Language of document : ECLI:EU:C:2024:297

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

11 ta’ April 2024 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Artikolu 6(1) – Kamp ta’ applikazzjoni – Kuntratt konkluż minn konsumatur li għandu n-nazzjonalità ta’ Stat terz ma’ bank stabbilit fi Stat Membru – Azzjoni mressqa kontra dan il-konsumatur – Qorti tal-aħħar domiċilju magħruf tal-imsemmi konsumatur fit-territorju ta’ Stat Membru”

Fil-Kawża C‑183/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis‑Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Frar 2023, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura

Credit Agricole Bank Polska S.A.

vs

AB,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u S. Żyrek, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u M. Hellmann, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Hottiaux u S. Noë, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Credit Agricole Bank Polska S.A., stabbilita fil-Polonja, u AB, konsumatur li l-indirizz attwali tiegħu ma huwiex magħruf, dwar il-ħlas ta’ somma flus mitluba mingħand dan tal-aħħar minn dan il-bank b’applikazzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

3        Il-premessi 6, 15 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxu:

“(6)      Sabiex jintlaħaq l-objettiv taċ-ċirkolazzjoni libera tas-sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, huwa meħtieġ u xieraq li r-regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jkunu regolati minn strument legali tal-Unjoni li jkun jorbot u direttament applikabbli.

[...]

(15)      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut.[...]

[...]

(18)      B’relazzjoni mal-kuntratti ta’ assigurazzjoni, tal-konsumatur u ta’ impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni aktar favorevoli għall-interessi tagħha milli r-regoli ġenerali.”

4        L-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        Skont l-Artikolu 5(1) tal-imsemmi regolament:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

6        Skont l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament:

“Jekk il-konvenut ma jkunx domiċiljat fi Stat Membru, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ kull Stat Membru għandha, soġġetta għall-Artikoli 18(1), 21(2) u l-Artikoli 24 u 25, tkun determinata bil-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

7        L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jistabbilixxi:

“Fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ kuntratt konkluż minn xi persuna, il-konsumatur, għal skop li jista’ jitqies lil hinn minn negozju jew professjoni tiegħu, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din it-Taqsima, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6 u l-punt 5 tal-Artikolu 7, jekk:

a)      ikun kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti li jitħallsu bin-nifs;

b)      ikun kuntratt għal self li jitħallas bin-nifs, jew għal xi għamla oħra ta’ kreditu, magħmula sabiex tiffinanzja l-bejgħ ta’ oġġetti; jew

c)      fil-każijiet l-oħra kollha, il-kuntratt ikun ġie konkluż ma’ persuna li tinvolvi ruħha f’attivitajiet kummerċjali jew professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konsumatur jew, bi kwalunkwe mezzi, tidderieġi tali attivitajiet lejn dak l-Istat Membru jew lejn diversi Stati inkluż dak l-Istat Membru, u l-kuntratt jidħol fl-ambitu ta’ attivitajiet bħal dawk.”

8        L-Artikolu 18(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.      Konsumatur jista’ jressaq proċedimenti kontra l-parti l-oħra ta’ kuntratt fil-qrati tal-Istat Membru li fih tkun domiċiljata dik il-parti jew, irrispettivament mid-domiċilju tal-parti l-oħra, fil-qrati tal-post fejn ikun domiċiljat il-konsumatur.

2.      Jistgħu jitressqu proċeduri kontra konsumatur mill-parti l-oħra tal-kuntratt biss fil-qrati tal-Istat Membru li fih ikun domiċiljat il-konsumatur.”

9        Skont l-Artikolu 26 tal-imsemmi regolament:

“1.      Apparti mill-ġurisdizzjoni li toħroġ minn dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament, qorti ta’ Stat Membru fejn il-konvenut ikun deher għandha jkollha l-ġurisdizzjoni. Din ir-regola m’għandhiex tapplika meta d-dehra kienet saret biex tkun ikkontestata l-ġurisdizzjoni, jew meta qorti oħra jkollha ġurisdizzjoni esklużiva bis-saħħa tal-Artikolu 24.

