Language of document : ECLI:EU:T:2008:481

Kawża T-7/04

Shaker di L. Laudato & C. Sas

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat‑trade mark Komunitarja figurattiva Limoncello della Costiera Amalfitana shaker — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti LIMONCHELO — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar‑Regolament (KE) Nru 40/94 — Appell — Rinviju mill-Qorti tal-Ġustizzja”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Għalkemm, fil-kuntest tal-eżami ta’ oppożizzjoni mressqa, abbażi tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, mill‑proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, il-karattru distintiv ta’ din it‑trade mark għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-probabbiltà ta’ konfużjoni, dan mhuwiex ħlief element wieħed fost oħrajn li huma involuti f’din l-evalwazzjoni. Għaldaqstant, anki fil-preżenza ta’ trade mark preċedenti li jkollha karattru distintiv dgħajjef, tista’ teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, minħabba xebh bejn is-sinjali u bejn il-prodotti jew is-servizzi.

L-argument li trade mark preċedenti b’karattru distintiv dgħajjef tibbenefika minn protezzjoni mnaqqsa għandu bħala effett li jinnewtralizza l-fattur ibbażat fuq ix‑xebh tat-trade marks favur dak ibbażat fuq il‑karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, li jingħatalu importanza eċċessiva. Ir-riżultat ta’ dan ikun li, meta t‑trade mark preċedenti jkollha biss karattru distintiv dgħajjef, probabbiltà ta’ konfużjoni teżisti biss f’każ ta’ riproduzzjoni kompleta tagħha mit‑trade mark li għaliha ssir l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, u dan indipendentement mil-livell ta’ xebh bejn is-sinjali inkwistjoni. Riżultat bħal dan madankollu ma jkunx konformi man-natura stess tal-evalwazzjoni globali li l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli li jwettqu skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punti 56, 57)

2.      Għall-konsumaturi medji Spanjoli teżisti probabbilità ta’ konfużjoni, fis-sens tal‑Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal figurattiv Limoncello della Costiera Amalfitana shaker, li r‑reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal “Likuri ta’ lumi li ġej mill-kosta Amalfitana” li jaqgħu fil-klassi 33 skont il-Ftehim ta’ Nizza, u t-trade mark verbali LIMONCHELO, irreġistrata preċedentement fi Spanja għal “Inbejjed, spirti u likuri” li jaqgħu fl-istess klassi skont l-imsemmi ftehim.

Fil-fatt, il-pubbliku rilevanti, fil‑memorja tiegħu, iżomm biss stampa imperfetta tat-trade marks inkwistjoni, hekk li l-element komuni tagħhom, il-kelma “limoncello” jew “limonchelo”, joħloq ċertu xebh bejniethom, peress li l-kelma “limoncello” tista’ tiddomina l-impressjoni sħiħa li tinħoloq f’moħħ il-pubbliku rilevanti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, il‑prodotti kkonċernati huma identiċi.

(ara l-punt 58)