Language of document : ECLI:EU:T:2008:25

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

31 ta’ Jannar 2008 (*)

“Varjetajiet ta’ pjanti – Appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti – Inammissibbiltà – Nuqqas ta’ interess individwali – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-kawża T‑95/06,

Federación de Cooperativas Agrarias de la Comunidad Valenciana, stabbilita f’Valencia (Spanja), irrappreżentata minn S. Roig Girbes, R. Ortega Bueno u M. Delgado Echevarría, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), irrappreżentat minn M. Ekvad, bħala aġent, assistit minn D. O’Keefe, solicitor, J. Rivas de Andrés u M. Canal Fontcuberta, avukati,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell tas-CPVO, li interveniet quddiem il-Qorti tal-Prim Istanza, li hija

Nador Cott Protection SARL, stabbilita f’Saint-Raphaël (Franza), irrappreżentata minn M. Fernández Mateos, S. González Malabia u M. Marín Bataller, avukati,

li għandha bħala suġġett tagħha rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell tas-CPVO tat-8 ta’ Novembru 2005 (kawża A 001/2005), dwar il-protezzjoni Komunitarja mogħtija lill-varjetà ta’ mandolina Nadorcott,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZATAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn N. J. Forwood, aġent President, I. Pelikánová u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Andová, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Marzu 2006,

wara li rat ir-risposta tas-CPVO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Lulju 2006,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Lulju 2006,

wara s-seduta ta’ l-4 ta’ Lulju 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 59 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta’ Lulju 1994 dwar drittijiet ta’ varjetajiet ta’ pjanti fil-Komunità (ĠU L 227, p. 1, iktar’il quddiem ir-“regolament bażiku”), dwar l-oġġezzjonijiet għall-għoti ta’ dritt [protezzjoni], jipprovdi:

“1.      Kull persuna tista’ tagħmel oġġezzjoni bil-miktub ma’ l-Uffiċċju għall-għoti ta’ dritt [protezzjoni] tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti

2.      Il-parti li toġġezzjona għandha tkun […] parti fil-proċeduri għall-għoti ta’ dritt [protezzjoni] tal-Komunità tal-varjetajiet ta’ pjanti flimkien ma’ l-applikant. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 88, min joġġezzjona għandu jkollu aċċess għad-dokumenti, inkluż ir-riżultati ta’ l-eżami tekniku u d-deskrizzjoni tal-varjetà msemmija fl-Artikolu 57(2).

[…]

5.      Deċiżjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet jistgħu jittieħdu […] [flimkien mad-] deċiżjonijiet […] [previsti fl-] Artikoli 61, 62 jew 63.”

2        L- Artikolu 67(1) tar-regolament bażiku jipprovdi li “[j]ista’ jsir appell minn deċiżjonijiet ta’ l-Uffiċċju li jkunu ttieħdu bis-saħħa ta’ l-Artikoli 20, 21, 59, 61, 62, 63 u 66”.

3        Skond l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku:

“Kull persuna naturali jew legali tista’ tappella, bla ħsara għall-Artikolu 82, kontra deċiżjoni, indirizzata lil dik il-persuna, jew kontra deċiżjoni li, għalkemm fil-forma ta’ deċiżjoni [i]ndirizzata lill-persuna oħra, tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil [din] ta’ l-ewwel. Il-partijiet fi proċeduri jistgħu, u l-Uffiċċju għandu, ikun parti fil-proċeduri ta’ l-appell.”

4        L-Artikolu 49(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1239/95 tal-31 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi r-regoli ta’ implementazzjoni sabiex jiġi applikat ir-Regolament bażiku ĠU L 121, p. 37, iktar’il quddiem ir-“regolament ta’ implementazzjoni”, taħt it-titolu “Ir-rifjut ta’ l-appell bħala inammissibli” jipprovdi li, “[j]ekk l-Appell ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku u b’mod partikolari [ma’] l-Artikoli 67, 68 u 69 tiegħu u […] [ma’ dawk ta’] dan ir-Regolament [...] b’mod partikolari l-Artikolu 45 tiegħu, il-Bord ta’ l-Appell għandu jgħarraf [...] dan [il-fatt] lill-appellant u għandu […] [jistiednu sabiex] jirrimedja n-nuqqasijiet misjuba, jekk [huwa] possibli, f’dak il-perjodu taż-żmien li jista’ jispeċifika” u li, “[j]ekk l-appell ma jiġix […] [issanat] fi żmien raġjonevoli, il-Bord ta’ l-Appell għandu jirrifjutah bħala inammissibli.”

5        L-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni, dwar il-proċedimenti legali orali quddiem il-Bord ta’ Appell ta’ l-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), jipprovdi:

“1.      Wara li jintbagħat il-każ [quddiem il-Bord ta’ l-Appell], il-President tal-Bord ta’ l-Appell għandu, mingħajr dewmien, isejjaħ lill-partijiet fil-proċedimenti ta’ l-appell għall-proċedimenti orali kif ipprovvdut fl-Artikolu 77 tar-Regolament Bażiku u għandu jiġbed l-attenzjoni tagħhom għall-kontenut ta’ l-Artikolu 59(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.      Il-proċedimenti orali u t-teħid tax-xhieda għandhom fil-prinċipju jinżammu f’seduta waħda.

3.      Ma għandhomx ikunu ammissibbli talbiet għal aktar seduti għajr għal talbiet imsejsa fuq ċirkostanzi li jkunu ġarrbu tibdil matul jew wara s-seduta.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Ir-rikorrenti hija federazzjoni li tgħaqqad l-assoċjazzjonijiet ta’ koperattivi agrikoli tal-provinċji ta’ Alicante, Castellón u ta’ Valencia (Spanja) li, minn naħa tagħhom, jgħaqqdu kważi l-kooperattivi agrikoli lokali kollha ta’ dawn it-tliet provinċji.

7        Fit-22 ta’ Awwissu 1995, is-Sur N., il-persuna li kabbret il-varjetà ta’ mandolina Nadorcott, ittrasferiet id-drittijiet tagħha marbuta ma’ din il-varjetà lis-Sur M. Fl-istess ġurnata, dan ta’ l-aħħar ressaq talba għall-protezzjoni Komunitarja għal din il-varjetà ta’ pjanta quddiem is-CPVO.

8        L-applikazzjoni ġiet ippublikata fil-Bullettin Uffiċjali tas-CPVO tas-26 ta’ Frar 1996.

9        Fil-21 ta’ Marzu 1997, is-Sur M. ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu relatati mal-varjetà Nadorcott lill-intervenjenti u informa lis-CPVO b’dan it-trasferiment.

10      Permezz tad-deċiżjoni Nru 14111 ta’ l-4 ta’ Ottubru 2004 (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni li tat il-protezzjoni”), is-CPVO ta l-protezzjoni komunitarja lill-varjetà ta’ l-intervenjenti.

11      Id-deċiżjoni li tat il-protezzjoni ġiet ippublikata fil-Bullettin Uffiċjali tas-CPVO tal-15 ta’ Diċembru 2004.

12      Fil-11 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti ressqet rikors quddiem il-Bord ta’ l-Appell kontra d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni. Il-motivi tar-rikors ġew elenkati f’nota ta’ l-14 ta’ April 2005. B’riferiment partikolari għall-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti ssostni li l-għoti ta’ protezzjoni lill-varjetà Nadorcott kienet tikkonċernaha direttament u individwalment. Inkwantu l-mertu, hija tikkunsidra, b’mod partikolari, li din il-protezzjoni kienet nulla minħabba n-nuqqas ta’ oriġinalità u ta’ natura distintiva tal-varjetà in kwistjoni.

13      Fl-24 ta’ Frar 2005, l-intervenjenti ppreżentat talba għal intervent u fid-29 ta’ Lulju 2005, hija ressqet l-argumenti tagħha f’nota separata. Hija sostniet li r-rikorrenti ma kellhiex locus standi speċjalment minħabba li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni ma kinitx tikkonċernaha direttament u individwalment. Hija kkontestat ukoll il-fondatezza tal-mertu tar-rikors.

14      Fin-nota tiegħu tal-15 ta’ Settembru 2005, is-CPVO sostna, fl-ewwel lok, li r-rikors kien inammissibbili minħabba nuqqas ta’ locus standi. Is-CPVO talab ukoll li r-rikors jiġi miċħud inkwantu l-mertu tiegħu.

15      Fit-8 ta’ Novembru 2005, instemgħet is-seduta quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Hemmhekk, ir-rikorrenti sostniet li bis-saħħa ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni, il-Bord ta’ l-Appell imissu, qabel is-seduta, talabha tippreżenta d-dokumenti li juru li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni kienet tirrigwarda direttament u individwalment lill-membri tagħha. Hija talbet li jingħatalha terminu biex tirritorna fi Spanja sabiex tgħaqqad u tippreżenta dokumentazzjoni kompleta f’dan ir-rigward jew li, għall-inqas, jingħatalha d-dritt li tippreżenta waqt is-seduta d-dokumenti mhux kompluti li r-rappreżentanti tagħha kienu ġabu magħhom. Hija rrilevat li din id-dokumentazzjoni kienet tinkludi dokumenti li kienu jagħtuha s-setgħa li tressaq rikors f’isem il-produtturi individwali tal-mandolin, kif ukoll kuntratt bejn Geslive (entità inkarigata bl-amministrazzjoni u d-difiża fi Spanja tad-drittijiet u l-interessi ta’ l-intervenjenti relatati mal-varjetà Nadarcott) u l-koperattiva Anecoop (membru ta’ assoċjazzjoni ta’ koperattivi, membru tar-rikorrenti) dwar il-ħlas ta’ royalties dovuti minn din ta’ l-aħħar għall-użu tal-varjetà Nadarcott.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2005 (iktar il-quddiem id-deċiżjoni kkontestata), il-Bord ta’ l-Appell ċaħad ir-rikors tar-rikorrenti bħala inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ locus standi. Huwa ċaħad ukoll it-talba tagħha għall-awtorizzazzjoni sabiex tippreżenta dokumenti.

 It-talbiet tal-partijiet

17      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż.

18      Is-CPVO jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat fit-totalità tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż, u sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn ir-rikors ikun fondat, tikkundanna lis-CPVO għall-ispejjeż tiegħu biss.

19      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors infondat fit-totalità tiegħu;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

20      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, sostanzjalment, tliet motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 49 u 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, it-tieni wieħed, fuq deċiżjoni żbaljata dwar il-locus standi tagħha u, it-tielet wieħed, fuq l-inosservanza ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 49 u 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba

21      L-ewwel motiv jinqasam f’żewġ partijiet bbażati, l-ewwel waħda fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni u, it-tieni, fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni. Fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ partijiet, ir-rikorrenti ssostni wkoll il-ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

 Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

22      Ir-rikorrenti ssostni li jekk ir-rikors tagħha ma kienx konformi ma’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku, il-Bord ta’ l-Appell imissu, bis-saħħa ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni, infurmaha b’dan il-fatt u stedinha tissana l-irregolaritajiet irrilevati u dan, jekk possibbli, fit-terminu stabbilit mill-Bord ta’ l-Appell. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell qatt ma informa lir-rikorrenti li hija ma kellhiex locus standi u qatt ma stedinha tissana dik is-sitwazzjoni. Għaldaqstant, l-aġir tal-Bord ta’ l-Appell huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni.

23      Fl-ewwel lok, skond ir-rikorrenti, jirriżulta mill-kliem ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni li dan l-artikolu ma jirreferix biss għal “difetti evidenti ta’ rikors”. Peress li, fost dawn id-difetti, din id-dispożizzjoni ssemmi espressament l-inammissibbiltà pprovduta fl-Artikolu 68 tar-regolament bażiku, mhux probabbli li l-leġiżlatur Komunitarju ried jagħmel riferiment biss għad-difetti evidenti, il-għaliex difett ta’ inammissibbiltà qatt ma huwa evidenti. B’hekk, independentament mid-diffikultà li jġib miegħu l-issanar tad-difett, il-Bord ta’ l-Appell huwa marbut li jikkonforma ruħu ma’ l-obbligu previst mill-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni meta jkun possibbli li d-difett jiġi ssanat. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tibbaża ruħha mhux biss fuq il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, iżda wkoll fuq garanzija mogħtija lir-rikorrent mill-ordni ġuridika Komunitarja, li m’għandhiex tiġi interpretata b’manjiera daqshekk restrittiva kif kien ġara fil-każ preżenti. Minbarra dan, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq iċ-ċaħda tar-rikors minħabba l-allegat nuqqas ta’ locus standi biex tenfasizza li l-Bord ta’ l-Appell ma jikkontestax li d-difett kien jeżisti u lanqas ma jikkontesta li, fis-seduta, huwa baqa’ fid-dubju għal dak li jirrigwarda l-elementi rilevanti għall-evalwazzjoni tal-locus standi tagħha.