2.      Fi kwistjonijiet li jsir riferiment għalihom fit-Taqsimiet 3, 4 jew 5 meta d-detentur tal-polza tal-assigurazzjoni, l-assigurat, il-benefiċjarju tal-kuntratt ta’ assigurazzjoni, il-parti li tkun ġarrbet il-ħsara, il-konsumatur jew l-impjegat ikun il-konvenut, il-qorti għandha, qabel ma tassumi l-ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 1, tiżgura li l-konvenut jiġi infurmat dwar id-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti u dwar il-konsegwenzi li jsegwu jekk jidher jew jekk ma jidhirx għall-proċeduri.”

10      Skont l-Artikoli 28(1) u (2) ta’ l-istess regolament.

“1.      Meta konvenut domiċiljat fi Stat Membru wieħed jitressaq quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor u ma jidhirx quddiem il-qorti, il-qorti għandha tiddikjara bl-inizjattiva tagħha stess li m’għandhiex ġurisdizzjoni sakemm il-ġurisdizzjoni tagħha ma tkunx ġejja mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.      Il-qorti għandha tissospendi l-proċedimenti sakemm ma jintweriex li l-konvenut seta’ jirċievi d-dokument li jniedi l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti fi żmien suffiċjenti sabiex ikun jista’ jagħmel arranġamenti għad-difiża tiegħu, jew li l-passi kollha meħtieġa jkunu ttieħdu għal dan il-għan.”

11      L-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-kwistjoni, il-qorti għandha tapplika l-liġi interna tiegħu.

2.      Jekk parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-kwistjoni, allura, sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fi Stat Membru ieħor, il-qorti għandha tapplika il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.”

 Iddritt Pollakk

12      Skont l-Artikolu 144(1) ta’ l-ustawa - Kodeks postępowania cywilnego (il-Liġi li Tistabbilixxi l-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), tas‑17 ta’ Novembru 1964 (Dz. U. Nru 43, intestatura 296), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili”):

“Il-President tal-qorti għandu jaħtar kuratur jekk ir-rikorrent juri li l-post ta’ residenza tal-parti ma huwiex magħruf. [...]”

13      Skont l-Artikolu 69(3) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili li huwa applikabbli mutatis mutandis għall-kuratur maħtur skont l-Artikolu 144 ta’ dan il-kodiċi:

“Il-kuratur maħtur skont il-paragrafu 1 għandu jkun intitolat li jwettaq l-atti kollha relatati mal-kawża kkonċernata.”

14      L-Artikolu 139 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jipprevedi:

“1)      Jekk, minkejja notifika ġdida skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 139(1), il-konvenut ma jkunx irtira r-rikors jew kull att proċedurali ieħor li jistabbilixxi l-ħtieġa li jiddefendi d-drittijiet tiegħu, u jekk ebda att ma jkun ġie nnotifikat minn qabel skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli preċedenti u l-Artikolu 139(2) sa (31), jew kull dispożizzjoni speċjali oħra li tipprevedi l-effett ta’ notifika ma tkunx applikabbli, il-President għandu jinforma b’dan lir-rikorrent billi jibgħatlu kopja tal-att intiż lill-konvenut u tordnalu jipproċedi bin-notifika ta’ dan l-att lill-konvenut permezz ta’ marixxall tal-qorti.

2)      Ir-rikorrent għandu, f’terminu ta’ xahrejn mid-data li fiha l-obbligu msemmi fil-paragrafu 1 ġie nnotifikat lilu, jew idaħħal fil-proċess konferma tan-notifika tal-att lill-konvenut minn marixxall tal-qorti, jew jibgħat lura l-att u jindika l-indirizz attwali tal-konvenut jew jipproduċi l-prova li l-konvenut jirrisjedi fl-indirizz indikat fir-rikors. Ladarba jiskadi t-terminu mingħajr effett, għandu japplika l-punt 6 tal-Artikolu 177(1).”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit‑22 ta’ Diċembru 2021, quddiem is-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja – il-Polonja), li hija l-qorti tar-rinviju, Credit Agricole Bank Polska titlob li AB, ċittadin ta’ Stat terz, li għandu l-kwalità ta’ konsumatur, jiġi kkundannat iħallasha somma flus fl-ammont ta’ 10 591.64 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 2 250), flimkien mal-interessi applikabbli, kif ukoll l-ispejjeż legali.

