Language of document : ECLI:EU:T:2017:386

Kawża T-9/15

Ball Beverage Packaging Europe Ltd

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwalital-Unjoni Ewropea

“Disinn Komunitarju – Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità – Disinn Komunitarju rreġistrat li jirrappreżenta tliet laned – Disinn preċedenti – Raġuni għal invalidità – Karattru individwali – Impressjoni ġenerali differenti – Artikolu 6 u l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 – Numru ta’ oġġetti li jikkostitwixxu oġġett wieħed – Portata tad-deskrizzjoni tad-disinn Komunitarju rreġistrat – Obbligu ta’ motivazzjoni – Sostituzzjoni ta’ parti fil-kawża”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2017

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti formali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 44(1)(c))

2.      Disinni Komunitarji – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002 – Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE – Użu ta’ motivazzjoni impliċita mill-Bord tal-Appell – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62)

3.      Disinni Komunitarji – Dispożizzjonijiet proċedurali – Proċedura ta’ reġistrazzjoni – Verifika prima facie ta’ natura essenzjalment formali

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, premessa 18)

4.      Disinni Komunitarji – Dispożizzjonijiet proċedurali – Applikazzjoni għal reġistrazzjoni –Kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti – Deskrizzjoni li tispjega r-rappreżentazzjoni jew il-kampjun

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikoli 10(1) u 36(3)(a) u (6); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2245/2002, Artikolu 1(2)(a))

5.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Evalwazzjoni globali tal-elementi kollha ppreżentati mid-disinn preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1) u 25(1)(d))

6.      Disinni Komunitarji – Raġunijiet għal invalidità – Assenza ta’ karattru individwali – Disinn li ma jagħtix lill-utent avżat impressjoni globali differenti minn dik mogħtija mid-disinn preċedenti – Utent avżat – Kunċett

(Regolament tal-Kunsill Nru 6/2002, Artikolu 6(1), 10(1) u 25(1)(b))

1.      L-espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati għandha tkun suffiċjentement ċara u preċiża sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u sabiex il-Qorti Ġenerali jiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr ma tintalab informazzjoni addizzjonali. Minn dan jirriżulta li s-sens u l-portata ta’ motiv imqajjem insostenn ta’ rikors għandhom jirriżultaw b’mod univoku mir-rikors

(ara l-punt 20)

2.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 62 tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-Disinni Komunitarji, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwalital-Unjoni Ewropea għandhom ikunu mmotivati. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li skontu r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u inekwivoku, u jkollu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Madankollu, ma jistax ikun meħtieġ mill-Bordijiet tal-Appell li jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha esposti mill-partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li hija tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet għalfejn ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-deċiżjonijiet jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, peress li din taqa’ taħt il-legalità sostantiva tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati.

(ara l-punti 26, 27)

3.      Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tad-disinni Komunitarji stabbilita bir-Regolament Nru 6/2002, dwar id-Disinni Komunitarji, tikkonsisti f’verifika prima facie tan-natura essenzjalment formali, li, kif inhu indikat fil-premessa 18 tal-istess regolament, ma tirrikjedix eżami fil-fond intiż li jiddetermina, qabel ir-reġistrazzjoni, jekk id-disinn jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba tal-protezzjoni u li, barra minn hekk, b’differenza mill-proċedura ta’ reġistrazzjoni prevista mir-Regolament Nru 207/2009, dwar it-trade mark Komunitarja, ma tipprevedix fażi li tippermetti lill-proprjetarju ta’ disinn irreġistrat preċedenti li jopponi r-reġistrazzjoni

(ara l-punt 55)

4.      Mill-Artikolu 36(3)(a) tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-Disinni Komunitarji, jirriżulta li l-funzjoni tad-deskrizzjoni li tista’ tinsab fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ disinn hija li tispjega r-rappreżentazzjoni jew il-kampjun u, min-naħa l-oħra, mill-Artikolu 36(6) tal-imsemmi regolament jirriżulta li din id-deskrizzjoni ma tistax tippreġudika l-portata tal-protezzjoni tad-disinn bħala tali. L-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Skop tal-protezzjoni”, jippreċiża li l-protezzjoni mogħtija mid-disinn Komunitarju testendi għal kull disinn li ma jipproduċix impressjoni viżiva ġenerali differenti fuq l-utent informat.

