Language of document : ECLI:EU:T:2006:397

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Diċembru 2006 (*)

“Trade mark Komunitarja − Proċedura ta’ oppożizzjoni – Applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji figurattivi VENADO b'bordura, VENADO u VENADO ESPECIAL − Trade marks Komunitarji figurattivi preċedenti li jirrappreżentaw ras ta’ ċerva li tħares ’il quddiem u li tinsab f’ċirku – Motivi relattivi għal rifjut – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Fil-kawżi magħquda T-81/03, T-82/03 u T-103/03,

Mast-Jägermeister AG, stabbilita f’Wolfenbüttel (il-Ġermanja), irrappreżentata minn C. Drzymalla, avocat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn J. García Murillo, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, hija

Licorera Zacapaneca SA, stabbilita f’Santa Cruz (il-Gwatemala), irrappreżentata minn L. Corno Caparrós u B. Uriarte Valiente, avocats,

li għandhom bħala suġġett tliet rikorsi mressqa kontra d-deċiżjonijiet ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tat-19 ta’ Diċembru 2002 (Każ R 412/2002‑1 u Każ R 382/2002‑1) u ta’ l-14 ta’ Jannar 2003 (Każ R 407/2002‑1), dwar il-proċeduri ta’ oppożizzjoni bejn Licorera Zacapaneca SA u Mast‑Jägermeister AG,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras, President, E. Martins Ribeiro u K. Jürimäe, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratriċi,

wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 (Kawżi T-81/03 u T-82/03) u fid-19 ta’ Marzu 2003 (Kawża T-103/03),

wara li rat ir-risposti ta’ l-UASI ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-14 (Kawżi T-81/03 u T-82/03) u fil-15 ta’ Diċembru 2004 (Kawża T-103/03),

wara li rat ir-risposti ta’ l-intervenjenti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Diċembru 2004,

wara li rat is-sospensjonijiet deċiżi fis-16 ta’ Ġunju, fil-5 ta’ Diċembru 2003 u fit-22 ta’ April 2004,

wara li rat li fl-1 ta’ Ġunju 2006 ġie deċiż li l-Kawżi jingħaqdu,

wara li kkunsidrat il-proċedura orali u wara s-seduta tat-13 ta’ Lulju 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-13 ta’ Novembru 1998, Licorera Zacapaneca SA ippreżentat tliet applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade marks Komunitarji lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendata.

2        It-tliet trade marks li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni (iktar ’il quddiem, meta ssir referenza għalihom f’daqqa, it-“trade marks mitluba”) huma s-sinjali figurattivi riprodotti hawn taħt, li fir-rigward tagħhom il-kuluri mitluba kienu l-iswed, id-deheb u l-abjad, kif ukoll, fir-rigward tat-trade marks mitluba fil-Kawżi T-81/03 u T-103/03, l-aħmar:


Image not foundImage not found


Image not foundImage not found


Image not foundImage not found

(Kawża T-81/03)

(Kawża T-82/03)

(Kawża T-103/03)


3        Il-prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat- trade mark huma l-istess fit-tliet każijiet u jaqgħu fil-klassijiet 32 u 33 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Lulju 1957, kif rivedut u emendat. B’mod iżjed partikolari, il-lista ta’ prodotti li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni, kif ġiet limitata mill-intervenjenti fis-7 ta’ Frar 2000, tinkludi l-prodotti segwenti:

–        klassi 32: “Ilma minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet tal-frott u meraq tal-frott; xropp u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”;

–        klassi 33: “Rum, likuri tar-rum u brandi”.

4        Iż-żewġ applikazzjonijiet għal trade marks Komunitarji, li huma s-suġġett tal-Kawżi T-81/03 u T-82/03, ġew ippubblikati fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 88/99, tat-8 ta’ Novembru 1999.

5        Fl-24 ta’ Novembru 1999, Mast-Jägermeister AG ressqet żewġ oppożizzjonijiet kontra dawn l-applikazzjonijiet, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjonijiet kienu bbażati fuq it-trade mark figurattiva Komunitarja preċedenti tar-rikorrenti, irreġistrata fis-16 ta’ Ottubru 1998 bin-numru 337 337 (iktar ’il quddiem it-“trade mark preċedenti”) riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

6        Il-prodotti li għalihom it-trade mark preċedenti hija rreġistrata jaqgħu fil-klassijiet 18, 25, 32 u 33, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nizza u jaqblu mad-deskrizzjoni segwenti:

–        Klassi 18: “Umbrelel u parasoli”;

–        klassi 25: “Ħwejjeġ, żraben u għata tar-ras”;

–        klassi 32: “xarbiet mhux alkoħoliċi”;

–        klassi 33: “Inbid, inbid frizzanti, inbejjed tal-frott, inbejjed frizzanti tal-frott, xorb alkoħoliku”.

7        Il-motivi invokati in sostenn ta’ kull oppożizzjoni kienu l-identiċità tat-trademark mitluba u tat-trade mark preċedenti u l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(a) u (b), tar-Regolament Nru 40/94.

8        It-tielet applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ta’ l-intervenjenti, li kienet is-suġġett tal-Kawża T-103/03, ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-trade marks Komunitarji Nru 38/2000, tal-15 ta’ Mejju 2000.

9        Fil-31 ta’ Mejju 2000, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra din l-applikazzjoni bbażata fuq it-trade mark preċedenti, imsemmija fil-punt 5 iktar ’il fuq, kif ukoll fuq it-trade mark figurattiva Komunitarja preċedenti tagħha, irreġistrata fil-15 ta’ Ottubru 1998 bin-numru 135 228 (iktar ’il quddiem it-“tieni trade mark preċedenti”) u riprodotta hawn taħt:

Image not foundImage not found

10      Il-prodotti li għalihom it-tieni trade mark preċedenti hija rreġistrata jaqgħu fil-klassi 33 tal-Ftehim ta’ Nizza u jaqblu mad-deskrizzjoni segwenti: “xorb alkoħoliku (bl-eċċezzjoni tal-birra)”.

11      Il-motivi invokati in sostenn ta’ l-oppożizzjoni kienu l-identiċità tat-trade mark mitluba u taż-żewġ trade marks preċedenti u l-probabbiltà ta’ konfużjoni bejniethom, fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 40/94.

12      Fil-komunikazzjonijiet tagħha dwar il-motivi tat-tliet oppożizzjonijiet tagħha, ippreżentati fit-2 ta’ Ġunju (Kawża T-81/03), fis-27 ta’ April (Kawża T-82/03) u fit-3 ta’ Novembru 2000 (Kawża T-103/03), kif ukoll b’ittri tas-27 ta’ Settembru 2000 (Kawżi T-81/03 u T-82/03), ir-rikorrenti invokat ir-riżultati ta’ żewġ stħarriġiet ta’ opinjoni, magħmula fl-1994 u fl-1999 fil-Ġermanja. L-istħarriġ ta’ l-1994 ikkonkluda li, għal 88% tal-popolazzjoni adulta Ġermaniża, it-trade mark Jägermeister għandha konnotazzjonijiet ta’ xorb alkoħoliku. Skond il-konklużjonijiet ta’ l-istħarriġ ta’ l-1999, 70% tal-popolazzjoni Ġermaniża hija kapaċi tagħmel konnessjoni bejn l-isem “Jägermeister” u rappreżentazzjoni f’abjad u iswed ta’ ras ta’ ċerva.

13      Bi tliet deċiżjonijiet tal-25 ta’ Marzu (Kawża T-81/03), tas-27 ta’ Frar (Kawża T-82/03) u ta’ l-14 ta’ Marzu 2002, (Kawża T-103/03) id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni laqgħu l-oppożizzjonijiet u ċaħdu t-tliet applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta' trade marks kollha kemm huma, minħabba li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni fi Spanja, fil-dawl tax-xebh bejn is-sinjali kontenzjużi u tal-fatt li l-prodotti kkonċernati huma identiċi minn naħa u simili min-naħa l-oħra. F’dak li jikkonċerna ż-żewġ stħarriġiet ta’ opinjoni ppreżentati mir-rikorrenti, id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni qiesu li dak ta’ l-1994 ma kienx rilevanti peress li kien jirreferi għall-għarfien fis-suq tat-trade mark Jägermeister u mhux tat-trade mark preċedenti. Fir-rigward tat-tieni stħarriġ ta’ opinjoni magħmul fl-1999, id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni, fid-deċiżjonijiet tagħhom fuq l-oppożizzjonijiet li huma s-suġġett tal-Kawżi T-81/03 u T-82/03, ikkonstataw li r-rikorrenti ma kinitx ippreżentat, fit-terminu mogħti biex tkun tista tagħmel l-oppożizzjonijiet tagħha, ir-rappreżentazzjoni tad-disinn muri lill-persuni li għamlu l-istħarriġ. Fid-deċiżjoni tagħha dwar l-oppożizzjoni li hija s-suġġett tal-Kawża T-103/03, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni lanqas ma ħadet dan l-istħarriġ in kunsiderazzjoni, li l-elementi kollha tiegħu tressqu fit-terminu preskritt, minħabba li, minn naħa, ma ġiex ipprovat li f’territorji oħra rilevanti, barra minn Spanja, l-element verbali “venado especial” kellu impatt identiku għal dak li kellu fuq il-pubbliku ta’ dan il-pajjiż u, min-naħa l-oħra, li l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fi Spanja kienet suffiċjenti sabiex l-applikazzjoni tat-trade mark ikkontestata tiġi miċħuda kollha kemm hi. Fl-aħħar nett, fl-istess deċiżjoni, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni kkonċentrat l-analiżi tagħha fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba f’din il-kawża u t-trade mark preċedenti u ma qablitx it-trade mark mitluba mat-tieni trade mark preċedenti.

14      Fil-25 ta’ April (Kawża T-82/03) u fl-10 ta’ Mejju 2002 (Kawżi T-81/03 u T-103/03), l-intervenjenti ressqet tliet appelli, skond l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, kontra d-deċiżjonijiet tad-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni ċċitati iktar ’il fuq.

15      B’deċiżjonijiet tad-19 ta’ Diċembru 2002 (fil-Każ R 412/2002-1 li hija s-suġġett tar-rikors T-81/03 u fil-Każ R 382/2002-1 li hija s-suġġett tar-rikors T-82/03) u ta’ l-14 ta’ Jannar 2003 (fil-Każ R 407/2002-1 li hija s-suġġett tar-rikors T-103/03), (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), l-Ewwel Bord ta’ Appell ta’ l-UASI laqa' l-appell ta’ l-intervenjenti u, konsegwentement, ċaħad l-oppożizzjonijiet tar-rikorrenti. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew innotifikati lir-rikorrenti fit-2 (Kawżi T-81/03 u T-82/03) u fl-20 ta’ Jannar 2003 (Kawża T-103/03).

