Language of document : ECLI:EU:T:2023:52

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

8 ta’ Frar 2023 (*)

“Enerġija – Infrastrutturi tal-enerġiji trans-Ewropej – Regolament (UE) Nru 347/2013 – Regolament Delegat li jemenda l-lista ta’ proġetti ta’ interess komuni – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE – Rifjut ta’ Stat Membru li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal proġett ta’ interkonnessjoni tal-elettriku bil-għan tal-għoti tal-istatus ta’ proġett ta’ interess komuni – Nuqqas ta’ inklużjoni mill-Kummissjoni tal-proġett fil-lista emendata – Obbligu ta’ motivazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Ugwaljanza fit-trattament – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Proporzjonalità – Artikolu 10 tat-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija”

Fil-Kawża T‑295/20,

Aquind Ltd, stabbilita f’Wallsend (ir-Renju Unit),

Aquind SAS, stabbilita f’Rouen (Franza),

Aquind Energy Sàrl, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),

irrappreżentati minn S. Goldberg, C. Davis, J. Bille, solicitors, u E. White, avukata,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn O. Beynet u B. De Meester, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u S. Costanzo, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Ruiz Sánchez, bħala aġenta,

u minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn A.-L. Desjonquères, A. Daniel, MM. W. Zemamta u R. Bénard, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta, waqt id-deliberazzjonijiet, minn V. Tomljenović, Presidenta, P. Škvařilová-Pelzl u M. I. Nõmm (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tas-6 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Aquind Ltd, Aquind SAS u Aquind Energy Sàrl, jitolbu l-annullament tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/389 tal-31 ta’ Ottubru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU 2020, L 74, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrenti huma l-promoturi ta’ proġett ta’ interkonnessjoni tal-elettriku li jgħaqqad in-networks għad-distribuzzjoni tal-elettriku tar-Renju Unit u ta’ Franza (iktar ’il quddiem il-“proġett ta’ interkonnessjoni Aquind”).

3        Il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ġie mdaħħal fil-lista tal-“proġetti ta’ interess komuni” (iktar ’il quddiem il-“PIK”) tal-Unjoni Ewropea mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/540 tat-23 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-lista tal-Unjoni ta’ proġetti ta’ interess komuni (ĠU 2018, L 90, p. 38), u għaldaqstant kien ikkunsidrat bħala li huwa proġett fundamentali fl-infrastrutturi neċessarji għat-twettiq tas-suq intern tal-enerġija. L-istatus ta’ PIK tal-Unjoni jippermetti lil promotur ta’ proġetti li, fl-ewwel lok, jibbenefika minn proċedura ta’ għoti ta’ awtorizzazzjoni razzjonalizzata, ikkoordinata u aċċellerata, fit-tieni lok, li jissuġġetta talba ta’ investiment u tqassim transkonfinali tal-ispejjeż għall-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti, b’mod li l-ispejjeż ta’ investiment minfuqa b’mod effikaċi jkunu rkuprabbli mingħand l-utenti tan-networks u, fit-tielet lok, li jitlob finanzjament abbażi tal-mekkaniżmu għall-interkonnessjoni fl-Ewropa.

4        Il-lista stabbilita mir-Regolament Delegat 2018/540 ġiet issostitwita mir-Regolament ikkontestat. Fil-lista l-ġdida li tinsab fl-anness tar-Regolament ikkontestat, il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind jinsab fit-tabella tal-proġetti li ma għadhomx kkunsidrati bħala PIK fl-Unjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

5        Ir-rikorrenti jitolbu, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla r-Regolament ikkontestat inkwantu jneħħi l-interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni;

–        b’mod sussidjarju, tannulla r-Regolament ikkontestat fl-intier tiegħu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

6        Il-Kummissjoni u r-Renju ta’ Spanja jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

7        Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

8        Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors tal-inqas għal dak li jikkonċerna l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, iffirmat f’Lisbona fis-17 ta’ Diċembru 1994 (ĠU 1994, L 380, p. 24), u sabiex tiċċara l-kwistjoni tal-inapplikabbiltà tal-Artikolu 26 tal-istess Karta tal-Enerġija fir-relazzjonijiet intra-Unjoni.

 Fid-dritt

9        Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw seba’ motivi, ibbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni, fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi previsti fir-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009 (ĠU 2013, L 115, p. 39), b’mod partikolari l-Artikolu 5(8) tiegħu, it-tielet, fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, ir-raba’, fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-ħames, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, is-sitt wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, s-seba’ wieħed, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

10      Il-Qorti Ġenerali jidhrilha xieraq li teżamina flimkien ir-raba’ u l-ħames motivi, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament rispettivament, u li teżamina biss fl-aħħar lok it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

11      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tneħħija tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma jinsabx fil-fatt spjegat la fir-Regolament ikkontestat, la fl-espożizzjoni tal-motivi relattivi, u lanqas fid-dokument ta’ xogħol tad-dipartimenti tal-Kummissjoni li jakkumpanjaw ir-Regolament ikkontestat.

12      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, tiċħad dan il-motiv.

13      Skont il-ġurisprudenza, qabelxejn, il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih dan ikun ġie adottat. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li huma direttament u individwalment ikkonċernati mill-att fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward ta’ kliemha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 150; ara, ukoll, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2020, Spliethoff’s Bevrachtingskantoor vs Il-Kummissjoni, T‑564/15 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2020:252, punt 108). B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti meta dan ikun sar f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li permezz tiegħu din tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Terna vs Il-Kummissjoni, T‑387/16, EU:T:2018:699, punt 53).

14      Sussegwentement, l-interess li r-rikorrenti jista’ jkollhom biex jirċievu spjegazzjonijiet għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni meta tiġi evalwata l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2019, Portigon vs CRU, T‑365/16, EU:T:2019:824, punt 164). Fil-fatt, l-obbligu li tingħata motivazzjoni jikkostitwixxi l-korollarju tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Għaldaqstant l-obbligu li tingħata motivazzjoni għal att li jikkawża preġudizzju għandu bħala għan, minn naħa, li jagħti lill-parti interessata indikazzjoni suffiċjenti biex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata b’mod ġust jew jekk hijiex possibbilment ivvizzjata b’difett li jagħti lok għal kontestazzjoni tal-validità tagħha quddiem il-qorti tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lil din tal-aħħar li tistħarreġ il-legalità ta’ dan l-att (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punt 462).

15      Fl-aħħar nett, motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet li għalihom ittieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-Qorti Ġenerali li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (sentenza tat-13 ta’ Lulju 2011, General Technic-Otis et vs Il-Kummissjoni, T‑141/07, T‑142/07, T‑145/07 u T‑146/07, EU:T:2011:363, punt 302).

16      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-element li jeħtieġ li jiġi eżaminat l-ewwel motiv.

17      Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi stabbilit, minn naħa, liema huma r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni ma daħħlitx, fir-Regolament ikkontestat, il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind bħala PIK tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, fejn jinsabu dawn ir-raġunijiet.

18      L-ewwel, il-premessi tar-Regolament ikkontestat jinkludu sunt qasir tal-kontenut tar-Regolament Nru 347/2013, isemmu s-setgħa li għandha l-Kummissjoni biex tadotta l-atti ddelegati biex tfassal il-lista tal-PIK tal-Unjoni, ifakkru l-obbligu li tiġi stabbilita lista ġdida kull sentejn u jenfasizzaw li l-proġetti proposti għall-inklużjoni fil-lista tal-PIK tal-Unjoni ġew evalwati mill-gruppi reġjonali u li dawn tal-aħħar ikkonfermaw li l-proġetti inkwistjoni kienu jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 347/2013.

19      Ir-Regolament ikkontestat jagħmel riferiment ġenerali għat-Trattat FUE u għar-Regolament Nru 347/2013 fiż-żewġ kunsiderazzjonijiet tiegħu.

20      Il-premessa 5 tar-Regolament ikkontestat tippreċiża li “[l]-abbozzi tal-listi reġjonali tal-PCIs ġew miftiehma mill-gruppi reġjonali f’laqgħat tekniċi” u li “[w]ara l-opinjonijiet tal-[Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“ACER”)] rigward l-applikazzjoni konsistenti tal-kriterji ta’ valutazzjoni u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fir-reġjuni kollha, il-korpi responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-gruppi reġjonali adottaw il-listi reġjonali fl-4 ta’ Ottubru 2019”. Ġie indikat ukoll li “[s]kont l-Artikolu 3(3)(a) tar-Regolament Nru 347/2013, qabel l-adozzjoni tal-listi reġjonali, il-proġetti kollha proposti ġew approvati minn dawk l-Istati Membri li l-proġetti jolqtu t-territorju tagħhom”.

21      Fit-Taqsima A tal-Anness VII tar-Regolament Nru 347/2013 (kif emendat bir-Regolament ikkontestat), intitolata “Il-prinċipji applikati fit-tfassil tal-lista [tal-PCIs] tal-Unjoni”, jinsab il-punt 3, intitolat “Proġetti li ma għadhomx meqjusa PCIs […]”. F’dan il-punt 3, il-Kummissjoni indikat:

“Għadd ta’ proġetti inklużi fil-listi tal-Unjoni stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 1391/2013 u bir-Regolament (UE) 2016/89 [ma kinux għadhom meqjusa] PCIs għal raġuni waħda jew aktar minn dawn li ġejjin:

–        il-proġett diġà ġie kkummissjonat jew irid jiġi kkummissjonat sa tmiem l-2019, u għalhekk ma jkunx jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 347/2013;

–        skont data ġdida, il-proġett ma jissodisfax il-kriterji ġenerali;

–        promotur ma jkunx ressaq mill-ġdid il-proġett fil-proċess tal-għażla għal din il-lista tal-Unjoni [tal-PIK]; jew

–        il-proġett ġie kklassifikat f’pożizzjoni aktar baxxa minn PCIs kandidati oħrajn fil-proċess tal-għażla

[…]”

22      Ir-rikorrenti jenfasizzaw ġustament li, fost dawn l-erba’ raġunijiet, it-tieni waħda – li tipprovdi “skont data ġdida, il-proġett ma jissodisfax il-kriterji ġenerali” – hija l-unika waħda li setgħet eventwalment tiġġustifika n-nuqqas ta’ inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

23      Il-kunċett ta’ “kriterji ġenerali” li jinsab fit-tieni raġuni inkwistjoni hija madankollu pjuttost vaga. Ma huwiex ċar jekk dan il-kunċett huwiex limitat għal dak li jinsab fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 347/2013 – u, għaldaqstant, għall-kundizzjonijiet elenkati f’din id-dispożizzjoni, li l-proġetti tal-PIK għandhom jissodisfaw – jew jekk l-espressjoni “kriterji ġenerali” tinkludix, barra mill-kundizzjonijiet li jinsabu fid-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, il-kundizzjonijiet kollha li proġett għandu jissodisfa biex jitniżżel fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

24      It-tieni, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni indikat li r-raġuni li għaliha hija ma kinitx niżżlet, fir-Regolament ikkontestat, il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind bħala PIK tal-Unjoni kienet marbuta mar-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-imsemmi proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Hija ppreċiżat li r-Repubblika Franċiża kienet iġġustifikat ir-rifjut tagħha minħabba l-eżistenza tar-riskju ta’ kapaċità eċċessiva minħabba l-eżistenza ta’ diversi proġetti fl-istess reġjun u minħabba li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien ikkunsidrat bħala l-proġett l-iktar inċert. Madankollu, il-Kummissjoni taċċetta li r-Regolament ikkontestat ma jagħmel ebda riferiment għar-rifjut tar-Repubblika Franċiża u lanqas, a fortiori, għar-raġunijiet li għalihom din tal-aħħar irrifjutat l-approvazzjoni tagħha.

