Language of document : ECLI:EU:T:2024:128

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla)

28 ta’ Frar 2024 (*)

“Varjetajiet ta’ pjanti – Għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti fir-rigward tal-varjetà SK20 – Inammissibbiltà tar-rikors quddiem il-Bord tal-Appell – Assenza ta’ interess ġuridiku – Artikolu 81(1) tar-Regolament (KE) Nru 2100/94”

Fil-Kawża T‑556/22,

House Foods Group, Inc., stabbilita f’Osaka (il-Ġappun), irrappreżentata minn G. Würtenberger, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. García‑Moncó Fuente u O. Lamberti, bħala aġenti,

konvenut,

IL‑QORTI ĠENERALI (It‑Tielet Awla),

komposta minn F. Schalin, President, I. Nõmm u G. Steinfatt (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: A. Juhász‑Tóth, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, House Foods Group, Inc., qiegħda titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO) tal‑1 ta’ Lulju 2022 (Każ A 018/2021) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Fit‑18 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni għal drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetà ta’ pjanti quddiem iċ-CPVO, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas‑27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390).

3        Il-varjetà ta’ pjanti li għaliha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal drittijiet għal protezzjoni Komunitarja hija l-varjetà ta’ basla SK20, tal-ispeċi Allium cepa.

4        Fil-kwestjonarju tekniku mehmuż mal-applikazzjoni għal drittijiet għal protezzjoni Komunitarja tal-varjetà ta’ pjanti inkwistjoni, ir-rikorrenti, bi tweġiba għall-mistoqsija 07.02 “Minbarra l-informazzjoni pprovduta fit-Taqsimiet 5 u 6, jeżistu karatteristiċi addizzjonali oħra li jistgħu jgħinu sabiex tiġi identifikata dik il-varjetà?”, tirreferi għal “kwantitajiet baxxi ħafna ta’ fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku” tal-varjetà kandidata.

5        Iċ-CPVO inkariga lin-Naktuinbouw (l-Ispettorat tal-Ortikultura, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju ta’ Eżami”) sabiex iwettaq l-eżami tekniku msemmi fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 2100/94.

6        Fl‑14 ta’ Settembru 2020, l-Uffiċċju ta’ Eżami pproduċa r-rapport finali tal-eżami tekniku, liema rapport kien jindika li l-varjetà kienet tissodisfa l-kriterji ta’ distinzjoni, ta’ omoġeneità u ta’ stabbiltà (iktar ’il quddiem il-“kriterji DHS”) u kien akkumpanjat minn proposta ta’ deskrizzjoni tal-varjetà kandidata. Iċ-CPVO kkomunika dan ir-rapport finali lir-rikorrenti fil‑21 ta’ Ottubru 2020 u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, skont l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 2100/94.

7        Fil‑21 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrenti ppreżentat applikazzjoni quddiem iċ-CPVO intiża sabiex il-livell dgħajjef tal-fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku, li kien ġie deskritt fil-punt 07.02 tal-kwestjonarju tekniku, jiġi inkluż fid-deskrizzjoni tal-karatteristiċi, billi din tal-aħħar kienet tiddetermina l-portata tad-drittijiet għal protezzjoni tal-varjetà, u sa fejn dan il-livell dgħajjef tal-fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku jikkostitwixxi karatteristika eċċezzjonali, ta’ valur ta’ kultivazzjoni kbir u, b’mod partikolari, għall-użu tal-varjetà kandidata.

8        Fl‑4 ta’ Frar 2021, iċ-CPVO informa lir-rikorrenti li, wara li saret diskussjoni interna, l-applikazzjoni tagħha ma setgħetx tiġi aċċettata, peress li d-deskrizzjoni tal-varjetà kellha tinkludi karatteristiċi li jikkorrispondu għall-protokoll tekniku applikabbli jew, f’ċerti każijiet, karatteristiċi addizzjonali, iżda biss fejn dawn ikunu ġew użati matul l-eżami tekniku sabiex tiġi evalwata d-distinzjoni bejn il-varjetà kandidata u l-varjetajiet magħrufa sew, li ma kienx il-każ hawnhekk.

9        Fid‑9 ta’ Frar 2021, ir-rikorrenti wieġbet liċ-CPVO, billi enfasizzat, b’mod partikolari, il-valur kummerċjali tal-isforz ta’ selezzjoni tagħha, u rriferiet għall-indikazzjoni tal-karatteristika addizzjonali fil-punt 07.02 tal-kwestjonarju tekniku. Hija spjegat li, skont l-interpretazzjoni tagħha, tali indikazzjoni kienet tobbliga liċ-CPVO jieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristika msemmija u, b’hekk, staqsiet jekk l-imsemmija karatteristika kinitx ġiet evalwata qabel il-bidu tal-eżami tekniku u, jekk dan ma kienx il-każ, x’kienu ir-raġunijiet għaliex din il-karatteristika ma kinitx ġiet evalwata.