16      Sostanzjalment, il-Bord ta’ Appell ikkunsidra li, minkejja l-identiċità ta’ ċerti prodotti kontenzjużi, inklużi fil-klassijiet 32 u 33, ma kien hemm l-ebda ħtieġa partikolari li twasslu sabiex jemmen li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade mark preċedenti fir-rigward tal-pubbliku in ġenerali fi kwalunkwe parti tal-Komunità, u dan minħabba d-differenza ta’ l-imsemmija trade marks fuq il-pjan viżiv u fonetiku kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ xebh konċettwali kbir bejniethom. Din il-konklużjoni, ibbażata essenzjalment fuq il-paragun tas-sinjali kunfliġġenti mill-Bord ta’ Appell, hija kkorroborata mill-frekwenza tat-tpinġija ta’ ċerva jew ta’ ras ta’ ċerva sabiex tipproteġi sensiela ta’ xarbiet, kif jikkonfermaw tmien reġistrazzjonijiet ta’ trade marks Komunitarji u riċerka fir-reġistru tat-trade marks fir-Renju Unit magħmula motu proprio mill-Bord ta’ Appell.

17      F’dak li jikkonċerna ż-żewġ stħarriġiet ta’ opinjoni ppreżentati mir-rikorrenti, il-Bord ta’ Appell, fid-deċiżjonijiet tiegħu tad-19 ta’ Diċembru 2002 (Kawżi T-81/03 u T-82/03), ikkonferma, essenzjalment u għall-istess raġunijiet, il-pożizzjonijiet tad-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni. Fid-deċiżjoni tiegħu ta’ l-14 ta’ Jannar 2003 (Kawża T-103/03), il-Bord ta’ Appell ikkonferma wkoll il-konklużjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni dwar in-nuqqas ta’ rilevanza ta’ l-istħarriġ ta’ l-1994. Fir-rigward ta’ l-istħarriġ ta’ l-1999, il-Bord ta’ Appell qies li r-riżultati tiegħu ma kienu jagħtu l-ebda indikazzjoni dwar il-perċezzjoni tal-konsumatur Ġermaniż meta ġie kkofrontat bix-xbieha ta’ ras ta’ ċerva differenti mix-xbieha ta’ ras ta’ ċerva tat-trade mark tar-rikorrenti flimkien mal-kelmiet barranin “venado especial”. Skond il-Bord ta’ Appell, huwa diffiċli, f’dan il-każ, li jitwemmen li l-konsumaturi jibqgħu jassoċjaw ix-xbieha kkonċernata ma’ prodott tar-rikorrenti (Mast-Jägermeister). Għaldaqstant, anki jekk il-Bord kien jammetti li t-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv iżjed b’saħħtu fil-Ġermanja, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-pubbliku Ġermaniż jikkonfondi t-trade mark mitluba mar-ras ta’ ċerva li tikkaratterizza l-prodotti tar-rikorrenti. Fl-aħħar nett, fl-istess deċiżjoni, il-Bord ta’ Appell ivvalida r-raġunament tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni li, għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’din il-kawża, tittieħed in kunsiderazzjoni biss it-trade mark preċedenti, imsemmija fil-punt 5 ’il fuq, inkwantu din hija eqreb lejn it-trade mark mitluba. Fil-fatt, fil-każ ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti, l-evalwazzjoni tat-tieni trade mark preċedenti mhijiex utili. Min-naħa l-oħra, fil-każ tan-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti, l-imsemmija probabbiltà tiġi eskluża a fortiori fil-konfront tat-trade mark mitluba u t-tieni trade mark preċedenti.

 It-talbiet tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tordna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż.

19      L-UASI jitlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        prinċipalment:

–        tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

–        tordna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż jew tordna lill-kull parti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha;

–        sussidjarjament:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

20      L-intervenjenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

21      Fis-seduta, l-UASI rrinunzja mit-talba tiegħu li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, fil-każ li jintlaqa' r-rikors u ppreċiża li, f’dan il-każ, kull parti għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha stess. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet din l-emenda in kunsiderazzjoni fir-rapport tas-seduta.

22      Fis-seduta, l-intervenjenti żiedet talba dwar l-ispejjeż fis-sens li l-UASI għandu jiġi ordnat ibati l-ispejjeż ta’ l-intervenjenti fil-każ li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiġu annullati. L-intervenjenti mmotivat din it-talba billi invokat il-fatt li l-UASI segwa, fit-talba prinċipali tiegħu, it-talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Issa, mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs L-UASI (C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 26), jirriżulta li din il-pożizzjoni ta’ l-UASI tippreġudika l-aspetattivi leġittimi ta’ l-intervenjenti, li kienet tistenna li l-UASI jiddefendi, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, id-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ Appell tiegħu stess. Il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet din l-emenda in kunsiderazzjoni fir-rapport tas-seduta.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talbiet prinċipali ta’ l-UASI

 L-argumenti tal-partijiet

23      L-UASI jqis li t-talbiet prinċipali tiegħu, intiżi għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, huma ammissibbli. Huwa jinvoka, f’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza li tgħid li huwa mhuwiex marbut jiddefendi b’mod sistematiku kull deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell iżda jista' jsegwi talba tar-rikorrenti jew ukoll jissuġġetta ruħu għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs L-UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02. Ġabra p. II-1845, punti 34 u 36].

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

24      Għandu jiġi osservat li, permezz tat-talbiet prinċipali tiegħu, l-UASI qiegħed jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati. Sabiex isostni t-talbiet tiegħu, l-UASI jippreżenta argumenti li huma intiżi sabiex juru li l-Bord ta’ l-Appell għamel żball meta ċaħad l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fi proċedura li għandha bħala suġġett rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura ta’ oppożizzjoni, l-UASI m’għandux is-setgħa li jemenda, permezz tal-pożizzjoni li jadotta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, it-termini tal-kawża kif jirriżultaw mit-talbiet rispettivi ta’ l-applikant għar-reġistrazzjoni u tal-parti li qed topponi (sentenza Vedial vs L-UASI, iċċitata f'punt 22 iktar ’il fuq, punt 26; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta’ l-1 ta’ Frar 2006, Dami vs l-UASI – Stilton Cheese Makers (GERONIMO STILTON), T-466/04 u T-467/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-UASI huwa marbut li jitlob iċ-ċaħda ta’ rikors imressaq kontra deċiżjoni ta’ wieħed mill-Bordijiet ta’ l-Appell tiegħu. Fil-fatt, għalkemm l-UASI m’għandux il-kompetenza legali meħtieġa sabiex iressaq rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell, għal kuntrarju, huwa mhuwiex marbut li jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata ta’ Bord ta’ l-Appell jew li neċessarjament jitlob iċ-ċaħda tar-rikorsi kollha li jikkontestaw deċiżjoni tali (sentenzi 'BIOMATE', iċċitata f'punt 23 iktar ’il fuq, punt 34, u 'GERONIMO STILTON', iċċitata f'punt 25 iktar ’il fuq, punt 30).

27      Għalhekk, m'hemm xejn li jostakola lill-UASI milli jaqbel ma’ talba tar-rikorrenti jew inkella milli jħalli d-deċiżjoni għad-diskrezzjoni tal-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li jressaq dawk l-argumenti kollha li jidhrulu xierqa sabiex jiggwidaw lill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza 'BIOMATE', iċċitata f'punt 23 iktar ’il fuq, punt 36; tal-25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs L-UASI (Cloppenburg), T-379/03, Ġabra p. II-4633, punt 22, u 'GERONIMO STILTON', iċċitata f'punt 25 iktar ’il fuq, punt 31).

28      Min-naħa l-oħra, l-UASI ma jistax iressaq talbiet intiżi għall-annullament jew il-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell abbażi ta' punt li ma tqajjimx fir-rikors jew jippreżenta motivi li ma tqajmux fir-rikors (sentenzi Vedial vs L-UASI, iċċitata f'punt 22 iktar ’il fuq, punt 34; 'Cloppenburg', iċċitata f'punt 27 iktar ’il fuq, punt 22, u 'GERONIMO STILTON', iċċitata f'punt 25 iktar ’il fuq, punt 32).

29      F’dan il-każ, għandu bilfors jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tat-talbiet prinċipali tiegħu, l-UASI ressaq biss argumenti in sostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, li min-naħa tagħha qiegħda ssostni li l-Bord ta’ l-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, għall-inqas fi Spanja. Għaldaqstant, it-talbiet prinċipali mressqa mill-UASI u l-argumenti li tressqu in sostenn tagħhom huma ammissibli safejn dawn ma jmorrux oltre l-kuntest tat-talbiet u l-motivi mressqa mir-rikorrenti.

 Fuq il-mertu

30      Ir-rikorrenti tinvoka, f’kull Kawża, żewġ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 u, it-tieni nett, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 73 ta’ l-istess regolament. Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

 L-argumenti tal-partijiet

31      Filwaqt li tirreferi għall-ġurisprudenza li tikkonċerna l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, ir-rikorrenti tosserva li, peress li t-trade mark preċedenti kienet trade mark Komunitarja, huwa meħtieġ, sabiex tiġi evalwata l-imsemmija probabbiltà, li wieħed iqiegħed lilu nnifsu fil-perspettiva tal-pubbliku kkonċernat fl-Unjoni Ewropea kollha. Għalhekk, kif jirriżulta mill-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li l-probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti għall-inqas f’parti rilevanti ta’ l-Unjoni Ewropea, bħat-territorju kollu ta’ Stat Membru.

32      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta’ Appell ġustament ikkonstata l-identiċità jew ix-xebh tal-prodotti kkonċernati. Hija tikkritika, min-naħa l-oħra, il-paragun bejn is-sinjali mwettaq mill-Bord ta’ l-Appell.

33      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Bord ta’ l-Appell ta importanza eċċessiva lill-kelma “venado” jew, fil-Kawża T-103/03, lill-kliem “venado especial”. Fir-rigward tat-tifsira tal-kelma “venado” fl-Ispanjol (ċerva), għall-konsumatur li jitkellem bl-Ispanjol, din il-kelma tiddeskrivi biss ix-xbieha li tinsab fit-trade marks mitluba. Din ix-xbieha, bid-daqs tagħha biss, għandha pożizzjoni dominanti fit-trade marks mitluba. Għaldaqstant, mill-funzjoni tagħha purament deskrittiva ta’ l-element figurattiv, il-kelma “venado” mhijiex ta’ natura rilevanti għall-pubbliku li jitkellem bl-Ispanjol. Il-kelma “especial”, li tidher biss fit-trade mark miltuba li hija s-suġġett tal-Kawża T-103/03, m’għandha l-ebda tifsira oħra ħlief dik ta’ “speċjali” u, konsegwentement, tinftiehem mill-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni li l-prodott ikkonċernat huwa prodott imtejjeb, jew mibdul, ta’ l-istess produttur. Kunċetti simili huma użati b'mod komuni u m’għandhomx karattru distintiv.

34      Anki lilhinn mill-pubbliku li jitkellem bl-Ispanjol, ma jistax jiġi miċħud ix-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, minħabba l-preżenza fit-trade marks mitluba ta’ l-element “venado”. Skond ir-rikorrenti, peress li t-trade mark preċedenti hija komposta biss minn sinjal figurattiv, huwa l-element figurattiv ta’ trade mark sussegwenti mħallta, jiġifieri verbali u figurattiva, li joħloq konfużjonijiet. L-element verbali ta’ din it-trade mark ta' l-aħħar jista, ċertament, ikompli jkabbar il-probabbiltà ta’ konfużjoni, bħal, f’dan il-każ, fejn dan l-element jikkorrispondi, kunċettwalment, ma’ l-element figurattiv tat-trade marks mitluba. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-element verbali ta’ sinjal sussegwenti mħallat, fl-ebda każ, ma jkabbar id-differenza bejn dan is-sinjal u t-trade mark preċedenti li m’għandhiex element verbali, minħabba li paragun ta’ dan l-element verbali mat-trade mark figurattiva preċedenti huwa eskluż mill-bidu. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, il-pubbliku jqabbel ix-xbieha li jkollu fil-memorja tiegħu tat-trade mark figurattiva preċedenti ma’ l-element figurattiv tat-trade mark sussegwenti. Evalwazzjoni differenti ta’ din il-kwistjoni twassal, sempliċement, sabiex jiġi permess l-ikkupjar, b’mod identiku jew kważi, tas-sinjal figurattiv preċedenti minn sinjal sussegwenti, minħabba li kwalunkwe kelma tiġi relatata miegħu, inkluża dik il-kelma li tikkorrispondi mas-sempliċi deskrizzjoni verbali tas-sinjal figurattiv.