25      Fit-tieni lok, jeħtieġ, għaldaqstant, li jiġi eżaminat jekk, minkejja din l-assenza ta’ riferiment espliċitu għar-raġuni għar-rifjut tar-Repubblika Franċiża fir-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti kinux f’pożizzjoni li jkunu jafu bir-raġunijiet li għalihom il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind tagħhom ma kienx ġie inkluż fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Dan jimplika li jiġi stabbilit jekk, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 13 iktar ’il fuq, in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-imsemmi proġett seħħx f’kuntest magħruf mir-rikorrenti, li jippermettilhom jifhmu l-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħhom u jekk jistax jitqies li kienet teżisti motivazzjoni impliċita fir-Regolament ikkontestat.

26      L-ewwel, ir-rikorrenti ma jistgħux jinjoraw il-qafas regolatorju li fih sar ir-Regolament ikkontestat. L-imsemmi qafas regolatorju huwa kkaratterizzat mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, li jipprevedi li l-linji gwida u l-PIK li jirrigwardaw it-territorju ta’ Stat Membru għandhom ikunu jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Il-qafas regolatorju huwa kkaratterizzat ukoll mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013, li jipprevedi l-ħtieġa tal-approvazzjoni, mill-Istati Membri kkonċernati, għal kull proposta individwali għal PIK meta grupp ifassal il-lista reġjonali tiegħu, u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 347/2013, li jipprevedi, essenzjalment, li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-lista tal-PIK tal-Unjoni, b’riżerva għall-approvazzjoni tal-Istat Membru li t-territorju tiegħu jkun ikkonċernat mill-PIK.

27      It-tieni, għal dak li jirrigwarda l-kuntest fattwali li fih ġie adottata ir-Regolament ikkontestat, jeħtieġ li jitfakkar li l-imsemmi regolament ġie ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-11 ta’ Marzu 2020. Madankollu, diversi elementi jippermettu li jiġi konkluż li r-rikorrenti kienu jafu, qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, bir-riżervi espressi mir-Repubblika Franċiża fuq il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kif ukoll, finalment, bir-rifjut ta’ din milli tagħti l-approvazzjoni tagħha lil din tal-aħħar.

28      Qabelxejn, f’ittra tal-11 ta’ Lulju 2019 indirizzata lir-rikorrenti, il-Kummissjoni informat lil dawn li r-Repubblika Franċiża kienet esprimiet dubji dwar il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind waqt il-laqgħa tal-grupp reġjonali fuq livell tekniku tal-5 ta’ Lulju 2019 u li hija ssuġġerixxitilhom li jagħmlu kuntatt mal-ministeru kkonċernat biex jiksbu iktar dettalji.

29      Sussegwentement, waqt il-laqgħa tal-5 ta’ Diċembru 2019 tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija tal-Parlament Ewropew, il-membru tal-Kumitat responsabbli għall-enerġija wieġeb għal mistoqsija magħmula min żewġ membri tal-Parlament ċittadini tar-Renju Unit dwar ir-raġunijiet għat-tneħħija tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Il-membru tal-Kumitat responsabbli għall-enerġija indika, l-ewwel, li r-Repubblika Franċiża ikkunsidrat li l-erba’ proġetti li jgħaqqdu r-Renju Unit u Franza kienu jikkostitwixxu kapaċità eċċessiva, it-tieni, li dan l-Istat Membru ikkunsidra li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien meqjus bħala l-proġett l-iktar inċert u, it-tielet, li dan l-Istat Membri kien talab minħabba f’hekk li l-proġett inkwistjoni ma jiġix inkluż fil-lista l-ġdida tal-PIK. Il-membru tal-Kumitat responsabbli għall-enerġija ppreċiża li l-Istati Membri kellhom id-dritt li japprovaw il-proġetti li kienu jikkonċernaw it-territorju tagħhom u li l-Kummissjoni kienet obbligata tirrispetta dan id-dritt.

30      Fit-tweġiba tagħhom għall-mistoqsijiet bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti jammettu li kienu jafu bit-tweġiba tal-membri tal-Kumitat responsabbli għall-enerġija fl-istess jum tal-laqgħa, jiġifieri fil-5 ta’ Diċembru 2019.

31      Fl-aħħar nett, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti indikaw li, bi tweġiba għall-ittra tagħhom tal-24 ta’ Ottubru 2019, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Enerġija” tal-Kummissjoni indikalhom, b’ittra tal-20 ta’ Frar 2020, li l-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tinkludi l-proġetti fil-lista tal-PIK tal-Unjoni wara li kienu ttieħdu d-deċiżjonijiet tal-gruppi reġjonali u indika li r-Repubblika Franċiża kienet oġġezzjonat għall-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind.

32      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti kienu jafu bir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma inkludietx il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni fir-Regolament ikkontestat, peress li din ir-raġuni kienet marbuta mal-fatt li r-Repubblika Franċiża ma kinitx approvat l-imsemmi proġett. Iktar minn hekk, huma setgħu jinnotaw li, skont dan l-Istat Membru, kien hemm ir-riskju ta’ kapaċità eċċessiva minħabba l-eżistenza ta’ diversi proġetti u li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien l-iktar wieħed inċert.

33      Fit-tielet lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti li l-motivazzjoni marbut mar-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, u l-ispjegazzjonijiet ta’ dan l-Istat Membri fir-rigward tar-riskju ta’ kapaċità eċċessiva u tal-fatt li l-proġett inkwistjoni kien l-iktar wieħed inċert, huma insuffiċjenti. Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma setgħetx tillimita ruħha għal tali motivazzjoni, imma kellha teżiġi mingħand l-Istat Membru kkonċernat li huwa jiġġustifika iktar ir-rifjut tiegħu.

34      Biex jiġi ddeterminat jekk il-motivazzjoni mfakkra fil-punt 32 iktar ’il fuq kinitx suffiċjenti, jeħtieġ li wieħed ikun jaf minn qabel x’inhu l-livell ta’ motivazzjoni meħtieġ meta jiġi deċiż jekk proġett ta’ interkonnessjoni jiġix inkluż jew le fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

35      L-eżami ta’ din il-kwistjoni timplika li wieħed jistaqsi dwar it-tqassim u l-portata tas-setgħat rispettivi tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċess ta’ adozzjoni tal-listi tal-PIK tal-Unjoni. Fil-fatt, ir-rikorrenti jsostnu li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE ma jagħtix lill-Istati Membri id-dritt tal-veto kompletament diskrezzjonali fir-rigward tal‑inklużjoni ta’ PIK fil-lista tal-Unjoni u li l-Kummissjoni tgawdi, skont ir-Regolament Nru 347/2013, setgħa diskrezzjonali biex tadotta il-lista tal-PIK tal-Unjoni. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni ssostni li hija ma setgħetx tinkludi l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, peress li hija jidhrilha li ma tissorpassa r-rifjut ta’ approvazzjoni ta’ Stat Membru.

36      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha u l-għanijiet imfittxija minnha, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha kif ukoll id-dispożizzjonijiet kollha tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2019, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (Artikolu 260(3) TFUE – Networks b’veloċità għolja), C‑543/17, EU:C:2019:573, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata; digriet tal-24 ta’ Ottubru 2019, Liaño Reig vs CRU, T‑557/17, mhux ippubblikat, EU:T:2019:771, punt 59).

37      Għal dak li jirrigwarda l-formulazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-qari letterali ta’ dan jimmilita b’mod ċar favur il-pożizzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni bl-ebda mod ma tista’ tiġi interpretata b’diversi modi u ma tippreżenta għaldaqstant ebda diffikultà ta’ interpretazzjoni.

38      Meħud kont tal-formulazzjoni ċara tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li dan tal-aħħar jagħti setgħa diskrezzjonali, jiġifieri marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa, lill-Istat Membru kkonċernat biex jagħti jew jirrifjuta l-approvazzjoni tiegħu għall-inklużjoni ta’ proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

39      Dan jinsab ikkonfermat mill-interpretazzjonijiet teleoloġiċi u kuntestwali tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE. Fil-fatt, l-għażla tal-leġiżlatur li tiġi stabbilita forma ta’ dritt ta’ veto favur l-Istat Membru kkonċernat hija spjegata mill-fatt li l-politika tan‑‑netwerks trans-Ewropej tintegra aspetti territorjali u għalhekk tinteressa, b’xi mod, l-immaniġġar tat-territorju li huwa qasam li tradizzjonalment jaqa’ taħt is-sovranità tal-Istati Membri (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑121/14, EU:C:2015:526, punti 157 u 158).

40      Barra minn hekk, dan huwa wkoll is-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 347/2013 imfakkra fil-punt 26 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, u b’mod kuntrarju għal dak li sostnew ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata tissorpassa dan ir-rifjut ta’ approvazzjoni.

41      Fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru, jeħtieġ li jiġi stabbilit sa liema punt ir-rifjut ta’ dan għandu jkun motivat. F’dan ir-rigward, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-punt 10 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013 jindikaw li, meta grupp ifassal il-lista reġjonali tiegħu, l-Istat Membru kkonċernat li jirrifjuta li japprova proġett għandu jippreżenta r-raġunijiet għal dan ir-rifjut lill-imsemmi grupp reġjonali. Dawn id-dispożizzjonijiet jippreċiżaw li l-korp responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat jista’ jeżamina l-imsemmija raġunijiet ta’ rifjut “fuq talba ta’ Stat Membru” ta’ dan il-grupp reġjonali. Il-leġiżlatur għaldaqstant esprima r-rieda tiegħu li, f’kontinwità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, il-kwistjoni tar-rifjut tal-approvazzjoni ta’ proġett li jipprekludih milli jingħatalu l-istatus ta’ PIK tal-Unjoni taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri kkonċernati.

42      F’dan il-każ, il-minuti tal-laqgħa tal-korpi deċiżjonali tekniċi u dawk tal-laqgħa tal-korp responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell għoli jindikaw li r-Repubblika Franċiża kienet immotivat ir-rifjut tagħha milli tapprova l-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fuq ir-raba’ lista tal-PIK u li ebda Stat Membru mill-grupp reġjonali kkonċernat ma kien talab li jiġu eżaminati dawn ir-raġunijiet.