10      Fis‑7 ta’ April 2021, iċ-CPVO informa lir-rikorrenti li l-eżami tal-karatteristika addizzjonali “livell dgħajjef tal-fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku” ma kienx ittieħed inkunsiderazzjoni u li r-riżultat tal-eżami kien ġie konkluż abbażi tal-karatteristiċi standard. Fil-fehma taċ-CPVO, huwa kien marbut japplika l-protokoll tekniku tiegħu u, billi l-karatteristika mitluba mir-rikorrenti ma kinitx tagħmel parti minnu, l-Uffiċċju ta’ Eżami ma kellu ebda raġuni għaliex għandu josserva dik il-karatteristika matul l-eżamijiet soliti tal-kriterji DHS. Iċ-CPVO ma għandux ir-rwol li jeżamina kull karatteristika invokata mill-applikanti, jekk tali eżami ma jkunx meħtieġ għall-finijiet tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni. Madankollu, din l-informazzjoni addizzjonali tinsab fil-fajl tal-varjetà SK20. Iċ-CPVO jibgħat il-kwestjonarji tekniċi lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, b’tali mod li jekk terz kellu jippreżenta applikazzjoni għal privattiva fir-rigward tal-karatteristika inkwistjoni, jkun hemm traċċa fil-fajls tiegħu li tipprova l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Mejju 2021, iċ-CPVO ta d-drittijiet għal protezzjoni lill-varjetà kandidata (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni”). Ma’ din id-deċiżjoni kienet annessa d-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà kif kienet ġiet stabbilita mill-Uffiċċju ta’ Eżami.

12      Fl‑1 ta’ Lulju 2021, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni intiż sabiex il-livell dgħajjef tal-fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà jew, sussidjarjament, sabiex isir eżami tekniku ġdid sabiex tiġi evalwata l-varjetà kandidata fid-dawl ta’ din il-karatteristika.

13      Fis‑16 ta’ Settembru 2021, il-Kumitat ta’ Rettifika taċ-CPVO ddeċieda li ma jirrettifikax id-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni minħabba li, skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 874/2009 tas‑17 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi r-regoli ta’ implimentazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 rigward il-proċedimenti quddiem [iċ-CPVO] (ĠU 2009, L 251, p. 3), ir-rikors tar-rikorrenti kien inammissibbli. Peress li d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni ma ġietx irrettifikata, ir-rikors intbagħat lill-Bord tal-Appell taċ-CPVO.

14      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell taċ-CPVO ċaħad ir-rikors bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 874/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 2100/94. Il-Bord tal-Appell qies li r-rikorrenti ma kellhiex interess ġuridiku billi r-rikors tagħha bl-ebda mod ma kien jippermetti li tiġi rrevokata d-deċiżjoni kkontestata, peress li hija ma kinitx qiegħda tikkontesta d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti tal-varjetà SK20. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell irrileva, essenzjalment, li l-President taċ-CPVO ma kien bl-ebda mod obbligat jimplimenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 874/2009, li tawtorizzah iżid karatteristiċi ġodda u l-espressjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ xi varjetà partikolari, peress li d-distinzjoni tal-varjetà kandidata kienet diġà ġiet stabbilita abbażi tal-karatteristiċi li jinsabu fil-protokoll tekniku rilevanti u li kien biżżejjed li l-varjetà, sabiex tkun tista’ tiġi protetta, tiddistingwi ruħha b’mod ċar b’minn tal-inqas karatteristika waħda. Ma kienx meħtieġ, għalhekk, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-karatteristika addizzjonali invokata mir-rikorrenti sabiex tiġi stabbilita d-distinzjoni.

 Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna liċ-CPVO għall-ispejjeż.

16      Iċ-CPVO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Iddritt

17      Ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tqajjem żewġ motivi, ibbażati, tal-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 2100/94 u, tat-tieni, fuq ksur tal-Artikolu 76 tal-istess regolament.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 81 tarRegolament Nru 2100/94

18      Kif proprju kkonfermat waqt is-seduta, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment tqis li hija għandha interess ġuridiku inkwantu iċ-CPVO taha drittijiet għal protezzjoni iktar stretti minn dawk mitluba billi ma inkludiex il-livell dgħajjef tal-fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà, b’tali mod li r-rikors tagħha kellu jitqies bħala ammissibbli.