35      Skond ir-rikorrenti, dan il-każ huwa differenti mill-każ fejn kemm it-trade mark preċedenti kif ukoll it-trade mark mitluba tikkonsisti minn għaqda ta’ elementi verbali u figurattivi. F’dan il-każ, jista' saħansitra jiġi kolkluż li l-element verbali tat-trade mark preċedenti huwa daqshekk partikolari li l-pubbliku kkonċernat jiftakar din it-trade mark biss permezz ta' l-element verbali tagħha u li, meta jiġi kkonfrontat b’sinjal verbali u figurattiv sussegwenti, huwa jieħu biss in kunsiderazzjoni b’mod determinanti l-elementi verbali li jinsabu fis-sinjali kunfliġġenti.

36      Minn dan isegwi li, sabiex jitqabblu s-sinjali kunfliġġenti, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni l-element figurattiv tat-trade marks mitluba, bħala element determinanti u dan iktar u iktar meta l-prodotti identifikati minnhom jintużaw ta’ kuljum u prinċipalment jinxtraw mad-daqqa t'għajn, ċirkustanzi li jikkonferixxu importanza partikolari lill-element figurattiv.

37      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell, żbaljatament, ħa in kunsiderazzjoni, f’dan il-kuntest, l-arranġament ta’ kuluri fit-trade marks mitluba. Fil-fatt, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti f’abjad u iswed tkopri kull arranġament ta’ kulur, inkluż l-użu tal-kulur tad-deheb għall-bordura f’forma ta’ ċirku u għall-kontorni tar-ras ta’ ċerva. Il-fatt li t-trade mark mitluba fil-Kawża T-103/03 hija rreġistrata b'bordura ta’ linji suwed u ħomor u li għaldaqstant tista' tagħti impressjoni ta’ tikketta, huwa wkoll nieqes minn rilevanza. Billi din il-bordura hija figura ġeometrika bażika, il-pubbliku kkonċernat ma jagħtiha l-ebda importanza. Barra minn hekk, it-tieni trade mark preċedenti wkoll tikkonsisti f’tikketta, filwaqt li t-trade mark preċedenti tiġi wkoll irrappreżentata ta’ spiss fuq tikketta.

38      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell ta wisq importanza kbira lid-differenzi fid-dettal bejn it-trade marks mitluba u t-trade mark preċedenti, meta mqabbla mat-tliet similaritajiet kbar li jeżistu bejniethom. Issa, il-pubbliku kkonċernat jiftakar biss impressjoni approssimattiva tas-sinjali figurattivi u mhux id-dettalji tagħhom, dettalji bħall-fatt li, fit-trade mark preċedenti, il-mant taċ-ċerva huwa mħażżeż u r-ras tagħha hija mpinġija b’mod li tidher inċiża filwaqt li t-trade marks mitluba m’għandhomx karatteristiċi bħal dawn. Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-qrun taċ-ċerva, li huma maqtugħin fit-trade marks mitluba, filwaqt li, fit-trade mark preċedenti, huma rrapreżentati b’mod sħiħ u fir-rigward tan-nuqqas, fit-trade marks mitluba, ta’ salib f’raġġiera li jinsab fit-trade mark preċedenti.

39      Ir-rikorrenti tosserva li l-impressjoni ġenerali tat-trade mark preċedenti hija kkaratterizzata mir-rappreżentazzjoni, f’forma ta’ ritratt, ta’ ras ta’ ċerva, li, minn ġo ċirku, tħares direttament lejn min qed iħares lejha. Il-linja immaġinarja li mill-moħħ tgħaddi għall-fuq l-imnieħer sa fuq il-ħalq taċ-ċerva tiddendel vertikalment fuq l-għonq ta’ l-annimal. Il-widnejn jinsabu madwar 45 grad minn din il-linja vertikali, bil-qrun jibda direttament minn wara l-widnejn.

40      It-trade marks mitluba huma wkoll ikkaratterizzati minn tali linja immaġinarja, li tiddendel fuq l-għonq, li tinżel mill-moħħ għal fuq l-imnieħer u tispiċċa man-naħa ta’ fuq tal-ħalq taċ-ċerva. Barra minn hekk, il-widnejn taċ-ċerva wkoll jinsabu madwar 45 grad minn din il-linja vertikali u l-qrun jibda wkoll direttament minn wara l-widnejn. Fl-aħħar nett, kemm fit-trade marks mitluba kif ukoll fit-trade mark preċedenti, ir-ras taċ-ċerva hija maqtugħa mill-għonq permezz ta’ ċirku u ż-żewġ disinni huma kkaratterizzati mis-simmetrija kbira tagħhom u juru, it-tnejn li huma, rappreżentazzjoni stilizzata tar-ras taċ-ċerva, bit-trade marks mitluba kemmxejn iżjed astratti. Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Bord ta’ l-Appell, iċ-ċrieki li fihom jinsabu ż-żewġt irjus taċ-ċerva mhumiex sempliċi aċċessorju dekorattiv iżda jagħlqu ż-żewġ xbihat u jagħtuhom il-forma tagħhom. Dan l-element isaħħaħ ix-xebh bejn l-impressjonijiet ġenerali tas-sinjali kunfliġġenti. Min-naħa l-oħra, il-bordura rettangolari li tinsab fi tnejn mit-trade marks mitluba (Kawżi T-81/03 u T-103/03) hija sempliċement aċċessorju dekorattiv li ma jiġix ipperċepit mill-pubbliku kkonċernat.

41      Huwa barra minn hekk notevoli li r-ras ta’ ċerva li tinsab fit-trade marks mitluba tidher bħala xbieha kemmxejn simili għar-ras ta’ ċerva li tinsab fit-trade marks preċedenti. Fil-fatt, li kieku wieħed kellu jkabbar ix-xbieha tar-ras ta’ ċerva li tinsab fit-trade mark preċedenti, billi “jiżżumja” r-ras taċ-ċerva, il-qrun taċ-ċerva jisparixxu wkoll wara ċ-ċirku. Dan l-effett ikabbar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kunfliġġenti, minħabba x-xbieha imperfetta ta’ l-imsemmija sinjali li l-pubbliku kkonċernat ikollu fil-memorja tiegħu.

42      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li n-nuqqas, fit-trade marks mitluba, tas-salib imdawwar b’raġġiera ma jistax iwassal għal distinzjoni suffiċjenti tas-sinjali. Minn naħa, ix-xbieha ta’ raġġiera tinsab fit-trade marks mitluba, b'mod iżjed partikolari fiċ-ċirku li huwa parti mill-element figurattiv ta’ dawn it-trade marks. Min-naħa l-oħra, it-trade marks mitluba jistgħu jiġu pperċepiti bħala verżjoni moderna tat-trade mark preċedenti. Il-Bord ta’ l-Appell żbaljatament ċaħad dan l-aħħar argument, minħabba li d-differenzi bejn is-sinjali huma wisq evidenti. Skond ir-rikorrenti, fid-dawl ta' l-elementi li hija esponiet, dawn id-differenzi għandhom biss ftit rilevanza meta mqaablin max-xebh bejn is-sinjali. Barra minn hekk, it-trade marks l-antiki ta’ l-intervenjenti juru li hija stess immodernizzat is-sinjal tagħha.

43      Barra minn dan, din il-kawża tiddistingwi ruħha minn dik li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL (C-251/95, Ġabra p. I-6191). L-ewwel nett, f’din l-aħħar kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha twieġeb domanda preliminari u ma kellhiex tiddeċiedi dwar il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kkontestati. It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ bil-kelma “sabèl” f’dik il-kawża, f’dan il-każ, il-kelma “venado” tinftiehem fid-dinja Spanjola bħala li tfisser “ċerva” u, konsegwentement, m’għandhiex tifsira awtonoma fil-kuntest ta’ paragun bejn it-trade marks in kwistjoni, peress li hija deskrittiva tax-xbieha li tinsab fit-trade marks mitluba. It-tielet nett, il-kelma “sabèl” hija integrata fl-element figurattiv tat-trade mark, filwaqt li l-kelma “venado” tidher separatament mill-element figurattiv fit-trade marks mitluba. Ir-raba’ nett u fuq kollox, ix-xebh bejn it-trade marks f'dan il-każ mhuwiex limitat għax-xebh tax-xbihat in kwistjoni, iżda jeżisti xebh qawwi ħafna fil-mod ta’ kif dawn ix-xbihat huma rrappreżentati.

44      Barra minn hekk, il-fatt li tliet diviżjonijiet ta’oppożizzjoni differenti ta’ l-UASI, komposti b’mod differenti, waslu, indipendentement minn xulxin, għall-konklużjoni li jeżisti xebh bejn it-trade marks mitluba u t-trade mark preċedenti, juri li l-aħjar argumenti jsostnu l-eżistenza ta' probabbiltà ta’ konfużjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni Nru 3006/2000 tat-tielet Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, tat-12 ta’ Diċembru 2002, waslet għal konklużjoni simili.

45      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li, fid-dawl tax-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti, mhuwiex meħtieġ li jiġi pprovat karattru distint miżjud tat-trade mark preċedenti.

46      F’kull każ, ir-rikorrenti tosserva li għalkemm huwa minnu li, fil-Kawżi T-81/03 u T-82/03, hija ma ppreżentatx, fit-termini stipulati, is-sinjal figurattiv li kien il-bażi tat-tieni stħarriġ ta’ opinjoni magħmul fl-1999, hija kienet madankollu ddeskrivietu, fl-osservazzjonijiet tagħha tas-27 ta’ Settembru 2000 quddiem id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni, b’mod li ma teżisti l-ebda ambigwità fuq din il-kwistjoni bejn il-partijiet. Barra minn hekk, l-intervenjenti fehmet perfettament il-kontenut u l-bażi ta’ dan l-istħarriġ u ma kkontestatx ir-riżultat tiegħu, peress li sempliċement invokat il-fatt li dan kien limitat għall-Ġermanja. Fil-Kawża T-103/03, li fil-kuntest tagħha s-sinjal li kien is-suġġett ta’ l-istħarriġ ġie ppreżentat fit-termini stipulati, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord ta’ Appell għamel applikazzjoni ħażina tad-dritt billi rrifjuta li jieħu in kunsiderazzjoni r-riżultat ta’ l-imsemmi stħarriġ minħabba li ma kienx jitratta l-kwistjoni tar-reazzjoni tal-pubbliku għal sinjal bl-element verbali “venado especial”. Ir-rikorrenti tosserva, fl-aħħar nett, li s-sinjal li kien il-bażi ta’ l-istħarriġ, li jikkonsisti f’ras ta’ ċerva mingħajr salib, huwa rreġistrat favur tagħha bħala trade mark nazzjonali fil-Ġermanja kif ukoll bħala trade mark internazzjonali.

