Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija) fit-8 ta’ Marzu 2022 – Proċeduri kriminali kontra AR

(Kawża C-179/22)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Bucureşti

Parti fil-proċeduri kriminali nazzjonali

AR

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/909/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ sentenzi f’materji kriminali li jimponu pieni ta’ kustodja jew miżuri li jinvolvu ċ-ċaħda tal-libertà bil-għan li jiġu infurzati fl-Unjoni Ewropea 1 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta l-qorti li teżegwixxi mandat [ta’ arrest] Ewropew ikollha l-ħsieb li tapplika l-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri 2 sabiex tirrikonoxxi s-sentenza ta’ kundanna, hija meħtieġa li titlob is-sentenza u ċ-ċertifikat maħruġ taħt id-Deċiżjoni Qafas 2008/909, kif ukoll li tikseb il-kunsens tal-Istat fejn ingħatat is-sentenza tal-kundanna skont l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909?

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ikkunsidrati flimkien mal-Artikolu 25 kif ukoll mal-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909 għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-rifjut li jiġi eżegwit mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà u r-rikonoxximent tas-sentenza ta’ kundanna mingħajr ma din ġiet effettivament eżegwita permezz tal-priġunerija tal-persuna kkundannata bħala riżultat tal-maħfra u tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena konformement mal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tal-Istat fejn ingħatat is-sentenza tal-kundanna fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent, [jimplikaw] it-telf tad-dritt tal-Istat fejn ingħatat is-sentenza tal-kundanna li jipproċedi bl-eżekuzzjoni tal-piena konformement mal-Artikolu 22(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2008/909?

L-Artikolu 8(1)(c) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li sentenza ta’ kundanna għal piena li ċċaħħad il-libertà li għaliha jkun inħareġ mandat ta’ arrest Ewropew li ġie miċħud skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 [ta’ din l-istess deċiżjoni qafas], bir-rikonoxximent tas-sentenza iżda mingħajr infurzar effettiv permezz tal-priġunerija tal-persuna kkundannata bħala riżultat tal-maħfra u tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena konformement mal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni u mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tal-Istat fejn ingħatat is-sentenza tal-kundanna fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent, titlef is-saħħa eżekuttiva tagħha?

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni ġudizzjarja li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà u li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ kundanna skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, iżda li ma ġietx eżegwita permezz tal-priġunerija tal-persuna kkundannata bħala riżultat tal-maħfra u tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena konformement mal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (Stat Membru tal-Unjoni) u mingħajr ma jinkiseb il-kunsens tal-Istat fejn ingħatat is-sentenza tal-kundanna fil-kuntest tal-proċedura ta’ rikonoxximent, tikkostitwixxi sentenza ta’ “kundanna għall-istess fatti minn pajjiż terz”?

Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda hija fl-affermattiv,

Id-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati fis-sens li deċiżjoni ġudizzjarja li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza li tipprevedi piena li ċċaħħad il-libertà u li tirrikonoxxi s-sentenza ta’ kundanna skont il-punt 6 tal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bis-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-piena konformement mal-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni tikkostitwixxi “sentenza li qed tiġi eżegwita” fil-każ fejn is-superviżjoni tal-persuna kkundannata għadha ma bdietx?

____________

1     ĠU 2008, L 327, p. 2.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).