Language of document : ECLI:EU:T:2013:449

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Settembru 2013 (*)

“Kompetizzjoni — Akkordji — Suq tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju — Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE — Koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva — Distorsjoni tal-kompetizzjoni — Prova — Kalkolu tal-ammont tal-multa — Kooperazzjoni matul il-proċedura amministrattiva — Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni —Immunità minn multi — Tnaqqis tal-ammont tal-multa — Valur miżjud sinjifikattiv — Linji gwida tal-2006 għall-kalkolu tal-ammonttal-multi — Prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività”

Fil-Kawża T‑380/10,

Wabco Europe, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

Wabco Austria GesmbH, stabbilita fi Vjenna (l-Awstrija),

Trane Inc., stabbilita f’Piscataway, New Jersey (l-Istati Uniti),

Ideal Standard Italia Srl, stabbilita f’Milano (l-Italja),

Ideal Standard GmbH, stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn S. Völcker, F. Louis, A. Israel, N. Niejahr, avukati, C. O’Daly, E. Batchelor, solicitors, u F. Carlin, barrister,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Castillo de la Torre, F. Ronkes Agerbeek u G. Koleva, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: S. Spyropoulos, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Marzu 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), (iktar ʼil quddiem id-“deċiżjoni kkontestataˮ), il-Kummissjoni Ewropea ikkonstatat l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju. Dan il-ksur, li fih ħadu sehem 17-il impriża, allegatament seħħ matul diversi perijodi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004 u kien ħa l-forma ta’ numru ta’ ftehim antikompetittivi jew ta’ prattiki miftiehma li jkopru t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 2 u 3 u l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

2        Iktar preċiżament, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-ksur ikkonstatat kien jikkonsisti, l-ewwel nett, fil-koordinazzjoni, mill-imsemmija manifatturi tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, taż-żidiet fil-prezzijiet annwali u ta’ elementi oħra ta’ tarifikazzjoni, fil-kuntest ta’ laqgħat regolari fi ħdan l-assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti, it-tieni nett, fl-iffissar jew fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet fl-okkażjoni ta’ okkorrenzi speċifiċi bħaż-żieda fil-prezzijiet tal-materja prima, l-introduzzjoni tal-Euro kif ukoll tat-taxxi tat-toroq u t-tielet nett, fl-iżvelar u skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva (premessi 152 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iffissar tal-prezzijiet fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kien isegwi ċiklu annwali. F’dan il-kuntest, il-manifatturi kienu jistabbilixxu listi tal-prezzijiet li ġeneralment kienu jibqgħu fis-seħħ għal sena u li kienu jservu ta’ bażi tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-grossisti (premessi 152 sa 163 tad-deċiżjoni kkontestata).

3        Il-prodotti kkonċernati mill-akkordju huma l-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju li jagħmlu parti minn wieħed mit-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti li ġejjin: viti u fittings, diviżorji tad-doċċa u aċċessorji, kif ukoll oġġetti taċ-ċeramika (iktar ʼil quddiem it-“tliet sotto-gruppi ta’ prodottiˮ) (premessi 5 u 6 tad-deċiżjoni kkontestata).

4        American Standard Inc., li fl-2007 saret Trane Inc. hija grupp Amerikan li jimmanifattura u jikkummerċjalizza oġġetti taċ-ċeramika u viti u fittings taħt it-trade mark Ideal Standard. L-attivitajiet Ewropej ta’ dan il-grupp, f’dan is-settur, tkomplew, mid-29 ta’ Ottubru 2001, minn American Standard Europe MVBA, li fl-2007, saret Wabco Europe. Dan il-grupp kien jiġbor integralment fi ħdanu sussidjarji attivi f’sitt Stat Membri tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri, l-ewwel nett, Ideal Standard GmbH u Ideal-Standard Produktions-GmbH fil-Ġermanja, it-tieni nett, Ideal Standard SAS fi Franza, it-tielet nett, Ideal Standard Italia Srl fl-Italja, ir-raba’ nett, mill-2001, de Metaalwarenfabriek Venlo BV, li saret fl-2005, Ideal Standard Nederland BV Europe, fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-ħames nett Wabco Austria GesmbH, mibjugħa lil Ideal Standard GmbH, fl-2007, fl-Awstrija u, is-sitt nett, sussidjarja ta’ din tal-aħħar fil-Belġju (premessi 21 sa 26 u 1043 sa 1049 tad-deċiżjoni kkontestata).

5        Wabco Europe, Wabco Austria, Trane, Ideal Standard Italia u Ideal Standard huma magħrufa iktar ’il quddiem flimkien bħala r-“rikorrenti”.

6        Fil-15 ta’ Lulju 2004, Masco Corp. u s-sussidjarji tagħha, fosthom Hansgrohe AG, li timmanifattura viti u fittings, u Hüppe GmbH, li timmanifattura diviżorji tad-doċċa, informaw lill-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju u talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ʼil quddiem il-“Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoniˮ) jew, fin-nuqqas ta’ dan, minn tnaqqis tal-ammont tagħhom. Fit-2 ta’ Marzu 2005, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti immunità kundizzjonali mill-multi favur Masco, skont il-punti 8(a) u 15 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni (premessi 126 sa 128 tad-deċiżjoni kkontestata).

7        Fid-9 u fl-10 ta’ Novembru 2004, il-Kummissjoni pproċediet, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), għal spezzjonijiet għall-għarrieda fil-bini ta’ diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju (premessa 129 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        Fil-15 u fid-19 ta’ Novembru 2004, Grohe Beteiligungs GmbH u s-sussidjarji tagħha (iktar ’il quddiem “Grohe”) kif ukoll ir-rikorrenti, rispettivament, talbu l-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, it-tnaqqis tal-ammont tagħhom (premessi 131 u 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Bejn il-15 ta’ Novembru 2005 u s-16 ta’ Mejju 2006, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lil diversi kumpanniji u assoċjazzjonijiet li joperaw fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, inkluż lir-rikorrenti (premessa 133 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fis-17 u fid-19 ta’ Jannar 2006, Roca SARL kif ukoll Hansa Metallwerke AG u s-sussidjarji tagħha rispettivament talbu sabiex jibbenefikaw mill-immunità minn multi skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom. Fl-20 ta’ Jannar 2006 Aloys Dornbracht GmbH & Co KG Armaturenfabrik (iktar ’il quddiem “Dornbracht” ukoll talbet sabiex tibbenefika minn tali immunità minn multi jew, fin-nuqqas ta’ dan, mit-tnaqqis tal-ammont tagħhom.

11      Fis-26 ta’ Marzu 2007, il-Kummissjoni adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li kienet ġiet innotifikata lir-rikorrenti (premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Mit-12 sal-14 ta’ Novembru 2007, inżammet seduta li fiha pparteċipaw ir-rikorrenti (premessa 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Fid-9 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni bagħtet lil ċerti kumpanniji, inkluż lir-rikorrenti, ittra ta’ espożizzjoni tal-fatti, li tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal ċerti provi li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tibbaża ruħha fuqhom fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali (premessi 147 u 148 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      Bejn id-19 ta’ Ġunju 2009 u t-8 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni bagħtet talbiet għal informazzjoni supplimentari, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lil diversi kumpanniji, fosthom lir-rikorrenti (premessi 149 sa 151 tad-deċiżjoni kkontestata).

15      Fit-23 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

16      Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-prattiki deskritti fil-punt 2 iktar ʼil fuq kienu jagħmlu parti minn pjan globali intiż sabiex jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn id-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni u kienu jippreżentaw il-karatteristiċi ta’ ksur uniku u kontinwu, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kien ikopri t-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti msemmija fil-punt 3 iktar ʼil fuq u kien ikopri t-territorju tal-Belġju, tal-Ġermanja, ta’ Franza, tal-Italja, tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Awstrija (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata) (iktar ʼil quddiem il-“ksur ikkonstatatˮ). F’dan ir-rigward, hija enfasizzat b’mod partikolari l-fatt li dawn il-prattiki kienu konformi ma’ mudell rikorrenti li kien irriżulta li kien l-istess fis-sitt Stati Membri li kienu qegħdin jiġu investigati mill-Kummissjoni (premessi 778 u 793 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija innotat ukoll l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jirrigwardaw it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti kollha kemm huma, li hija semmiet “organi ta’ koordinazzjoniˮ, ta’ assoċjazzjonijiet nazzjonali għall-professjonisti li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tikkonċerna minn tal-inqas tnejn minn dawn it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti, li hija semmiet “assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodottiˮ, kif ukoll ta’ assoċjazzjonijiet speċjalizzati li jinkludu membri li l-attività tagħhom kienet tirrigwarda wieħed minn dawn it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti (premessi 796 u 798 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, hija kkonstatat il-preżenza ta’ grupp ċentrali ta’ impriżi li kien ipparteċipa fl-akkordju f’diversi Stati Membri u fil-kuntest ta’ organi ta’ koordinazzjoni u ta’ assoċjazzjonijiet ta’ ħafna prodotti (premessi 796 u 797 tad-deċiżjoni kkontestata).

17      Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rikorrenti, il-Kummissjoni qieset li huma kienu ħadu sehem fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika u mal-viti u fittings matul perijodi separati, ta’ bejn il-15 ta’ Marzu 1993 u 9 ta’ Novembru 2004, fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja u fl-Awstrija. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tindika li huma ma setgħux jinżammu responsabbli għal ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, sa fejn il-ksur kien intemm f’dan it-territorju fl-1999, qabel ma huma kienu xtraw, fl-2001, is-sussidjarja li kienet ħadet sehem fih. Il-Kummissjoni tikkonkludi li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fil-ksur uniku sa fejn huma setgħu raġonevolment jipprevedu li qabel l-2001 kienu seħħew attivitajiet antikompetittivi (premessi 853 sa 856 tad-deċiżjoni kkontestata).

18      It-tieni nett, sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”) (premessa 1184 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Fl-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni telenka l-impriżi li hija tissanzjona għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ZEE mill-1 ta’ Jannar 1994, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija għal perijodi differenti inklużi bejn is-16 ta’ Ottubru 1992 u d-9 ta’ Novembru 2004.

20      Fir-rigward tar-rikorrenti, il-punti 3 sa 5 tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdu kif ġej:

“(1)      L-impriżi sussegwenti kisru l-Artikolu 101 [TFUE] u, mill-1 ta’ Jannar 1994, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi parteċipaw, matul il-perijodi indikati, fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju fil-Ġermanja, fl-Awstrija, fl-Italja fi Franża fil-Belġju u fil-Pajjiżi l-Baxxi:

[…]

3.      Trane […], mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004.

4.      W[abco] Europe […], mid-29 ta’ Ottubru 2001 sad-9 ta’ Novembru 2004, u W[abco] Austria […], mill-21 ta’ Lulju 1994 sad-9 ta’ Novembru 2004. Ideal Standard […] mid-19 ta’ Marzu 2003 sad-9 ta’ Novembru 2004, Ideal Standard Produktions […], mit-30 ta’ Ottubru 2001 sad-9 ta’ Novembru 2004, Ideal Standard [SAS], mill-10 ta’ Diċembru 2002 sad-9 ta’ Novembru 2004, Ideal Standard Italia […], mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004.

5.      Ideal Standard Nederland […], mit-30 ta’ Novembru 1994 sal-31 ta’ Diċembru 1999.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      Fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi fuq l-impriżi inkwistjoni. L-ogħla multa hija dik imposta fuq ir-rikorrenti u tammonta għal EUR 326 091 196. Fir-rigward tar-rikorrenti, l-Artikolu 2(3) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi kif ġej:

“Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, il-multi segwenti huma imposti:

a)      EUR 259 066 294 fuq Trane […];

b)      EUR 44 995 552 […] in solidum fuq W[abco] Europe […] u Trane […];

c)      EUR 1 519 000 […] in solidum fuq W[abco] Austria […], W[abco] Europe […] u Trane […];

d)      EUR 0 […] in solidum fuq Ideal Standard [SAS], W[abco] Europe […] u Trane […];

e)      EUR 12 323 430 […] in solidum fuq Ideal Standard Italia […], W[abco] Europe […] u Trane […];

f)      EUR 5 575 920 […] in solidum fuq Ideal Standard […], W[abco] Europe […] u Trane […];

g)      EUR 0 […] in solidum fuq Ideal Standard Produktions […], W[abco] Europe […] u Trane […];

h)      EUR 2 611 000 […] in solidum fuq W[abco] Austria […] u Trane […];

i)      EUR 0 fuq Ideal Standard Nederland […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ talba mressqa fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-8 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. Permezz ta’ att ippreżentat fl-istess jum fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti talbu li fir-rigward ta’ dan ir-rikors tiġi applikata l-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Ottubru 2010, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) ċaħdet it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-kawża tiġi deċiża permezz tal-proċedura mħaffa skont l-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

25      It-trattazzjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tas-27 ta’ Marzu 2012.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla parzjalment l-Artikolu 2(3) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn ġew imposti multi fuqhom u, sa fejn huwa neċessarju, il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqhom;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad dan ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

28      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat mill-qorti tal-Unjoni, fir-rigward tad-deċiżjonijiet adottati mill-Kummissjoni sabiex tissanzjona l-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, huwa bbażat fuq l-istħarriġ tal-legalità, previst fl-Artikolu 263 TFUE, li huwa kkompletat, meta titressaq quddiem din il-qorti talba f’dan is-sens, minn ġurisdizzjoni sħiħa, irrikonoxxuta lil din il-qorti bis-saħħa tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, skont l-Artikolu 261 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il‑Kummissjoni, C‑386/10 P, Ġabra p. I‑13085, punti 53, 63 u 64). Din il-ġurisdizzjoni sħiħa tawtorizza lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, skont il-każ, tikkanċella, tnaqqas jew iżżid l-ammont tal-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME et vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, Ġabra p. I‑12789, punt 103, u l-ġurisprudenza ċċitata; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-5 ta’ Ottubru 2011, Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni (T‑11/06, Ġabra p. II-6681, punt 265).

29      Fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt preċedenti, hemm lok li jiġu eżaminati, l-ewwel nett, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, it-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dawn l-artikoli jikkonċernawhom u, it-tieni nett, it-talbiet tagħhom intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex temenda, billi topera tnaqqis, l-ammont tal-multi li l-Kummissjoni imponiet fuqhom.

A –  Fuq it-talbiet, imressqa b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

30      Insostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jressqu erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq żball fil-kalkolu tal-multa li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ tagħhom ta’ oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, il-fatt li hija kienet tathom, skont l-aħħar sentenza tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, immunità parzjali minn multi għall-ksur imwettaq fil-Belġju u fi Franza. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kien imissha kkunsidrat li huma kienu tal-ewwel li pproduċewlha provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, b’mod li huma kien imisshom kisbu tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont tal-multa tagħhom u mhux wieħed ta’ 30 %. Permezz tar-raba’ motiv tagħhom, huma jsostnu li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività billi applikat fir-rigward tal-fatti inkwistjoni l-Linji gwida tal-2006.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fil-kalkolu tal-multa li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ mir-rikorrenti tal-oġġetti taċ-ċeramika fis-suq Taljan

31      Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx, kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, sa fejn dan huwa relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika mibjugħa fis-suq Taljan għal perijodu ta’ 11-il sena u 7 xhur, jiġifieri bejn il-15 ta’ Marzu 1993 u d-9 ta’ Novembru 2004, u lanqas, a fortiori, il-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur. F’dan ir-rigward, huma jfakkru li, fil-premessa 1140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni impenjat ruħha tikkalkola l-ammont tal-multa imposta fuq kull impriża biss abbażi tal-karatteristiċi speċifiċi għall-ksur imwettaq minnha, jiġifieri fir-rigward tat-territorju u tas-sotto-gruppi ta’ prodotti kkonċernati, u tat-tul effettiv tal-parteċipazzjoni tagħha f’dan il-ksur. Għaldaqstant, l-ammont totali tal-multa li ġiet imposta fuqhom kellha titnaqqas b’75 %, jiġifieri tnaqqis ta’ kważi EUR 248 miljun.