47      L-UASI jqis li, f’dawn il-kawżi, huma d-deċiżjonijiet mogħtija mid-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni, kif ukoll id-deċiżjoni mogħtija mit-tielet Bord ta’ l-Appell fil-Każ R 213/2001-3, li interpretaw korrettement il-kriterji ġurisprudenzjali applikabbli sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks figurattivi kontenzjużi.

48      L-UASI jsostni, fl-ewwel lok, li l-pubbliku rilevanti f’dan il-każ huwa l-konsumatur Komunitarju, fid-dawl tal-fatt li t-trade mark preċedenti hija reġistrazzjoni Komunitarja. Madankollu, skond il-ġurisprudenza, huwa biżżejjed li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’parti tal-Komunità sabiex l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiġi rrifjutata, minħabba l-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja. Għaldaqstant, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fit-territorju Spanjol hija biżżejjed sabiex jiġu miċħuda, fit-totalità tagħhom, l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kkontestati.

49      Fit-tieni lok, l-UASI jqabbel il-prodotti li għalihom jirreferu t-trade marks kunfliġġenti u jsegwi l-pożizzjoni adottata mir-rikorrenti fil-proċedura quddiem l-UASI, li d-differenzi ta’ applikazzjoni esponuti mill-intervenjenti ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni, peress li l-prodotti li għalihom jirreferu t-trade marks mitluba u li jinsabu fil-klassi 33, jiġifieri, “rum, likuri tar-rum u brandi”, huma inklużi fl-espressjoni iżjed ġenerika “xorb alkoħoliku”, li fir-rigward tagħhom hija rreġistrata t-trade mark preċedenti. Bl-istess mod, “ilma minerali u effervexxenti u xarbiet oħra mhux alkoħoliċi; xarbiet u meraq tal-frott” li għalihom jirreferu t-trade marks mitluba u li jinsabu fil-klassi 32, jistgħu jiġu inklużi fil-kategorija iżjed ġenerali koperta mit-trade mark preċedenti “xarbiet mhux alkoħoliċi”. Konsegwentement, dan il-każ qiegħed jitratta prodotti identiċi.

50      Fir-rigward ta’ “xropp u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet”, li għalihom jirreferu t-trade marks mitluba u li jinsabu fil-klassi 32, dawn għandhom livell għoli ħafna ta’ xebh max-xarbiet mhux alkoħoliċi koperti mit-trade mark preċedenti, peress li ż-żewġ kategoriji ta’ prodotti għandhom l-istess użu u jinsabu f’kompetizzjoni diretta fis-suq. F’dan ir-rigward, l-UASI josserva li l-produtturi ta’ xarbiet mhux alkoħoliċi jistgħu jbiegħu l-prodotti tagħhom taħt żewġ forom, jew bħala prodotti finali lesti għall-konsum, jew bħala trab jew fi stat likwidu (xropp u preparazzjonijiet biex tagħmel xarbiet) li magħhom irid jiġi miżjud l-ilma, effervexxenti jew le. F’dan il-każ ta' l-aħħar, il-prodott li jirriżulta jkun xarba mhux alkoħolika li, fil-parti l-kbira tal-każijiet, ma jkollha l-ebda differenza mill-prodott li jkun lest għall-konsum.

51      L-UASI jikkonkludi li l-Bord ta’ l-Appell ġustament qies li teżisti identiċità bejn ċerti prodotti kontenzjużi u jżid li l-prodotti l-oħra, li ma ġewx ikkunsidrati bħala identiċi mill-Bord ta’ l-Appell, għandhom grad għoli ta’ xebh. Huwa jikkonstata wkoll li l-prodotti kontenzjużi huma prodotti ta’ konsumazzjoni komuni.

52      Fit-tielet lok, f’dak li jikkonċerna l-paragun tas-sinjali kunfliġġenti, l-UASI josserva li, mill-aspett viżiv, kemm it-trade mark preċedenti kif ukoll it-trade marks mitluba għandhom elementi figurattivi li jikkonsistu, essenzjalment, fir-rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ċerva li tħares ’il quddiem u li tinsab f’ċirku. Dawn huma differenti minħabba l-istil tar-rappreżentazzjoni, il-porzjoni tar-ras li tidher, il-preżenza fit-trade mark preċedenti ta’ salib imdawwar b’raġġiera, li jinsab bejn il-qrun, l-inklużjoni, fit-trade marks mitluba, ta’ element verbali, jiġifieri “venado” jew “venado especial” u, fit-trade marks mitluba fil-Kawżi T-81/03 u T-103/03, il-bordura rettangolari li fiha jinsabu t-trade marks mitluba.

53      L-UASI jikkunsidra li, minkejja l-preżenza ta’ l-element verbali “venado” jew “venado especial” fit-trade marks mitluba, mill-aspett viżiv, l-element figurattiv tagħhom jiġi pperċepit bħala dominanti, minħabba l-pożizzjoni tiegħu, id-dehra wisq partikolari tiegħu u d-daqs tiegħu. Barra minn hekk, li t-trade mark tiddaħħal f’rettangolu qisha tikketta, kif sar fir-rigward tat-trade marks mitluba li huma s-suġġett tal-Kawżi T-81/03 u T-103/03, hija prattika normali fis-settur tax-xarbiet. Fir-rigward tat-trade mark preċedenti, l-UASI huwa ta’ l-opinjoni li s-salib imdawwar b’raġġiera, minkejja li huwa viżibbli b'mod ċar, ma jokkupax pożizzjoni dominanti meta mqabbel mar-rappreżentazzjoni tar-ras ta’ l-annimal.

54      Mill-aspett fonetiku, l-UASI jikkonstata li t-trade marks preċedenti huma esklużivament figurattivi. Konsegwentement, l-eventwali evokazzjoni orali tagħhom issir permezz tad-deskrizzjoni tad-disinn lill-interlokutur b’mod li dan l-aħħar ikun jista' jidentifika s-sinjal ikkonċernat. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jeskludi li l-pubbliku Spanjol ikun qiegħed jalludi għal dan is-sinjali meta jirreferi għall-annimal impinġi, jiġifieri “venado” (ċerva). It-trade marks mitluba, min-naħa tagħhom, jiġu evokati oralment permezz tal-kliem li jinkludu, jiġifieri “venado” u “venado especial”.

55      Mill-aspett kunċettwali, l-UASI josserva li l-kelma “venado” hija kkunsidrata mill-konsumatur Spanjol bħala d-definizzjoni ta’ annimal li l-karatteristiċi tiegħu jikkorrispondu għal dak irrappreżentat fl-element figurattiv. Fl-impressjoni globali tat-trade marks mitluba, din il-kelma ma tiġix ipperċepita, mill-pubbliku Spanjol, bħala element awtonomu, iżda tiġi kkunsidrata bħala marbuta b’mod ċar ma’ l-element figurattiv li, min-naħa tiegħu, jilgħab rwol importanti, peress li l-uniku element verbali tat-trade marks mitluba jiddefinixxi l-annimal irrappreżentat. Minn dan isegwi li l-element figurattiv tat-trade marks mitluba għandu importanza deċiżiva fil-perċezzjoni li l-konsumatur Spanjol ikollu ta' dawn it-trade marks.

56      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-UASI jqis li, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni f’dan il-każ, għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni l-elementi li ġejjin: l-ewwel nett, l-element figurattiv tat-trade marks mitluba, li jiġi pperċepit bħala element li jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur, peress li s-salib imdawwar b’raġġiera tat-trade mark preċedenti mhuwiex element dominanti fl-impressjoni globali li tagħti din it-trade mark; it-tieni nett, l-element verbali “venado” jew “venado especial” tat-trade marks mitluba, li jiġi pperċepit mill-pubbliku Spanjol bħala intimament marbut ma’ l-element figurattiv ta’ dawn it-trade marks, peress li jirrigwarda kelma li biha l-annimal irrappreżentat jista jiġi identifikat; it-tielet nett, il-fatt li s-sinjali kontenzjużi għandhom in komuni, bħala element li jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur, l-idea li jagħtu l-elementi figurattiv tagħhom, jiġifieri ras ta’ ċerva li tħares ’il quddiem u li tinsab ġewwa ċirku, li fiha nnifisha għandha karattru distintiv normali; ir-raba’ nett, il-fatt li l-prodotti kontenzjużi huma identiċi jew simili ħafna u li, barra minn hekk, fir-rigward ta' prodotti ta’ konsum komuni, il-konsumatur medju ma jagħtihomx attenzjoni partikolari fil-mument tax-xiri.

57      Bħala konklużjoni, l-UASI jikkunsidra, bħad-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni u kuntrarjament għall-evalwazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Appell fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li, fil-każ fejn il-pubbliku kkonċernat ma jagħtix tifsira partikolari lill-kelma “venado”, f’dak li jikkonċerna l-element figurattiv tat-trade marks mitluba, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kontenzjużi peress li l-elementi li jikkostitwixxu t-trade marks mitluba huma marbuta b'mod ċar mill-aspett kunċettwali.

58      Huwa biss sussidjarjament li l-UASI qiegħed jitlob għaċ-ċaħda tar-rikors fil-każ li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonferma r-raġunament tal-Bord ta’ l-Appell dwar in-nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali kontenzjużi.

59      Finalment, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni taż-żewġ stħarriġiet ta’ opinjoni ppreżentati mir-rikorrenti sabiex tipprova l-popolarità tat-trade marks preċedenti fil-Ġerrmanja, l-UASI jsegwi, fil-Kawżi T-81/03 u T-82/03, il-pożizzjoni adottata mill-Bord ta’ l-Appell u d-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni, li kkunsidraw li l-ewwel dokument ma kienx rilevanti u t-tieni ma kienx validu minħabba li ma ġiex ippreżentat fit-terminu stipulat. Min-naħa l-oħra, fil-Kawża T-103/03, l-UASI jikkunsidra li l-istħarriġ magħmul fil-Ġermanja fl-1999 (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), peress li ġie ppreżentat, fl-intier tiegħu, fit-terminu stipulat, għandu jittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza fil-każ li jiġi konkluż li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fit-territorju Spanjol.

60      L-intervenjenti tiċħad, fl-ewwel lok, l-opinjoni tar-rikorrenti li peress li t-trade marks preċedenti huma purament figurattivi, il-paragun għandu jsir billi ma jiġix ikkunsidrat l-element verbali tat-trade marks mitluba. Skond l-intervenjenti, metodu bħal dan, li jinjora kompletament l-elementi verbali, ma jinvolvix paragun globali tat-trade marks, kif mitlub mill-ġurisprudenza, billi jikkunsidra l-elementi distintivi u dominanti tagħhom.

