Language of document : ECLI:EU:T:2015:378

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

15 ta’ Ġunju 2015 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji — Kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet — Proċedura ta’ sejħa għal offerti — Kostruzzjoni ta’ impjant tal-enerġija — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent u għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor — Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni — Nuqqas ta’ urġenza”

Fil-Kawża T‑259/15 R,

SA Close, stabbilita f’Harzé-Aywaille (il-Belġju),

Cegelec, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

irrappreżentati minn J.-M. Rikkers u J.-L. Teheux, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Rantala, M. Mraz u F. Poilvache, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Marzu 2015 li permezz tagħha l-Parlament ċaħad l-offerta li kienu ppreżentaw ir-rikorrenti wara s-sejħa għal offerti INLO-D-UPIL-T-14-A04 dwar il-kuntratt pubbliku għal xogħlijiet li jirrigwardaw il-lott Nru 73 (impjant tal-enerġija) tal-“proġett ta’ estensjoni u ta’ modernizzazzjoni tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu” u tad-deċiżjoni tal-istess ġurnata li permezz tagħha l-kuntratt inkwistjoni ngħata lil offerent ieħor,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-kuntest tas-sejħa għal offerti INLO-D-UPIL-T-14-A04, imniedija mill-Parlament Ewropew f’Lulju 2014 għall-kuntratt pubbliku “Proġett ta’ estensjoni u ta’ modernizzazzjoni tal-bini Konrad Adenauer fil-Lussemburgu”, ir-rikorrenti SA Close u Cegelec ippreżentaw, bħala konsorzju, offerta għal-lott Nru 73 (impjant tal-enerġija).

2        Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Marzu 2015, li waslet għand ir-rikorrenti f’din l-istess data, il-Parlament informahom li l-offerta tagħhom ma kinitx intlaqat, peress li huma ma kinux ipproponew l-iżjed prezz baxx. Fil-fatt, fid-19 ta’ Marzu 2015, minn naħa, din l-offerta kienet ġiet miċħuda u, min-naħa l-oħra, il-kuntratt inkwistjoni kien ingħata lil offerent ieħor.

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ Mejju 2015, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament tad-19 ta’ Marzu 2015 li ċaħdet l-offerta tagħhom u dik tal-istess ġurnata li tat il-kuntratt inkwistjoni lill-konsorzju Énergie KAD, ikkostitwita bil-kumpanniji X u Y (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”).

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti ppreżentaw din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha huma jitolbu, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati.

11      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar it-talba għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Ġunju 2015, il-Parlament jitlob, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiċħad it-talba għal miżuri provviżorji;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż b’mod konformi mal-Artikolu 87(1) tar-Regoli tal-Proċedura fid-deċiżjoni li tagħlaq l-istanza.

 Id-dritt

[omissis]

 Dwar l-urġenza

[omissis]

35      Jirriżulta minn dan kollu li r-rekwiżit ta’ urġenza ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ.

36      Madankollu ġie deċiż reċentement mill-President tal-Qorti Ġenerali, fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, li r-rekwiżit li tintwera l-okkorrenza ta’ dannu irreparabbli ma jistax, bħala regola ġenerali, ikun sodisfatt mill-offerent mhux magħżul, ħlief b’mod eċċessivament diffiċli għar-raġunijiet sistematiċi rrilevati iktar ʼil fuq [ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Diċembru 2014, Vanbreda Risk & Benefits vs Il-Kummissjoni, T‑199/14 R, Ġabra (Estratti), EU:T:2014:1024, punt 157]. Hemmhekk kien ġie deċiż mill-Viċi-President tal-Qorti tal-Ġustizzja li ma jistax jintalab, mill-offerent mhux magħżul, li jistabbilixxi li ċ-ċaħda tat-talba tiegħu għal miżuri provviżorji tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli, sakemm huwa jkun jista’ juri l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju inkella jkun hemm preġudizzju eċċessiv u mhux iġġustifikat għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva li huwa jgawdi minnha skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il-Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 41).