32      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

33      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx, kif meħtieġ mil-liġi, il-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika mibjugħa fis-suq Taljan li seħħ bejn il-15 ta’ Marzu 1993 u d-9 ta’ Novembru 2004.

a)     Tfakkira tal-ġurisprudenza relatata mal-eżistenza u mal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE

34      L-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza stess ta’ akkordju, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 101(1) TFUE, il-ftehim kollu bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi u l-prattiki miftiehma kollha li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri u li għandhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, huma inkompatibbli mas-suq intern.

35      Sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod stabbilit (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1991, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑7/89, Ġabra p. II‑1711, punt 256, u tal-20 ta’ Marzu 2002, HFB et vs Il‑Kummissjoni, T-9/99, Ġabra p. II‑1487, punt 199).

36      Ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE jista’ jitqies li huwa konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk l-elementi speċifiċi tar-restrizzjoni ppjanata jkunu għadhom is-suġġett ta’ negozjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza HFB Holding et vs Il‑Kummissjoni, punt 35 iktar ’il fuq, punti 151 sa 157 u 206).

37      Il-kunċett ta’ prattika miftiehma jirreferi għal forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma twasslet sal-istadju li fih ftehim veru u proprju ġie konkluż, intenzjonalment tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom b’riskju għall-kompetizzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C‑49/92 P, Ġabra p. I‑4125, punt 115, u Hüls vs Il‑Kummissjoni, C‑199/92 P, Ġabra p. I‑4287, punt 158).

38      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 101(1) TFUE jipprekludi kull kuntatt dirett jew indirett bejn operaturi ekonomiċi li jista’ jew jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew inkella jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li l-operatur ekonomiku nnifsu ddeċieda li japplika jew li għandu l-intenzjoni li jadotta fis-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 116 u 117).

39      Skambju ta’ informazzjoni huwa kuntrarju għar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni meta huwa jnaqqas jew jelimina l-grad ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bir-riżultat li l-kompetizzjoni bejn impriżi hija ristretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, Ġabra p. I‑10821, punt 81, u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Fil-fatt, l-iżvelar ta’ informazzjoni sensittiva jelimina l-inċertezza relatata mal-aġir futur ta’ kompetitur u għalhekk jinfluwenza, direttament jew indirettament, l-istrateġija tad-destinatarju tal-informazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat‑23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administratión del Estado, C‑238/05, Ġabra p. I‑11125, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni jsegwi fi ħdan is-suq intern u l-kundizzjonijiet li huwa għandu l-intenzjoni jirriżerva għall-klijentela tiegħu (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, punt 82, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Għalkemm huwa minnu li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi li jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew mistenni tal-kompetituri tagħhom, dan madankollu jipprekludi strettament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi, li jkollu bħala għan jew bħala effett li jwassal għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-importanza u tan-numru ta’ impriżi, kif ukoll tal-volum tal-imsemmi suq (ara s-sentenza Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      It-tieni nett, fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni għandha tipproduċi l-prova tal-ksur li hija tkun ikkonstatat u għandha tistabbilixxi l-provi li huma kapaċi juru, kif meħtieġ mil-liġi, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-17 ta’ Diċembru 1998, Baustahlgewebe vs Il‑Kummissjoni, C‑185/95 P, Ġabra p. I‑8417, punt 58, u Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, punt 37 iktar ’il fuq, punt 86).

43      Barra minn hekk, meta hija tiddeċiedi fuq talbiet intiżi għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji tagħha, il-qorti tal-Unjoni tistħarreġ esklużivament il-legalità tal-att ikkontestat u għaldaqstant ma tistax tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, Ġabra p. II‑2501, punt 174).

44      Ir-rwol tal-qorti li quddiemha jiġi ppreżentat rikors għal annullament intiż kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u li timponi multi fuq id-destinatarji jikkonsisti f’li tevalwa jekk il-provi li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur allegat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, imsejħa “PVC II”, T‑305/94 sa T307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, Ġabra p. II‑931, punt 891).

45      L-eżistenza ta’ dubju min-naħa tal-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Frar 1978, United Brands u United Brands Continentaal vs Il‑Kummissjoni, 27/76, Ġabra p. 207, punt 265). Il-Qorti Ġenerali ma tistax għaldaqstant tikkonkludi li l-Kummissjoni tat prova tal-eżistenza tal-ksur inkwistjoni, kif meħtieġ mil-liġi, jekk hija jkun għad għandha dubju dwar din il-kwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza JFE Engineering et vs Il‑Kummissjoni, punt 43 iktar ’il fuq, punt 177).

46      Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li tittieħed inkunsiderazzjoni l-preżunzjoni ta’ innoċenza, kif tirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata fis-7 ta’ Diċembru 2000 f’Nice (ĠU 2010, C 83, p. 1), li l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxilha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Novembru 2011, KHS, C‑214/10, Ġabra p. I‑11757, punt 37). Fid-dawl tan-natura tal-ksur inkwistjoni kif ukoll tan-natura u tal-livell ta’ gravità tas-sanzjonijiet relatati miegħu, il-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza japplika b’mod partikolari għall-proċeduri relatati mal-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jista’ jwassal għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Hüls vs Il‑Kummissjoni, punt 37 iktar ’il fuq, punti 149 u 150, u tat-8 ta’ Lulju 1999, Montecatini vs Il‑Kummissjoni, C‑235/92 P, Ġabra p. I‑4539, punti 175 u 176; Il-Qorti Ewropea tad-D.B., sentenzi Öztürk, tal-21 ta’ Frar 1984, Serje A Nru 73, u Lutz tal-25 ta’ Awwissu 1987, Serje A Nru 123‑A).

47      Huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex issostni l-konvinzjoni ferma li l-ksur twettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il‑Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C‑129/85, Ġabra p. I‑1307, punt 127; tal-Qorti Ġenerali, tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il‑Kummissjoni T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, punti 43 u 72).

48      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ indizji invokata mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza PVC II, punt 44 iktar ’il fuq, punti 768 sa 778, b’mod partikolari l-punt 777, ikkonfermata fuq din il-kwistjoni preċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-appell, fis-sentenza tagħha, tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punti 513 sa 523).

49      Minbarra dan, meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura notorja tal-projbizzjoni tal-ftehim antikompetittivi, ma jistax jinħtieġ li l-Kummissjoni tipproduċi dokumenti li juru b’mod espliċitu li sar kuntatt bejn l-operaturi kkonċernati. L-elementi frammentarji u mifruxa li hija jista’ jkollha għad-dispożizzjoni tagħha għandhom, f’kull każ, ikunu jistgħu jiġu kkompletati b’deduzzjonijiet li jippermettu r-rikostruzzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti. L-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv tista’ għaldaqstant tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meħuda flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fin-nuqqas ta’ spjegazzjoni oħra plawżibbli, il-prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, Ġabra p. I‑123, punti 55 sa 57).

50      Fir-rigward tal-mezzi ta’ prova li jistgħu jiġu invokati sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, il-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Lulju 2004, Dalmine vs Il‑Kummissjoni, T‑50/00, Ġabra p. II‑2395, punt 72).

51      Konsegwentement, l-eventwali assenza ta’ provi dokumentati hija rilevanti biss fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-valur probatorju tas-sensiela ta’ indizji ppreżentata mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, dan waħdu ma jkollux bħala konsegwenza li l-impriża kkonċernata tista’ validament tikkontesta l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni billi tippreżenta spjegazzjoni barra l-fatti tal-każ. Dan ikun il-każ biss meta l-provi prodotti mill-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur mingħajr ekwivoku u mingħajr ma tkun neċessarja interpretazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Settembru 2007, Coat Holdings u Coats vs Il‑Kummissjoni, T‑36/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 74).

52      Fir-rigward tal-valur probatorju tal-provi differenti, l-uniku kriterju rilevanti sabiex jiġu evalwati l-provi prodotti jinsab fil-kredibbiltà tagħhom (sentenza Dalmine vs Il‑Kummissjoni, punt 50 iktar ’il fuq, punt 72).

53      Barra minn hekk, hija wkoll il-Kummissjoni li għandha tagħti prova tat-tul tal-ksur peress li dan it-tul huwa element li jikkostitwixxi l-kunċett ta’ ksur skont l-Artikolu 101(1) TFUE. Il-prinċipji msemmija fil-punti 40 sa 50 iktar ’il fuq japplikaw f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Settembru 2006, Nederlandse Federatieve Vereniging voor de Groothandel op Elektrotechnisch Gebied vs Il‑Kummissjoni, C‑105/04 P, Ġabra p. I‑8725, punti 94 sa 96). Barra minn hekk, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jistabbilixxu direttament it-tul tal-ksur, il-Kummissjoni għandha tibbaża ruħha, tal-inqas, fuq provi li jirreferu għal fatti li huma suffiċjentement qrib ta’ xulxin fiż-żmien, b’mod li jista’ raġonevolment jiġi aċċettat li dan il-ksur seħħ mingħajr interruzzjoni bejn żewġ dati preċiżi (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, Ġabra p. II‑4441, punt 51, u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Fl-aħħar, il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 sa 53 iktar ’il fuq hija applikabbli, b’analoġija, għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE.

b)     Espożizzjoni fil-qosor tal-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tissanzjona, fid-deċiżjoni kkontestata, lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur fl-Italja

55      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet tliet konstatazzjonijiet prinċipali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja.

56      L-ewwel nett, mill-bidu tas-snin 1990 sal-1995 jew sal-1996, kif ir-rikorrenti ammettew fit-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, huma kienu pparteċipaw, fl-Italja, f’diskussjonijiet illegali relatati mal-oġġetti taċ-ċeramika, fi ħdan l-Assoċjazzjoni Federceramica, li kienet komposta minn manifatturi ta’ dawn il-prodotti. Madankollu, sa fejn dawn id-diskussjonijiet seħħew qabel id-data tal-bidu tal-ksur li l-Kummissjoni stabbilixxiet fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tissanzjona lir-rikorrenti, jiġifieri l-15 ta’ Marzu 1993, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni dawn id-diskussjonijiet biss sa fejn dawn kienu “jirrivelaw l-iskema ta’ aġir globali ta’ ċerti manifatturi ([ir-rikorrenti] u ta’ Pozzi Ginori [SpA]) li kienu wkoll ipparteċipaw fil-prattiki antikompetittivi stabbiliti fil-kuntest [tal-assoċjazzjoni professjonali ta’ prodotti varji] Euroitalia” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mill-15 ta’ Marzu 1993 (ara l-premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata u n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 501 sa 505 ta’ din id-deċiżjoni).

57      It-tieni nett, mill-15 ta’ Marzu 1993 sal-15 ta’ Ottubru 2004, li huma d-dati preċiżi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tul tal-ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, ir-rikorrenti kienu pparteċipaw f’laqgħat li matulhom kienu ġew ikkoordinati fi ħdan Euroitalia ż-żidiet fil-prezzijiet relatati mal-viti u l-fittings u l-oġġetti taċ-ċeramika. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-oġġetti taċ-ċeramika, żidiet regolari fil-prezzijiet kif ukoll elementi oħra ta’ prezz, bħall-prezzijiet minimi u t-tnaqqis, kienu ġew diskussi, bl-istess mod u waqt l-istess laqgħat bħal fir-rigward tal-viti u tal-fittings, kif jirriżulta, b’mod partikolari, min-noti meħuda waqt laqgħat f’Euroitalia li nżammu fid-9 ta’ Lulju 1993, fit-12 ta’ Marzu 1996, fil-31 ta’ Jannar 1997, fil-15 ta’ Ottubru 1999, fil-21 ta’ Jannar 2000 u fl-14 ta’ Frar 2003 (ara l-premessi 411 sa 460 tad-deċiżjoni kkontestata u n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 506 sa 580 ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll l-Annessi 6 u 7 tagħha, relatati mad-dati tal-laqgħat ta’ Euroitalia u tal-grupp Michelangelo).

58      It-tielet nett, mit-12 ta’ Marzu 1996 sal-25 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti kienu pparteċipaw f’laqgħat fi ħdan Michelangelo li matulhom, l-istess bħal f’dawk organizzati fi ħdan Euroitalia, kienu ġew imsemmija l-prezzijiet tal-oġġetti taċ-ċeramika, kif jirriżulta min-noti meħuda waqt il-laqgħat li nżammu, b’mod partikolari, fit-12 ta’ Mejju u fl-20 ta’ Lulju 2000 (ara l-premessi 411 sa 460 tad-deċiżjoni kkontestata u n-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 506 sa 580 ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll l-Annessi 6 u 7 tagħha, relatati mad-dati tal-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo).

c)     Eżami tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004

59      Ir-rikorrenti jsostnu, li, għalkemm, kif huma rrikonoxxew matul il-proċedura amministrattiva, huma pparteċipaw fi ksur relatat mal-viti u l-fittings fl-Italja, madankollu, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tiddeduċi minn dan il-ksur il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika f’dan it-territorju fl-assenza ta’ provi suffiċjenti sabiex tistabbilixxi tali ksur.

60      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi ssostni, minn naħa, li l-assenza ta’ kontestazzjoni tar-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva tikkostitwixxi prova addizzjonali tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja u, min-naħa l-oħra, li hija stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi l-parteċipazzjoni tagħhom f’tali ksur.

61      Qabel kollox għandu jiġi vverifikat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma kkontestawx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur sa fejn dan tal-aħħar kien jikkonċerna l-oġġetti taċ-ċeramika, qabel ma jiġi sussegwentement eżaminat jekk hija ġabritx provi biżżejjed sabiex tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipaw f’dan il-ksur.

 Fuq il-kontestazzjoni mir-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva, tal-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004

62      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, għalkemm ir-rikonoxximent espliċitu jew impliċitu ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi minn impriża matul il-proċedura amministrattiva quddiem il-Kummissjoni jista’ jikkostitwixxi prova addizzjonali matul l-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ azzjoni ġudizzjarja, dan ma jistax jillimita l-eżerċizzju stess tad-dritt li titressaq kawża quddiem il-Qorti Ġenerali li persuna fiżika jew ġuridika għandha skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, Ġabra p. I‑6375, punt 90).

63      Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li għaliha biss il-Kummissjoni tagħmel riferiment insostenn tal-argumenti tagħha, hija qisitx li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja u, sussegwentement, jekk, hekk kif hija ssostni, ir-rikorrenti ma kkontestawx dawn l-oġġezzjonijiet b’risposta għal din id-dikjarazzjoni.

64      L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 256 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni qieset li, fis-suq Taljan, kien hemm sistema regolari ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezz bejn il-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, mill-1990 sal-2004. Il-Kummissjoni żżid li l-impriżi inkwistjoni kienu jiltaqgħu “fil-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo, u kienu jiddiskutu wkoll il-prezzijiet fil-laqgħat ta’ Federceramica u ta’ Anima”. Fil-punt 257 ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tippreċiża li “skambji ta’ listi tal-prezzijiet, żidiet fil-prezzijiet u informazzjoni oħra fuq is-suq Taljan” tal-oġġetti taċ-ċeramika kienu seħħew matul il-laqgħat ta’ Federceramica. F’dan ir-rigward hija tirreferi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 592 ta’ din id-dikjarazzjoni, għat-talba mressqa mir-rikorrenti intiża għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa tagħhom. Barra minn hekk, fil-punt 260 ta’ din id-dikjarazzjoni, huwa ppreċiżat li r-rikorrenti sostnew, f’din it-talba, li l-laqgħat li kienu nżammu fi ħdan Federceramica kienu ntemmu fl-1995 jew fl-1996. Fil-punti 259 u 261 sa 277 ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni tiddeskrivi ż-żidiet fil-prezzijiet diskussi matul il-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo.

