqstant, l-ilment li l-attribuzzjoni kkontestata ma tistax tiġi ġġustifikata minn referenza għall-kapaċità effettiva tal-kumpanniji ewlenin li jippreġudikaw lill-konsumaturi ma’ jistax jintlaqa’.

382    Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment imqajjem minn RZB, li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-linji gwida billi qieset in-neċessità ta’ natura dissważiva suffiċjenti tal-multi bħala raġuni awtonoma għall-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq mhuwiex fondat fil-fatt. Hekk kif ġie espost fil-punti 364 sa 366 hawn fuq, il-Kummissjoni bbażat din l-attribuzzjoni, essenzjalment, fuq ir-rwol tal-kumpanniji ewlenin. F’dawn iċ-ċirkustanzi, la r-referenza ġenerali għan-natura dissważiva tal-multa fil-premessa 515 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas dik li tinsab fil-premessa 518, li taqa’ fil-kuntest tat-teħid in kunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika sabiex tiġi evalwata l-kapaċità effettiva tal-banek li jippreġudikaw il-kompetizzjoni u l-piż speċifiku tal-ksur, ma jmorru lilhinn mit-teħid in kunsiderazzjoni tan-natura dissważiva tal-multi kif previst fir-raba’ subparagrafu tal-punt 1A tal-linji gwida. Fil-fatt, peress li d-dissważjoni tikkostitwixxi l-għan tal-multa, l-eżiġenza li din tiġi assigurata tikkostitwixxi eżiġenza ġenerali li għandha tiggwida l-Kummissjoni matul il-kalkolazzjoni kollha tal-multa.

383    Fir-rigward ta’ l-ilment ta’ RZB li t-teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-ishma tas-suq tal-gruppi mhuwiex neċessarju sabiex jiġi assigurat effett dissważiv suffiċjenti fir-rigward tiegħu, għandu jiġi osservat li l-eżiġenza li tiġi assigurata natura dissważiva suffiċjenti fil-multi mhijiex suġġetta għall-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ reċidività min-naħa ta’ l-atturi tal-ksur. Fil-fatt, anki jekk id-destinatarji tad-deċiżjoni ma jippjanawx li jirrepetu mġiba simili għal dik prevista mid-deċiżjoni kkontestata, l-effett dissważiv tas-sanzjonijiet iffissati biss skond l-ishma tas-suq tal-kumpanniji ewlenin bħala banek kummerċjali jista’ jirriżulta insuffiċjenti meta mqabbel mal-ħsara li l-ksur tagħhom jista’ joħloq. Barra minn hekk, huwa leġittimu għall-Kummissjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-effett dissważiv tad-deċiżjoni tagħha fir-rigward ta’ impriżi oħra li jinsabu eventwalment f’sitwazzjoni simili għal dik tal-kumpanniji ewlenin. Fl-aħħar nett, l-ilment ta’ RZB li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba l-fatt li hija ma esponietx, fid-deċiżjoni kkontestata, kunsiderazzjonijiet li jikkonċernaw tali effett dissważiv fuq il-livell ġenerali mhuwiex fondat. Fil-fatt, ir-rilevanza ta’ dan l-aspett tan-natura dissważiva hija evidenti u l-iżviluppi speċifiċi fuq dan il-punt ma kinux neċessarji la sabiex jippermettu lil RZB li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt u lanqas sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Prim’Istanza li terżerċita l-istħarriġ tagħha fuq dan.

384    Għandu tiġi miċħuda ukoll, f’dan il-kuntest, it-teżi mressqa minn ÖVAG li d-diviżjoni f’kategoriji għandha tieħu in kunsiderazzjoni biss id-daqs ta’ l-impriżi u n-natura dissważiva mhijiex rilevanti f’dan il-kuntest. Fil-fatt, it-teħid in kunsiderazzjoni tad-daqs ta’ l-impriżi u l-klassifikazzjoni f’kategoriji huma previsti essenzjalment sabiex jassiguraw li l-multi għandhom natura dissważiva suffiċjenti.

385    Minn dan isegwi li l-ilmenti tar-rikorrenti intiżi sabiex issostnu li l-approċċ tal-Kummissjoni jmur kontra l-linji gwida għandhom jiġi miċħuda.

–       Fuq il-ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

386    Fir-rigward ta’ l-ilment li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza billi qabblet, b’mod żbaljat, is-setturi deċentralizzati mal-banek il-kbar ċentralizzati, għandu jiġi osservat li, safejn in-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni kienet ġiet osservata, kienet il-Kummissjoni, skond il-linji gwida, li kellha tevalwa jekk it-teħid in kunsiderazzjoni tar-realtà ekonomika kienx jiġġustifika l-attribuzzjoni, lill-kumpanniji ewlenin, tas-setgħa ekonomika tas-setturi l-oħra. Bla ħsara għall-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiċħad din l-evalwazzjoni biss f’każ ta’ żball manifest. Issa, ma ngħatatx prova ta’ tali żball.

387    Għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat, minn ÖVAG, fuq in-nuqqas ta’ teħid in kunsiderazzjoni ta’ l-iskambji ta’ informazzjoni bejn BA-CA u ċerti banek li fihom dan ta’ l-aħħar kellu ishma, il-Kummissjoni tosserva, ġustament, li l-klassifikazzjoni f’kategorija ta’ BA-CA ma tinbidilx jekk l-ishma tas-suq tal-banek ikkonċernati kienu attribwiti lilu.

–       Fuq is-sentenza SCK u FNK vs Il-Kummissjoni

388    Fir-rigward ta’ l-argument li l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq lill-istabbilimenti ċentrali tmur kontra s-sentenza SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 345 hawn fuq, għandu jiġi osservat li, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità tal-multa imposta fuq impriża (fir-rispett tal-limiti ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17) għandha ssir fid-dawl tal-fatturat tagħha mingħajr ma jittieħed in kunsiderazzjoni l-fatturat ta’ impriżi oħra li għandhom konnessjonijiet kummerċjali magħha jekk wieħed ma jistax iqishom kollha bħala assoċjazzjoni ta’ impriżi. Peress li r-rikorrenti ma kkontestawx in-natura proporzjonata tal-multa li ġiet imposta fuqhom fir-rigward tal-fatturat tagħhom stess, l-ilment tagħhom ibbażat fuq is-sentenza SCK u FNK vs Il-Kummissjoni għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

 Fuq l-ilmenti relatati mal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjoni tar-rwol ta’ l-istabbilimenti ċentrali

389    Fir-rigward ta’ l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet ta’ fatt li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti jikkritikaw essenzjalment lill-Kummissjoni talli din ma ressqitx il-prova ta’ ċerta mġiba prevista fil-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-iskambji ta’ informazzjoni (Erste u ÖVAG) u r-rappreżentazzjoni tal-banek deċentralizzati fi ħdan il-kumitati (RZB u Erste).

390    Min-naħa l-oħra, permezz ta’ l-argumenti tagħhom dwar l-indipendenza tal-banek deċentralizzati, l-istruttura tas-setturi u l-funzjonijiet ta’ l-istabbilimenti ċentrali, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-konstatazzjonijiet fattwali konkreti dwar ir-rwol ta’ l-imsemmija stabbilimenti fi ħdan is-setturi indikati fid-deċiżjoni kkontestata, iżda jopponu, essenzjalment, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fuq ir-rwol u fuq il-konsegwenzi dedotti minn dan fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni tas-setgħa tagħhom fis-suq.

391    Waqt l-eżami ta’ dawn l-ilmenti, minn naħa, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tivverifika permezz ta’ l-isħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji ta’ fatt jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward. Min-naħa l-oħra, hija kompetenti tevalwa, fil-kuntest tas-setgħa tal-kompetenza sħiħa mogħtija lilha permezz ta’ l-Artikolu 229 KE u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 17, in-natura approprjata ta’ l-ammont tal-multi. Din l-aħħar evalwazzjoni tista’ tiġġustifika l-produzzjoni u l-kunsiderazzjoni ta’ provi komplementarji ta’ informazzjoni li l-aċċenn għalihom mhuwiex fis-sens strett tal-kelma kif rikjest skond l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 253 KE (sentenza tas-16 ta’ Novembru 2000, KNP BT vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 330 hawn fuq, punti 38 sa 40 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, T‑220/00, Ġabra p. II‑2473, punt 215).

392    F’dan ir-rigward, il-konnessjonijiet eżistenzi bejn l-istabbilimenti ċentrali tat-tliet setturi u tal-banek deċentralizzati huma deskritti b’mod partikolari fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ l-Awstrija tat-23 ta’ Ġunju 1993, ippeżentat mill-Kummissjoni bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim-Istanza.

393    Il-Qorti Kostituzzjonali, li quddiemha tressaq rikors ta’ bank Raiffeisen lokali (jew primarju) kontra dispożizzjoni tal-liġi fuq l-istabbilimenti ta’ kreditu dak iż-żmien fis-seħħ, li kienet tobbliga l-banek deċentralizzati assoċjati ma’ stabbilimenti ċentrali fil-kuntest ta’ "netwerk settorjali" (sektoraler Verbund) li jżommu riżervi likwidi ta’ ċertu ammont għand l-istabbiliment ċentrali, esponiet qabel kollox li l-adeżjoni tal-banek f’tali netwerk huwa volontarju u li jeżistu ċerti relazzjonijiet ġuridiċi multipli bejn il-membri tan-netwerk u l-istabbiliment ċentrali, ibbażati fuq id-dritt tal-kumpanniji, tal-kumpanniji kooperattivi u ta’ l-assoċjazzjonijiet kif ukoll fuq l-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħhom. Hija tispjega li dan in-netwerk strettament konness ta’ drittijiet u ta’ obbligi żviluppa matul numru ta’ snin u jgħodd kemm għas-settur Raiffeisen, li jikkonċerna din is-sentenza, kif ukoll għall-banek popolari u l-banek ta’ tfaddil. Il-Qorti Kostituzzjonali tafferma li l-leġiżlatur jista’ jieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni hekk kif tirriżulta minn dawn l-iżviluppi u jibda mill-prinċipju malli l-isħab li huma assoċjati għal tali netwerk jipprovaw jissodisfaw flimkien, abbażi ta’ l-istess filosofija kooperattiva u b’mod ottimu għaż-żewġ naħat, l-interessi paralleli tagħhom. Hija tenfasizza li d-dispożizzjoni li hija s-suġġett tal-kontroversja quddiemha hija intiża b’mod iktar partikolari sabiex tipproteġi l-awtonomija ġuridika u ekonomika tal-"banek primarji", filwaqt li tnaqqas l-iżvantaġġi marbuta mal-ġestjoni ta’ l-attivitajiet ta’ entitajiet ekonomiċi ta’ dimensjonijiet ridotti jew ridotti ħafna. Sussegwentement, il-Qorti Kostituzzjonali tosserva li l-imsemmija dispożizzjoni m’għandhiex biss bħala għan li tassigura l-provvista suffiċjenti tal-assi likwidi, iżda żżid ukoll il-"garanzija legali ta’ grupp settorali mill-korp ċentrali". Hija tkompli billi tafferma li dawn iż-żewġ għanijiet huma kjarament ta’ interess ġenerali u jiġġustifikaw il-leġiżlazzjoni kkontestata, iktar u iktar peress illi grupp jiggarantixxi l-attività ta’ numru ta’ stabbilimenti finanzjarji iżgħar, li jikkorrispondu għall-eżiġenzi tal-ħajja ekonomika moderna u għall-aspettativi tal-leġiżlatur li jirriżultaw minnhom.

394    Ir-rikorrenti ma wrewx li din id-deskrizzjoni tar-rwol ta’ l-istabbilimenti ċentrali u tar-relazzjonijiet tagħhom mal-banek deċentralizzati ma kinitx eżatta jew li s-sitwazzjoni matul il-perijodu tal-ksur kien jippreżenta differenzi sinjifikattivi meta mqabbla ma’ dik prevista mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali. Ċertament, ir-rikorrenti indikaw fis-seduta, bħala risposta għad-domandi lill-Qorti tal-Prim’Istanza, li liġi ġdida fuq is-sistema bankarja kienet ġiet adottata fl-1994, jiġifieri wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali u qabel il-perijodu tal-ksur. Madankollu, huma ma taw ebda indikazzjoni konkreta fuq d-differenzi eventwali bejn din il-liġi l-ġdida u s-sitwazzjoni ġuridika preċedenti, li jistgħu jkunu rilevanti għall-evalwazzjoni tar-rwol ta’ l-istabbilimenti ċentrali għall-finijiet ta’ dawn il-kawżi.

395    Fid-dawl tar-rwol ta’ l-istabbilimenti ċentrali u r-relazzjoni tagħhom mal-banek deċentralizati, hekk kif ġew deskritti minn qorti ta’ kompetenza għolja ta’ l-Istat Membru ikkonċernat, abbażi ta’ l-informazzjoni mogħtija mill-gvern ta’ dan l-Istat, għandu jitqies li l-banek tat-tliet gruppi kienu marbuta, bejniethom, b’tali mod li kien eskluż li huma jiġu kkunsidrati, mill-aspetti kollha, bħala kompetituri fis-suq u li huma kellhom interessi komuni li sabiex jiġu sodisfatti kienu jservu l-kumpanniji ewlenin.

396    Ċertament, RZB u Erste jaffermaw li teżisti kompetizzjoni bejn il-banek deċentralizzati meta dawn ikunu preżenti fl-istess swieq.

397    RZB tirrikonoxxi madankollu li l-banek deċentralizzati tas-settur Raiffeisen kienu stabbiliti fuq swieq differenti u f’lokalitajiet differenti. Fir-rigward tas-settur Raiffeisen, il-Qorti Kostituzzjonali osservat barra minn hekk li kien hemm lok li "jittieħdu in kunsiderazzjoni […] l-opportunitajiet partikolari fis-suq, li ma [setgħux] jittieħdu mill-membri, magħquda fi ħdan il-grupp, ħlief permezz ta’ azzjoni komuni fil-ħajja ekonomika, fl-Awstrija jew lilhinn, li tippermetti b’hekk li jkollhom vantaġġi, kemm mill-pjan reġjonali kif ukoll mir-rappreżentazzjoni reġjonali jew lilhinn mir-reġjun". Barra min hekk, il-Kummissjoni ppreżentat siltiet ta’ rapport ta’ attivitajiet ta’ RZB għas-sena 2000, li fih RZB jiddeskrivi huwa stess il-"grupp bankarju Raiffeisen" bħala li jikkostitwixxi l-istess impriża.

398    Min-naħa l-oħra, Erste jispeċifika li kienu jeżistu 17, jew anki 29, postijiet fejn GiroCredit u hu kienu f’kompetizzjoni diretta, permezz tas-sussidjarji tagħhom, mal-membri tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil u li f’numru ta’ postijiet kien hemm ħafna banek ta’ tfaddil u dawn kienu kompetituri.

399    Madankollu, din l-affermazzjoni mhijiex inkompatibbli ma’ l-eżistenza ta’ konnessjonijiet ta’ natura strutturali bejn l-istabbilimenti tas-setturi deċentralizzati u l-istabbilimenti ċentrali, li fuqha hija bbażata l-idea tal-Kummissjoni li l-kompetizzjoni fis-suq bankarju Awstrijak seħħet bejn il-banek kummerċjali (Aktienbanken) u t-tliet "setturi" tal-banek ta’ tfaddil, tal-banek Raiffeisen u tal-banek populari. Din l-idea tikkostitwixxi l-bażi mhux biss tad-deċiżjoni kkontestata, iżda wkoll tad-deċiżjonijiet li fihom il-Kummissjoni ddeċidiet fuq l-operazzjonijiet ta’ prattiċi miftiehma f’dan is-suq [ara, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Novembru 2000, li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ prattika miftiehma (kawża COMP/M.2140 – BAWAG/PSK), u ta’ l-14 ta’ Novembru 2000, li tiddikjara l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ prattika miftiehma (kawża COMP/M.2125 – Hypovereinsbank/Bank Austria), ĠU C 362, p. 7]. Fil-fatt, mhuwiex eskluż, anki fil-każ ta’ bank ta’ l-investiment fis-swieq lokali permezz tas-sussidjarji tiegħu, li teżisti ċerta kompetizzjoni bejn is-sussidjarji ta’ tali bank stabbiliti fl-istess post.

400    Sussegwentement, mis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali jirriżulta li waħda mill-funzjonijiet ta’ l-istabbilimenti ċentrali hija dik li jagħtu l-banek tas-setturi tagħhom servizzi fir-rigward ta’ funzjonijiet li dawn l-istabbilimenti ma jistgħux jassumu minħabba d-daqs żgħir u n-nuqqas ta’ riżorsi tagħhom u li din il-funzjoni mhijiex inkompatibbli ma’ l-indipendenza ta’ l-istabbilimenti deċentralizzati tas-setturi, iżda hija intiża, għall-kuntrarju, li tiggarantixxi l-awtonomija tagħhom. Fir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Erste u ÖVAG ikkonfermaw li huma kienu jeżerċitaw din il-funzjoni. Min-naħa l-oħra, RZB irrikonoxxa li huwa kellu tali funzjoni fil-passat, iżda kkontesta li dan kien għadu l-każ, billi afferma b’mod partikolari li l-banek reġjonali m’għandhomx iktar bżonn ta’ tali servizzi mis-snin 80. Din l-affermazzjoni hija madankollu inkompatibbli mad-deskrizzjoni tat-tħaddim ta’ l-istabbilimenti ċentrali fis-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali, ta’ l-1993 u li tikkonċerna b’mod iktar partikolari s-settur Raiffeisen. F’dan ir-rigward, il-Qorti Kostituzzjonali semmiet b’mod partikolari ċerti prestazzjonijiet previsti mill-istatuti ta’ assoċjazzjoni tal-bank Raiffeisen reġjonali kkonċernat, bħall-assistenza u l-konsulenza lill-membri fuq kwistjonijiet ekonomiċi, l-ishma fl-istabbilimenti ta’ garanzija intiżi sabiex jipproteġu kemm il-membri tan-netwerk kif ukoll il-klijenti tagħhom u r-rappreżentazzjoni ta’ l-interessi tal-membri. Barra minn hekk, fir-rapport ta’ attivitajiet ta’ RZB għas-sena 2000 imsemmi hawn fuq, kien hemm indikat li dan wettaq "funzjonijiet ta’ servizz ċentrali" fi ħdan il-grupp. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rwol ta’ l-istabbilimenti ċentrali kien ikkaraterizzat, b’mod partikolari, minn funzjonijiet ta’ servizz intiżi sabiex jippermettu lill-membri tan-netwerk deċentralizzati jeżerċitaw attività bankarja minkejja d-daqs tagħhom ħafna drabi ridott.

401    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-konnessjonijiet eżistenti bejn il-membri tal-gruppi bankarji setgħu jaffettwaw l-istruttura tas-suq. Dawn l-elementi juru, barra minn hekk, li kien inerenti għall-pożizzjoni tal-kumpanniji ewlenin li huma kellhom, fil-laqgħat tal-kumitati l-iktar importanti li għalihom huma kienu jipparteċipaw b’mod regolari, ir-rwol ta’ rappreżentanti tas-setturi tagħhom fejn il-biċċa l-kbira tal-membri tagħhom, minbarra RBW u NÖ-Hypo, ma kinux preżenti.

402    Fir-rigward ta’ dan, għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ "rappreżentazzjoni" għandu jinftiehem, f’dan il-kuntest, fis-sens ekonomiku u mhux strettament ġuridiku fis-sens tad-dritt ċivili. Dan il-kunċett jimplika, hekk kif ġie ddikjarat fil-premessa 517 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rappreżentazzjoni ta’ l-interessi ekonomiċi tas-settur kollu. Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk l-istabbilimenti ċentrali kellhomx setgħa li jinvolvu ġuridikament il-banek deċentralizzati mhijiex rilevanti f’dan il-kuntest, peress li "impenn" ġuridikament validu ta’ dawn ta’ l-aħħar fir-rigward ta’ membri oħra tal-kartell ma kienx, f’kull każ, possibbli minħabba l-Artikolu 81(2) KE.

403    Lanqas ma hija rilevanti, f’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk ir-rappreżentazzjoni ta’ interessi ta’ gruppi li kienet parti mill-funzjonijiet li kienu attribwiti lill-istabbilimenti ċentrali mil-liġi jew mill-istatuti ta’ assoċjazzjoni tagħhom, jew jekk din il-funzjoni kinitx limitata għal assoċjazzjonijiet li tagħhom kienu membri l-istabbilimenti tal-gruppi differenti (Österreichischer Raiffeisenverband, Sparkassenverband u Österreichischer Genossenschaftsverband). Fil-fatt, fid-dawl tar-rwol importanti u ċentrali ta’ dawn il-kumpanniji ewlenin fi ħdan il-gruppi rispettivi tagħhom, il-parteċipazzjoni tagħhom fil-kumitati prinċipali kienet neċessarjament perċepita, mill-banek l-oħra, mhux bħala parteċipazzjoni biss bħala banek kummerċjali, iżda bħala parteċipazzjoni tas-setturi bħala tali. Dan japplika iktar u iktar għad-deċiżjonijiet tal-biċċa l-kbira tal-kumitati prinċipali li kienu jikkonċernaw is-servizzi bankarji li kellhom rwol minuri fl-attivitajiet kummerċjali proprji tal-kumpanniji ewlenin, filwaqt li huma kienu jikkostitwixxu parti essenzjali ta’ l-attivitajiet tal-banek deċentralizzati. Barra minn hekk, dawn il-kumitati kienu joħorġu "sinjali" intiżi sabiex jagħtu direzzjoni lid-deċiżjonijiet reġjonali u lokali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk ir-rappreżentanti tal-kumpanniji ewlenin fi ħdan il-kumitati wettqux, waqt il-laqgħat ta’ dawn ta’ l-aħħar, atti konkreti ta’ "rappreżentazzjoni" tal-banek deċentralizzati, bħad-dikjarazzjonijiet magħmula jew l-impenji meħuda għan-nom ta’ l-imsemmija banek, mhijiex rilevanti. Konsegwentement, hemm lok li jiġu miċħuda bħala irrilevanti l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-allegazzjoni li tali mġiba ma ġietx stabbilita minn provi dokumentarji.