37      Madankollu, dan ir-rilassament tar-rekwiżiti applikabbli sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-urġenza, iġġustifikat bid-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv, ma jistax jiġi applikat b’mod illimitat, peress illi għandhom jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-offerent mhux magħżul ma’ dawk tal-awtorità kontraenti u tal-kontraent. Minn dan jirriżulta li r-rilassament inkwistjoni japplika biss matul il-fażi prekuntrattwali, sa fejn il-perijodu sospensiv previst fl-Artikolu 171(1) tar-Regolament Nru 1268/2012 — li jitla’, skont iċ-ċirkustanzi, għal għaxar jew għal erbatax-il jum kalendarju — ikun ġie osservat. Peress illi l-awtorità kontraenti kkonkludiet il-kuntratt mal-kontraent wara li dan il-perijodu kien iddekorra u qabel il-preżentata tat-talba għal miżuri provviżorji, ir-rilassament imsemmi iktar ’il fuq ma huwiex ġustifikat iktar (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il-Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punti 34 u 42).

38      Fil-fatt, meta l-imsemmi perijodu sospensiv — li jipprevjeni lill-awtorità kontraenti milli tgħaddi għall-fażi kuntrattwali qabel jiddekorri u li huwa intiż sabiex jagħmilha possibbli lill-partijiet interessati jikkontestaw fil-qorti l-għoti ta’ kuntratt pubbliku qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt, — ikun fil-fatt iddekorra qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, il-fatt li wieħed jippermetti issa lill-offerent mhux magħżul li jagħmel biss talba għad-danni quddiem il-qrati tal-Unjoni ma jistax jiġi kklassifikat bħala ksur tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il-Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punti 36, 37 u 39).

39      Fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji għall-każ inkwistjoni, jirriżulta mill-proċess, minn naħa, li l-kuntratt inkwistjoni ngħata lill-konsorzju Énergie KAD, ikkostitwit mill-kumpanniji X u Y, fid-19 ta’ Marzu 2015, u li r-rikorrenti ġew informati biċ-ċaħda tal-offerta tagħhom fis-27 ta’ Marzu 2015 u, min-naħa l-oħra, li l-firma tal-kuntratt tax-xogħlijiet għal-lott Nru 73 (impjant tal-enerġija), bir-referenza INLO-D-UPIL-T-14-A04, bejn l-imsemmi konsorzju u l-kumpannija immobiljari bini Konrad Adenauer tal-Parlament seħħet fl-24 ta’ April 2015.

40      B’hekk, peress illi d-deċiżjoni ta’ ċaħda ġiet ikkomunikata lir-rikorrenti fis-27 ta’ Marzu 2015 u li l-kuntratt inkwistjoni ġie konkluż fl-24 ta’ April 2015, il-perijodu sospensiv, applikabbli skont l-Artikolu 171(1) tar-Regolament Nru 1268/2012, kemm jekk ikun ta’ għaxar jew ta’ erbatax-il jum kalendarju, fi kwalunkwe każ, ġie osservat f’dan il-każ. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ppreżentaw ir-rikors għal annullament tagħhom u din it-talba għal miżuri provviżorji fis-26 ta’ Mejju 2015, jiġifieri xahar wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rilassament tar-rekwiżit tal-urġenza ma huwiex iġġustifikat bħala prinċipju.

41      Huwa importanti, madankollu, li jiġi rrilevat illi l-perijodu sospensiv ma jistax jagħmilha possibbli għall-partijiet interessati sabiex jikkontestaw fil-qorti l-għoti ta’ kuntratt pubbliku qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, ħlief jekk dawn il-partijiet interessati jkollhom biżżejjed punti sabiex jiddeterminaw l-eżistenza ta’ illegalità eventwali tad-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 47).

42      Ma jistax jitqies, mingħajr ma jinkiser il-prinċipju tad-dritt għal azzjoni ġudizzjarja effettiva, li l-perijodu sospensiv ġie osservat f’ċirkustanzi meta l-possibbiltà li wieħed jippreżenta rikors, flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji, qabel il-konklużjoni tal-kuntratt ma kinitx effettiva minħabba l-fatt illi l-offerent mhux magħżul ma kellux, matul dan il-perijodu, biżżejjed elementi li jippermettulu jressaq tali proċedimenti (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 48).