65      Mill-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 64 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm jirriżulta b’mod ċar mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li l-Kummissjoni qieset li kien hemm akkordju, fl-Italja, fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju, mill-1990 sa l-2004, hija madankollu stabbilixxiet l-eżistenza ta’ akkordju li jikkonċerna, b’mod partikolari, l-oġġetti taċ-ċeramika biss fir-rigward tad-diskussjonijiet antikompetittivi li nżammu fi ħdan Federceramica mill-1990 sal-1995 jew sal-1996, hekk kif ir-rikorrenti kienu informawha fit-talba tagħhom imressqa skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

66      It-tieni nett, minn naħa, fil-punt 138 tal-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti jsostnu espliċitament li l-allegazzjonijiet kollha tal-Kummissjoni li jinsabu f’din id-dikjarazzjoni u li jikkonċernaw speċifikament l-akkordju dwar is-suq Taljan tal-oġġetti taċ-ċeramika huma bbażati fuq it-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni u li, jekk din l-informazzjoni kienet irtirata mill-fajl, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar tissanzjona ksur f’dan ir-rigward. Għal din ir-raġuni, huma josservaw ukoll li huma għandhom jibbenefikaw minn immunità minn multa fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni.

67      Min-naħa l-oħra, fil-punt 3.1 tal-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, ir-rikorrenti jippreċiżaw li l-allegazzjonijiet kollha li jinsabu f’din id-dikjarazzjoni fir-rigward tal-koordinazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet għall-oġġetti taċ-ċeramika jikkonċernaw laqgħat li seħħew fi ħdan Federceramica u li, minkejja l-fatt li din id-dikjarazzjoni tirreferi għal koordinazzjoni regolari taż-żidiet fil-prezzijiet fi ħdan Euroitalia, din l-aħħar assoċjazzjoni ma kinitx forum li fih kienu jinżammu diskussjonijiet relatati ma’ oġġetti taċ-ċeramika. Ir-rikorrenti jindikaw li huma kienu l-uniċi produtturi ta’ oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan din l-assoċjazzjoni, iżda li huma ma kinux ippreżentati f’din il-kapaċità. Huma jippreċiżaw li huma kienu jiddiskutu informazzjoni relatata mal-viti u l-fittings u kienu jsemmu biss “b’mod passiv” kif “kienu jimxu l-affarijiet” fis-settur tal-oġġetti taċ-ċeramika, mingħajr ma l-għan ta’ dawn l-osservazzjonijiet ma kien antikompetittiv.

68      Għaldaqstant mill-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta mingħajr ambigwità li, minn naħa, huma rrikonoxxew il-parteċipazzjoni tagħhom f’akkordju fis-settur tal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja biss fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni li seħħ fi ħdan l-assoċjazzjoni Federceramica, mill-1990 sal-1995 jew sal-1996, hekk kif huma stess kienu informaw lill-Kummissjoni fit-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, huma espliċitament ikkontestaw kull parteċipazzjoni f’akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia. Barra minn hekk, għalkemm kif tosserva l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, huma ma kkontestawx il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ta’ Michelangelo, għandu madankollu jiġi kkonstatat li hija llimitat ruħha, fil-punt 277 tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, telenka d-dati tal-laqgħat ta’ Michelangelo u ssemmi li huma kienu pparteċipaw fihom, mingħajr ma tindika s-suġġett preċiż tad-diskussjonijiet li kienu nżammu u, b’mod partikolari, jekk dawn id-diskussjonijiet kinux jikkonċernaw l-oġġetti taċ-ċeramika.

69      Fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punti 64 sa 68 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tafferma l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkontestaw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika li kien twettaq fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004, fi ħdan Euroitalia u Michelangelo, Fil-fatt mill-osservazzjonijiet tagħhom b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jirriżulta li, għalkemm huma kienu ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Federceramica mill-1990 sal-1995 jew sal-1996, huma jqisu, għall-kuntrarju, li huma ma kienu pparteċipaw f’ebda ksur, għall-inqas fi ħdan Euroitalia, fir-rigward tal-oġġetti taċ-ċeramika f’dan it-territorju.

70      Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni msemmi fil-punt 60 iktar ’il fuq, li skontu l-Qorti Ġenerali għandha, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 62 iktar ’il fuq, tieħu inkunsiderazzjoni bħala “prova addizzjonali” l-assenza ta’ kontestazzjoni mir-rikorrenti, matul il-proċedura amministrattiva, tal-akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, ma jistax jiġi milqugħ.

 Fuq il-provi meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004

71      Ir-rikorrenti jressqu żewġ ilmenti intiżi sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika li kien twettaq fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004.

72      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-diskussjonijiet li seħħew fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li kien jeżisti akkordju. L-ewwel nett, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi b’liema mod ir-rikorrenti ħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika, minkejja li, minn naħa, huma kienu l-uniku manifattur ta’ dan is-sotto-grupp ta’ prodotti li pparteċipaw fil-laqgħat ta’ Euroitalia u, min-naħa l-oħra, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet huma kienu wkoll l-uniku manifattur ta’ dan is-sotto-grupp li kienu pparteċipaw fil-laqgħat ta’ Michelangelo. It-tieni nett, u f’kull każ, l-informazzjoni relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika mogħtija matul il-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo ma kinitx ta’ natura antikompetittiva.

73      Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ta’ Federceramica sabiex tistabbilixxi l-ksur. L-ewwel nett, sa fejn fid-deċiżjoni kkontestata hija ma ssanzjonatx formalment lir-rikorrenti għal dan l-aġir, il-preżunzjoni ta’ innoċenza tipprojbixxi lill-Kummissjoni tqis, abbażi tal-parteċipazzjoni tagħhom f’Federceramica, li huma kienu barra minn hekk ipparteċipaw fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo. It-tieni nett, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ta’ Federceramica sabiex tistabbilixxi l-ksur fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo u timponilhom, għaldaqstant, multa, peress li dan jikkostitwixxi ksur tal-aħħar sentenza tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni.

74      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

75      Preliminarjament għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-espożizzjoni fil-qosor tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 55 sa 58 iktar ’il fuq), hija qieset li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat ta’ Euroitalia u ta’ Michelangelo, iżda mhux f’dawk ta’ Federceramica. Barra minn hekk, huwa stabbilit, minn naħa, li r-rikorrenti kienu, fi ħdan Euroitalia, mill-15 ta’ Marzu 1993 sa mill-inqas l-2001, l-unika impriża li kienet timmanifattura viti u fittings u oġġetti taċ-ċeramika, filwaqt li t-tmien impriżi l-oħra li pparteċipaw fil-laqgħat ta’ din l-assoċjazzjoni kienu jimmanifatturaw biss viti u fittings (ara t-tabella li tinsab fl-Anness 6 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, fi ħdan Michelangelo, li laqgħat tagħha seħħew mit-12 ta’ Marzu 1996 sal-25 ta’ Lulju 2003, ir-rikorrenti assistew biss għal seba’ laqgħat, bejn it-8 ta’ Lulju 1998 u d-9 ta’ Marzu 2001, li għalihom kien ukoll preżenti manifattur ieħor ta’ oġġetti taċ-ċeramika, jiġifieri Pozzi Ginori (ara t-tabella li tinsab fl-Anness 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

76      Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet imsemmija fil-punt 75 iktar ’il fuq, l-ewwel nett għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni setgħetx ġustament tikkonkludi li r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 101(1) TFUE, filwaqt li, minn naħa, huma kienu l-uniku manifattur ta’ oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia li pparteċipaw fil-laqgħat kollha ta’ din l-assoċjazzjoni, mill-15 ta’ Marzu 1993 sa mill-inqas l-2001 [jiġifieri sal-mument li fih Grohe nxtrat mill-ġdid minn Sanitec Europe (iktar ’il quddiem “Sanitec”), li kellha lil Pozzi Ginori], u, min-naħa l-oħra, huma kienu l-uniku manifattur ta’ oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Michelangelo preżenti għal-laqgħat li nżammu mit-12 ta’ Marzu 1996 sat-8 ta’ Lulju 1998 u mid-9 ta’ Marzu 2001 sal-25 ta’ Lulju 2003. It-tieni nett, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni pprovdietx provi biżżejjed tal-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fid-dawl, minn naħa, tas-seba’ laqgħat ta’ Michelangelo li r-rikorrenti pparteċipaw fihom, li nżammu matul il-perijodu bejn it-8 ta’ Lulju 1998 u d-9 ta’ Marzu 2001 u li għalihom kien ukoll preżenti manifattur ieħor ta’ oġġetti taċ-ċeramika, jiġifieri Pozzi Ginori, u, min-naħa l-oħra, tal-erbatax-il laqgħa ta’ Euroitalia li nżammu matul il-perijodu bejn id-9 ta’ Marzu 2001 u l-15 ta’ Ottubru 2004, li r-rikorrenti pparteċipaw fihom u li għalihom kienet ukoll preżenti Grohe, li kienet tifforma parti minn Sanitec.

–       Fuq il-prova tal-eżistenza ta’ akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, fir-rigward tal-laqgħat li matulhom ir-rikorrenti kienu l-unika impriża preżenti li timmanifattura dawn l-oġġetti

77      Għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni ġustament qisitx li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ftehim bejn impriżi, fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, li kellu bħala għan jew bħala effett li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq Taljan tal-oġġetti taċ-ċeramika, matul il-perijodi li huma kienu l-unika impriża preżenti li timmanifattura oġġetti taċ-ċeramika, filwaqt li l-impriżi l-oħra kollha kienu manifatturi ta’ viti u ta’ fittings.

78      Mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 35 sa 41 iktar ’il fuq, jirriżulta li l-provvista ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, bħall-iskambju ta’ żidiet futuri fil-prezzijiet, għandha, meta din l-informazzjoni hija indirizzata lil impriża jew lil impriżi kompetituri, effett antikompetittiv inkwantu l-awtonomija ta’ aġir fis-suq tal-impriżi inkwistjoni tkun immodifikata. Fil-preżenza ta’ tali prattiki antikompetittivi, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tagħti prova tal-effetti antikompetittivi tagħhom fis-suq inkwistjoni jekk dawn jistgħu, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku u ekonomiku li taħtu huma jaqgħu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra p. I‑4529, punt 31).

79      Min-naħa l-oħra, ma tistax issir il-preżunzjoni li ftehim jew prattika miftiehma li tikkonsisti, għal impriżi, fl-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva, iżda relatata ma’ prodott ikkummerċjalizzat f’suq li fih huma ma humiex kompetituri, għandha għan jew effett antikompetittiv f’dan is-suq. Fil-fatt, prattika li tikkonsisti, għal impriża attiva f’żewġt iswieq distinti ta’ prodotti, fit-trażmissjoni, lill-kompetituri tagħha preżenti fl-ewwel suq, ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mat-tieni suq, li fih dawn il-kompetituri ma humiex preżenti, fil-prinċipju ma hijiex ta’ natura li tinfluwenza s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni eżerċitata f’dan it-tieni suq.

80      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, b’risposta għall-osservazzjonijiet magħmula mir-rikorrenti fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-ilmenti, il-Kummissjoni ressqet, fid-deċiżjoni kkontestata, żewġ motivi intiżi sabiex jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika li sar fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, minkejja l-fatt li huma kienu l-unika impriża li l-attività tagħha kienet tikkonċerna l-oġġetti taċ-ċeramika li kienet qed tipparteċipa fil-laqgħat ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet.

81      L-ewwel nett, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 587 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’mod prinċipali tosserva, minn naħa, li l-informazzjoni relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika trażmessa mir-rikorrenti tikkostitwixxi informazzjoni kummerċjali sensittiva, peress li din tikkonċerna żidiet fil-prezz u elementi oħra tal-prezz, bħall-prezzijiet minimi u t-tnaqqis. Min-naħa l-oħra, l-informazzjoni skambjata relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika hija “simili u totalment konformi mar-referenzi korrispondenti fuq il-viti u l-fittings, magħmula waqt l-istess laqgħat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, skontha, ma hemmx lok li ssir “distinzjoni [bejn il-viti u l-fittings u l-oġġetti taċ-ċeramika] relatata mal-għan segwit mill-impriża meta hija tikkomunka din l-informazzjoni (b’mod partikolari jekk wieħed iqis il-livell ta’ detall tagħha u l-kuntest ġenerali tad-diskussjonijiet waqt dawn il-laqgħat)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kummissjoni tiżviluppa din l-analiżi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1779 tad-deċiżjoni kkontestata, billi tindika li n-natura ddettaljata u l-kuntest tad-diskussjonijiet juru “mingħajr ebda dubju l-approċċ antikompetittiv tar-rikorrenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li ebda wieħed mill-motivi msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq ma jistabbilixxi li l-prattiki inkwistjoni kellhom bħala għan jew bħala effett li joħolqu distorsjoni tas-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika.

83      Fil-fatt, minn naħa, il-Kummissjoni ma tressaq ebda argument jew prova li jippermettu li jiġi stabbilit li, f’dan il-każ, il-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika setgħet tiġi affettwata mill-fatt li r-rikorrenti żvelaw informazzjoni kummerċjali sensittiva lill-manifatturi ta’ viti u ta’ fittings.

84      Min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni li jeżisti xebh fin-natura u fil-metodu ta’ skambju tal-informazzjoni kkomunikata fi ħdan Euroitalia, kemm jekk fir-rigward ta’ viti u ta’ fittings u kemm jekk fir-rigward ta’ oġġetti taċ-ċeramika, lanqas ma tippermetti li jiġi stabbilit li l-provvista ta’ informazzjoni relatata mal-prezzijiet tal-oġġetti taċ-ċeramika lill-manifatturi ta’ viti u ta’ fittings ħolqot distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan l-aħħar suq. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-manifatturi ta’ viti u ta’ fittings ittrażmettew l-informazzjoni li huma kienu rċevew lill-kompetituri tar-rikorrenti fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika, b’mod li effett fuq il-kompetizzjoni f’dan l-aħħar suq seta’ jiġi preżunt jew kien ġie kkonstatat.

85      It-tieni nett, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 587 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset ukoll, iżda b’mod inċidentali biss, li l-komunikazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet mir-rikorrenti fi ħdan Euroitalia, relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika, “ma [kellha] xejn eċċezzjonali fid-dawl tal-pożizzjoni ta’ quddiem li l-impriża kellha f’dan is-settur tas-suq fl-Italja (is-sehem tagħha kien ħafna ikbar minn dak tal-eqreb kompetituri tagħha) u tal-intess tagħha li żżomm approċċ informat u integrat ta’ stabbiliment tal-prezzijiet fir-rigward tal-prodotti tagħha (kemm l-[oġġetti] taċ-ċeramika kif ukoll il-viti u l-fittings)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

86      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat, minn naħa, li l-fatt li r-rikorrenti kellhom parti kbira mis-suq fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika hija irrilevanti għall-fatt li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika lill-manifatturi ta’ viti u ta’ fittings setgħet taffettwa l-kompetizzjoni f’dan l-aħħar suq.

87      Min-naħa l-oħra, anki jekk, kif qieset il-Kummissjoni, ir-rikorrenti effettivament kellhom interess ikollhom “approċċ informat u integrat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ta’ stabbiliment tal-prezzijiet tagħhom għall-oġġetti taċ-ċeramika u għall-viti u l-fittings kollha li huma kienu jikkummerċjalizzaw, tali konstatazzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit li kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika. Fil-fatt, għalkemm l-aħbar, fi ħdan Euroitalia, taż-żieda futura fil-prezzijiet tar-rikorrenti fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika tippermetti li jiġi stabbilit li l-manifatturi ta’ installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju kellhom interess jikkoordinaw l-aġir tagħhom, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li tali prattika, min-naħa tar-rikorrenti, kellha bħala għan jew bħala effett li tnaqqas jew li telimina l-grad ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika.

