Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Portugal) fit-3 ta' Jannar 2012 - Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas vs Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas

(Kawża C-1/12)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal da Relação de Lisboa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas

Konvenuta: Autoridade da Concorrência

Domandi preliminari

Entità bħall-Assoċjazzjoni tal-Accountants (OTOC) għandha tiġi kkunsidrata kollha kemm hi bħala assoċjazzjoni ta' impriżi għall-finijiet tar-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni (fis-suq tat-taħriġ)? Fejn applikabbli, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(2) TFUE fis-seħħ, fis-sens li entità li, bħall-OTOC, tadotta regoli vinkolanti ta' applikazzjoni ġenerali - sabiex tissodisfa r-rekwiżiti legali - għat-taħriġ obbligatorju ta' accountants, sabiex jiggarantixxu liċ-ċittadini l-għoti ta' servizz kredibbli u ta' kwalità, hijiex ukoll suġġetta għal dawn ir-regoli Komunitarji tal-kompetizzjoni?

Jekk entità bħall-OTOC hija obbligata bil-liġi, li tistabilixxi sistema ta' taħriġ obbligatorju għall-membri tagħha, l-Artikolu 101 TFUE fis-seħħ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġi kkontestat il-ħolqien, mill-OTOC u mir-regolament li ħoloqha, ta' sistema ta' taħriġ obbligatorju skont il-liġi, sakemm hija limitata strettament sa biex tissodisfa r-rekwiżit legali? Għall-kuntrarju, din il-kwistjoni taqa', fl-ambitu tal-Artikolu 101 TFUE u għandha tiġi evalwata skont l-Artikoli 56 et seq TFUE fis-seħħ?

Minħabba l-fatt li s-sentenza Wouters , kif ukoll f'sentenzi simili, qamet il-kwistjoni ta' leġiżlazzjoni li għandha effett fuq l-attività ekonomika tal-membri tal-assoċjazzjoni professjonali inkwistjoni, l-Artikoli 101 u 102 TFUE fis-seħħ jipprekludu leġiżlazzjoni dwar it-taħriġ ta' accountants li ma għandha l-ebda influwenza diretta fuq l-attività ekonomika ta' dawn il-professjonisti?

Fid-dawl tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (dwar is-suq tat-taħriġ), tistax assoċjazzjoni professjonali tista' teżiġi, għall-eżerċizzju tal-professjoni li hija tirrappreżenta, taħriġ speċifiku li tipprovdi hija biss?

____________

1 - C-309/99, Ġabra p. 1-1577