Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fid-9 ta’ Marzu 2022 – Sad Trasporto Locale SpA vs Provincia autonoma di Bolzano

(Kawża C-186/22)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent u appellant: Sad Trasporto Locale SpA

Konvenut u appellat: Provincia autonoma di Bolzano

Domandi preliminari

L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-eżerċizzju ta’ servizzi pubbliċi nazzjonali u internazzjonali ta’ trasport multimodali ta’ passiġġieri li fihom, minn naħa, is-servizz pubbliku ta’ trasport ikun ta’ natura unitarja għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt u jiġi pprovdut permezz ta’ linja tat-tramm, funikular u funivija, u, min-naħa l-oħra, it-trasport bil-ferrovija jassorbi ’l fuq minn 50 % tas-servizz fdat komplessivament u unitarjament lill-operatur?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, fejn jitqies li r-Regolament Nru 1370/2007 iċċitat ikun japplika wkoll għall-eżerċizzju ta’ servizzi pubbliċi nazzjonali u internazzjonali ta’ trasport multimodali ta’ passiġġieri li fihom, minn naħa, is-servizz pubbliku ta’ trasport ikun ta’ natura unitarja għall-finijiet tal-għoti tal-kuntratt u jiġi pprovdut permezz ta’ linja tat-tramm, funikular u funivija, u, min-naħa l-oħra, it-trasport bil-ferrovija jassorbi ’l fuq minn 50 % tas-servizz fdat komplessivament u unitarjament lill-operatur, ulterjorment, l-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi, anki b’rabta mal-għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku lil operatur intern li jinkludi t-trasport ta’ passiġġieri bit-tramm, verifika dwar il-forma legali li jieħu l-att ta’ għoti, bil-konsegwenza li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) iċċitat l-atti li ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ għoti ta’ servizzi?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ulterjorment, il-punt 1(b) u l-punt (2) tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li għandu jiġi eskluż it-trasferiment lill-parti kontraenti tar-riskju operattiv marbut mal-operat tas-servizzi fil-każ fejn il-kuntratt li għandu jingħata: a) ikun ibbażat fuq in-nefqa grossa fejn l-awtorità kontraenti tirċievi d-dħul; b) jipprevedi favur l-operatur, bħala dħul ta’ operat, biss korrispettiv imħallas lill-awtorità [kontraenti], proporzjonat mal-volum ta’ servizz ipprovdut (bl-esklużjoni, għalhekk, tar-riskju ta’ domanda); c) iqiegħed fuq l-awtorità kontraenti r-riskju operattiv ta’ domanda (minħabba t-tnaqqis tal-korrispettivi dovut għal tnaqqis fil-volum ta’ servizz lil hinn minn limiti ddefiniti minn qabel), ir-riskju ta’ regolamentazzjoni (minħabba bidliet leġiżlattivi jew regolatorji, kif ukoll minħabba dewmien fil-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet u/jew ċertifikazzjonijiet min-naħa tal-persuni kompetenti), ir-riskju finanzjarju (minħabba n-nuqqas ta’ ħlas jew minħabba l-ħlas tardiv tal-korrispettivi, kif ukoll minħabba l-assenza ta’ aġġustament tal-korrispettivi), kif ukoll ir-riskju minħabba forza maġġuri (li jirriżulta minn bidla mhux prevedibbli fil-kundizzjonjiet ta’ provvista ta’ servizz); kif ukoll, d) jittrasferixxi lill-awtorità kontraenti r-riskju operattiv tal-offerta (minħabba bidla fl-ispiża tal-fatturi li ma jistgħux jiġu kkontrollati mill-operatur – enerġija, materja prima, materjal), ir-riskju minħabba relazzjonijiet industrijali (li jirriżulta mill-bidliet fl-ispiża tal-persunal fid-dawl tal-ftehimiet kollettivi), ir-riskju ta’ operat (li jitnissel minn dinamika negattiva tan-nefqa operattiva minħabba estimi żbaljati), kif ukoll ir-riskju soċjo-ambjentali (li jirriżulta minn avvenimenti aċċidentali li jkunu qed jiġu eżegwiti fuq beni neċessarji għall-provvista tas-servizz)?

Fl-aħħar nett, l-Artikoli 107(1) TFUE, u 108(3) TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-ambitu ta’ għoti dirett ta’ kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport ta’ passiġġieri minn awtorità kompetenti fuq livell lokali favur operatur intern, tpaċija ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku kkalkolata fuq il-bażi tal-ispiża ta’ operat li, anki jekk ikkorrelatati mar-rekwiżiti ta’ servizz prevedibbli, huma, minn naħa, imfassla fid-dawl tal-ispejjeż storiċi tas-servizz mogħti mill-operatur uxxenti li huwa kontrattur ta’ kuntratt ta’ servizzi estiż għal iktar minn għaxar snin, u min-naħa l-oħra, ibbażati fuq l-ispejjeż jew il-korrispettivi relatati mal-għoti ta’ kuntratt preċedenti jew, fi kwalunkwe każ, li jirrigwardaw parametri standard tas-suq li jirreferu għall-operaturi kollha tas-settur, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat suġġett għall-proċedura ta’ stħarriġ preventiv skont l-Artikolu 108(3) TFUE?

____________

1 ĠU 2007, L 315, p. 1.

1 ĠU 2014, L 94, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2015, L 114, p. 24, u fil-ĠU 2018, L 82, p. 17.