88      F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok li jiġi deċiż li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi qieset li r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, matul il-perijodu kollu li matulu huma kienu l-unika impriża li timmanifattura oġġetti taċ-ċeramika preżenti fi ħdan dawn l-aħħar assoċjazzjonijiet.

89      Is-sitt argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma jinvalidawx il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 88 iktar ’il fuq.

90      L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u indikat, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, li l-fatt li r-rikorrenti kienu l-uniku manifattur ta’ oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia kien irrilevanti għall-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur, peress li l-prattiki illegali inkwistjoni kienu jifformaw parti minn ksur uniku. Hija tirreferi għall-premessi 845 u 846 tad-deċiżjoni kkontestata, li skonthom it-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti huma “komplementari” [traduzzjoni mhux uffiċjali], fatt li r-rikorrenti ma kkontestawx fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom. Hija tenfasizza wkoll il-fatt li kien hemm interess għall-produtturi kollha jiġbdu l-istess ħabel fil-qasam ta’ żidiet fil-prezzijiet.

91      F’dan ir-rigward, hemm lok li l-ewwel nett jiġi kkonstatat li huwa ċertament veru li, billi żvelaw lill-manifatturi ta’ viti u ta’ fittings informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, ir-rikorrenti kellhom aġir li seta’ jsaħħaħ l-akkordju fis-suq tal-viti u tal-fittings għall-motivi mressqa mill-Kummissjoni u msemmija fil-punt 87 iktar ’il fuq. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li tali aġir ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika setgħu jinbidlu.

92      Sussegwentement, għandu jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, li skonthom hija ma kinitx obbligata tistabbilixxi distorsjoni tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn kull laqgħa ta’ assoċjazzjoni peress li l-oġġetti taċ-ċeramika kienu jifformaw parti mis-sotto-gruppi ta’ prodotti koperti mill-ksur uniku, tali klassifika ma teżentax lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fir-rigward ta’ kull wieħed mit-tliet sotto-gruppi ta’ prodotti koperti minn dan il-ksur. Fil-fatt, għalkemm hemm ksur uniku meta ftehim jew prattiki miftiehma li, filwaqt li jikkonċernaw oġġetti, servizzi jew territorji distinti, jifformaw parti minn pjan ġenerali implementat intenzjonalment minn impriżi bil-għan tat-twettiq ta’ għan uniku antikompetittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Commission, punt 49 iktar ’il fuq, punti 258 u 260, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 482), il-konstatazzjoni ta’ tali ksur ma hijiex ta’ natura li telimina l-kundizzjoni preliminari relatata mal-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni li taffettwa kull wieħed mis-swieq ta’ prodotti koperti minn dan il-ksur uniku.

93      It-tieni nett, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni li skontu mill-provi relatati mal-akkordju fil-Ġermanja jirriżulta li l-manifatturi ta’ viti u ta’ fittings fl-Italja “ħadu inkunsiderazzjoni l-ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika” u li l-laqgħat ta’ Michelangelo kienu laqqgħu numru ta’ produtturi li ma kinux attivi fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika. Fil-fatt, minn naħa, dan l-argument tal-Kummissjoni jtendi sabiex jikkonferma, u mhux sabiex jikkonfuta, il-konstatazzjoni li tinsab fil-punt 87 iktar ’il fuq, li skontha l-prattika għar-rikorrenti li jħabbru lill-manifatturi ta’ viti u ta’ fittings iż-żidiet fil-prezzijiet tal-oġġetti taċ-ċeramika tagħhom kienet ikkontribwixxiet, fir-realtà, għall-funzjonament tajjeb tal-akkordju relatat mal-viti u mal-fittings. Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, dan l-argument ma jippermettix li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika.

94      It-tielet nett, l-argument tal-Kummissjoni li skontu r-rikorrenti naqsu milli jispjegaw għal-liema raġunijiet plawżibbli, minbarra l-eżistenza ta’ akkordju, huma pprovdew informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia, jekk l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni kienet mingħajr interess jew irrilevanti, huwa ineffettiv. Minn naħa, dan l-argument tal-Kummissjoni ma huwiex ta’ natura li jistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju dwar l-oġġetti taċ-ċeramika fl-assenza ta’ elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi kkonstatat l-għan jew l-effett antikompetittiv f’dan is-suq tal-prattiki inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 47 iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova li l-kundizzjonijiet ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE huma sodisfatti, fatt li hija naqset milli tistabbilixxi f’dan il-każ.

95      Ir-raba’ nett, hemm lok li jiġi miċħud bħala ineffettiv l-argument tal-Kummissjoni li skontu, kif jirriżulta mill-premessa 410 u min-nota ta’ qiegħ il-paġna 504 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għall-minuti, tal-laqgħa ta’ Federceramica intitolata 386/93 PGM/ed, ir-rikorrenti kienu ddiskutew fil-5 ta’ Lulju 1993, fi ħdan din l-assoċjazzjoni, żidiet fil-prezzijiet relatati mal-oġġetti taċ-ċeramika qabel ma semmew dawn iż-żidiet fil-prezzijiet fi ħdan il-laqgħa ta’ Euroitalia li nżammet xi ftit jiem wara. Qabel kollox għandu jiġi kkonstatat li, jekk ir-rikorrenti ddiskutew il-prezzijiet mal-kompetituri tagħhom fi ħdan Federceramica xi ftit jiem qabel ma nżammet laqgħa ta’ Euroitalia, dan jippermetti li jiġi kkonstatat li kien hemm akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Federceramica iżda mhux li nżammu diskussjonijiet illegali fi ħdan Euroitalia. Sussegwentement, u f’kull każ, kif qieset il-Kummissjoni fil-premessa 409 tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi ta’ prattiki illegali relatati ma’ Federceramica “huma preċedenti għall-perijodu kkonċernat mid-deċiżjoni [kkontestata] (1993-2004)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, għalkemm, kif il-Kummissjoni indikat ukoll f’din il-premessa, dawn il-provi “jirrivelaw l-iskema ta’ aġir globali ta’ ċerti manifatturi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] mill-1990 sal-1993, dawn madankollu ma jippermettux li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur matul laqgħat sussegwenti fi ħdan Euroitalia, li matulhom ir-rikorrenti kienu l-uniku manifattur ta’ oġġetti taċ-ċeramika.

96      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament tinvoka l-eżistenza ta’ diskussjonijiet illegali fi ħdan Federceramica insostenn tal-evalwazzjoni tagħha intiża sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja.

97      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni (T‑240/07, Ġabra p. II‑3355, punt 212), tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il‑Kummissjoni (T‑39/06, Ġabra p. II‑6831, punti 381 u 382) u tat-22 ta’ Marzu 2012, Slovak Telekom vs Il‑Kummissjoni (T‑458/09 u T‑171/10, punt 51), li l-Kummissjoni invokat matul is-seduta, ma jistgħux jinvalidaw il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti. Fil-fatt, f’ebda waħda minn dawn is-sentenzi, il-Qorti Ġenerali ma qieset li l-Kummissjoni setgħet tissostitwixxi l-prova tal-eżistenza ta’ ksur fi ħdan assoċjazzjoni speċifika matul perijodu partikolari bil-prova ta’ prattiki antikompetittivi li seħħew, matul perijodu preċedenti, fi ħdan assoċjazzjoni oħra għall-professjonisti, perijodu li l-Kummissjoni, barra minn hekk, espliċitament eskludiet mill-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur.

98      Il-ħames nett, il-Kummissjoni tqis li hija ma kinitx obbligata tistabbilixxi li diskussjonijiet illegali kienu seħħew bejn kompetituri. F’dan ir-rigward, hija fil-fatt issostni li l-Qorti Ġenerali qieset, fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ April 2010, Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni (T‑456/05 u T‑457/05, Ġabra p. II‑1443, punt 53), li, fil-każ ta’ ksur uniku, l-assenza ta’ attività ta’ impriża fis-suq inkwistjoni ma kinitx biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex tiġi eżentata mir-responsabbiltà tagħha.

99      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkonstatat li, fil-punt 53 tas-sentenza Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li impriża tista’ tikser il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE meta l-aġir tagħha, kif ikkoordinat ma’ dak ta’ impriżi oħra, kellu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni f’suq rilevanti partikolari fi ħdan is-suq komuni, mingħajr ma dan ma jippresupponi neċessarjament li din tkun hija stess attiva fl-imsemmi suq rilevanti. Għaldaqstant, mill-prinċipju stabbilit mill-Qorti Ġenerali f’din is-sentenza jirriżulta li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħat validament tikkonstata li l-prattika tar-rikorrenti, li jħabbru ż-żidiet futuri fil-prezzijiet tagħhom lill-manifatturi tal-viti u tal-fittings kienet tiffaċilita l-funzjonament tal-akkordju fis-suq tal-oġġetti tal-viti u tal-fittings anki jekk dawn ma kinux attivi f’dan is-suq. Min-naħa l-oħra, dan il-prinċipju bl-ebda mod ma jbiddel il-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 82 iktar ’il fuq, li skontha l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-prattika ta’ tħabbir tal-prezzijiet tar-rikorrenti, lil impriżi li ma kinux kompetituri tagħhom fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika, kellha bħala għan jew bħala effett li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq.

100    Is-sitt nett, il-Kummissjoni tosserva li, billi żvelaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar l-oġġetti taċ-ċeramika, ir-rikorrenti assiguraw lill-manifatturi tal-viti u tal-fittings billi ħabbrulhom li l-prezzijiet tal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja kienu ser jogħlew ukoll. F’dan ir-rigward hija ssostni li skont is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Marzu 2011, Comap vs Il‑Kummissjoni (T‑377/06, Ġabra p. II-1115, punt 70), ma huwiex neċessarju li skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva tkun irreċiprokata sabiex jinkiser il-prinċipju ta’ aġir awtonomu fis-suq.

101    Huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx ir-reċiproċità ta’ skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva bejn żewġ impriżi kompetituri sabiex tikkonstata akkordju ma jippermettix, madankollu, li jiġi konkluż li l-iskambju ta’ tali informazzjoni bejn persuni mhux kompetituri huwa ta’ natura li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni żbaljatament ikkonkludiet li kien hemm akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, fi ħdan Euroitalia, matul il-perijodu kollu mill-15 ta’ Marzu 1993 sal-2001 u, fi ħdan Michelangelo, matul il-perijodu barra dak bejn it-8 ta’ Lulju 1998 u d-9 ta’ Marzu 2001.

103    Għaldaqstant l-ilment tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi milqugħ.

–       Fuq il-prova tal-eżistenza ta’ akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, fir-rigward tal-laqgħat li matulhom ir-rikorrenti kienu preżenti ma’ manifatturi oħra ta’ dawn l-oġġetti

104    Ir-rikorrenti l-ewwel nett isostnu, minn naħa, li huma kienu l-uniku manifattur ta’ oġġetti taċ-ċeramika li kien preżenti għal-laqgħat kollha ta’ Euroitalia u, min-naħa l-oħra, għall-biċċa l-kbira tal-laqgħat ta’ Michelangelo. Sussegwentement, fir-risposta tagħhom huma jsostnu, b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, li d-deċiżjoni kkontestata ma tistabbilixxix il-fatt li manifatturi oħra ta’ oġġetti taċ-ċeramika kienu pparteċipaw għal-laqgħat ta’ Euroitalia. Fl-aħħar, huma jenfasizzaw il-fatt li huwa biss minn Marzu 2000 u sa Marzu 2001 li manifattur ieħor ta’ oġġetti taċ-ċeramika, jiġifieri Pozzi Ginori, ipparteċipa magħhom fil-laqgħat ta’ Michelangelo.

105    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Minn naħa, fi ħdan Euroitalia, ir-rikorrenti ma kinux l-uniku manifattur ta’ oġġetti taċ-ċeramika. Fil-fatt, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni IV/M.2397 — BC Funds/Sanitec (ĠU 2001, C 207, p. 9), Grohe, li kienet manifattur ta’ viti u ta’ fittings, kienet inxtrat minn Sanitec fl-2001, li kellha wkoll lil Pozzi Ginori, li kienet timmanifattura oġġetti taċ-ċeramika. F’dawn iċ-ċirkustanzi, Grohe kienet tifforma parti minn Sanitec, li kienet tikkostitwixxi impriża fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni u li kienet timmanifattura kemm oġġetti taċ-ċeramika kif ukoll viti u fittings, u li kienet membru ta’ Euroitalia. Min-naħa l-oħra, fi ħdan Michelangelo, Pozzi Ginori, li kienet ukoll tifforma parti minn Sanitec, kienet ipparteċipat f’laqgħat fil-preżenza tar-rikorrenti bejn it-8 ta’ Lulju 1998 u d-9 ta’ Marzu 2001.

106    F’dan il-każ għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx kif meħtieġ mil-liġi l-eżistenza ta’ akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika, fid-dawl tal-preżenza, l-ewwel nett, ta’ Grohe fi ħdan Euroitalia u, it-tieni nett, ta’ Pozzi Ginori fi ħdan Michelangelo.

107    L-ewwel nett, qabel ma tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk, hekk kif jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma tatx prova kif meħtieġ mil-liġi tal-eżistenza ta’ akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia, għandu jiġi eżaminat, kif ukoll sostnew ir-rikorrenti b’risposta għall-argumenti tal-Kummissjoni, jekk din tal-aħħar ikkonformatx ruħha mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha previst fl-Artikolu 293 TFUE f’dan ir-rigward. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tinsab fi-korp stess tagħha u spjegazzjonijiet sussegwenti pprovduti mill-Kummissjoni ma jistgħux, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jittieħdu inkunsiderazzjoni (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il‑Kummissjoni, T‑61/89, Ġabra p. II‑1931, punt 131; tal-14 ta’ Mejju 1998, Buchmann vs Il‑Kummissjoni, T‑295/94, Ġabra p. II‑813, punt 171; u tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il‑Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 95). Minn dan jirriżulta li d-deċiżjoni għandha tkun sodisfaċenti fiha nfisha u li l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta minn spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija iktar tard, meta d-deċiżjoni inkwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il‑Kummissjoni, T‑349/03, Ġabra p. II‑2197, punt 287, u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkonstatatx la fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, li Grohe kienet tifforma parti minn impriża unika ma’ Sanitec, fis-sens tad-dritt tal-kompetizzjoni, u, min-naħa l-oħra, li l-informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika pprovduta mir-rikorrenti fi ħdan Euroitalia ma kinitx indirizzata biss lil manifatturi ta’ viti u ta’ fittings, iżda mill-inqas ukoll lil manifattur ieħor ta’ oġġetti taċ-ċeramika. Fil-fatt, iż-żewġ motivi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li huma msemmija fil-punti 81 u 85 iktar ’il fuq ma għandhomx rabta mal-fatt li mill-inqas parteċipant ieħor ta’ Euroitalia kien jifforma parti minn grupp ta’ impriżi li kien kompetitur tar-rikorrenti fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika.

109    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax validament tissostitwixxi l-motivazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni kkontestata b’motivazzjoni separata mressqa fil-kuntest tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha sabiex issostni l-konklużjoni tagħha li skontha r-rikorrenti kienu pparteċipaw fi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia.