43      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni billi semmiet ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża milli tagħti l-approvazzjoni għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Bl-istess mod, hija ma tistax tiġi kkritikata li ma talbitx lir-Repubblika Franċiża tispjega r-raġunijiet iddettaljati għall-imsemmi rifjut. F’dan ir-rigward, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) u l-punt 10 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013 ma kinux jippermettulha li tindaħal, b’xi mod, fuq ir-raġunijiet imressqa mir-Repubblika Franċiża. Għandu jingħad ukoll li r-rikorrenti ma invokawx l-illegalità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u li huma ma jistgħux għaldaqstant jakkużaw lill-Kummissjoni li kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha anki jekk hija kkonformat ruħha magħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Raffinerie Heide vs Il-Kummissjoni, T‑631/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:830, punti 41 sa 44, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi DK Recycling u Roheisen vs Il-Kummissjoni, Arctic Paper Mochenwangen vs Il-Kummissjoni, Raffinerie Heide vs Il-Kummissjoni u Romonta vs Il-Kummissjoni, C‑540/14 P, C‑551/14 P, C‑564/14 P u C‑565/14 P, EU:C:2016:147, punti 90 u 91).

44      F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 347/2013, li jipprevedi li “[i]s-setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Gruppi għandhom ikunu ristretti għall-Istati Membri u l-Kummissjoni, li għandhom, għal dawk il-finijiet, jissejħu bħala l-korp ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Gruppi [reġjonali kkonċernati]”, kif ukoll l-Artikolu 3(4) u l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 347/2013, li permezz tagħhom il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta r-Regolament ikkontestat, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-Kummissjoni tkun responsabbli għall-eventwali illegalità mwettqa minn Stat Membru meta dan jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal xi proġett, u li hija jkollha għaldaqstant twieġeb għal ksur potenzjali tal-obbligu ta’ motivazzjoni mwettaq mill-imsemmi Stat Membru. Fil-fatt, tali approċċ jikkontradixxi r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, kif previst fl-Artikolu 172 TFUE u mfakkar fir-Regolament Nru 347/2013.

45      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni mmotivat b’mod suffiċjenti fid-dritt ir-Regolament ikkontestat u l-ewwel motiv għandu għalhekk jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi previsti fir-Regolament Nru 347/2013, b’mod partikolari l-Artikolu 5(8) tiegħu

46      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li r-regoli proċedurali u sostantivi ġew miksura. Dan il-motiv fih essenzjalment ħames ilmenti.

47      Il-Kummissjoni, sostnuta f’dan is-sens mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, tiċħad dawn l-ilmenti u l-motiv kollu kemm hu.

48      Fil-kuntest tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li, bħala korp responsabbli mill-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kellha tiżgura li din il-lista tal-PIK tal-Unjoni tkun stabbilita skont ir-rekwiżiti legali rilevanti kollha. Madankollu, skont dawn, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013 minħabba li, għal diversi raġunijiet, il-proċedura ddefinita fl-Anness III.2 ta’ dan l-istess regolament ma ġietx osservata.

49      L-ewwel, ir-rikorrenti jinvokaw il-fatt li l-ACER indikat li, minħabba ċertu numru ta’ lakuni fl-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tifforma opinjoni fuq l-applikazzjoni omoġenea tal-kriterji u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fir-reġjuni. Madankollu, ir-rikorrenti ma jindikawx kif il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fl-opinjoni tal-ACER ikollhom impatt effettiv fuq il-legalità tar-Regolament ikkontestat għal dak li jikkonċerna l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind.

50      Fil-fatt, il-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fuq il-lista ġdida tal-PIK tal-Unjoni minħabba li r-Repubblika Franċiża ma kinitx tat l-approvazzjoni tagħha, peress li dan l-Istat Membru kkunsidra li kien hemm ir-riskju ta’ kapaċità eċċessiva u li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien ikkunsidrat bħala l-iktar wieħed inċert. Il-kwistjoni tal-applikazzjoni omoġenea tal-kriterji u l-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fir-reġjuni ma kellha, għaldaqstant, ebda effett fuq id-deċiżjoni biex ma jiġix inkluż l-imsemmi proġett fuq il-lista tal-PIK tal-Unjoni.

51      It-tieni, l-argument tar-rikorrenti li l-korp responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat u l-Kummissjoni kisru r-rekwiżit tal-punt 13 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013 minħabba li dawn ma ħadux inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-ACER fuq l-applikazzjoni koerenti tal-kriterji ta’ valutazzjoni tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji fir-reġjuni la huwa ċar u lanqas ikkorroborat.

52      Qabelxejn, b’mod ġenerali, ir-Regolament ikkontestat jindika, fil-premessa 5 tiegħu, li l-korp responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat ħa debitament inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-ACER waqt l-adozzjoni tal-lista reġjonali definittiva tiegħu. Sussegwentement, l-opinjoni tal-ACER tinkludi Taqsima A.4.1.3 speċifikament iddedikata għall-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind, li fiha ġew enfasizzati d-diverġenzi bejn l-awtoritajiet regolatorji tar-Repubblika Franċiża u tar-Renju Unit u r-raġunijiet li għalihom l-awtorità regolatorja Franċiża, jiġifieri l-Commission de régulation de l’énergie (il-Kumitat Regolatorju tal-Enerġija, iktar ’il quddiem il-“KRE”) kienet kontra l-inklużjoni tal-imsemmi proġett fil-lista reġjonali definittiva. Fl-aħħar nett, u fi kwalunkwe każ, jeħtieġ li jitfakkar li r-Repubblika Franċiża rrifjutat milli tapprova l-imsemmi proġett għar-raġunijiet marbutin mar-riskju ta’ kapaċità eċċessiva u mal-fatt li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien ikkunsidrat bħala l-iktar wieħed inċert, li l-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat u l-Kummissjoni kienu marbutin b’dan ir-rifjut u li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistgħux jiġu kkritikati li ma ħadux inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-ACER.

53      It-tielet, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni li ma żguratx il-koerenza fir-reġjuni skont l-Artikolu 3(5)(b) tar-Regolament Nru 347/2013 billi sostnew, essenzjalment, li numru kbir ta’ proġetti li kienu għamlu ftit progress jew li kienu rriprogrammati regolarment kienu ġew inklużi fil-lista tal-PIK tal-Unjoni u li, għaldaqstant, l-allegazzjoni li skontha l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien l-iktar wieħed inċert ma kinitx tikkostitwixxi ostakolu għall-eliġibbiltà tiegħu bħala PIK tal-Unjoni.

54      Dan l-argument ma jistax jirnexxi. Ir-rikorrenti jillimitaw ruħhom biex jirrepetu l-kontenut tal-opinjoni tal-ACER fuq dan il-punt, imma ma jurux li din tista’ tippreġudika l-legalità tar-Regolament ikkontestat għal dak li jikkonċerna l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind.

55      Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni r-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, u li hija ma setgħetx tikkontesta r-raġunijiet li għalihom l-imsemmi proġett kien l-iktar wieħed inċert. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament 347/2013 jipprovdi li, “[m]eta Grupp ifassal il-lista reġjonali tiegħu: (a) kull proposta individwali għal proġett ta’ interess komuni għandha tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Istat Membru, li l-proġett ikun marbut mat-territorju tiegħu/tagħhom” u li “jekk Stat Membru jiddeċiedi li ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu, għandu jippreżenta r-raġunijiet issostanzjati tiegħu għal dan lill-Grupp [reġjonali] konċernat”. Il-punt 10 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tal-istess regolament jippreċiża li, il-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-imsemmi grupp għandu jeżamina, fuq talba ta’ Stat Membru ta’ dan il-grupp reġjonali, ir-raġunijiet imsemmija. Għaldaqstant il-Kummissjoni ma kinitx awtorizzata titlob li jsir l-eżami tar-raġunijiet invokati mir-Repubblika Franċiża u, għaldaqstant, hija ma wettqet ebda żball f’dan ir-rigward. F’dan il-każ, ebda Stat Membru ma resaq biex jitlob lir-Repubblika Franċiża tispjega r-raġunijiet għar-rifjut tagħha.

56      Jekk wieħed jippreżupponi, kif isostnu r-rikorrenti, li l-konstatazzjoni magħmula mir-Repubblika Franċiża li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien l-iktar wieħed inċert hija bbażata fuq żball ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni ma kellhiex il-ġurisdizzjoni li tirrettifikaha, daqs kemm il-Qorti Ġenerali ma għandhiex il-ġurisdizzjoni li teżamina hija stess din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, waqt is-seduta, u mingħajr dan ma ġie kkontestat mir-rikorrenti, ir-Repubblika Franċiża indikat li r-rifjut tagħha biex tagħti l-approvazzjoni tagħha għal-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni kien is-suġġett ta’ kontestazzjoni quddiem it-tribunal administratif de Paris (il-Qorti Amministrattiva ta’ Pariġi, Franza).

57      Fil-kuntest tat-tieni lment, ir-rikorrenti jakkużaw lill-grupp reġjonali li kiser l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 347/2013 sa fejn dan ma adottax regoli interni.

58      L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 347/2013 jipprovdi li kull grupp reġjonali għandu jadotta r-regoli interni tiegħu fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Anness III. Madankollu, jirriżulta mid-dokumenti li ġew ippreżentati fil-proċess mir-rikorrenti stess li r-regoli ta’ natura interna kienu ġew adottati fil-forma ta’ mandat ta’ diversi gruppi reġjonali tal-gass u tal-elettriku, fosthom tan-“network fl-ibħra tat-Tramuntana” – jiġifieri l-kuritur u ż-żona ta’ prijorità u l-kopertura ġeografika li fiha jidħol il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind. Ir-rikorrenti jindikaw huma stess li setgħu jsiru jafu b’dawn ir-regoli interni permezz tal-portal tal-PIK tal-Unjoni u setgħu jniżżluhom.

59      Il-fatt li r-regoli interni kellhom il-kelma “Draft” ma għandha ebda effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, bl-ammissjoni tar-rikorrenti stess espressa fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom, huma kienu perfettament konxji mill-fatt li, minkejja l-imsemmija kelma, din kienet il-verżjoni finali tar-regoli interni, u dan mill-bqija kien attestat mill-fatt li l-isem tal-fajl elettroniku kien fih il-kelma “Final”. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma ma jistgħux sempliċement jaffermaw b’mod vag u mhux ikkorroborat li l-grupp reġjonali tan-“network fl-ibħra tat-Tramuntana” ma kienx adotta regoli interni u li, għaldaqstant, il-proċess kien nieqes mit-trasparenza u ma offrilhomx garanziji minimi.

