Language of document : ECLI:EU:T:2015:393

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

19 ta’ Ġunju 2015

Kawża T‑88/13 P

Z

vs

Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Imparzjalità tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Talba għal rikuża ta’ Imħallef — Assenjazzjoni mill-ġdid — Interess tas-servizz — Regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-kariga — Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal — Proċeduri dixxiplinari — Drittijiet tad-difiża”

Suġġett:      Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), tal-5 ta’ Diċembru 2012, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (F‑88/09 u F‑48/10, ĠabraSP, EU:F:2012:171) u intiż għal annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni:      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tielet Awla), Z vs Qorti tal-Ġustizzja (F‑88/09 u F‑48/10, ĠabraSP, EU:F:2012:171), hija annullata sa fejn ċaħdet bħala ineffettiv il-motiv, ippreżentat fil-Kawża F‑48/10, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-kumitat responsabbli tal-ilmenti u tal-illegalità tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-4 ta’ Mejju 2004 dwar l-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati permezz tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea lill-Awtorità tal-Ħatra kif ukoll mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ. Il-kumplament tal-appell huwa miċħud. Ir-rikors fil-Kawża F‑48/10 huwa miċħud sa fejn kien fondat fuq il-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-kumitat responsabbli tal-ilmenti u tal-illegalità tal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-4 ta’ Mejju 2004 dwar l-eżerċizzju tas-setgħat iddelegati permezz tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea lill-Awtorità tal-Ħatra kif ukoll mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea lill-awtorità awtorizzata li tikkonkludi l-kuntratti ta’ reklutaġġ. Fir-rigward tal-ispejjeż relatati ma’ din l-istanza, Z għandha tbati tliet kwarti mill-ispejjeż sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja u tliet kwarti tal-ispejjeż tagħha u l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tbati kwart tal-ispejjeż tagħha u kwart tal-ispejjeż sostnuti minn Z.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Ċaħda bla riżervi — Att konfermattiv — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(1))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Ilment kontra att li huwa s-suġġett ta’ rikors kontenzjuż — Assenza ta’ effett fuq l-obbligu ta’ eżami mill-amministratur

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Obbligu ta’ indipendenza tal-qrati tal-Unjoni — Portata — Eżerċizzju tal-funzjonijiet dwar l-amministrazzjoni interna tal-istituzzjoni — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 4)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 141)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: id-digriet tas-16 ta’ Ġunju 1988, Progoulis vs Il-Kummissjoni, 371/87, Ġabra, EU:C:1988:317, punt 17

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: is-sentenzi tat-2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T 14/03, ĠabraSP, EU:T:2004:59, punt 54; tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T-325/09 P, Ġabra, EU:T:2011:506, punt 32, u tal-21 ta’ Mejju 2014, Mocová vs Il-Kummissjoni, T‑347/12 P, Ġabra (Estratti), EU:T:2014:268, punt 34

2.      Fir-rigward tal-proċedura tal-ilment stabbilita mill-Artikolu 90 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-awtur tal-ilment għandu jkun jista’ jistaqsi lill-qorti tal-Unjoni li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni li tirrigwarda ċaħda tal-ilment u mhux biss dik tal-att inizjali li huwa s-suġġett tal-ilment.

Fil-fatt, l-interess tal-awtur tal-ilment li l-proċedura tal-ilment titmexxa b’mod regolari u, għaldaqstant, li d-deċiżjoni li tirrigwarda ċaħda tal-ilment tagħha tkun annullata f’każ ta’ irregolarità, għandha tiġi evalwata b’mod awtonomu u mhux b’rabta mal-eventwali appell ippreżentat kontra l-att inizjali, suġġett tal-ilment. Kieku kien mod ieħor, il-persuna kkonċernata ma tista’ qatt targumenta fuq l-irregolaritajiet tal-proċedura ta’ lment, peress li tkun ċaħditha għaldaqstant mill-benefiċċju ta’ eżami mill-ġdid prekontenzjuża regolari tad-deċiżjoni tal-amministrazzjoni, kull darba li appell kontenzjuż huwa ppreżentat kontra l-att inizjali li kontrih jitressaq l-ilment. Għalhekk, huwa jitlef il-benefiċċju ta’ proċedura li għandha bħala għan li tippermetti u tiffavorixxi ftehim bonarju tat-tilwima li tkun qamet bejn l-uffiċjal u l-amministrazzjoni u timponi fuq l-Awtorità li minnha jiddependi l-uffiċjal li teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha, fl-osservanza tar-regoli, fid-dawl tal-oġġezzjonijiet eventwali tagħha.

(ara l-punti 144 sa 146)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: is-sentenza Mocová vs Il-Kummissjoni, EU:T:2014:268, punt 38

3.      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja l-imħallfin ma’ jistgħu ikollhom ebda kariga politika jew amministrattiva, intiża li tiżgura l-indipendenza tal-imħallfin, kemm matul kif ukoll wara l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, fid-dawl fost oħrajn tal-Istati Membri jew ta’ istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni. Il-paragrafi l-oħrajn tal-Artikolu 4 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jittraduċu wkoll din l-intenzjoni li tiġi ppriżervata l-indipendenza tal-imħallfin

Madankollu, mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma tistax tiġi dedotta impossibbiltà ta’ eżerċizzju tal-funzjonijiet dwar l-amministrazzjoni interna tal-istituzzjoni. Madankollu, l-eżerċizzju mill-imħallfin tal-funzjonijiet amministrattivi interni għall-istituzzjoni ma jagħmel ebda dannu għall-indipendenza tagħhom u jippermetti li tiġi żgurata l-awtonomija amministrattiva tal-istituzzjoni.

(ara l-punt 167)