110    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li huwa b’mod konformi mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-14 ta’ Lulju 1972, Imperial Chemical Industries vs Il‑Kummissjoni (48/69, Ġabra p. 619, punt 145), li hija tista’ ssostni r-rabtiet eżistenti bejn Sanitec u Grohe sabiex topponi għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali intiżi sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika. Madankollu hemm lok li jiġi kkunsidrat li dan l-argument ma huwiex fondat. Fil-fatt, fil-punt 145 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata ssemmi fid-deċiżjonijiet tagħha l-argumenti kollha li hija tista’, sussegwentement, tinvoka sabiex topponi għall-motivi ta’ illegalità li jitqajmu kontra l-atti tagħha. Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax tantiċipa fid-deċiżjonijiet tagħha l-argumenti kollha li impriża tista’ tressaq kontriha ma jfissirx madankollu li hija tista’, bi ksur tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 107 iktar ’il fuq, tissostitwixxi l-motivi invokati fid-deċiżjoni kkontestata b’motivi ġodda li jinsabu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha żviluppati matul il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

111    Barra minn hekk, għall-istess raġuni bħal dik imsemmija fil-punt 110 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma tistax issostni b’mod effettiv, għall-ewwel darba fl-istadju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, li kien hemm kuntatti bilaterali illegali bejn ir-rikorrenti u Grohe sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li skontha kienu seħħew diskussjonijiet illegali bejn kompetituri.

112    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, il-motivazzjoni hekk kif tinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tippermetti lir-rikorrenti jifhmu r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni kienet qieset li d-diskussjonijiet fi ħdan Euroitalia li jikkonċernaw il-bejgħ ta’ oġġetti taċ-ċeramika fit-territorju Taljan kienu ta’ natura li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni f’dan is-suq. Ir-rikorrenti ma kinux f’pożizzjoni li jsostnu b’mod utli d-drittijiet tagħhom f’dan ir-rigward. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq l-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni ma tatx prova kif meħtieġ mil-liġi tal-prattiki antikompetittivi f’dan il-kuntest.

113    It-tieni nett, fir-rigward tal-laqgħat ta’ Michelangelo, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li, minn naħa, Pozzi Ginori kienet l-unika manifattur ta’ oġġetti taċ-ċeramika minbarra r-rikorrenti li kienet tifforma parti minn din l-assoċjazzjoni u, min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-Anness 7 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti pparteċipaw biss għal seba’ laqgħat li għalihom kienet ukoll preżenti Pozzi Ginori, fit-8 ta’ Lulju 1998, fl-14 ta’ Mejju 1999, fis-16 ta’ Marzu, fit-12 ta’ Mejju, fl-20 ta’ Lulju u fis-26 ta’ Ottubru 2000, u fid-9 ta’ Marzu 2001. Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet tikkonkludi li kien hemm skambju ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva fir-rigward tal-laqgħat li seħħew fi ħdan Michelangelo biss matul dan il-perijodu li matulu dawn iż-żewġ impriżi kienu pparteċipaw għal dawn il-laqgħat. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni la indikat fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas sostniet fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li l-iskambji ta’ informazzjoni inkwistjoni saru barra mill-ambitu tal-laqgħat ta’ Michelangelo u, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kienu direttament ittrażmettew din l-informazzjoni lil Pozzi Ginori barra mill-kuntest tal-laqgħat ta’ Michelangelo.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat jekk, għal-laqgħat biss tat-8 ta’ Lulju 1999, tal-14 ta’ Mejju 1999, tas-16 ta’ Marzu, tat-12 ta’ Mejju, tal-20 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Ottubru 2000, u tad-9 ta’ Marzu 2001, il-provi miġbura mill-Kummissjoni humiex biżżejjed sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur u sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’dan il-ksur.

115    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi speċifikament għall-iżvelar mir-rikorrenti ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva li tirrigwarda l-oġġetti taċ-ċeramika biss fil-kuntest taż-żewġ laqgħat tas-16 ta’ Marzu u tat-12 ta’ Mejju 2000 (ara l-premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata) kif ukoll ta’ dik tal-20 ta’ Lulju 2000 (ara l-premmessa 441 tad-deċiżjoni kkontestata). Għall-kuntrarju, hija ma ssemmi ebda diskussjoni illegali li tikkonċerna speċifikament l-oġġetti taċ-ċeramika matul l-erba’ laqgħat l-oħra tat-8 ta’ Lulju 1998 (ara l-premessa 430 tad-deċiżjoni kkontestata), tal-14 ta’ Mejju 1999 (ara l-premessa 435 tad-deċiżjoni kkontestata), tas-26 ta’ Ottubru 2000 (ara l-premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata) u tad-9 ta’ Marzu 2001 (ara l-premessa 445 tad-deċiżjoni kkontestata).

116    It-tieni nett, fir-rigward, qabel kollox, taż-żewġ laqgħat tat-8 ta’ Lulju 1998 u tal-14 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma ssemmix, la fil-premessi 430 u 435 tad-deċiżjoni kkontestata u lanqas fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-fatt li r-rikorrenti kienu ħabbru ż-żidiet fil-prezzijiet futuri tagħhom relatati mal-oġġetti taċ-ċeramika matul dawn iż-żewġ laqgħat. Għall-kuntrarju mid-dokumenti msemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna Nri 533 u 538 tad-deċiżjoni kkontestata relatati maż-żewġ laqgħat imsemmija iktar ’il fuq u li l-Kummissjoni pprovdiet lill-Qorti Ġenerali, b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li din tal-aħħar kienet indirizzatilha, jirriżulta li l-uniċi żidiet futuri fil-prezzijiet diskussi matul dawn il-laqgħat kienu dawk li Hansa Metallwerke, li ma kinitx timmanifattura oġġetti taċ-ċeramika, kienet ifformulat.

117    Barra minn hekk, fir-rigward tal-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 2000, hemm lok li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li tagħti x’jinftiehem il-Kummissjoni fil-premessa 439 tad-deċiżjoni kkontestata, mill-minuti ta’ din il-laqgħa redatti minn Grohe ma jirriżultax li r-rikorrenti kienu skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva relatata mal-oġġetti taċ-ċeramika. Fil-fatt, tissemma biss żieda fil-bejgħ tar-rikorrenti ta’ 12 %, mingħajr ma huwa ppreċiżat jekk din il-perċentwali ta’ żieda tikkonċernax il-viti u l-fittings, l-oġġetti taċ-ċeramika, jew it-tnejn. Madankollu, fid-dawl tal-minuti l-oħra kollha tal-laqgħat li jirreferu espliċitament għall-fatt li l-informazzjoni skambjata kienet tikkonċerna l-oġġetti taċ-ċeramika u mhux il-viti u l-fittings, hemm lok li jiġi rrilevat, b’paragun, li l-minuti tal-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 2000 ma jippermettux li jiġi stabbilit li d-diskussjonijiet kienu kkonċernaw l-oġġetti taċ-ċeramika.

118    Sussegwentement, fir-rigward tat-tliet laqgħat tat-12 ta’ Marzu, tal-20 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Ottubru 2000, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif il-Kummissjoni osservat fil-premessi 439 sa 442 u 445 tad-deċiżjoni kkontestata, li mill-minuti redatti minn Grohe jirriżulta li r-rikorrenti pprovdew informazzjoni kummerċjali sensittiva li tirrigwarda speċifikament l-oġġetti taċ-ċeramika matul dawn it-tliet laqgħat.

119    Fil-fatt, mill-minuti msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta li matul il-laqgħa tas-16 ta’ Marzu 2000 ir-rikorrenti informaw lill-parteċipanti fil-laqgħat ta’ Michelangelo, fosthom lill-kompetitur tagħhom Pozzi Ginori, dwar żieda fil-prezz ta’ 3 % fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika. Din l-aħbar ta’ żieda fil-prezz kienet ġiet ikkonfermata matul il-laqgħa tal-20 ta’ Lulju 2000, inkwantu matul din il-laqgħa kien ġie rripetut li din iż-żieda kienet ser tibda tapplika mill-1 ta’ Settembru u l-iktar tard qabel l-aħħar tas-sena. Barra minn hekk, mill-minuti dwar din l-aħħar laqgħa jirriżulta li Pozzi Ginori ħabbret li ż-żieda ta’ 4 jew ta’ 5 % tal-prezzijiet tal-katalgu tagħha għall-oġġetti taċ-ċeramika kienet ser tiġi ppubblikata mill-fiera ta’ Cersaie u kienet ser tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2001. Fl-aħħar, fir-rigward tal-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 2000, il-minuti ta’ Grohe jikkonfermaw li r-rikorrenti informaw lill-parteċipanti l-oħra, inkluż lil Pozzi Ginori, dwar iż-żieda tagħhom fil-prezz ta’ 3 % għall-oġġetti taċ-ċeramika. F’dan ir-rigward, il-fatt li minn dawn id-dokumenti ma jirriżultax b’mod ċar jekk din iż-żieda kinitx diġà ġiet implementata jew jekk din kinitx ser tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2001, huwa irrilevanti għall-konstatazzjoni li ż-żieda inkwistjoni kienet tikkonċerna żidiet futuri fil-prezzijiet.

120    Fl-aħħar, fir-rigward tal-laqgħa tad-9 ta’ Marzu 2001, mill-minuti ta’ Grohe jirriżulta li, hekk kif indikat il-Kummissjoni fis-seduta bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, l-impriżi preżenti għal din il-laqgħa skambjaw il-perċentwali ta’ żieda, mhux tal-prezzijiet tagħhom, iżda tal-bejgħ tagħhom fi Frar 2001. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma qisitx li tali skambji kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat ksur fl-Italja biss minħabba l-eżistenza ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet.

121    Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni kellha raġun tqis li l-iskambji ta’ informazzjoni li seħħew matul it-tliet laqgħat tat-12 ta’ Mejju, tal-20 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Ottubru 2000 u li kkonsistew fit-tħabbir ta’ żieda futura fil-prezzijiet ta’ 3 % fir-rigward tar-rikorrenti, u ta’ 4.5 % fir-rigward ta’ Pozzi Ginori, kienu jikkostitwixxu prattika antikompetittiva fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, kif il-Kummissjoni ġustament irrilevat fil-premessa 492 tad-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni billi qieset li d-diskussjonijiet immexxija matul il-laqgħat l-oħra ta’ Michelangelo, li għalihom kienu preżenti r-rikorrenti flimkien ma’ Pozzi Ginori, kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

122    L-argumenti li r-rikorrenti jressqu barra minn hekk sabiex jistabbilixxu li t-tliet laqgħat imsemmija fil-punt 118 iktar ’il fuq ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li kien hemm ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

123    L-ewwel nett, l-interpretazzjoni mir-rikorrenti tal-minuti ta’ Grohe relatati mal-laqgħa tat-12 ta’ Mejju 2000, li skontha ż-żieda ta’ 3 % fil-prezz tal-oġġetti taċ-ċeramika kienet tikkonċerna żieda passata, li kienet ġiet deċiża f’Novembru 1999, u li hija għaldaqstant irrilevanti mil-lat tad-dritt tal-kompetizzjoni, ma hijiex konvinċenti. Fil-fatt kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħat sussegwenti, tal-20 ta’ Lulju u tal-26 ta’ Ottubru 2000, din iż-żieda kienet tikkonċerna l-bejgħ futur ta’ oġġetti taċ-ċeramika mill-1 ta’ Settembru 2000 jew mill-1 ta’ Jannar 2001. Tali informazzjoni li tikkonċerna ż-żidiet futuri fil-prezzijiet kienet għaldaqstant ta’ natura li tinfluwenza fuq l-aġir tal-kompetituri u li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

124    Sussegwentement, l-argument tar-rikorrenti, li skontu mill-minuti tal-laqgħat tal-20 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Ottubru 2000 ma jirriżultax li kien hemm diskussjonijiet bejn il-parteċipanti wara li huma kienu informawhom dwar iż-żidiet futuri tagħhom fil-prezzijiet, huwa irrilevanti fir-rigward tal-konstatazzjoni li s-sempliċi trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni kummerċjali sensittiva tikkostitwixxi prattika antikompetittiva. Fil-fatt kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 u 40 iktar ’il fuq, is-sempliċi żvelar ta’ informazzjoni kummerċjali sensittiva lil kompetituri jikkostitwixxi prattika pprojbita, peress li dan ineħħi l-inċertezza relatata mal-aġir futur ta’ kompetitur u għalhekk jinfluwenza, direttament jew indirettament, l-istrateġija tad-destinatarju tal-informazzjoni. Għal dan il-motiv, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, lanqas ma kien neċessarju li l-Kummissjoni turi l-eventwali effett ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni fuq il-politika tal-prezzijiet tar-rikorrenti u ta’ Pozzi Ginori fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq.

125    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu għaldaqstant jiġi konkluż li l-Kummissjoni setgħet validament tistabbilixxi l-eżistenza ta’ akkordju li jikkonċerna l-oġġetti taċ-ċeramika fit-territorju Taljan biss fir-rigward tal-laqgħat fi ħdan Michelangelo tat-12 ta’ Mejju, tal-20 ta’ Lulju u tas-26 ta’ Ottubru 2000.

126    Sabiex jiġi stabbilit it-tul preċiż ta’ dan l-akkordju, hemm lok li jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, minn naħa, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 1140 ta’ din id-deċiżjoni, fir-rigward tad-data ta’ bidu ta’ kull akkordju għal kull prodott f’kull territorju, li kellha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel laqgħa li fir-rigward tagħha kien hemm provi inkontestabbli ta’ diskussjoni dwar iż-żidiet futuri fil-prezzijiet u ta’ parteċipazzjoni tal-impriża inkwistjoni għal tali diskussjonijiet. Min-naħa l-oħra, għalkemm mill-premessa 1170 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni normalment ħadet inkunsiderazzjoni d-data tal-jum li fih hija bdiet l-ispezzjonijiet għall-għarrieda bħala d-data tat-tmiem ta’ kważi t-totalità tal-ksur f’kull wieħed mit-territorji inkwistjoni, mill-premessa 1172 tal-istess deċiżjoni madankollu jirriżulta li, fir-rigward ta’ Pozzi Ginori, hija qieset li din l-impriża kienet temmet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja fil-jum tal-aħħar parteċipazzjoni tagħha għal laqgħa fi ħdan Michelangelo.

127    Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat, għal raġunijiet ta’ ugwaljanza fit-trattament ma’ Pozzi Ginori, li r-rikorrenti pparteċipaw fl-akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja matul ħdax-il xahar, jiġifieri mit-12 ta’ Mejju 2000, data tal-ewwel laqgħa li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għandha provi tal-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur fi ħdan Michelangelo, sad-9 ta’ Marzu 2001, data tal-aħħar laqgħa li r-rikorrenti pparteċipaw għaliha fi ħdan Michelangelo. Fil-fatt, hemm lok li f’dan ir-rigward jiġi kkunsidrat li l-effetti antikompetittivi tal-laqgħa tas-26 ta’ Ottubru 2000 estendew ruħhom sa minn tal-inqas sal-laqgħa tad-9 ta’ Marzu 2001.

128    Għaldaqstant hemm lok li l-ewwel motiv jiġi milqugħ parzjalment, sa fejn il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu pparteċipaw f’akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004, fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo. Fil-fatt il-Kummissjoni stabbilixxiet kif meħtieġ mil-liġi l-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur biss mit-12 ta’ Mejju 2000 sad-9 ta’ Marzu 2002, fi ħdan Michelangelo. Il-kumplament tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, peress li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni relatat mat-tul tal-ksur li fih ipparteċipaw ir-rikorrenti, il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu parzjalment annullati.