24      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-interpretazzjoni magħmula mill-Bord ta’ l-Appell tal-kliem “jekk possibli” fl-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni. Hija ssostni li mhuwiex il-kompitu tal-Bord ta’ l-Appell li jeżamina jekk id-difett jistax jiġi ssanat faċilment u, anki jekk huwa kelllu jipproċedi għal eżami bħal dan, huwa dejjem jibqa’ obbligat li jistieden lir-rikorrent sabiex jissana l-irregolarità. Hekk kif huwa l-kompitu tal-parti, u mhux tal-Bord ta’ l-Appell, li tfittex li tikkoreġi l-irregolarità rrilevata, dan ta’ l-aħħar m’għandux is-setgħa li jipproċedi mill-ewwel għall-eżami tal-kwistjoni dwar jekk ir-rikorrent huwiex jew le fil-pożizzjoni li jissanaha. Interpretazzjoni bħal din twassal għal pożizzjoni arbitrarja, il-għaliex l-użu ta’ dritt ta’ parti jkun qiegħed jiġi suġġett għal kif l-amministrazzjoni tipperċepixxi l-kapaċità ta’ din ta’ l-aħħar li teżerċità d-dritt tagħha.

25      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa mfassal b’mod imperattiv, peress li jipprovdi li “il-Bord ta’ l-Appell għandu jgħarraf [...] dan [il-fatt] lill-appellant u għandu […] [jistiednu] jirrimedja n-nuqqasijiet misjuba”. B’hekk dan l-artikolu jobbliga lill-Bord ta’ l-Appell li jinnotifika l-irregolarità u jistiednu li jissanaha. Madankollu, huwa ma rrispettax dawn iż-żewġ obbligi. Min-naħa l-oħra, skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell m’għandux l-obbligu li jinfurmaha li għandha tipproduċi dokumenti biex tissana l-irregolarità. Fil-fatt, peress li l-produzzjoni ta’ dokumenti huwa biss wieħed mill-ħafna mezzi f’idejn il-parti biex tiġi ssanata l-irregolarità ikkonstatata, l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni ma jimponix dan l-obbligu fuqha.

26      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-fatt li hija kienet ġiet infurmata bl-oġġezzjonijiet tal-partijiet l-oħra relattivi għall-ammissibbiltà tar-rikors ma jiġġustifikawx in-nuqqas ta’ diliġenza tal-Bord ta’ l-Appell fit-twettiq ta’ l-obbligu tiegħu previst fl-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni. Dan ta’ l-aħħar qatt ma jista’ jissuġġetta r-rispett ta’ l-obbligu impost fuqu għal eżami tal-kontenut ta’ l-allegazzjonijiet tal-partijiet u lanqas ma jista’ jaġixxi biss meta l-partijiet ma’ jagħmlux riferiment għall-irregolaritajiet previsti fl-Artikolu 49 tar- regolament ta’ implementazzjoni. Fil-fatt, din mhijiex “proċedura ġudizzjarja privata”.

27      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell injora n-natura amministrattiva tal-proċedura ta’ appell meta kkunsidra li jekk r-rikorrenti tiġi awtorizzata tissana n-nuqqas ta’ locus standi dan iwassal biex jiġu deċiżi qabel il-waqt kwistjonijiet ikkontestati mill-partijiet. Hija tfakkar li l-inammissibbiltà hija kwistjoni ta’ ordni pubblika li l-entità li quddiemha tressaq ir-rikors għandha teżamina ex officio. B’hekk, il-kwistjoni dwar jekk in-nuqqas ta’ locus standi ġiex imqajjem mill-partijiet, m’għandhiex tingħata importanza.

28      Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti sostniet għall-ewwel darba waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza li l-uniku dokument li kien ġie mgħarraf lilha mill-Bord ta’ l-Appell qabel is-seduta kien jirrigwarda deċiżjoni ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Ġunju 2005, li kienet tipprovdi li, bla preġudizzju għad-deċiżjoni finali, il-Bord ta’ l-Appell ma kienx kkunsidra li r-rikors kien manifestament infondat. Abbażi ta’ din id-deċiżjoni u minħabba li l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni ma kienx japplika, hija ssostni li kellha aspettattiva leġittima li, qabel is-seduta, l-locus standi kien ġie ppruvat b’mod adegwat.

29      Is-CPVO jikkunsidra li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 49 tar-Regolament ta’ implementazzjoni proposta mir-rikorrenti hija mingħajr bażi. Waqt li jikkunsidra li huwa diffiċli li wieħed jissana nuqqas ta’ locus standi, is-CPVO jsostni li r-referenza magħmula mill-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni għall-Artikolu 68 tar-regolament bażiku tista’ tirreferi biss għall-korrezzjoni ta’ żbajli purament formali. Minbarra dan, peress li matul il-proċedura bil-miktub, ir-rikorrenti kienet irrispondiet għall-allegazzjonijiet ta’ l-intervenjenti li d-deċiżjoni ma kinitx tikkonċernaha b’mod dirett u individwali, il-locus standi tar-rikorrenti kien sar “kwistjoni tal-mertu” tal-proċess. Għaldaqstant, ma kienx meħtieġ li l-Bord ta’ l-Appell jipprova jikkoreġi dan id-difett billi jikkunsidrah bħala żball formali. Minbarra dan, skond is-CPVO, li kieku ġew aċċettati s-setgħat mogħtija mill-produtturi individwali, dan kien ikun ekwivalenti għall-awtorizzazzjoni li entità ġdida titħalla ssir parti mill-proċedura minkejja li t-terminu biex tappella kien skada. Peress li r-rikorrenti ressqet l-appell f’isimha stess, hija ma setgħetx tipprevalixxi ruħha, waqt is-seduta, mis-setgħat mogħtija mill-produtturi individwali li ma kinux membri diretti ta’ l-organizzazzjoni tagħha.

30      Skond l-intervenjenti, il-Bord ta’ l-Appell mhuwiex obbligat jivverifika minn qabel jekk jirriżultax mid-dokumenti prodotti mir-rikorrenti li din verament għandha locus standi. Huwa l-obbligu tar-rikorrenti li ssostni l-locus standi tagħha u li turi l-locus standi tagħha permezz ta’ provi rilevanti. L-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni jobbliga lill-Bord ta’ l-Appell jivverifika li din il-kundizzjoni formali hija sodisfatta, imma ma jobbligahx jivverifika jekk ir-rikorrenti għandhiex verament locus standi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

31      Permezz ta’ din il-parti tal-motiv, ir-rikorrenti tilmenta, minn naħa, li l-Bord ta’ l-Appell ma kienx infurmaha bil-fatt li huwa kien jikkunsidra li r-rikorrenti ma kellhiex locus standi u, min-naħa l-oħra, li huwa ma kienx stedinha tagħti prova tal-locus standi tagħha.

32      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, hekk kif tilmenta r-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell kisirx l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Bord ta’ l-Appell, minn naħa, jivverifika l-konformità tar-rikors mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku u r-regolament ta’ implementazzjoni u, min-naħa l-oħra, jinforma lir-rikorrent bl-irregolaritajiet irrilevati u jistiednu sabiex jissanahom, jekk huwa possibbli, fit-terminu ffissat.

33      Inkwantu l-obbligu li tiġi vverifikata l-konformità tar-rikors mad-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku u r-regolament ta’ implementazzjoni, hemm lok li jiġi osservat li l-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra ta’ l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jirrigwardaw il-konformità tar-rikors mad-dispożizzjonijiet kollha taż-żewġ regolamenti, waqt li l-verżjonijiet Franċiżi u Griegi jirrigwardaw biss il-kontroll, min-naħa tal-Bord ta’ l-Appell, tal-konformità tar-rikors mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 67, 68, u 69 tar-regolament bażiku u ta’ l-Artikolu 45 tar-regolament ta’ implementazzjoni. Madankollu, peress li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni uniformi tar-regolamenti Komunitarji tagħmilha impossibbli li leġiżlazzjoni speċifika tiġi kkunsidrata b’mod iżolat u teħtieġ li, f’każ ta’ dubju, regolament jiġi interpretat u applikat fid-dawl tal-verżjonijiet bil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara s-sentenza tal-qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Ottubru 1996, Lubella, Ġabra p. I-5105, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-verżjonijiet Franċiżi u Griegi ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni ma jagħtux lil dik is-silta tifsira differenti mill-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra u li dawn għandhom jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-verżjonijiet magħmula fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 1997, Ebony Maritime u Loten Navigation, C-177/95, Ġabra p. I-1111, punti 29 sa 31).

34      Għal dak li jirrigwarda l-obbligu doppju ta’ notifika u ta’ stedina sabiex jiġu ssanati d-difetti, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li jirriżulta b’mod partikolati mill-verżjoni Ġermaniża, Ingliża, Daniża, Spanjola, Taljana u Olandiża ta’ l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, li t-termini “jekk [huwa] possibli” jissuġġettaw l-obbligu ta’ notifika u ta’ stedina għall-possibbiltà oġġettiva li d-difetti rrilevati jiġu ssanati. Fil-fatt, bil-kontra ta’ dak li tippretendi r-rikorrenti, din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Bord ta’ l-Appell jevalwa l-possibbiltà li r-rikorrent jissana l-irregolarità sabiex dan l-obbligu jkun limitat għall-korrezzjonijiet li huma possibbli. Fil-fatt, peress li l-għan ta’ l-obbligu ta’ notifika u ta’ stedina previst mill-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni huwa li jippermetti lir-rikorrent li jissana, fit-terminu stabbilit, l-irregolaritajiet irrilevati mill-Bord ta’ l-Appell, għandu jkun possibbli li dawn l-irregolaritajiet jiġu ssanati. Madankollu, hekk kif isostnu s-CPVO u l-intervenjenti, nuqqas ta’ locus standi ma jistax jiġi ssanat.

35      Minbarra dan, l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jikkwalifika dak li għandu jiġi ssanat bit-termini “irrégularités” bil-Franċiż, “Mängel” bil-Ġermaniż, “deficiencies” bl-Ingliż, “irregolarità” bit-Taljan, “mangler” bid-Daniż u “irregularidades” bil-Portugiż, li jagħtu lil wieħed x’jifhem li huma jikkontemplaw il-korrezzjoni ta’ żbalji ta’ natura formali [ara, per eżempju, l-użu ta’ dawn it-termini fir-Regola 9(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat-13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p.1) u l-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002 tal-21 ta’ Ottubru 2002 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar disinnji Komunitarji (ĠU L 341, p.28)]. Bl-istess mod, it-termini “rectifié” bil-Franċiż, “berichtigt” bil-Ġermaniż, “berigtiges” bid-Daniż, “rettificato” bit-Taljan, u “regularizado” bil-Portugiż, użati fit-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, aktarx jikkontemplaw il-korrezzjoni ta’ żbalji formali (ara, per eżempju, ir-Regola 53 tar-Regolament Nru 2868/95 u, għat-terminu Franċiż, Ġermaniż u Daniż, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 2245/2002) u mhux it-talbiet għal argumenti jew provi addizzjonali li parti għadha ma ressqitx u li jirrigwardaw aspetti sostantivi ta’ l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha, bħalma huwa l-locus standi.

36      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni ma kienx jobbliga lill-Bord ta’ l-Appell jistieden lir-rikorrenti tissana n-nuqqas ta’ locus standi li kien ġie rrilevat mill-Bord ta’ l-Appell, peress li nuqqas bħal dan jikkostitwixxi difett sostantiv li ma jistax jiġi “irrimedjat” fis-sens tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni u li ma jistax jiġi ssanat.