16      Dan ir-rikors huwa bbażat fuq kuntratt ta’ kreditu għall-konsum konkluż fis‑16 ta’ Lulju 2020 bejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u l-konvenut fil-kawża prinċipali għall-finijiet tax-xiri minn dan tal-aħħar ta’ telefon ċellulari. L-indirizz ta’ dan il-konvenut, indikat fir-rikors, kien jikkorrispondi għal dak imsemmi f’dan il-kuntratt.

17      Fit‑30 ta’ Marzu 2022, l-uffiċjal ġudizzjarju fi ħdan il-qorti tar-rinviju (iktar ’il quddiem l-“uffiċjal ġudizzjarju”) ħareġ ordni ta’ ħlas kontra AB, li permezz tagħha ordna lil dan tal-aħħar iħallas lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali s-somma ta’ PLN 10 591.64, flimkien mal-interessi moratorji kuntrattwali, u l-ispejjeż legali, flimkien mal-interessi moratorji legali, ikkalkolati mid-data li fiha din l-ordni ta’ ħlas issir definittiva sad-data tal-ħlas mitlub.

18      Kopja ta’ dan ir-rikors u tal-imsemmija ordni għal ħlas kif ukoll informazzjoni oħra għall-attenzjoni tal-konvenut fil-kawża prinċipali ntbagħtu bil-posta fl-indirizz ta’ dan tal-aħħar, indikata fl-imsemmi rikors. Fil‑5 ta’ Mejju 2022, din l-ittra ntbagħtet lura minħabba li ma tneħħietx mid-destinatarju.

19      L-uffiċjal ġudizzjarju inkariga lill-mandatarju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinnotifika lill-konvenut fil-kawża prinċipali, permezz ta’ marixxall tal-qorti, skont id-dritt Pollakk, b’kopja tar-rikors u tal-ordni ta’ ħlas, taħt piena ta’ sospensjoni tal-proċedura. Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Settembru 2022, dan il-mandatarju informa lill-qorti tar-rinviju li n-notifika kkonċernata ma setgħetx tirnexxi, peress li dan il-konvenut ma kienx magħruf fl-indirizz indikat.

20      Permezz ta’ digriet tal‑4 ta’ Ottubru 2022, l-uffiċjal ġudizzjarju ħatar kuratur għall-benefiċċju tal-imsemmi konvenut.

21      Fis‑26 ta’ Ottubru 2022, dan il-kuratur ressaq oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas maħruġa fit‑30 ta’ Marzu preċedenti, minħabba li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx uriet li hija kienet kreditriċi sal-ammont mitlub fil-pretensjonijiet tagħha. L-imsemmi kuratur indika wkoll li ma kienx f’pożizzjoni li jistabbilixxi l-post ta’ residenza tal-konvenut fil-kawża prinċipali, iżda ma qajjem ebda eċċezzjoni dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti tar-rinviju sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali, skont l-Artikoli 17 u 18 tar-Regolament Nru 1215/2012.

22      Il-passi meħuda minn din il-qorti kif ukoll mill-mandatarju tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali u mill-kuratur tal-konvenut fil-kawża prinċipali ma ppermettewx l-identifikazzjoni tar-residenza jew tad-domiċilju ta’ dan tal-aħħar. Huma sempliċement ippermettew li jiġi kkonstatat li dan il-konvenut kien wasal fil-Polonja fid‑29 ta’ Settembru 2017, li dan tal-aħħar kien telaq mill-indirizz li fih kien irreġistrat f’dan l-Istat Membru matul is-sena 2018 u li ma kienx, fid-data tal-verifiki hekk imwettqa, imċaħħad mil-libertà fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru.

23      Skont l-imsemmija qorti, ma huwiex eskluż li l-konvenut fil-kawża prinċipali telaq mit-territorju Pollakk mingħajr ma dan il-fatt jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza, fid-dawl tal-assenza ta’ kontrolli f’ċerti fruntieri tal-art tar-Repubblika tal-Polonja.