130    Min-naħa l-oħra, l-eventwali konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din l-illegalità fir-rigward tal-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti ser jiġu eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni sħiħa fil-punti 186 sa 193 iktar ’il quddiem.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, tal-fatt li r-rikorrenti bbenefikaw minn immunità parzjali minn multi fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Belġju u fi Franza

131    Ir-rikorrenti jsostnu li, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont totali tal-multa li ġiet imposta fuqhom, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li hija kienet tathom, skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, immunità parzjali minn multi fir-rigward tal-ksur li fihom huma kienu pparteċipaw fil-Belġju u fi Franza. Huma għaldaqstant iqisu li din l-immunità parzjali minn multi kellha tiġi applikata fl-istadju finali tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, jiġifieri wara li l-Kummissjoni kienet naqqset il-multa b’30 % u mhux qabel hija kienet applikat il-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ.

132    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

133    Skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, jekk impriża tipproduċi provi relatati ma’ fatti li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom effett dirett fuq il-gravità u t-tul tal-akkordju issuspettat, il-Kummissjoni ma għandhiex tieħu dawn il-fatti inkunsiderazzjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq l-impriża li pprovdiethom.

134     L-interpretazzjoni tal-għan ta’ dispożizzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2001 dwar il-kooperazzjoni għandha tkun konformi mal-loġika stess ta’ din il-komunikazzjoni. F’din il-perspettiva, l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmija komunikazzjoni għandu jiġi interpretat bħala li huwa intiż sabiex jikkumpensa lil impriża, anki jekk hija ma kinitx l-ewwel waħda li ressqet it-talba għal immunità fir-rigward tal-akkordju inkwistjoni, jekk hija tkun l-ewwel waħda li tipproduċi lill-Kummissjoni provi dwar fatti mhux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom effett dirett fuq il-gravità jew it-tul tal-akkordju. Fi kliem ieħor, jekk il-provi prodotti minn impriża jkunu jikkonċernaw fatti li jippermettu lill-Kummissjoni timmodifika l-evalwazzjoni tagħha, f’dak il-mument, tal-gravità u tat-tul tal-akkordju, l-impriża li tipproduċi dawn il-provi tkun ikkumpensata permezz ta’ immunità fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti li dawn il-provi jkunu jistgħu juru (sentenza Transcatab vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 381).

135    L-għoti ta’ immunità parzjali minn multi, previst fl-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2001 dwar il-kooperazzjoni, huwa intiż sabiex jinkoraġġixxi lill-impriżi jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u l-provi kollha li huma għandhom dwar ksur, mingħajr ma dan iwassal għal żieda fl-ammont tal-multa li tkun ser tiġi imposta fuqhom. F’dan ir-rigward jista’ fil-fatt jiġi rrilevat li, jekk immunità parzjali minn multi ma kinitx mogħtija, l-impriżi li jkunu qegħdin jikkooperaw mal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jkunu jistgħu jiġu mħeġġa ma jipprovdulhiex l-informazzjoni u l-provi kollha li huma għandhom relatati mat-tul jew mal-portata ġeografika ta’ ksur.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ immunità parzjali minn multi skont l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni għandu jwassal lill-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni, mill-istadju tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, id-dħul mill-bejgħ relatat mal-bejgħ ta’ prodotti jew mal-provvista ta’ servizzi li kienu s-suġġett ta’ aġir li jikkostitwixxi ksur li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni tat immunità parzjali minn multi.

137    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, kif il-Kummissjoni rrilevat fil-premessi 1313 u 1315 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti kellhom dritt jibbenefikaw mill-immunità parzjali minn multi fir-rigward tal-ksur li huma kienu pparteċipaw fih fil-Belġju u fi Franza.

138    Madankollu, minkejja l-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li mit-tabella E tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa li kellha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-ammonti relatati mal-ksur li huma kienu pparteċipaw fih fi Franza u fil-Belġju.

139    Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni billi ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, minn naħa, is-somma ta’ EUR 3 490 000 li tikkorrispondi għall-multa relatata ma’ ksur li jikkonċerna l-viti u l-fittings fi Franza u, min-naħa l-oħra, is-somom ta’ EUR 1 980 000 u ta’ EUR 3 060 000 relatati, rispettivament, ma’ ksur li jikkonċerna l-oġġetti taċ-ċeramika fi Franza u fil-Belġju.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li t-tieni motiv imressaq mir-rikorrenti jiġi milqugħ sa fejn il-Kummissjoni żbaljatament ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, l-ammonti mfakkra fil-punt preċedenti. Sa fejn din l-illegalità tikkonċerna biss il-kalkolu tal-ammont tal-multa u mhux il-konstatazzjoni tal-eżistenza tal-ksur magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din l-illegalità ser jiġu direttament eżaminati mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha fil-punt 192 iktar ’il quddiem. Fil-fatt skont ġurisprudenza stabbilita l-qorti tal-Unjoni hija awtorizzata teżerċita din il-ġurisdizzjoni anki fin-nuqqas ta’ annullament (ara s-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il‑Kummissjoni, punt 48 iktar ’il fuq, punt 692; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Frar 2007, Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, C‑3/06 P, Ġabra p. I‑1331, punt 61).

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti kienu biss it-tieni impriża, u mhux l-ewwel waħda, li pprovdewlha provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

141    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li Grohe kienet tat informazzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tal-punt 21 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, qabel ma huma kienu ssodisfaw din il-kundizzjoni. Għal din ir-raġuni, huma jqisu li huma kienu jmisshom irċevew tnaqqis ta’ 50 % u mhux ta’ 30 % tal-ammont totali tal-multa imposta. Huma jressqu żewġ ilmenti prinċipali f’dan ir-rigward. L-ewwel nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma eżaminatx kif meħtieġ mil-liġi l-kwistjoni dwar liema impriża, bejniethom u bejn Grohe, kienet l-ewwel waħda li ssodisfat il-kundizzjoni relatata mal-għoti ta’ valur miżjud sinjifikattiv. It-tieni nett, il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet b’mod żbaljat li t-talba mressqa minn Grohe, intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, kienet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv qabel ma r-rikorrenti ressqu t-talbiet tagħhom.

142    L-ewwel nett għandu jitfakkar li, fil-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul l-investigazzjoni tagħha dwar akkordju jistgħu jiġu eżenti mill-multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa li huma kien ikollhom iħallsu.

143    Skont il-punt 20 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, “[i]mpriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet [sabiex tinkiseb eżenzjoni minn multa] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta”.

144    Il-punt 21 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li, “[b]iex tikkwalifika [għal tnaqqis ta’ multa skont il-punt 20 tal-imsemmi avviż] impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur tal-liġi ssospettat li jirrapreżentaw valur miżjud b’rispett għall-evidenza li diġa’ tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda twaqqaf l-involviment tagħha fil-ksur tal-liġi ssuspettat mhux aktar tard miż-żmien li fih tressaq il-provi”.

145    L-ewwel paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jipprevedi tliet parametri ta’ tnaqqis ta’ multa. Fil-fatt, l-ewwel impriża li tissodisfa l-kundizzjoni msemmija fil-punt 21 tal-imsemmi komunikazzjoni għandha dritt tikseb tnaqqis ta’ multa ta’ bejn 30 u 50 %, it-tieni impriża tnaqqis ta’ multa ta’ bejn 20 u 30 % u l-impriżi sussegwenti tnaqqis ta’ multa massimu ta’ 20 %.

146    It-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jindika li “[b]iex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tnaqqis f’kull waħda minn dawn il-faxex, il-Kummissjoni ser tieħu kont taż-żmien li fih ġew mressqin il-provi li jissodisfaw il-punt 21 [tal-imsemmija komunikazzjoni] u l-punt sa fejn jirrappreżentaw valur miżjud” u li hija “[t]ista’ wkoll tieħu kont tal-miżura u tal-kontinwità ta’ kull kooperazzjoni pprovduta mill-impriża wara d-data tas-sottomissjoni tagħħa”.

147    Mil-loġika stess tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni jirriżulta li l-effett mixtieq huwa li tinħoloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji billi titħeġġeġ id-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni. Din l-inċertezza tirriżulta preċiżament mill-fatt li l-parteċipanti fl-akkordju jafu li wieħed biss fosthom jista’ jibbenefika minn immunità minn multa billi jiddenunzja lill-parteċipanti l-oħrajn fil-ksur, biex b’hekk ikunu esposti għar-riskju li jiġu imposti multi fuqhom. Fil-kuntest ta’ din is-sistema, u skont l-istess loġika, l-impriżi li jipprovdu l-kooperazzjoni tagħhom l-iktar malajr jibbenefikaw minn tnaqqis ikbar tal-multi li kieku kienu jeħlu minn dak mogħti lill-impriżi li jikkooperaw inqas malajr (sentenza Transcatab vs il-Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 379).

148    Għaldaqstant l-ordni kronoloġiku u l-ħeffa tal-kooperazzjoni offruta mill-membri tal-kartell jikkostitwixxu elementi fundamentali tas-sistema stabbilita mill-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni (sentenza Transcatab vs Il‑Kummissjoni, punt 97 iktar ’il fuq, punt 380).

149    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata timmotiva r-raġunijiet li għalihom hija tqis li elementi pprovduti minn impriżi fil-kuntest ta’ komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jikkostitwixxu kontribuzzjoni li tiġġustifika jew le tnaqqis tal-multa imposta, huma min-naħa l-oħra l-impriżi li jixtiequ jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward li għandhom juru li hija, fl-assenza ta’ tali informazzjoni pprovduta volontarjament minn dawn l-impriżi, ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti prova tal-essenzjal tal-ksur u għaldaqstant li tadotta deċiżjoni li timponi multi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Settembru 2009, Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni C‑125/07 P, C‑133/07 P, C‑135/07 P u C‑137/07 P, Ġabra p. I‑8681, punt 297, u tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Mejju 2011, Arkema France vs Il‑Kummissjoni, T‑343/08, Ġabra p. II‑2287, punt 135).

150    Fid-dawl tar-raġuni tat-tnaqqis, il-Kummissjoni ma tistax tinjora l-utilità tal‑informazzjoni pprovduta, li neċessarjament tiddependi fuq il-provi li hija diġà għandha (sentenzi Gütermann u Zwicky vs Il‑Kummissjoni, punt 98 iktar ’il fuq, punt 220 u Arkema France vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 136).

151    Meta, abbażi tal-kooperazzjoni, impriża tikkonferma biss, u dan b’mod inqas preċiż u espliċitu, ċerta informazzjoni diġà pprovduta minn impriża oħra abbażi tal-kooperazzjoni, il-grad ta’ kooperazzjoni pprovduta minn din l-impriża, minkejja li din tista’ xorta waħda tkun ta’ ċerta utilità għall-Kummissjoni, ma jistax jitqies li huwa paragunabbli ma’ dak ipprovdut mill-ewwel impriża li pprovdiet l-imsemmija informazzjoni. Dikjarazzjoni li essenzjalment tillimita ruħha li tikkorrobora dikjarazzjoni li l-Kummissjoni diġà effettivament kellha, ma tiffaċilitax ix-xogħol tal-Kummissjoni b’mod sinjifikattiv. Għaldaqstant, din ma tistax tkun suffiċjenti sabiex tiġġustifika tnaqqis tal-ammont tal-multa abbażi tal-kooperazzjoni (ara s-sentenza Arkema France vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata).

152    Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni ta’ impriża fl-investigazzjoni ma tagħti ebda dritt għal tnaqqis ta’ multa meta din il-kollaborazzjoni ma tkunx marret lil hinn minn dak li kien jirriżulta mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara s-sentenza Arkema France vs Il‑Kummissjoni, punt 149 iktar ’il fuq, punt 138, u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Fl-aħħar, anki jekk ikun hemm lok li jitqies li, kif issostni l-Kummissjoni, hija kellha marġni ta’ diskrezzjoni fil-kuntest tal-eżami tal-valur miżjud sinjifikattiv ta’ informazzjoni pprovduta lilha skont il-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tistax tibbaża ruħha fuq din il-marġni ta’ diskrezzjoni sabiex tirrinunzja milli teżerċita stħarriġ approfondit kemm ta’ dritt kif ukoll ta’ fatt tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 62).

154    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 142 sa 153 iktar ’il fuq li għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ ilmenti prinċipali mressqa mir-rikorrenti u msemmija fil-punt 141 iktar ’il fuq.

155    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li skontu mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni naqset milli teżamina kif meħtieġ mil-liġi l-argument li skontu huma kien imisshom tqiesu, minflok Grohe, bħala li kienu l-ewwel impriża, wara l-benefiċjarja tal-immunità minn multa, li ssodisfat il-kundizzjoni relatata mal-għoti ta’ valur miżjud sinjifikattiv, il-Kummissjoni qieset dan li ġej fil-premessi 1277 sa 1289 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(1277)      Grohe kienet l-ewwel impriża li talbet sabiex tibbenefika minn miżuri ta’ klemenza wara Masco. […]

(1278)      Il-Kummissjoni tqis li t-talbiet għal klemenza ta’ Grohe kienu jirrapreżentaw valur miżjud sinjifikattiv għar-raġunijiet sussegwenti: l-ewwel nett, huma kienu jikkorabboraw l-informazzjoni diġà fil-pussess tal-Kummissjoni dwar (i) il-parteċipazzjoni tal-impriżi, (ii) il-perijodu li l-Kummissjoni kienet qed tinvestiga, (iii) iċ-ċirkustanzi li fihom il-membri tal-akkordju kienu jiltaqgħu u jikkomunikaw bejnithom, kif ukoll (iv) il-funzjonament globali tal-akkordju u l-mod li bih l-akkordji kienu ġew implementati. Sussegwentement, id-dikjarazzjonijiet ta’ Grohe ppermettew lill-Kummissjoni tirrikostitwixxi b’iktar preċiżjoni l-mekkaniżmu tal-isforzi kkoordinati magħmula mill-parteċipanti fl-akkordju fil-kuntest ta’ xi assoċjazzjonijiet. Fl-aħħar, dawn id-dikjarazzjonijiet kienu jinkludu provi ġodda fil-forma ta’ deskrizzjonijiet bil-miktub tal-organizzazzjoni tal-akkordju u ta’ minuti ta’ laqgħat li juru l-arranġamenti ta’ kooerdinazzjoni tal-prezzijiet konklużi bejn il-membri tal-akkordju.

(1279)      Madankollu, id-dikjarazzjonijiet ta’ Grohe kienu prinċipalment ta’ natura korroborattiva u spjegattiva. Anki jekk huma saħħew il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi ċerti fatti, il-Kummissjoni diġà kellha fil-fajl tagħha provi relatati mal-biċċa l-kbira ta’ dawn il-fatti. Globalment, għal dak li jikkonċerna l-portata tal-kooperazzjoni, l-għajnuna mogħtija minn Grohe kellha biss valur żgħir, kważi xejn għall-kollox, għal ċerti Stati Membri (b’mod partikolari l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi jew l-Italja). Għalkemm il-provi relatati mal-AFPR kienu interessanti, dawn kienu ġew prodotti wara l-produzzjoni, mir-[rikorrenti], tal-provi relatati mal-attivitajiet ta’ din l-assoċjazzjoni, fatt li naqqas b’mod kunsiderevoli l-valur miżjud tagħhom. Barra minn hekk, anki fir-rigward tal-Istati Membri li fihom il-kooperazzjoni ta’ Grohe kienet l-iktar sinjifikattiva, Grohe rarement biss ipproduċiet provi dokumentarji ta’ dak iż-żmien (in tempore non suspecto) li jattestaw speċifikament skambji ta’ żidiet fil-prezzijiet. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, anki jekk l-istatus ta’ klemenza ta’ Grohe skont il-punt 23(b) u l-punt 26 tal-Komunikazzjoni [tal-2002 dwar il-kooperazzjoni] ma huwiex qed jiġi kkontestat, il-Kummissjoni tqis li Grohe għandha tibbenefika mill-parametru ta’ tnaqqis l-iktar baxx possibbli.