Għalhekk id-deskrizzjoni eventwalment inkluża fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ma tistax tinfluwenza evalwazzjonijiet sostantivi relatati man-novità jew mal-karattru individwali tad-disinn inkwistjoni. Barra minn hekk dan huwa kkonfermat permezz tal-Artikolu 1(2)(a) tar-Regolament Nru 2245/2002, li jimplimenta r-Regolament Nru 6/2002, li b’mod partikolari jipprevedi li d-deskrizzjoni għandha tirrigwarda biss il-karatteristiċi li jinsabu fir-riproduzzjonijiet tad-disinn jew tal-kampjun u li din id-deskrizzjoni ma tistax tinkludi dikjarazzjonijiet dwar l-allegata novità jew il-karattru individwali tad-disinn, jew tal-valur tekniku tiegħu.

Jirriżulta wkoll li din id-deskrizzjoni lanqas ma tista’ tinfluwenza l-kwistjoni dwar liema huwa l-oġġett tal-protezzjoni tad-disinn inkwistjoni li huwa mingħajr dubju marbut mal-evalwazzjonijiet relatati man-novità jew mal-karattru individwali

(ara l-punti 66-68)

5.      Il-karattru individwali ta’ disinn jirriżulta minn impressjoni ġenerali ta’ differenza, jew ta’ assenza ta’ “déjà vu”, mill-perspettiva tal-utent informat, meta mqabbel ma kull preċedenza fi ħdan il-patrimonju ta’ disinn, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni d-differenzi mhux evidenti biżżejjed li jaffettwaw l-imsemmija impressjoni ġenerali, minkejja li jkunu juru dettalji insinjifikanti, iżda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi suffiċjentement evidenti biex joħolqu impressjonijiet ġenerali differenti

Il-paragun tal-impressjonijiet ġenerali prodotti mid-disinni għandu jkun fil-qosor u ma jistax ikun paragun analitiku ta’ elenkar u ta’ differenzi. Dan il-paragun għandu jirrigwarda biss l-elementi effettivament protetti, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni karatteristiċi esklużi mill-protezzjoni.

(ara l-punti 78, 79)

6.      Waqt l-evalwazzjoni tal-karattru individwali ta’ disinn, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-perspettiva tal-utent informat. Skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ “utent informat” fis-sens tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 6/2002, dwar id-Disinni Komunitarji, ma jfissirx produttur u lanqas bejjiegħ ta’ prodotti li fihom id-disinni inkwistjoni jkunu maħsuba li jiġu inkorporati jew li magħhom ikunu maħsuba li jiġu applikati. L-utent informat huwa persuna li għandha viġilanza partikolari u li tiddisponi minn ċerta konoxxenza tal-eċċellenza preċedenti, jiġifieri tal-patrimonju tad-disinni li jirrigwardaw il-prodott inkwistjoni li ġew żvelati fid-data tar-reġistrazzjoni tad-disinn ikkontestat, jew jekk ikun il-każ, fid-data li fiha tiġi sostnuta l-prijorità

Fir-rigward tal-livell ta’ attenzjoni tal-utent informat, il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li, filwaqt li dan ma huwiex il-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat li jipperċepixxi ta’ sikwit disinn bħala ħaġa waħda u ma jwettaqx eżami tad-dettalji differenti tiegħu, u lanqas ma huwa l-espert jew il-persuna involuta fl-arti kapaċi li tosserva fid-dettall id-differenzi minimi li jistgħu jeżistu bejn id-disinni kunfliġġenti. B’hekk, id-definizzjoni “avżat” tissuġġerixxi li, mingħajr ma jkun disinjatur jew espert tekniku, l-utent ikun jaf id-disinni differenti li jeżistu fil-qasam ikkonċernat, jiddisponi minn ċertu livell ta’ konoxxenza fir-rigward tal-elementi li dawn id-disinni jkun fihom normalment u, minħabba l-interess tiegħu fil-prodotti kkonċernati, juża livell ta’ attenzjoni relattivament ogħla meta jagħmel użu minnhom.

(ara l-punti 80, 81)