24      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, qabelxejn, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, hijiex obbligata tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha skont ir-regoli tad-dritt intern tagħha jew skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi stabbiliti f’dan ir-regolament.

25      Skont din il-qorti, mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745), u tal‑15 ta’ Marzu 2012, G (C‑292/10, EU:C:2012:142), jirriżulta li l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali minflok dawk ta’ ġurisdizzjoni uniformi hija possibbli biss jekk il-qorti adita jkollha indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li l-konvenut, ċittadin tal-Unjoni mhux iddomiċiljat fl-Istat Membru ta’ din l-aħħar qorti, ikun effettivament iddomiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din il-ġurisprudenza għandhiex tapplika wkoll f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali fejn il-konvenut ikkonċernat huwa persuna li ma għandha n-nazzjonalità ta’ ebda Stat Membru, iżda li probabbilment hija ddomiċiljata fit-territorju ta’ Stat Membru. Hija tosserva li l-osservanza tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsumaturi, tista’ timmilita favur risposta fl-affermattiv għal din id-domanda.

27      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sussegwentement, jekk, fid-dawl tal-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1215/2012, huwiex possibbli li jitqies li l-konvenut fil-kawża prinċipali deher u, konsegwentement, aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita, meta l-proċedura sseħħ fil-preżenza tal-kuratur ta’ dan il-konvenut.

28      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-istituzzjoni tal-kuratur assenti għandha l-għan li tiggarantixxi d-dritt lil qorti lil rikorrenti li, għal raġunijiet indipendenti mir-rieda tagħha, ma tkunx f’pożizzjoni li tistabbilixxi d-domiċilju tal-konvenut ikkonċernat. Hija ssostni li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenzi tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219), u tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka (C‑327/10, EU:C:2011:745), jekk il-possibbiltà li titkompla l-proċedura mingħajr l-għarfien tal-konvenut permezz, bħal fil-kawża prinċipali, tan-notifika tar-rikors lil kuratur maħtur mill-qorti adita tirrestrinġi d-drittijiet tad-difiża ta’ dan il-konvenut, tali restrizzjoni hija ġġustifikata fid-dawl tad-dritt tar-rikorrenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

29      Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-possibbiltà li l-kuratur ta’ konsumatur assenti, li r-residenza tiegħu ma hijiex magħrufa, jaċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ qorti, li fir-realtà ma għandhiex ġurisdizzjoni fir-rigward tar-Regolament Nru 1215/2012, billi jidher quddiemha.

30      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 1996, Hendrikman u Feyen (C‑78/95, EU:C:1996:380), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dehra ta’ rappreżentant maħtur irregolarment għal konvenut ma tistax titqies li hija dehra ta’ dan il-konvenut. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-kuratur tal-konvenut fil-kawża prinċipali nħatar konformement mad-dritt Pollakk, peress li dan il-kuratur huwa awtorizzat iwettaq l-atti kollha relatati mal-kawża prinċipali f’isem dan tal-aħħar li r-residenza tiegħu baqgħet mhux magħrufa matul il-proċedura.

31      Skont din il-qorti, mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jirriżulta li, sabiex konsumatur jiġi preżunt li aċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ qorti li ma tirriżultax minn dan ir-regolament, b’mod partikolari mill-Artikolu 18(2) tiegħu, huwa neċessarju li dan il-konsumatur jiġi informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġurisdizzjoni ta’ din l-aħħar qorti u bil-konsegwenzi tad-dehra tiegħu jew tal-assenza ta’ dehra tiegħu quddiem din tal-aħħar. Għaldaqstant, li jiġi kkunsidrat li din l-informazzjoni tista’ tiġi ssostitwita mill-informazzjoni tar-rappreżentant tal-imsemmi konsumatur imur kontra l-għan essenzjali segwit mill-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 li huwa dak li jipproteġi l-istess konsumatur.

