Language of document : ECLI:EU:T:2015:393

Kawża T‑88/13 P

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Z

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Imparzjalità tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Talba għal rikuża ta’ Imħallef — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz — Regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-kariga — Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Proċeduri dixxiplinari — Drittijiet tad-difiża”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) tad-19 ta’ Ġunju 2015

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Ċaħda bla riżervi — Att konfermattiv — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Ilment kontra att li huwa s-suġġett ta’ rikors kontenzjuż — Assenza ta’ effett fuq l-obbligu ta’ eżami mill-amministratur

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Obbligu ta’ indipendenza tal-qrati tal-Unjoni — Portata — Eżerċizzju tal-funzjonijiet dwar l-amministrazzjoni interna tal-istituzzjoni — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 4)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 141)

2.      Fir-rigward tal-proċedura tal-ilment stabbilita mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-attur għandu jkun jista’ jistaqsi lill-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni li tirrigwarda ċaħda tal-ilment u mhux biss dik tal-att inizjali li huwa s-suġġett ta’ lment.

Fil-fatt, l-interess tal-attur tal-ilment li l-proċedura tal-ilment titmexxa b’mod regolari u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni li tirrigwarda ċaħda tal-ilment tiegħu tkun annullata f’każ ta’ irregolarità, għandha tiġi evalwata b’mod awtonomu u mhux b’rabta mal-eventwali appell ippreżentat kontra l-att inizjali, suġġett tal-ilment. Kieku kien mod ieħor, il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt targumenta fuq l-irregolaritajiet tal-proċedura ta’ lment, peress li tkun ċaħditha għaldaqstant mill-benefiċċju ta’ eżami mill-ġdid prekontenzjuża regolari tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni, kull darba li appell kontenzjuż huwa ppreżentat kontra l-att inizjali li kontrih jitressaq l-ilment. Għalhekk, huwa jitlef il-benefiċċju ta’ proċedura li għandha bħala għan li tippermetti u tiffavorixxi ftehim bonarju tat-tilwima li tkun qamet bejn l-uffiċjal u l-amministrazzjoni u timponi fuq l-Awtorità li minnha jiddependi l-uffiċjal li teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha, fl-osservanza tar-regoli, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet eventwali tagħha.

(ara l-punti 144-146)

3.      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja li jipprovdi li l-Imħallfin ma’ jistgħu ikollhom ebda kariga politika jew amministrattiva, intiża li tiżgura l-indipendenza tal-imħallfin, kemm matul kif ukoll wara l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fid-dawl fost oħrajn tal-Istati Membri jew ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. Il-paragrafi l-oħrajn tal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jittraduċu wkoll din l-intenzjoni li tiġi ppriżervata l-indipendenza tal-imħallfin.

Madankollu, ma tistax tiġi dedotta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, impossibbiltà li jiġu eżerċitati funzjonijiet relatati mal-amministrazzjoni interna tal-istituzzjoni. Madankollu, l-eżerċizzju mill-imħallfin tal-funzjonijiet amministrattivi interni għall-istituzzjoni ma jagħmel ebda dannu għall-indipendenza tagħhom u jippermetti li tiġi żgurata l-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjoni.

(ara l-punt 167)