61      L-intervenjenti ma tikkunsidrax li l-Bord ta’ Appell ta importanza eċċessiva lill-kliem “venado” jew “venado especial”. Minn naħa, dawn l-elementi, li jokkupaw terz tat-trade marks mitluba u jidhru miktubin f’ittri kapitali, b’tipa ħoxna u, fir-rigward tat-trade marks mitluba li huma s-suġġett tal-Kawżi T-81/03 u T-103/03, ta’ kulur aħmar, huma għalhekk mogħtija aktar enfasi, b'tali mod li jattiraw l-attenzjoni tal-konsumatur b’mod determinanti. Min-naħa l-oħra, il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti jiddgħajjef minħabba l-eżistenza ta’ diversi trade marks li jinkludu rappreżentazzjonijiet ta’ rjus jew ta’ iġsma ta’ ċriev, użati għal xarbiet. Ix-xbieha taċ-ċerva, għaldaqstant, għandha tiġi kkunsidrata bħala element ta’ użu attwali, b'tali mod li ma tistax tiġi mmonopolizzata minn impriża waħda li, b’dan il-mod, tingħata privileġġ mhux normali. Għal dawn ir-raġunijiet, billi din ix-xbieha għandha importanza mnaqqsa għall-finijiet tal-paragun, hija ma tistax tiġi kkunsidrata bħala element dominanti tat-trade marks mitluba.

62      L-intervenjenti tiċħad ukoll l-eżistenza ta’ identiċità fonetika tat-trade marks kunfliġġenti. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-konsumatur medju juża dejjem il-kliem “venado” jew “venado especial” sabiex jistaqsi għall-prodotti tagħha, indipendentement mix-xbihat li jinsabu fuq il-fliexken. Fir-rigward tal-prodotti tar-rikorrenti, l-intervenjenti tikkunsidra li l-konsumatur Ġermaniż dejjem jistaqsi għalihom billi juża l-isem “Mast-Jägermeister”, fid-dawl tal-popolarità tat-trade mark tar-rikorrenti li tinkludi ras ta’ ċerva, kif huwa pprovat mill-istħarriġ ippreżentat mir-rikorrenti quddiem l-UASI. L-intervenjenti tinjora kif il-konsumaturi Spanjoli jirreferu għat-trade mark tar-rikorrenti iżda tikkunsidra li, probabbilment, huma wkoll jużaw l-isem “Mast-Jägermeister” jew, jekk jirreferu għaliha permezz tad-disinn, huma jużaw l-espressjoni “cabeza de ciervo”, peress li l-kelma “ciervo”, fil-lingwa Spanjola, hija iżjed komuni minn “venado”.

63      Fir-rigward ta' pajjiżi oħra minbarra Spanja, l-intervenjenti tikkunsidra li l-kliem “venado” jew “venado especial” ma jinftiehmux mill-konsumatur medju u ma jiġux assoċjati max-xbieha ta’ ċerva. Konsegwentement, it-trade marks mitluba jiġu kkunsidrati, f’dawn il-pajjiżi, bħala ta’ fantażija. Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li kienet irreġistrat ma’ l-UASI t-trade mark verbali VENADO, mingħajr ma r-rikorrenti għamlet oppożizzjoni għaliha. Din ta’ l-aħħar lanqas ma opponiet għal diversi trade marks verbali u figurattivi li jinkludu l-istess kelma kif ukoll għax-xbieha tar-ras ta’ ċerva, irreġistrati mill-intervenjenti fi Spanja, bħalma kien imissu kien il-każ li kieku l-eventwali probabbiltà ta’ konfużjoni kienet limitata għat-territorju ta’ dan l-Istat.

64      Mill-aspett viżiv, l-intervenjenti tikkunsidra li hemm differenzi indiskutibbli bejn it-trade mark preċedenti u t-trade marks mitluba, li ġew osservati fid-deċiżjonijiet ikkontestati. Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li l-element verbali tat-trade marks mitluba jakkwista importanza għall-finijiet tal-paragun, fid-dawl tal-karattru distintiv limitat tar-rappreżentazzjoni tar-ras ta' ċerva. L-element verbali “venado” jew “venado especial” jingħata importanza permezz ta’ ittri kbar bil-kulur, b'tali mod li jista' jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur, iżjed mid-disinn innifsu.

65      Skond l-intervenjenti, huwa eskluż li l-konsumaturi jikkunsidraw it-trade marks mitluba bħala verżjonijiet moderni tat-trade mark preċedenti, peress li t-trade marks mitluba m’għandhomx is-salib magħruf bħala 'ta’ San Hubert', li r-rikorrenti tikkunsidra bħala element li huwa, b'mod ċar, importanti fit-trade mark preċedenti, iżda jinkludu element ġdid u karatteristiku, jiġifieri l-kliem “venado” jew “venado especial”. L-intervenjenti tirrimarka li, b’mod ġenerali, il-verżjonijiet immodernizzati tat-ttrade marks jinkludu l-iżjed elementi karatteristiċi tagħhom u l-eventwali elementi ġodda li jiġu introdotti ma jkunux, ġeneralment, partikolarment distintivi. Finalment, il-fatt, invokat mir-rikorrenti, li l-intervenjenti stess immodernizzat it-trade marks tagħha, huwa nieqes minn kull rilevanza għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti.

66      Mill-aspett kunċettwali, l-intervenjenti taqsam l-opinjoni tal-Bord ta’ l-Appell li ma teżistix identiċità kunċettwali, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li t-trade mark preċedenti għandha element addizzjonali, jiġifieri s-salib ta’ San Hubert, filwaqt li t-trade marks mitluba jinkludu, min-naħa l-oħra, il-kliem “venado” jew “venado especial”.

67      L-intervenjenti tosserva li, minkejja li jeżisti ċertu xebh kunċettwali bejn it-trade marks kunfliġġenti, mis-sentenza SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan ix-xebh jista' joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni biss jekk it-trade mark ikkontestata jkollha karattru distintiv partikolari, jew intrinsikament jew minħabba l-popolarità li tgawdi mal-pubbliku. Issa, it-trade mark preċedenti m’għandhiex tali karattru bħal dan. Minn naħa, il-karattru distintiv intrinsiku tagħha huwa limitat minħabba l-eżistenza ta’ trade marks oħra, li jikkonċernaw l-istess prodotti u li jinkludu rappreżentazzjonijiet ta’ annimali bil-qrun jew ċriev, kif ipprovat l-intervenjenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell mingħajr ma tressqet kontradizzjoni mir-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, il-popolarità tat-trade mark preċedenti ma’ ġietx ipprovata, peress li s-stħarriġiet ta’ opinjoni ppreżentati mir-rikorrenti ġew irrifjutati.

68      F’kull każ, l-intervenjenti tfakkar li l-istħarriġ magħmul fl-1999 kien ibbażat fuq ir-rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ċerva mingħajr is-salib, u mhux fuq it-trade mark preċedenti. Mhuwiex rilevanti li l-imsemmija rappreżentazzjoni ġiet ukoll irreġistrata bħala trade mark f’isem ir-rikorrenti, minħabba li din it-trade mark, li ma ġietx użata sabiex jiġu mfassla l-oppożizzjonijiet tar-rikorrenti u li ma ġietx invokata quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ma tistax, skond il-ġurisprudenza, tiġi invokata għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.

69      L-intervenjenti tikkonkludi li l-Bord ta’ l-Appell ġustament iddeċida li, fid-dawl tad-differenzi li jeżistu bejn it-trade marks kontenzjużi u tan-nuqqas ta’ karattru distintiv partikolari tat-trade marks preċedenti, ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/934, f’dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

70      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, meta ssir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa “jekk minħabba identiċità jew xebh bejn iż-żewġ trade marks u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta; il-probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.

71      Skond ġurisprudenza stabbilita, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni jkunu ġejjin mill-istess impriża jew, skond il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs L-UASI – Petit Liberto (Fifties), T-104/01, Ġabra p. II-4359, punt 25; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 1998, Canon, C-39/97, Ġabra p. I-5507, punt 29, u tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 17].

72      Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku għandha tiġi evalwata globalment billi jiġu kkunsidrati l-fatturi rilevanti kollha tal-każ in kwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, punt 22; Canon, iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 16, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 18; u Fifties, iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 26).

73      Għal dak li jikkonċerna x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali bejn it- trade marks in kwistjoni, din l-evalwazzjoni globali għandha tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade marks, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi eskluż li x-xebh kunċettwali li jirriżulta mill-fatt li ż-żewġ trade marks jużaw xbihat li jaqblu fil-kontenut semantiku tagħhom jista’ joħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’każ fejn it-trade mark preċedenti għandha karattru distintiv partikolari, jew intrinsikament, jew permezz tal-popolarità li hija tgawdi fost il-pubbliku (ara, b’analoġija, is-sentenza SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, punti 23 u 24).

74      Barra minn hekk, din l-evalwazzjoni globali timplika ċerta interdipendenza bejn il-fatturi meħuda in kunsiderazzjoni, u, b’mod partikolari, bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Għaldaqstant, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jista’ jiġi kkumpensat minn livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks, u vice versa (ara, b’analoġija, is-sentenzi Canon, iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 17; Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 19, u 'Fifties', iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 27).

75      Għandu jiġi osservat ukoll li l-perċezzjoni tat-trade marks li għandu l-konsumatur medju tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni għandha rwol determinanti fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni. Normalment, il-konsumatur medju jipperċepixxi trade mark bħala xi ħaġa sħiha u ma jwettaqx eżami tad-diversi dettalji tagħha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza 'Fifties', iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 28, u tat-3 ta’ Marzu 2004, Mülhens vs L-UASI – Zirh International (ZIRH), T-355/02, Ġabra p. II-791, punt 41; ara, b’analoġija, is-sentenzi SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, punt 23, u Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 25]. Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni globali, il-konsumatur medju tal-prodotti kkonċernati huwa meqjus li huwa normalment informat u raġonevolment attent u prudenti. Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li huwa biss rarament li l-konsumatur medju jkollu l-possibbiltà li jwettaq paragun dirett bejn id-diversi trade marks iżda jkollu jafda fix-xbieha imperfetta tagħhom li jkun żamm fil-memorja tiegħu. Għandu jittieħed in kunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju jista’ jvarja skond il-kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi in kwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi Lloyd Schuhfabrik Meyer, iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 26, u 'Fifties', iċċitata f'punt 71 iktar ’il fuq, punt 28).

76      Barra minn hekk, mill-karattru unitarju tat-trade mark Komunitarja, stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 40/94, jirriżulta li trade mark Komunitarja preċedenti hija protetta bl-istess mod fl-Istati Membri kollha. It-trade marks Komunitarji preċedenti jistgħu, għaldaqstant, jiġu eċċepiti b’oppożizzjoni għal kull applikazzjoni għal trade mark sussegwenti li tippreġudika l-protezzjoni tagħhom, anki jekk tagħmel dan biss fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumaturi ta’ parti mit-territorju Komunitarju. Minn dan isegwi li l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 40/94, li jgħid li huwa biżżejjed, sabiex tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark, li raġuni assoluta għal rifjut teżisti biss f’parti mill-Komunità, japplika, b’analoġija, anki fil-każ ta’ raġuni relattiva għal rifjut fis-sens ta’ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T-6/01, Ġabra p. II-4335, punt 59; 'ZIRH', iċċitata f'punt 75 iktar ’il fuq, punti 35 u 36; tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs L-UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection), T-117/03 sa T-119/03 u T-171/03, Ġabra p. II-3471, punt 34, u ta’ l-1 ta’ Marzu 2005, Fusco vs L-UASI – Fusco International (ENZO FUSCO), T-185/03, Ġabra p. II-715, punt 33].

77      Fl-aħħar nett, għandu jiġi mfakkar li l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mill-Qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ eventwali prattika deċiżjonali preċedenti ta’ l-UASI [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2002, Sykes Enterprises vs L-UASI (REAL PEOPLE, REAL SOLUTIONS), T-130/01, Ġabra p. II-5179, punt 31; tat-3 ta’ Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T-129/01, Ġabra p. II-2251, punt 61, u tas-6 ta’ Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs L-UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T-117/02, Ġabra p. II-2073, punt 57].