404    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, minħabba r-rabtiet deskritti hawn fuq, evalwazzjoni konkreta tal-kapaċità effettiva tal-kumpanniji ewlenin li joħolqu dannu kbir u tal-piż speċifiku ta’ l-imġiba illegali teħtieġ it-teħid in kunsiderazzjoni mhux biss ta’ l-ishma tagħhom stess tas-suq bħala banek kummerċjali, iżda ukoll ta’ l-ishma tas-suq tal-banek deċentralizzati.

405    Fil-fatt, il-funzjonijiet ta’ servizz u ta’ assistenza deskritti hawn fuq jimplikaw li l-għarfien espert neċessarju għall-operazzjonijiet li kienu joħorġu mill-kuntest tas-servizzi bankarji ta’ kuljum, minħabba d-diffikultà tagħhom, l-importanza tagħhom jew in-natura personali tagħhom, kien jinsab biss għand il-kumpanniji ewlenin. Il-banek deċentralizzati, li ma kellhomx għarfien espert ekwivalenti, kellhom għaldaqstant jafdaw l-indikazzjonijiet tal-kumpanniji ewlenin meta huma kienu jieħdu deċiżjonijiet fuq il-kwistjonijiet li jmorru lilhinn mill-ġestjoni ta’ l-operazzjonijiet bankarji standard. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-impjegati tal-banek deċentralizzati setgħu faċilment jaslu sabiex jimitaw l-imġiba illegali tal-kumpanniji ewlenin tagħhom mingħajr ma jinkwetaw ħafna fuq il-legalità tagħha, sakemm huma ma kellhomx raġunijiet kummerċjali konkreti sabiex jadottaw imġiba differenti. L-adeżjoni tal-kumpanniji ewlenin fl-akkordju seta’ għaldaqstant joħloq, fuq l-impjegati tal-banek li jappartjenu għall-gruppi, l-impressjoni li parteċipazzjoni fil-ftehim kienet imġiba mixtieqa fl-interess tal-grupp kollu, irrakkomandata minn awtoritajiet li għandhom għarfien espert iktar kbir u informazzjoni aħjar u li kellhom jiġu segwiti mingħajr ma dan jimplika riskju mhux raġjonevoli. Huma ffaċilitaw b’hekk b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni ta’ l-impegati tal-banek deċentralizzati sabiex dawn jipparteċipaw ukoll. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ adeżjoni tal-kumpanniji ewlenin fl-akkordju globali kien ifisser għall-banek deċentralizzati li kull imġiba antikompetittiva li fiha huma setgħu jimpenjaw ruħhom fil-kuntest tan-"netwerk Lombard" fuq livell lokali jew reġjonali kien jaqa’ esklużivament taħt ir-responsabbiltà tagħhom stess u ma kienx approvat mill-kumpannija ewlenija. F’dan ir-rigward, huwa diffiċilment konċepibbli li l-banek deċentralizzati kienu jipparteċipaw b’mod sistematiku għall-prattiċi miftiehma lokali jew reġjonali jekk il-kumpanniji ewlenin kienu baqgħu barra mill-kumitati li kienu jsiru fi Vjenna.

406    Jekk din l-influwenza ta’ l-imġiba tal-kumpanniji ewlenin fuq dik tal-membri tal-gruppi tagħhom setgħet tiġi msaħħa permezz ta’ l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-istabbiliment ċentrali u l-istabbilimenti deċentralizzati, hekk kif ġew ammessi minn RZB, l-eżistenza ta’ tali skambji mhijiex madankollu deċiżiva f’dan ir-rigward. Fil-fatt, mhuwiex importanti li jkun magħruf b’liema mezz il-banek deċentralizzati kienu ġew infurmati bil-ftehim li għalih il-kumpanniji ewlenin pparteċipaw peress li hija din il-parteċipazzjoni, flimkien mal-pożizzjoni ta’ l-istabbiliment ċentrali fi ħdan is-settur, li setgħet tinfluwenza l-imġiba illegali tal-banek deċentralizzati fis-sens deskritt fil-punt preċedenti. Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa minn Erste u ÖVAG, li ma ngħatatx prova ta’ tali skambji ta’ informazzjoni fir-rigward tagħhom, għandhom jiġu micħuda bħala irrilevanti.

407    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-konnessjonijiet eżistenti bejn il-kumpanniji ewlenin u l-banek deċentralizzati tal-gruppi tagħhom taw lill-kumpanniji ewlenin setgħa ekonomika ħafna iktar importanti minn dik li tirriżulta minn ishma tagħhom tas-suq bħala banek kummerċjali u li jikkorrispondu għas-sehem tas-suq tal-gruppi rispettivi kollha.

408    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilmenti mressqa mir-rikorrenti kontra l-evalwazzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ dan ma jistgħux jintlaqgħu.

 Konklużjoni

409    Minn dan jirriżulta li l-ilmenti mressqa kontra l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq tas-setturi deċentalizzati lill-istabbilimenti ċentrali ma jistgħux jintlaqgħu.

3.     Fuq il-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni f’kategoriji u ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi (kawżi T-260/02, T-261/02, T-263/02 et T-264/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

410    BA-CA, BAWAG, PSK u Erste jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex suffiċjentement motivata għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni f’kategoriji. L-ewwel nett, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni talli ma indikatx il-kriterji li hija kkunsidrat f’dan ir-rigward. It-tieni nett, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix li jiġi vverifikat il-kalkolu ta’ l-ishma tas-suq abbażi ta’ liema l-klassifikazzjoni f’kategoriji twettqet. BAWAG u PSK jenfasizzaw li la l-perijodu li l-Kummissjoni tikkunsidra bħala rilevanti, la s-sorsi li fuqhom hija bbażat ruħha, la l-metodu tagħha ta’ kalkolu abbażi ta’ l-ishma tas-suq fuq is-swieq differenti meħuda in kunsiderazzjoni u lanqas is-sehem tas-suq globali ma jirriżultaw kjarament mid-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, PSK isostni li l-Kummissjoni stabbiliet ammonti bażiċi separati għalih u għal PSK-B (ara l-punt 12 hawn fuq) mingħajr ma indikat l-ishma rispettivi tagħhom tas-suq.

411    Barra minn hekk, BA-CA, BAWAG u PSK huma ta’ l-opinjoni li l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi kkunsidrati għall-kategoriji differenti mhuwiex suffiċjentement motivat, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-metodu ta’ kalkolu u l-kriterji kkunsidrati.

412    Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata. Fir-rigward ta’ l-ilment li l-ishma tas-suq ta’ PSK u ta’ PSK-B ma kinux ġew indikati separatament, hija żżid li l-banek kienu jafu s-sehem tagħhom stess u setgħu għaldaqstant jivverifikaw l-eżattezza tad-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

413    Hija ġurisprudenza kostanti li l-motivazzjoni ta’ deċiżjoni individwali għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament ta’ l-istituzzjoni, awtriċi ta’ l-att, b’mod li tippermetti lil persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. L-eżiġenza tal-motivazzjoni għandha tiġi evalwata skond iċ-ċirkustanzi tal-każ. Mhuwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, peress li l-kwistjoni dwar jekk tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem ta’ l-att in kwistjoni, iżda anki fid-dawl tal-kuntest li fih dan l-att ikun ġie adottat (sentenza Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, imsemmija fil-punt 270 hawn fuq, punt 63).

414    Għal dak li jikkonċerna l-iffissar tal-multi għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu tagħha meta hija indikat, fid-deċiżjoni tagħha, l-elementi ta’ evalwazzjoni li ppermettulha li tkejjel il-gravità u t-tul ta’ żmien tal-ksur imwettaq, mingħajr ma kienet obbligata tagħti spjegazzjoni iktar dettaljata jew tindika ċ-ċifri relatati mal-mod ta’ kalkolu tal-multa (sentenza Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 286 hawn fuq, punti 38 sa 47; ara, wkoll, is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 376 hawn fuq, punti 1522 u 1525). L-indikazzjoni ta’ informazzjoni ta’ ċifri relatati mal-mod ta’ kalkolu tal-multi, ulti kemm hija utli tali informazzjoni, mhijiex indispensabbli fir-rigward ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2003, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑182/99 P, Ġabra p. I‑10761, punt 75).

415    F’dan il-każ, l-indikazzjonijiet li fiha d-deċiżjoni kkontestata ppermettew lir-rikorrenti li jqajmu numru ta’ raġunijiet ibbażati fuq l-illegalità tal-mertu għal dak li jikkonċerna l-elementi ta’ kalkolu relatati mal-klassifikazzjoni tagħhom f’kategoriji. Fil-fatt, il-Kummissjoni indikat, minn naħa, dak li din il-klassifikazzjoni wettqet skond l-ishma tas-suq (premessa 519) u, min-naħa l-oħra, liema kienu, skond il-kalkoli, l-ishma tas-suq tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (premessa 9). Issa, il-banek Awstrijaċi jafu l-ishma tagħhom fis-suq, li huma jistgħu jikkalkulaw abbażi ta’ listi pubbliċi maħruġa kull xahar mill-OeNB u abbażi tal-fatturat tagħhom stess. Għaldaqstant, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tindika biss parzjalment (fin-noti f’qiegħ il-paġna Nru 17 u Nru 522) is-sorsi speċifiki li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha u li hija ma spjegatx il-metodu ta’ kalkolu applikat sabiex jiġu ddeterminati l-ishma tas-suq u sabiex jiġu kklassifikati l-banek f’kategoriji ma pprekludiex id-difiża ta’ dawn ta’ l-aħħar. Dan jgħodd ukoll għan-nuqqas ta’ indikazzjoni separata ta’ l-ishma tas-suq ta’ PSK u ta’ PSK-B, li ma pprekludiex PSK milli jikkontesta dan l-aspett tad-deċiżjoni kkontestata b’mod dettaljat. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma kisritx l-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni f’kategoriji.

416    Għal dak li jikkonċerna l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi, peress li dawn jikkostitwixxu r-riżultat f’ċifri tad-diviżjoni f’kategoriji mwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, dan huwa biżżejjed għall-motivazzjoni ta’ l-importanza relattiva tagħhom (sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 376 hawn fuq, punt 1555). Fir-rigward tal-motivazzjoni ta’ dawn l-ammonti f’termini assoluti, għandu jiġi mfakkar li l-multi jikkostitwixxu strument tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni li għandha jkollha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar ta’ l-ammonti tagħhom sabiex torjenta l-imġiba ta’ l-impriżi fis-sens ta’ l-osservanza tar-regoli ta’ kompetizzjoni (sentenza Martinelli vs Il-Kummissjoni, punt 367 imsemmija hawn fuq, punt 59). Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi evitat li l-multi jkunu faċilment previdibbli mill-operaturi ekonomiċi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tiġi mitluba tagħti biss, f’dan ir-rigward, dawk l-elementi ta’ motivazzjoni relatati mal-gravità tal-ksur.

417    Għaldaqstant, l-ilmenti li jikkonċernaw il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata għal dak li jikkonċerna l-klassifikazzjoni f’kategoriji u l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi mhumiex fondati.

4.     Fuq il-ksur allegat tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (kawżi T‑261/02, T-263/02 u T-271/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

418    BAWAG u PSK huma ta’ l-opinjoni li l-fatt li huma kienu kklassifikati, b’sehem tas-suq ta’ 5 % kull wieħed, fit-tielet kategorija, ma’ ÖVAG et Erste li għandhom sehem tas-suq ta’ 7 % kull wieħed jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza. BAWAG isostni li din id-differenza ta’ 40 % f’termini relattivi hija viċin ħafna għad-differenza bejn ÖVAG u CA (42,9 %), ikklassifikati f’kategoriji differenti. Skond BAWAG, ÖVAG u NÖ-Hypo, id-delimitazzjoni bejn il-kategoriji ma tistax tiġi ġġustifikata bid-differenzi bejn l-ishma tas-suq f’termini assoluti peress li f’termini relattivi d-differenzi huma determinanti.

419    Barra minn hekk, BAWAG u PSK huma ta’ l-opinjoni li huma ġew żvantaġġati meta mqabbla ma’ BA-CA u Erste, li l-ishma tagħhom fis-suq huma ħames, anki sitt darbiet ikbar minn tagħhom, filwaqt li l-multi tagħhom huma erba’ jew ħames darbiet biss ogħla.

420    ÖVAG u NÖ-Hypo jsostnu li l-klassifikazzjoni f’kategoriji la tieħu in kunsiderazzjoni suffiċjentement id-differenza bejn il-fatturat u l-ishma tas-suq ta’ l-impriżi kklassifikati fir-raba’ u fil-ħames kategorija, li hija ħafna ikbar mid-differenzi bejn kategoriji oħra, u lanqas id-differenzi fid-daqs ta’ l-impriżi kklassifikati f’din l-aħħar kategorija. Barra minn hekk, huma jitolbu li l-klassifikazzjoni f’kategoriji tiġi mwettqa separatament għal ÖVAG (li s-sehem tas-suq tiegħu huwa 1 % inqas) u għall-grupp tal-banek popolari (li s-sehem tas-suq tiegħu huwa ta’ madwar 4 %), li jkollu bħala konsegwenza, skondhom, li l-grupp jiġi kklassifikat fir-raba’ kategorija u l-ÖVAG fl-aħħar waħda. Huma ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni pproċediet b’dan il-mod fil-każ ta’ Erste.

421    Il-Kummissjoni tosserva li l-ishma tas-suq ta’ l-impriżi kklassifikati fl-istess kategorija huma iktar viċin xulxin mill-ishma tas-suq ta’ impriżi kklassifikati fil-kategoriji viċin tagħhom u li d-differenzi bejn l-ishma tas-suq ta’ l-impriżi kklassifikati fl-istess kategorija huma inerenti għas-sistema.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

422    Fir-rigward tad-diviżjoni tal-membri ta’ l-akkordju f’kategoriji differenti, li rriżultat fl-adozzjoni ta’ rata fissa għall-ammont bażiku ffissat għall-impriżi fi ħdan l-istess kategorija, għandu jiġi osservat li tali approċċ tal-Kummissjoni, anki jekk hija waslet sabiex injorat id-differenzi ta’ daqs bejn impriżi ta’ l-istess kategorija, ma jistax, bħala prinċipju, ikun miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tassigura, fil-każ fejn multi imposti fuq diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jirriflettu kull differenza bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tad-daqs tagħhom (ara s-sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punt 385 u l-ġurisprudenza ċċitata).

423    Jibqa’ l-fatt li tali diviżjoni f’kategoriji għandha tirrispetta l-prinċipju ta’ ugwaljanza u li d-determinazzjoni tal-limiti għal kull kategorija hekk identifikata għandha tkun koerenti u oġġettivament iġġustifikata (sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punt 416).

424    F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ffissatx limiti preċiżi għall-ħames kategoriji li hija stabbilixxiet, iżda indikat, fir-risposta tagħha, "valuri ta’ gwida", li madwarhom jinsabu l-ishma tas-suq ta’ l-impriżi kklassifikati fl-istess kategorija. Id-differenzi bejn dawn il-valuri ta’ gwida huma koerenti u oġġettivament iġġustifikati għal dak li jikkonċerna l-ewwel sar-raba’ kategorija. Fil-fatt, il-valur ta’ gwida tat-tieni sar-raba’ kategorija jikkorrispondi, kull darba, għan-nofs ta’ dik tal-kategorija superjuri, u dan jgħodd ukoll għall-ammont bażiku korrispondenti.

425    Fir-rigward tal-ħames kategorija, imsemmija "tal-bqija", il-Kummissjoni ma użatx din is-sistema billi ġabret l-impriżi li s-sehem fis-suq tagħhom (inqas minn 1 %) jikkorrispondi, l-iktar, għal madwar terz tal-valur ta’ gwida tar-raba’ kategorija (2,75 %) filwaqt li huwa jista’ jkun ukoll konsiderevolment inferjuri. Jekk dawn id-differenzi bejn l-ishma tas-suq ta’ l-impriżi li jappartjenu għal din il-kategorija huma ta’ importanti żgħira f’termini ta’ punti ta’ perċentwali, id-differenzi relatati bejniethom jistgħu jkunu importanti. L-ammont bażiku ta’ EUR 1.25 miljun li hija ffissat għal din il-kategorija huwa inqas min-nofs, iżda ogħla mit-terz ta’ dak ta’ EUR 3.13 miljun iffissat għar-raba’ kategorija.

426    Minkejja d-differenzi ta’ daqs relattivi li jeżistu bejn l-impriżi li għandhom sehem tas-suq inqas minn 1 %, il-Kummissjoni ma marritx lilhinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni billi kklassifikathom fl-istess kategorija. Ċertament, kien ġie deċiż li dawn huma d-differenzi ta’ daqs f’termini relattivi li jirriflettu l-piż speċifiku reali tad-destinatarji ta’ deċiżjoni (sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punt 424). Madankollu, il-fakultà tal-Kummissjoni li tipproċedi għall-klassifikazzjoni f’kategoriji tkun ipprivata minn parti kbira ta’ l-utilità tagħha kieku kull differenza bejn ishma tas-suq, jekk din hija importanti f’termini relattivi u anki jekk din tikkorispondi għal differenza ta’ importanti żgħira f’termini ta’ punti ta’ perċentwali, tipprekludi l-klassifikazzjoni ta’ impriżi differenti fl-istess kategorija ta’ multi.

427    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ ugwaljanza ma jipprekludix li l-ammont bażiku ta’ din il-"kategorija tal-bqija" ikun iktar għoli, ibbażat fuq id-daqs ta’ l-impriżi kkonċernati, minn dawk iffissati għall-kategoriji superjuri. Fil-fatt, in-natura dissważiva ta’ multa ma tiddipendix biss mill-importanza relattiva tagħha fir-rigward tad-daqs ta’ l-impriża ppenalizzata jew fir-rigward tal-pożizzjoni tagħha fis-suq, iżda wkoll fuq l-ammont assolut tal-multa. F’dan ir-rigward, hija l-Kummissjoni li għandha, fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha fil-qasam tal-multi, u bla ħsara għall-eżerċizzju mill-Qorti tal-Prim’Istanza, fil-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, tiffissa l-ammonti bażiċi għall-impriżi kollha previsti fid-deċiżjoni tagħha għal ammont suffiċjentement għoli sabiex ikollu effett dissważiv.

428    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali għad-detriment ta’ l-impriżi kklassifikati fl-aħħar kategorija.

429    Sussegwentement għandu jiġi ossservat, suġġett għall-eżami ta’ l-ilmenti dwar l-eżattezza ta’ l-ishma tas-suq, li l-klassifikazzjoni ta’ BAWAG u ta’ PSK (b’sehem tas-suq ta’ 5 %) fl-istess kategorija ta’ ÖVAG u Erste (b’sehem tas-suq ta’ 7 %) ma qabżitx il-limiti ta’ dak li jista’ jiġi aċċettat taħt l-aspett tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, sehem tas-suq ta’ 5 % huwa qrib ħafna l-valur ta’ gwida ta’ 5,5 % stabbilit għat-tielet kategorija, filwaqt li sehem tas-suq ta’ 7 % huwa b’mod sinjifikattiv iktar qrib dan il-valur ta’ gwida minn dak stabbilit għall-kategorija superjuri (11 %).

430    Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta’ trattament ugwali ma kienx jeħtieġ, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni tipproċedi għall-klassifikazzjoni f’kategoriji separatament għal ÖVAG u għall-grupp tal-banek popolari. Fil-fatt, it-teżi mressqa minn ÖVAG, li l-Kummissjoni pproċediet għal tali klassifikazzjoni separata fil-każ tal-kumpannija ewlenija Erste u tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil, hija bbażata fuq żball ta’ fatt, peress li l-multa separata imposta fuq Erste/EÖ kienet tikkonċerna l-perijodu li matulu dan ma kien għadu mhuwiex il-kumpannija ewlenija ta’ l-imsemmi grupp, filwaqt li ammont bażiku wieħed kien ġie stabbilit għall-kumpannija ewlenija (GiroCredit qabel l-għaqda, imbagħad Erste), fid-dawl tas-sehem tas-suq tal-grupp.

431    Għaldaqstant, l-ilmenti bbażati, fil-kawżi T-261/02, T-263/02 u T‑271/02, fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali waqt l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi mhumiex fondati.