37      It-tieni nett, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ notifika huwa marbut ma’ l-istedina sabiex jiġu ssanati d-difetti li jistgħu jiġu ssanati. Peress li l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jobbliga lill-Bord ta’ l-Appell jara li l-appell huwa konformi mad-dispożizzjonijiet kollha tar-regolamenti bażiku u ta’ implementazzjoni, li kieku l-Bord ta’ l-Appell ikun obbligat jinforma lir-rikorrent b’kull problema ta’ inammissibbiltà, inklużi wkoll dawk li ma jistgħux jiġu ssanati, dan kieku jmur kontra l-għan ta’ din id-dispożizzjoni, espost iktar’il fuq fil-punt 34. Għalkemm f’ċirkustanzi partikolari n-notifika ta’ problema ta’ ammissibbiltà li ma tistax tiġi ssanata tista’ ċertament twassal sabiex l-appellant jiġi protett minn deċiżjoni bbażata fuq raġunar li ma kienx is-suġġett ta’ dibattitu, obbligu ġenerali bħal dan jikkostitwixxi, ta’ spiss, piż iebes għall-Bord ta’ l-Appell li huwa, fl-istess ħin, ineffettiv, peress li l-appellant ma jistax jissana l-problema. Minbarra dan, hemm lok li jiġi mfakkar li fil-kawża preżenti, in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti kien diġà ġie mqajjem mill-partijiet u kien wieħed mill-elementi tal-kontroversja.

38      Fil-fatt, mit-talba ta’ intervent ta’ l-24 ta’ Frar 2005, ir-rikorrenti kienet ġiet mgħarrfa b’din il-problema, b’tali mod li ma kinitx baqgħet meħtieġa n-notifika tal-Bord ta’ l-Appell sabiex tadotta l-pożizzjoni tagħha. Fil-fatt, fin-nota tagħha ta’ l-14 ta’ April 2005, ir-rikorrenti rreaġixxiet għall-allegazzjonijiet ta’ l-intervenjenti u esponiet ir-raġunijiet li minħabba fihom hija kienet tikkunsidra li kellha locus standi. Minbarra dan, fin-nota tagħha tad-29 ta’ Lulju 2005, l-intervenjenti elenkat l-argumenti tagħha dwar in-nuqqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti u s-CPVO issottometta wkoll, fin-nota tiegħu, li r-rikorrenti ma kellhiex locus standi.

39      Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-fatt li l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni jirreferi għall-Artikolu 68 tar-regolament bażiku ma jipprekludix interpretazzjoni bħal din, il-għaliex, fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jistgħu jitqajmu wkoll problemi ta’ natura formali li jistgħu jiġu ssanati. Per eżempju, peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi rimedju legali għall-persuni legali, dawn huma obbligati, konformament ma’ l-Artikolu 82 tar-regolament bażiku, li jindikaw is-sede jew l-istabbiliment tagħhom, jew ir-residenza ta’ rappreżentant. Jekk informazzjoni bħal din ma tkunx ġiet inkluża, il-Bord ta’ l-Appell huwa obbligat jinnotifika lir-rikorrenti b’din l-irregolarità u għandu jistedinha sabiex tissanaha.

40      Minn dan jirriżulta li l-Bord ta’ l-Appell ma kisirx l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni meta ma nnotifikax lir-rikorrenti li huwa kien tal-fehma li hija ma kellhiex locus standi u meta ma talabhiex tissana din is-sitwazzjoni.

41      It-tieni nett, inkwantu l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, hemm lok li jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li l-Bord ta’ l-Appell ma’ kienx nnotifika lir-rikorrenti bin-nuqqas ta’ locus standi li huwa kien irrileva u li ma kienx talabha tissana din is-sitwazzjoni, ir-rikorrenti ma ressqet l-ebda prova li twassal sabiex jiġi kkonstatat il-ksur ta’ dawn il-prinċipji. Madankollu, peress li jirriżulta speċjalment mill-punti 34 sa 40 iktar’il fuq li din il-pożizzjoni tal-Bord ta’ l-Appell kienet konformi ma’ l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 49(1) tar-regolament ta’ implementazzjoni, il-Bord ta’ l-Appell ma kisirx il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

42      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-aspettattivi legittimi tagħha mill-fatt li l-locus standi tagħha kien ġie stabbilit b’mod adegwat qabel is-seduta, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ressqet dan l-argument għall-ewwel darba waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza. Madankollu, id-deċiżjoni ta’ sospensjoni tas-27 ta’ Ġunju 2005, li r-rikorrenti tinvoka in sostenn ta’ l-aspettattivi legittimi tagħha, kienet ġiet mogħtija b’risposta għat-talba ta’ l-intervenjenti sabiex jitneħħa l-effett sospensiv tar-rikors magħmul mir-rikorrenti kontra d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni. Hemm lok li jiġi rrilevat li d-deċiżjoni mhijiex mogħtija mill-Bord ta’ l-Appell imma minn kumitat separat, kompetenti sabiex jagħti deċiżjonijiet li jneħħu l-effett sospensiv tar-rikorsi li, barra minn hekk, ma kienx kompost mill-istess persuni li ffurmaw parti mill-Bord ta’ l-Appell. Minbarra dan, dan il-kumitat osserva, fil-punt 10 tad-deċiżjoni tiegħu, li f’dak l-istadju tal-proċeduri l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-mertu tar-rikors tar-rikorrenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell kienet kwistjoni delikata, speċjalment minħabba li l-intervenjenti ma kinitx għadha ppreżentat it-talba għal intervent tagħha. Wara dan, huwa rrileva li madanakollu, mingħajr preġudizzju għall-pożizzjoni finali tas-CPVO, f’dak l-istadju ma kienx għadu ġie deċiż li r-rikors kien manifestament infondat. Minn dan jirriżulta li l-Kumitat la għamel evalwazzjoni speċifika fuq l-ammissibbiltà tar-rikors tar-rikorrenti u lanqas ma ħa in kunsiderazzjoni tali deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell. Minbarra dan, huwa ppreżenta l-evalwazzjoni tiegħu mingħajr preġudizzju għad-deċiżjoni finali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkunsidrat li din id-deċiżjoni ma setgħetx toħloq, fil-konfront tar-rikorrenti, aspettattiva leġittima li l-locus standi tagħha quddiem il-Bord ta’ l-Appell kien ġie stabbilit. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud.

43      Minn dan jirriżulta li l-ewwel parti tal-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba

 L-argumenti tal-partijiet

44      Ir-rikorrenti tikkunsidra li bis-saħħa ta’ l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni, il-Bord ta’ l-Appell imissu żamm seduta oħra sabiex jippermetti lill-partijiet l-oħra jeżaminaw id-dokumenti li hija kellha l-intenzjoni li tressaq sabiex turi l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tosserva li skond il-kliem ta’ l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni, is-seduta hija l-istadju tal-proċedura li matulha ssir l-eżaminazzjoni. Minn dan, hija tasal għall-konklużjoni li l-Bord ta’ l-Appell għandu, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, jawtorizza l-produzzjoni ta’ l-elementi kollha ta’ prova li l-partijiet jikkunsidraw li huma meħtieġa, jew, jekk dan mhuwiex possibbli, jżomm seduta oħra, hekk kif jipprovdi espressament ir-regolament ta’ implementazzjoni.

45      Skond ir-rikorrenti, għalkemm l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom ċerta setgħa ta’ evalwazzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, xorta waħda jibqa’ l-fatt li din is-setgħa hija kkontrobilanċjata bil-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba li jimponu l-obbligu li deċiżjoni tittieħed b’għarfien sħiħ tal-kwistjoni. B’hekk, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet li fil-każ fejn l-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom setgħa ta’ evalwazzjoni, ir-rispett tal-garanziji mogħtija mill-ordni ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi, li fosthom jinsab l-obbligu ta’ l-istituzzjoni kompetenti li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-kawża in kwistjoni, huwa ta’ importanza fundamentali.

46      Jekk il-konstatazzjoni li r-rikorrenti ma kellhiex locus standi sabiex taġixxi kontra d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni timplika li din ġiet imċaħħda mill-uniku rimedju effettiv disponibbli, kemm taħt id-dritt Komunitarju kif ukoll taħt dak nazzjonali, fil-fehma tar-rikorrenti l-Bord ta’ l-Appell imissu ta l-opportunità li ssolvi l-kwistjoni ta’ ammissibbiltà, li fuqha l-Bord ta’ l-Appell kellu d-dubji.

47      Is-CPVO jikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell ma kellu ebda obbligu li jaċċetta li jiġu ppreżentati d-dokumenti mitluba mir-rikorrenti, il-għaliex dawn id-dokumenti ma kinux rilevanti sabiex jiġi analizzat il-locus standi ta’ din ta’ l-aħħar, li kienet ppreżentat ir-rikors f’isimha stess u mhux f’isem produtturi individwali speċifiċi. Li kieku dawn id-dokumenti ġew ammessi, kienu jiġu miksura l-garanziji proċedurali peress li r-rikors kien jiġi mibdul sostanzjalment fl-istadju tas-seduta. Minbarra dan, is-CPVO jikkunsidra li peress li l-Bord ta’ l-Appell irrikonoxxa li l-fornituri ta’ materjal tal-varjetà Nadorcott setgħu jiġu effettwati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni, il-produzzjoni ta’ kuntratt bejn Geslive u Anecoop dwar il-ħlas ta’ royalties ma kienx ikollu effett fuq l-eżami tal-locus standi tar-rikorrenti. Minbarra dan, ir-regolamenti li jirregolaw il-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma kinux iżommu lir-rikorrenti milli tippreżenta l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha għall-argumenti ta’ inammissibbiltà misjuba fin-noti ta’ l-intervenjenti tad-29 ta’ Lulju 2005 u tas-CPVO tal-15 ta’ Settembru 2005. Finalment, skond is-CPVO, id-deċiżjoni dwar il-possibbiltà ta’ seduta oħra tifforma parti mill-indipendenza li għandu jkollu bord ta’ appell fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ organizzazzjoni proċedurali.

48      Minbarra dan, l-intervenjenti tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell għamel sewwa li ċaħad it-talba tar-rikorrenti, peress li l-ammissjoni ta’ dokumenti ġodda kienet tagħti lok għaż-żamma ta’ seduta oħra bi ksur tal-prinċipju, misjub fl-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni, li għandha tinżamm seduta waħda.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

49      L-ewwel nett, hemm lok li jiġi mfakkar li fis-seduta quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ir-rikorrenti talbet li jingħatalha, prinċipalment, terminu ta’ żmien sabiex tipprepara u sussegwentement tibgħat lil Bord ta’ Appell dokumentazzjoni kompleta li turi li l-membri tagħha kienu direttament u individwalment ikkonċernati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni. Sussidjarjament, hija talbet li tiġi awtorizzata tippreżenta, waqt is-seduta, id-dokumentazzjoni mhux kompluta li r-rappreżentanti tagħha kienu ġabu magħhom, li kienet tinkudi l-prokuri mogħtija mill-produtturi individwali lir-rikorrenti sabiex tikkontesta d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni, u kuntratt bejn il-koperattiva Anecoop u Geslive dwar il-ħlas ta’ royalties għall-użu tal-varjetà Nadorcott.

50      Fl-ewwel lok, inkwantu l-allegazzjoni li l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni ġie miksur, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikoli 50(1) u (2) jipprevedu soluzzjoni mħaffa tal-kontroversji, permezz ta’ proċedura orali miżmuma mingħajr dewmien u kkonċentrata f’seduta waħda. Mill-Artikolu 50(3) jirriżulta li parti fil-proċedimenti tista’ titlob seduta oħra biss meta din tkun meħtieġa minħabba bdil fiċ-ċirkustanzi li jkun seħħ matul jew wara s-seduta.