(1280)      Fir-risposta tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, [ir-rikorrenti] jikkontest[aw] diversi drabi l-valur miżjud tad-dikjarazzjonijiet ta’ Grohe jew [jippruvaw] jistabbilixxu li d-dikjarazzjonijiet [tagħhom] għandhom jitqiesu bħala li għandhom ħafna iktar valur miżjud minn dawk ta’ Grohe [...]. Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti ma humiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li Grohe ma tatx biżżejjed valur miżjud. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, li tikkonstata wkoll li l-kontribuzzjoni ta’ Grohe setgħet tkun ta’ kwalità ħafna aħjar, ħadet dan il-fatt inkunsiderazzjoni meta hija ddeċidiet dwar it-tnaqqis speċifiku li kellu jiġi applikat fi ħdan il-parametru.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

156    F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt preċedenti jirriżulta għaldaqstant mingħajr ambigwità, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ressqet erba’ motivi insostenn tal-konklużjoni tagħha li skontha t-talba ta’ Grohe intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni kienet tissodisfa l-kundizzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tal-informazzjoni li hija preċedentement kellha, it-tieni nett, li hija spjegat ir-raġunijiet li għalihom hija kienet tqis li Grohe setgħet tibbenefika biss minn tnaqqis minimu ta’ 30 % u, it-tielet nett, li hija wieġbet għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti intiżi sabiex jinvalidaw il-konklużjoni tagħha li skontha t-talba ta’ Grohe kienet tippreżenta valur miżjud sinjifikattiv.

157    Issa, skont it-tieni paragrafu tal-punt 23(b) tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata li tqabbel l-utilità tal-informazzjoni pprovduta fit-talba ta’ Grohe ma’ dik ipprovduta mir-rikorrenti, iżda li tivverifika jekk, qabel il-preżentata tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, l-informazzjoni li Grohe kienet ipprovdietilha kinitx ta’ valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha barra minn hekk fil-fajl tagħha f’din id-data.

158    Għaldaqstant hemm lok li jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-motivi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 155 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni eżaminat kif meħtieġ mil-liġi l-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni pprovduta minn Grohe kinitx tissodisfa l-kundizzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv qabel ma r-rikorrenti ppreżentaw it-talba tagħhom.

159    Għaldaqstant, l-ewwel ilment tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

160    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti talbu lill-Qorti Ġenerali tordna, fil-kuntest ta’ miżura istruttorja, li l-Kummissjoni għandha tipprovdi d-dokumenti interni li fihom hija indikat ir-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti, u mhux Grohe, kienu tqiesu bħala t-tieni impriża li pprovdiet informazzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv jew li tikkonstata li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami fid-dettall ta’ din il-kwistjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mill-punt 21 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, imsemmi fil-punt 144 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq eżami komparattiv tat-talba tar-rikorrenti ma’ dik ta’ Grohe, iżda biss li tikkonstata jekk, fil-mument li fih kienet ġiet ippreżentata t-talba tar-rikorrenti, dik ta’ Grohe kinitx diġà tissodisfa l-kundizzjoni ta’ valur miżjud sinjifikattiv fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kummissjoni kellha f’din id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, peress li, f’kull każ, din ma tistax tinvalida l-konstatazzjoni magħmula fil-punt 158 iktar ’il fuq.

161    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti li skontu l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li t-talba ta’ Grohe kellha valur miżjud sinjifikattiv, l-ewwel nett, huwa paċifiku li r-rikorrenti ressqu t-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni fid-19 ta’ Novembru 2004. Huwa wkoll paċifiku li huwa għaldaqstant biss abbażi tal-informazzjoni li Grohe ipprovdiet lill-Kummissjoni fil-15 u fis-17 ta’ Novembru 2004 li hemm lok li jiġi eżaminat jekk din l-informazzjoni kinitx ta’ valur miżjud sinjifikattiv qabel ma r-rikorrenti ressqu t-talba tagħhom fid-19 ta’ Novembru 2004.

162    It-tieni nett, fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tiddikjara inammissibbli l-Annessi 35 u 37 tar-risposta sa fejn, skont il-ġurisprudenza, l-argumenti tal-partijiet għandhom obbligatorjament ikunu inklużi fil-korp tan-noti u mhux fl-annessi, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għalkemm it-test ta’ rikors, l-istess bħal tan-noti l-oħra skambjati mill-partijiet quddiem il-Qorti Ġenerali, jista’ jiġi ssostanzjat u kkompletat fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi f’dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment ġenerali għal dokumenti oħra, anki jekk ikunu annessi mar-rikors jew ma’ nota oħra, ma jistax jikkumpensa n-nuqqas tal-argumenti essenzjali ta’ liġi li għandhom ikunu inklużi fir-rikors jew f’nota oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, Ġabra p. II‑3601, punti 94 u 95).

163    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fl-Annessi 35 u 37 tar-risposta, il-Kummissjoni tipprovdi żewġ tabelli li fihom hija tindika r-raġunijiet li għalihom hija tqis, għal kull wieħed mid-dokumenti pprovduti minn Grohe fil-15 u fis-17 ta’ Novembru 2004, li dawn jagħtu jew le valur miżjud sinjifikattiv fir-rigward tad-dokumenti li hija kellha preċedentement. Issa, kif il-Kummissjoni ġustament issostni, dawn it-tabelli jissostanzjaw u jikkompletaw l-argumenti li hija semmiet fil-punti 77, 79, 81 u 82 tar-risposta, li fihom, min-naħa, hija qieset, b’mod ġenerali, li l-informazzjoni pprovduta minn Grohe kellha valur miżjud sinjifikattiv u, min-naħa l-oħra, hija spjegat, b’mod iktar preċiż, ir-raġunijiet li għalihom hija kienet qieset li d-dokumenti pprovduti minn Grohe kienu ppermettewlha tikkorrobora l-provi li jinsabu fil-fajl tagħha u għalhekk kellhom valur miżjud sinjifikattiv.

164    Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-inammissibbiltà tal-Annessi 35 u 37 tar-risposta għandhom jiġi miċħuda.

165    It-tielet nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li mit-tabelli pprovduti fl-Annessi 35 u 37 tar-risposta jirriżulta, hekk kif il-Kummissjoni rrikonoxxiet fil-premessa 1279 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 155 iktar ’il fuq), li numru kbir ta’ dokumenti pprovduti minn Grohe fil-15 u fis-17 ta’ Novembru 2004 ma setgħux jitqiesu bħala li kellhom valur miżjud sinjifikattiv minħabba l-fatt li l-Kummissjoni diġà kienet fil-pussess tagħhom għaliex din l-informazzjoni kienet inġabret waqt l-ispezzjonijiet tagħha, jew għaliex Masco kienet diġà pprovdietilha. Huwa wkoll veru li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, numru ta’ dokumenti pprovduti minn Grohe, bħall-ittri ta’ stedina għal-laqgħat tal-assoċjazzjoni Ġermaniża AGSI jew ta’ Euroitalia, lanqas ma setgħu jitqiesu bħala li kellhom valur miżjud sinjifikattiv sa fejn dawn id-dokumenti setgħu jinkisbu abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (ara l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 152 iktar ’il fuq) u sa fejn il-Kummissjoni diġà kellha l-minuti relatati ma’ dawn il-laqgħat. L-istess japplika fir-rigward tad-dokumenti pprovduti minn Grohe li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuqhom fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-ksur.

166    Madankollu, bla ħsara għall-konstatazzjonijiet magħmula fil-punt preċedenti, għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Anness 28 tar-rikors u mill-Anness 34 tar-risposta, fid-dikjarazzjonijiet orali tagħha insostenn tat-talba tagħha intiża sabiex tibbenefika mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, Grohe, minn naħa, irrikonoxxiet il-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur u, min-naħa l-oħra, ikkorroborat, fid-dikjarazzjonijiet tagħha, l-informazzjoni li l-Kummissjoni diġà kellha dwar il-funzjonament tal-akkordju u dwar il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju fi ħdan l-assoċjazzjonijiet Ġermaniżi u Taljani b’mod relattivament preċiż, inkwantu hija indikat id-dati, il-postijiet, il-parteċipanti u s-suġġetti diskussi waqt il-laqgħat fi ħdan dawn l-assoċjazzjonijiet.

167    Sussegwentement, Grohe pprovdiet ċerta informazzjoni relatata mal-ksur li l-Kummissjoni ma kellhiex preċedentement u dokumenti kontemporanji li jissostanzjawha. Żewġ laqgħat jikkonfermaw din il-konstatazzjoni.

168    Minn naħa, fl-Italja, fir-rigward tal-laqgħa ta’ Michelangelo li nżammet fid-19 ta’ Lulju 2002, li Grohe semmiet fis-sottomissjoni tagħha tas-17 ta’ Novembru 2004, hija ppreċiżat li informazzjoni ddettaljata dwar il-bejgħ u dwar il-partijiet individwali mis-suq kienet ġiet skambjata bejn il-parteċipanti u huma stabbilixxew dan il-fatt billi pprovdew lill-Kummissjoni provi ta’ dawn id-diskussjonijiet li jirriżultaw mill-minuti ta’ din il-laqgħa. L-argument tar-rikorrenti li skontu din kienet biss laqgħa waħda fost il-65 organizzati fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo u li skontu l-Kummissjoni diġà kellha informazzjoni suffiċjenti sabiex tissanzjona akkordju fl-Italja relatat mal-viti u l-fittings huwa irrilevanti fir-rigward tal-konstatazzjoni li din il-prova kienet iffaċilitat il-kompitu tal-Kummissjoni billi ppermettietilha ssaħħaħ numru ta’ provi li fuqhom hija setgħet tibbaża ruħha sabiex tissanzjona l-ksur.

169    Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-Ġermanja, fir-rigward tal-laqgħa tal-AGSI tal-14 ta’ Lulju 2004, il-Kummissjoni tirrileva li biss it-tabella pprovduta minn Grohe kienet ippermettietilha tistabbilixxi bi preċiżjoni l-iskambju ta’ informazzjoni li tikkonċerna b’mod partikolari ż-żidiet futuri fil-prezzijiet fl-2005. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 221 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni kellha preċedentement provi oħra li jippermettulha tikkonstata l-ksur, ma huwiex madankollu kkontestat mir-rikorrenti li ebda prova materjali ma kienet tilħaq dan il-livell ta’ dettall, b’mod li l-kapaċità tal-Kummissjoni li tagħti prova tal-funzjonament tal-akkordju kienet imsaħħa.

170    Fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 165 sa 169 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti jsostnu fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u għal dak li huma indikaw waqt is-seduta, l-informazzjoni pprovduta minn Grohe, evalwata fl-intier tagħha, kellha valur miżjud sinjifikattiv li jiġġustifika li l-Kummissjoni tagħtiha tnaqqis ta’ multi.

171    L-argument tar-rikorrenti li skontu mill-premessa 550 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/138/KE, tal-11 ta’ Ġunju 2002, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] (fil-Każ COMP/36.571/D‑1, Banek Awstrijaċi — “Klabb Lombard”) (ĠU 2004, L 56, p. 1), jirriżulta li talba intiża għall-ibbenefikar minn tnaqqis abbażi ta’ komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jista’ jkollha valur miżjud sinjifikattiv biss jekk l-impriża inkwistjoni tressaq fatti ġodda, li qabel ma kinux magħrufa lill-Kummissjoni, u jekk hija tagħti spjegazzjonijiet li jgħinu lil din l-istituzzjoni tifhem il-ksur, għandu jiġi miċħud bħala infondat. Fil-fatt, jekk l-informazzjoni pprovduta minn impriża relatata ma’ fatti li jikkostitwixxu ksur diġà magħrufa lill-Kummissjoni jippermettu lil din tal-aħħar tagħti prova ta’ fatti li hija altrimenti ma setgħetx tissanzjona, tali informazzjoni għandha valur miżjud sinjifikattiv. Tali korroborazzjoni, li hija differenti minn dik deskritta fil-punt 151 iktar ’il fuq, hija utli għall-Kummissjoni fil-kuntest tas-sanzjoni tal-akkordju. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi fatt li l-impriża ma tinformax lill-Kummissjoni b’fatti li din qabel ma kellhiex għarfien tagħhom ma huwiex għaldaqstant ta’ natura li jikkonfuta l-konstatazzjoni li l-kooperazzjoni tagħha kienet xorta waħda ta’ valur miżjud sinjifikattiv.

172    Għalhekk, it-tielet motiv imressaq mir-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.     Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-Linji gwida tal-2006

173    Ir-rikorrenti essenzjalment isostnu li l-applikazzjoni, fir-rigward tal-fatti tal-kawża, tal-Linji gwida tal-2006, minflok tal-Linji ta’ gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-1998”), li kienu fis-seħħ fil-mument li fih huma ressqu t-talba tagħhom, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività, kif stabbilit mill-ġurisprudenza, mill-Artikolu 49(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950.

174    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

175    Skont il-ġurisprudenza, il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, kif jirriżulta mill-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, japplika għal kull proċedura amministrattiva li tista’ twassal għal sanzjonijiet abbażi tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, Ġabra p. I‑5425, punt 202) u jippermetti li tiġi kkontestata l-applikazzjoni retroattiva ta’ interpretazzjoni ġdida ta’ regola li tistabbilixxi ksur, meta r-riżultat ta’ din l-interpretazzjoni ma kienx raġonevolment prevedibbli fil-mument li fih twettaq il-ksur (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 87 sa 89, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-Qorti Ġenerali, tat-2 ta’ Frar 2012, Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑83/08, punt 120). Sabiex tiġi mistħarrġa l-osservanza ta’ dan il-prinċipju, kien ġie deċiż li kien hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-bidla inkwistjoni kinitx raġonevolment prevedibbli fiż-żmien li fih twettaq il-ksur inkwistjoni (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 224). Il-portata tal-kunċett ta’ prevedibbiltà tiddependi kunsiderevolment mill-kontenut tat-test inkwistjoni, mill-qasam li huwa jkopri kif ukoll min-numru u mill-kwalità tad-destinatarji tiegħu. Il-prevedibbiltà tal-liġi ma tipprekludix li l-persuna kkonċernata jkollha tasal sabiex tirrikorri għal kjarifiki sabiex tevalwa, b’mod raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-konsegwenzi li jistgħu jirriżultaw minn att speċifiku . Dan huwa applikabbli speċjalment għall-professjonisti, li huma mdorrijin jeżerċitaw prudenza kbira fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom. Wieħed jista’ wkoll jistenna mingħandhom li huma jagħtu attenzjoni partikolari biex jevalwaw ir-riskji li dan jinvolvi (sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 219).

176    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, kif jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1/2003 teħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’, fil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, tgħolli f’kull mument il-livell tal-multi jekk dan ikun neċessarju sabiex tiġi żgurata l-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni. Minn dan jirriżulta li l-impriżi involuti fi proċedura amministrattiva li tista’ tagħti lok għal multa ma jistgħux ikollhom aspettattivi leġittimi la fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni mhux ser taqbeż il-livell tal-multi applikat preċedentement u lanqas fir-rigward ta’ metodu ta’ kalkolu ta’ dawn tal-aħħar, iżda, għall-kuntrarju, dawn l-impriżi għandhom iqisu l-possibbiltà li, f’kull mument, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi fir-rigward ta’ dak applikat fil-passat, jew billi tgħolli l-livell tal-ammont tal-multi meta tistabbilixxi multi f’deċiżjonijiet individwali, jew billi tapplika, għal każijiet individwali, regoli ta’ kondotta ta’ portata ġenerali bħal linji gwida (sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 175 iktar ’il fuq, punti 227 sa 230, u Groupe Danone vs Il‑Kummissjoni, punt 140 iktar ’il fuq, punti 90 u 91).

177    F’dan il-każ, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Linji gwida tal-2006 jifformaw parti mill-kuntest legali stabbilit mill-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, li dawn jikkontribwixxu sabiex jiġu ppreċiżati l-limiti tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni li tirriżulta minn din id-dispożizzjoni u li, skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-punt 32 tal-Linji gwida tal-2006 jillimita l-ammont finali tal-multa għal kull impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li jipparteċipaw fil-ksur għal 10 % tad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq matul is-sena finanzjarja preċedenti.