78      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jsir paragun, min-naħa, bejn il-prodotti kkonċernati, u, min-naħa l-oħra, bejn is-sinjali kunfliġġenti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni u tal-Bord ta’ l-Appell, invokati mir-rikorrenti u mill-UASI (ara, rispettivament, il-punti 45 u 47 iktar ’il fuq) u li jikkonċernaw il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn trade marks oħra mitluba mill-intervenjenti u t-trade mark preċedenti, mhumiex rilevanti għal din l-analiżi, minħabba li dawn jipprovaw, l-iżjed, ċerta prattika deċiżjonali ta’ l-UASI li, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti, ma titteħidx in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza,.

 Fuq it-trade marks preċedenti fil-Kawża T-103/03

79      In sostenn ta' l-oppożizzjoni tagħha li hija s-suġġett tal-Kawża T-103/03, ir-rikorrenti invokat iż-żewġ trade marks Komunitarji tagħha msemmija, rispettivament, fil-punti 5 u 9 iktar ’il fuq. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li t-tieni trade mark preċedenti tixbah tikketta li, bħala element prinċipali, għandha l-istess rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ċerva bħal dik li tidher fit-trade mark preċedenti. Magħha huma miżjuda elementi oħra, b’mod partikolari l-isem “jägermeister” tal-prodott ikkonċernat, l-isem u l-indirizz tar-rikorrenti kif ukoll istruzzjonijiet, fil-lingwa Ingliża, dwar il-konsum tal-prodott (“serve cold – keep on ice”).

80      F’dawn il-kundizzjonijiet, kemm id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni kif ukoll il-Bord ta’ l-Appell ġustament ikkonċentraw l-analiżi tagħhom fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba f’din il-kawża u t-trade mark preċedenti. Fil-fatt, jekk jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba fl-istess kawża u t-trade mark preċedenti, ma jkunx meħtieġ li tittieħed in kunsiderazzjoni t-tieni trade mark preċedenti. Bl-istess mod, jekk jiġi konkluż li ma teżistix probabbiltà bħal din, din il-konklużjoni tkun a fortiori valida għat-tieni trade mark preċedenti, li għandha, minbarra x-xbieha tar-ras ta' ċerva li tinsab ukoll fit-trade mark preċedenti, l-elementi addizzjonali msemmija fil-punt preċedenti li jiddistingwuha mit-trade mark mitluba f’din il-kawża. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti stess ibbażat l-analiżi tagħha, fir-rikors tagħha fil-Kawża T-103/03, fuq ix-xebh bejn it-trade mark mitluba u t-trade mark preċedenti.

81      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkonċentra l-analiżi tagħha, anki f’dak li jikkonċerna s-sinjali kunfliġġenti fil-Kawża T-103/03, fuq il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade mark mitluba f’din il-kawża u t-trade mark preċedenti.

 Fuq il-pubbliku rilevanti

82      Għandu jiġi osservat li t-trade marks mitluba jirreferu għal xorb, kemm jekk alkoħoliku u kemm jekk le. Prodotti bħal dawn jinsabu wkoll fost il-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Peress li x-xorb, kemm jekk alkoħoliku u kemm jekk le, huwa prodott ta’ konsum ta' kuljum, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġustament ikkunsidraw li l-pubbliku rilevanti kien ikkostitwit mill-pubbliku in ġenerali, jiġifieri l-konsumatur medju.

83      Barra minn hekk, peress li t-trade mark preċedenti hija trade mark Komunitarja, it-territorju rilevanti għall-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni huwa t-territorju kollu ta’ l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, huwa stabbilit li l-kliem “venado” u “venado especial”, li jagħmlu parti mit-trade marks mitluba, huma kliem Spanjoli, li t-tifsira tagħhom tinftiehem biss mill-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade mark preċedenti fi Spanja għandha importanza partikolari għal-dawn il-kawżi. Fil-fatt, jekk jiġi stabbilit li ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade mark preċedenti fi Spanja, din il-konklużjoni tkun a fortiori valida għall-konsumatur medju ta’ l-Istati Membri l-oħra, li ma jifhimx it-tifsira ta’ l-elementi verbali msemmija tat-trade marks mitluba. Min-naħa l-oħra, skond il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 76 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fi Spanja hija raġuni suffiċjenti sabiex jiġu miċħuda l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni kkonċernati, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat jekk probabbiltà bħal din teżistix ukoll fil-bqija ta’ l-Unjoni Ewropea.

84      Minn dan isegwi li l-analiżi tal-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tibda bl-eżami tal-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti mill-pubbliku Spanjol.

 Fuq il-paragun tal-prodotti

85      Il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra, mingħajr ma ġie kkontestat mill-partijiet, li ċerti prodotti li jaqgħu taħt it-trade marks kunfliġġenti huma identiċi. Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ “ilma minerali u effervexxenti u xorb ieħor mhux alkoħoliku; xarbiet tal-frott u meraq tal-frott”, li jaqgħu fil-klassi 32 u li huma koperti mit-trade marks mitluba, li huma xarbiet non-alkoħoliċi u, għaldaqstant, identiċi għax-“xarbiet non-alkoħoliċi”, ta’ l-istess klassi, koperti mit-trade mark preċedenti. Bl-istess mod, ir-“rum, likuri tar-rum u brandi”, li jaqgħu fil-klasi 33 u li huma koperti mit-trade marks mitluba, huma identiċi għal “xorb alkoħoliku”, ta’ l-istess klassi, koperti mit-trade mark preċedenti (deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T-81/03 u T-103/03, punt 23; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-82/03, punt 20).

86      Il-Bord ta’ l-Appell ma ppronunzjax ruħu espressament fuq il-paragun tal-prodotti l-oħra koperti mit-trade marks mitluba li jaqgħu fil-klassi 32, jiġifieri x-“xropp u preparazzjonijiet oħra biex tagħmel xarbiet” mal-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti. Il-Bord ta’ l-Appell, madankollu, ma kkontestatx l-evalwazzjoni tad-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni li l-imsemmija prodotti koperti mit-trade marks mitluba u x-xarbiet non-alkoħoliċi, li jaqgħu fl-istess klassi 32 u li huma koperti mit-trade mark preċedenti, huma simili. Ir-rikorrenti u l-UASI jaqblu fuq il-fatt li dawn il-prodotti huma simili ħafna, filwaqt li l-intervenjenti ma esprimietx ruħha fuq din il-kwistjoni fir-risposta tagħha. Madankollu, hija ammettiet, fis-seduta, li l-imsemmija prodotti huma simili. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-prodotti in kwistjoni għandhom livell għoli ta’ xebh, minħabba li, kif josserva ġustament l-UASI, mal-prodotti koperti mit-trade marks mitluba, huwa biss meħtieġ li jiġi miżjud ilma, effervexxenti jew le, sabiex dawn isiru xarbiet non-alkoħoliċi lesti għall-konsum, li jfisser li l-imsemmija prodotti għandhom ukoll użu identiku u jinsabu f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni diretta fis-suq.

87      Għandu għaldaqstant jiġi konkluż li l-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti huma, fil-parti l-kbira, identiċi u, mill-bqija, simili ħafna.

 Fuq il-paragun tas-sinjali

88      Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda li ma kinitx teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade mark preċedenti fi kwalunkwe parti tal-Komunità, u dan minkejja l-identiċità ta’ ċerti prodotti koperti mit-trade marks ikkonċernati u l-eżistenza ta’ “xebh evidenti” bejniethom. Din il-konklużjoni hija bbażata fuq ċerti differenzi “manifesti u kunsiderevoli” bejn is-sinjali figurattiv kunfliġġenti, bħan-nuqqas, fit-trade marks mitluba, tas-salib ta’ San Hubert imdawwar b’raġġiera li jikkompeti mar-ras taċ-ċerva stess u li jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur, id-differenzi fir-rappreżentazzjoni ta’ l-irjus taċ-ċriev rispettivi kif ukoll il-preżenza, fit-trade marks mitluba, ta’ element verbali (“venado” jew “venado especial”) stilizzat u miktub bil-kulur. Fir-rigward ta’ dawn id-differenzi, il-Bord ta’ l-Appell qies li t-trade marks kunfliġġenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala viżivament distinti (deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-81/03, punti 25, 26, 28 u 34; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-82/03, punti 22, 23, 25 u 30; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-103/03, punti 25, 26 u 31).

89      Fonetikament, it-trade marks ikkonċernati huma wkoll distinti, bit-trade marks mitluba biss ikollhom għandhom element verbali. Fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T-81/03 u T-82/03, il-Bord ta’ l-Appell, barra minn hekk, qies li d-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni kienu żbaljaw meta kkunsidraw li l-element verbali tat-trade marks mitluba jiġi assoċjat, fi Spanja, ma’ l-element figurattiv tas-sinjali. F’dan ir-rigward, il-Bord ta’ l-Appell, billi bbaża ruħu fuq argument li r-rikorrenti stess kienet ressqet quddiem id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni, ikkunsidra li kien iżjed probabbli li t-trade mark preċedenti tiġi pperċepita fonetikament bħala li tirreferi għall-kelma u, għaldaqstant, għat-trade mark Jägermeister “milli għal trade mark ‘ċerva’ jew ‘VENADO’.” (deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-81/03, punti 28 u 34; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-82/03, punti 25 u 30; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-103/03, punt 26 u 31).

90      Il-Bord ta’ l-Appell qies ukoll li t-trade marks kunfliġġenti m’għandhomx xebh kunċettwali kbir bejniethom. Fil-fatt, minkejja li l-kunċett li jqarribhom lejn xulxin jista' jiġi deskritt bħala ras ta’ ċerva, il-preżenza ta’ elementi oħra, bħas-salib ta’ San Hubert fit-trade mark preċedenti u l-element verbali “venado” jew “venado especial” fit-trade marks mitluba, tiddistingwihom kunċettwalment (deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-81/03, punt 34; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-82/03, punt 30; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-103/03, punt 31).

91      Minnbarra dawn il-paraguni, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li l-karattru distintiv tal-motiv ta’ ċerva jew ta’ ras ta’ ċerva kien imnaqqas, peress li l-użu frekwenti tiegħu sabiex isiru disinni għal numru ta’ xarbiet, kif jikkonfermaw it-tmien reġistrazzjonijiet Komunitarji invokati mill-intervenjenti u r-riżultat tar-riċerka magħmula mill-istess Bord ta’ l-Appell fir-reġistru tat-trade marks tar-Renju Unit (deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-81/03, punti 27 u 34; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-82/03, punti 24 u 30; deċiżjoni kkontestata fil-Kawża T-103/03, punt 32).