60      It-tielet ilment huwa bbażat fuq il-fatt li d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma setax jikkostitwixxi raġuni biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ inklużjoni ta’ dan il-proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-grupp reġjonali kien diġà eżamina din il-kwistjoni, ma kkonstata ebda problema marbuta mal-imsemmi dewmien u lanqas stedinhom biex jiġġustifikaw ruħhom fuq dan il-punt.

61      Dan l-ilment huwa irrilevanti. Fil-fatt, id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma ġiex invokat mir-Repubblika Franċiża bħala raġuni biex tirrifjuta, fi ħdan il-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali tan-“network fl-ibħra tat-Tramuntana”, li tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind.

62      Ċertament, jirriżulta mill-opinjoni tal-ACER tal-25 ta’ Settembru 2019 li l-KRE semma d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind u li din hija waħda mir-raġunijiet li għalihom l-imsemmi KRE oppona għall-inklużjoni tal-imsemmi proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Madankollu, kif ġustament tenfasizza l-Kummissjoni, il-pożizzjoni ta’ awtorità regolatorja nazzjonali ma tistax tiġi interpretata bħala li hija l-pożizzjoni ta’ Stat Membru fi ħdan il-korp għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat. Barra minn hekk, minn ebda dokument ma jidher li r-Repubblika Franċiża għamlet tagħha r-raġunijiet invokati mill-imsemmija awtorità regolatorja nazzjonali.

63      Għal din ir-raġuni, huwa irrilevanti wkoll l-argument tar-rikorrenti li skontu ma sarux osservazzjonijiet, waqt il-laqgħa tat-28 ta’ Mejju 2019 tal-grupp reġjonali tan-“network fl-ibħra tat-Tramuntana”, fuq id-dewmien li affaċċja l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fl-implimentazzjoni tiegħu, u li fir-rigward tiegħu r-rikorrenti ma ġewx mitluba jiġġustifikaw ruħhom.

64      Għal dak li jikkonċerna r-raba’ lment, ibbażat fuq l-inkoerenzi u l-ineżattezzi li jinsabu fl-istudju Artelys dwar l-analiżi bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji, dan huwa, l-istess bħat-tielet ilment, irrilevanti.

65      Fil-fatt, ir-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma inkludietx il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fir-Regolament ikkontestat hija bbażata fuq l-oppożizzjoni tar-Repubblika Franċiża fuq l-imsemmi proġett, liema oppożizzjoni hija bbażata fuq raġunijiet li ma humiex konnessi mal-istudju Artelys. F’dan ir-rigward, mill-punt A.4.1.3 tal-opinjoni tal-ACER tal-25 ta’ Settembru 2019 jirriżulta li huwa l-KRE, u mhux ir-Repubblika Franċiża, li bbaża ruħu fuq dan l-istudju biex jiġġustifika l-oppożizzjoni tiegħu għall-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind.

66      Fil-kuntest tal-ħames ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-proġett Aquind seta’ jitneħħa mil-lista tal-PIK tal-Unjoni biss fil-każ previst fl-Artikolu 5(8) tar-Regolament Nru 347/2013. Huma jsostnu li l-Artikolu 3(3)(a) tar-Regolament Nru 347/2013 jobbliga lil Stat Membru li jirrifjuta proposta individwali ta’ PIK jippreżenta r-“raġunijiet” għal dan ir-rifjut, b’mod li d-deċiżjoni tiegħu ma tistax tkun purament arbitrarja. Madankollu, huma jikkonstataw li r-Repubblika Franċiża ma mmotivatx ir-rifjut ta’ approvazzjoni tagħha kontra l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind u li l-Kummissjoni tidher għaldaqstant li kkunsidrat li t-tneħħija tal-proġett kien possibbli għal raġuni differenti minn dik prevista fl-Artikolu 5(8) tar-Regolament Nru 347/2013, jiġifieri li l-proġett ma kienx sostnut mill-Istat Membri li fit-territorju tiegħu huwa kellu jitwettaq.

67      L-ewwel, ir-Regolament Nru 347/2013, fl-Artikolu 5(8) tiegħu, jikkontempla biss il-każijiet fejn proġett diġà inkluż fil-lista tal-PIK tal-Unjoni jitneħħa minnha, jiġifieri meta l-proġett kien inkluż f’din il-lista fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta li kienet tikkostitwixxi fattur deċiżiv għal din l-inklużjoni jew meta l-proġett ma kienx konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax l-inklużjoni ta’ proġetti fil-lista l-ġdida kull sentejn.

68      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma kienx “tneħħa” mil-lista tal-PIK tal-Unjoni, imma ma kienx ġie inkluż fuq il-lista l-ġdida skont il-proċedura ta’ stabbiliment ta’ din il-lista. L-Artikolu 5(8) tar-Regolament Nru 347/2013 hija għaldaqstant irrilevanti f’dan il-każ.

69      Din il-konklużjoni hija kkonfermata mill-premessa 24 tar-Regolament Nru 347/2013. Din tindika mingħajr ekwivoku li għandha ssir lista “ġdida” tal-PIK tal-Unjoni kull sentejn, li l-PIK eżistenti li għandhom jiġu inklużi fil-lista l-ġdida tal-PIK tal-Unjoni huma suġġetti għall-istess proċedura ta’ għażla bħall-proġetti proposti għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ listi tal-PIK tal-Unjoni, u li dawk li ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji u r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti mill-imsemmi regolament ma għandhomx jitniżżlu fil-lista l-ġdida tal-PIK tal-Unjoni. Il-proġetti li diġà kienu inklużi fil-lista preċedenti tal-PIK tal-Unjoni ma jibbenefikaw għaldaqstant minn ebda vantaġġ meta mqabbla mal-proġetti l-ġodda. Ir-Regolament Nru 347/2013 jillimita ruħu għal kunsiderazzjoni pragmatika, fil-premessa 24 tiegħu, billi jindika li, biex jimminimizza kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv għall-proġetti l-antiki, jeħtieġ li sa fejn hu possibbli tintuża informazzjoni mressqa preċedentement u jitqiesu r-rapporti annwali tal-promoturi ta’ dawn il-proġetti l-antiki.

70      It-tieni, ir-rikorrenti jinvokaw inutilment il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013 biex isostnu li l-eżerċizzju tad-dritt ta’ veto tal-Istat Membru għall-inklużjoni ta’ proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni huwa limitat biss għall-ewwel inklużjoni tal-imsemmi proġett f’din il-lista.

71      Fil-fatt, il-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013 jipprovdi li, “[m]eta Grupp ifassal il-lista reġjonali tiegħu[,] kull proposta individwali għal [PIK] għandha tkun teħtieġ l-approvazzjoni tal-Istat Membru, li l-proġett ikun marbut mat-territorju tiegħu/tagħhom” u li “jekk Stat Membru jiddeċiedi li ma jagħtix l-approvazzjoni tiegħu, għandu jippreżenta r-raġunijiet issostanzjati tiegħu għal dan lill-Grupp [reġjonali] konċernat”. Il-punt 10 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tal-istess regolament jippreċiża li, fuq talba ta’ Stat Membru tal-grupp, il-korp deċiżjonali fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat għandu jeżamina l-imsemmija raġunijiet.

72      Dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 347/2013 ma jagħmlu ebda distinzjoni skont jekk proġett ikunx is-suġġett ta’ talba għall-inklużjoni għall-ewwel darba jew jekk huwa kienx diġà inkluż fil-lista preċedenti. Dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għaldaqstant għal kull meta tiġi stabbilita lista ġdida u jirrigwardaw għaldaqstant kull proġett li għalih jopponi xi Stat Membru.

73      Il-fatt li Stat Membru għandu jippreżenta r-raġunijiet għar-rifjut tal-approvazzjoni ta’ proġett u li l-korp għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat għandu jeżaminahom fuq talba ta’ Stat Membru ieħor tal-imsemmi grupp ma jfissirx għal daqshekk li d-dritt ta’ veto tal-Istat Membru jista jiġi eżerċitat biss fuq il-bażi ta’ kriterju previst mir-Regolament Nru 347/2013. Fil-fatt, minn naħa, l-Istat Membru għandu s-setgħa diskrezzjonali skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE biex jirrifjuta l-approvazzjoni tiegħu għall-finijiet tal-inklużjoni ta’ proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, u f’dan is-sens, la jirriżulta mill-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013 u lanqas mid-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dan l-istess regolament, li r-“raġunijiet” li fuqhom l-Istat Membru jista’ jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu huma limitati għall-każijiet fejn jiġi kkonstatat nuqqas ta’ konformità mar-Regolament Nru 347/2013 b’mod partikolari mad-dritt tal-Unjoni inġenerali.

74      Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu r-rikorrenti, ma kienx hemm ksur tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013, peress li l-Kummissjoni kkonstatat ġustament, f’dan il-każ, li r-Repubblika Franċiża kienet ippreżentat ir-raġunijiet għar-rifjut tal-approvazzjoni għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Fil-fatt, il-minuti rispettivi tal-laqgħat tal-korpi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat isemmu li r-Repubblika Franċiża kkunsidrat li l-erba’ proġetti ta’ interkonnessjoni li jgħaqqdu lil Franza u r-Renju Unit iwasslu għal kapaċità eċċessiva u li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien l-iktar wieħed inċert minn dawn.

75      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames motiv, ibbażati fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, rispettivament

76      Ir-raba’ u ħames motivi huma bbażati fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, rispettivament. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni hija responsabbli biex temenda l-lista tal-PIK tal-Unjoni u għaldaqstant għandha d-dritt u d-dmir li tiżgura li jiġu osservati l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll il-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni. Huma jenfasizzaw li dawn ma kellhomx il-possibbiltà li jinstemgħu waqt il-laqgħat tal-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tekniċi jew tal-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli. Huma jsostnu wkoll li, bħala membru tal-“korpi għat-teħid ta’ deċiżjonijiet”, il-Kummissjoni għandha tadotta l-lista tal-PIK tal-Unjoni abbażi tad-delega tas-setgħa leġiżlattiva u li, għaldaqstant, hija tista’ timmodifika l-listi reġjonali proposti mill-korpi.

77      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża, tikkontesta r-raba’ u l-ħames motiv.

78      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinsab fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċedimenti amministrattivi u jinsab sanċit fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2017, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, T‑831/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:804, punt 165 u l-ġurisprudenza ċċitata). L-Artikolu 41(1) tal-Karta jipprovdi li “[k]ull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi ta’ l-Unjoni”. L-Artikolu 41(2) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba fiha b’mod partikolari d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament.

79      Barra minn hekk, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C‑485/08 P, EU:C:2010:188, punt 70). L-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu, madankollu, jiġi rrikonċiljat ma’ dak tal-prinċipju ta’ legalità (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑346/11 u T‑347/11, EU:T:2013:23, punti 109).