5.     Fuq id-determinazzjoni ta’ l-ishma tas-suq (kawżi T-263/02, T‑264/02 u T‑271/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

 PSK u PSK-B (kawża T-263/02)

432    L-ewwel nett, PSK jikkritika lill-Kummissjoni talli aġġixxiet b’mod arbitrarju billi ibbażat ruħha, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni, fuq l-ishma tas-suq għall-operazzjonijiet attivi u passivi mwettqa ma’ l-individwi u l-impriżi, mingħajr ma pproċediet għal delimitazzjoni eżatta tas-suq, filwaqt li, skond id-deċiżjoni kkontestata, l-akkordju kien imur lilhinn sew minn dawn l-operazzjonijiet.

433    It-tieni nett, PSK isostni li n-natura mhux xierqa u arbitrarja ta’ l-approċċ globali tal-Kummissjoni tintwera’ mis-sitwazzjoni tiegħu stess. Huwa josserva li l-ishma tas-suq tiegħu jippreżentaw differenzi kunsiderevoli skond jekk wieħed jikkunsidra l-operazzjonijiet attivi jew l-operazzjonijiet passivi. Huwa jiddikjara li ċ-ċifra ta’ madwar 5 % stabbilita mill-konvenuta għas-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B hija żbaljata u jafferma li, ħlief għad-depożiti ta’ tfaddil ta’ individwi, is-sehem tiegħu tas-suq huwa inferjuri għal 5 %. Fir-replika, PSK ta indikazzjonijiet dettaljati li huwa jsostni biċ-ċifri uffiċjali tal-listi ta’ kull xahar ta’ l-OeNB, li skondhom is-sehem tas-suq tiegħu eżatt fis-swieq ta’ l-operazzjonijiet ta’ depożitu u ta’ kreditu ma’ l-individwi u l-impriżi kien jinsab, mill-1999 sa 2001 (jiġifieri wara l-akkwist ta’ PSK-B), bejn 3.2 % et 3.6 %. Bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa ppreżenta wkoll dokument ta’ l-ishma tiegħu tas-suq għas-snin 1995 sa 1998 u ta’ l-ishma ta’ PSK-B fis-suq għas-snin 1996 sa 1998.

434    It-tielet nett, PSK jikkritika l-Kummissjoni talli din qieset b’mod żbaljat il-pożizzjoni kompletament negliġibbli ta’ PSK-B fis-suq. Huwa jispjega li PSK-B kien kważi servizz maqtugħ minn PSK, speċjalizzat fil-kreditu, peress li hu kien assenti minn kull qasam bankarju ieħor fejn huwa kellu rwol żgħir ħafna. Huwa jindika li s-sehem tas-suq ta’ PSK-B, matul il-perijodu previst mill-investigazzjoni, kien jirrappreżenta biss 1.5 % fil-qasam tal-kreditu lill-individwi u madwar 0.7 % f’dak tal-kreditu lill-impriżi. PSK huwa ta’ l-opinjoni li, kieku l-ishma tas-suq kienu ġew ikkalkulati sew, PSK-B kien jaqa’ biss, l-iktar l-iktar, fil-ħames kategorija. Fir-replika, huwa jżid li, anki jekk wieħed japplika l-approċċ imressaq mill-Kummissjoni fir-risposta u jaqsam is-sehem tas-suq taż-żewġ stabbilimenti flimkien fin-nofs bejn PSK u PSK-B, wieħed jikseb għal kull wieħed minn dawn il-banek sehem medju fis-suq li jvarja bejn 1.6 u 1.8 % biss. Skond PSK, kien neċessarju għaldaqstant li kemm PSK kif ukoll PSK-B jkunu kklassifikati fil-ħames kategorija u li, konsegwentement, l-ammont tal-multa jitnaqqas.

435    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tiddikjara li hija stabbiliet il-kapaċità tal-banek li joħolqu distorsjoni ta’ kompetizzjoni abbażi ta’ l-ishma tagħhom tas-suq rispettiv, peress li s-swieq li jikkonċernaw l-operazzjonijiet attivi u passivi ma’ l-individwi u mal-klijentela kummerċjali huma s-swieq prinċipali ta’ prodotti bankarji. Hija ta’ l-opinjoni li l-klassifikazzjoni f’kategoriji li wettqet fuq dan il-bażi hija oġġettiva u xierqa u tqis li hija mhijiex obbligata tikkunsidra l-ishma tas-suq relatati mas-setturi ta’ depożiti u ta’ krediti, peress li dawn jippreżentaw fatturat ta’ volum simili.

436    It-tieni nett, il-Kummissjoni tafferma li PSK ma wriex li l-ishma tiegħu tas-suq kienu inqas mil-livell indikat fid-deċiżjoni. Hija tikkonkludi, abbażi ta’ informazzjoni kkominikata minn PSK stess, li PSK u PSK-B kellhom flimkien sehem tas-suq ta’ mill-inqas 4 %. Hija tinvoka, minn naħa, ir-rikors ta’ PSK li, għall-operazzjonijiet ta’ depożitu, is-sehem tas-suq ta’ PSK, flimkien ma’ dak ta’ PSK-B, jammonta għall-5 % u, min-naħa l-oħra, in-notifika ta’ l-għaqda ta’ PSK ma’ BAWAG, li tirreferi għal sehem tas-suq flimkien ta’ 3 % fis-settur tal-kreditu. Meta wieħed jieħu l-medja taż-żewġ ċifri, wieħed jikseb, skond il-Kummissjoni, sehem tas-suq totali ta’ 4 %, li għandu sussegwentement jiġi maqsum kważi min-nofs bejn iż-żewġ banek, peress li PSK, li, minn żmien twil, ma kienx awtorizzat iwettaq operazzjonijiet ta’ kreditu, ikkonċentra fuq l-operazzjonijiet ta’ depożitu u inkariga lil PSK-B b’operazzjonijiet ta’ kreditu. Il-Kummissjoni kisbet b’hekk għal kull wieħed miż-żewġ banek sehem medju tas-suq ta’ mill-inqas 2 %.

437    It-tielet nett, il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li PSK u PSK-B ġew ikklassifikati ġustament fir-raba’ kategorija, li l-valur ta’ gwida tagħha huwa ta’ 2,75 %. Skondha, f’dan ir-rigward, il-kwistjoni dwar jekk is-sehem tagħhom kienx jammonta għal 2.5 % kif allegat mill-Kummissjoni, jew 1.6 % sa 1.8 % kif jafferma llum PSK, hija irrilevanti. Hija tispjega li l-impriżi kklassifikati fir-raba’ kategorija għandhom ishma tas-suq li huma inqas importanti minn dawk tat-tielet (madwar 5.5 %) u ogħla minn dawk tal-ħames kategorija (inqas minn 1 %). Skond il-Kummissjoni, l-impriżi tal-kategorija li fiha huma kellhom jiġu kklassifikati PSK u PSK-B kienu jinsabu bejn dawn iż-żewġ gruppi, u għaldaqstant fi skala bejn valur ħafna ogħla minn 1 % u ħafna inqas minn 5 % ta’ ishma tas-suq.

 Erste u l-grupp tal-banek ta’ tfaddil

438    Erste jsostni li s-sehem tas-suq ta’ 30 % attribwit lill-banek ta’ tfaddil fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludi l-ishma tas-suq ta’ żewġ banek li fuqhom ġew imposti multi distinti, jiġifieri, minn naħa, BA (mingħajr CA) u, min-naħa l-oħra, EÖ (l-isem preċedenti ta’ Erste qabel l-għaqda ma’ GiroCredit).

439    Minn naħa, Erste jsostni li BA huwa bank ta’ tfaddil minħabba l-forma ġuridika tiegħu u jaqa’ għaldaqstant, għall-finijiet ta’ l-istatistiċi ta’ l-OeNB, taħt is-settur tal-banek ta’ tfaddil. Skond iċ-ċifri ta’ l-OeNB għas-snin 1995 sa 1998, is-sehem tas-suq tal-banek ta’ tfaddil (inkluż BA) kien ta’ madwar 30 % (bejn 25 u 35 % skond is-swieq), li minnu 12 sa 13 % kienu attribwiti lil BA. Minn dan Erste jiddeduċi li s-sehem tas-suq ta’ BA kien ġie attribwit lill-grupp tal-banek ta’ tfaddil bi żball, u dan huwa kkorroborat, skondu, mill-indikazzjonijiet rigward in-numru ta’ fergħat u impjegati li jinsabu fil-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludu, skondu, ukoll dawk ta’ BA. Huwa jafferma li l-istatistiċi uffiċjali ta’ l- OeNB għandhom forza probatorja ikbar mid-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kontroll ta’ prattiċi miftiehma li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha u jikkritika l-Kummissjoni talli naqset milli tikkunsidra s-settur differenti ta’ attività.

440    Minn naħa l-oħra, Erste jsostni li s-sehem tas-suq tas-settur tal-banek ta’ tfaddil jinkludi dak ta’ EÖ, filwaqt li multa separata ġiet imposta fuqu għall-perijodu li jippreċedi l-għaqda ma’ GiroCredit.

441    Barra minn hekk, Erste josserva li l-multa ta’ EÖ kienet ġiet ikkalkulata abbażi ta’ sehem tas-suq ta’ 7 %, li jikkorrispondi madankollu, skondu, għas-sehem tiegħu fis-suq wara l-għaqda ma’ GiroCredit, peress li s-sehem tas-suq ta’ EÖ matul il-perijodu li għalih il-multa separata kienet ġiet stabbilita kien biss madwar 4 %.

442    Il-Kummissjoni tikkontesta li hija attribwiet lil Erste s-sehem tas-suq ta’ BA. Sussidjarament, hija ssostni li dan l-ilment huwa irrilevanti peress li Erste kellu jiġi kklassifikat fl-ewwel kategorija anki jekk is-sehem tiegħu kien 12 sa 13 % inqas minn dak ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Bl-istess mod, l-inklużjoni allegata tas-sehem tas-suq ta’ EÖ f’dak tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil ma taffettwax il-klassifika f’kategoriji. Fir-rigward tas-sehem tas-suq ikkonstatat għal Erste/EÖ (qabel l-għaqda), il-Kummissjoni tafferma li hija ma nkludietx dak ta’ GiroCredit u li dan kien, f’kull każ, ogħla minn 5 %.

 ÖVAG u l-grupp tal-banek popolari

443    ÖVAG u NÖ-Hypo jaffermaw li s-sehem tas-suq tal-grupp tal-banek popolari (inkluż ÖVAG) huwa inqas sew minn 7 %, jiġifieri, skond il-kalkoli ta’ ÖVAG, madwar 5 % u, skond l-istudji uffiċjali, 3 sa 4 % biss.

444    Il-Kummissjoni hija ta’ l-opinjoni li dawn l-ilmenti huma irrilevanti, peress li, ÖVAG kienet tiġi kklassifikata, f’kull każ, fit-tielet kategorija. Hija żżid li s-sehem tas-suq ta’ ÖVAG huwa kjarament ogħla minn 5 % u toffri li turi dan permezz ta’ dokumenti kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċedimenti li wasslu għad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-kontroll tal-prattiċi miftiehma li għalihom hija rreferiet fid-deċiżjoni kkontestata.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 PSK u PSK-B (kawża T-263/02)

445    L-ewwel nett, fir-rigward ta’ l-għażla tas-swieq, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball meta kkunsidrat li s-swieq ta’ l-operazzjonijiet attivi u passivi ma’ l-individwi u l-impriżi kienu rappreżentattivi sabiex jevalwaw ir-rapporti ta’ saħħa ekonomika fis-suq bankarju Awstrijak u meta stabbiliet il-medja ta’ l-ishma tas-suq tal-banek fuq l-imsemmija swieq bħala bażi tal-klassifikazzjoni f’kategoriji.

446    It-tieni nett, għal dak li jikkonċerna l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li s-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u PSK-B kien ta’ 5 % fis-swieq tad-depożiti u tal-krediti flimkien, għandu jiġi osservat li din iċ-ċifra mhijiex ikkontestata għal dak li jikkonċerna d-depożiti ta’ individwi u li, skond l-informazzjoni ppreżentata minn PSK bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B għad-depożiti kollha, inklużi dawk ta’ l-impriżi, ma kienx inqas minn 4,89 % fil-medja tas-snin 1996 sa 1998.

447    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-krediti, ir-rikorrent isostni li s-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ra’ PSK-B kien inqas minn 2 %, filwaqt li l-Kummissjoni tafferma li dan is-sehem tas-suq kien 3.5 jew 4 %. In sostenn ta’ l-affermazzjoni tagħhom, il-partijiet ippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

–        dokument li joriġina minn proċedura ta’ kontroll tal-prattiċi miftiehma, ippreżentat mill-Kummissjoni anness mal-kontroreplika, li jipprovdi li s-sehem tas-suq tal-"grupp PSK" fis-suq tal-krediti kien 3 % fl-1998;

–        dokument stabbilit fl-1997 minn PSK, li huwa parti mill-fajl amministrattiv ta’ dan il-każ u ppreżentat mill-Kummissjoni bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li s-"sehem tal-klijenti" tiegħu fis-suq tal-krediti kien bejn 3 sa 4 %;

–        dokument stabbilit fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-prattiċi miftiehma COMP/M.873, BA/CA, ippreżentat mill-Kummissjoni bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-verżjoni kunfidenzjali tiegħu turi, skond il-Kummissjoni, li PSK kellu, fl-1995, sehem tas-suq ta’ 4 % għal dak li jikkonċerna l-krediti, filwaqt li l-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dan id-dokumenti tindika, fi swieq differenti tal-krediti, skali ta’ 2 sa 6%, ta’ 3 sa 7 % u ta’ 1 sa 5 %;

–        dokument mogħti minn PSK bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li jipprovdi li s-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B fis-suq tal-krediti varja, bejn 1996 u 1998, minn 1.49 sa 2.03 %, b’medja ta’ madwar 1.8 %.

448    Fir-rigward ta’ l-ewwel wieħed minn dawn id-dokumenti, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li l-Kummissjoni kienet indikat fil-kontroreplika tagħha, bi żball, li dan kien joriġina mill-proċedura COMP/M.2140, BAWAG/PSK (ara l-punt 436 hawn fuq). Fir-risposti bil-miktub tagħha għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, hija indikat li dan id-dokument kien jirriżulta, fil-verità, mill-proċedura COMP/M.2125, HypoVereinsbank/Bank Austria, fejn dan kien parti mid-dokumenti li kienu ġew notifikati. Għandu jiġi kkonstatat li dan l-iżball seta’ jwassal lill-Kummissjoni sabiex din tattribwixxi lil dan id-dokument valur probatorju ikbar minn dak li fil-verità kellu. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak li l-Kummissjoni kienet qieset meta invokatu, huwa ma kienx ġie mfassal minn PSK, iżda mill-kompetituri tiegħu li kienu partijiet ta’ prattika miftiehma oħra. Billi kull bank jaf is-sehem tiegħu tas-suq (ara l-punt 415 hawn fuq), l-indikazzjonijiet li jipprovdu l-partijiet f’prattika miftiehma fis-suq bankarju Awstrijak rigward is-sehem tagħhom stess tas-suq għandhom valur probatorju għoli. Min-naħa l-oħra, l-indikazzjonijiet li jistgħu jipprovdu l-banek rigward l-ishma tas-suq tal-kompetituri tagħhom huma ġeneralment approssimattivi, peress li dawn jirrigwardaw s-sigriet tan-negozju ta’ dawn ta’ l-aħħar. Dan huwa kkonfermat, f’dan il-każ, mill-fatt li dan id-dokument, li ma jindikax il-perijodu li għalih huwa qed jirreferi, jirreferi għal sehem tas-suq ta’ 4 % tal-grupp PSK fis-suq tad-depożiti, filwaqt li, skond PSK u l-Kummissjoni, dan is-sehem kien ta’ madwar 5 %. Għaldaqstant, iċ-ċifri f’dan id-dokument ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala affidabbli għal dak li jikkonċerna l-ishma tas-suq ta’ PSK u ta’ PSK-B.

449    Fir-rigward tat-tieni dokument, is-"sehem tal-klijenti" li għalih dan jirreferi, għandu jiġi ddifferenzjat mis-sehem tas-suq, peress li dan ta’ l-aħħar ma jiddependix biss fuq in-numru ta’ tranżazzjonijiet ta’ kreditu iżda ukoll fuq il-volum tagħhom. Fir-rigward tat-tielet dokument, il-verżjoni mhux kunfidenzjali biss tista’ tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Din il-verżjoni tindika skali kbar wisq sabiex tippermetti, f’dan il-kuntest, evalwazzjoni suffiċjentement preċiża tas-sehem tas-suq komuni. Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li ċ-ċifri minn PSK abbażi tad-dokumenti li joħorġu kull xahar ta’ l-OeNB huma ħafna iktar baxxi minn dawk li jirriżultaw mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni.

450    Skond iċ-ċifri, is-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B fis-suq tad-depożiti (4.89 %) u tal-krediti (1.8 %), ikkalkulat skond il-metodu użat mill-Kummissjoni, kien jammonta, bħala medja, għal madwar 3.35 %. Għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex stabbilit, permezz tal-provi pprovduti mill-partijiet fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li s-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B kien ogħla minn din iċ-ċifra.

451    Sussegwentement, id-diverġenza bejn din iċ-ċifra u l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tas-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B hija importanti biżżejjed sabiex ikollha influwenza fuq il-klassifikazzjoni tagħhom f’kategorija.

452    Fil-fatt, abbażi ta’ sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B ta’ 3.35 %, sehem tas-suq ta’ 1.675 % kelllu jiġi attribwit, skond l-approċċ tal-Kummissjoni, lil kull wieħed minn dawn l-istabbilimenti. F’din l-ipoteżi, il-klassifikazzjoni tagħhom fir-raba’ kategorija taqbeż il-limiti ta’ x’jista’ jiġi aċċettat taħt l-aspett tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali u tippreġudika l-koerenza tas-sistema ta’ tqassim f’kategoriji adottata mill-Kummissjoni f’dan il-każ. Fil-fatt, sehem tas-suq ta’ 1.675 % jikkorrispondi biss għal madwar 60 % tal-valur ta’ gwida ta’ 2.75 % stabbilit għar-raba’ kategorija u għal madwar 25 % ta’ sehem tas-suq ta’ 7 % li ġġustifika, skond il-Kummissjoni, il-klassifikazzjoni ta’ Erste u ta’ ÖVAG fit-tielet kategorija u l-iffissar ta’ multa darbtejn ikbar minn dik stabbilita għal PSK u PSK-B. Fl-aħħar nett, it-teħid in kunsiderazzjoni tas-sehem tas-suq ta’ PSK u ta’ PSK-B flimkien (3.35 %) kellu jwassal, skond is-sistema adottata mill-Kummissjoni, għal klassifikazzjoni fir-raba’ kategorija, li fiha hija kklassifikat lil PSK u PSK-B seperatament. Issa, mhuwiex kompatibbli mas-sistema ta’ klassifikazzjoni stabbilita f’dan il-każ li impriżi li waħda minnhom għandha sehem darbtejn ikbar mill-oħra jiġu kklassifikati fl-istess kategorija, ħlief għal dak li jikkonċerna l-"kategorija tal-bqija". Ċertament, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, id-differenza bejn sehem tas-suq ta’ 1.675 % u l-valur ta’ gwida tal-ħames kategorija (inqas minn 1 %) hija wisq importanti sabiex PSK u PSK-B ikunu kklassifikati t-tnejn f’din ta’ l-aħħar. Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni, fid-dawl ta’ l-informazzjoni li abbażi tagħha hija pproċediet għall-klassifikazzjoni f’kategoriji, ma ħaditx in kunsiderazzjoni, fis-sistema tagħha, ta’ l-ishma tas-suq li jinsabu bejn 1 u 2 %, filwaqt li hija kellha tagħmel dan jekk l-ishma tas-suq ta’ PSK u ta’ PSK-B kienu jinsabu effettivament f’din l-iskala.

453    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiffissa, billi teżerċita l-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, l-ammont bażiku tal-multi li għandhom jiġu imposti fuq PSK u fuq PSK‑B.

454    F’dan ir-rigward, ikun tajjeb li jiġi ffissat ammont bażiku wieħed għal PSK u PSK-B. Fil-fatt, jekk huwa minnu li l-Kummissjoni kienet iddeterminat ammonti bażiċi separati, hija madankollu, billi ħadet in kunsiderazzjoni l-għaqda bejn dawn iż-żewġ stabbilimenti li seħħet fl-1998, imponiet multa waħda fuq PSK. Fid-dawl ta’ l-elementi kollha li jinsabu fil-fajl dwar l-ishma tas-suq ta’ PSK u PSK-B, b’mod partikolari l-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, huwa xieraq li jiġi stabbilit ammont bażiku ta’ EUR 3.13 miljun, li jikkorrispondi għar-raba’ kategorija.

 Erste u l-grupp tal-banek ta’ tfaddil

455    Skond il-premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata, Erste (wara l-għaqda ma’ GiroCredit) u l-grupp tal-banek ta’ tfaddil kellhom sehem tas-suq ta’ 30 %, filwaqt li s-sehem tas-suq ta’ Erste kien biss madwar 7 %. Mill-kunsiderazzjonijiet 519 u 522 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kkalkulat żewġ ammonti bażiċi separati, minn naħa, għall-kumpannija ewlenija (GiroCredit qabel l-għaqda u Erste wara l-għaqda), li lilha ġew attribwiti l-ishma tas-suq tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil u, min-naħa l-oħra, għal EÖ għal dak li jikkonċerna l-perijodu qabel l-għaqda. Iż-żieda minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur kienet ġiet applikata għall-ammont bażiku tal-kumpannija ewlenija għall-perijodu kkonċernat kollu (3 snin u nofs) u għal dak ta’ EÖ għall-perijodu li jippreċedi l-għaqda (3 snin).