92      F’dak li jikkonċerna l-paragun viżiv, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva li kemm it-trade marks mitluba kif ukoll it-trade mark preċedenti jippreżentaw elementi figurattivi li jikkonsistu, b’mod partikolari, fir-rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ċerva li tħares ’il quddiem u li tinsab f’ċirku. Dan l-element figurattiv komuni jokkupa post dominanti fis-sinjali kunfliġġenti, minħabba l-apparenza prominenti tiegħu u minħabba d-daqs tiegħu. Din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata la mill-istil iżjed astrat u kkulurit ta’ dan l-element figurattiv tat-trade marks mitluba u lanqas mill-bordura ppuntata taċ-ċirku li fiha jinsab l-imsemmi element. L-elementi verbali tat-trade marks mitluba, l-inserzjoni ta’ tnejn minnhom f’bordura rettangolari u s-salib imdawwar b’raġġiera tat-trade mark preċedenti jikkostitwixxu, ċertament, elementi viżibbli li jiddistingwu s-sinjali kunfliġġenti mill-aspett viżiv. Madankollu, dawn mhumiex elementi dominanti, ħlief l-element figurattiv komuni għal dawn is-sinjali, jiġifieri r-rappreżentazzjoni ta’ ras ta’ ċerva li tħares ’il quddiem u li tinsab f’ċirku. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra, kuntrarjament għal dak li qieset il-Bord ta’ l-Appell, li t-trade marks kunfliġġenti għandhom xebh viżiv sinjifikattiv.

93      Hija wkoll żbaljata l-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell li t-trade marks ikkonċernati huma fonetikament distinti anki fir-rigward tal-konsumaturi Spanjoli.

94      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li t-trade mark preċedenti hija purament figurattiva. It-trade marks mitluba għandhom, it-tlieta li huma, il-kelma “venado” li, mingħajr dubju, hija fonetikament assoċjata, mill-konsumatur li jitkellem bl-Ispanjol, mal-parti figurattiva ta’ dawn it-trade marks. Anki mit-tifsira, din il-kelma tista' wkoll tiġi assoċjata, mill-istess konsumatur, mat-trade mark preċedenti jew tista' tintuża sabiex issir referenza għaliha, peress li din ta’ l-aħħar m’għandhiex element verbali. Id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni kkonkludew, essenzjalment għal dawn l-istess motivi, li hemm identiċità jew xebh fonetiku bejn is-sinjali kunfliġġenti fit-territorju ta’ Spanja.

95      Fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord ta’ l-Appell ċaħad din il-konklużjoni billi ħa in kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ element verbali enfatiku fil-każ tat-trade mark preċedenti, liema element huwa preżenti fit-trade marks mitluba (“venado”, “venado especial”). Fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-Kawżi T-81/03 u T-82/03, il-Bord ta’ l-Appell ibbaża ruħu wkoll fuq argument, li r-rikorrenti stess kienet ressqet quddiem id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni, li huwa iżjed probabbli li t-trade mark preċedenti tiġi pperċepita, anki fi Spanja, bħala li tirreferi għat-trade mark Jägermeister milli għal-trade mark “ċerva jew VENADO”.

96      Dawn il-kunsiderazzjonijiet mhumiex fondati. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kelma “jägermeister” ma tidhirx fit-trade mark preċedenti, iżda biss fit-tieni trade mark preċedenti, li ma ġietx invokata mir-rikorrenti sabiex issostni l-oppożizzjonijiet tagħha li huma s-suġġett tal-Kawżi T-81/03 u T-82/03. F’dawn il-kundizzjonijiet, ma teżisti l-ebda raġuni valida għalxiex l-konsumatur li jitkellem bl-Ispanjol jista' jassoċja fonetikament it-trade mark preċedenti pjuttost mal-kelma “jägermeister” milli mal-kliem “ċerva” jew “venado”, li jikkorrispondu ma’ l-element figurattiv dominanti tat-trade mark preċedenti. Ma jistax ikun eventwalment mod ieħor sakemm ma jiġix stabbilit li t-trade mark preċedenti tibbenefika minn reputazzjoni fit-territorju Spanjol. L-argument tar-rikorrenti quddiem id-diviżjonijiet ta’ oppożizzjoni, invokat mill-Bord ta’ l-Appell, huwa intiż preċiżament sabiex jistabbilixxi reputazzjoni bħal din, b’mod partikolari fil-Ġermanja u f’pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea, inkluża Spanja, u mhux sabiex jistabbilixxi distinzjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti mill-aspett fonetiku, kif sostna, b'mod żbaljat, il-Bord ta’ l-Appell. Għandu għalhekk jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li r-rikorrenti ma ressqet l-ebda element ta’ prova sabiex tistabbilixxi r-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti f’pajjiż ta’ l-Unjoni Ewropea minbarra l-Ġermanja. It-tieni nett, il-Bord ta’ l-Appell ma rrikonoxxiex l-eżistenza ta’ reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fi Spanja. Fl-aħħar nett, sadattant, ir-rikorrenti stess abbandunat dan l-argument, peress li fir-rikorsi tagħha, hija tinvoka biss reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fil-Ġermanja u, fis-seduta, hija kkonfermat li hija ma kienet qed issostni l-ebda reputazzjoni ta’ din it-trade mark fi Spanja.

97      F’kull każ, l-uniku fatt li konsumatur li jitkellem bl-Ispanjol ikun jaf l-isem Jägermeister tal-prodott tar-rikorrenti ma jwaqqfux milli jaħseb f’dan il-prodott meta jkollu l-intenzjoni li jirreferi għal likur “venado” liema kelma l-konsumatur jista' jikkonċepixxi bħala referenza għax-xbieha li tinsab fit-trade mark preċedenti pjuttost milli għall-isem ta’ prodott distint. Dan huwa wisq aktar u aktar validu meta wieħed iqis li l-pronunzja tal-kelma “jägermeister” mhijiex evidenti għal persuna li titkellem bl-Ispanjol, sitwazzjoni li tagħmel iżjed probabbli li, f’dan il-pajjiż, issir riferenza għall-prodott tar-rikorrenti permezz tad-deskrizzjoni tat-trade mark preċedenti.

98      Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati bl-affermazzjoni ta’ l-intervenjenti li l-konsumatur Spanjol, meta jkun qiegħed jirreferi għall-annimal li jinsab fit-trade mark preċedenti, juża pjuttost il-kelma “ciervo”, peress li din il-kelma hija allegatament użata iżjed b'mod popolari, fil-lingwa Spanjola, mill-kelma “venado”. Anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, l-intervenjenti ma tikkontestax il-fatt li l-kelma Spanjola “venado” tiddeskrivi wkoll l-annimal li x-xbieha tiegħu hija rrappreżentata fit-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, din il-kelma tista' wkoll twassal lill-konsumatur ikkonċernat sabiex jaħseb f’din it-trade mark ta' l-aħħar.

99      Iż-żieda ta’ l-aġġettiv “especial” mal-kelma “venado” fit-trade mark mitluba fil-Kawża T-103/03 ma twassalx għal konklużjoni differenti f’din il-kawża ta' l-aħħar. Fil-fatt, huwa stabbilit li l-konsumatur Spanjol jikkunsidra din il-kwalifika bħala element sekondarju u aċċessorju. Minn naħa, din tidher taħt il-kelma “venado” f’kitba iżgħar ħafna. Min-naħa l-oħra, it-tifsira tagħha fil-lingwa Spanjola (spécial) hija tali li l-konsumatur jipperċepixxi l-prodott identifikat bit-trade mark VENADO ESPECIAL bħala varjanti, fin-natura tiegħu u fil-kwalità, tal-prodott tat-trade mark VENADO.

100    Mill-aspett kunċettwali, il-kunċett li huwa l-bażi ta’ l-element figurattiv tat-trade marks mitluba jista' jiġi ddefinit bħala dak ta’ ras ta’ ċerva li tħares 'il quddiem u li jinsab f’ċirku jew f’midalja. L-element verbali ta’ l-imsemmija trade marks ma jbiddel xejn f’dan il-kunċett għall-konsumatur Spanjol, li ma jipperċepixxix il-kelma “venado” jew “venado especial” b’mod awtonomu iżda bħala referenza diretta għall-element figurattiv. L-istess kunċett huwa essenzjalment il-bażi tat-trade mark preċedenti. Għaldaqstant, it-trade marks kunfliġġenti għandhom jiġu kkunsidrati bħala simili mill-aspett kunċettwali.

 Fuq l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni

101    F’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tikkunsidra, kuntrarjament għas-soluzzjoni aċċettata mid-deċiżjonijiet ikkontestati, li, fid-dawl tal-fatt li l-prodotti kkonċernati huma fil-parti l-kbira identiċi u, mill-bqija, simili ħafna, u fid-dawl tax-xebh viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti fir-rigward tal-konsumaturi medji Spanjoli, id-differenzi li jidhru bejniethom mhumiex suffiċjenti sabiex tiġi mwarrba l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti msemmi iktar 'il fuq.

102    B’mod partikolari, id-differenzi viżivi bejn is-sinjali mhumiex biżżejjed, waħedhom, sabiex tiġi evitata kull probabbiltà ta’ konfużjoni fil-moħħ tal-pubbliku rilevanti.

103    Fl-ewwel lok, peress li l-konsumatur medju jkollu biss xbieha imperfetta ta’ trade mark fil-memorja tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat li jista' jiftakar dettalji figurattivi tas-sinjali kkonċernati, bħama huma l-istil ftit jew wisq realistà tar-ras taċ-ċerva, id-daqs tal-qrun taċ-ċerva jew in-natura sempliċi jew ippuntata taċ-ċirku li fih tinsab ir-ras ta’ l-annimal.

104    Il-preżenza ta’ kuluri fit-trade marks mitluba titlef essenzjalment it-tifsira tagħha għall-paragun mat-trade mark preċedenti, minħabba l-fatt li din l-aħħar hija xbieha bajda u sewda. Għaldaqstant, meta jkollu quddiemu t-trade marks mitluba, il-konsumatur medju jista' raġonevolment jaħseb li dawn huma biss il-verżjoni bil-kulur tat-trade mark preċedenti.

105    Is-salib li jidher bejn il-qrun taċ-ċerva fit-trade mark preċedenti, minkejja li huwa viżibbli b'mod ċar, ma jiġix ipperċepit, kif diġà ġie osservat (ara l-punt 92 iktar ’il fuq) bħala l-element dominanti mill-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol.

106    Il-bordura rettangolari tat-trade marks mitluba fil-kawżi T-81/03 u T-103/03 lanqas ma tista' tiġi kkunsidrata bħala element distintiv biżżejjed. Kif ir-rikorrenti u l-UASI ġustament sostnew, din il-bordura hija element sekondarju li tagħti lit-trade marks ikkonċernati d-dehra ta’ tikketta. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li x-xarbiet normalment jinbiegħu fil-fliexken, l-inserzjoni tat-trade mark f’rettangolu bħal tikketta tikkostitwixxi prattika komuni ħafna fis-settur tax-xarbiet.

107    Fl-aħħar nett, kif ġie osservat aktar 'il fuq, l-elementi verbali (“venado”, “venado especial”) li jidhru biss fit-trade marks mitluba jinftiehmu, mill-konsumatur medju li jitkellem bl-Ispanjol, bħala referenza diretta għall-parti figurattiva ta’ dawn it-trade marks. Għaldaqstant, dawn l-elementi waħedhom mhumiex suffiċjenti sabiex jiddistingwu t-trade marks mitluba mit-trade mark preċedenti fi Spanja, peress li l-konsumatur Spanjol se jerġa' jsib, anki fit-trade mark preċedenti, ix-xbieha ta’ l-annimal li huwa jirreferi għalih bħala “venado”.