43      Fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, din l-eċċezzjoni għall-applikazzjoni purament mekkanika tal-perijodu sospensiv għandha, madankollu, titħalla għal każijiet eċċezzjonali li fihom l-offerent mhux magħżul ma kellu ebda raġuni għaliex iqis li d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt kienet ivvizzjata b’illegalità qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mal-kontraent (ara, f’dan is-sens, id-digriet Il‑Kummissjoni vs Vanbreda Risk & Benefits, punt 31 iktar ’il fuq, EU:C:2015:275, punt 49).

44      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti kellhomx biżżejjed informazzjoni sabiex jagħmlu użu utli mill-perijodu sospensiv sabiex jippreżentaw rikors intiż għall-annullament tal-atti kkontestati u talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni tagħhom qabel il-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-Parlament u l-konsorzju Énergie KAD, fl-24 ta’ April 2015.

45      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat illi r-rikorrenti informaw lill-Parlament, mit-3 ta’ April 2015, jiġifieri sew qabel il-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt, bid-dubji li huma kellhom fir-rigward tal-legalità tal-offerta magħżula mill-awtorità kontraenti (ara l-punt 3 iktar ’il fuq), billi allegaw illi waħda mill-kumpanniji Lussemburgiżi li ngħaqdu fil-konsorzju Énergie KAD ma kienet tosserva la l-leġiżlazzjoni Lussemburgiża rilevanti u lanqas il-kriterji stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għal offerti fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja u ekonomika tal-offerenti. Issa, bħalma jirriżulta mill-proċess, dawn l-istess dubji huma, essenzjalment, inklużi fit-tieni motiv għal annullament imqajjem fit-talba għal miżuri provviżorji skont il-fumus boni juris.

46      Minn dan jirriżulta li kien possibbli għar-rikorrenti, sa mit-3 ta’ April 2015, li jagħmlu kritika speċifika fir-rigward tal-atti kkontestati. Din il-kritika, ippreżentata bħala motiv għal annullament, għamlitielhom possibbli li jippreżentaw utilment, fi żmien il-perijodu sospensiv, rikors għal annullament flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji intiż li jipprevjeni l-konklużjoni tal-kuntratt bejn il-Parlament u l-konsorzju Énergie KAD. Tali talba, ippreżentata fi żmien xieraq, kienet tagħmilha possibbli għar-rikorrenti li jiksbu l-adozzjoni ta’ digriet, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 105(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jissospendi l-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati, qabel anki ma l-parti l-oħra tkun ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, għat-tul tal-proċedura għal miżuri provviżorji. Barra minn hekk, xejn ma kien iżomm lir-rikorrenti, sakemm jiddekorri t-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, miżjud bit-terminu għal raġuni ta’ distanza stabbilit fl-Artikolu 102(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jwessgħu l-portata tar-rikors u t-talba għal miżuri provviżorji tagħhom skont l-informazzjoni miksuba mill-Parlament (ara l-punti 5 u 8 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienu jkunu wkoll awtorizzati, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipproduċu motivi ġodda fil-mori tal-kawża, sakemm dawn il-motivi jkunu bbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt imqajma matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

47      Konsegwentement, il-perijodu sospensiv previst fl-Artikolu 171(1) tar-Regolament Nru 1268/2012 ġie totalment osservat f’dan il-każ, b’mod illi r-rilassament tar-rekwiżit ta’ urġenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ.

48      Għal dawn il-motivi kollha, it-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda, mingħajr il-bżonn li jiġi eżaminat ir-rekwiżit dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris jew li jkun hemm ibbilanċjar tal-interessi differenti preżenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Ġunju 2015.

E. Coulon

 

       M. Jaeger

Ir-Reġistratur

 

       Il-President


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 – Qed jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis utli l-pubblikazzjoni tagħhom.