–       Multa imposta fuq il-kumpannija ewlenija

456    Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 377 u 378 hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx b’mod illegali li s-sehem tas-suq tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil kien jinkludi dak ta’ EÖ, li għaldaqstant ittieħed in kunsiderazzjoni kemm sabiex jiġi ffissat l-ammont bażiku tal-grupp tal-banek ta’ tfaddil kif ukoll waqt l-iffissar tal-multa tiegħu stess.

457    Fir-rigward ta’ l-ilment li s-sehem tas-suq ta’ BA, li kien jilħaq 12 sa 13 %, kien ġie inkluż, bi żball, f’dak ta’ 30 % attribwit mid-deċiżjoni kkontestata lill-entità kkostitwita mill-kumpannija ewlenija u l-banek ta’ tfaddil, għandu jiġi kkonstatat li, wara tnaqqis tas-sehem tas-suq ta’ BA, il-bqija tas-sehem tas-suq ta’ 17 sa 18 % xorta jiġġustifika l-klassifikazzjoni fl-ewwel kategorija, peress li huwa kjarament iktar viċin l-valur ta’ gwida ta’ 22 % minn dak ta’ 11 %, li jirrigwarda t-tieni kategorija. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud fil-kuntest ta’ l-isħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, peress li, anki kieku dan kien fondat, ma jistax jqiegħed in kwistjoni l-parti operattiva tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, li l-klassifikazzjoni ta’ Erste fl-ewwel kategorija hija ġġustifikata fir-rigward ta’ l-imposta ta’ multa ta’ ammont xieraq.

–       Multa separata imposta fuq EÖ

458    L-ilment ibbażat fuq l-ineżattezza tas-sehem tas-suq ta’ 7 % attribwit lil EÖ mid-deċiżjoni kkontestata huwa irrilevanti. Fil-fatt, skond l-indikazzjonijiet mogħtija minn Erste fir-rikors tiegħu u bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, is-sehem tas-suq ta’ EÖ kien ta’ 5.3 % għal dak li jikkonċerna d-depożiti, ta’ 4.8 % għal dak li jikkonċerna l-krediti lill-impriżi u ta’ 4.1 sa 4.4 % għal dak li jikkonċerna l-krediti lill-individwi. Anki kieku tingħata prova ta’ l-eżattezza ta’ dawn iċ-ċifri, minn dan jirriżulta biss li, globalment, is-sehem tas-suq ta’ EÖ kien ftit inqas minn 5 %, b’mod li l-klassifikazzjoni tiegħu fit-tielet kategorija ma valur ta’ gwida ta’ 5.5 % għandha, f’kull każ, titqies iġġustifikata.

 ÖVAG u l-grupp tal-banek popolari (kawża T-271/02)

459    Sabiex juri l-iżball tal-Kummissjoni rigward is-sehem tas-suq attribwit lil ÖVAG mid-deċiżjoni kkontestata, dan ippreżenta tliet dokumenti, jiġifieri:

–        tabella dwar is-snin 1994 sa 1998 li skondha s-sehem tas-suq tal-grupp tal-banek popolari varja, f’termini tal-bilanċ totali, minn 4.31 sa 4.45 %;

–        tabella apparentement imfassla mill-OeNB li tindika l-ishma tas-suq tal-banek Awstrijaċi fl-1999 u 2000 u li skondha s-sehem tas-suq tal-grupp tal-banek popolari kien ta’ 2.7 %, anki 2.8 %, mingħajr ma madankollu tippreċiża fir-rigward ta’ liema suq dawn iċ-ċifri ġew ikkalkulati;

–        dijagramma apparentement imfassla mill-OeNB li tindika l-ishma tas-suq f’termini tal-bilanċ totali mingħajr ma tindika l-perijodu li ttieħed in kunsiderazzjoni, li skondha s-sehem tas-suq attribwit lil ÖVAG kien ta’ 4.38 %.

460    Għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dokumenti ma jirreferux għas-swieq ta’ l-operazzjonijiet attivi jew passivi ma’ l-individwi u l-impriżi, li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni evalwat l-ishma tas-suq tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, it-tieni wieħed minn dawn id-dokumenti ma jirreferix għall-perijodu tal-ksur, filwaqt li ċ-ċifri fih huma differenti b’mod sinjifikattiv minn dawk li jirriżultaw mill-ewwel dokument għal dan il-perijodu. Barra minn hekk, l-ishma tas-suq indikati fl-ewwel wieħed u fit-tielet wieħed minn dawn id-dokumenti huma iktar qrib il-valur ta’ gwida tat-tielet kategorija (5.5 %) minn dak tar-raba’ kategorija (2.75 %), kemm f’termini assoluti kif ukoll f’termini relattivi.

461    Minn dan jirriżulta li l-ilmenti mressqa minn ÖVAG ma jistgħux jaffettwaw il-validità tal-klassifikazzjoni tiegħu fit-tielet kategorija. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, li l-klassifikazzjoni ta’ ÖVAG fit-tielet kategorija hija ġġustifikata fir-rigward ta’ l-imposta ta’ multa ta’ ammont xieraq.

c)     Konklużjoni

462    Minn dan jirriżulta li l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq PSK u PSK-B (kawża T‑263/02) għandu jiġi ffissat għal EUR 3.13 miljun, filwaqt li l-ilmenti dwar id-determinazzjoni ta’ l-ishma tas-suq u l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi mqajma minn Erste (kawża T-264/02) u ÖVAG (kawża T‑271/02) għandhom jiġu miċħuda.

6.     Konklużjoni fuq il-klassifikazzjoni f’kategoriji u l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi

463    Minn dan li jippreċedi jirriżulta li, ħlief dawk ta’ PSK u ta’ PSK-B (kawża T-263/02), l-ilmenti kollha tar-rikorrenti dwar it-tqassim f’kategoriji u l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi għandhom jiġu miċħuda.

D –  Fuq ir-raġunijiet dwar it-tul ta’ żmien tal-ksur (kawżi T‑259/02, T‑261/02 u T-263/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

464    RZB, BAWAG u PSK huma ta’ l-opinjoni li ż-żieda ta’ 35 % ta’ l-ammont bażiku minħabba t-tul ta’ żmien tal-ftehim hija eċċessiva. Huma jinvokaw it-tnaqqis tal-frekwenza tal-kumitati u ta’ l-intensità tal-prattiċi miftiehma bejn il-banek fl-1997 u fl-1998 u jenfasizzaw li żieda ta’ 10 % għal kull sena tikkostitwixxi, skond il-linji gwida, il-massimu li dan l-ammont jista’ jilħaq. BAWAG u PSK ifakkru, barra minn hekk, li għall-ksur ta’ tul ta’ żmien ta’ inqas minn sena, l-ebda żieda fil-multa mhija ammissibbli. Huma ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni, billi applikat rata ta’ żieda ta’ 10 % għal kull sena, naqset illegalment milli tagħmel użu mid-diskrezzjoni li hija għandha skond il-linji gwida.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

465    L-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jistipula t-teħid in kunsiderazzjoni, barra mill-gravità tal-ksur, tat-tul ta’ żmien tiegħu sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa. Minn dan isegwi li l-effett tat-tul ta’ żmien tal-ksur fuq l-ammont bażiku tal-multa għandu, bħala regola ġenerali, ikun sinjifikattiv. Dan jipprekludi, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, żieda purament simbolika ta’ l-ammont bażiku minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur. B’hekk, meta ftehim li għandu għan antikompettivi mhuwiex implementat, xorta waħda għandu jittieħed in kunsiderazzjoni t-tul ta’ żmien li fih eżista dan l-ftehim, jiġifieri l-perijodu li ddekorra bejn id-data tal-konklużjoni tiegħu u d-data li fiha ntemm (sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punt 280).

466    It-teżi tar-rikorrenti li, skond il-linji gwida, l-ammont bażiku ma jistax jiżdied b’iktar minn 10 % għal kull sena, minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur, ma tistax tintlaqa’. Fil-fatt, il-linji gwida jipprevedu tali limitu biss għall-ksur ta’ tul ta’ żmien twil, filwaqt li, għal dak ta’ tul ta’ żmien medju (ġeneralment minn sena sa ħames snin) il-limitu massimu uniku kien ġie stabbilit għal 50 % ta’ l-ammont bażiku, u dan ma jeskludix li tinqabeż ir-rata ta’ żieda ta’ 10 % għal kull sena. Għaldaqstant, it-teżi tar-rikorrenti li żieda li tikkorrispondi għal 10 % ta’ l-ammont bażiku għal kull sena għandha tintuża f’każijiet eċċezzjonali għandha tiġi miċħuda. Bl-istess mod, l-ilment li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel użu mid-diskrezzjoni li hija għandha waqt l-iffissar ta’ l-ammont addizzjonali fil-kuntest tal-limitu massimu mhuwiex fondat.

467    Fir-rigward ta’ l-affermazzjoni li l-ksur attribwit lir-rikorrenti kien naqas fl-intensità, għandu jiġi mfakkar li żieda fil-multa skond it-tul ta’ żmien mhijiex limitata għas-sitwazzjoni fejn hemm relazzjoni diretta bejn it-tul ta’ żmien u dannu serju kkawżat lill-għanijiet Komunitarji previsti mir-regoli tal-kompetizzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il-Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, Ġabra p. II‑2035, punt 106; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni, T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 278).

468    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda r-raġunijiet dwar iż-żieda fl-ammont bażiku minħabba t-tul ta’ żmien tal-ksur.

E –  Fuq iċ-ċirkustanzi mitiganti

1.     Osservazzjonijiet preliminari

469    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli din naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni ċirkustanzi mitiganti li huma kienu invokaw matul il-proċedura amministrattiva.

470    L-ewwel nett, RZB (kawża T‑259/02), BAWAG (kawża T-261/02), PSK (kawża T‑263/02), ÖVAG u NÖ-Hypo (kawża T-271/02) isostnu li l-ksur kien ġie mwettaq b’negliġenza u mhux b’mod deliberat. Hekk kif ġie kkonstatat fil-punti 201 sa 211 hawn fuq, dan l-ilment mhuwiex fondat. It-tieni nett, BAWAG, PSK u Erste (kawża T‑264/02) jaffermaw li l-ftehim ma kienx ġie implementat. Safejn l-argumenti tagħhom jirreferu għall-ksur kollu u mhux għall-imġiba individwali tar-rikorrenti, dawn ġew eżaminati fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità intrinsika tal-ksur (ara l-punti 289 sa 295 hawn fuq). It-tielet nett, l-istess jgħodd għall-argument bbażat fuq l-effetti allegatament marġinali tal-ksur, invokat fil-kawżi T-259/02, T-261/02 u T-263/02 bħala ċirkustanza mitiganti, li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-gravità intrinsika tal-ksur (ara l-punti 231 sa 233 hawn fuq).

471    Ir-raba’ nett, RZB, BAWAG, PSK, ÖVAG u NÖ-Hypo jilmentaw li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat ir-rwol individwali tagħhom fi ħdan l-akkordju. Il-ħames nett, diversi banek jinvokaw il-waqfien immedjat tal-ksur wara l-verifiki. Is-sitt nett, BAWAG, PSK u Erste jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li kien hemm dubju raġjonevoli fuq in-natura illegali ta’ l-imġiba tal-banek. Is-seba’ u l-aħħar nett, Erste jikkritika l-Kummissjoni talli din naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza mitiganti, il-kriżi tal-qasam bankarju fl-Awstrija.

472    Qabel ma jiġu eżaminati l-ilmenti dwar iċ-ċikustanzi differenti elenkati hawn fuq, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha tikkonforma ruħha mat-termini tal-linji gwida tagħha stess għall-iffissar ta’ l-ammont tal-multi. Madankollu, mhuwiex indikat fil-linji gwida li l-Kummissjoni għandha dejjem tieħu in kunsiderazzjoni separatament kull ċirkustanza mitiganti elenkata fil-punt 3 tal-linji gwida u hija mhijiex obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali minħabba f’hekk b’mod awtomatiku, peress li l-adegwatezza ta’ eventwali tnaqqis tal-multa minħabba ċirkustanzi mitiganti għandha tiġi evalwata minn perspettiva globali li tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza rilevanti kollha.

473    Fil-fatt, l-adozzjoni tal-linji gwida ma renditx irrilevanti l-ġurisprudenza preċedenti li tgħid li l-Kummissjoni tiddisponi minn diskrezzjoni li tippermettilha li tieħu jew ma tieħux in kunsiderazzjoni ċerti elementi hija u tiffissa l-ammont tal-multi li hija jkollha l-intenzjoni li timponi, u dan skond, b’mod partikolari, iċ-ċirkustanzi tal-każ in eżami (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Marzu 1996, SPO et vs Il-Kummissjoni, C-137/95 P, Ġabra, p. I-1611, punt 54; sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 166 hawn fuq, punti 32 u 33 u tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 465; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, KNP BT vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 330 hawn fuq, punt 68). B’hekk, fin-nuqqas ta’ indikazzjoni ta’ natura imperattiva fil-linji gwida għal dak li jikkonċerna ċ-ċirkustanzi mitiganti li jistgħu jittieħdu in kunsiderazzjoni, għandu jitqies li l-Kummissjoni żammet ċertu marġni sabiex tevalwa b’mod globali l-importanza ta’ tnaqqis eventwali ta’ l-ammont tal-multi fir-rigward taċ-ċirkustanzi mitiganti.

2.     Fuq ir-rwol ta’ ċerti rikorrenti fi ħdan il-kumitati (kawżi T‑259/02, T-260/02, T-261/02, T-263/02 u T-271/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

474    RZB (kawża T-259/02) jafferma, minn naħa, li l-ftehim ma kienx, essenzjalment, jikkonċerna l-attivitajiet bankarji tagħha stess b’mod li huwa ma kellu ebda interess proprju u, min-naħa l-oħra, li l-kontribuzzjoni tiegħu fil-kumitati kienet limitata għat-trażmissjoni ta’ informazjoni lill-banek oħra tas-settur Raiffeisen u kienet minima meta mqabbla ma’ dik ta’ banek oħra, li l-attivitajiet tagħhom kienu koperti mill-akkordji. Huwa jqis li l-pożizzjoni tiegħu tista’ titqabbel ma’ "gwardjan ta’ l-akkordju", jiġifieri ma’ impriża li r-rwol tagħha huwa limitat għas-sorveljanza ta’ l-osservanza ta’ l-akkordju u għat-twettiq ta’ atti ta’ kompliċità bħat-trażmissjoni ta’ informazzjoni, il-koordinazzjoni u l-kontroll.

475    PSK (kawża T-263/02) isostni li r-rwol tiegħu kien negliġibbli minħabba restrizzjonijiet li għalihom l-attività kummerċjali tiegħu hija suġġetta, filwaqt li PSK-B kellu piż kummerċjali estremament ridott, li huma ma pparteċipawx għal kollox f’ċerti kumitati u li l-parteċipazzjoni tagħhom fl-oħrajn kienet dgħajfa jew passiva. Huma jinvoka n-natura sporadika tal-parteċipazzjoni ta’ PSK‑B fil-kumitati (15 % minn 335 kumitat li għalihom lista ta’ parteċipanti kienet ġiet annessa mad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet) u jikkritika l-Kummissjoni talli din naqset milli tevalwa separatament il-parteċipazzjoni individwali ta’ PSK u ta’ PSK-B, filwaqt li imponiet fuqhom multi separati.

476    ÖVAG u NÖ-Hypo (kawża T-271/02) isostnu li huma kellhom jiġu kklassifikati bħala "segwaċi". Huma jinvokaw mill-ġdid l-eżistenza ta’ "ċirkolu ristrett ta’ banek" (ara l-punt 145 hawn fuq), li fi ħdanu l-ikbar banek kienu jiftehmu qabel il-kumitati u jieħdu deċiżjonijiet li magħhom il-membri l-oħra ta’ l-akkordju (bħal ÖVAG u NÖ-Hypo) setgħu biss jimxu, mingħajr ma jinfluwenzaw il-kontenut.

477    BA-CA (kawża T-260/02) jafferma, mingħajr ma jagħmel użu espliċitament minn ċirkustanzi mitiganti, li l-imġiba tiegħu stess ma kinitx konformi mal-ftehim u li ma kien hemm l-ebda rabta każwali bejn il-ftehim u l-politika tiegħu stess fil-qasam ta’ rati ta’ interessi. BAWAG (kawża T-261/02) jinvoka r-rwol tiegħu ta’ "elettron liberu" li n-nuqqas ta’ osservanza sistematiku tiegħu tal-ftehim fixkel b’mod sinjifikattiv ix-xogħol tal-kumitati u ta lok għal miżuri ta’ ritaljazzjoni u għal kritika min-naħa ta’ banek oħra. Huwa jiġġustifika l-parteċipazzjoni tiegħu fil-kumitati bin-neċessità li ma jibqax barra min-numru ta’ prattiċi miftiehma kompatibbli mad-dritt ta’ kompetizzjoni li seħħu f’dan l-akkordju.

478    Il-Kummissjoni tinvoka d-diskrezzjoni tagħha fir-rigward tat-teħid in kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi mitiġanti u tqis li ma kienx hemm lok li tittieħed in kunsiderazzjoni d-diviżjoni tar-rwoli fi ħdan l-akkordju, peress li l-parteċipanti kollha bbenefikaw b’mod ugwali mill-ftehim u mill-iskambji ta’ informazzjoni u billi l-parteċipazzjoni tal-banek kollha kienet ta’ importanza kruċjali sabiex jiġi ggarantit it-tħaddim ta’ l-akkordju.

479    Fir-rigward ta’ RZB, ta’ PSK u ta’ PSK-B, hija tosserva li r-rwol tagħhom waqt il-kumitati ma kienx passiv jew insinjifikanti. Fil-kawża T-271/02, il-Kummissjoni ma tikkontestax l-eżistenza taċ-"ċirkolu ristrett" invokat minn ÖVAG u Ö-Hypo, iżda ssostni li dawn il-prattiċi miftiehma iżolati bejn parti tal-membri ta’ l-akkordju kienu biss preparatorji. Hija tenfasizza l-parteċipazzjoni attiva ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo fil-prattiċi miftiehma fil-kuntest tal-kumitati l-iktar importanti u l-importanza ta’ din il-parteċipazzjoni għat-tħaddim ta’ l-akkordju.

480    Skond il-Kummissjoni, BAWAG ma wriex li huwa kien kostrett jipparteċipa fil-ksur kontra x-xewqa tiegħu u, f’kull każ, l-imġiba tiegħu ma setgħatx tinnewtralizza parti kbira mill-effetti antikompettivi tal-ftehim konklużi mill-banek l-oħra peress li s-sehem tas-suq tiegħu kien biss 5 %.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-imġiba passiva jew emulattiva (kawżi T-259/02, T-263/02 u T-271/02)

481    Skond l-ewwel inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, ir -"rwol esklussivament passiv jew emulattiv" ta’ impriża fit-twettiq tal-ksur jista’, jekk jingħata prova tiegħu, jikkostitwixxi ċirkustanza mitiganti.

482    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, jirriżulta mill-ġurisprudenza li, fost l-elementi li għandhom tendenza juru r-rwol passiv ta’ l-impriża fi ħdan akkordju, tista’ tiġi kkunsidrata n-natura ħafna aktar sporadika tal-parteċipazzjonijiet tagħha fil-laqgħat meta mqabbla mal-membri normali ta’ akkordju (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, BPB de Eendracht vs Il-Kummissjoni, T‑311/94, Ġabra p. II‑1129, punt 343; sentenzi Cheil Jedang vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 391 hawn fuq, punt 168 u Tokai I, imsemmija fil-punt 331 hawn fuq, punt 331).

483    Issa, huwa preċiżament minħabba l-parteċipazzjoni frekwenti tagħhom fil-kumitati li hija kkunsidrat bħala l-iktar importanti li l-Kummissjoni għażlet id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-premessa 470), u jirriżulta mir-rendikont tal-parteċipazzjoni tal-banek differenti fil-kumitati, ippreżentat mill-Kummissjoni, li RZB, PSK u ÖVAG ipparteċipaw f’madwar 70 % tal-laqgħat ta’ dawn (li n-numru totali tagħhom kien 126), PSK f’madwar 30 % u NÖ-Hypo f’madwar 40 %, u dan ma jistax jiġi kklassifikat bħala sporadiku (ara l-punt 146 hawn fuq). Il-fatt li PSK-B ipparteċipa inqas frekwentement fil-kumitati l-oħra ma jiġġustifika ebda konklużjoni oħra.