108    It-tieni nett u fuq kollox, id-differenzi viżivi bejn it-trade marks ikkonċernati huma newtralizzati mill-identiċità tal-parti l-kbira u mix-xebh tal-prodotti l-oħra kkonċernati kif ukoll mix-xebh fonetiku u kunċettwali ta’ l-imsemmija trade marks fir-rigward tal-pubbliku li jitkellem bl-Ispanjol rilevanti.

109    Il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti fi Spanja ma tistax tiġi kkontestata mill-argument ta’ l-intervenjenti (ara l-punt 63 iktar ’il fuq) li hija kienet irreġistrat il-kelma “venado” bħala trade mark verbali Komunitarja mingħajr ma r-rikorrenti għamlet oppożizzjoni. Indipendentement mill-kwistjoni ta’ l-ammissibbiltà ta’ dan l-element fattwali, invokat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, ikun biżżejjed jekk jiġi osservat, minn naħa, li s-sempliċi fatt li r-rikorrenti ma ressqitx oppożizzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark, ma jwaqqafhiex milli tressaq oppożizzjoni kontra r-reġistrazzjoni ta’ trade mark oħra. Min-naħa l-oħra u fuq kollox, peress li x-xebh fonetiku bejn it-trade marks kunfliġġenti kien biss wieħed mill-elementi li kellhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, il-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks mitluba u t-trade mark preċedenti mhijiex eskluża anki jekk wieħed jammetti li ma teżistix probabbiltà bħal din fir-rigward tat-trade mark preċedenti u t-trade mark verbali VENADO, minkejja x-xebh fonetiku tagħhom.

110    L-argument ta’ l-intervenjenti, aċċettat mid-deċiżjonijiet ikkontestati, ibbażat fuq il-karattru distintiv allegatament dgħajjef tax-xbihat ta’ ċerva jew ta’ ras ta’ ċerva, minħabba li xbihat bħal dawn jiġu użati ta’ spiss sabiex jipproteġu x-xarbiet, għandu wkoll jiġi miċħud. Indipendentement mill-kwistjoni ta' jekk it-tmien reġistrazzjonijiet invokati mill-intervenjenti u r-riċerka spontanja magħmula mill-Bord ta’ l-Appell fir-reġistru tat-trade marks tar-Renju Unit humiex suffiċjenti sabiex tintlaħaq konklużjoni bħal din, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, mhuwiex il-kunċett iktar ġenerali ta’ ċerva, jew ta' ras ta' ċerva, li jqarreb it-trade marks kunfliġġenti lejn xulxin, iżda kunċett iżjed speċifiku, li jikkonsisti f'rappreżentazzjoni, taħt forma ta’ midalja, ta’ ras ta’ ċerva li tħares ’il quddiem u li tinsab ġewwa ċirku. Issa, huma biss tlieta mit-tmien reġistrazzjonijiet Komunitarji invokati mill-intervenjenti li jixbħu dan il-kunċett iktar speċifiku. Dawn huma t-trade marks irreġistrati bin-numri 86439, 164392, u 163311, bit-tnejn ta’ l-aħħar ikunu manifestament konnessi, peress li jirreferu t-tnejn li huma għall-istess prodott, jiġifieri l-birra tat-trade mark ANTLER. Barra minn hekk, it-trade mark irreġistrata bin-numru 86439 tidher differenti ħafna mis-sinjali kunfliġġenti in kwistjoni, peress li ċ-ċirku li għandu r-ras ta' ċerva jinsab f’bordura addizzjonali, b’kontorn irregolari u fantasjuż u t-trade mark tinkludi element verbali dominanti, jiġifieri l-kelma “contri”, miktuba b’ittri li proporzjonalment huma ħafna ikbar minn u m’għandhom l-ebda rabta semantika mal-parti figurattiva tat-trade mark. Fir-rigward ta’ dak kollu li jippreċedi u fid-dawl tan-nuqqas ta’ rabta semantika evidenti bejn ċerva jew ras ta’ ċerva u x-xarbiet, kemm jekk alkoħoliċi u kemm jekk le, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li wieħed ma jistax jiċħad il-karattru distintiv, anki jekk żgħir, tal-kunċett ta’ ras ta’ ċerva li tħares 'il-quddiem u li tinsab f’ċirku, sabiex tidentifika xarbiet.

111    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument ta’ l-intervenjenti dwar in-nuqqas ta’ karattru distintiv partikolari tax-xbieha ta’ ras ta’ ċerva, ibbażat fuq is-sentenza SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li s-sempliċi assoċjazzjoni bejn żewġ trade marks li l-pubbliku jista' jagħmel bl-influwenza tax-xebh tal-kontenut semantiku tagħhom ma kinitx suffiċjenti, fiha nfisha, sabiex jiġi konkluż li teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, fir-rigward ta’ żewġ trade marks li waħda minnhom kienet tikkonsisti fl-għaqda ta’ kelma u ta’ xbieha, filwaqt li l-oħra kienet tikkonsisti fi xbieha u ma kellhiex popolarità partikolari fost il-pubbliku (sentenza SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, punti 11 u 25). Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li probabbiltà bħal din tista tiġi aċċettata biss jekk it-trade mark preċedenti jkollha karattru distintiv partikolari, jew intrinsikament, jew permezz tal-popolarità li tgawdi fost il-pubbliku (sentenza SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, punt 24). Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-element verbali li jinsab fit-trade marks mitluba (“venado” u “venado especial”) jikkostitwixxi, għat-territorju Spanjol, referenza diretta għax-xbieha li tinsab fl-imsemmija trade marks, filwaqt li fil-kawża li wasslet għas-sentenza SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, il-kelma “sabel”, li kienet tagħmel parti mit-trade mark mitluba f’din il-kawża, ma kellha l-ebda konnessjoni semantika max-xbieha, li kienet takkumpanjaha, ta’ ċita li qiegħdha taqbeż. Barra minn hekk, fil-kawża li wasslet għas-sentenza SABEL, iċċitata f'punt 43 iktar ’il fuq, ix-xebh semantiku bejn il-partijiet figurattivi taż-żewġ trade marks kunfliġġenti kien limitat għall-fatt li l-annimali li jinsabu f’dawn it-trade marks, rispettivament ċita u puma, it-tnejn jagħmlu parti mill-familja tal-felini u kienu rrappreżentati bħala li qegħdin jaqbżu, poża li hija tipika għal dan it-tip ta’annimal (konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ċenerali Jacobs fil-kawża SABEL, iċċitata f'punt 43 ’il fuq, Ġabra p. I-6193, punti 3, 4 u 13). Min-naħa l-oħra, kif ġie osservat iktar ’il fuq, ix-xebh bejn is-sinjali kunfliġġenti f’dawn il-kawżi huwa sostanzjali u huwa aktar minn sempliċi xebh ta’ elementi meħuda min-natura u, għaldaqstant, ftit immaġinarji. B’mod partikolari, għandu jiġi mfakkar li s-sinjali kunfliġġenti kollha fihom ix-xbieha parzjali ta’ l-istess annimal (ċerva) u li, fil-każijiet kollha, tintwera l-istess parti ta’ dan l-annimal, jiġifieri ir-ras bil-qrun u l-għonq, li tħares 'il quddiem u li tinsab f’ċirku.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-ewwel motiv imqajjem mir-rikorrenti għandu jiġi milqugħ u li, għaldaqstant, hemm lok biex jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra tar-rikorrenti bbażati, rispettivament, fuq l-allegazzjoni li l-pubbliku kkonċernat jikkunsidra t-trade marks mitluba bħala verżjoni iktar moderna tat-trade mark preċedenti kif ukoll fuq l-allegata reputazzjoni ta’din ta’ l-aħħar fil-Ġermanja, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat it-tieni motiv invokat mir-rikorrenti u bbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ispejjeż

113    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Madankollu, fl-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 87(3), il-Qorti tal-Prim'Istanza tista' taqsam l-ispejjeż għal raġunijiet eċċezzjonali.

114    F’dan il-każ, l-intervenjenti tilfet safejn hemm lok biex jiġu annullati d-deċiżjonijiet ikkontestati, skond it-talbiet tar-rikorrenti. Madankolu, din ta’ l-aħħar ma talbitx li l-intervenjenti tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, iżda li l-UASI jiġi ordnat ibati l-imsemmija spejjeż.

115    F’dan ir-rigward, hemm lok biex jiġi osservat li, anki jekk l-UASI sostna l-ewwel talba ppreżentata mir-rikorrenti, huwa għandu jbati l-ispejjeż tiegħu peress li d-deċiżjonijiet ikkontestati ngħataw mill-Bord ta’ l-Appell tiegħu (sentenza BIOMATE, iċċitata f'punt 23 iktar ’il fuq, punt 97).

116    Fir-rigward tat-talba l-ġdida ta’ l-intervenjenti, ippreżentata fis-seduta u intiża sabiex, fil-każ ta’ l-annullament tad-deċiċżjonijiet ikkontestati, l-UASI jiġi ordnat ibati l-ispejjeż ta’ l-intervenjenti, għandu jiġi osservat li, skond il-ġurisprudenza, il-partijiet jistgħu jippreżentaw, waqt is-seduta, talbiet fuq l-ispejjeż, anki jekk huma ma jkunux għamlu hekk qabel [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Marzu 1979, NTN Toyo Bearing et vs Il-Kunsill, 113/77, Ġabra p. 1185, u konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali Warner f'din il-kawża, Ġabra p. 1212, 1274; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Frar 2006, Royal County of Berkshire Polo Club vs L-UASI – Polo/Lauren (ROYAL COUNTY OF BERKSHIRE POLO CLUB), T-214/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 54]. Għaldaqstant din it-talba hija ammissibbli.

117    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis, madankollu, li l-pożizzjoni adottata mill-UASI fil-konfront tad-deċiżjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell tiegħu stess ma tikkostitwix motiv eċċezzjonali, li jista' jiġġustifika l-qsim ta’ l-ispejjeż skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, kif ġie osservat fil-punti 24 sa 29 iktar ’il fuq, l-UASI mhuwiex marbut li jiddefendi sistematikament kull deċiżjoni kkontestata tal-Bordijiet ta’ l-Appell tiegħu u għandu l-possibbiltà li jaqbel ma’ talba tal-parti rikorrenti. Għaldaqstant, pożizzjoni bħal din ta’ l-UASI mhijiex tali li tista' tippreġudika l-aspettattivi leġittimi ta’ l-intervenjenti. Is-sentenza Vedial vs L-UASI, iċċitata f'punt 22 iktar ’il fuq, invokata mir-rikorrenti f’dan ir-rigward, mhijiex rilevanti. Fil-punt 36 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet biss referenza għall-aspettattivi tal-parti li kisbet rimedju quddiem il-Bord ta’ l-Appell li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza hija intiża sabiex teżamina l-legalità tad-deċiżjoni ta’ l-imsemmi Bord, skond l-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94. Dawn l-aspettattivi leġittimi ma nkisrux f’dan il-każ, peress li l-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet eżami bħal dan, indipendentement mill-pożizzjoni adottata mill-UASI. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li l-intervenjenti tiġi ordnata tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Id-deċiżjonijiet ta’ l-Ewwel Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tad-19 ta’ Diċembru 2002 (Każ R 412/2002-1 u Każ R 382/2002-1) u ta’ l-14 ta’ Jannar 2003 (Każ R 407/2002-1) huma annullati.

2)      L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) għandu jbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

Vilaras

Martins Ribeiro

Jürimäe

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-14 ta’ Diċembru 2006.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

       President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.