19      Iċ-CPVO jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

20      Il-Bord tal-Appell qies, fil-punt 14 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rikors tar-rikorrenti kien inammissibbli abbażi tal-Artikolu 49(1) tar-Regolament Nru 874/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 81 tar-Regolament Nru 2100/94. Fil-fatt, jekk ir-rikors bl-ebda mod ma jippermetti li tiġi rrevokata d-deċiżjoni kkontestata, ma jkunx hemm interess ġuridiku. Issa, dan huwa l-każ f’din il-kawża, peress li r-rikorrenti ma hijiex tikkontesta d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni, iżda qiegħda tikkontesta biss parti mid-deskrizzjoni tal-varjetà li tikkonċerna l-lista tal-karatteristiċi tagħha.

21      Skont l-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 2100/94, fin-nuqqas ta' dispożizzjonijiet proċedurali fl-imsemmi regolament jew fid-dispożizzjonijiet adottati bis-saħħa tal-istess regolament, iċ-CPVO għandu japplika l-prinċipji tal-liġi proċedurali ġeneralment irrikonoxxuti fl-Istati Membri.

22      Huwa stabbilit li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2100/94 jew tar-Regolament Nru 874/2009 ma tirregola l-kwistjoni tal-inammissibbiltà ta’ rikors minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku. B’hekk, il-Bord tal-Appell ġustament irrefera għall-Artikolu 81(1) tar-Regolament Nru 2100/94 li jirreferi għall-prinċipji tad-dritt proċedurali ġeneralment aċċettati fl-Istati Membri.

23      Kif proprju rrikonoxxew il-partijiet waqt is-seduta, il-kundizzjoni tal-interess ġuridiku tikkostitwixxi prinċipju tad-dritt proċedurali ġeneralment aċċettat fl-Istati Membri.

24      Fil-fatt, l-interess ġuridiku jikkostitwixxi l-kundizzjoni essenzjali u ewlenija ta’ kull azzjoni ġudizzjarja. Ir-rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. L-interess ġuridiku ta’ rikorrent jippreżumi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li, għalhekk, ir-rikors ikun jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi vantaġġ lil min ikun ippreżentah (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Novembru 2015, HSH Investment Holdings Coinvest‑C u HSH Investment Holdings FSO vs Il‑Kummissjoni, T‑499/12, EU:T:2015:840, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      B’hekk, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-bidla fid-deskrizzjoni tal-varjetà protetta li takkumpanja d-deċiżjoni ta’ għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni tistax tipprovdi vantaġġ lir-rikorrenti. Dan jeħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, kif proprju tallega r-rikorrenti, il-karatteristiċi li jinsabu fid-deskrizzjoni uffiċjali ta’ varjetà protetta jiddeterminawx il-portata tad-drittijiet għal protezzjoni mogħtija lilha.

26      Skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2100/94, il-varjetajiet ta’ kull ġeneru u ta’ kull speċi botanika, inkluż, fost oħrajn, taħlit bejn ġeneri u speċi, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti.

27      Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2100/94, “varjetà” tfisser grupp ta’ pjanti fi klassifikazzjoni botanika waħda tal-iktar klassi baxxa magħrufa li, irrispettivament minn jekk tissodisfax bis-sħiħ jew le l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti, tista’ tiġi ddefinita bl-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ċertu ġenotip jew minn ċerta taħlita ta’ ġenotipi; tista’ tiġi distinta minn kull grupp ieħor tal-pjanti bl-espressjoni ta’ mill-inqas waħda mill-imsemmija karatteristiċi; u tista’ titqies bħala entità fid-dawl tal-kapaċità tagħha li tiġi riprodotta mingħajr tibdil.

28      Skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2100/94, grupp ta’ pjanti huwa magħmul minn pjanti sħaħ jew partijiet ta’ pjanti sa fejn dawn il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ, it-tnejn imsejħa “kostitwenti tal-varjetajiet”.

29      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 2100/94, id-drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti għandhom jingħataw fir-rigward ta’ varjetajiet li huma distinti, omoġenji, stabbli u ġodda.

30      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2100/94 jippreċiża li varjetà hija meqjusa distinta jekk tkun distingwibbli b’mod ċar, b’riferiment għall-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw minn ġenotip partikolari jew taħlita ta’ ġenotipi, minn kull varjetà oħra li l-eżistenza tagħha tkun magħrufa fid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.

31      Barra minn hekk, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2100/94 jindika li varjetà tkun meqjusa omoġenja jekk, suġġetta għall-varjazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw mill-karatteristiċi partikolari tal-propagazzjoni tagħha, tkun omoġenja biżżejjed fl-espressjoni tal-karatteristiċi inklużi fl-eżami tad-distinzjoni u ta’ kull karatteristika oħra użata għad-deskrizzjoni tal-varjetà.