484    Fir-rigward ta’ l-ilment ibbażat minn ÖVAG u NÖ-Hypo fuq interpretazzjoni żbaljata tar-rwol ta’ "ċirkolu ristrett ta’ banek" li, skondhom, kien jamministra l-akkordju, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ma injoratx l-eżistenza ta’ prattiċi miftiehma preliminari bejn il-banek il-kbar u li ma jidhirx li d-deċiżjoni tagħha li tattribwixxi lil kumitati oħra importanza deċiżiva sabiex tevalwa r-rwol rispettiv tal-membri ta’ l-akkordju kienet ġiet meħuda bi ksur ta’ regoli ta’ proċedura jew ta’ motivazzjoni. ÖVAG u NÖ-Hypo lanqas ma wrew li l-Kummissjoni wettqet żbalji fattwali jew abbuż ta’ poter jew li hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta għażlet li tibbaża ruħha fuq il-laqgħat "istituzzjonalizzati" tal-kumitati differenti tan-"netwerk Lombard" (ara l-punti 144 u 145 hawn fuq).

485    It-tieni nett, fir-rigward, ta’ l-imġiba tal-banek waqt il-laqgħat, RZB, PSK, ÖVAG u NÖ-Hypo la ressqu ċirkustanżi speċifiċi u lanqas elementi ta’ prova, bħad-dikjarazzjonijiet ta’ membri oħra ta l-akkordju, li jistgħu juru li l-attitudini tagħhom waqt il-laqgħat in kwistjoni kienet differenti ħafna minn dik tal-banek l-oħra minħabba n-natura purament passiva jew emulattiva tagħha.

486    Barra minn hekk, jekk impriża pparteċipat, anki jekk ma kellhiex rwol attiv, għal laqgħa jew numru ta’ laqgħat li għandhom għan antikompetittiv, hija għandha tiġi kkunsidrata li pparteċipat fl-akkordju sakemm hija ma tagħtix prova li hija tbiegħdet b’mod evidenti mill-prattika miftiehma illegali (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, iktar ‘il quddiem is-"sentenza Ciment", punt 3199 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, permezz tal-preżenza tagħhom fil-laqgħat, ir-rikorrenti aderixxew jew ta’ l-anqas ġiegħlu lill-parteċipanti l-oħra jemmnu li huma kienu jaderixxu fil-prinċipju mal-kontenut tal-ftehim antikompetittiv konkluż hemmhekk (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il-Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 296).

487    Għandu jingħad ukoll li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi, fil-premessi 539 sa 541, l-eżistenza ta’ ċerti differenzi bejn ir-rwoli li kellhom il-banek differenti fi ħdan il-kumitati u b’mod partikolari r-rwol iktar importanti tal-banek il-kbar, anki gruppi bankarji, kemm fir-rigward ta’ l-istedini għall-kumitati kif ukoll fl-iżvilupp tal-laqgħat. Hija tosserva madankollu li, safejn ir-rwol tal-banek differenti jew tal-gruppi bankarji differenti kien konformi mal-pożizzjoni tagħhom fis-suq, id-distinzjoni neċessarja kienet diġà ttieħdet in kunsiderazzjoni fil-kuntest tat-tqegħid tal-banek f’kategoriji differenti. Issa, ir-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta kkunsidrat li din id-distinzjoni kienet suffiċjenti sabiex tirrifletti r-rwol tal-banek differenti fi ħdan l-akkordju (ara, b’analoġija, is-sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punt 293), u l-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li lanqas hemm lok li din tiġi eskluża billi teżerċita l-kompetenza sħiħa tagħha.

488    Din id-distinzjoni hija suffiċjenti ukoll sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni n-nuqqas allegat ta’ interess proprju fir-rigward tal-ftehim li jikkonċernaw l-attivitajiet bankarji li huma stess ma jeżerċitawx, invokat minn RZB u PSK. Fil-fatt, fir-rigward ta’ RZB, l-evalwazzjoni tar-rwol tiegħu fi ħdan l-akkordju ma tistax tiġi separata minn dik tar-rwol tiegħu ta’ kumpannija ewlenija u l-ilmenti li jikkonċernaw it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ dan ir-rwol ġew miċħuda fil-punti 367 sa 407 hawn fuq. Għal dak li jikkonċerna PSK u PSK-B, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkustanzi li PSK jinvoka f’dan il-kuntest ittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest tal-klassifikazzjoni f’kategoriji (ara l-punti 445 sa 454 hawn fuq) u dan huwa biżżejjed sabiex jittieħed in kunsiderazzjoni b’mod xieraq ir-rwol ta’ PSK u ta’ PSK-B fi ħdan l-akkordju.

489    Fl-aħħar nett, mhuwiex rilevanti li jiġi stabbilit, sabiex jiġi evalwat ir-rwol passiv jew emulattiv tar-rikorrenti, jekk id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata bbenefikawx mill-ftehim. Minn naħa, segwaċi jista’ jibbenefika wkoll mill-effetti ta’ akkordju. Min-naħa l-oħra, il-fatt li ma jkunx hemm benefiċċju minn ksur ma jistax jikkostitwixxi ċirkustanza mitiganti, għaliex inkella l-multa titlef in-natura dissważiva tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FETTCSA, imsemmija fil-punt 167 hawn fuq, punti 340 sa 342 u l-ġurisprudenza ċċitata u s-sentenza Tokai I, imsemmija fil-punt 331 hawn fuq, punt 347).

 Fuq ir-rwol ta’ BA-CA (kawża T-260/02) u ta’ BAWAG (kawża T-261/02)

490    Skond it-tieni inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, in-"nuqqas ta’ implimentazzjoni fil-prattika tal-ftehim jew prattiċi [i]lleċiti" jista’ ukoll jikkostitwixxi ċirkustanza mitiganti. Madankollu, il-fatt li impriża, li l-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim mal-kompetituri tagħha hija stabbilita, ma ġabitx ruħha fuq is-suq b’mod konformi ma’ l-imġiba miftiehma mal-kompetituri tagħha ma jikkostitwixxix neċessarjament element li għandu jiġi kkunsidrat, bħala ċirkustanza mitiganti, waqt id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta.

491    Fil-fatt, impriża li ssegwi, minkejja l-ftehim mal-kompetituri tagħha, politika bejn wieħed u ieħor indipendenti fuq is-suq tista’ sempliċiment tipprova tuża l-akkordju għal vantaġġ tagħha (sentenzi ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 262 hawn fuq, punt 230) u impriża li ma tiddistakkax ruħha mill-konklużjonijiet ta’ laqgħa li għaliha tkun attendiet iżżomm, bħala prinċipju, ir-responsabbiltà sħiħa tagħha minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju (sentenza Ciment, imsemmija fil-punt 486 hawn fuq, punt 1389). Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija obbligata li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ xi ċirkustanza attenwanti minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni ta’ akkordju biss jekk l-impriża li tinvoka din iċ-ċirkustanza tista’ turi li hija, b’mod ċar u kunsiderevoli, opponiet l-implementazzjoni ta’ dan l-akkordju, sal-punt li tkun fixklet it-tħaddim stess tiegħu u li hija ma tkunx tat l-impressjoni li aderixxiet ma’ l-akkordju u minħabba f’hekk, tkun ħeġġet lill-impriżi l-oħra sabiex jimplementaw l-akkordju in kwistjoni. Fil-fatt, ikun faċli wisq għall-impriżi li jimminimizzaw ir-riskju li jkollhom iħallsu multa ħarxa jekk huma jkunu jistgħu jibbenefikaw minn akkordju illegali u jibbenefikaw imbagħad minn tnaqqis tal-multa minħabba li huma kellhom biss rwol limitat fl-implementazzjoni tal-ksur, meta l-imġiba tagħhom tkun ħeġġet lill-impriżi l-oħra sabiex jaġixxu b’mod aktar ta’ ħsara għall-kompetizzjoni (sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 224 hawn fuq, punti 277 sa 279).

492    Għal dak li jikkonċerna BA-CA, ma jirriżultax mill-proċess li huwa kien manifestament kontra l-konklużjoni tal-ftehim jew l-implementazzjoni tiegħu. Huwa, fil-fatt, jinvoka biss in-nuqqas ta’ influwenza fuq id-deċiżjonijiet applikati minnu stess jew mill-ex CA. Din iċ-ċirkustanza ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni sabiex titnaqqas il-multa imposta fuq BA-CA.

493    Fir-rigward ta’ BAWAG, is-siltiet tal-fajl amministrattiv tal-Kummissjoni li hija ppreżentat f’anness mar-rikors tagħha ma jagħtux impressjoni uniformi fir-rigward ta’ l-imġiba tiegħu. B’hekk, minn dawn jirriżulta li, diversi drabi, BAWAG unilateralment offra l-klijenti kundizzjonijiet aħjar minn dawk miftiehma bejn il-banek, xi drabi billi jissorprendi l-kompetituri tiegħu jew billi jġib ruħu b’mod differenti minn dak li indika waqt il-kumitat u xi drabi wara li ddikjara l-intenzjoni tiegħu li ma josservax il-ftehim. Madankollu, f’waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi, CA u Erste ġabu ruħhom bħal BAWAG, li għaldaqstant ma kienx l-uniku membru ta’ l-akkordju li adotta, xi drabi, imġiba awtonoma. Jeżistu wkoll eżempji ta’ laqgħat fejn BAWAG wera n-nuqqas ta’ qbil tiegħu, għall-inqas parzjalment jew għal dak li jikkonċerna d-dati ta’ implementazzjoni tal-kundizzjonijiet miftiehma. L-imġiba tiegħu xi drabi wasslet lil banek oħra jadottaw jew eżaminaw jekk huma setgħux jimplemetaw ftehim indipendentment mill-imġiba ta’ BAWAG; huwa kien ġie kkritikat dwar dan u l-banek l-oħra kienu ddikjaraw li l-fiduċja tagħhom f’BAWAG kienet iddgħajfet u l-espulsjoni tiegħu minn ċerti kumitati kienet ġie ppjanata. Madankollu, mill-minuti invokati minn BAWAG stess f’kuntest ieħor, iċċitati fil-punt 294 hawn fuq, jirriżulta li BAWAG ċanfar ċerti aġenziji tiegħu li ma kinux osservaw il-ftehim.

494    Minn dawn id-dokumenti jidher li xi drabi BAWAG irrifjuta espliċitament jipparteċipa fil-ftehim, li huwa uża, f’ċerti waqtiet, l-akkordju għall-benefiċċju tiegħu filwaqt li hu, f’waqtiet oħra, osserva l-ftehim konkluż. Minkejja s-sehem tas-suq limitat tiegħu, mhuwiex eskluż li l-imġiba tiegħu setgħet ukoll tfixkel, f’ċerti mumenti, l-implementazzjoni tal-ftehim mill-banek l-oħra. Fid-dawl tan-natura ambigwa ta’ l-imġiba ta’ BAWAG, huwa ma wriex, madankollu, li l-Kummissjoni wettqet żball manifest meta rrifjutat li tirrikonoxxi ċirkustanza mitiganti fir-rigward tiegħu. Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mhemmx lok li titnaqqas il-multa għal din ir-raġuni billi teżerċita l-kompetenza sħiħa tagħha.

3.     Fuq il-waqfien tal-ksur (kawżi T-259/02, T-261/02, T-263/02, T‑264/02 u T-271/02)

a)     L-argumenti tal-partijiet

495    RZB, BAWAG, PSK, Erste, ÖVAG u NÖ-Hypo jikkritikaw lill-Kummissjoni talli din ma osservatx l-linji gwida meta rrifjutat li tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-banek waqfu l-kumitati immedjatament wara l-verifiki. Huma ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka, f’dan il-każ, in-natura "notorja" tal-ksur in kwistjoni sabiex tirrifjuta tikkunsidra dan il-fatt bħala ċirkustanza mitiganti fis-sens tal-linji ġwida. ÖVAG u NÖ‑Hypo jenfasizzaw, f’dan ir-rigward, li huma ma kinux konxji li qed jiksru l-Artikolu 81(1) KE. Huma jżidu li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni peress li ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata ċ-"ċirkustanzi partikolari" li pprekludu l-fatt li l-waqfien immedjat tal-ksur tkun ikkunsidrata bħala ċirkustanza mitiganti.

496    Il-Kummissjoni tesponi li mhijiex ħaġa awtomatika li l-waqfien ta’ ksur dejjem jikkostitwixxi ċirkustanza mitiganti u t-tkomplija tiegħu ċirkustanza aggravanti. F’dan il-każ, hija ta’ l-opinjoni li, fid-dawl tan-natura "notorja", għal ħafna snin, tal-ksur, il-waqfien ipotetiku tiegħu, wara l-verifiki li hija wettqet, ma jistax jitqies bħala ċirkustanza mitiganti fis-sens tal-linji gwida.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

497    Skond it-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida, it-"tmiem tal-ksur hekk kif tintervjenti l-Kummissjoni (b’mod partikolari meta jsiru l-kontrolli)" jinsab fost iċ-ċirkustanzi mitiganti. Madankollu tnaqqis tal-multa minħabba l-waqfien ta’ ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni ta’ ċirkustanzi tal-każ in eżami mill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-diskrezzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tal-linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva ta’ l-imġiba in kwistjoni mhijiex manifesta. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tagħha tkun inqas xierqa, bħala prinċipju, f’sitwazzjoni fejn din hija kjarament antikompetittiva, jekk din tiġi stabbilita (sentenza Mannesmanröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 224 hawn fuq, punt 281 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑71/03, T‑74/03, T‑87/03 u T‑91/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 292 u 294).

498    Fil-fatt, anki jekk il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-passat, il-waqfien volontarju ta’ ksur bħala ċirkustanza mitiganti, hija għandha l-libertà li tieħu in kunsiderazzjoni, skond il-linji gwida tagħha, il-fatt li l-ksur manifest serju ħafna, minkejja li l-illegalità tiegħu ġiet stabbilita mill-bidu tal-politika Komunitarja ta’ kompetizzjoni, huwa relattivament frekwenti u, għaldaqstant, li tqis li hemm lok li din il-prassi ġeneruża tiġi abbandunata u li ma tagħtix iktar kumpens għall-waqfien ta’ tali ksur permezz ta’ tnaqqis fil-multa (ara, b’analoġija, is-sentenza MDF, imsemmija fil-punt 213 hawn fuq, punti 108 u 109).

499    F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-natura xierqa ta’ tnaqqis tal-multa minħabba l-waqfien tal-ksur tiddependi fuq il-kwistjoni dwar jekk il-banek jistgħux raġonevolment jiddubitaw min-natura illegali ta’ l-imġiba tagħhom, li ser tiġi eżaminata iktar tard fil-punti 500 et seq. Barra minn hekk, jirriżulta wkoll minn dak li ntqal li r-riferiment għall-premessa 529 tad-deċiżjoni kkontestata, għan-notorjetà pubblika tal-ksur tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti għall-għażla tal-Kummissjoni.

4.     Fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli fir-rigward tan-natura illegali ta’ l-imġiba restrittiva

a)     L-argumenti tal-partijiet

500    BAWAG (kawża T-261/02), PSK (kawża T-263/02) u Erste (kawża T-264/02) huma ta’ l-opinjoni li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, bħala ċirkustanza attenwanti, l-eżistenza ta’ dubji raġonevoli tal-banek fuq in-natura illegali ta’ l-imġiba tagħhom. L-ewwel nett, huma jinvokaw ċerti elementi li ġew imressqa minnhom stess, iżda wkoll minn rikorrenti oħra, sabiex jikkontestaw il-klassifikazzjoni ta’ ksur "serju ħafna". Peress li dawn l-elementi mhumiex ta’ natura li jnaqqsu l-gravità intrinsika tal-ksur (ara l-punti 252 sa 263 hawn fuq), għandu jiġi eżaminat f’dan l-istadju jekk huma jaffettwawx in-natura repprensibbli ta’ l-imġiba individwali tar-rikorrenti li invokawhom. L-argumenti tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dan is-suġġett jikkonċernaw b’mod partikolari l-kuntest storiku ta’ l-akkordju u r-rwol li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali, il-fatt li d-dritt Awstrijak ma pprojbixxix, matul il-perijodu kkonċernat, l-akkordji "permezz ta’ prattiċi" (Verhaltenskartelle), jiġifieri akkordji mhux vinkolanti, u li dan kien jipprevedi deroga settorjali tad-dritt ta’ l-akkordji favur l-istabbilimenti ta’ kreditu, in-nuqqas ta’ natura sigrieta ta’ l-akkordju u l-adeżjoni riċenti tar-Repubblika ta’ l-Awstrija ma’ l-Unjoni Ewropea.

501    It-tieni nett, BAWAG, PSK u Erste jinvokaw il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li, skondhom, ma kinitx ċara għal dak li jikkonċerna l-istabbilimenti ta’ kreditu u, b’mod partikolari, il-ftehim fil-qasam tar-rati ta’ interessi.

502    Erste jsostni wkoll li l-banek kellhom dubji raġonevoli rigward in-natura transkonfinali ta’ l-imġiba tagħhom. Huwa jipproċedi għal analiżi dettaljata li minnha l-Kummissjoni ddeduċiet, fil-premessi 30 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-banek kienu jafu bl-illegalità ta’ l-imġiba tagħhom, sabiex jafferma li dawn l-elementi ma jistabbilixxux li l-banek kienu konxji tal-possibbiltà ta’ ksur matul il-perijodu kkonċernat kollu, jew għal dak li jikkonċerna l-laqgħat kollha, dubji li eżistew biss għall-kumitati fuq l-operazzjoniet transkonfinali jew lejn l-aħħar tal-perijodu kkonċernat.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

503    Għad-differenza tar-regoli li jipprevalu fid-determinazzjoni ta’ jekk il-ksur twettaqx b’mod deliberat (ara l-punti 205 sa 211 hawn fuq), huwa rilevanti li jiġi stabbilit, f’dan il-kuntest, jekk ir-rikorrenti kellhomx b’mod raġonevoli jkunu jafu li qed jiksru l-Artikolu 81 KE u mhux biss il-konoxxenza tal-fatti li wasslu għal dan il-ksur.

504    Issa, għandu jiġi rrikonoxxut li s-sitwazzjoni li wasslet għal dan il-każ hija partikolari minħabba l-kuntest storiku u l-oriġini legali tal-kumitati. Madankollu, huma l-istabbilimenti ta’ kreditu bħar-rikorrenti, li jiddisponu minn mezzi kunsiderevoli, li għandhom jippreparaw ruħhom għall-konsegwenzi ġuridiċi ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstriija ma’ l-Unjoni Europea, li bihom huma ma jistgħux ikunu sorpriżi. Huma r-rikorrenti, b’mod partikolari, li għandhom jinformaw ruħhom fil-ħin bil-kontenut tar-regoli ta’ kompetizzjoni tad-dritt Komunitarju (jew tad-dritt taż-ŻEE) li ser ikunu applikati fir-rigward tagħhom u fuq dak li dawn ser ibiddlu fid-dritt Awstrijak. Il-legalità eventwali waħedha tal-ftehim fid-dritt nazzjonali mhijiex biżżejjed għaldaqstant sabiex tħalli post għal dubju raġonevoli fir-rigward tan-natura illegali ta’ l-imġiba tagħhom fir-rigward tad-dritt Komunitarju.

505    Fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ ċerti awtoritajiet pubbliċi (OeNB, Ministeru tal-Finanzi u Wirtschaftskammer) fil-laqgħat, l-elementi mressqa mir-rikorrenti mhumiex biżżejjed sabiex jistabbilixxu dubju raġonevoli għal dak li jirrigwarda n-natura illegali tal-kumitati fir-rigward tad-dritt Komunitarju tal-kompetizzjoni. Jekk mhuwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, kuntest ġuridiku nazzjonali jew imġiba ta’ l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu ċirkustanzi mitiganti (ara, b’analoġija, is-sentenza CIF, imsemmija fil-punt 258 hawn fuq, punt 57), l-approvazzjoni jew it-tolleranza tal-ksur min-naħa ta’ l-awtoritajiet Awstrijaċi ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni f’dan ir-rigward, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-mezzi li jiddisponu minnhom il-banek sabiex jingħataw informazzjoni ġuridika preċisa u korretta.

506    It-teżi li r-rikorrenti setgħu b’mod raġonevoli jaħsbu li l-ftehim tagħhom kienu legali peress li l-akkordju ma kienx sigriet ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, l-artikoli tal-gazzetti li fuqhom BA-CA u Erste qed jibbażaw ruħhom juru, ċertament, li l-"klabb Lombard" u, f’miżura inqas, ċerti kumitati oħra kienu magħrufa fl-ambjent kkonċernat u l-fatt li kien hemm ftehim fuq ir-rati ta’ interessi ma kienx sigriet. Dan mhuwiex biżżejjed madankollu sabiex jintwera’ li l-akkordju kien pubblikament magħruf fis-setgħa kollha tiegħu. RZB u BA-CA, li jikkontestaw il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ikkonfermaw, barra minn hekk, fir-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza li d-dettalji tal-kontenut tad-diskussjonijiet fi ħdan il-kumitati ma kinux pubblikament magħrufa.

