Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Jannar 2011 - L-Italja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-44/11)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentant: L. Ventrella, avvocato dello Stato)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla in parte qua id-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/668/UE, tal-4 ta' Novembru 2010, li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċertu nfiq mill-Istati Membri taħt it-Taqsima tal-Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew ta' Gwida u Garanzija (FAEGG), fi ħdan il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għal Żvilupp Rurali (FAEŻR).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq tliet motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 269 TUE, ex Artikolu 253 KE) taħt il-forma ta' nuqqas ta' motivazzjoni. Żnaturament tal-fatti. Ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Ksur tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2799/1999, tas-17 ta' Diċembru 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1255/1999 rigward il-konċessjoni ta' għajnuna għall-ħalib xkumat u t-trab tal-ħalib xkumat intiż għall-għalf ta' l-annimali u l-bejgħ ta' dan it-trab tal-ħalib xkumat (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 28, p. 110).

F'dan ir-rigward ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet rettifiki finanzjarji fis-settura tat-trab tal-ħalib xkumat minħabba allegata applikazzjoni żbaljata tat-tnaqqis tal-għajnuna u tas-sanzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni. B'mod partikolari, abbażi ta' interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KE) Nru 2799/1999, żbaljata u mhux konformi mal-ispirtu tal-leġiżlazzjoni stess, il-Kummissjoni sostniet li l-verifika trimestrali, li saret ġimgħa wara dik meta sar il-ħals irregolari, ma kinitx dik tal-investigazzjoni speċjali prevista mil-leġiżlazzjoni Komunitarja, u għalhekk ma setgħetx tissostitwiha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, minn każijiet żgħar speċifiċi għamlet ġeneralizzazzjonijiet fuq nuqqasijiet eventwali, kompletament ipotetiċi dwar sanzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet Taljani, b'mod li żnaturat il-fatti. Fl-aħħar nett, peress li t-total tas-sanzjonijiet li ma ġewx imposti huma estremament inqas mit-total kumplessiv li permezz tiegħu hemm l-intenzjoni li tiġi ppenalizzata l-Italja, huwa diffiċli li tinftiehem ir-raġuni tal-applikazzjoni ta' rettifiki f'somma waħda, li huma madankollu sproporzjonati u eżorbitanti. Għaldaqstant, minbarra n-nuqqas ta' motivazzjoni evidenti, jirriżulta wkoll ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali (Artikolu 269 TUE, ex Artikolu 253 KE) taħt il-forma ta' nuqqas ta' motivazzjoni. Ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità. Ksur tal-Artikolu 6(3) TUE, minħabba ksur tal-prinċipji fundamentali ta' aspettattivi leġittimi u ta' ċertezza legali kif ukoll nuqqas ta' retroattività tal-liġijiet sostantivi. Ksur tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 286M, p. 1). Ksur tal-prinċipju tan-"ne bis in idem".

Ir-rikorrenti ssostni dwar dan il-punt li l-Kummissjoni, wara investigazzjoni li bdiet fl-2003, applikat rettifika għall-Istat Membru għas-sena finanzjarja 2009, rigward l-organizzazzjoni tas-sistema ta' rimbors tal-aġenziji tal-ħlas, proporzjonata għall-valur tal-każijiet fejn, peress li ma ġewx deċiżi dak iż-żmien mill-Kummissjoni stess, skont il-leġiżlazzjoni Komunitarja fis-seħħ dak iż-żmien, wieħed jistenna li tapplika l-leġiżlazzjoni l-ġdida, u għalhekk li jiġu suġġetti għar-regola tal-imsejjaħ fifty - fifty adottata mir-Regolament (KE) Nru 1290/05. Ir-rettifika finanzjarja inkwistjoni tidher illeġittima peress li ddeterminat l-issuġġettar għall-Istat Membru ta' 50 % tat-totali relattivi, awtomatikament, skont dak li hu previst fl-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/05, applikat retroattivament b'mod illeġittimu fir-rigward ta' investigazzjoni dwar il-ġestjoni tad-djun li għandha bħala suġġett, essenzjalment, "is-sitwazzjoni osservata fl-2002/2003", kif ammess espressament mill-Kummissjoni stess. Barra minn hekk, għall-istess każijiet suġġetti tal-investigazzjoni, jirriżulta li diġà saret korrezzjoni finanzjarja ta' 50 % lill-Istat Taljan, skont l-Artikolu 32 permezz ta' deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1901 tas-27 ta' April 2007. Issa, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tapplika, għall-istess każijiet u abbażi tal-istess kontestazzjonijiet, korrezzjoni finanzjarja oħra puntwali li tammonta għal 100 % tat-total tal-krediti mhux irkuprati. Għalhekk jidher illeġittimu u deċiżament sproporzjonat li wara snin jiġi impost 50 % oħra bħala sanzjoni, speċjalment bi ksur ċar tal-prinċipju tan-"ne bis in idem".

It-tielet motiv huwa bbażat fuq it-tmiem tas-setgħa tal-Kummissjoni li timponi sanzjonijiet. Qbiż tat-terminu raġonevoli għall-konklużjoni tal-investigazzjonijiet ikkonċernati. Ksur tal-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/05. Ksur tal-prinċipju tan-"ne bis in idem".

Sussidjarjament għat-tielet motiv, fl-ipoteżi remota fejn l-Artikolu 32(5) tar-Regolament (KE) Nru 1290/05, applikat retroattivament mill-Kummissjoni għall-investigazzjoni inkwistjoni, kellu jiġi kkunsidrat bħala regola ta' proċedura, hija osservata l-illeġittimità tar-rettifika inkwistjoni permezz ta' intervent li sar wara li kien iddekorra t-terminu ta' erba' snin għall-eżerċizzju tas-setgħa ta' sanzjoni tal-Kummissjoni. Iktar sussidjarjament, hija osservata l-illeġittimità tar-rettifiki inkwistjoni minħabba li nqabeż it-terminu raġonevoli tal-investigazzjoni inkwistjoni. Bħala konsegwenza tan-nuqqas ta' konklużjoni ta' dawn l-investigazzjonijiet fi żmien raġonevoli (tmien snin mill-bidu tal-investigazzjoni), il-bilanċ nazzjonali sofra dannu finanzjarju serju konsegwenza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 1901 ta' korrezzjoni f'somma waħda ta' 50 % fir-rigward tal-istess każijiet li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata, barra minn hekk bi ksur ċar tal-prinċipju tan-"ne bis in idem".

____________