80      Fit-tieni lok, l-eżami tar-raba’ u l-ħames motiv jimplika li jiġi stabbilit liema huma r-rwoli attribwiti mir-Regolament Nru 347/2013 lil kull wieħed mill-parteċipanti fil-proċedura ta’ inklużjoni tal-proposti ta’ proġetti fil-lista tal-PIK tal-Unjoni kif ukoll l-iżvolġiment tal-imsemmija proċedura.

81      L-ewwel, kif jipprovdi l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013, huwa l-obbligu tal-grupp reġjonali kkonċernat li jfassal il-lista reġjonali ta’ proposti għal-PIK. F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li l-grupp inkwistjoni huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri, tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, tal-ġestjonarji ta’ network ta’ trasport, kif ukoll mir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-ACER u tan-network Ewropea tal-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku (ara l-punt 1 tat-Taqsima 1 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013).

82      Il-promoturi ta’ proġetti li possibbilment jistgħu jintgħażlu bħala PIK li jkunu jixtiequ jiksbu l-kwalità ta’ proġetti ta’ interess komuni għandhom iressqu quddiem il-grupp talba sabiex dawn jintgħażlu bħala PIK (ara l-punt 1 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013). Fir-rigward tal-proposti ta’ proġetti bħalma hija dik tal-proġett għall-interkonnessjoni tal-elettriku, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, u jekk ikun hemm bżonn l-ACER, għandhom jiżguraw l-applikazzjoni omoġenea tal-kriterji u tal-metodoloġija ta’ analiżi tal-benefiċċji meta mqabbla mal-ispejjeż, jevalwaw ir-rilevanza transkonfinali tagħhom u jippreżentaw l-evalwazzjoni tagħhom lill-grupp (ara l-punt 7 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013).

83      Għandu jitfakkar li l-leġiżlazzjoni tipprovdi, essenzjalment, li, meta jfassal il-lista reġjonali tiegħu ta’ proposti ta’ PIK tal-Unjoni, il-grupp reġjonali kkonċernat għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li kull proposta individwali ta’ PIK teħtieġ l-approvazzjoni tal-Istati Membri li t-territorju tagħhom huwa kkonċernat mill-proġett. Stat Membru li jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għandu jagħti r-raġunijiet għal dan ir-rifjut lill-grupp ikkonċernat (ara l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013). F’dan il-kuntest, huwa previst li, fuq talba ta’ Stat Membru, il-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-imsemmi grupp għandu jeżamina r-raġunijiet imressqa mill-Istat Membru biex jiġġustifika r-rifjut tiegħu li japprova proġett ta’ interess komuni li jikkonċerna t-territorju tiegħu (ara l-punt 10 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013).

84      L-abbozz ta’ listi reġjonali ta’ proposti ta’ proġetti, imħejji mill-grupp, għandu jintbagħat lill-ACER. Din tevalwa l-imsemmi abbozz ta’ listi u tadotta opinjoni fuqu – li tirrigwarda b’mod partikolari l-applikazzjoni omoġenea tal-kriterji u l-analiżi tal-ispejjeż u l-vantaġġi bejn ir-reġjuni (ara l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013 u l-punt 12 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tal-istess regolament).

85      Wara l-opinjoni tal-ACER, il-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjoni fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat “jadotta” l-lista reġjonali finali ta’ proposti ta’ PIK tal-Unjoni, fuq il-bażi tal-proposta tal-grupp u filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-ACER u l-evalwazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kompetenti. L-imsemmi korp jippreżenta l-lista reġjonali finali lill-Kummissjoni.

86      Bis-saħħa ta’ delega ta’ poter, il-Kummissjoni hija awtorizzata tadotta atti ddelegati li jistabbilixxu l-lista tal-PIK tal-Unjoni. Madankollu, il-premessa 23 tar-Regolament Nru 347/2013 tindika li d-delega lill-Kummissjoni tas-setgħa li tadotta u teżamina mill-ġdid din il-lista b’konformità mal-Artikolu 290 TFUE issir “filwaqt li jiġi rispettat id-dritt tal-Istati Membri li japprovaw [PIK tal-Unjoni] marbuta mat-territorju tagħhom”. F’dan is-sens, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(4) ta’ dan ir-regolament ifakkar li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ att li jistabbilixxi l-lista tal-PIK tal-Unjoni għandha tiġi eżerċitata “skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 tat-TFUE”. It-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE jipprovdi li l-PIK tal-Unjoni li jikkonċernaw it-territorju ta’ Stat Membru jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ dan l-Istat Membru.

87      It-tieni, il-konklużjonijiet li ġejjin jistgħu jinsiltu mid-deskrizzjoni tad-diversi stadji tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 347/2013.

88      Qabelxejn, la l-korp deċiżjonali tekniku tal-grupp reġjonali kkonċernat (li jfassal il-lista reġjonali tal-proposti ta’ PIK tal-Unjoni), la l-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli ta’ dan il-grupp reġjonali (li jadotta l-lista reġjonali tal-proposti ta’ PIK tal-Unjoni), u lanqas il-Kummissjoni (li tadotta l-att iddelegat li jistabbilixxi definittivament il-lista tal-PIK tal-Unjoni) ma jistgħu jinkludi, f’dawn il-listi, proposta individwali ta’ proġett li ma rċeviex l-approvazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-proġett għandu jitwettaq.

89      Sussegwentement, u kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali biex tfassal b’mod definittiv il-lista tal-PIK tal-Unjoni, u dan b’mod kuntrarju għal dak li jsostnu essenzjalment ir-rikorrenti.

90      Fil-fatt, is-setgħat iddelegati tal-Kummissjoni – mogħtija mill-Artikolu 3(4) u mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 347/2013, flimkien – biex tadotta definittivament il-lista tal-PIK tal-Unjoni għandhom jiġu eżerċitati fil-limiti tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u tar-Regolament Nru 347/2013. Issa, kif diġà ġie enfasizzat fil-punt 86 iktar ’il fuq, l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati hija eżerċitata “skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 tat-TFUE”. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma għandha ebda setgħa żżid fuq il-lista inkwistjoni proġett li kien is-suġġett ta’ rifjut ta’ approvazzjoni minn Stat Membru li fit-territorju tiegħu l-imsemmi proġett kellu jitwettaq.

91      Fl-istess sens, jirriżulta kemm mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(4) u kif ukoll mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 347/2013 li l-kompitu li tiżgura l-istabbiliment, kull sentejn, tal-lista tal-PIK tal-Unjoni u dak li tadotta l-imsemmija lista, li għandha l-Kummissjoni, jitwettqu “abbażi tal-listi reġjonali” ta’ proposti ta’ PIK tal-Unjoni.

92      Fil-kuntest ta’ dan il-kompitu, il-kompetenzi tal-Kummissjoni huma ddefiniti preċiżament bħala li huma dawk li “tiżgura li dawk il-proġetti li jissodisfaw il-kriterji msemmija fl-Artikolu 4 [tar-Regolament Nru 347/2013] […] biss jiġu inklużi [fil-lista tal-PIK tal-Unjoni]” (Artikolu 3(5)(a) tar-Regolament Nru 347/2013), li “tiżgura l-konsistenza interreġjonali, filwaqt li titqies l-opinjoni tal-A[CER]”(Artikolu 3(5)(b) tar-Regolament Nru 347/2013) u li “ikollha t-tir ta’ għadd totali ġestibbli ta’ [proġetti] fil-lista tal-[PIK tal-]Unjoni” (Artikolu 3(5)(d) tar-Regolament Nru 347/2013).

93      Issa, it-tliet kompetenzi msemmija hawn fuq li ngħataw lill-Kummissjoni jistgħu loġikament jiġu eżerċitati biss fuq il-proġetti li jinsabu fil-listi reġjonali ta’ proposti ta’ PIK tal-Unjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni tista’ tevalwa l-osservanza tal-kriterji applikabbli għall-PIK, imsemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 347/2013, għal dak li jikkonċerna biss il-proġetti li jinsabu f’dawn il-listi. L-eżami tal-osservanza tal-imsemmija kriterji ma jistax jikkonċerna proġett li, minħabba r-rifjut minn qabel tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-imsemmi proġett kellu jitwettaq, lanqas huwa eżaminat fid-dawl ta’ dawn il-kriterji mill-korpi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-grupp reġjonali kkonċernat. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax strettament tagħmel eżami tal-osservanza ta’ dawn il-kriterji fir-rigward ta’ proġett li għalih qatt ma sar dan l-eżami.

94      Wieħed jista’ jasal għal konklużjoni simili għal dak li jikkonċerna l-kompetenza tal-Kummissjoni li tiżgura l-koerenza fir-reġjuni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-opinjoni tal-ACER. Tali kompetenza tista’ loġikament tiġi eżerċitata mill-Kummissjoni fir-rigward biss tal-proġetti li jinsabu fil-listi mfassla mill-korpi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-gruppi reġjonali. Għaldaqstant hija ma tistax tikkonċerna proġett li ma kienx inkluż f’dawn il-listi minħabba rifjut ta’ approvazzjoni minn Stat Membru li fit-territorju tiegħu kellu jitwettaq l-imsemmi proġett.

95      Fir-rigward tal-kompetenza li tikkonsisti filli jiġi vverifikat jekk in-numru totali ta’ proġetti huwiex ġestibbli, it-Taqsima 2 tal-Anness III tar-Regolament Nru 347/2013 tenfasizza fil-punt 14 tagħha li l-Kummissjoni tista’ ma tinkludix fil-lista tal-PIK tal-Unjoni ċerti proġetti jekk l-għadd totali ta’ PIK proposti jkun jaqbeż għadd ġestibbli. Mill-banda l-oħra, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 347/2013 ma tagħtiha l-kompetenza li tippermettilha żżid proġetti li ma ġewx adottati mill-korpi responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-gruppi reġjonali u lanqas, konsegwentement, dawk li ma ġewx approvati mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-imsemmi proġett kellu jitwettaq.

96      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda r-raġunijiet invokati mill-Istat Membru insostenn tar-rifjut ta’ approvazzjoni tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni rriżerva għall-Istati Membri biss li jappartjenu lill-grupp reġjonali kkonċernat il-possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-imsemmija raġunijiet, u eskluda għaldaqstant lill-partijiet l-oħra kollha li jikkostitwixxu l-grupp reġjonali, jiġifieri l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-ġestjonarji tan-network ta’ trasport, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-ACER u tan-network Ewropew tal-ġestjonarji ta’ network ta’ distribuzzjoni tal-elettriku. Il-leġiżlatur ried għaldaqstant li, b’kontinwazzjoni mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, il-kwistjoni tar-rifjut tal-approvazzjoni ta’ proġett tibqa’ f’idejn l-Istati Membri.