507    Huwa wkoll żbaljat li l-banek invokaw l-inċertezza legali allegata fir-rigward ta’ l-inapplikabbiltà ta’ l-Artikolu 81 KE għall-ftehim fuq l-interessi bankarji, li setgħet tat lok għal dubji raġonevoli fir-rigward tan-natura illegali ta’ l-imġiba tagħhom. Fil-fatt, anki kieku l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ftehim simili kien ambigwu waqt is-snin 80, il-komunikat stampa tal-membru tal-Kummissjoni inkarigat mill-kompetizzjoni tas-16 ta’ Novembru 1989 (iċċitat fin-nota f’qiegħ il-paġna nru 425 tad-deċiżjoni kkontestata) jindika kjarament li, skond il-Kummissjoni, il-ftehim fil-qasam ta’ l-interessi bankarji "jillimitaw il-kompetizzjoni bħall-akkordji fuq il-prezz" u "għandhom jiġu evitati jew abbandunati". B’hekk, fil-mument ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika ta’ l-Awstrija ma’ l-Unjoni Ewropea, ma kien hemm ebda inċertezza f’dan ir-rigward.

508    BAWAG u PSK ma jistgħux jikkontestaw ir-rilevanza ta’ dan it-teħid ta’ pożizzjoni minħabba li din m’għandhiex effetti legali vinkolanti u li din ma tittrattax espliċitament ċerti aspetti legali ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE, b’mod partikolari l-effetti sinjifikattivi ta’ ftehim simili fuq il-kompetizzjoni, l-effett tal-kummerċ bejn l-istati u l-possibbiltà li tikseb eżenzjoni. Fil-fatt, fl-atti li għalihom jirreferu r-rikorrenti sabiex juru l-eżistenza ta’ inċertezza legali fir-rigward tal-ftehim fuq l-interessi, il-Kummissjoni rriżervat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali ftehim, peress li dawn mhumiex atti legalment vinkolanti li fihom hija jkollha teskludi l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 KE. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet dwar l-effetti sinjifikattivi fuq il-kompetizzjoni u l-effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri ma jikkonċernawx speċifikament il-ftehim fuq l-interessi, filwaqt li l-kwistjoni dwar jekk eżenzjoni hijiex possibbli setgħet tiġi kkjarifikata permezz ta’ notifika. Barra minn hekk, il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija l-ewwel waħda li biha l-Kummissjoni imponiet multa fuq il-ftehim fil-qasam ta’ rati ta’ interessi ma jistax jiġi kklassifikat, bħala tali, bħala ċirkustanza mitiganti.

509    Fl-aħħar nett, dubju eventwali tar-rikorrenti fir-rigward tan-natura transkonfinali tal-ftehim ma jistax jitqies raġonevoli f’dan il-każ.

5.     Fuq il-kriżi tas-settur bankarju (kawża T-264/02)

510    Għal dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, il-kriżi strutturali fis-settur bankarju fl-Awstrija invokat minn Erste, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni mhijiex obbligata tikkunsidra bħala ċirkustanza mitiganti l-istat finanzjarju ħażin tas-settur in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Lögstör Rör vs Il-Kummissjoni, T‑16/99, Ġabra p. II‑1633, punti 319 u 320). Il-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni, fil-kawżi preċedenti, is-sitwazzjoni ekonomika tas-settur bħala ċirkustanza mitiganti ma jfissirx li l-Kummissjoni għandha neċessarjament tkompli tosserva din il-prassi (sentenza ICI vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 196 hawn fuq, punt 372). Fil-fatt, bħala regola ġenerali, il-kartelli jinħolqu meta settur ikun f’diffikultajiet.

6.     Konklużjoni

511    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi mitiganti mill-Kummissjoni mhumiex fondati.

F –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

1.     Id-deċiżjoni kkontestata

512    Il-Kummissjoni evalwat il-kooperazzjoni tal-banek fir-rigward tal-punt D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Hija tagħthom tnaqqis ta’ 10 % tal-multi tagħhom, skond it-tieni inċiż tal-punt D 2, minħabba li huma ma kkontestawx il-materjalità tal-fatti esposti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (deċiżjoni kkontestata, premessi 558 u 559). Min-naħa l-oħra, hija rrifjutat li tagħtihom tnaqqis taħt l-ewwel inċiż tal-punt D 2, li jipprovdi li l-multa tista’ titnaqqas jekk, "qabel it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tagħti lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew elementi oħra ta’ prova li jikkontribwixxu sabiex jikkonfermaw l-eżistenza tal-ksur imwettaq" [traduzzjoni mhux uffiċjali].

513    Għal dak li jikkonċerna r-risposti għad-domandi ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni qieset li la l-komunikazzjoni tad-dati tal-kumitati u tal-parteċipanti tagħhom u lanqas il-komunikazzjoni ta’ dokumenti relatati mal-kumitati ma kienu volontarji u huma ma setgħux għaldaqstant jitqiesu bħala kooperazzjoni. Rigward ir-risposti għad-domandi dwar il-kontenut tal-laqgħat kollużivi, il-Kummissjoni tafferma li d-deċiżjoni hija fondata fuq dokumenti diġà disponibbli, b’mod li dawn ir-risposti ma ġabu ebda valur ieħor (deċiżjoni kkontestata, premessi 545 u 546).

514    Għal dak li jikkonċerna r-rapport komuni tal-fatti ppreżentat mill-banek, hija tqis li dan ma ġab ebda valur miżjud fir-rigward ta’ dak li kien legalment rikjest. Hija tirrikonoxxi li r-rapport komuni tal-fatti jmur lilhinn mill-informazzjoni mitluba billi jiddeskrivi fid-dettall il-kuntest storiku tan-netwerk u billi jiġbor fil-qasir il-kontenut tal-kumitati. Madankollu, skondha, dan ir-rapport ma serviex sabiex jispeċifika l-fatti, iżda pjuttost sabiex jiddefendi l-banek, billi jnaqqas il-gravità tal-fatti, b’mod partikolari billi jonqos milli jsemmi r-rati ta’ interessi jew ta’ kummissjoni preċiżi, billi jżejjen ir-realtà waqt id-deskrizzjoni ta’ ċerti kumitati, billi jippreżenta l-kumitati differenti b’mod iżolat u billi jinnega l-funzjoni amministrattiva eżerċitata mill-"klabb Lombard".

515    Fir-rigward tad-dokumenti kkomunikati mar-rapport komuni tal-fatti, il-Kummissjoni tosserva li l-banek ma kinux f’miżura li jidentifikaw, fuq it-talba tagħha, dawk li kien fihom fatti ġodda meta mqabbla ma’ dawk li jinsabu fid-dokumenti miġbura waqt il-verifiki jew li kellhom jiġu ppreżentati wara t-talbiet għal informazzjoni u tikkonkludi li dawn id-dokumenti, anki jekk kienu ħafna u kklassifikati b’mod kronoloġiku, ma ġabu l-ebda valur miżjud. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-banek talli ma ssottomettewx it-totalità tad-dokumenti mitluba. Hija tirreferi f’dan ir-rigward għar-rapport imsejjaħ il-"kumitat ta’ Halle" tal-25 ta’ Mejju 1998, li hija kisbet f’Jannar 2001 minn informatur anonimu u għall-minuti ppreżentati mar-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali (deċiżjoni kkontestata, premessi 547 sa 577).

2.     L-argumenti tal-partijiet

516    Bl-eċċezzjoni ta’ RLB (kawża T-262/02), ir-rikorrenti kollha jsostnu li l-Kummissjoni illegalment naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni, bħala kooperazzjoni volontarja li tagħti lok għal tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa bejn 10 u 50 % skond l-ewwel inċiż tal-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, b’mod partikolari r-risposti għat-talbiet għal informazzjoni indirizzati lilhom u l-għoti ta’ dokumenti li kienu annessi magħhom kif ukoll ir-rapport komuni tal-fatti u l-għoti tad-dokumenti annessi miegħu.

517    Fil-kawża T-259/02, RZB, li huwa ta’ l-opinjoni li l-kooperazzjoni tiegħu għandha tiġi mqabbla ma’ kooperazzjoni spontanja taħt il-punti B u C tal-komunikazzjoni ta’ kooperazzjoni, jinvoka barra minn hekk l-ammissjoni tiegħu ta’ l-għan antikompetittiv tal-ksur. Fil-kawża T-260/02, BA-CA jikkritika l-Kummissjoni talli din ma ħaditx in kunsiderazzjoni t-33 fajl ta’ dokumenti addizzjonali li fihom iktar minn 10 000 paġna li hija ppreżentat f’April 1999 kif ukoll l-informazzjoni addizzjonali li hija tat fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet.

518    Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli din eżiġiet li l-kooperazzjoni jkollha "valur miżjud" sabiex tittieħed in kunsiderazzjoni. Huma ta’ l-opinjoni li din hija applikazzjoni retroattiva illegali ta’ l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3).

519    Ir-rikorrenti jaffermaw li l-kooperazzjoni tagħhom mir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni u mill-produzzjoni tar-rapport komuni tal-fatti kienet volontarja safejn huma qabżu bil-kbir dak li l-Kummissjoni kellha d-dritt titlob skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 u, f’kull każ, li din iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni b’mod konsiderevoli.

520    Fir-rigward tar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni, ir-rikorrenti jsostu li l-Kummissjoni ressqitilhom domandi illegali fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża tagħhom li għalihom huma ma kinux obbligati jirrispondu. Huma jaffermaw, bl-eċċezzjoni ta’ RZB (kawża T-259/02), li dan huwa l-każ tad-domandi rigward:

–        il-produzzjoni ta’dokumenti interni (noti, minuti eċċ) dwar laqgħat speċifiċi,

–        jew, meta tali dokumenti ma kinux jeżistu, għad-deskrizzjoni tal-kontenut ta’ l-imsemmija laqgħat.

Barra minn hekk, huma jikkunsidraw bħala illegali d-domandi "li jiġbru kollox", li bihom huma ġew mitluba:

–        jindikaw id-dati (inklużi d-dati ta’ l-ewwel u ta’ l-aħħar laqgħa) u l-parteċipanti (isem, stabbiliment, funzjoni) tal-kumitati diversi indikati b’isimhom kif ukoll "kumitati eventwali oħra li kienu jiltaqgħu regolarment" u ta’ kull kumitat tal-Länder jew reġjonali (separatament għal kull Land),

–        jagħtu lill-Kummissjoni l-minuti, in-noti u l-korrispondenza kollha jew dokumenti oħra – uffiċjali jew mhux uffiċjali – (safejn huma ma ġewx maqbuda fil-kuntest tal-verifiki) li jirreferu għal-laqgħat, għad-diskussjonijiet jew għall-kuntatti oħra ta’ kull bank ma’ stabbilimenti oħra ta’ kreditu Awstrijaċi fil-kuntest ta’ kumitati previsti mid-domanda preċedenti (kemm jekk dawn id-dokumenti kienu mfassla qabel, matul jew wara tali kuntatti).

521    Skond il-banek, ir-risposti tagħhom għal dawn id-domandi illegali u l-produzzjoni tad-dokumenti mitluba għandhom jiġu meqjusa bħala kooperazzjoni volontarja. BA-CA (kawża T-260/02) isostni li dan jgħodd ukoll għar-risposti kollha għat-talbiet għal informazzjoni, peress li r-risposti għad-domandi legali kienu strettament marbuta mar-risposti għad-domandi illegali. RZB isostni barra minn hekk li r-risposti kollha tal-banek għandhom jitqiesu bħala volontarji, peress li l-Kummissjoni ma adottatx deċiżjoni taħt l-Artikolu 11 (5) tar-Regolament 17.

522    Fir-rigward tar-rapport komuni tal-fatti, ir-rikorrenti jaffermaw li l-informazzjoni li kien fih u d-dokumenti annessi miegħu jmorru lilhinn mill-informazzjoni u mid-dokumenti li kienu ġew mitluba mit-talbiet għal informazzjoni.

523    Ir-rikorrenti jenfasizzaw l-utilità tal-kooperazzjonijiet tagħhom fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Huma jaffermaw li r-risposti għad-domandi illegali u r-rapport komuni tal-fatti ressqu fatti ġodda billi informaw lill-Kummissjoni b’kumitati diversi li hija ma kinitx taf bihom minkejja l-verifiki tagħha. Fir-replika, ħafna minnhom kienu taw lista ta’ 36 dokumenti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata u ppreżentati, skondhom, għall-ewwel darba mar-rapport komuni tal-fatti.

524    F’kull każ huma jsostnu li, anki indipendentement mill-elementi simili ġodda, il-kooperazzjoni tagħhom iffaċilitat b’mod kunsiderevoli x-xogħol tal-Kummissjoni. Minn naħa, huma jinvokaw in-natura dettaljata tar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni. Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna r-rapport komuni tal-fatti, huma jsostnu li, mingħajr din il-preżentazzjoni ordnata tal-fatti u tad-dokumenti kollha, imwettqa bi spiża kbira u sforzi kbar u mogħtija lill-Kummissjoni ftit qabel il-bidu ta’ l-investigazzjoni, kien ikun diffiċli ħafna għaliha li tifhem ir-rapporti bejn l-informazzjoni u d-dokumenti iżolati minn banek differenti. Huma josservaw, billi jirreferu għal eżempji, li l-Kummissjonu użat, ħafna drabi, id-deskrizzjoni tal-kumitati li tinsab f’dan ir-rapport u d-dokumenti annessi miegħu, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-fatti li hija ma kinitx taf bihom fuq il-bażi tal-verifiki u r-risposti għat-talbiet għal informazzjoni. Ir-rikorrenti jikkontestaw it-teżi tal-Kummissjoni li r-rapport komuni tal-fatti kien intiż sabiex iżejjinhom. Huma ta’ l-opinjoni li n-nuqqas li jipproduċu l-minuti ta’ laqgħa lokali waħda, li fiha ħafna fosthom ma pparteċipawx u għaldaqstant ma kinux jafu biha, ma jistax jaffettwa l-utilità tar-rapport komuni tal-fatti u li d-dokumenti ppreżentati bħala risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali ma kinux rilevanti.

525    BAWAG u PSK (kawżi T-261/02 u T-263/02), barra minn hekk, huma ta’ l-opinjoni li t-tnaqqis ta’ 10 % mogħti minħabba n-nuqqas ta’ kontestazzjoni tal-fatti huwa ftit wisq, fir-rigward tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

526    Il-Kummissjoni ssostni essenzjalment li l-informazzjoni u d-dokumenti mogħtija mir-rikorrenti, kemm fir-risposti tagħhom għat-talbiet għal informazzjoni kif ukoll fil-kuntest tar-rapport komuni tal-fatti, ma ressqu ebda valur miżjud meta mqabbel ma’ l-informazzjoni li l-banek kellhom jagħtuha, skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. Hija tafferma li, anki kieku parti mid-domandi magħmula fil-kuntest tat-talbiet għal informazzjoni kienu jaqbżu dak li hija kellha d-dritt teżiġi mill-banek, dan mhuwiex rilevanti peress li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata esklużivament fuq id-dokumenti eżistenti.

3.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)     Kunsiderazzjonijiet preliminari

527    Għandha tiġi eskluża, l-ewwel nett, it-teżi mressqa minn RZB li l-kooperazzjoni tagħha kellha tiġi evalwata fir-rigward tal-punti B jew C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

528    Fil-fatt, peress li din il-kooperazzjoni seħħet wara l-verifiki tal-Kummissjoni, il-punt B tal-komunikazzjoni, li jipprevedi l-każ fejn impriża tiddenunzja akkordju sigriet lill-Kummissjoni qabel ma din tkun ipproċediet għal verifika, mhuwiex applikabbli. Fir-rigward tal-punt C, li jipprevedi sitwazzjoni li fiha impriża "tiddenunzja l-akkordju sigriet wara li l-Kummissjoni pproċediet għal verifika fuq deċiżjoni għand l-impriżi li huma partijiet fl-akkordju, mingħajr ma’ din il-verifika setgħet tkun bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura bil-għan ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni" [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma jistax jiġi konkluż mill-fatt li l-Kummissjoni fformulat talbiet għal informazzjoni wara l-verifiki li dawn ta’ l-aħħar ma setgħux ikunu bażi suffiċjenti sabiex tiġġustifika l-ftuħ tal-proċedura bl-għan ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni. Barra minn hekk, hekk kif ġie espost mill-punt 506 hawn fuq, ċerti aspetti ta’ l-akkordju lanqas kienu sigrieti. Għaldastant, il-punt C tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni lanqas hija applikabbli f’dan il-każ.

529    Sussegwentement, hija ġurisprudenza kostanti li kooperazzjoni fi stħarriġ li ma tmurx lilhinn minn dak li jirriżulta mill-obbligi li għandhom l-impriżi skond l-Artikolu 11(4) u (5) tar-Regolament Nru 17 ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Marzu 1992, Solvay vs Il-Kummissjoni T-12/89, Ġabra p. II-907, punti 341 u 342 u Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 262 hawn fuq, punt 260). Min-naħa l-oħra, tali tnaqqis huwa ġġustifikat meta l-impriża tat informazzjoni li tmur lilhinn sew minn dik li l-għoti tagħha hija rikjesta mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17 (sentenzi Cascades vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 262 hawn fuq, punti 261 u 262 u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Daesang euSewon Europe vs Il-Kummissjoni, T‑230/00, Ġabra p. II‑2733, punt 137).

530    Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta wkoll li, sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-multa minħabba l-kooperazzjoni, l-imġiba ta’ l-impriża għandha tiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni li jikkonsisti fil-konstatazzjoni u t-trażżin tal-ksur tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza KTS, imsemmija fil-punt 333 hawn fuq, punt 270 u l-ġurisprudenza ċċitata u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2004, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T‑48/00, Ġabra p. II‑2325, punt 193), u għandha turi spirtu ġenwin ta’ kooperazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 189 hawn fuq, punti 395 u 396).

531    Minn naħa, hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha teżamina jekk il-Kummissjoni evalwatx ħażin il-miżura li fiha l-kooperazzjoni tal-banek f’dan il-każ maret lilhinn minn dak rikjest skond l-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 17. F’dan ir-rigward, hija teżerċita stħarriġ totali, għal dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-limiti li jirriżultaw mid-drittijiet tad-difiża ta’ l-impriżi għall-obbligu tagħhom li jirrispondu għat-talbiet għal informazzjoni.

532    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija mitluba tivverifika jekk il-Kummissjoni evalwatx b’mod ġust, fir-rigward tal-komumikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, l-utilità ta’ kooperazzjoni għad-determinazzjoni tal-ksur. Fil-limiti stabbiliti mill-imsemmija komunikazzjoni, il-Kummissjoni għandha diskrezzjoni sabiex tevalwa jekk l-informazzjoni jew dokumenti, mogħtija volontarjament mill-impriżi, iffaċilitawx ix-xogħol tagħha u jekk hemmx lok li jingħata tnaqqis lil impriża skond din il-komunikazzjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, imsemmija punt 189 hawn fuq, punt 393 u 394). Din l-evalwazzjoni hija s-suġġett ta’ stħarriġ ġuridiku ristrett.

533    Fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tistax mandankollu tinjora l-prinċipju ta’ trattament ugwali, li jinkiser biss meta sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b’mod differenti jew sitwazzjonijiet differenti jiġu ttrattati b’mod identiku, sakemm trattament bħal dan ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza KTS, imsemmija fil-punt 333 hawn fuq, punt 237; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, ABB Asea Brown Boveri vs Il-Kummissjoni, T‑31/99, Ġabra p. II‑1881, punt 240, u l-ġurisprudenza ċċitata u s-sentenza Tokai I, imsemmija fil-punt 311 hawn fuq, punt 394). Dan il-prinċipju jipprekludi li l-Kummissjoni tittratta b’mod differenti l-kooperazzjoni ta’ l-impriżi kkonċernati mill-istess deċiżjoni.

534    Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni tat, fil-prassi deċiżjonali preċedenti tagħha, ċertu rata ta’ tnaqqis għal imġiba determinata ma jimplikax li hija għandha tagħti l-istess tnaqqis proporzjonali waqt l-evalwazzjoni ta’ imġiba simili fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva ulterjuri (ara, għal dak li jikkonċerna ċirkustanza mitiganti, is-sentenza Mayr-Melnhof, imsemmija fil-punt 205 hawn fuq, punt 368, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Fiskeby Board vs Il-Kummissjoni, T‑319/94, Ġabra p. II‑1331, punt 82, u, għal dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, Brugg Rohrsysteme vs il-Kummissjoni, T‑15/99, Ġabra p. II‑1613, punt 193).

b)     Fuq ir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni

 Fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 (kawża T-259/02)

535    L-ewwel nett, għandha tiġi eskluża t-teżi ta’ RZB li r-risposti għat-talbiet għal informazzjoni għandhom jiġu meħuda in kunsiderazzjoni, fit-totalità tagħhom, bħala kooperazzjoni volontarja peress li l-Kummissjoni ma kinitx indirizzat lill-banek deċiżjonijiet skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17.

536    Fil-fatt, fil-każ fejn talba għal informazzjoni skond l-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 17 hija intiża sabiex tikseb informazzjoni li l-Kummissjoni tista’ titlob li tiġi żvelata permezz ta’ deċiżjoni skond il-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, ir-rapidità biss tar-risposta ta’ l-impriża kkonċernata tista’ titqies volontarja. Issa, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa jekk tali rapidità ffaċilitatx ix-xogħol tagħha b’mod li tiġġustifika tnaqqis tal-multa u l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni ma tobbligahiex li tnaqqas sistematikament il-multa għal din ir-raġuni.