51      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li d-dokumenti li r-rikorrenti riedet tippreżenta ma kinux ibbażati fuq fatti li kienu tbiddlu matul jew wara s-seduta. Fil-fatt, hemm evidenza li turi li l-kuntratt u l-prokuri li hija riedet tippreżenta waqt is-seduta kienu dokumenti li kienu ġew stabbiliti qabel l-imsemmija seduta. Fi kwalunkwe każ, la dawn id-dokumenti u lanqas il-prokuri addizzjonali li r-rikorrenti riedet tippreżenta qabel is-seduta ma jistgħu jkunu kkunsidrati li juru bdil fil-fatti tal-kontroversja. Minn naħa, is-CPVO u l-intervenjenti ġustament isostnu li r-rikorrenti ressqet ir-rikors tagħha f’isimha stess u li matul il-proċedimenti din ma setgħetx tissostitwixxi persuni oħra li ma kinux ressqu rikors fiż-żmien stipulat. Min-naħa l-oħra, il-kuntratt ma kien jindika ebda fatt ġdid, il-għaliex, hekk kif irrileva l-Bord ta’ l-Appell, huwa jillimita ruħu li jenfasizza l-fatt li l-produtturi individwali tal-mandolin u, fejn meħtieġ, Anecoop, kellhom iħallsu royalty għall-fornitura u l-użu tal-varjetà protetta. Madankollu, dan l-obbligu jirriżulta direttament mis-sistema ta’ protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti u ġie rikonoxxut mill-Bord ta’ l-Appell mingħajr ma ngħataw provi.

52      It-tieni nett, anki jekk wieħed jassumi li l-elementi ta’ evidenza miġjuba kienu rilevanti, ir-rikorrenti bbenefikat minn terminu ta’ żmien ta’ diversi xhur bejn il-produzzjoni tan-noti ta’ l-intervenjenti u tas-CPVO u s-seduta. Matul dan il-perijodu, hija kellha l-possibbiltà li tħejji u tibgħat id-dokumenti jew, għall-inqas, li tistaqsi lill-Bord ta’ l-Appell biex jiddeferixxi s-seduta b’tali mod li jippermetti l-eżami ta’ l-elementi kollha ta’ prova f’seduta waħda biss. Fil-fatt, fil-kuntest tal-preparazzjoni tas-seduta, li kieku r-rikorrenti wriet id-diliġenza kollha meħtieġa, ma jidhirx li l-eżaminazzjoni ma setgħetx issir f’seduta waħda.

53      Minn dan jirriżulta li peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha previsti mill-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni għaż-żamma ta’ seduta oħra, il-Bord ta’ l-Appell ma kisirx din id-dispożizzjoni meta ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti.

54      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-allegat ksur tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba, hemm lok li jiġi rrilevat li minbarra l-fatt li l-Bord ta’ l-Appell ma kienx awtorizza l-produzzjoni ta’ l-elementi ta’ prova li r-rappreżentanti tar-rikorrenti kienu ressqu waqt is-seduta jew li riedu jistabbilixxu permezz tagħhom, ir-rikorrenti ma ressqet ebda fatt li jippermetti li jiġi kkonstatat il-ksur ta’ dawn il-prinċipji. Madankollu, minn dak li ntqal, jirriżulta li bis-saħħa ta’ l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni, il-Bord ta’ l-Appell mhuwiex obbligat jawtorizza l-produzzjoni ta’ l-elementi kollha ta’ prova li l-partijiet jikkunsidraw meħtieġa. Għall-kuntrarju, skond din id-dispożizzjoni, fid-dawl ta’ l-għan li tintlaħaq amministrazzjoni tajba, il-Bord ta’ l-Appell għandu jaċċetta l-provi li jiġġustifikaw l-bżonn ta’ seduta oħra biss meta dawn jinkludu elementi rilevanti bbażati fuq fatti li tbiddlu matul jew wara s-seduta.

55      Bl-istess mod ġie rrilevat li fil-kawża preżenti, ma kienx stabbilit li l-elementi ta’ prova li r-rikorrenti ssostni li jmisshom ġew eżaminati mill-Bord ta’ l-Appell kienu bbażati fuq fatti li tbiddlu matul jew wara s-seduta fis-sens ta’ l-Artikolu 50(3) tar-regolament ta’ implementazzjoni (ara l-punt 51, iktar’il fuq). Minbarra dan, il-provi ppreżentati mhumiex rilevanti fil-kawża preżenti (ara l-punt 51, iktar’il fuq) u ma ġewx ippreżentati f’ħin opportun b’mod li jkun possibbli li tiġi eżaminata f’seduta waħda (ara l-punt 52, iktar’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kliem ta’ l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni jipprekludi l-produzzjoni ta’ dawn il-provi. Minn dan jirriżulta li meta rrifjuta dawn l-elementi ta’ prova, il-Bord ta’ l-Appell ma setax jikser il-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba.

56      Konsegwentement, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

57      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq deċiżjoni żbaljata dwar il-locus standi tar-rikorrenti

58      It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq l-argument li r-rikorrenti kif ukoll il-membri tagħha huma individwalment kkonċernati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni. It-tieni parti hija bbażata fuq nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li r-rikorrenti u l-membri tagħha huma individwalment kkonċernati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

59      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta’ l-Appell ikkonċentra fuq il-fatt li hija assoċjazzjoni u injora l-locus standi tal-membri tagħha. Hemm lok li ma jiġix eżaminat biss jekk ir-rikorrenti għandhiex, hija nnifisha, locus standi biex tikkontesta d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni, imma għandu jiġi eżaminat ukoll jekk il-membri tagħha, jew il-membri tal-membri tagħha (speċifikament Copal de Algemesi, membru ta’ Anecoop) għandhomx l-imsemmija locus standi. Madankollu, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta’ l-Appell ma ħax in kunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza li tipprovdi li l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jistgħu wkoll jitolbu l-annullament ta’ atti meta l-membri tagħhom jkunu jistgħu jaġixxu b’mod individwali.

60      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell ma kellux raġun li jissuġġetta r-rikonoxximent tal-locus standi tagħha għar-rikonoxximent tal-locus standi tal-membri kollha tagħha. B’hekk, il-Bord ta’ l-Appell ta importanza lill-fatt li ċerti membri tar-rikorrenti biss kienu kkonċernati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni bħala produtturi, filwaqt li oħrajn setgħu ma kinux ikkonċernati. Madankollu, skond il-ġurisprudenza, assoċjazzjoni fejn għall-inqas wieħed mill-membri tagħha seta’, huwa stess, jressaq l-azzjoni, għandha locus standi.

61      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord ta’ l-Appell dwar il-kwistjoni jekk ir-rikorrenti tirrappreżentax realment l-interessi ġenerali tal-produtturi kkonċernati. Skond ir-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell jinjora l-fatt li hija tikkontesta l-protezzjoni tal-varjetà Nadorcott f’isem il-produtturi kollha li huma membri tal-koperattivi, il-għaliex, konformament ma’ l-Artikolu 2(a) ta’ l-istatuti tagħha, hija tirrappreżenta organizzazzjonijiet ta’ koperattivi li ma wrew ebda oppożizzjoni għall-azzjoni in kwistjoni u li jirrappreżentaw, huma stess, il-koperattivi. Minbarra dan, jirriżulta mill-ġurisprudenza li huwa preżunt li l-membri kollha ta’ assoċjazzjoni tawha s-setgħa li taġixxi f’isimhom jekk l-istatuti tagħha jipprevedu tali sitwazzjoni u jekk il-membri tagħha ma esprimewx l-oppożizzjoni tagħhom.

62      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Bord ta’ l-Appell għamel żball meta rrileva li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni ma kinitx tikkonċernaha b’mod individwali minħabba li hija ma kellhiex ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba li hija ma kinitx tinsab f’ċirkustanzi fejn ġiet iddifferenzjata mill-persuni l-oħra kollha. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-att kkontestat jaffettwa l-pożizzjoni ġuridika ta’ l-impriża in kwistjoni minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawha mill-persuni l-oħra kollha u jindividwawha bl-istess mod bħad-destinatarju. Il-fatt li l-att jipproduċi effetti fil-konfront ta’ l-operaturi ekonomiċi kollha kkonċernati ma jipprekludix li l-att ikun jikkonċerna b’mod individwali xi ftit minnhom.

63      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-kwalità tar-rikorrenti bħala fornitriċi ta’ materjal tal-pjanti, il-konsegwenza tad-deċiżjoni li tat il-protezzjoni hija li kwalunkwe persuna li tixtieq tieħu sehem fir-riproduzzjoni jew fil-fornitura ta’ materjal tal-pjanti għandha tkun fil-pussess ta’ liċenzja maħruġa mill-propjetarju. Konsegwentement, hemm lok li jiġi eżaminat jekk il-pożizzjoni ġuridika tal-membri tar-rikorrenti ġietx ippreġudikata b’mod differenti mill-pożizzjoni ta’ produtturi jew fornituri ta’ materjal tal-pjanti oħra. Issa, id-deċiżjoni li tat il-protezzjoni obbligat ċerti membri tar-rikorrenti li jfornu l-varjetà Nadorcott sabiex jieqfu milli jfornu din il-varjetà, liema fatt ta’ lok għal danni serji u jindividwaha mill-fornituri l-oħra ta’ materjal tal-pjanti. Għalkemm fid-deċiżjoni kkontestata l-Bord ta’ l-Appell jsemmi li Anecoop kienet forniet dan il-materjal ta’ pjanti, sussegwentement hija naqset milli tinkludi din l-informazzjoni u kkonċentrat fuq il-fatt li r-rikorrenti nnifisha ma kinitx tforni materjal tal-pjanti. Madankollu, eżami tas-sitwazzjoni ta’ Anecoop kienet turi li r-rikorrenti kellha locus standi biex tressaq azzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni li tat il-protezzjoni.

64      It-tieni nett, għal dak li jirrigwarda l-kwalità tar-rikorrenti bħala produttriċi, hija tenfasizza li hija qatt ma kienet qalet li kienet tirrappreżenta l-interessi ġenerali tal-produtturi biex turi li hija kienet kkonċernata b’mod individwali. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tikkunsidra li kellha locus standi minħabba li kienet tirrappreżenta l-interessi tal-membri li kienu direttament kkonċernati bħala produtturi. Ir-rikorrenti tosserva li peress li 90 % tal-kumpanniji li jippreparaw il-varjeta Nadorcott kienu stabbiliti f’Valencia, kien impossibbli li wieħed jgħid li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni jista’ jkollha l-istess effetti fuqha u fuq federazzjonijiet oħra ta’ produtturi u koperattivi fil-Komunità. Fil-fatt, peress li l-koperattivi in kwistjoni jiddistribwixxu iktar minn nofs iċ-ċitru li ġej minn Valencia, u peress li r-rikorrenti kienet tgħaqqad kważi dawn il-koperattivi kollha, il-persuni prinċipali li ġew ppreġudikati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni kienu fost il-membri tagħha.

65      Peress li kważi l-produzzjoni kollha tal-varjetà ta’ Nadorcott tiġi minn Valencia, il-fatt li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni twassal sabiex il-produtturi kollha tal-Komunità jkollhom iħallsu royalty sabiex ikunu jistgħu jikkultivaw il-varjetà Nadorcott jimplika li jekk din ir-royalty ma tiġix imħallsa, kważi l-produzzjoni kollha ta’ Valencia titpoġġa f’ pożizzjoni irregolari. Huma biss dawn il-produtturi li, fil-ġejjieni, jkollhom iħallsu royalty jew inkella jkollhom jeqirdu l-pjantaġġuni tagħhom, liema fatt għandu impatt fuq il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom fuq is-suq fil-mument li l-merkanzija titpoġġa fuq is-suq. Għalhekk, mhuwiex preċiż li wieħed jgħid li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni tippreġudika l-membri tar-rikorrenti bl-istess mod bħal kull produttur li, fil-ġejjieni, ser jikkoltiva l-varjetajiet in kwistjoni, peress li, bil-kontra ta’ dan ta’ l-aħħar, il-membri tagħha għandhom numru ta’ kwalitajiet li jidentifikawhom individwalment mill-produtturi l-oħra kollha.

