Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2024 – LU vs BEI

(Kawża T-160/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: LU (rappreżentant: B. Maréchal, avukat)

Konvenut: Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-President tal-BEI tal-21 ta’ Diċembru 2023 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li approvat il-konklużjonijiet tar-rapport finali tal-Kumitat għad-Dinjità fuq il-Post tax-Xogħol tat-22 ta’ Marzu 2023;

tannulla r-rapport finali tal-Kumitat għad-Dinjità fuq il-Post tax-Xogħol tat-22 ta’ Marzu 2023 (iktar ’il quddiem ir-“rapport finali”);

tiddikjara l-użu mir-rikorrent tal-proċedura dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol bħala leġittimu u mhux malizzjuż;

tannulla l-proċedura dixxiplinari mibdija kontra r-rikorrent mill-President tal-BEI fit-8 ta’ Jannar 2021;

tordna l-kumpens għad-danni morali mġarrba mir-rikorrent fl-ammont ta’ EUR 150 000;

tordna l-kumpens għad-danni materjali mġarrba mir-rikorrent fl-ammont ta’ EUR 200 000, ammont li huwa ikkalkolat b’mod provviżorju;

tordna l-ħlas tal-ispejjeż legali mġarrba mir-rikorrent għall-azzjoni preżenti fl-ammont ta’ EUR 35 000 (inkluża l-VAT).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata u tar-rapport finali wara li ma ġiex ammess l-ilment tar-rikorrent imressaq taħt il-Grupp tal-BEI għad-Dinjità fuq il-Post tax-Xogħol dwar allegat fastidju psikoloġiku (iktar ’il quddiem l-“ilment”) u fuq l-azzjonijiet u/jew l-ommissjonijiet illeċiti relatati mat-tressiq, mat-tkomplija u mal-iżvolġiment tal-proċedura dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’:

r-rifjut illegali li tiġi evalwata u pprovduta analiżi motivata b’mod xieraq tal-ammissibbiltà tal-ilment;

l-ommissjoni illegali li titqies u li tiġi evalwata mill-ġdid f’analiżi sostanzjata u motivata l-ammissibbiltà tal-ilment.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat żvolġiment mhux xieraq tal-proċedura dwar id-dinjita’ fuq il-post tax-xogħol bi ksur tal-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif ukoll tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’:

nuqqas ta’ żvolġiment tal-proċeduri f’konformità mal-prinċipji ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza bi ksur tad-dritt tar-rikorrent għal smigħ xieraq;

żbalji u nuqqasijiet fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-2 ta’ Frar 2022, LU vs BEI (T-536/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:40) li jaffettwaw ir-regolarità tal-proċedura dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol u d-drittijiet tar-rikorrent;

l-kunflitt ta’ interessi ta’ diversi membri tal-Uffiċċju tal-Persunal.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-illegalità tad-deċiżjonijiet ikkontestati sa fejn l-allegat fastidju psikoloġiku tar-rikorrent ma ġiex ammess, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’:

l-evalwazzjoni tal-allegazzjonijiet tal-fastidju;

l-allegat użu abbużiv tal-proċedura, kif stabbilit fil-Kapitolu 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

4.    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ir-responsabbiltà’ tal-konvenut għal danni morali u materjali mġarrba mir-rikorrent b’riżultat tad-deċiżjonijiet ikkontestati u l-ksur tad-drittijiet fundamentali relatat.

____________