 Fuq l-evalwazzjoni tan-natura volontarja tar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni

537    Għandu jiġi mfakkar li l-volum tat-talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-Kummissjoni lill-banek differenti, skond l-Artikolu 11(1) u (2) tar-Regolament Nru 17, ivarja bejn 30 domanda (BA-CA) u 3 domandi (ÖVAG u PSK-B). Id-domandi li jinsabu fit-talbiet l-iktar dettaljati u li għalihom il-banek irrispondew kienu intiżi sabiex jiksbu, b’mod partikolari:

–        Għal-laqgħat speċifiċi ta’ ċerti kumitati:

–        l-indikazzjoni tal-parteċipanti (ismijiet, impriżi li huma jirrappreżentaw, funzjoniiet);

–        il-għoti tad-dokumenti kollha interni relatati magħhom (noti, memorandum, minuti);

–        id-deskrizzjoni tal-kontenut tad-diskussjonijiet, safejn din ma tirriżultax mid-dokumenti ppreżentati;

–        għall-kumitati indikati b’isimhom:

–        l-indikazzjoni tad-dati tal-laqgħat tagħhom, inklużi dawk ta’ l-ewwel u ta’ l-aħħar laqgħa u l-indikazzjoni tal-parteċipanti;

–        il-produzzjoni tad-dokumenti kollha relatati magħhom safejn dawn ma kinux ġew diġà maqbuda fil-kuntest tal-verifiki;

–        għall-kumitati indikati b’mod ġenerali:

–        l-indikazzjoni tad-dati, inklużi dawk ta’ l-ewwel u ta’ l-aħħar laqgħa u tal-parteċipanti;

–        il-produzzjoni tad-dokumenti kollha relatati magħhom safejn dawn ma kinux ġew diġà maqbuda fil-kuntest tal-verifiki;

–        id-deskrizzjoni tal-kontenut tad-diskussjonijiet;

–        għal "kumitati eventwali oħra li jiltaqgħu b’mod regolari", l-indikazzjoni ta’ dati, inklużi dawk ta’ l-ewwel u ta’ l-aħħar laqgħa u tal-parteċipanti.

538    It-talbiet għal informazzjoni kien fihom barra minn hekk domandi tat-tip li ġej:

–        "Jekk jogħġbok ipprovdi l-minuti, in-noti ta’ fajl, il-korrispondenza kollha jew dokumenti oħra li jirreferu għal laqgħat, diskussjonijiet jew kuntatti oħra ta’ l-impriża tiegħek ma’ stabbilimenti ta’ kreditu Awstrijaċi oħra fil-kuntest tal-kumitati ċċittati hawn taħt jew għal kumitati eventwali oħra li jseħħu b’mod regolari (li ġew stabbiliti qabel, matul jew wara tali kuntatti). Jekk jogħġbok indika d-dati, inklużi dawk ta’ ta’ l-ewwel u ta’ l-aħħar laqgħa u l-parteċipanti (isem, impriża, funzjoni)" (lista ta’ ċerti kumitati tiġi wara);

–        "Jekk jogħġbok ipprovdi d-dokumenti kollha (korrispondenza, istruzzjonijiet, memorandum, noti ta’ fajl, ċirkulari eċċ.) kif ukoll l-interventi pubbliċi ta’ l-impriża tiegħek li huma konnessi mal-modifiki tal-kundizzjonijiet ta’ operazzjonijiet attivi jew passivi, ta’ miżuri ta’ reklamar, ta’ l-arranġamenti tal-kummissjonijiet u ta’ l-introduzzjoni tal-"klawżola ta’ l-indiċjar tar-rati" matul il-perijodu [mix-xahar] ta’ Jannar 1994 sa din il-ġurnata".

539    Minn ġurisprudenza kostanti jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tobbliga impriża, permezz ta’ talba għal informazzjoni skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, tipprovdi risposti li bihom hija tasal sabiex tammetti l-ksur li l-eżistenza tiegħu għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283, punt 35; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Frar 2001, Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, T‑112/98, Ġabra p. II‑729, punt 67). Madankollu hija intitolata tobbliga lill-impriżi sabiex jagħtu l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li huma jkunu jafu bihom u sabiex jagħtuha, jekk meħtieġ, id-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħhom, anki jekk dan jista’ jservi sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ imġiba antikompetittiva. B’hekk, il-Kummissjoni tista’ tobbliga l-impriżi jirrispondu għal domandi purament fattwali u titlob li tingħata dokumenti diġà eżistenti (sentenzi Orkem vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 34, u Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 65).

540    Min-naħa l-oħra, huma inkompatibbli mad-drittijiet tad-difiża, peress li huma ta’ natura li jobbligaw l-impriża kkonċernata tammetti l-parteċipazzjoni tagħha fi ksur tar-regoli Komunitarji ta’ kompetizzjoni, talbiet li jirrikjedu tali impriża tiddeskrivi l-għan u l-iżvilupp ta’ laqgħat li fihom hija pparteċipat kif ukoll ir-riżultati jew il-konklużjonijiet ta’ dawn il-laqgħat, meta hemm suspetti li l-għan ta’ l-imsemmija laqgħat huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara s-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 539 hawn fuq, punti 71 sa 73, u l-ġurisprudenza ċċitata u s-sentenza Tokai I, imsemmija fil-punt 331 hawn fuq, punti 402, 403, 406 u 407).

541    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni setgħet b’mod leġittimu teżiġi mill-banek, permezz ta’ talbiet għal informazzjoni skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17, l-indikazzjoni tad-dati tal-laqgħat tal-kumitati u l-parteċipanti tagħhom. Dan jgħodd mhux biss għall-kumitati li fuqhom il-Kummissjoni kellha, wara l-verifiki, informazzjoni preċiża bħall-ismijiet tagħhom u d-dati ta’ ċerti laqgħat, iżda wkoll għall-kumitati l-oħra kollha, peress li l-Kummissjoni kellha, wara l-verifiki, numru ta’ indizji rigward l-eżistenza ta’ netwerk ta’ ftehim organizzat f’numru kbir ta’ kumitati li kienu jikkonċernaw il-prodotti bankarji kollha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposti għat-talbiet intiżi sabiex jiksbu informazzjoni fattwali fuq il-kumitati kollha ma jistgħux jitqiesu volontarji u l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball ta’ dritt meta rrifjutat li teħodhom in kunsiderazzjoni bħala kooperazzjoni volontarja.

542    Sussegwentement, mill-premessa 546 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni rrikonoxxiet in-natura volontarja tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar il-kontenut tal-laqgħat kollużivi.

543    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni wettqitx żball ta’ dritt meta affermat, fil-premessa 546 tad-deċiżjoni kkontestata, li s-sottomissjoni tad-dokumenti bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni ma kinitx saret b’mod volontarju, huwa importanti li jiġi mfakkar li, sabiex jiġi ppreżervat l-effett utili ta’ l-Artikolu 11, paragrafi 2 u 5, tar-Regolament Nru 17, il-Kummissjoni hija intitolata tobbliga lill-impriża sabiex tagħti l-informazzjoni kollha neċessarja dwar il-fatti li hi tkun taf biha u sabiex tagħtiha, jekk meħtieġ, id-dokumenti relatati li jkunu fil-pussess tagħha, anki jekk dan jista’ jservi sabiex tiġi stabbilita, kontriha jew kontra impriża oħra, l-eżistenza ta’ imġiba antikompetittiva (sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 539 hawn fuq, punt 34, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, C‑301/04 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41 u s-sentenza Mannesmannröhren-Werke vs Il-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 539 hawn fuq, punt 65).

544    Minn dan isegwi li l-għoti ta’ dokumenti dwar il-laqgħat previsti mit-talbiet għal informazzjoni ma jistax jitqies bħala kooperazzjoni volontarja, peress li l-Kummissjoni setgħet tobbliga l-banek jagħtu dawn id-dokumenti skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 (sentenza Il-Kummissjoni vs SGL Carbon, imsemmija fil-punt 543 hawn fuq, punt 44). Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq żball ta’ dritt tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura volontarja tal-produzzjoni ta’ dawn id-dokumenti ma jistax jintlaqa’.

545    Barra minn hekk u f’kull każ, dan jgħodd ukoll fil-każ ta’ evalwazzjoni differenti tan-natura volontarja ta’ l-għoti ta’ l-imsemmija dokumenti.

546    Fil-fatt, it-teħid in kunsiderazzjoni, bħala kooperazzjoni volontarja, ta’ dokumenti prodotti mill-banek bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni ma jistax jagħti lok, f’dan il-każ, għal tnaqqis tal-multi ogħla minn dak ta’ 10 % li l-Kummissjoni diġà tat fid-deċiżjoni kkontestata.

547    F’dan ir-rigward, jirriżulta mir-risposti ta’ BAWAG, ta’ PSK, ta’ Erste u tal-Kummissjoni għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-eżatezza tagħhom ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti l-oħra, li l-Kummissjoni kellha, wara l-verifiki, madwar 5 000 paġna ta’ kopji ta’ dokumenti, rilevanti sabiex turi l-eżistenza, it-tħaddim, il-parteċipanti, it-tul ta’ żmien u l-portata ta’ l-akkordju fi ħdan il-"klabb Lombard" u sabiex tidentifika l-kumitati l-iktar importanti. Jekk huwa minnu li 11 000 paġna tad-dokumenti kienu ngħataw bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li, għal ħafna dokumenti, diversi kopji kienu jinsabu fil-fajl u li r-risposti għat-talbiet għal informazzjoni kien fihom numru ta’ dokumenti li l-Kummissjoni kellha diġà permezz tal-verifiki. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma speċifikawx, fil-kuntest tar-risposti tagħhom għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, liema kien il-proporzjon tad-dokumenti ppreżentati bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni li ma kinux ġew maqbuda waqt il-verifiki u li l-għoti tagħhom kien jgħodd bħala ammissjoni tal-ksur.

548    F’dan ir-rigward, jirriżulta minn tabella ppreżentata minn Erste u li mhijiex ikkontestata mill-partijiet l-oħra li 44 % taċ-ċitazzjonijiet mid-dokumenti li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestati jirreferu għal dokumenti li jirriżultaw minn verifiki. Dan juri l-importanza ta’ dawn id-dokumenti għall-konstatazzjoni tal-ksur. Dan huwa kkorroborat min-natura dettaljata ħafna tat-talbiet għal informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet tindirizza lill-banek. Minn dawn it-talbiet jidher li l-Kummissjoni kienet skopriet l-indizji jew l-elementi ta’ prova li jikkonċernaw ħafna laqgħat tal-kumitati prinċipali. Għandu jingħad ukoll li, jekk il-Kummissjoni għamlet diversi domandi li għalihom il-partijiet ma setgħux jiġu kostretti jirrispondu, ħaġa li, barra minn hekk, hija ma tikkontestax, dan ma jgħoddx għad-domandi dwar id-dati tal-laqgħat u l-ismijiet tal-parteċipanti. Ir-rikorrenti setgħu, għaldaqstant, jiġu obbligati jagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni li tista’ tippermettilha li tattribwixxi d-dokumenti maqbuda waqt verifiki għall-kumitati differenti u li tevalwa b’hekk is-sinjifikat u l-valur probatorju tagħhom.

549    Għandu jingħad ukoll li l-fatt li Kummissjoni ċċitat, fid-deċiżjoni kkontestata, dokumenti mogħtija bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni ma jurux li hija ma kellhiex dawn id-dokumenti permezz tal-verifiki. Fil-fatt, il-Kummissjoni tafferma, mingħajr ma ġiet kontradetta, li hija ppreferiet tiċċita dokumenti prodotti mir-rikorrenti minħabba l-preżentazzjoni organizzata tagħhom, indipendentement mill-preżenza preċedenti tagħhom fil-fajl.

550    Barra minn hekk, dawk fost ir-rikorrenti li wettqu analiżi tal-valur probatorju ta’ l-imsemmija dokumenti identifikaw ftit dokumenti li lilhom attribwew valur probatorju kbir. B’hekk, BAWAG u PSK isostnu li s-37 dokument li huma taw bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni, fuq kważi 900 dokument iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, għandhom valur probatorju. Huma, madankollu, ma jsostnux li dawn id-dokumenti kienu neċessarji sabiex il-konstatazzjonijiet essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata jiġu stabbiliti.

551    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li d-dokumenti mogħtija bħala risposta għat-talbiet għal informazzjoni kienu neċessarji sabiex jippermettu lill-Kummissjoni tidentifika l-kumitati essenzjali kollha u lanqas li fin-nuqqas tagħhom l-elementi ta’ prova miksuba permezz tal-verifiki kienu insuffiċjenti sabiex turi s-sustanza tal-ksur u sabiex tadotta deċiżjoni li timponi multi.

c)     Fuq l-evalwazzjoni tar-rapport komuni tal-fatti

552    Il-Kummissjoni reġgħet irrikonoxxiet, fil-premessa 553 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-banek kienu pprovdew volontarjament, fir-rapport tal-fatti komuni, informazzjoni li tmur lilhinn minn dik li hija talbithom.

553    Billi ssuġġettat it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ din il-kooperazzjoni għall-eżistenza ta’ valur miżjud li jirriżulta kemm mill-komunikazzjoni ta’ "fatti ġodda" kif ukoll minn spjegazzjonijiet li jippermettu l-Kummissjoni tifhem aktar il-każ, il-Kummissjoni ma eċċedietx il-marġni ta’ diskrezzjoni li hija għandha sabiex tevalwa, skond l-ewwel inċiż tal-punt D 2 tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, jekk kooperazzjoni "kkontribwixxietx għall-konferma ta’ l-eżistenza tal-ksur imwettaq". Fil-fatt, la l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni u lanqas il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 530 hawn fuq ma jobbligaw il-Kummissjoni tnaqqas multa minħabba sostenn prattiku u loġistiku fl-investigazzjoni tagħha.

554    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni evalwatx ħażin, matul l-evalwazzjoni tagħha tal-portata u tal-valur ta’ din il-kooperazzjoni, safejn id-dokumenti prodotti annessi mar-rapport komuni tal-fatti kienu "ġodda" meta mqabbla ma’ dawk annessi mar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni, hemm lok li jiġi mfakkar li l-banek qiesu, matul il-proċedura amministrattiva, li huma ma kinux f’pożizzjoni li jagħtu lill-Kummissjoni l-ispeċifikazzjonijiet mitluba fuq dan is-suġġett (ara l-punt 19 hawn fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, ebda żball relatat ma jista’ jiġi attribwit lill-Kummissjoni.

555    Sussegwentement, kien leġittimu li l-Kummissjoni tieħu in kunsiderazzjoni, waqt l-evalwazzjoni tagħha ta’ l-utilità tal-kooperazzjoni volontarja tal-banek, il-fatt li dawn ma pprovdewx, mar-rapport komuni tal-fatti, id-dokumenti relatati mal-kumitati kollha (ara l-punt 515 hawn fuq). Fil-fatt, in-natura inkompleta ta’ l-annessi mar-rapport komuni tal-fatti affettwa l-affidibbiltà ta’ dan id-dokument u naqqas l-utilità għax-xogħol tal-Kummissjoni.

556    Hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tiddetermina jekk l-ispjegazzjonijiet mogħtija fir-rapport komuni tal-fatti ppermettewlha tifhem aħjar il-każ u l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiċħad din l-evalwazzjoni biss f’każ ta’ żball manifest. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet intitolata tikkunsidra li l-banek kienu użaw dan id-dokument sabiex jippreżentaw il-viżjoni proprja tagħhom tal-kumitati, u għaldaqstant, bħala mezz ta’ difiża. Fil-fatt, huwa naturali u leġittimu li impriża li qed tiġi investigata mill-Kummissjoni tipproċedi b’dan il-mod. Minn dan isegwi li tali dokument, anki indipendentement mill-kontenut konkret tiegħu, ma jistax jeżenta lill-Kummissjoni milli twettaq l-istudju tiegħu kif ukoll l-analiżi tiegħu u l-evalwazzjoni tiegħu tal-fatti u ta’ l-elementi ta’ prova.

557    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-Kummissjoni rrikorriet, waqt l-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata, għall-kopji ta’ dokumenti mogħtija mill-banek b’mod organizzat annessi mar-rapporti komuni tal-fatti pjuttost milli għall-kopji li hija kienet kisbet hi stess permezz tal-verifiki u tat-talbiet għal informazzjoni, kif ukoll għall-parti editorjali tar-rapport komuni tal-fatti, ma jurix li l-ispjegazzjonijiet mogħtija ffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni fuq il-mertu, anki jekk it-trattament tal-fajl mill-Kummissjoni seta’ kien iffaċilitat fuq il-livell tekniku.

558    Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-evalwazzjoni tar-rapport komuni tal-fatti mill-Kummissjoni għandhom jiġu miċħuda.

d)     Fuq l-ilmenti partikolari ta’ RZB u ta’ BA-CA

 Fuq l-ammissjoni ta’ l-għan antikompetittiv tal-ksur minn RZB

559    Hemm lok li t-teżi ta’ RZB li l-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni l-ammissjoni espliċita tiegħu ta’ l-għan antikompetittiv tiġi miċħuda. Ċertament, il-fatt li wieħed jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ akkordju jista’ jiffaċilita x-xogħol tal-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni iktar mis-sempliċi rikonoxximent tal-materjalità tal-fatti b’mod li l-Kummissjoni tista’ tittratta lill-impriżi li ammettew il-fatti differenti minn dawk li ammettew ukoll l-eżistenza ta’akkordju (sentenza KTS, imsemmija fil-punt 333 hawn fuq, punt 270). Il-Kummissjoni madankollu mhijiex obbligata tagħmel tali distinzjoni. Fil-fatt, hija hi li għandha tevalwa, f’kull każ individwali, jekk tali ammissjoni ffaċiltatx effettivament ix-xogħol tagħha. Issa, l-għan antikompetittiv ta’ l-imġiba in kwistjoni jirriżulta, għall-biċċa l-kbira tal-laqgħat li l-eżistenza tagħhom kienet ġiet ammessa mill-banek kollha, mis-suġġett tagħhom stess, li kien li jiftiehmu fuq il-prezzijiet jew fuq parametri oħra ta’ kompetizzjoni. L-ammissjoni espliċita ta’ dan l-għan ma żied xejn. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata, f’dan il-każ, tnaqqas il-multa għal din ir-raġuni.

 Fuq l-elementi addizzjonali invokati minn BA-CA

560    Fir-rigward tat-33 fajl, li fihom iktar minn 10 000 paġna ta’ dokumenti mibgħuta minn BA-CA lill-Kummissjoni f’April 1999, għandu jiġi mfakkar li l-banek, billi ppreżentaw ir-rapport komuni tal-fatti, ipprovaw kollha jikkooperaw bl-istess mod għall-investigazzjoni, b’mod li r-rispett tat-trattament ugwali fil-kuntest ta’ l-applikazzjoni tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni jeħtieġ li tnaqqis eventwali tal-multa f’dan ir-rigward ikun identiku għal kollha (sentenza KTS, imsemmija fil-punt 333 hawn fuq, punt 270). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-produzzjoni addizzjonali minn wieħed mill-banek tista’ tiġġustifika tnaqqis ulterjuri fil-multa tiegħu individwalment biss jekk din il-kooperazzjoni tressaq effettivament provi ġodda u utli meta mqabbla ma’ dawk ipprovduti flimkien mill-impriżi kollha. Barra minn hekk, kif tosserva l-Kummissjoni ġustament, il-valur ta’ dawn id-dokumenti addizzjonali għandu jkun proporzjonali b’mod invers għal dak tar-rapport komuni tal-fatti: jekk dan ta’ l-aħħar kien eżawrjenti, il-produzzjoni ta’ dokumenti ġodda prodotti minn BA-CA ma tistax tkun sinjifikattiva, filwaqt li, għall-kuntrarju, l-utilità tar-rapport komuni tal-fatti għandu jiġi kkunsidrat limitat.

561    Fir-rigward ta’ dan, mir-risposti ta’ BA-CA għad-domandi tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fost iktar minn 10 000 paġna ta’ dokumenti ppreżentati, 33 dokument kienu ġew iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, il-valur ta’ kooperazzjoni volontarja ma tiddependix minn numru ta’ dokumenti ppreżentati, iżda mir-rilevanza tagħhom u mill-utilità tagħhom għall-konstatazzjoni tal-ksur. Ma jistax ikun awtomatikament ammess li l-għoti ta’ iktar minn 10, 000 paġna, li minnhom 33 biss għaddew fost dawk li fuqhom id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata, iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni. Fil-fatt, jekk dawn id-dokumenti prodotti minn BA-CA setgħu jikkontribwixxu għad-determinazzjoni tal-ksur anki mingħajr ma ġew iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata, l-użu tad-dokumenti jikkostitwixxi indizju importanti ta’ l-utilità tagħhom u dan kien dak li afferma BA-CA fl-osservazzjonijiet tiegħu. Fid-dawl tal-fatt, skond l-ispjegazzjonijiet ta’ BA-CA, li l-Kummissjoni ċċitat 892 dokument fil-parti fattwali tad-deċiżjoni kkontestata, il-kontribuzzjoni pprovduta mid-dokumenti addizzjonali prodotti minn BA-CA għandha tiġi meqjusa limitata. Dan jgħodd iktar u iktar peress li BA-CA ma jallegax li d-dokumenti prodotti f’April 1999 kienu deċiżivi għall-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata. Ċertament, BA-CA jafferma li, f’21 każ, il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata huma bażżati esklużivament fuq wieħed mid-dokumenti prodotti minnha f’April 1999. Madankollu, f’sitta minn dawn il-każijiet, id-dokument invokat minn BA-CA kien ġie ċċitat flimkien ma’ dokumenti oħra, mingħajr ma r-rikorrent ipprovda speċifikazzjonijiet li jippermettu li jiġi vverifikat liema kienet l-importanza rispettiva tad-dokumenti differenti. Fiż-żewġ każijiet l-oħra, id-dokumenti ta’ BA-CA jirreferu għal eżempji ta’ ftehim li l-importanza tagħhom fil-kuntest ta’ l-akkordju globali hija sekondarja (premessi 65 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata) u, fil-każ, dan huma minuti, fost diversi minuti ta’ l-istess laqgħa (premessa 248 tad-deċiżjoni kkontestata).