66      It-tielet nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-membri tagħha għandhom l-istess karatteristiċi tal-kumpannija Van Zanten Plants (iktar’il quddiem “Van Zanten”), li ressqet rikors quddiem il-Bord ta’ l-Appell (Kawżi A 005/2003 u A 006/2003). Peress li Van Zanten kienet l-akbar distributur mondjali ta’ varjetà protetta li, skond ir-rikorrenti, għandha aspetti li jixbhu dawk ta’ varjetà ġdida li ngħatat il-protezzjoni Komunitarja mis-CPVO, il-Bord ta’ l-Appell irrikonoxxa l-locus standi tagħha. Fil-fatt, il-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li kien ser ikun hemm konfużjoni fuq is-swieq jekk il-varjetajiet verament kellhom aspetti simili, u minħabba f’hekk, Van Zanten tkun sfurzata tiddefendi d-drittijiet tagħha billi ġġib azzjonijiet għall-ksur tad-drittijiet tagħha.

67      Ir-rikorrenti tikkunsidra li fil-kawża preżenti s-sitwazzjoni hija simili peress li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni obbligat lill-membri tagħha jaqilgħu l-pjantaġġuni kollha tagħhom jekk huma ma jaċċettawx il-kundizzjonijiet imposti mill-intervenjenti, liema kundizzjonijiet jinvolvu spejjeż konsiderevoli. Peress li r-rikorrenti tirrappreżenta l-impriżi li jfornu materjali tal-varjetà Afouer, li tinsab f’kompetizzjoni mal-varjetà Nadorcott, il-fatt li hija individwalment kkonċernata jirriżulta, fiż-żewġ każijet, mill-kwalità tagħha bħala kompetitriċi ma’ l-impriża li talbet il-protezzjoni. Hekk kif għamel fil-kawża li tinvolvi Van Zanten, fil-kawża preżenti l-Bord ta’ l-Appell imissu ħa in kunsiderazzjoni l-impatt fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti bħala neġozjatriċi u kompetitriċi.

68      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta’ l-Appell ma kellux raġun meta, fil-kawża preżenti, huwa warrab il-ġurisprudenza Komunitarja fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat. Hija tikkunsidra li l-proċedura ta’ oppożizzjoni għall-protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti mhijiex differenti mill-proċedura fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat sal-punt li l-ġurisprudenza relattiva għall-kwalità meħtieġa sabiex tittieħed azzjoni kontra d-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat mhijiex applikabbli għaliha. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-partijiet ikkonċernati fis-sens ta’ l-Artikolu 88(2) KE jinkludu wkoll l-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jintlaqtulhom l-interessi tagħhom permezz ta’ l-għoti ta’ għajnuna, jiġifieri, b’mod partikolari, l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Novembru 1984, Intermills vs Il-Kummissjoni, 323/82, u tat-3 ta’ Mejju 2001, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. I-3175, punt 31). Skond ir-rikorrenti, il-fatt li ġie rikonoxxut il-locus standi ta’ impriżi li jikkompetu ma’ l-impriża li tibbenefika mill-għajnuna mogħtija mill-Istat ma tirriżultax minn elementi li huma speċifiċi għall-proċedura ta’ kontroll ta’ l-għajnuna mogħtija mill-Istat. Fir-realtà, din il-kwalità tirriżulta mill-effetti ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fuq il-pożizzjoni kompetittiva ta’ operaturi fl-istess suq li ma jibbenefikawx mill-għajnuna. Skond ir-rikorrenti, peress li fil-kawża preżenti s-sitwazzjoni hija simili, dan għandu jippermetti l-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għas-sitwazzjoni preżenti.

69      Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, id-drittijiet ta’ terzi persuni li jixtiequ jikkontestaw il-protezzjoni ta’ varjetà ta’ pjanti mhumiex limitati għall-proċedura ta’ oppożizzjoni prevista fl-Artikolu 59 tar-regolament bażiku. Huma jistgħu wkoll jressqu rikors bis-saħħa ta’ l-Artikolu 67 et seq ta’ l-istess regolament. Fil-fatt, il-proċedura ta’ oppożizzjoni ta’ l-Artikolu 59 tar-regolament bażiku, li tħalli lill-partijiet jikkontestaw biss il-fatti li abbażi tagħhom is-CPVO tkun tat il-protezzjoni, hija intiża li tissodisfa għanijiet differenti minn dawk ta’ azzjoni taħt l-Artikolu 67 tar-regolament bażiku. Minbarra dan, skond ir-rikorrenti, meta ma ħax in kunsiderazzjoni din il-possibbiltà ta’ azzjoni, il-Bord ta’ l-Appell mar kontra l-ġurisprudenza tiegħu stess fil-materja ta’ locus standi. Fid-deċiżjoni tiegħu relattiva għal Van Zanten, huwa kien irrileva li l-Artikolu 67 tar-regolament bażiku ma jipprivax lit-terzi mid-dritt tagħhom li jressqu azzjoni bis–saħħa ta’ din id-dispożizzjoni jekk dawn ma jkunux qajmu oġġezzjoni preċedentement. Madankollu, il-Bord ta’ l-Appell ma indikax ir-raġuni għalfejn, fil-kawża preżenti, il-parteċipazzjoni fil-proċedura li biha ngħatat il-protezzjoni kienet rilevanti.

70      Skond ir-rikorrenti, bħal kull benefiċjarju ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, il-propjetarju tal-varjetà protetta jottjeni vantaġġ fuq il-kompetituri tiegħu li jaffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tiegħu. Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, anki jekk din l-għajnuna bil-fors taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva ta’ kompetituri diretti ta’ impriżi li bbenefikaw minn għajnuna mogħtija mill-Istat, madanakollu dan m’għandux impatt konsiderevoli fuq il-pożizzjoni tagħhom fuq is-suq jekk il-bdiewa kollha tal-Komunità jistgħu jkunu kkunsidrati bħala kompetituri tal-persuna li bbenefikat mill-għajnuna. Fil-kawża preżenti, il-protezzjoni li ngħatat lill-varjetà Nadorcott taffettwa konsiderevolment il-produtturi rrappreżentati mir-rikorrenti. Huma jinsabu żvantaġġjati meta mqabbla ma kull produttur tal-Komunità li jixtieq ikabbar din il-varjetà, il-għaliex huma diġà kienu jkabbruha fid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni. Skond ir-rikorrenti, il-produtturi li għadhom ma għandhomx mandolin ta’ din il-varjetà jistgħu jagħżlu varjetà oħra jekk huma jqisu li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ liċenzja, proposti lilhom mill-persuna li kisbet il-protezzjoni, mhumiex aċċettabbli, mingħajr ma jiġu mġarrba konsegwenzi serji għall-attività ekonomika tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-produtturi li diġà għandhom siġar ta’ din il-varjetà fil-pjantaġġuni tagħhom għandhom jaqilgħuhom. Peress li l-“ħajja produttiva” ta’ dawn ta’ l-aħħar hija ta’ madwar għoxrin sena, kważi l-produtturi kollha ma jkunux fdew dawn il-pjantaġġuni. Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tal-membri tar-rikorrenti mhijiex komparabbli ma’ dik ta’ produtturi oħra u d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni tirrigwarda konsiderevolment il-pożizzjoni kompetittiva ta’ dawn ta’ l-ewwel.

71      Finalment, għal dak li jirrigwarda l-ġurisprudenza li teħtieġ il-parteċipazzjoni tar-rikorrent fil-proċedura amministrattiva għar-rikonoxximent tal-locus standi tagħha sabiex tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell hija wkoll proċedura amministrattiva. Peress li l-Bord ta’ l-Appell jagħmel parti mill-organu amministrattiv li għandu s-setgħa jieħu deċiżjoni fil-materja ta’ protezzjoni ta’ varjetajiet ta’ pjanti, huwa ma jistax jitqies bħala qorti. Għalhekk, azzjoni meħuda kontra d-deċiżjoni tas-CPVO hija stadju tal-proċedura amministrattiva li twassal għal protezzjoni ta’ varjetà ta’ pjanta. B’hekk, ir-rikorrenti għandha titqies li ħadet sehem fil-proċedura amministrattiva.

72      L-ewwel nett, is-CPVO jqis li l-kliem ta’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku huwa identiku għal dak ta’ l-Artikolu 230 KE. Għalhekk, huwa jikkunsidra li l-eżami ta’ dan il-motiv għandu jkun ibbażat fuq interpretazzjoni skond il-ġurisprudenza tal-kunċett ta’ “persuna individwalment ikkonċernata” li jinsab f’din l-aħħar dispożizzjoni. Skond il-ġurisprudenza, assoċjazzjoni professjonali maħluqa għall-protezzjoni ta’ l-interessi tal-membri tagħha għandha locus standi meta l-assoċjazzjoni hija individwata minħabba preġudizzju għall-interessi tagħha stess, meta hija tirrappreżenta l-interessi ta’ persuni li huma stess jistgħu jressqu l-azzjoni u meta dispożizzjoni espressament tirrikonoxxi li hija għandha numru ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali.

73      L-ewwel nett, is-CPVO jikkunsidra li skond il-ġurisprudenza, att ma jirrigwardax lir-rikorrent b’mod individwali meta s-sitwazzjoni tiegħu mhijiex meħuda in kunsiderazzjoni waqt l-adozzjoni ta’ dan l-att li, għaldaqstant, jaffettwa bl-istess mod il-persuni l-oħra kollha li jinsabu fl-istess sitwazzjoni. Fil-kawża preżenti, ma ġiex muri li r-rikorrenti hija fornitriċi ta’ materjali ta’ pjanti u, fi kwalunkwe każ, ma jidhirx li għandha karatteristiċi partikolari għaliha jew ċirkustanzi li jiddistingwuha mill-fornituri l-oħra ta’ materjal tal-pjanti.

74      It-tieni nett, is-CPVO jikkunsidra li, skond l-istatuti tagħha, il-membri diretti tar-rikorrenti huma l-assoċjazzjonijiet ta’ koperattivi u mhux il-koperattivi nnifishom jew il-produtturi tal-mandolin. B’hekk ir-rikorrenti tista’ legalment tirrappreżenta l-interessi ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ koperattivi, imma ma ġabet l-ebda prova li turi li l-assoċjazzjonijiet tagħha, li ma jagħmlu xejn ħlief jiddefendu l-interessi ġenerali tal-membri tagħhom, huma individwalment ikkonċernati. Minbarra dan, safejn xi ftit mill-membri tagħha jistgħu jfornu materjal tal-pjanti, ir-rikorrenti ma ressqet ebda karatteristika partikolari li tpoġġihom f’sitwazzjoni fejn dawn jistgħu jiġu identifikati individwalment meta mqabbla ma’ fornituri oħra. Għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni tal-produtturi individwali, is-CPVO tirrileva li r-rikorrenti ressqet rikors f’isimha stess u li ma jeżisti ebda element fl-istatuti tagħha li jippermetti li jingħad li r-rikorrenti hija awtorizzata tieħu azzjoni biex tiddefendi l-interessi ta’ ċerti produtturi speċifiċi tal-mandolin. Minbarra dan, l-interessi individwali ta’ ċerti produtturi ta’ mandolin huma differenti mill-interessi ġenerali tal-koperattivi li r-rikorrenti tista’ tirrappreżenta. Finalment, il-produtturi tal-varjetà Nadorcott li huma membri indiretti tar-rikorrenti, ġew affettwati biss minħabba stat ta’ fatt oġġettiv li ma jiddistingwihom xejn mill-produtturi l-oħra kollha tal-varjetà, peress li l-obbligu li titħallas royalty biex tiġi mkabbra l-varjetà, li hija, minn issa l-quddiem protetta, jirriżulta direttament mis-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti. B’mod partikolari, jirriżulta mill-ġurisprudenza li mhuwiex biżżejjed li att ikollu effetti ekonomiċi iktar serji fuq ċerti operaturi speċifiċi milli fuq operaturi oħra fis-settur biex ikunu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati mill-imsemmi att.