97      It-tielet, fuq livell fattwali, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża irrifjutat l-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni u ppreżentat ir-raġunijiet għal dan ir-rifjut lill-grupp ikkonċernat (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

98      Mill-elementi tal-kawża jirriżulta wkoll li ebda Stat Membru tal-grupp reġjonali ma talab li jiġu eżaminati r-raġunijiet imressqa mir-Repubblika Franċiża. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw b’mod żbaljat il-posta elettronika tal-20 ta’ Novembru 2019, indirizzata mill-korp kompetenti tar-Renju Unit lill-Kummissjoni, biex jaffermaw essenzjalment li dan l-ex Stat Membru oppona għat-tneħħija tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind u obbliga għaldaqstant lill-grupp biex jeżamina r-raġunijiet. Fil-fatt, din il-posta elettronika fiha talba biex isiru ċerti modifiki lill-minuti tal-laqgħa tal-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-4 ta’ Ottubru 2019, iżda ma fiha ebda talba, anki impliċita, lill-grupp reġjonali kkonċernat biex jeżamina r-raġunijiet imressqa mir-Repubblika Franċiża biex jirrifjuta l-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. L-imsemmija posta fiha biss teħid ta’ pożizzjoni tar-Renju Unit li permezz tagħha huwa jindika l-fehma tiegħu fuq l-erba’ proġetti ta’ interkonnessjoni bejnu u Franza.

99      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni setgħet teżerċita l-kompetenzi tagħha biss fir-rigward tal-lista ta’ proġetti adottata mill-korp responsabbli għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fuq livell għoli tal-grupp reġjonali kkonċernat, li hija ma setgħetx titlob li jiġu eżaminati r-raġunijiet li għalihom ir-Repubblika Franċiża kienet irrifjutat li tapprova l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind u li hija lanqas ma setgħet iżżid dan il-proġett fuq il-lista tal-PIK tal-Unjoni.

100    F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt tagħhom li jinstemgħu. Fil-fatt, mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni kienet obbligata, mingħajr ma kellha marġni ta’ diskrezzjoni, li ma tinkludix il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni u li hija kkonformat ruħha mar-regoli li jinsabu fir-Regolament Nru 347/2013.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti fl-ebda mument ma invokaw l-illegalità tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 347/2013, b’mod partikolari tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tal-istess regolament. Għaldaqstant, huma ma jistgħux jinvokaw ebda ksur tad-dritt tagħhom li jinstemgħu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2014, Raffinerie Heide vs Il-Kummissjoni, T‑631/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:830, punti 41 sa 44, u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawżi DK Recycling und Roheisen vs Il-Kummissjoni, Arctic Paper Mochenwangen vs Il-Kummissjoni, Raffinerie Heide vs Il-Kummissjoni u Romonta vs Il-Kummissjoni, C‑540/14 P, C‑551/14 P, C‑564/14 P u C‑565/14 P, EU:C:2016:147, punti 90 u 91).

102    Barra minn hekk, biex ksur tad-dritt għal smigħ ikun jista’ jwassal għall-annullament tar-Regolament ikkontestat, huwa l-obbligu tar-rikorrenti li jistabbilixxu li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, huma setgħu jinvokaw elementi li jistgħu jikkontestaw il-pożizzjoni tal-Kummissjoni u setgħu għalhekk jinfluwenzaw b’xi mod l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar meta eskludiet il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni eventwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, ebda element ma seta’ jinfluwenza b’xi mod il-pożizzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tar-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

103    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata bi ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

104    Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tiġi kkritikata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 79 iktar ’il fuq, hija ma setgħetx tittratta b’mod inugwali l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind meta mqabbel mal-proġetti kompetituri, peress li dan ma kienx jinsab fil-lista tal-proposti ta’ PIK mfassla mill-grupp reġjonali kkonċernat, li fuq il-bażi tagħha hija eżerċitat il-kompetenzi ddelegati tagħha, u għaldaqstant ma kinitx tinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-proġetti kompetituri li kienu jinsabu fl-imsemmija lista.

105    B’mod iktar partikolari, minn naħa, huwa inutli li r-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament minħabba li l-proġetti ta’ interkonnessjoni bejn Franza u r-Renju Unit (fosthom il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind) kienu intiżi għall-istess bżonnijiet tal-istess klijenti u li r-riżultati tal-istudju Artelys – li abbażi tiegħu l-imsemmija Kummissjoni allegatament irrifjutat li tapprova l-imsemmi proġett – ma kinux intiżi għal dan tal-aħħar b’mod partikolari, imma għat-tliet proġetti l-oħra li kienu kompetituri.

106    Fil-fatt, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni setgħet tikkonstata biss ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. Fuq kollox, mill-eżami tal-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni jirriżulta li r-riżultati tal-istudju Artelys ma jikkostitwixxux raġuni li għaliha l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma kienx inkluż fil-lista ta’ proposti mfassla mill-grupp ta’ deċiżjoni kkonċernat u lanqas ma jikkostitwixxu r-raġuni li għaliha l-Kummissjoni ma inkludietx dan il-proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

107    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jibbażaw inutilment il-ħames motiv tagħhom, dedott minn ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fuq il-fatt li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien ikklassifikat ogħla miż-żewġ proġetti kompetituri fil-klassifikazzjoni tal-proposti ta’ PIK magħmula skont il-metodu ta’ evalwazzjoni u li, minkejja dan, huwa ma ġiex inkluż fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

108    Fil-fatt, barra mill-fatt li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma kienx jinsab fil-lista reġjonali adottata mill-grupp ta’ deċiżjoni u li l-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tieħdu inkunsiderazzjoni, il-klassifikazzjoni li jinvokaw ir-rikorrenti hija fi kwalunkwe każ irrilevanti għal kollox. Ir-Regolament Nru 347/2013 jindika mingħajr ekwivoku, fl-Artikolu 4(4) tiegħu u fil-punt 14 tat-Taqsima 2 tal-Anness III tiegħu li l-klassifikazzjoni tal-proġetti hija intiża biss għall użu intern tal-grupp, li la l-lista reġjonali u lanqas il-lista tal-PIK tal-Unjoni ma fihom klassifikazzjoni, u li hija ma tista’ tintuża għal ebda għan ulterjuri ieħor, ħlief meta l-Kummissjoni teżerċita l-kompetenza mfakkra fil-punt 95 iktar ’il fuq, li hija dik li tivverifika jekk l-għadd totali ta’ proġetti huwiex ġestibbli.

109    F’dan il-kuntest, għandu jiġi eżaminat l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Baltic Cable (C‑454/18, EU:C:2020:189). Huma jfakkru li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet fiha li s-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kellhom jiġu interpretati u applikati b’mod li josserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni anki meta r-regolament ma jagħtix lill-awtorità kkonċernata s-setgħa espressa li tieħu l-miżuri neċessarji biex tevita kull diskriminazzjoni. Huma jsostnu essenzjalment li, bl-istess mod, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta l-listi tal-PIK tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod li josserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, f’dan il-każ il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, anki jekk ir-Regolament Nru 347/2013 ma jagħtihiex is-setgħa espressa li tieħu l-miżuri neċessarji f’dan ir-rigward.

110    Dan l-argument ma jistax jirnexxi. Minn naħa, ir-rikorrenti jitilqu mill-premessa żbaljata li s-sitwazzjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kkonċernati bis-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2020, Baltic Cable (C‑454/18, EU:C:2020:189), hija l-istess bħal dik tal-Kummissjoni f’din il-kawża. Issa, teżisti differenza fundamentali bejn iż-żewġ sitwazzjonijiet inkwistjoni minħabba l-fatt li, skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku [skambji transkonfinali tal-elettriku] u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), l-awtorità regolatorja nazzjonali kienet mogħtija l-kompetenza li tieħu deċiżjoni dwar l-użu tad-dħul tal-ġestjonarju ta’ network ta’ trasport ikkonċernat. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tinkludi l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, peress li r-Repubblika Franċiża kienet eżerċitat id-dritt tagħha li ma tapprovax l-imsemmi proġett, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE u l-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013.

111    Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Kummissjoni kienet, għall-finijiet tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ħadet l-inizjattiva li tinkludi l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, l-azzjoni tagħha kisret il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u, b’mod partikolari, it-Trattat FUE stess.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ u l-ħames motiv, ibbażati fuq il-ksur għal amministrazzjoni tajba u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, rispettivament, għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

113    Fil-kuntest tas-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, qabelxejn, ir-rikorrenti jsostnu li l-opportunità u n-neċessità li jitneħħa l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni kellhom jiġu evalwati b’mod iktar strett u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura ta’ dan il-proġett u l-konsegwenzi tal-imsemmija tneħħija. Imbagħad, huma jsostnu li, fin-nuqqas ta’ informazzjoni fuq il-motivi tat-tneħħija tal-proġett mil-lista, ma huwiex possibbli li tiġi evalwata n-natura proporzjonata tar-Regolament ikkontestat. Barra minn hekk, huma jikkritikaw lill-Kummissjoni, dwar il-mod kif fehmet il-garanziji proċedurali u l-mod kif tosserva l-prinċipji fundamentali, li ma waslitx sal-punt meħtieġ, fl-interpretazzjoni tagħha tar-Regolament Nru 347/2013, biex tilħaq l-għanijiet ta’ dan ir-regolament. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li r-Regolament Nru 347/2013 għandu bħala għan li jiffaċilita t-twettiq tal-proġetti tal-PIK u li l-interpretazzjoni li għamlet il-Kummissjoni hija inkompatibbli mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li perijodu ta’ sentejn huwa insuffiċjenti biex jippermetti lil proġett jibbenefika mill-proċedura ta’ investiment u ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż prevista fl-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament.

114    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, tikkontesta dan il-motiv.

115    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Skont dan il-prinċipju, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx jaqbżu l-limitu ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament mfittxija mill-miżura inkwistjoni, u dan peress li, meta għażla toffri diversi miżuri xierqa, jeħtieġ li tintuża l-inqas waħda oneruża u l-inkonvenjenzi kkaġunati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenzi tat-13 ta’ Novembru 1990, Fedesa et, C‑331/88, EU:C:1990:391, punt 13; tal-5 ta’ Mejju 1998, Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni, C‑180/96, EU:C:1998:192, punt 96, u tat-23 ta’ Settembru 2020, BASF vs Il-Kummissjoni, T‑472/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:432, punt 108).

116    Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura għandha tiġi rrikkonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni possibbilment irrikonoxxut lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fl-adozzjoni tagħha (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 145, u tas-16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg/BCE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 68).

117    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li jeħtieġ li jiġi eżaminat is-sitt motiv.

118    L-ewwel nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-proġett inkwistjoni wara r-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, u għaldaqstant hija setgħet biss tikkonstata dan ir-rifjut.

119    Sussegwentement, jeħtieġ li jitfakkar li, skont il-premessa 43 tar-Regolament Nru 347/2013, “[p]eress li l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-iżvilupp u l-interoperabbiltà tan-netwerks trans-Ewropej tal-enerġija u l-konnessjoni ma’ dawn in-netwerks, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 [TUE]. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan”.