562    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tagħti tnaqqis addizzjonali tal-multa ta’ BA-CA għal din ir-raġuni.

563    Sabiex juri li l-Kummissjoni użat id-dokumenti li huwa pprovda, BA-CA jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tisma’ bħala xhieda l-uffiċjal tal-Kummissjoni inkarigat, prinċipalment mill-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata. Peress li l-użu ta’ dawn id-dokumenti ma jurix, fih innifsu, li l-produzzjoni tagħhom iffaċilitat ix-xogħol tal-Kummissjoni fuq livell sostanzjali, din l-offerta ta’ prova mhijiex direttament rilevanti sabiex tiġi evalwata l-utilità ta’ l-imsemmija dokumenti. Għaldaqstant, din it-talba għal miżuri istruttorji m’għandhiex tintlaqa’.

564    BA-CA żbalja wkoll meta allega li l-Kummissjoni kellha tieħu in kunsiderazzjoni, bħala kooperazzjoni, ir-risposta tiegħu għad-dikjarazzjonijiet ta’ l-oġġezzjonijiet. Fil-fatt, din ir-risposta għandha essenzjalment bħala għan li tippermetti lill-impriża tiddefendi d-drittijiet tagħha, b’mod li l-kontenut tagħha għandu jkun is-suġġett ta’ eżami b’attenzjoni kbira mill-Kummissjoni. L-influwenza ta’ tali risposta fuq id-deċżizjoni adottata juri li hija ssodisfat din il-funzjoni ta’ difiża, iżda la jfisser li hija ġabet valur miżjud u lanqas li hija ffaċilitat jew ħaffet ix-xogħol ta’ l-istituzzjoni.

e)     Konklużjoni

565    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunijiet ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

566    Barra minn hekk, fid-dawl tal-gravità tal-ksur, li skondha l-livell tal-multi ffissati mill-Kummissjoni dehru ftit għolja, Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha, li l-kooperazzjoni tar-rikorrenti ma tiġġustifika, f’dan il-każ, ebda tnaqqis addizzjonali tal-multi imposti fuqhom.

G –  Fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura (kawża T-271/02)

567    It-talba mressqa minn Övag u Nö-Hypo, sussidjarajment, li hija intiża sabiex tikseb tnaqqis tal-multi imposti fuqhom minħabba l-irregolarità ta’ l-ammissjoni tal-FPÖ bħala dak li ressaq l-ilment u tat-trażmissjoni ta’ l-ilmenti lil dan il-partit politiku, ma tistax tintlaqa’.

568    Ċertament, ċerti irregolaritajiet proċedurali jistgħu xi drabi jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa anki jekk dawn ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punti 26 sa 48).

569    Madankollu, l-irregolaritajiet proċedurali biss li jistgħu jippreġudikaw b’mod serju l-interessi tal-partijiet li invokawhom jistgħu jiġġustifikaw tnaqqis tal-multa (sentenza Baustahlgewebe vs Il-Kummissjoni, punt 568 hawn fuq, punt 30). Dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta jkun hemm irregolaritajiet li jikkostitwixxu ksur tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem. Tali ksur mhuwiex allegat f’dan il-każ u lanqas ma jirriżulta mill-proċess li l-imġiba tal-Kummissjoni kkritikata mill-banek, għad-differenza ta’ l-imġiba tal-partit politiku FPÖ, li l-atti tiegħu ma jistgħux jiġu attribwiti lill-Kummissjoni, setgħet tippreġudika b’mod gravi l-interessi tagħhom. Mingħajr ma l-Qorti tal-Prim’Istanza tiddeċiedi fuq in-natura irregolari jew le ta’ l-imġiba tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-irregolaritajiet allegati f’dan il-każ mhumiex suffiċjentement gravi sabiex jiġġustifikaw, anki jekk ikkunsidrati stabbiliti, tnaqqis tal-multa.

H –  Konklużjoni fuq it-talbiet intiżi sabiex jiksbu tnaqqis tal-multi

570    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-raġunijiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jiksbu tnaqqis tal-multi taħt stħarriġ tal-legalità għandhom jiġu miċħuda, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jikkonċernaw l-eżattezza tal-konstatazzjonijiet dwar is-sehem tas-suq komuni ta’ PSK u ta’ PSK-B (ara l-punti 446 sa 452 hawn fuq). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li mhemmx lok li jitnaqqsu l-multi, skond l-eżerċizzji tal-kompetenza sħiħa tagħha, għal raġunijiet oħra.

571    Fir-rigward ta’ l-ammont tal-multa komuni li għandha tiġi imposta fuq PSK u PSK-B, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, fl-eżerċizzju tal-kompetenza sħiħa tagħha u fid-dawl tat-tul ta’ żmien tal-ksur u l-kooperazzjoni tal-banek mal-Kummissjoni, li l-ammont finali tal-multa kif iffissata għal PSK (inkluż PSK-B) fil-premessa 560 u fl-Artikolu 3 tad-deċiżjoni għandha tiġi mnaqqsa bin-nofs. Għaldaqstant, il-multa komuni għandha tiġi stabbilita għal EUR 3 795 000.

V –  Fuq it-talba tal-Kummissjoni li tiżdid il-multa imposta lil RZB

572    Fil-kawża T-259/02, il-Kummissjoni lil Qorti tal-Prim’Istanza sabiex iżżid il-multa imposta fuq RZB, minħabba li dan ikkontesta għall-ewwel darba, fir-rikors, l-eżistenza ta’ ftehim fuq il-ħlas transkonfinali, l-operazzjonijiet dokumentarji kif ukoll ix-xiri u l-bejgħ ta’ titoli.

573    Fir-rigward ta’ dan, huwa importanti li jiġi stabbilit jekk l-imġiba ta’ RZB obbligatx lill-Kummissjoni, kontra kull aspettativa li hija setgħet raġonevolment tistenna mill-kooperazzjoni ta’ RZB matul il-proċedura amministrattiva, li tistabbilixxi u li tippreżenta difiża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bbażata fuq il-konstatazzjonijiet ta’ fatti illegali li hija kienet ġustament ikkunsidrat li RZB mhux ser jikkontesta.

574    Issa, l-importanza tal-punti kkontestati minn RZB fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata hija minima. Fil-fatt, għall-kuntrarju ta’ dak sostnut min RZB, l-eżistenza ta’ ftehim fuq l-operazzjonijiet transkonfinali msemmija hawn fuq mhijiex deċiżiva sabiex tikkonstata l-kapaċità ta’ l-akkordju previst fid-deċiżjoni kkontestata li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri (ara l-punti 177 u 178 hawn fuq).

575    Il-Kummissjoni tqajjem tlett punti bħala risposta kontra dan l-argument fir-risposta tagħha. L-ewwel nett, hija ġabret fil-qosor l-argument tar-rikorrenti, u mbagħad, hija fakkret li RZB kien iddikjara li mhux ser jikkontesta l-materjalità tal-fatti u, fl-aħħar nett, hija affermat li hija kienet wriet, fid-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ ftehim, peress li d-dokumenti kkontestati minn RZB ma kinux intiżi sabiex iressqu din il-prova, iżda sabiex jipprovdu eżempji ta’ ħlas transkonfinali. L-iżvilupp ta’ din id-difiża ma kinitx għalhekk ta’ natura li twassal lill-Kummissjoni li tagħmel sforzi partikolari.

576    F’dawn iċ-ċirkustanzi, żieda fil-multa mhijiex xierqa f’dan il-każ.

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet li fihom FPÖ jiġi ammess bħala dak li ressaq ilment u li tintbagħtlu d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (kawża T-271/02)

577    Il-kap sussidjarju tat-talbiet ifformulat minn ÖVAG u NÖ-Hypo u intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet li fihom FPÖ jiġi ammess bħala dak li ressaq ilment u li jintbagħtulu l-oġġezzjonijiet għandu jiġi miċħud bħala tardiv. Fil-fatt, bħala risposta għad-domandi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ÖVAG u NÖ-Hypo indikaw li huma kienu ġew informati bl-ammissjoni ta’ FPÖ fil-proċedura u bl-intenzjoni li jintbagħtulu l-oġġezzjonijiet permezz ta’ ittra tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Novembru 1999, filwaqt li l-Kummissjoni affermat li hi bagħtitilhom din l-informazzjoni permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2001. Issa, ir-rikors fil-kawża T‑271/02 tat-2 ta’ Settembru 2002 huwa, għaldaqstant, f’kull każ, barra mit-terminu għal dak li jikkonċerna dawn id-deċiżjonijiet.

 Fuq l-ispejjeż

578    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti fil-kawżi T-260/02 sa T-262/02, T-264/02 u T-271/02 tilfu, hemm lok li huma jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-konvenuta.

579    Għal dak li jikkonċerna l-kawżi T-259/02 u T-263/02, jirriżulta mill-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura li l-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż proprji tagħha jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap wieħed jew aktar.

580    Fil-kawża T-259/02, ir-rikorrent tilef għal dak li jikkonċerna r-rikors tiegħu, filwaqt li l-Kummissjoni tilfet għal dak li jikkonċerna l-kontrotalba tagħha. Peress li din kienet intiża sabiex iżżid il-multa b’10 % biss, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent tilef essenzjalment fit-talbiet tiegħu u l-motivi relatati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li RZB jiġi ordnat ibati l-ispejjeż proprji tiegħu u 90 % mill-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni filwaqt li l-Kummissjoni għandha tbati 10 % ta’ l-ispejjeż proprji tagħha.

581    Fil-kawża T-263/02, hemm lok li l-partijiet kollha jiġu ordnati jbatu l-ispejjeż proprji tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi

1)      Fil-kawża T-263/02, l-ammont tal-multa impost fuq Österreichische Postsparkasse AG, li l-aventi kawża tiegħu huwa r-rikorrent, permezz ta’ l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2004/138/KE tal-11 ta’ Ġunju 2002 dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Kawża COMP/36.571/D-1, Banek Awstrijaċi – "Klabb Lombard") huwa mnaqqas għal Eur 3 795 000.

2)      Mill-bqija, ir-rikorsi huma miċħuda.

3)      Fil-kawża T-259/02, il-kontrotalba fformulata mill-Kummissjoni hija miċħuda.

4)      Fil-kawżi T-260/02 sa T-262/02, T-264/02 u T‑271/02, ir-rikorrenti għandhom ibatu l-ispejjeż.

5)      Fil-kawża T-259/02, ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż proprji tiegħu u 90 % ta’ l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tbati 10 % mill-ispejjeż proprji tagħha.

6)      Fil-kawża T-263/02, kull parti għandha tbati l-ispejjeż proprji tagħha.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Diċembru 2006.

E. Coulon

 

      J. Pirrung

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Is-suġġett tal-kawża

II –  Ir-rikorrenti

A –  Erste (kawża T-264/02)

B –  RZB (kawża T-259/02)

C –  RLB (kawża T-262/02)

D –  BA-CA (kawża T-260/02)

E –  Anteilsverwaltung BAWAG PSK AG (kawża T-261/02) u BAWAG PSK Bank für Arbeit und Wirtschaft und Österreichische Postsparkasse AG (kawża T‑263/02)

F –  ÖVAG u NÖ-Hypo (kawża T-271/02)

III –  Il-proċedura amministrattiva

IV –  Id-deċiżjoni kkontestata

A –  Ġenerali

B –  Il-konstatazzjonijiet dwar il-kuntest ta’ l-akkordju, il-kumitati differenti, ir-relazzjonijiet tagħhom u r-rwol tal-kumpanniji ewlenin

C –  Eżami ta’ l-argumenti tal-banek u l-evalwazzjoni ġuridika

D –  L-ordni li jintemm il-ksur u l-kalkolu tal-multi

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Fuq l-effett tar-ristrutturazzjoni ta’ BAWAG (kawża T-261/02) u PSK (kawża T-263/02)

Id-dritt

I –  Fuq it-talbiet ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata fit-totalitŕ tagħha

A –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq ksur tar-Regoli tal-Proċedura

1.  Fuq ir-rapport finali ta’ l-uffiċjal tas-seduta (kawża T-260/02, T‑61/02 u T‑263/02)

a)  L-argumenti tar-rikorrenti

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-pożizzjoni mogħtija lill-partit politiku FPÖ matul il-proċedura amministrattiva (kawżi T-260/02 u T-271/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Konklużjoni

B –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-ftehim

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq il-klassifikazzjoni ta’ ksur wieħed attribwita lill-kumitati (kawżi T‑261/02 sa T‑263/02 u T‑271/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq l-għażla tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata (kawża T‑271/02)

1.  L-argumenti tal-partijiet

a)  L-argumenti tar-rikorrenti

b)  L-argumenti tal-Kummissjoni

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Fuq il-kriterji applikati mill-Kummissjoni u fuq id-daqs ta’ l-istabbilimenti

b)  Fuq l-identifikazzjoni tal-kumitati prinċipali

Fuq il-motivazzjoni

Fuq l-evalwazzjoni ta’ l-importanza tal-kumitati u fuq iċ-"ċirkolu ristrett ta’ banek"

c)  Fuq il-frekwenza tal-parteċipazzjoni ta’ ÖVAG u ta’ NÖ-Hypo fil-kumitati prinċipali

d)  Konklużjoni

D –  Fuq l-amministrazzjoni tal-prova permezz ta’ dokumenti ta’ l-1994 (kawża T-271/02)

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ effett tal-kumitati dwar il-kummerċ

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq l-interpretazzjoni tal-kriterju tal-kapaċità li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-applikazzjoni tiegħu f’din il-kawża

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq il-prinċipji li jirregolaw l-evalwazzjoni tal-kapaċità li l-kummerċ bejn Stati Membri jiġi affettwat

Fuq l-eżami globali ta’ effett transkonfinali tal-kumitati

Fuq il-kapaċità ta’ akkordju li jkopri t-territorju kollu ta’ Stat Membru li jaffettwa l-kummmerċ bejn Stati Membri

c)  Konklużjoni

3.  Il-każ partikolari ta’ RLB (kawża T-262/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament ta’ l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata (kawżi T-259/02, T-264/02 u T-271/02)

A –  L-argumenti tar-rikorrrenti

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament ta’ l-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata

A –  Nuqqas ta’ ħtija (kawżi T-261/02 sa T-263/02, T-264/02 u T–271/02)

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Il-possibbiltà ta’ eżenzjoni tal-ftehim (kawżi T-262/02, T-271/02)

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Konklużjoni

IV –  Fuq it-talbiet intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-multi imposti

A –  Osservazzjonijiet preliminari

1.  Fuq l-applikabbiltà tal-linji gwida u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

a)  Fuq l-allegat ksur tal-prinċipju ta’ non-retroattività (kawża T‑264/02)

b)  Fuq ir-rilevanza tal-linji gwida u tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni għall-istħarriġ ġuridiku tad-deċiżjoni kkontestata

2.  Fuq il-formulazzjoni ta’ l-ilmenti tar-rikorrenti

B –  Fuq il-klassifikazzjoni tal-ksur bħala "gravi ħafna"

1.  Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l-evalwazzjoni tal-gravità

2.  Fuq in-natura u l-kuntest tal-ksur

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq l-impatt konkret tal-ksur fuq is-suq

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  Fuq il-klassifikazzjoni ta’ l-argumenti ta’ BA-CA

c)  L-argumenti tal-partijiet

d)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq l-estensjoni tas-suq ġeografiku kkonċernat

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq in-natura selettiva tal-proċedimenti (kawża T-259/02)

6.  Konklużjoni fir-rigward tal-gravitŕ tal-ksur

C –  Fuq it-tqassim tad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata f’kategoriji u fl-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi

1.  Fuq l-attribuzzjoni tal-ksur ta’ GiroCredit lil Erste (kawża T‑264/02)

a)  Il-fatti li fuqhom hija bbażata din ir-raġuni u d-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq l-attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq tal-banek tas-"setturi deċentralizzati" lill-istabbilimenti ċentrali (kawżi T‑259/02, T‑264/02 u T‑271/02)

a)  Id-deċiżjoni kkontestata

b)  L-argumenti tal-partijiet

L-argumenti tar-rikorrenti

–  Fuq id-drittijiet tad-difiża u tal-motivazzjoni

–  Fuq il-kundizzjonijiet ta’ attribuzzjoni ta’ l-ishma tas-suq

–  Fuq il-konstatazzjonijiet fattwali u l-evalwazzjoni tagħhom

L-argumenti tal-Kummissjoni

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq id-drittijiet tad-difiża u tal-motivazzjoni

Fuq il-legalità ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura personali tar-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni

Fuq l-ilmenti l-oħra li jikkonċernaw il-legalità ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni

–  Fuq il-kompatibbiltà ta’ l-approċċ tal-Kummissjoni mal-linji gwida

–  Fuq il-ksur allegat tal-prinċipju ta’ ugwaljanza

–  Fuq is-sentenza SCK u FNK vs Il-Kummissjoni

Fuq l-ilmenti relatati mal-konstatazzjonijiet ta’ fatt u l-evalwazzjoni tar-rwol ta’ l-istabbilimenti ċentrali

Konklużjoni

3.  Fuq il-motivazzjoni tal-klassifikazzjoni f’kategoriji u ta’ l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi (kawżi T-260/02, T-261/02, T-263/02 et T-264/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq il-ksur allegat tal-prinċipju ta’ trattament ugwali (kawżi T‑261/02, T-263/02 u T-271/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq id-determinazzjoni ta’ l-ishma tas-suq (kawżi T-263/02, T‑264/02 u T‑271/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

PSK u PSK-B (kawża T-263/02)

Erste u l-grupp tal-banek ta’ tfaddil

ÖVAG u l-grupp tal-banek popolari

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

PSK u PSK-B (kawża T-263/02)

Erste u l-grupp tal-banek ta’ tfaddil

–  Multa imposta fuq il-kumpannija ewlenija

–  Multa separata imposta fuq EÖ

ÖVAG u l-grupp tal-banek popolari (kawża T-271/02)

c)  Konklużjoni

6.  Konklużjoni fuq il-klassifikazzjoni f’kategoriji u l-iffissar ta’ l-ammonti bażiċi

D –  Fuq ir-raġunijiet dwar it-tul ta’ żmien tal-ksur (kawżi T‑259/02, T‑261/02 u T-263/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

E –  Fuq iċ-ċirkustanzi mitiganti

1.  Osservazzjonijiet preliminari

2.  Fuq ir-rwol ta’ ċerti rikorrenti fi ħdan il-kumitati (kawżi T‑259/02, T-260/02, T-261/02, T-263/02 u T-271/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-imġiba passiva jew emulattiva (kawżi T-259/02, T-263/02 u T-271/02)

Fuq ir-rwol ta’ BA-CA (kawża T-260/02) u ta’ BAWAG (kawża T-261/02)

3.  Fuq il-waqfien tal-ksur (kawżi T-259/02, T-261/02, T-263/02, T‑264/02 u T-271/02)

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq l-eżistenza ta’ dubju raġonevoli fir-rigward tan-natura illegali ta’ l-imġiba restrittiva

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq il-kriżi tas-settur bankarju (kawża T-264/02)

6.  Konklużjoni

F –  Fuq ir-raġunijiet ibbażati fuq evalwazzjoni żbaljata tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni

1.  Id-deċiżjoni kkontestata

2.  L-argumenti tal-partijiet

3.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

a)  Kunsiderazzjonijiet preliminari

b)  Fuq ir-risposti għat-talbiet għal informazzjoni

Fuq in-nuqqas ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 11(5) tar-Regolament Nru 17 (kawża T-259/02)

Fuq l-evalwazzjoni tan-natura volontarja tar-risposti għat-talbiet għal informazzjoni

c)  Fuq l-evalwazzjoni tar-rapport komuni tal-fatti

d)  Fuq l-ilmenti partikolari ta’ RZB u ta’ BA-CA

Fuq l-ammissjoni ta’ l-għan antikompetittiv tal-ksur minn RZB

Fuq l-elementi addizzjonali invokati minn BA-CA

e)  Konklużjoni

G –  Fuq il-ksur tar-Regoli tal-Proċedura (kawża T-271/02)

H –  Konklużjoni fuq it-talbiet intiżi sabiex jiksbu tnaqqis tal-multi

V –  Fuq it-talba tal-Kummissjoni li tiżdid il-multa imposta lil RZB

Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjonijiet li fihom FPÖ jiġi ammess bħala dak li ressaq ilment u li tintbagħtlu d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet (kawża T-271/02)

Fuq l-ispejjeż



* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.