Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Polonja) fit-28 ta’ Ottubru 2020 – ORLEN KolTrans sp. z o. o. vs Prezes Urzędu Transportu Kolejowego

(Kawża C-563/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Okręgowy w Warszawie

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: ORLEN KolTrans sp. z o. o.

Konvenut: Prezes Urzędu Transportu Kolejowego

Domandi preliminari

L-Artikolu 30(2)(e) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2001 fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu ta’ l-infrastruttura tal-ferrovija 1 , għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża infrastruttura ferrovjarja, id-dritt li tipparteċipa fil-proċedura mressqa mill-korp regolatorju intiża għall-istabbiliment, mill-amministratur tal-infrastruttura tal-binarji, tal-ammont ta’ ħlas għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 30(5) u (6) tad-Direttiva 2001/14/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lill-impriża ferrovjarja, li tuża jew li għandha l-intenzjoni tuża infrastruttura ferrovjarja, id-dritt li tappella mid-deċiżjoni tal-korp regolatorju li tapprova l-ammont ta’ ħlas għall-aċċess għall-infrastruttura ferrovjarja stabbilit mill-amministratur ta’ din l-infrastruttura?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404.