Language of document : ECLI:EU:T:2012:218

Kawża T-158/10

The Dow Chemical Company

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjonijiet ta’ etanolamini li joriġinaw mill-Istati Uniti — Dazju antidumping definittiv — Skadenza tal-miżuri antidumping — Eżami mill-ġdid — Probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping — Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri li ser jiskadu — Żamma fis-seħħ ta’ miżura antidumping — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2))

2.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri li ser jiskadu — Żamma fis-seħħ ta’ miżura antidumping — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikoli 1 u 11(2))

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri li ser jiskadu — Possibbiltà li jinbidlu l-miżuri kkonċernati — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(2))

4.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ eżami mill-ġdid ta’ miżuri li ser jiskadu — Żamma fis-seħħ ta’ miżura antidumping — Kontinwazzjoni tad-dumping — Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 1225/2009, Artikolu 11(2))

1.      Mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009 jirriżulta qabelxejn, li hija r-regola li miżura tiskadi wara ħames snin, filwaqt li ż-żamma tagħha hija eċċezzjoni. Għalhekk, iż-żamma fis-seħħ ta’ tali miżura tiddependi mir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-konsegwenzi tal-iskadenza tagħha, jiġifieri minn pronostiku bbażat fuq ipoteżi fuq żviluppi futuri tas-sitwazzjoni tas-suq ikkonċernat. Fl-aħħar nett, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li s-sempliċi possibbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dumping u tad-dannu, ma hijiex biżżejjed sabiex tiġġustifika ż-żamma fis-seħħ ta’ miżura, peress li din hija suġġetta għall-fatt li l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dumping u ta’ dannu tkun ġiet ikkonstatata pożittivament, fuq il-bażi ta’ investigazzjoni, mill-awtoritajiet kompetenti.

(ara l-punt 22)

2.      Il-kelma “dumping”, kif tinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, ma hijiex definita. Madankollu, fid-dawl tal-iskema tal-imsemmi regolament, u fin-nuqqas ta’ indikazzjoni kuntrarja, għandu jiġi kkunsidrat li l-kelma “dumping”, kif tinsab fl-imsemmi Artikolu 11(2), għandha l-istess tifsira bħall-kelma “dumping”, definita fl-Artikolu 1 tal-imsemmi regolament li huwa dwar il-“prinċipji”.

Skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Bażiku, u b’mod partikolari skont il-paragrafi 1 u 2 tiegħu, id-dumping jirreferi għal prodott mqiegħed f’ċirkolazzjoni libera fi ħdan l-Unjoni. Huwa meta l-prodott jiġi dumped u meta jikkawża dannu li l-istituzzjonijiet jistgħu, b’riżerva għal kundizzjonijet oħrajn, jimponu miżuri antidumping.

(ara l-punti 40, 41)

3.      Fil-kuntest tal-Artikolu 11(2), tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, l-istituzzjonijiet jistgħu jew iżommu il-miżuri jew iħalluhom jiskadu. Huma ma jistgħux jimmodifikaw dawn il-miżuri sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, tal-fatt li ċerti impriżi ma pprattikawx id-dumping.

(ara l-punt 43)

4.      Il-kunċett ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping, li jinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament antidumping bażiku Nru 1225/2009, ikopri mhux biss dumping ipprattikat minn ċerti impriżi iżda dumping li hu l-oġġett tal-prodott ikkonċernat li joriġina minn pajjiż terz.

F’dan ir-rigward, il-Kunsill iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta jikkonkludi li kienet teżisti persistenza ta’ dumping matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni u meta sostna, fuq din il-bażi, li kien hemm il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping, peress li l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-parti rikorrenti jirrappreżentaw il-maġġoranza kbira tal-importazzjonijiet li joriġinaw minn pajjiżi terzi matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni u li dawn l-importazzjonijiet saru mingħajr dumping. Peress li kellu jiġi kkonstatat li l-marġni medju peżat għall-importazzjonijiet tal-prodott inkwistjoni li joriġinaw f’dawn il-pajjiżi terzi kienu negattivi, il-Kunsill ma jistax jasal għall-konklużjoni li d-dumping tkompla matul il-perijodu ta’ investigazzjoni dwar ir-reviżjoni, jew li teżisti probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping. F’tali kundizzjonijiet, il-Kunsill għandu juri li teżisti l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ dumping.

(ara l-punti 44, 45, 47)