32      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy dla Warszawy - Śródmieścia w Warszawie (il-Qorti Distrettwali tal-Belt ta’ Varsavja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 6(1) tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament japplikaw għad-determinazzjoni tal-ġurisdizzjoni f’tilwima bejn konsumatur li l-post tar-residenza tiegħu ma huwiex magħruf, li ma huwiex ċittadin ta’ Stat Membru u li dwaru huwa magħruf li, minn naħa, li l-aħħar residenza magħrufa tiegħu kienet tinsab fi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, jeżistu indikazzjonijiet affidabbli li jippermettu li jitqies li ma għadx għandu d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, iżda ma jeżistux indikazzjonijiet affidabbli li jippermettu li jitqies li huwa telaq it-territorju tal-Unjoni u li rritorna fl-Istat li huwa ċittadin tiegħu?

2)      L-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament [Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dehra ta’ kuratur maħtur skont id-dritt nazzjonali ta’ Stat Membru sabiex jirrappreżenta lil dan il-konsumatur li l-post tar-residenza tiegħu ma huwiex magħruf tissostitwixxi d-dehra ta’ dan il-konsumatur u tippermetti li tiġi preżunta l-ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru minkejja l-eżistenza ta’ indikazzjonijiet affidabbli li jippermettu li jitqies li l-konsumatur ma għadx għandu d-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, sa fejn, ir-Regolament Nru°1215/2012, dan iħassar u jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), li min-naħa tiegħu ssostitwixxa l-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata mill-konvenzjonijiet suċċessivi dwar l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda għal din il-konvenzjoni, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-aħħar strumenti ġuridiċi tapplika wkoll għar-Regolament Nru 1215/2012 meta dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ekwivalenti” (sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Verein für Konsumenteninformation, C‑343/19, EU:C:2020:534, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tirreferi, kemm fil-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ukoll fid-domandi magħmula minnha stess, alternattivament għall-post ta’ residenza u għall-post tad-domiċilju tal-konvenut fil-kawża prinċipali.

35      Issa, għandu jiġi osservat li r-Regolament Nru 1215/2012 jirreferi biss għall-kunċett ta’ “domiċilju” tal-konvenut, li jikkostitwixxi l-kriterju ġenerali ta’ rabta li jippermetti li tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti skont l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament.

36      F’dan ir-rigward, kif jirriżulta espressament mir-rapport ta’ P. Jenard dwar il-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1979, C 59, p. 1), li l-kummenti tiegħu dwar id-determinazzjoni tad-domiċilju japplikaw ukoll għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li japplika l-kriterju tad-domiċilju tal-konvenut, u mhux dak tar-residenza abitwali tiegħu jew fl-istess ħin ta’ dawn iż-żewġ kriterji, kienet motivata min-neċessità li tiġi evitata l-multiplikazzjoni ta’ fora li għandhom ġurisdizzjoni.

37      Bħall-Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, kif emendata u r-Regolament Nru 44/2001, ir-Regolament Nru 1215/2012 ma jiddefinixxix dan il-kunċett ta’ “domiċilju”. Għalhekk, l-Artikolu 62(1) ta’ dan l-aħħar regolament jirreferi għal-liġi tal-Istat Membru li l-qrati tiegħu jkunu ġew aditi sabiex jiddeterminaw jekk parti għandhiex domiċilju fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 62(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, “[j]ekk parti ma tkunx domiċiljata fl-Istat Membru li l-qrati tiegħu ikunu invokati bil-kwistjoni, allura, sabiex ikun iddeterminat jekk parti jkollhiex id-domiċilju fi Stat Membru ieħor, il-qorti għandha tapplika il-liġi ta’ dak l-Istat Membru”.

38      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi osservat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża prinċipali billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “domiċilju”, kif stabbilit mid-dritt Pollakk.

 Fuq l‑ewwel domanda

39      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta l-aħħar domiċilju magħruf ta’ konvenut, ċittadin ta’ Stat terz u li għandu l-kwalità ta’ konsumatur, ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita u li din ma tasalx sabiex tidentifika d-domiċilju attwali ta’ dan il-konvenut u lanqas ma għandha indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li dan huwa effettivament iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew barra mit-territorju tal-Unjoni, il-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-tilwima hija ddeterminata mil-liġi tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti.