120    Ir-Regolament Nru 347/2013 ma jipprevedix li l-promoturi ta’ proġetti għandhom jirċievu spjegazzjonijiet min-naħa tal-gruppi reġjonali u jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet qabel l-adozzjoni tal-listi reġjonali mill-imsemmija gruppi wara l-adozzjoni tal-atti ddelegati li permezz tagħhom il-Kummissjoni tistabbilixxi definittivament il-lista tal-PIK tal-Unjoni. Issa, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li jirrigwardaw il-proċedura ta’ adozzjoni tal-lista tal-PIK tal-Unjoni. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw ruħhom fuq dawn l-elementi biex isostnu li ma kienx possibbli għalihom li jevalwaw jekk it-tneħħija tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni kinitx proporzjonata. F’dan il-kuntest, huma lanqas ma jistgħu jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kumissjoni li ma tathomx spjegazzjoni minn qabel u li ma żguratx l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità matul il-proċedura ta’ stabbiliment tal-lista. Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni kkonformat ruħha mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 347/2013 meta hija adottata ir-Regolament ikkontestata. Min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li jiġu ddubitati r-raġunijiet imressqa minn Stat Membru biex jirrifjuta li jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal proġett hija rriżervata għar-rappreżentanti biss tal-Istati Membri tal-grupp reġjonali kkonċernat u l-Kummissjoni ma setgħetx għaldaqstant tindaħal f’dan ir-rigward.

121    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkritikaw b’mod żbaljat lill-Kummissjoni li ma evalwatx l-opportunità u n-neċessità li tneħħi l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni b’mod iktar strett u filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-imsemmi proġett. Fil-fatt, l-eżami tal-motivi preċedenti, b’mod partikolari l-analiżi magħmula fil-punti 87 sa 96 iktar ’il fuq, enfasizza l-impossibbiltà li l-Kummissjoni tissorpassa r-rifjut tar-Repubblika Franċiża u l-impossibbiltà li din tinkludi għalhekk il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, li ma kienx jinsab fil-lista reġjonali adottata mill-grupp reġjonali kkonċernat. Fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 116 iktar ’il fuq, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni ma kellhiex marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba li ma inkludietx dan il-proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni.

122    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jaffermaw essenzjalment li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, fir-Regolament ikkontestat, tar-Regolament Nru 347/2013 imur kontra l-għan imfittex minn dan ir-regolament – jiġifieri dak li jiffaċilità t-twettiq tal-proġetti – inkwantu huwa ċar li perijodu ta’ sentejn huwa insuffiċjenti sabiex jippermetti proġett biex jibbenefika minn proċedura ta’ investiment u ta’ tqassim transkonfinali tal-ispejjeż previsti fl-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament. Tali argument ma jistax jirnexxi. Fil-fatt, kif ġustament tenfasizza il-Kummissjoni, l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ infrastrutturi ma jiddependix mill-fatt li huma jkunu jew ma jkunux PIK tal-Unjoni.

123    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li s-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

124    Fil-kuntest tas-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, l-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 172 TFUE u r-Regolament Nru 347/2013 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li l-istatus ta’ PIK tal-Unjoni huwa totalment prekarju. Huma josservaw li ħadd ma seta’ jimmaġina bħala “probabbli” t-tneħħija diskriminatorja tal-istatus tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind bħala PIK tal-Unjoni. Sussegwentement, huma jsostnu li t-tneħħija arbitrarja, wara sentejn, tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni ppreġudikat l-aspettattivi leġittimi tagħhom. Fil-fatt, fil-fehma tagħhom, l-għan li jkun inkoraġġut l-investiment tal-proġetti prijoritarji previst fir-Regolament Nru 347/2013, l-inklużjoni inizjali tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind bħala PIK tal-Unjoni, l-isforzi kunsiderevoli użati u l-investimenti kbar li huma għamlu kienu jiżgurawlhom ċerta stabbilità għall-istatus ta’ dan il-proġett. Barra minn hekk, huma jenfasizzaw li r-rifjut tal-AECR fl-2018 li tagħti deroga taħt l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 kien motivat mill-fatt li l-interkonnessjoni Aquind kienet tinsab fil-lista tal-PIK tal-Unjoni u kienet tibbenefika, minħabba f’hekk, mill-benefiċċji previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013. Fil-fehma tagħhom, permezz ta’ din id-deċiżjoni, l-Unjoni tathom l-assigurazzjoni li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma kienx ser jitneħħa mill-imsemmija lista b’mod arbitrarju. Fl-aħħar nett, huma jsostnu li r-Repubblika Franċiża affermat b’mod żbaljat li ma setax ikun hemm aspettattivi leġittimi min-naħa tagħhom minħabba l-allegazzjoni li l-erba’ proġetti ta’ interkonnessjoni bejn Franza u r-Renju Unit kienu f’kompetizzjoni ma’ xulxin. Fil-fatt, huma jsostnu li t-tneħħija tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind mil-lista tal-PIK tal-Unjoni naqqas direttament il-pressjoni kompetittiva eżerċitata fuq il-proġetti rimanenti u vvantaġġja lil dawn tal-aħħar, li wassal għal riżultat kuntrarju għal dak li jikkonsisti filli “s-suq jitħalla jiddetermina liema PIK għandu jiġi implimentat”.

125    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Franċiża, tiċħad dan il-motiv.

126    L-ewwel nett, jeħtieġ li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li għandu bħala korollarju l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, jeżiġi, minn naħa, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-persuni suġġetti għaliha (sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et, C‑17/03, EU:C:2005:362, punt 80, u tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 46).

127    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jagħmel parti mill-prinċipji fundamentali tal-Unjoni. Id-dritt li persuna tinvoka dan il-prinċipju jestendi għal kull individwu li fih istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi fondati. Irrispettivament mill-forma li fiha tiġi kkomunikata, informazzjoni preċiża, inkundizzjonata, koerenti u li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli tikkostitwixxi garanzija li tista’ toħloq tali tamiet. Għall-kuntrarju, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilu mill-amministrazzjoni. Bl-istess mod, meta operatur ekonomiku prudenti u avżat ikun f’pożizzjoni li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura tal-Unjoni ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan ma jistax jinvoka l-benefiċċju tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi meta din il-miżura tiġi adottata (sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2013, Agrargenossenschaft Neuzelle, C‑545/11, EU:C:2013:169, punti 23 sa 26, u tas-26 ta’ Settembru 2014, B&S Europe vs Il-Kummissjoni, T‑222/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:837, punt 47).

128    Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li jkunu tnisslu fih tamiet fondati minn xi awtorità nazzjonali. Madankollu, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom f’li tinżamm fis-seħħ sitwazzjoni eżistenti li tista’ tinbidel fil-kuntest tad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, EU:C:2009:539, punt 53, u tal-11 ta’ Lulju 2019, Agrenergy u Fusignano Due, C‑180/18, C‑286/18 u C‑287/18, EU:C:2019:605, punt 31).

129    Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li jeħtieġ li jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-lista ta’ proposti mfassla mill-grupp reġjonali kkonċernat u ta’ dik tal-lista tal-PIK tal-Unjoni, il-Kummissjoni tistax tiġi kkritikata bi ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti fir-rigward taż-żamma tal-istatus tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind bħala PIK tal-Unjoni.

130    L-ewwel, jeħtieġ li jitfakkar li l-Kummissjoni ma kellha ebda marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tan-nuqqas ta’ inklużjoni tal-proġett inkwistjoni wara r-rifjut tar-Repubblika Franċiża milli tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, u li hija għaldaqstant setgħet biss tikkonstata dan ir-rifjut.

131    It-tieni, kif ġie enfasizzat b’mod partikolari fil-punti 69 sa 71 iktar ’il fuq, mil-leġiżlazzjoni applikabbli jirriżulta ċar li kull sentejn issir lista ġdida tal-PIK tal-Unjoni, li l-proġetti kollha – inkluż dawk inklużi fil-lista fis-seħħ tal-PIK tal-Unjoni – huma suġġetti għall-istess proċedura ta’ għażla, li l-proġetti li diġà kienu inklużi fil-lista preċedenti tal-PIK tal-Unjoni ma jibbenefikaw għaldaqstant minn ebda vantaġġ meta mqabbla mal-proġetti ġodda u li l-PIK tal-Unjoni li jikkonċernaw it-territorju ta’ Stat Membru jeħtieġu l-approvazzjoni ta’ dan tal-aħħar.

132    Il-kontenut mhux ambigwu tar-Regolament Nru 347/2013 jipprekludi li jiġi kkunsidrat li l-għan ta’ dan ir-regolament – li huwa intiż essenzjalment li jinkoraġġixxi l-investimenti fil-proġetti prijoritarji – u l-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni kienu jikkostitwixxu assigurazzjoni għar-rikorrenti li l-imsemmi proġett kellu jiġi inkluż ex officio fil-lista l-ġdida tal-PIK tal-Unjoni.

133    It-tielet, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tal-bord tal-appell tal-ACER tas-17 ta’ Ottubru 2018 li ċaħdet it-talba biex tingħata deroga skont l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 714/2009 għall-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kienet tikkostitwixxi assigurazzjoni min-naħa tal-Unjoni li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma kienx ser jitneħħa mil-lista tal-Unjoni b’mod arbitrarju sakemm din tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-inklużjoni.

134    F’dan ir-rigward, huwa utli li jitfakkar li, skont l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, id-deroga għas-sistema rregolata tista’ tingħata jekk “il-livell ta’ riskju assoċjat mal-investiment huwa tali li l-investiment ma jsirx jekk ma tingħatax eżenzjoni”. Ir-rikorrenti jenfasizzaw li r-rifjut tal-ACER li tagħtihom deroga kien motivat mill‑fatt li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien jinsab fil-lista tal-PIK tal-Unjoni u kien jibbenefika, minħabba f’hekk, mill-benefiċċji previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 347/2013.

135    Għalkemm huwa minnu li, biex ċaħdet it-talba għal deroga magħmula skont l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009, l-ACER irreferiet għall-istatus tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind bħala PIK tal-Unjoni (u għat-tqassim transkonfinali tal-ispejjeż li l-proġett inkwistjoni seta’ eventwalment jibbenefika minnu minħabba dan l-istatus), dan ir-riferiment ma kien jikkostitwixxi bl-ebda mod assigurazzjoni li tista’ tnibbet it-tama fir-rikorrenti li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien ser jiġi inkluż ex officio fil-lista l-ġdida tal-PIK tal-Unjoni. L-approċċ tal-ACER kellu pjuttost jinftiehem fis-sens li, jekk il-proġett inkwistjoni ma kienx baqa’ inkluż fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, dan jiftaħ il-possibbiltà li tintalab mill-ġdid id-deroga skont l-artikolu ċċitata iktar ’il fuq.

