Language of document : ECLI:EU:T:2013:634

Kawża T‑116/11

Association médicale européenne (EMA)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Sitt Programm Qafas dwar l-attivitajiet ta’ riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u dimostrazzjoni li jikkontribwixxu għall-ħolqien taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u għall-innovazzjoni (2002/2006) – Kuntratti Dicoems u Cocoon – Nuqqas ta’ konformità mal-istipulazzjonijiet kuntrattwali ta’ parti mill-ispejjeż iddikjarati – Rexissjoni ta’ kuntratti – Rimbors ta’ parti mis-somom imħallsa – Danni – Kontrotalba – Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Arrikkiment indebitu – Rikors għal annullament – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Att li jidħol fl-ambitu ta’ kuntest purament kuntrattwali li minnu huwa inseparabbli – Nota ta’ debitu – Inammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-11 ta’ Diċembru 2013

1.      Rikors għal annullament – Rikors li fil-verità jirrigwarda tilwima ta’ natura kuntrattwali – Annullament ta’ nota ta’ debitu maħruġa mill-Kummissjoni – Nuqqas ta’ ġurisidzzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Artikoli 263 TFUE u 288 TFUE)

2.      Baġit tal-Unjoni Ewropea – Għajnuna finanzjarja Komunitarja – Obbligu tal-benefiċjarju li josserva l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna – Finanzjmanet li ma jirirgwardax l-ispejjeż effettivament minfuqa – Ġustifikazzjoni tar-realtà tal-ispejjeż iddikjarati – Assenza – Spejjeż ineliġibbli

(Artikolu 317 TFUE)

3.      Dritt tal-Unjoni Ewropea– Prinċipji – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

4.      Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjoni meħuda skont kuntratt

(Artikolu 296 TFUE)

5.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Prinċipju tal-projbizzjoni tal-arrikkiment indebitu tal-Unjoni – Kunċett

6.      Proċedura ġudizzjarja – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Rikors kontra ittra redatta mill-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha – Rikors għad-danni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali dirett kontra l-Kummissjoni – Aġenzija eżekuttiva li għandha personalità ġuridika – Inammissibbiltà

(Regolament tal‑Kunsill Nru 58/2003, Artikoli 4(2) u 21; Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2008/46)

7.      Proċedura ġudizzjarja – Suġġett tat-tilwima – Emenda fil-mori tal-kawża – Projbizzjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72, 74, 75)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 236, 263)

3.      l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma suġġetti għall-obbligi li jaqgħu taħt il-prinċipju ġenerali tal-amministrazzjoni tajba fir-rigward ta’ dawk amministrati esklużivament fil-kuntest tal-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet amministrattivi tagħhom. Min-naħa l-oħra, meta r-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u r-rikorrenti hija b’mod ċar ta’ natura kuntrattwali, din tal-aħħar tista’ tikkritika lill-Kummissjoni biss għal ksur ta’ stipulazzjonijiet kuntrattwali jew għal ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt.

(ara l-punt 245)

4.      L-obbligu ta’ motivazzjoni li huwa impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 296 TFUE jirrigwarda biss il-modi ta’ azzjoni unilaterali. Għaldaqstant dan ma huwiex impost fuq il-modi ta’ azzjoni skont kuntratt li jorbot din l-istituzzjoni inkwistjoni lill-parti avversarja.

(ara l-punt 275)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 282)

6.      Ittra bl-intestatura tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA), iffirmata mill-Kap tal-Unità tagħha, u mibgħuta minnu, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, ma tistax titqies li hija ntbagħtet mill-Kummissjoni jew bħala li hija responsabbli tagħha.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 58/2003, li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità, jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tistabbilixxi aġenziji eżekuttivi u tagħmilhom responsabbli sabiex iwettaq ċerti kompiti relatati mal-ġestjoni ta’ wieħed jew iktar programmi Komunitarji. Għalkemm il-Kummissjoni tkompli twettaq il-kompiti li jimplikaw marġni ta’ diskrezzjoni tali li jittraduċu għażliet politiċi, l-aġenzija tista’ tkun responsabbli għall-ġestjoni tal-fażijiet tal-proġett, għall-adozzjoni ta’ atti li jeżegwixxu l-baġit u, abbażi tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni, it-tranżazzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni tal-programm Komunitarju, inklużi dawk marbuta mal-għoti ta’ kuntratti u sussidji. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 58/2003 jipprevedi li l-aġenzija eżekuttiva għandha l-personalità ġuridika. Mill-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament jirriżulta li aġenzija eżekuttiva għandha tkun irregolata mil-liġi applikabbli għall-kuntratt inkwistjoni u li, fil-każ li ma jkunx hemm responsabbiltà kuntrattwali, hija għandha tagħmel tajjeb għal kwalunkwe danni kkaġunati minnha jew mill-aġenti tagħha fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri.

Skont l-imsemmi regolament, il-Kummissjoni stabbiliet ir-REA, bid-Deċiżjoni 2008/46. L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni 2008/46 jipprevedi li l-istatut tar-REA huwa rregolat mir-Regolament Nru 58/2003. Minn dan isegwi li r-REA għandha l-personalità ġuridika. Bl-istess mod, mid-Deċiżjoni 2008/46 flimkien mal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 58/2003 jirriżulta li, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, ir-REA għandha tikkumpensa d-danni kkawżati minnha jew mill-aġenti tagħha fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom.

(ara l-punti 292-296, 299, 300)

7.      Fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kawża abbażi tad-dritt materjali nazzjonali applikabbli għall-kuntratt.

Għall-kuntrarju, skont prinċipju ta’ dritt ġeneralment ammess li bih kull qorti tapplika r-regoli tagħha ta’ proċedura, il-ġurisdizzjoni kif ukoll l-ammissibbiltà tat-talbiet għandhom jiġu evalwati biss abbażi tad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta kontrotalba ssir fil-kuntest ta’ kontroreplika f’kawża quddiem l-imħallef tal-Qorti Ġenerali, l-ammissibbiltà tagħha għandha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi l-introduzzjoni ta’ motivi ġodda matul il-proċeduri, iżda tippermettihom f’ċerti ċirkustanzi. Madankollu, l-imsemmija dispożizzjoni ma tawtorizzax lil parti sabiex temenda, matul il-proċeduri, l-oġġett stess tal-kawża. L-Artikolu 48 tar-Regoli tal-Proċedura ma jaffettwax id-distinzjoni skont jekk hemmx ir-rikorrent jew il-konvenut. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu bħala inammissibbli eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà jew motiv imressaq għall-ewwel darba fil-kontroreplika u mhux ibbażati fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li ġew magħrufa waqt il-proċedura.

(ara l-punti 310-316)