40      Hemm lok li jitfakkar li r-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż li jiġbor ir-regoli dwar il-kunflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali permezz ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni li jippreżentaw livell għoli ta’ prevedibbilità. Dan ir-regolament ifittex għalhekk għan ta’ ċertezza legali li jikkonsisti fit-tisħiħ tal-protezzjoni ġuridika tal-persuni stabbiliti fl-Unjoni, billi jippermetti kemm lir-rikorrent li jidentifika faċilment il-qorti li jista’ jadixxi u lill-konvenut li jipprevedi raġonevolment dik li quddiemha jista’ jitressaq (sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Skont l-Artikolu 6(1) tal-Regolament 1215/2012, jekk il-konvenut ma jkollux id-domiċilju tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru, il-ġurisdizzjoni għandha tkun irregolata, f’kull Stat Membru, mil-liġi ta’ dan l-Istat Membru, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(1), tal-Artikolu 21(2) u tal-Artikoli 24 u 25 ta’ dan ir-regolament.

42      Sa fejn l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jippermetti li minflok jiġu applikati r-regoli ta’ ġurisdizzjoni uniformi, stabbiliti f’dan ir-regolament, ir-regoli tad-dritt ta’ kull Stat Membru, il-premessa li fuqha hija bbażata l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-assenza tad-domiċilju tal-konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru, għandha tiġi interpretata b’mod strett.

43      Tali interpretazzjoni stretta hija iktar u iktar iġġustifikata jekk il-konvenut għandu l-kwalità ta’ konsumatur u għalhekk jibbenefika, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1215/2012, minn protezzjoni msaħħa bl-istabbiliment ta’ regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali favur il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab id-domiċilju tiegħu. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li tali konsumatur jista’ jassumi r-riskju li jitlef din il-protezzjoni fil-każ ta’ applikazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni tad-dritt nazzjonali.

44      Din hija r-raġuni għalfejn, jekk id-domiċilju ta’ konsumatur konvenut, ċittadin ta’ Stat Membru, ma jkunx magħruf, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 44/2001, li l-formulazzjoni tiegħu hija fformulata f’termini, essenzjalment, ekwivalenti għal dawk tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, japplika biss jekk il-qorti nazzjonali jkollha indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li dan il-konvenut huwa effettivament iddomiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 42, u tal‑15 ta’ Marzu 2012, G, C‑292/10, EU:C:2012:142, punt 42).

45      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta l-qorti nazzjonali ma jkollhiex indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li l-konsumatur konvenut huwa effettivament iddomiċiljat barra mit-territorju tal-Unjoni u ma jirnexxilhiex tidentifika l-post fejn huwa ddomiċiljat dan il-konsumatur, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni speċjali prevista fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 44/2001 li sar l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, li jipprovdi li l-azzjoni mressqa kontra l-konsumatur ikkonċernat mill-parti l-oħra fil-kuntratt għandha titressaq quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa ddomiċiljat dan il-konsumatur, tirrigwarda wkoll l-aħħar domiċilju magħruf tal-imsemmi konsumatur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2011, Hypoteční banka, C‑327/10, EU:C:2011:745, punt 42).

46      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza tapplikax ukoll f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha azzjoni titressaq kontra konsumatur li ma huwiex ċittadin ta’ Stat Membru, iżda ċittadin ta’ Stat terz u li l-aħħar domiċilju magħruf tiegħu jinsab fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita, mingħajr ma jkun jista’ jiġi stabbilit b’ċertezza li dan il-konsumatur telaq minn dan it-territorju lejn Stat Membru ieħor jew li huwa ħalla t-territorju tal-Unjoni.

47      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, ir-Regolament Nru 1215/2012 huwa bbażat fuq il-kriterju tad-domiċilju tal-konvenut u mhux fuq dak tan-nazzjonalità tiegħu. Fil-fatt, l-Artikolu 4(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, il-persuni ddomiċiljati fit-territorju ta’ Stat Membru għandhom jitressqu quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat.