32      Finalment, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2100/94, varjetà tkun meqjusa stabbli jekk l-espressjoni tal-karatteristiċi inklużi fl-eżami tad-distinzjoni u ta’ kull karatteristika oħra użata għad-deskrizzjoni tal-varjetà, tibqa’ mhux mibdula wara propagazzjoni repetuta jew, fil-każ ta’ xi ċiklu partikolari ta’ propagazzjoni, fi tmiem kull ċiklu.

33      L-ewwel nett, kif jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2100/94, “varjetà” tfisser grupp ta’ pjanti li jista’, b’mod partikolari, jiġi ddefinit bl-espressjoni tal-karatteristiċi kollha li jirriżultaw mill-ġenotip tagħha.

34      It-tieni nett, mill-Artikoli 6 sa 9 tar-Regolament Nru 2100/94 jirriżulta li l-espressjoni tal-karatteristiċi li jirriżultaw mill-ġenotip tal-varjetà tgħin sabiex jiġi ddeterminat jekk il-varjetà tissodisfax il-kriterji DHS u jekk tistax għalhekk tiġi protetta.

35      Barra minn hekk, il-ħdax‑il premessa tar-Regolament Nru 2100/94 tiddikjara li l-“għoti ta’ drittijiet tal-Komunità għall-varjetà ta’ pjanti assessjar tal-karatteristiċi importanti dwar il-varjetà hi meħtieġa” u li “dawk il-karatteristiċi mhux bilfors ikollhom x’jaqsmu ma’ l-importanza ekonomika tagħhom”.

36      Mill-kunsiderazzjonijiet premessi jirriżulta, għalhekk, li l-għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti lil varjetà kandidata ma jeħtieġx li jiġu evalwati b’mod eżawrjenti l-karatteristiċi kollha li jistgħu jirriżultaw mill-ġenotip ta’ din il-varjetà, iżda biss dawk li huma ta’ ċerta importanza għall-idoneità tagħha li tiġi protetta u, b’mod partikolari, għad-distinzjoni tagħha. B’hekk, l-eżami tekniku, previst fl-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 2100/94, huwa intiż biss sabiex jiġi ddeterminat jekk il-varjetà kandidata hijiex suffiċjentement distinta, omoġenja u stabbli meta mqabbla ma’ varjetajiet oħra magħrufa sew. Madankollu, l-imsemmi eżami la huwa intiż sabiex jevalwa l-karatteristiċi kollha li jistgħu jirriżultaw mill-ġenotip tal-varjetà kandidata, u lanqas sabiex jevalwa l-utilità jew il-valur kummerċjali tal-imsemmija karatteristiċi, peress li l-għoti ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja lil varjetà ġdida bl-ebda mod ma huwa suġġett għall-preżenza ta’ karatteristiċi b’valur kummerċjali intrinsiku.

37      Id-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà mfassla mill-Uffiċċju ta’ Eżami, li tikkostitwixxi biss sunt tal-osservazzjonijiet li saru waqt l-eżami tekniku, lanqas ma hija intiża sabiex tirrifletti l-espressjoni tal-karatteristiċi kollha li jirriżultaw mill-ġenotip tal-varjetà kandidata u li jikkaratterizzawha, bħalma hu l-livell dgħajjef tal-fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku invokat mir-rikorrenti, iżda biss l-espressjoni ta’ ċerti karatteristiċi speċifiċi li huma biżżejjed sabiex juru d-distinzjoni tal-varjetà.

38      Fil-fatt, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2100/94, moqri flimkien mal-Artikolu 7(1) tal-imsemmi regolament, huwa biżżejjed li, sabiex tkun tista’ tiġi protetta, il-varjetà tiddistingwi ruħha b’mod ċar b’minn tal-inqas waħda mill-karatteristiċi li jirriżultaw mill-ġenotip tagħha. B’hekk, anki jekk varjetà kandidata jkollha ċerti karatteristiċi li jkunu identiċi għal varjetà magħrufa sew, huwa biżżejjed li din il-varjetà, sabiex tkun tista’ tiġi protetta, tiddistingwi ruħha b’mod ċar b’karatteristika waħda jew iktar. Għaldaqstant, anki fil-każ fejn il-karatteristika addizzjonali mitluba mir-rikorrenti kellha tiġi inkluża waqt l-eżami tekniku u tkun fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà SK20, dan ma kien ikollu ebda effett fuq il-drittijiet għal protezzjoni mogħtija lil din il-varjetà peress li varjetà ġdida, li tippreżenta l-istess livell dgħajjef tal-fattur lakrimatorju u ta’ aċidu piruviku, tista’ xorta waħda tiġi protetta, peress li din ikollha karatteristika jew diversi karatteristiċi oħra li jiddistingwuha b’mod ċar mill-varjetà tar-rikorrenti.

