Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Ottubru 2013 – Ir-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-550/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: I. Chalkias, X. Basakou u A. Vasilopoulou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni finali u definittiva 2013/433/UE, tat-13 ta’ Awwissu 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), notifikata bid-dokument C(2013) 5225 u ppubblikata fil-ĠU L 219 tal-15 ta’ Awwissu 2013, p. 49, għat-taqsima li tikkonċerna r-Repubblika Ellenika; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi ta’ annullament li ġejjin:

Permezz tal-ewwel motiv ta’ annullament, relatat mal-korrezzjoni applikata għall-iskema ta’ appoġġ għall-ipproċessar tal-ħawħ u tal-lanġas, ir-Repubblika Ellenika ssostni li d-deċiżjoni li jiġu applikati, wara iktar minn erba’ snin ta’ nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, korrezzjonijiet fl-2013 għas-snin 2006 u 2007, dwar lakuni fis-sistema ta’ verifika li kienu diġà ġew ikkonstatati fl-2008, tikser il-prinċipju ġenerali taċ-ċertezza legali, tat-terminu raġonevoli u tal-azzjoni fil-ħin tal-Kummissjoni, minħabba li t-tul eċċessiv inġustifikat tat-terminu tal-proċedura wassal sabiex ir-Repubblika Ellenika tkun għal kollox mhux ippreparata fuq il-pjan baġitarju u ppreġudikaha fil-kuntest baġitarju attwali.Permezz tat-tieni motiv ta’ annullament, relatat mal-korrezzjoni applikata għall-iskema ta’ appoġġ għall-ipproċessar tal-ħawħ u tal-lanġas, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, meta waslet għall-konklużjoni li żewġ verifiki prinċipali ma seħħewx u billi pproponiet korrezzjoni b’rata fissa ta’ 10 %, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ fatt u mmotivat id-deċiżjoni tagħha b’mod għal kollox insuffiċjenti u li r-rata ċċitata iktar ’il fuq ma għandha f’ebda każ taqbeż il-5 % applikabbli fil-każijiet li fihom lakuni ġew ikkonstatati fil-verifiki prinċipali.Permezz tat-tielet motiv ta’ annullament, ir-Repubblika Ellenika ssostni li, fir-rigward tal-korrezzjoni fil-qasam tal-POSEI (Programm ta’ għażliet speċifiċi għall-iżolazzjoni u għall-insularità) - gżejjer żgħar tal-

baħar Eġew, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija mingħajr motivazzjoni speċifika li tista’ tiġġustifika l-korrezzjoni applikata.