48      Konsegwentement, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq l-aħħar domiċilju magħruf tal-konsumatur konvenut fit-territorju ta’ Stat Membru, imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, tapplika indipendentement min-nazzjonalità ta’ dan il-konsumatur.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta l-aħħar domiċilju magħruf ta’ konvenut, ċittadin ta’ Stat terz u li għandu l-kwalità ta’ konsumatur, ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita, u li din ma tasalx sabiex tidentifika d-domiċilju attwali ta’ dan il-konvenut u lanqas ma għandha indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li dan huwa effettivament iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ din it-tilwima hija iddeterminata mhux mil-liġi tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti, iżda mill-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament, li jagħti ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali tilwima lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab l-aħħar domiċilju magħruf tal-imsemmi konvenut.

 Fuq ittieni domanda

50      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 26(1) u (2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-dehra quddiem qorti ta’ kuratur, maħtur minn qorti nazzjonali sabiex jirrappreżenta konsumatur konvenut li huwa assenti u li d-domiċilju attwali tiegħu ma huwiex magħruf, hija ekwivalenti għad-dehra ta’ dan il-konsumatur quddiem din il-qorti u b’hekk tippermetti li tiġi preżunta l-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-imsemmija qorti.

51      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 26 tar-Regolament Nru 1215/2012 jinsab fit-Taqsima 7 tal-Kapitolu II tiegħu, intitolata “Proroga tal-ġurisdizzjoni”.

52      L-Artikolu 26(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq id-dehra tal-konvenut għall-kawżi kollha li fihom il-ġurisdizzjoni tal-qorti adita ma tirriżultax minn dispożizzjonijiet oħra tal-imsemmi regolament, bl-eċċezzjoni tal-kawżi li jaqgħu taħt regola ta’ ġurisdizzjoni esklużiva skont l-Artikolu 24 tal-istess regolament, li fir-rigward tagħhom id-dehra tal-konvenut ma twassalx għal proroga tal-ġurisdizzjoni.

53      L-Artikolu 26(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 jimponi, fil-qasam ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni, ta’ kuntratti ta’ konsum u ta’ kuntratti individwali ta’ impjieg, fuq il-qorti li tqis li għandha ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu obbligu li tinforma lill-parti l-iktar dgħajfa qabel ma tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni. Għalhekk, meta konsumatur konvenut jidher quddiem qorti differenti minn dik tad-domiċilju tiegħu, li għandha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, il-qorti adita għandha tiżgura li dan il-konsumatur jiġi informat bid-dritt tiegħu li jikkontesta l-ġurisdizzjoni tal-qorti u bil-konsegwenzi tad-dehra tiegħu.

54      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kwistjoni tal-proroga tal-ġurisdizzjoni minħabba d-dehra tal-konsumatur konvenut jew, jekk ikun il-każ, dik tat-kuratur tiegħu tqum biss fis-sitwazzjoni fejn il-qorti adita ma tislitx il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża kkonċernata minn dispożizzjonijiet oħra minbarra l-Artikolu 26(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

55      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mir-risposta għall-ewwel domanda, fin-nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-post fejn huwa ddomiċiljat il-konsumatur ikkonċernat u fl-assenza ta’ indizji probatorji li dan il-konsumatur effettivament telaq mit-territorju tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju tislet il-ġurisdizzjoni tagħha mill-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1215/2012, bħala qorti tal-aħħar domiċilju magħruf tal-imsemmi konsumatur.

56      Konsegwentement, fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

meta l-aħħar domiċilju magħruf ta’ konvenut, ċittadin ta’ Stat terz u li għandu l-kwalità ta’ konsumatur, ikun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru tal-qorti adita u li din ma tasalx sabiex tidentifika d-domiċilju attwali ta’ dan il-konvenut u lanqas ma għandha indizji probatorji li jippermettulha tikkonkludi li dan huwa effettivament iddomiċiljat fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew barra mit-territorju tal-Unjoni Ewropea, il-ġurisdizzjoni sabiex tittieħed konjizzjoni ta’ din it-tilwima hija iddeterminata mhux mil-liġi tal-Istat Membru li taħtu taqa’ din il-qorti, iżda mill-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament, li jagħti ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tali tilwima lill-qorti li fil-ġurisdizzjoni territorjali tagħha jinsab l-aħħar domiċilju magħruf tal-imsemmi konvenut.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.