39      Barra minn hekk, iż-żieda tal-karatteristika addizzjonali mitluba mir-rikorrenti mad-deskrizzjoni ma tista’ tagħti lir-rikorrenti ebda vantaġġ minħabba l-fatt li d-drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti jirrigwardaw il-varjetà minnha nnifisha (ara l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 2100/94), liema varjetà għandha tinftiehem bħala grupp ta’ pjanti (ara l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 2100/94), magħmul minn pjanti sħaħ jew partijiet ta’ pjanti sa fejn dawn il-partijiet ikunu jistgħu jipproduċu pjanti sħaħ, it-tnejn imsejħa “kostitwenti tal-varjetajiet” (ara l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 2100/94). Fil-fatt, skont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament Nru 2100/94, id-drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti għandhom l-effett li jintitolaw lill-benefiċjarju tagħhom iwettaq ċerti atti fir-rigward tal-kostitwenti tal-varjetajiet, iddefiniti fl-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament, jew tal-materjal maħsud tal-varjetà protetta. Dan ifisser li l-drittijiet jirrigwardaw il-materjal tal-pjanti nnifsu, kif iddefinit mill-karatteristiċi kollha li jirriżultaw mill-ġenotip tiegħu, kemm jekk jidhru fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà u kemm jekk le.

40      B’hekk, iż-żieda tal-karatteristika mitluba mir-rikorrenti mad-deskrizzjoni b’ebda mod ma tbiddel il-portata tad-drittijiet għal protezzjoni li jkunu ngħatawlha fir-rigward tal-varjetà SK20. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li r-rikorrenti ma kellhiex interess ġuridiku.

41      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz tad-deċiżjonijiet tal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) invokati mir-rikorrenti, li, fil-fehma ta’ din tal-aħħar, jirrikonoxxu li l-portata tad-drittijiet għal protezzjoni ta’ varjetà protetta hija bbażata fuq il-karatteristiċi li jinsabu fid-deskrizzjoni uffiċjali ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, is-sistema ta’ drittijiet għal protezzjoni Komunitarja ta’ varjetajiet ta’ pjanti hija waħda awtonoma, ikkostitwita minn ġabra ta’ regoli u li tfittex għanijiet speċjali għaliha, billi l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali u billi l-legalità tad-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell taċ-CPVO għandha tiġi evalwata biss abbażi tar-Regolament Nru 2100/94 u tar-Regolament Nru 874/2009, kif interpretati mill-qorti tal-Unjoni Ewropea (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2018, Apcoa Parking Holdings vs EUIPO, C‑32/17 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:396, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-qorti tal-Unjoni ma hijiex marbuta b’deċiżjoni meħuda fi Stat Membru, anki jekk tali deċiżjoni tkun ittieħdet skont leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2002, Streamserve vs UASI (STREAMSERVE), T‑106/00, EU:T:2002:43, punt 47).

42      Għaldaqstant, dan l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ksur talArtikolu 76 tarRegolament Nru 2100/94

43      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti qiegħda essenzjalment issostni li, skont l-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 2100/94, iċ-CPVO kien obbligat li jieħu inkunsiderazzjoni u li jeżamina t-talba kollha tagħha intiża sabiex tinkludi, fl-eżami tekniku u fid-deskrizzjoni uffiċjali tal-varjetà, karatteristika addizzjonali importanti.

44      Iċ-CPVO jikkontesta dan l-argument.

45      Billi, minn naħa, mill-punti 21 sa 42 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Bord tal-Appell ġustament ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti bħala inammissibbli u billi, min-naħa l-oħra, kien biss għal finijiet ta’ kompletezza li l-Bord tal-Appell qies li r-rikors kien ukoll infondat minħabba li, essenzjalment, f’dan il-każ, il-President taċ-CPVO bl-ebda mod ma kien obbligat jimplimenta l-proċedura prevista fl-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 874/2009, li tawtorizzah iżid karatteristiċi ġodda u l-espressjonijiet tagħhom fir-rigward ta’ varjetà partikolari, it-tieni motiv huwa ineffettiv.

46      Mill-premess jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

47      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

48      Peress li r-rikorrenti ħarġet telliefa, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub miċ-CPVO.

Għal dawn il-motivi,

IL‑QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      House Foods Group, Inc. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Schalin

Nõmm

Steinfatt

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Frar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.