Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Jannar 2011 - Deutsche Lufthansa et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-46/11)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Lufthansa AG (Köln, il-Ġermanja), Lufthansa Cargo AG (Kelsterbach, il-Ġermanja) u Swiss International Air Lines AG (Basel, l-Isvizzera) (rappreżentanti: S. Völcker, F. Louis, E. Arsenidou u A. Israel, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikoli 1 sa 4 tad-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 7694 finali tad-9 ta' Novembru 2010 fil-Każ COMP/39258 - Merkanzija li tinġarr bl-ajru dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu erba' motivi:

1.    L-ewwel motiv isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(1) tal-Ftehim KE-Svizzera għaliex hija bbażata fuq kuntatti bejn kompetituri li seħħew fl-Isvizzera

2.    It-tieni motiv isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 3975/87 1 għaliex hija bbażata fuq kuntatti bejn kompetituri li seħħew qabel l-1 ta' Mejju 2004 f'ġurisdizzjonijiet lil hinn miż-ŻEE sabiex tistabbilixxi:

-    ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE li jinvolvi kumpanniji tal-ajru Ewropej (inklużi r-rikorrenti) qabel l-1 ta' Mejju 2004;

-    il-bidu ta' ksur wieħed u kontinwu qabel l-1 ta' Mejju 2004 sabiex tikkonstata ksur li jibda immedjatament min dik id-data.

3.    It-tielet motiv isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim KE-Svizzera billi kkwalifikat il-kuntratti bejn il-kompetituri li seħħew f'ġurisdizzjonijiet lil hinn miż-ŻEE bħala li jikkostitwixxu parti minn ksur wieħed u kontinwu fejn il-kuntatti bejn il-kompetituri seħħew fuq livell ta' kwartieri ġenerali.

4.    Ir-raba' motiv isostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sal-punt li hija bbażata fuq il-kunċett li l-kuntatti bejn il-kompetituri li qed iseħħu lil hinn miż-ŻEE jikkostitwixxu per se ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE, jiġifieri irrispettivament mill-fatt dwar jekk huma jikkostitwixxux parti mill-ksur wieħed u kontinwu b'kuntatti bejn il-kompetituri li seħħew fuq livell ta' kwartieri ġenerali. Ftehim jew prattiki miftiehma dwar merkanzija diretta lejn iż-ŻEE la jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE u lanqas ma jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-intervent tal-Gvern f'ċerti ġurisdizzjonijiet rilevanti jipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3975/87, tal-14 ta' Diċembru 1987, li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 262)