136    F’dan is-sens, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma setgħux jippretendu li tiġi “ffriżata” is-sitwazzjoni legali tagħhom li tirriżulta mill-inklużjoni inizjali tal-proġett tagħhom fil-listi tal-PIK tal-Unjoni minkejja li l-qafas ġuridiku kien jipprevedi l-possibbiltà ta’ tibdil. Huma kienu konxji wkoll mill-fatt li d-deċiżjoni dwar id-deroga skont l-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament Nru 714/2009 u dik biex tiġi adottata l-lista tal-PIK tal-Unjoni kienu meħudin minn korpi differenti u indipendenti l-wieħed mill-ieħor.

137    Ir-raba’, ir-rikorrenti ma jistgħu fl-ebda każ isostnu li l-iffirmar tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija nibbet, fil-konfront tagħhom, assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u koerenti li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind inizjalment inkluż fil-lista tal-PIK tal-Unjoni kien ser jiġi inkluż ex officio fil-lista l-ġdida tal-Unjoni. Fil-fatt, barra mill-fatt li dan l-argument bl-ebda mod ma huwa kkorroborat, l-iffirmar ta’ tali trattat ma jistax jagħti bħala tali assigurazzjoni lill-promoturi ta’ proġett speċifiku ta’ interkonnessjoni fir-rigward tal-istatus tal-proġett tagħhom bħala PIK tal-Unjoni. Dan japplika iktar u iktar meta l-eżistenza tal-imsemmi trattat ma kinitx tippermetti li jiġi injorat ir-rekwiżit ta’ approvazzjoni inizjali tar-Repubblika Franċiża, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE, biex il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind tagħhom jiġi inkluż fil-lista reġjonali ġdida tal-grupp reġjonali. Issa, ir-rikorrenti kienu jafu li tali approvazzjoni kienet nieqsa f’dan il-każ.

138    Il-ħames, huwa paċifiku li, fil-kuntest tal-adozzjoni tal-lista reġjonali l-ġdida tal-proposti ta’ proġetti u tal-lista l-ġdida tal-PIK tal-Unjoni, il-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind kien f’kompetizzjoni ma’ proġetti ta’ interkonnessjoni oħra bejn ir-Renju Unit u Franza. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kienu perfettament konxji mill-fatt li wieħed jew iktar minn dawn il-proġetti setgħu jkunu suffiċjenti biex jissodisfaw l-għanijiet tar-Regolament Nru 347/2013 u li kemm ir-Renju Unit kif ukoll ir-Repubblika Franċiża kellhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 347/2013 biex jagħtu jew ma jagħtux l-approvazzjoni tagħhom għal xi proġett jew ieħor minn dawn.

139    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma jistgħux jistrieħu fuq il-klassifikazzjoni miksuba għall-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind (aħjar minn dik mogħtija lill-proġetti l-oħra) biex jaffermaw li l-aspettattivi leġittimi tagħhom kienu miksura. Kif diġà tfakkar fil-punt 108 iktar ’il fuq, la l-lista reġjonali u lanqas il-lista tal-PIK tal-Unjoni ma kien fihom klassifikazzjoni u l-klassifikazzjoni tal-proposti ta’ PIK magħmula skont il-metodu ta’ evalwazzjoni setgħet tintuża mill-Kummissjoni biss meta hija teżerċita l-kompetenza tagħha li hija dik li tivverifika jekk l-għadd totali ta’ proġetti kienx ġestibbli.

140    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija

141    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jinvokaw il-ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija. Fl-ewwel lok, huma jsostnu li din id-dispożizzjoni għandha effett dirett minħabba li, minn naħa, in-natura u l-istruttura tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, kien irendiha kapaċi li tagħti drittijiet eżekuttivi u, min-naħa l-oħra, il-Karta stess hija suffiċjentement ċara u preċiża u ma għandhiex tkun is-suġġett ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni supplimentari. Fit-tieni lok, huma jsostnu li din id-dispożizzjoni tirregola t-trattament li kull parti kontraenti għandha tagħti lill-investituri tal-partijiet kontraenti l-oħra, li l-Unjoni u kull wieħed mill-Istati Membri tagħha huma kollha partijiet kontraenti fit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija u li l-investituri ta’ Stat Membru huma l-investituri ta’ parti kontraenti li ma hijiex l-Unjoni, u għaldaqstant dawn għandhom dritt jinvokaw din id-dispożizzjoni kontra l-Unjoni. Fit-tielet lok, huma jikkunsidraw li l-protezzjonijiet previsti mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija huma, fi kwalunkwe każ, rilevanti għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 347/2013 u għall-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li minnhom għandhom jibbenefikaw l-investituri kollha tal-Istat Membri.

142    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża, jiċħdu dan il-motiv.

143    B’mod preliminari, għandu jitfakkar li t-Trattat tal-Karta tal-Enerġija huwa ftehim multilaterali li fih huma kontraenti kemm il-parti l-kbira tal-Istati Membri kif ukoll l-Unjoni stess.

144    L-Artikolu 10 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija – intitolat “Promozzjoni, protezzjoni u trattament ta’ l-investimenti” – jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“Kull Parti Kontraenti għandha, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Trattat, tinkoraġġixxi u toħloq kondizzjonijet stabbli, ekwi, favorevoli u trasparenti għall-investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra biex jagħmlu investimenti fiż-żona tagħha. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jinkludu impenn biex jagħtu dejjem trattament ġust u ekwu lill-investimenti ta’ investituri ta’ Partijiet Kontraenti oħra. Dawn l-investimenti għandhom ukoll igawdu l-aktar protezzjoni u sigurtà kostanti u l-ebda Parti Kontraenti ma tista’ b’xi mod ixxellef b’miżuri mhux raġonevoli jew diskriminatorji l-amministrazzjoni, l-manutenzjoni, l-użu, it-tgawdija jew it-tneħħija tagħhom […]”.

145    Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, essenzjalment, l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija jelenka prinċipji ġenerali tad-dritt li jeżistu fid-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ ċertezza legali, ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ proporzjonalità. Issa, mill-eżami tar-raba’ sas-seba motiv jirriżulta li, bil-fatt li l-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind ma nżammx, fir-Regolament ikkontestat, bħala PIK tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li kisret dawn il-prinċipji. Għaldaqstant, lanqas ma tistax’ tiġi kkritikata bi ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

146    Sussegwentement, ir-rikorrenti inutilment isostnu li l-obbligu li jiġu żgurati kundizzjonijiet trasparenti u ġusti ma ġiex osservat minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ dak tar-rekwiżiti proċedurali u sostantivi invokati fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv, li ġew miċħuda. Minn dan isegwi li, inkwantu huwa bbażat fuq ir-raġunijiet li jinsabu f’dawn il-motivi, l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija għandu jiġi miċħud.

147    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li t-Trattati fundaturi, li jikkostitwixxu l-Karta Kostituzzjonali bażika tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament, 294/83, EU:C:1986:166, punt 23), stabbilixxew, b’differenza minn trattati internazzjonali ordinarji, ordinament ġuridiku ġdid, mgħammar b’istituzzjonijiet partikolari għalih, li favur tiegħu l-Istati li huma membri ta’ dan l-ordinament ġuridiku llimitaw, f’oqsma dejjem iżjed estiżi, id-drittijiet sovrani tagħhom u li s-suġġetti tiegħu ma humiex biss dawn l-Istati iżda wkoll iċ-ċittadini tagħhom (ara l-Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 157 u l-ġurisprudenza ċċitata).

148    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, fil-konfront kemm tad-dritt tal-Istati Membri kif ukoll tad-dritt internazzjonali, hija ġġustifikata minħabba karatteristiċi essenzjali tal-Unjoni u d-dritt tagħha, dwar, b’mod partikolari, l-istruttura kostituzzjonali tal-Unjoni kif ukoll in-natura nfisha tal-imsemmi dritt. Id-dritt tal-Unjoni huwa fil-fatt ikkaratterizzat mill-fatt li huwa mislut minn sors awtonomu, li huwa kkostitwit mit-Trattati, mis-supremazija tiegħu fuq id-drittijiet tal-Istati Membri, kif ukoll mill-effett dirett ta’ sensiela sħiħa ta’ dispożizzjonijiet applikabbli għaċ-ċittadini tagħhom u għalihom stess. Dawn il-karatteristiċi taw lok għal nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, b’mod reċiproku, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lill-Istati Membri bejniethom (ara, f’dan is-sens, Opinjoni 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punti 165 sa 167 u 201; ara wkoll, is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

149    Għal dak li jirrigwarda preċiżament ir-regoli li jorbtu, reċiprokament, l-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE jagħti setgħa diskrezzjonali lill-Istat Membru kkonċernat li jagħtu jew jirrifjutaw li jagħtu l-approvazzjoni tagħhom għall-inklużjoni ta’ proġett fil-lista tal-PIK tal-Unjoni, kif dan jirriżulta mill-eżami tal-motivi preċedenti (ara, b’mod partikolari, il-punti 38 sa 40, 45, 56, 110 u 111).

150    Għaldaqstant, it-Trattat FUE stabbilixxa b’mod ċar il-limiti għall-ġurisdizzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-PIK tal-Unjoni, peress li l-Kummissjoni hija prekluża milli tinkludi, fil-lista tal-imsemmija PIK, proġett li ma rċeviex l-approvazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandu jitwettaq l-proġett.

151    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippruvaw inutilment jikkontestaw it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati Membri u l-Unjoni fil-qasam tal-PIK tal-Unjoni. Fil-fatt, huma jikkritikaw, essenzjalment, lill-Kummissjoni li ma ssorpassatx ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża biex tagħti l-approvazzjoni tagħha għall-inklużjoni tal-proġett ta’ interkonnessjoni Aquind fil-lista tal-PIK tal-Unjoni u, konsegwentement, li kisret l-Artikolu 10 tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

152    Issa, fid-dawl tal-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-eżistenza ta’ nisġa strutturata ta’ prinċipji, ta’ regoli u ta’ relazzjonijiet legali reċiprokament interdipendenti li jorbtu, reċiprokament, lill-Unjoni stess u lill-Istati Membri tagħha, minn naħa, u tal-eżistenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru kkonċernat rrikonoxxuta mid-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija ma jistax ikollu portata tali li jobbliga lill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni t-tqassim tal-kompetenzi previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 172 TFUE u tikser għaldaqstant dan l-artikolu tal-aħħar.

153    Għalhekk, il-Kummissjoni kkonformat ruħha mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 172 TFUE. Għaldaqstant hija ma tistax tiġi kkritikata li kisret l-Artikolu 10(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija.

154    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

155    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

156    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

157    Peress li r-rikorrenti tilfu, dawn għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom stess kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

158    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Aquind Ltd, Aquind SAS u Aquind Energy Sàrl huma kkundannati għall-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Franċiża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Tomljenović

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Frar 2023.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-proċedura: l-Ingliż.