Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-22 ta’ Settembru 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Cour de cassation - Franza) – Cali Apartments SCI (C‑724/18), HX (C‑727/18) vs Procureur général près la cour d'appel de Paris, Ville de Paris

(Kawżi Magħquda C-724/18 u C-727/18) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Kiri ta’ bini bl-għamara lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel għal ċerti komuni ddeterminati u li tobbliga lil dawn il-komuni jiddefinixxu l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema – Artikolu 4(6) – Kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” – Artikolu 9 – Ġustifikazzjoni ‒ Provvista insuffiċjenti ta’ akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri għal perijodi twal bi prezzijiet li jintlaħqu ‒ Proporzjonalità – Artikolu 10 – Rekwiżiti marbuta mal-kundizzjonijiet tal-għoti tal-awtorizzazzjonijiet)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cali Apartments SCI (C‑724/18), HX (C‑727/18)

Konvenuti: Procureur général près la cour d'appel de Paris, Ville de Paris

Dispożittiv

L-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2006/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandhom jiġu interpretati fis-sens li din id-direttiva tapplika għal leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni għal klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, kemm għal skopijiet kummerċjali kif ukoll għal dawk mhux professjonali.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri ta’ bini intiż għall-abitazzjoni taqa’ taħt il-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni”, fis-sens tal-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

L-Artikolu 9(1)(b) u (ċ) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li, għal raġunijiet intiżi li jiggarantixxu provvista suffiċjenti ta’ akkomodazzjoni intiża għall-kiri għal żmien twil bi prezzijiet li jintlaħqu, tissuġġetta ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom, imwettaq b’mod ripetut u għal perijodi qosra, għal skema ta’ awtorizzazzjoni minn qabel applikabbli għal ċerti komuni fejn it-tensjoni fuq il-kirjiet hija għolja ħafna, hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali marbuta mal-ġlieda kontra n-nuqqas ta’ akkomodazzjonijiet maħsuba għall-kiri u hija proporzjonata mal-għan imfittex, sa fejn dan kollu ma jkunx jista’ jintlaħaq b’miżura inqas restrittiva, b’mod partikolari peress li spezzjoni a posteriori sseħħ tard wisq biex tkun ġenwinament effettiva.

L-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2006/123 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel l-eżerċizzju ta’ ċerti attivitajiet ta’ kiri bi ħlas ta’ bini bl-għamara intiż għall-abitazzjoni, li hija bbażata fuq kriterji marbuta mal-fatt li jinkera l-post inkwistjoni “b’mod ripetut u għal perijodi qosra lil klijentela preżenti għal perijodu temporanju li fih ma jistabbilixxux id-domiċilju tagħhom” u li tagħti lill-awtoritajiet lokali s-setgħa li jispeċifikaw, fil-kuntest stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjonijiet previsti minn din l-iskema fid-dawl tal-għanijiet ta’ kompożizzjoni soċjali u skont karatteristiċi tas-swieq lokali ta’ abitazzjoni u tan-neċessità li ma jiġix aggravat in-nuqqas ta’ abitazzjonijiet, billi jżidu magħhom obbligu ta’ kumpens fil-forma ta’ trasformazzjoni simultanja f’abitazzjoni ta’ bini li għandu użu ieħor, dment li dawn il-kundizzjonijiet għall-għoti jkunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u li dan l-obbligu jkun jista’ jiġi ssodisfatt f’kundizzjonijiet trasparenti u aċċessibbli.

____________

1     ĠU C 35, 28.01.2019