75      It-tielet nett, is-CPVO jsostni li r-regolament bażiku, u speċjalmenti l-Artikolu 59, jagħti numru ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali lill-partijiet li jipparteċipaw fil-proċedura ta’ l-għoti ta’ protezzjoni quddiem is-CPVO. Huwa jirrileva li r-rikorrenti kienet taf bit-talba ta’ protezzjoni li ġiet ppublikata fil-Bulletin Uffiċjali tas-CPVO fis-26 ta’ Frar 1996 u li hija ma opponietx tali talba. Konsegwentement, hija ma tistax tkun kkonċernata b’mod individwali bis-saħħa tad-drittijiet ta’ natura proċedurali li hija setgħet tirċievi bil-parteċipazzjoni f’din il-proċedura. Minbarra dan, l-għan tal-proċedura ta’ l-Artikolu 59 tar-regolament bażiku jintilef jekk, minflok ma jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom matul il-proċedura amministrattiva, dawk kollha li jixtiequ jopponu d-deċiżjoni li tagħti protezzjoni lill-varjetà jkunu jistgħu jistennew sat-tmiem tal-proċedura quddiem is-CPVO biex iressqu l-azzjoni, billi jallegaw l-invalidità tal-protezzjoni mogħtija. Finalment, teżisti differenza fondamentali bejn is-sitwazzjoni ta’ Van Zanten, li kienet id-distributriċi esklużiva ta’ propjetarju ta’ varjetà rreġistrata mas-CPVO li kienet f’kompetizzjoni diretta mal-varjetà ġdida li ngħatatilha l-protezzjoni, u dik tar-rikorrenti, li ma ssostnix li hi stess jew il-membri tagħha għandhom drittijiet suġġettivi li huma rreġistrati u li jibbenefikaw minn protezzjoni.

76      Essenzjalment, l-intervenjenti tressaq l-istess argumenti tas-CPVO.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

77      Qabel xejn għandu jiġi kkonstatat li peress li r-rikorrenti mhijiex fost id-destinatarji speċifikati fid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni, id-deċiżjoni għandha, skond l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku, tkun tikkonċerna direttament u individwalment lir-rikorrenti biex din ta’ l-aħħar tkun tista’ ġġib azzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

78      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi rrilevat li l-verżjoni Spanjola u dik Taljana ta’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku jipprevedu rispettivament li l-persuni li huma kkonċernati “directa y personalmente” u “direttamente e personalmente” jistgħu jressqu azzjoni. Madankolu, il-verżjoni Ingliża, Ġermaniża, Portuguża, Daniża, Maltija, Olandiża, Pollakka, Żvediża u Griega jaqblu mal-kliem tal-verżjoni Franċiża “directement et individuellement”. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li l-ħtieġa ta’ interpretazzjoni konformi tar-Regolamenti Komunitarji teħtieġ li dawn għandhom, f’każ ta’ dubju, jiġu interpretati u applikati fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara l-punt 33 iktar’il fuq). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-verżjoni Spanjola u dik Taljana ma jagħtux lil din is-silta sinjifikat differenti minn dak ta’ verżjonijiet lingwistiċi oħra u huma għandhom jkunu interpretati u applikati fid-dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi uffiċjali l-oħra (ara f’dan is-sens is-sentenza Ebony Maritime u Loten Navigation, iċċitata iktar’il fuq, punti 29 sa 31).

79      Għalhekk, il-kliem ta’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku għandhom jiġu kkunsidrati bħala identiċi ma’ dawk tar-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE. Madankollu, peress li dawn il-kliem kienu suġġetti għal interpretazzjoni speċifika mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-15 ta’ Lulju 1963, Plaumann vs Il-Kummissjoni, 25/62, Ġabra p. 197, 223), il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li għandha tassigura li tingħata interpretazzjoni koerenti tal-kunċett ta’ “persuna individwalment kkonċernata”, safejn din ma tmurx kontra s-sistema tar-regolament bażiku.

80      It-tieni nett, f’dan il-kuntest, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 59(1) tar-regolament bażiku jippermetti lil kull persuna tindirizza lis-CPVO oġġezzjoni bil-miktub kontra l-għoti ta’ protezzjoni u li l-Artikolu 59(2) jipprovdi li l-persuni li joġġezzjonaw, flimkien mal-persuna li tkun talbet il-protezzjoni, huma meqjusa partijiet fil-proċedura li permezz tagħha tingħata l-protezzjoni. Minbarra dan, l-Artikolu 59(5) tar-regolament bażiku jipprevedi espressament li s-CPVO jista’ jieħu deċiżjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet, flimkien ma’ deċiżjonijiet ta’ ċaħda tat-talba għal protezzjoni, deċiżjonijiet ta’ l-għotji tal-protezzjoni jew deċiżjonijiet dwar id-denominazzjoni tal-varjetà. Mill-Artikolu 67(1) tar-regolament bażiku jirriżulta li d-deċiżjonijiet dwar l-oġġezzjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Konsegwentement, peress li l-persuni li oġġezzjonaw huma d-destinatarji magħżula ta’ dawn id-deċiżjonijiet fis-sens ta’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku, kwalunkwe persuna li tixtieq topponi l-għoti ta’ protezzjoni tista’, bis-saħħa tal-parteċipazzjoni tagħha fil-proċedura amministrattiva, tressaq appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

81      Minbarra dan, skond l-Artikoli 20 u 21 tar-regolament bażiku, wara li tkun ingħatat il-protezzjoni u independentament minn azzjoni meħuda quddiem il-Bord ta’ l-Appell, kull persuna tista’ tistieden lis-CPVO sabiex jiddikjara tali għoti ta’ protezzjoni null u invalidu jew li jippriva l-propjetarju mill-protezzjoni tiegħu, billi ssostni li l-imsemmija protezzjoni ġiet mogħtija lill-varjetà li ma tissodisfax il-kriterji materjali ta’ l-Artikoli 7 u 10 ta’ l-imsemmi regolament.

82      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi rrilevat li l-interpretazzjoni wiesgħa tat-terminu “individwalment” li ssostni r-rikorrenti mhijiex meħtiega sabiex jiġu protetti l-interessi ta’ terzi persuni.

83      It-tielet nett, hemm lok li jiġi rrilevat li s-CPVO għandu raġun li jsostni li l-istruttura tar-regolament bażiku teżiġi interpretazzjoni iktar restrittiva tat-terminu “individwalment” minn dik sostnuta mir-rikorrenti. Fil-fatt, interpretazzjoni wiesgħa tkun tippermetti lil kwalunkwe persuna li tixtieq topponi l-għoti ta’ protezzjoni li tallega, permezz ta’ azzjoni, l-invalidità tagħha wara l-proċedura ta’ l-għoti ta’ protezzjoni, minflok ma tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul din il-proċedura, li hija, minn naħa, twila u, min-naħa l-oħra, ikkumplikata minħabba l-eżamijiet tekniċi meħtieġa. Konsegwentement, l-interpretazzjoni sostnuta mir-rikorrenti tippreġudika l-utilità ta’ proċedura bħal din, waqt li interpretazzjoni bħal dik adottata fis-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq, tinkuraġġixxi lil kull persuna kkonċernata li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha matul il-proċedura amministrattiva ta’ l-għoti ta’ protezzjoni.

84      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li, sabiex jiġi deċiż jekk persuna hijiex individwalment kkonċernata fis-sens ta’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku, hemm lok li jsir riferiment għas-sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq.

85      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti għandha tkun ikkonċernata mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni minħabba ċerti kwalitajiet partikolari għaliha jew minħabba ċirkustanzi fejn hija tiġi ddifferenzjata mill-persuni l-oħra kollha, u minħabba dawn il-fatturi hija tiġi individwata bl-istess mod bħal fil-każ tad-destinatarju (sentenza Plaumann vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar’il fuq).

86      F’dan ir-rigward, skond il-ġurisprudenza, assoċjazzjoni professjonali maħluqa għall-protezzjoni u għar-rappreżentanza ta’ l-interessi tal-membri tagħha għandha locus standi biex tressaq azzjoni għal annullament, l-ewwel nett meta hija stess hija individwata minħabba preġudizzju għall-interessi tagħha bħala assoċjazzjoni, speċjalment minħabba li l-pożizzjoni tagħha bħala negozjatriċi tkun ġiet affettwata mill-att li l-annullament tiegħu ġie mitlub, it-tieni nett, meta hija tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi li, huma stess, għandhom locus standi u, it-tielet nett, meta dispożizzjoni legali espressament tirrikonoxxi li hija għandha numru ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2005, Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de roquefort vs Il-Kummissjoni, Ġabra p. II-5337, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Fl-ewwel lok, għal dak li jirrigwarda l-preġudizzju għall-interessi tar-rikorrenti stess, hemm lok li jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li din ma ssostnix li hi stess hija produttriċi jew fornitriċi ta’ materjal tal-pjanti.

88      It-tieni nett, ir-rikorrenti ma ssostnix li hija propjetarja ta’ drittijiet suġġettivi rreġistrati fuq livell nazzjonali jew Komunitarju, li jibbenefikaw minn protezzjoni. Minn dan jirriżulta li hija mhijiex kkonċernata bħala propjetarja ta’ drittijiet u ma tinsabx f’sitwazzjoni li hija komparabbli ma dik ta’ Van Zanten.

89      It-tielet nett, safejn ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni taffettwa l-pożizzjoni tagħha ta’ negozjatriċi, hemm lok li jiġi kkonstatat li hija ma tippreżenta ebda prova in sostenn ta’ l-allegazzjoni tagħha.

90      Finalment, hekk kif jirriżulta minn dak li diġà ntqal li l-fatti li tqajjem ir-rikorrenti ma jurux li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni tippreġudika l-interessi tagħha stess, id-domanda dwar safejn il-pożizzjoni tar-rikorrenti hija distinta minn dik ta’ federazzjonijiet oħra simili fil-Komunità mhijiex importanti. Fi kwalunkwe każ, il-fatt waħdieni li, skond ir-rikorrenti, 90 % tal-kumpanniji li jippreparaw il-varjetà in kwistjoni huma stabbiliti f’Valencia, ma jippermettix li r-rikorrenti tiġi magħżula mill-federazzjonijiet l-oħra fir-rigward ta’ l-għoti ta’ protezzjoni. Fil-fatt, mhux biżżejjed li att ikollu effetti ekonomiċi iktar importanti fuq operaturi speċifiċi milli fuq l-operaturi l-oħra fis-settur sabiex huma jistgħu jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati minn dak l-att (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Novembru 1999, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, Ġabra p. II-3357, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 102 u 103 iktar’l isfel).

91      Konsegwentement, ir-rikorrenti ma wrietx li l-interessi tagħha stess bħala assoċjazzjoni ġew ippreġudikati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni.

92      Fit-tieni lok, għal dak li jirrigwarda l-ipoteżi li tipprovdi li r-rikorrenti tirrappreżenta l-interessi ta’ impriżi li għandhom locus standi, hemm lok li jiġi vverifikat, minn naħa, jekk, fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Bord ta’ l-Appell, ir-rikorrenti tirrappreżentax, konformament ma’ l-istatuti tagħha, l-interessi tal-membri tagħha, u min-naħa l-oħra, jekk dawn għandhomx locus standi (ara f’dan is-sens, id-digriet Confédération générale des producteurs de lait de brebis et des industriels de roquefort vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar’il fuq, punt 61).

93      L-ewwel nett, għal dak li jirrigwarda l-membri tar-rikorrenti u l-interessi tagħhom, hemm lok li jiġi mfakkar li, konformament ma’ l-Artikolu 4 ta’ l-istatuti tagħha, il-membri tar-rikorrenti jistgħu jkunu sindikati ta’ koperattivi tal-provinċji ta’ Alicante, Castellón u ta’ Valencia li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 2 ta’ l-istatuti tagħha li r-rikorrenti tirrappreżenta l-membri tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrenti tista’ tirrappreżenta l-interessi tas-sindikati ta’ koperattivi li huma l-membri tagħha.

