Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta’ April 2024 – DP u DQ vs EIOPA

(Kawża T-183/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: DP u DQ (rappreżentant: N. Flandin, avukat)

Konvenuta: L-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors bħala ammissibbli;

tiddikjara dan ir-rikors bħala fondat sa fejn:

il-konvenuta wettqet ksur suffiċjentement serju tar-regoli tad-dritt li jagħtu drittijiet lil individwi, u b’mod partikolari tal-Artikolu 339 TFUE u tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

ir-rikorrenti ġarrbu danni morali;

id-danni morali mġarrba mir-rikorrenti jirriżultaw b’mod dirett mill-illegalitajiet imsemmija iktar ’il fuq;

konsegwentement :

tordna l-kumpens għad-dannu mġarrab mir-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 340 TFUE huma ssodisfatti f’dan il-każ sabiex tiġi invokata r-responsabbiltà tal-konvenuta.

F’dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni – l-aġir illegali tal-konvenuta fil-ksur tad-data kunfidenzjali tar-rikorrenti: ksur tal-Artikolu 339 TFUE u ksur tal-Artikolu 41 tal-Karta; nuqqas ta’ motivazzjoni, nuqqas ta’ imparzjalità tal-investigatur estern, nuqqas ta’ għarfien espert tal-investigatur estern.

F’dak li jirrigwarda t-tieni kundizzjoni – id-dannu: ir-rikorrenti ġarrbu danni morali.

F’dak li jirrigwarda t-tielet kundizzjoni – ir-rabta kawżali: id-danni morali jirriżultaw b’mod dirett mill-ipproċessar illlegali tad-data tar-rikorrenti mill-konvenuta.

____________