94      Għal dak li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-membri tar-rikorrenti għandhomx locus standi, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabitx, la quddiem il-Bord ta’ l-Appell u lanqas quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, provi li juru li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni kienet tikkonċernahom b’mod individwali. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li dawn huma assoċjazzjonijiet ta’ koperattivi li ma jipproduċux, huma stess, il-mandolin, imma għandhom l-għan li jiddefendu l-interessi ġenerali tal-membri tagħhom, jiġifieri l-koperattivi agrikoli. Jekk fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha r-rikorrenti ssostni li l-koperattiva Anecoop hija waħda mill-membri tagħha u tforni materjali tal-pjanti lill-produtturi, madanakollu, fis-seduta hija rrikonoxxiet li Anecoop ma kinitx waħda mill-membri tagħha, imma membru ta’ assoċjazzjoni ta’ koperattivi, li min-naħa tagħha hija membru tar-rikorrenti. Minbarra dan, hija ma ressqet ebda prova li tista’ tiddistingwi l-impatt tad-deċiżjoni li tat il-protezzjoni fuq dan il-fornitur minn dak fuq kwalunkwe fornitur ieħor tal-materjal tal-pjanti. Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li Anecoop hija kkonċernata biss mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni bis-saħħa ta’ stat ta’ fatt oġġettiv li ma jiddistingwihiex mill-fornituri l-oħra ta’ materjal tal-pjanti fis-settur.

95      Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tista’ turi li l-membri tagħha jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma dik ta’ Van Zanten jew li huma pparteċipaw għall-proċedura ta’ l-għoti tal-protezzjoni.

96      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li l-membri tagħha għandhom locus standi biex jappellaw quddiem il-Bord ta’ l-Appell mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni.

97      It-tieni nett, safejn ir-rikorrenti tirreferi wkoll għall-impatt fuq il-produtturi individwali tal-mandolin, membri tal-koperattivi li huma affiljati ma’ l-assoċjazzjonijiet ta’ koperattivi li huma stess huma membri tar-rikorrenti, hemm lok li jiġi rrilevat li konformament ma’ l-Artikolu 4 ta’ l-istatuti tagħha, la l-koperattivi nnifishom, u lanqas il-produtturi individwali tal-mandolin ma jistgħu jkunu membri tar-rikorrenti. Minbarra dan, jirriżulta mill-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija statuti li n-negozju tar-rikorrenti huwa limitat għall-promozzjoni ta’ l-interessi tal-membri tagħha. B’hekk, l-istatuti tar-rikorrenti ma jindikawx li hija awtorizzata taġixxi quddiem il-qrati sabiex tiddefendi l-interessi ta’ ċerti produtturi speċifiċi ta’ mandolin li huma l-membri indiretti tal-membri tagħha stess. Safejn ir-rikorrenti tikkunsidra li jirriżulta mil-liġijiet u mid-digrieti fis-seħħ fi Spanja li r-rikorrenti hija awtorizzata tirrappreżenta l-membri tagħha, hemm lok li jiġi rrilevat li hija qajmet dan l-argument għall-ewwel darba waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u li l-imsemmija liġijiet u digrieti ma jagħmlux parti mill-evidenza fil-proċess. Minbarra dan, is-CPVO għandha raġun li ssostni li, konformament ma’ l-Artikolu 2 ta’ l-istatuti tar-rikorrenti, ma jistax jiġi preżunt li l-interessi ta’ l-assoċjazzjonijiet ta’ koperattivi li r-rikorrenti tista’ tirrappreżenta huma identiċi għal dawk ta’ ċerti produtturi individwali.

98      F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord ta’ l-Appell talab li l-membri kollha tagħha jkollhom locus standi, meta mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-assoċjazzjonijiet fejn għall-inqas wieħed mill-membri tagħhom jista’, huwa stess, jressaq rikors b’mod validu, għandhom jkollhom locus standi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta’ l-Appell eżamina l-effett fuq il-produtturi individwali sabiex jiddeċiedi jekk dawn kellhomx, kollha kemm huma, interess komuni li r-rikorrenti setgħet tipproteġi abbażi ta’ l-istatuti tagħha. Peress li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra li dan ma kienx il-każ minħabba li l-interessi tal-produtturi setgħu jkunu differenti, il-Bord ta’ l-Appell limita ruħu li jirrileva li kien hemm dubji dwar il-fatt li r-rikorrenti kienet tirrappreżenta l-interess ġenerali tal-produtturi bħala kategorija. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li tippretendi r-rikorrenti, il-Bord ta’ l-Appell ma talabx li l-membri kollha tar-rikorrenti jkollhom locus standi.

99      Finalment, għandu jiġi mfakkar ukoll li r-rikorrenti ressqet rikors f’isimha stess u mhux f’isem dak ta’ produtturi speċifiċi ta’ mandolin.

100    Konsegwentement, hemm lok li jiġi kkunsidrat li fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma setgħetx tiġi kkunsidrata li tirrappreżenta, quddiem il-Bord ta’ l-Appell, l-interessi tal-produtturi individwali tal-mandolin.

101    Sussidjarjament, hemm lok li jiġi kkonstatat ukoll li l-produtturi individwali tal-mandolin mhumiex individwalment kkonċernati mill-għoti tal-protezzjoni.

102    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li huwa veru li l-fatt li d-deċiżjoni tipproduċi effetti ġenerali fil-konfront ta’ l-operaturi ekonomiċi kkonċernati ma jipprekludix li d-deċiżjoni tkun tikkonċerna individwalment xi ftit minnhom (ara d-digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2003, Villiger Söhne vs Il-Kunsill, Ġabra p. II-1921, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madanakollu, mhuwiex biżżejjed li att ikollu effetti ekonomiċi iktar importanti fuq operaturi speċifiċi milli fuq l-operaturi l-oħra fis-settur sabiex dawn jistgħu jiġu kkunsidrati bħala individwalment ikkonċernati minn dak l-att (ara, f’dan is-sens, id-digriet Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, iċċitat iktar ‘il fuq, punt 50). Fil-fatt, anki fl-ipoteżi fejn rikorrent jiġi kkunsidrat bħala l-unika persuna kkonċernata f’żona ġeografika speċifika u produttur prinċipali jew fornitur ta’ prodott f’pajjiż jew żona ġeografika speċifika, dan mhux biżżejjed sabiex ikollu locus standi (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1985, Piraiki-Patraiki et vs Il-Kummissjoni, 11/82, Ġabra p. 207, punti 13 u 14, u tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2000, ACAV et vs Il-Kunsill, Ġabra p. II-341, punti 64 sa 66).

103    B’hekk, il-fatt li l-għoti ta’ protezzjoni għandu effetti ekonomiċi iktar konsiderevoli fuq ċerti produtturi milli fuq operaturi oħra f’dan is-settur minħabba l-fatt li huma jkunu diġà ħawwlu s-siġar tal-varjetà li minn issa l-quddiem hija protetta, u l-fatt li 90 % tal-produtturi li ġew affettwati jinsabu fiż-żona ġeografika ta’ Valencia, mhuwiex biżżejjed sabiex dawn ikunu individwati. Fil-fatt, il-produtturi li jippretendu li jirrapreżentaw lir-rikorrenti huma affettwati biss mill-obbligu li titħallas royalty minħabba stat ta’ fatt oġġettiv li ma jiddistingwihomx mill-produtturi l-oħra ta’ din il-varjetà, peress li dan l-obbligu jirriżulta direttament mis-sistema Komunitarja tal-protezzjoni tal-varjetajiet tal-pjanti. Minbarra dan, issa u fil-ġejjieni, l-attivitajiet tal-produtturi kkonċernati jistgħu jkunu eżerċitati minn kulħadd.

104    Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li tista’ turi li l-produtturi u l-fornituri ta’ materjal tal-pjanti, li huma allegatament irrappreżentati minnha, kienu pparteċipaw fil-proċedura li permezz tagħha ngħatat il-protezzjoni jew li dawn jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli ma dik ta’ Van Zanten. B’mod partikolari, il-fatt li d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni tista’ tobbliga lill-ċerti produtturi, li ma jaċċettawx li jħallsu r-royalty, li jaqilgħu s-siġar tagħhom u taf taffettwa l-possibbiltà ta’ dawn il-fornituri li jfornu materjal tal-pjanti tal-varjetà Afourer, kompetitriċi tal-varjetà Nadorcott, ma turix l-eżistenza ta’ kwalitajiet partikolari jew sitwazzjonijiet ta’ fatt li jiddistingwuhom minn kwalunkwe produttur jew fornitur ieħor li jinsab fl-istess sitwazzjoni oġġettiva. Minbarra dan, ir-relazzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ssostni r-rikorrenti f’dan ir-rigward mhumiex komparabbli ma dawk in kwistjoni fil-kawża li tikkonċerna lil Van Zanten, li fiha kienu in kwistjoni d-drittijiet suġġettivi protetti.

105    Minn dak li ntqal jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li hija tirrappreżenta l-interessi ta’ produtturi jew fornituri ta’ materjal tal-pjanti li għandhom, huma stess, locus standi.

106    Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda d-dispożizzjonijiet legali li espressament jirrikonoxxu li r-rikorrenti għandha numru ta’ drittijiet ta’ natura proċedurali, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li għalkemm hija fil-fatt tirreferi għall-Artikolu 59 tar-regolament bażiku, hija tagħmel dan biss sabiex ssostni li dan l-artikolu jindirizza għanijiet differenti minn dawk ta’ l-Artikoli 67 et seq tar-regolament bażiku u li l-parteċipazzjoni fil-proċedura li permezz tagħha tingħata l-protezzjoni mhijiex kundizzjoni li trid tiġi sodisfatta qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors.

107    It-tieni nett, ir-rikorrenti tagħmel żball għal dak li jikkonċerna l-oriġini tad-drittijiet proċedurali li fuqhom hija tista’ tibbaża locus standi quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Fil-fatt, peress li l-ammissibbiltà ta’ l-appell quddiem il-Bord ta’ l-Appell kienet għadha ma ġietx deċiża, id-drittijiet proċedurali li dik l-azzjoni kellha l-għan li tipproteġi ma jistgħu jkunu xejn ħlief dawk fil-proċedura amministrattiva preċedenti li tat lok għall-għoti tal-protezzjoni. Madankollu, peress li r-rikorrenti ma ħaditx sehem fil-proċedura ta’ l-għoti ta’ protezzjoni, hija ma tista’ ssostni ebda dritt proċedurali relatat ma din il-proċedura li hija tista’ tipprova tipproteġi.

108    It-tielet nett, ir-rikorrenti targumenta li l-ġurisprudenza fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, li tipprovdi li l-partijiet ikkontemplati mill-Artikolu 88(1) KE huma mhux biss l-impriżi li jibbenefikaw mill-għajnuna, imma wkoll il-persuni, l-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet li jistgħu jintlaqtulhom l-interessi tagħhom mill-għoti ta’ l-għajnuna, speċjalment l-impriżi li jikkompetu mal-benefiċjarji ta’ din l-għajnuna u l-organizzazzjonijiet professjonali (ara l-punt 68 iktar’il fuq), tapplika għall-fatti tal-kawża. Madankollu, ir-riferiment tar-rikorrenti għall-ġurisprudenza fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat mhijiex rilevanti fil-kawża preżenti.

109    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi mfakkar li din il-ġurisprudenza tapplika biss meta r-rikorrent, permezz ta’ l-azzjoni, għandu l-għan li jipproteġi d-drittijiet proċedurali li huwa għandu bis-saħħa ta’ l-Artikolu 88(2) KE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Aktionsgemeinschaft Recht und Eigentum, C-78/03 P, Ġabra p. I-10737, punt 35), u li ġew miksura mill-Kummissjoni meta ma fetħitx il-proċedura ta’ eżaminazzjoni formali. Madankollu, l-Artikolu 59, 67 u 68 tar-regolament bażiku jagħtu drittijiet iktar wiesgħa minn dawk rikonoxxuti mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar’il fuq, peress li jippermettu lil kull persuna li qajmet oġġezzjoni bil-miktub għall-għoti ta’ protezzjoni waqt il-proċedura amministrattiva li tressaq azzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell (ara l-punt 80 iktar’il fuq). Peress li b’hekk, l-użu tad-drittijiet proċedurali jiddependi unikament mill-inizjattiva, fit-terminu preskritt, tar-rikorrenti, fil-kawża preżenti m’hemmx lok li tiġi applikata l-ġurisprudenza fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat.

110    Sussidjarjament, safejn ir-rikorrenti tallega sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni li tiġġustifika l-applikazzjoni, permezz ta’ analoġija, tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma ressqet ebda prova li twassal sabiex jiġi deċiż li teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-propjetarju tal-protezzjoni.

111    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

 L-argumenti tal-partijiet

112    Skond ir-rikorrenti, ir-rikors previst fl-Artikolu 67 tar-regolament bażiku huwa l-uniku rimedju effettiv li hija għandha biex tattakka d-deċiżjoni li tat il-protezzjoni. Meta t-terminu sabiex jitressaq ir-rikors jiskadi, il-protezzjoni Komunitarja mogħtija lil varjetà ta’ pjanta ma tistax tiġi kkontestata minn ebda awtorità jew qorti nazzjonali. Fil-kawża Van Zanten, din kienet waħda mir-raġunijiet li fuqhom il-Bord ta’ l-Appell espressament ibbaża d-deċiżjoni tiegħu li jaċċetta l-locus standi ta’ l-imsemmija kumpannija. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-partijiet għandhom jkunu jistgħu jibbenefikaw minn protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li huma jirċievu mill-ordni ġuridika Komunitarja peress li tali dritt għal protezzjoni jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali ta’ dritt li jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni ta’ l-Istati Membri.

113    Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll li l-osservanza ta’ dan id-dritt fl-ordni Komunitarja teħtieġ li l-persuni fisiċi u morali jkollhom il-possibbiltà, skond il-każ, li jsostnu l-invalidità ta’ atti Komunitarji ta’ portata ġenerali, jew b’mod inċidentali quddiem il-qorti Komunitarja, jew quddiem il-qrati nazzjonali. L-eżistenza jew l-ineżistenza ta’ sistema li tipprovdi rimedju hija element essenzjali tal-kundizzjoni li r-rikorrent għandu jkun kkonċernat b’mod individwali, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva filwaqt li jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi ċirkustanzi li huma ta’ natura li jindividwaw lir-rikorrent.

114    Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija kkonċernata b’mod individwali minħabba li, minbarra r-rimedju previst fl-Artikolu 67 tar-regolament bażiku, ma jeżisti ebda rimedju ieħor quddiem il-qrati nazzjonali u Komunitarji. Fil-fatt, skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ċaħditha mill-unika protezzjoni ġudizzjarja effettiva li hija kellha.

115    Is-CPVO jikkunsidra li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li topponi t-talba għall-għoti ta’ protezzjoni u jikkunsidra li wisq probabbli, hija kienet tkun individwalment kkonċernata li kieku ħadet sehem fil-proċedura ta’ oppożizzjoni. Minbarra dan, mill-ġurispudenza, jirriżulta li l-qorti Komunitarja m’għandhiex is-setgħa li tiddikjara rikors ammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ rimedju quddiem qorti nazzjonali. L-interess ta’ l-ordni ġuridika Komunitarja huwa li jiggarantixxi l-eżistenza ta’ sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ l-atti amministrattivi. Madankollu, id-deċiżjoni li tat il-protezzjoni mhijiex barra l-portata ta’ kull forma ta’ stħarriġ ġudizzjarju peress li dawk li huma direttament u individwalment kkonċernati jistgħu jikkontestawha quddiem il-Bord ta’ l-Appell.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

116    Minn ġurisprudenza stabbilita dwar ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, jirriżulta li għalkemm huma minnu li l-kundizzjoni ta’ interess individwali, meħtiega minn din id-dispożizzjoni, għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva billi jittieħdu in kunsiderazzjoni d-diversi fatturi li huma ta’ natura li jidentifikaw individwalment lir-rikorrent, interpretazzjoni bħal din ma tistax twassal li titwarrab din il-kundizzjoni in kwistjoni, li hija espressament meħtieġa mit-Trattat, mingħajr ma wieħed jeċċedi l-kompetenzi mogħtija mit-Trattat lill-qrati Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, C-50/00 P, Ġabra p. I-6677, punt 44; tat-30 ta’ Marzu 2004, Rothley et vs Il-Parlament, C-167/02 P, Ġabra p. I-3149, punt 47, u ta’ l-1 ta’ April 2004, Il-Kummissjoni vs Jégo-Quéré, C-263/02 P, Ġabra I-3425, punt 36). Peress illi ġie rrilevat fil-punti 78 sa 84 iktar’il fuq li hemm lok li l-kunċett ta’ “persuna individwalment kkonċernata” fis-sens ta’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku jiġi applikat fid-dawl tal-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà ta’ azzjonijiet magħmula skond ir-raba’ paragrafu ta’ l-Artikolu 230 KE, dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll għall-kawża preżenti.

117    Minbarra dan, hemm lok li jiġi mfakkar li skond l-Artikoli 59, 67 u 68 tar-regolament bażiku, kull persuna li ressqet oġġezzjoni bil-miktub għall-għoti ta’ protezzjoni matul il-proċedura amministrattiva tista’ tressaq azzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell (ara l-punt 80 iktar’il fuq). Minbarra dan, l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku jagħti dan l-istess rimedju lil kull persuna li, għalkemm ma tkunx ħadet sehem fil-proċedura u mhijiex id-destinatarja tad-deċiżjoni meħuda b’riżultat ta’ din il-proċedura, tkun direttament u individwalment ikkonċernata minnha. Konsegwentement, peress li l-azzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell sussegwentament tagħti l-possibbiltà li l-kwistjoni titressaq quddiem il-qorti Komunitarja, ir-rikorrenti m’għandhiex raġun li ssostni nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

118    Minn dan jirriżulta li din il-parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

119    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-inosservanza ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

120    Ir-rikorrenti tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li biex att ikun ikkunsidrat li huwa motivat, huwa għandu juri r-raġunament ta’ l-istituzzjoni, l-awtur ta’ l-att, b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex jippermetti lill-partijiet li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata ma tissodisfax din il-kundizzjoni peress li għalkemm, hekk kif irrikonoxxa l-Bord ta’ l-Appell, id-deċiżjoni li tat il-protezzjoni għandha effetti kunsiderevoli fuq in-negozju tal-koperattiva Anecoop, il-Bord ta’ l-Appell ma eżaminax il-locus standi ta’ din il-koperattiva. Ir-rikorrenti tenfasizza li dan il-fatt għandu jitqiegħed fil-kuntest tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell li ma jawtorizzahiex li tinkludi fil-proċess id-dokumenti addizzjonali intiżi li juru li l-membri tagħha, bħala fornituri ta’ materjal tal-pjanti, ġew affettwati b’mod konsiderevoli. Il-Bord ta’ l-Appell ma eżaminax jekk il-membri tagħha, bħala fornituri ta’ materjal tal-pjanti, kinux individwalment kkonċernati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni. Minbarra dan, il-konstatazzjoni tiegħu li kien hemm bosta persuni li jistgħu jkunu fornituri ta’ materjal tal-pjanti tal-varjetà protetta u li r-rikorrenti mhijiex distinta minn kwalunkwe operatur ieħor fis-settur, ma hija sostnuta minn ebda dokument jew informazzjoni.

121    Minbarra dan, sabiex jiċħad il-locus standi tar-rikorrenti bħala produttriċi, il-Bord ta’ l-Appell limita ruħu li jikkonstata li hija kienet tirrappreżenta l-interessi ta’ produtturi mingħajr ma għamel ebda eżami ieħor. Għaldaqstant, ir-raġunar tal-Bord ta’ l-Appell fuq dan il-punt mhuwiex motivat.

122    Finalment, billi ma tax ir-raġunijiet tiegħu għaliex il-proċeduri fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat u dawk tar-regolament bażiku huma differenti u billi ma spjegax għaliex tali differenzi huma importanti sal-punt li jimpedixxu, fil-kawża preżenti, l-applikazzjoni, permezz ta’ analoġija, tal-prinċipji stabbiliti fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat, il-Bord ta’ l-Appell kiser l-obbligu tiegħu ta’ motivazzjoni.

123    Is-CPVO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

124    Hemm lok li jiġi mfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa forma proċedurali sostanzjali li għandha tkun kkunsidrata separatament mill-kwistjoni tal- fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din ta’ l-aħħar tikkonċerna l-legalità tal-mertu ta’ l-att ikkontestat (sentenza tal-Qorti ta’ Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 35). Minbarra dan, hija ġurisprudenza kostanti li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 253 KE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunar ta’ l-awtur ta’ l-att. Dan l-obbligu għandu l-għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-partijiet li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda sabiex jkunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom, u min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja li tkun tista’ tistħarreġ dwar il-legalità tad-deċiżjoni [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-14 ta’ Frar 1990, Delacre et vs Il-Kummissjoni, C-350/88, Ġabra p. I-395, punt 15; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 2000, Kuijer vs Il-Kunsill, T-188/98, Ġabra p. II-1959, punt 36, u tat-3 ta’ Diċembru 2003, Audi vs L-UASI (TDI), T-16/02, Ġabra p. II-5167, punt 88].

125    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-deċizjoni kkontestata tippermetti lir-rikorrenti tiddefendi d-drittijiet tagħha u lill-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ tagħha. Minbarra dan, il-Bord ta’ l-Appell eżamina l-locus standi tar-rikorrenti fil-konfront ta’ l-allegati attivitajiet tal-koperattiva Anecoop (ir-raba’ sal-ħames subparagrafu tal-punt 3 tar-ragunijiet tad-deċiżjoni kkontestata), tal-possibbiltà li r-rikorrenti kienet tirrappreżenta l-produtturi individwali tal-mandolin (it-tmien sa’ l-għaxar subparagrafu tal-punt 3 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata) u tal-possibbiltà li l-ġurisprudenza fil-materja ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat tkun applikata għall-fatti tal-kawża preżenti (il-ħdax-is-subparagrafu tal-punt 3 tar-raġunijiet tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord ta’ l-Appell ta r-raġunijiet tiegħu għaliex huwa kien tal-fehma li dawn it-tliet każijiet ma kinux applikabbli jew ma kinux biżżejjed sabiex jistabbilixxu l-locus standi tar-rikorrenti. Minn dan jirriżulta li din ta’ l-aħħar m’għandhiex raġun li ssostni li, f’dan ir-rigward, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni.

126    Fi kwalukwe każ, jirriżulta mill-ġurisprudenza li rikorrent m’għandu l-ebda interess leġittimu li jipprova jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni minħabba difett formali fid-deċiżjoni meta l-annullament tagħha jista’ jwassal biss għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida li hija identika, għal dak li jirrigwarda l-mertu tagħha, għad-deċiżjoni annullata (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Lulju 1983, Geist vs Il-Kummissjoni, 117/81, Ġabra p. 2191, punt 7; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-18 ta’ Diċembru 1992, Díaz García vs Il-Parlament, T-43/90, Ġabra p. II-2619, punt 54 , u TDI, iċċitata iktar’il fuq, punt 97; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Settembru 2000, Orthmann vs Il-Kummissjoni, T-261/97, ĠabraSP p. I-A-181 u II-829, punti 33 u 35).

127    Fil-kawża preżenti, jirriżulta mill-analiżi tat-tieni motiv (ara l-punti 77 sa 110 u 116 sa 119 iktar’il fuq) li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument li jista’ juri li hija kellha locus standi fis-sens ta’ l-Artikolu 68 tar-regolament bażiku u li, konsegwentement, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni tista’ twassal biss għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida identika. Għalhekk, hemm lok li jiġi kkkunsidrat li r-rikorrenti ma għandha ebda interess legittimu li tannulla d-deċiżjoni kkontestata minħabba l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

128    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

130    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub kemm mis-CPVO kif ukoll mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Federación de Cooperativas Agrarias de la Comunidad Valenciana hija kkundannata għall-ispejjeż.

Forwood

Pelikánová

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-31 ta’ Jannar 2008.

E. Coulon

 

      N. J. Forwood

Reġistratur

 

      Aġent President

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

It-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikoli 49 u 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba

Fuq l-ewwel parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 49 tar-regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 50 tar-regolament ta’ implementazzjoni kif ukoll tal-prinċipji ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq deċiżjoni żbaljata dwar il-locus standi tar-rikorrenti

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li r-rikorrenti u l-membri tagħha huma individwalment kkonċernati mid-deċiżjoni li tat il-protezzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim Istanza

Fuq it-tieni parti tal-motiv, ibbażata fuq nuqqas ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva

L-argumenti tal-partijiet

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-inosservanza ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.