178    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi rrilevat li, anki fl-assenza ta’ dispożizzjoni espliċita relatata ma’ reviżjoni perjodika tal-Linji gwida tal-1998, ir-rikorrenti kien imisshom, fid-dawl tal-ġurisprudenza eżistenti, ħadu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li, wara li l-ksur kien twettaq, il-Kummissjoni tiddeċiedi li tadotta u li tapplika Linji gwida ġodda għall-kalkolu tal-multi (sentenza Denki Kagaku Kogyo u Denka Chemicals vs Il‑Kummissjoni, punt 175 iktar ’il fuq, punt 116).

179    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-Linji gwida tal-2006 u, b’mod partikolari, il-metodu l-ġdid ta’ kalkolu tal-multi li dawn jinkludu, fuq il-preżunzjoni li dan kellu effett aggravanti fir-rigward tal-livell tal-multi imposti, kienu raġonevolment prevedibbli għal impriżi bħar-rikorrenti fiż-żmien meta twettaq il-ksur ikkonstatat u li, billi applikat il-Linji gwida tal-2006 fid-deċiżjoni kkontestata għal ksur imwettaq qabel l-adozzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 175 iktar ’il fuq, punti 231 u 232, u tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni C‑397/03 P, Ġabra p. I‑4429, punt 25).

180    Iż-żewġ argumenti mressqa mir-rikorrenti intiżi sabiex jiġi sostnut li l-applikazzjoni retroattiva tal-Linji gwida tal-2006 ma kinitx prevedibbli f’dan il-każ ma jistgħux jinvalidaw il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti.

181    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, għalkemm qabel l-adozzjoni tal-Linji gwida tal-1998 l-impriżi ma setgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li l-metodu ta’ kalkolu tal-multa kien ser jibqa’ l-istess, is-sitwazzjoni kienet differenti wara l-adozzjoni ta’ dawn tal-aħħar, fid-dawl tal-importanza ikbar mogħtija lill-kriterju tat-tul fil-Linji gwida tal-2006. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn ebda dispożizzjoni tal-Linji gwida tal-1998 ma tindika li dawn mhux ser ikunu emendati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ir-rikorrenti ma setgħux ikollhom ebda aspettattivi leġittimi f’dan ir-rigward, inkluż fir-rigward tal-fatt li l-kriterju tat-tul tal-akkordju ma jkollux importanza ikbar fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ linji gwida ġodda. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud bħala infondat.

182    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li huma kellhom aspettattivi leġittimi fir-rigward tal-fatt li l-Linji gwida tal-1998 kienu ser jiġu applikati għall-fatti tal-każ, sa fejn, minn naħa, huma ressqu t-talba tagħhom eżattament wara li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet favur il-legalità tal-Linji gwida tal-1998 fis-sentenza Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, punt 175 iktar ’il fuq, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ħadet sentejn, mill-ispezzjonijiet, sabiex tadotta d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li dawn iż-żewġ argumenti huma irrilevanti fir-rigward tal-konstatazzjoni, imsemmija fil-punti 176 u 177 iktar ’il fuq, li skontha kien prevedibbli biżżejjed li l-Kummissjoni tadatta l-livell tal-multi għall-bżonnijiet tal-politika tagħha u li għaldaqstant tapplika l-Linji gwida tal-2006 għall-fatt tal-każ. Dawn l-argumenti għandhom għaldaqstant jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

183    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li r-raba’ motiv jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

184    Fid-dawl tal-eżami tal-erba’ motivi mressqa mir-rikorrenti, l-ewwel nett, hemm lok, minn naħa, li l-ewwel motiv jiġi milqugħ parzjalment u, fid-dawl tal-fatt li l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward jikkonċerna l-konstatazzjoni stess tal-ksur (ta’ akkordju f’dan il-każ), li l-punti 3 u 4 tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata jiġu annullati għar-raġuni indikata fil-punt 128 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, hemm lok li jinsiltu l-konsegwenzi ta’ din l-illegalità fuq l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal bidla mressqa mir-rikorrenti. It-tieni nett, hemm lok, minn naħa, li t-tieni motiv jiġi milqugħ għar-raġuni indikata fil-punt 138 iktar ’il fuq u, min-naħa l-oħra, li jinsiltu l-konsegwenzi ta’ din l-illegalità fuq l-ammont tal-multa fil-kuntest tal-eżami tat-talbiet għal bidla mressqa mir-rikorrenti. It-tielet nett, hemm lok li l-kumplament tat-talbiet għal annullament jiġu miċħuda.

B –  Fuq it-talbiet, imressqa sussidjarjament, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

185    Fid-dawl tat-tieni kap ta’ talbiet, li permezz tiegħu r-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuqhom (ara l-punt 26 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali għandha, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, minn naħa, teżamina l-konsegwenzi tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni, indikati fil-punti 128 u 139 iktar ’il fuq, fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, teżamina l-argumenti l-oħra li huma jressqu intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tagħtihom tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom.

1.     Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont tal-multi

186    Għalkemm il-linji gwida ma jantiċipawx id-deċiżjoni fuq il-multa minn naħa tal-qorti tal-Unjoni meta din tiddeċiedi abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha (sentenza tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Lulju 2005, Brasserie nationale et vs Il‑Kummissjoni, T‑49/02 sa T‑51/02, Ġabra p. II‑3033, punt 169), il-Qorti Ġenerali tqis adatt, f’dan il-każ, li tispira ruħha minnhom sabiex tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multa, b’mod partikolari, minħabba l-fatt li dawn jippermettu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti tal-każ u li jiġu imposti multi proporzjonati fuq l-impriżi kollha li pparteċipaw fil-ksur ikkonstatat.

187    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkalkolat mill-ġdid, l-ewwel nett, l-ammont tal-multa konnessa mal-iżball imsemmi fil-punt 128 iktar ’il fuq, relatat mal-ksur imwettaq fl-Italja fir-rigward tal-oġġetti taċ-ċeramika u, it-tieni nett, l-ammont finali tal-multa li għandha tiġi imposta fid-dawl b’mod partikolari tal-iżball imsemmi fil-punt 139 iktar ’il fuq.

188    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-multa li l-Kummissjoni setgħet timponi fuq ir-rikorrenti fid-dawl tal-parteċipazzjoni tagħhom biss fil-ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, l-ewwel nett, skont il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 u kif il-Kummissjoni ġustament semmiet fil-premessa 1200 tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni matul l-aħħar sena preċedenti għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur. Sa fejn l-aħħar sena preċedenti għas-sena tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur fis-suq tal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja hija s-sena 2000, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti f’dan is-suq għal dawn il-prodotti matul din is-sena. Dan id-dħul mill-bejgħ, li r-rikorrenti pprovdew lill-Qorti Ġenerali b’risposta għall-miżuri tagħha ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni indikat, ukoll b’risposta għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li hija ma kinitx qed tikkontesta l-veraċità tiegħu, huwa ta’ EUR 210 461 486. Dan id-dħul mill-bejgħ għandu, għaldaqstant, jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa minflok id-dħul mill-bejgħ, imsemmi fit-tabella C tad-deċiżjoni kkontestata, ta’ EUR 191 641 141 magħmul mir-rikorrenti fl-2003.

189    It-tieni nett, fir-rigward tal-perċentwali tad-dħul mill-bejgħ li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont il-punti 23 u 25 tal-Linji gwida tal-2006, hemm lok li f’dan ir-rigward l-ewwel nett jiġi rrilevat li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fl-akkordju inkwistjoni kienet twila, peress li huwa paċifiku, b’mod partikolari, li fl-Awstrija, huma pparteċipaw fi ksur ta’ 10 snin u 3 xhur għall-viti u l-fittings u ta’ 9 snin u 8 xhur għall-oġġetti taċ-ċeramika. Sussegwentement, l-akkordju li fih huma pparteċipaw għandu jitqies li huwa serju ħafna, peress li dan ikkonsista fl-implementazzjoni ta’ koordinazzjoni ta’ żidiet fil-prezzijiet li tikkonċerna diversi prodotti f’diversi Stati Membri. Dawn l-elementi biss huma biżżejjed sabiex jitqies li hemm lok li tiġi applikata, hekk kif il-Kummissjoni għamlet fil-premessi 1220 u 1225 tad-deċiżjoni kkontestata, rata ta’ 15 % għall-finijiet tal-kalkolu, minn naħa, tal-ammont bażiku tal-multa previst fil-punti 21 sa 23 tal-Linji gwida tal-2006, u, min-naħa l-oħra, wara li tkun ġiet applikata rata ta’ multiplikazzjoni relatata mat-tul tal-ksur (ara l-punt 190 iktar ’il quddiem), tas-somma addizzjonali għal finijiet ta’ dissważjoni prevista fil-punt 25 ta’ dawn il-linji gwida.

190    It-tielet nett, sa fejn il-ksur imwettaq fir-rigward tal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja kien ta’ 11-il xahar u mhux ta’ 11-il sena u 7 xhur, hemm lok, skont il-punt 24 tal-Linji gwida tal-2006, li l-ammont bażiku jiġi mmultiplikat b’koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni ta’ 0.92 u mhux ta’ 11.58 kif il-Kummissjoni indikat fit-tabella D tad-deċiżjoni kkontestata.

191    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 188 sa 190 iktar ’il fuq, l-ammont tal-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti fir-rigward tal-ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja huwa, arrotondat l-isfel, ta’ EUR 60 612 000 u mhux ta’ EUR 360 000 000, kif il-Kummissjoni
qieset fit-tabella E tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, dan l-ammont ta’ EUR 60 612 000 jikkorrispondi għar-riżultat tal-kalkolu sussegwenti: [(210 461 486 x 15 %) x 0.92] + (210 461 486 x 15 %).

192    It-tieni nett, fid-dawl tal-kalkolu magħmul fil-punt preċedenti kif ukoll tal-konstatazzjoni, magħmula fil-punt 139 iktar ’il fuq, li skontha l-Kummissjoni ma setgħetx timponi multa fuq ir-rikorrenti fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Belġju u fi Franza għall-oġġetti taċ-ċeramika, l-ammont totali tal-multa li għandha tiġi imposta huwa, qabel l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 30 % abbażi tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, ta’ EUR 171 812 000 minflok ta’ EUR 479 730 000 (ara t-tabella G tad-deċiżjoni kkontestata), imnaqqas għal EUR 465 844 000 sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-limitu ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ tar-rikorrenti (ara t-tabella F tad-deċiżjoni kkontestata). Fil-fatt, dan l-ammont ta’ EUR 171 812 000 jikkorrispondi għall-multi imposti għall-ksur relatat, minn naħa, mal-oġġetti taċ-ċeramika fil-Ġermanja (EUR 5 700 000, ammont li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti), fl-Italja (EUR 60 612 000), fl-Awstrija (EUR 2 700 000, ammont li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti) u, min-naħa l-oħra, mal-viti u l-fittings, fil-Ġermanja EUR 9 600 000), fl-Italja (EUR 90 000 000) u fl-Awstrija (EUR 3 200 000). Sa fejn il-Kummissjoni tat tnaqqis ta’ 30 % tal-ammont tal-multa abbażi tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, l-ammont totali tal-multa relatat mal-ksur imwettaq mir-rikorrenti huwa għaldaqstant ta’ EUR 122 711 400, u mhux ta’ EUR 326 091 196, kif tindika it-tabella H tad-deċiżjoni kkontestata.

193    Il-Qorti Ġenerali tqis opportun, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li taqsam bejn ir-rikorrenti l-ammont totali tal-multa hekk ikkalkolat mill-ġdid, jiġifieri EUR 122 711 400, skont iż-żewġ regoli sussegwenti. Minn naħa, il-multi adottati mill-Kummissjoni fl-Artikolu 2(3)(ċ)(d) u (f) sa (i) tad-deċiżjoni kkontestata ma għandhomx jiġu emendati, peress li r-rikorrenti ma stabbilixxewx li l-multi imposti fuq il-kumpanniji koperti minn dawn il-punti huma illegali jew inadatti. Għal din ir-raġuni, l-ammont tal-multa li għandu jinqasam bejn Trane, Wabco Europe u Ideal Standard Italia huwa ta’ EUR 113 005 480 (jiġifieri 122 711 400 – 1 519 000 – 5 575 920 – 2 611 000). Min-naħa l-oħra, la mill-argumenti tar-rikorrenti u lanqas mill-proċess quddiem il-Qorti Ġenerali ma jirriżulta li l-kapijiet ta’ taqsim użati fid-deċiżjoni kkontestata mill-Kummissjoni sabiex timponi multi b’mod individwali jew in solidum fuq Trane, Wabco Europe u Ideal Standard Italia huma inadatti. Dan iwassal lill-Qorti Ġenerali tikkonkludi li għandhom jiġu imposti multi l-ewwel nett, fuq Trane ta’ EUR 92 664 493 [minflok dik ta’ EUR 259 066 294 imsemmija fl-Artikolu 2(3)(a) tad-deċiżjoni kkontestata], it-tieni nett, in solidum fuq Wabco Europe u Trane ta’ EUR 15 820 767 [minflok dik ta’ EUR 44 995 552 imsemmija fl-Artikolu 2(3)(b) tad-deċiżjoni kkontestata], it-tielet nett, in solidum fuq Ideal Standard Italia, Wabco Europe u Trane ta’ EUR 4 520 220 [minflok dik ta’ EUR 12 323 430 imsemmija fl-Artikolu 2(3)(e) tad-deċiżjoni kkontestata].

2.     Fuq l-argumenti addizzjonali mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħhom għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi

194    Ir-rikorrenti jressqu żewġ argumenti addizzjonali intiżi sabiex isostnu t-talba tagħhom għall-bidla tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom.

195    F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li, skont il-ġurisprudenza, minn naħa, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha twettaq l-evalwazzjoni tagħha stess, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u filwaqt li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Romana Tabacchi vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punti 179 u 280) jew ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenza Erste Group Bank et vs Il‑Kummissjoni, punt 149, iktar ’il fuq, punt 187).

196    Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio. Għaldaqstant, bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti tal-Unjoni għandha tqajjem ex officio, bħall-assenza jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrenti li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li għandu jipproduċi l-provi insostenn ta’ dawn il-motivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Chalkor vs Il‑Kummissjoni, punt 28 iktar ’il fuq, punt 64).

197    L-ewwel nett, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti Ġenerali tnaqqas l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom minħabba l-kwalità tal-kooperazzjoni li huma pprovdew lill-Kummissjoni. Huma b’mod partikolari jqisu li huma ressqu din it-talba malajr ħafna wara l-ispezzjonijiet, li din it-talba kienet ta’ kwalità ferm ogħla minn dik ta’ Grohe, minkejja li din it-talba tressqet biss ftit jiem wara dik ta’ din l-impriża, b’mod partikolari sa fejn din it-talba kienet tinkludi iktar minn 130 dokument u li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tipprivileġġa u tinkoraġġixxi l-ħeffa tal-preżentata ta’ talba b’detriment għall-kwalità tagħha.

198    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li ebda wieħed mill-motivi mressqa mir-rikorrenti, imsemmija fil-punt 197 iktar ’il fuq, ma jiġġustifika l-għoti ta’ tnaqqis supplimentari tal-ammont totali tal-multa ta’ 30 % sa 50 % favur ir-rikorrenti. Fil-fatt, minn naħa, dawn il-motivi ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni meta hija evalwat l-utilità rispettiva tat-talbiet tar-rikorrenti u ta’ Grohe. Fil-fatt, huwa preċiżament minħabba l-ħeffa u l-kwalità tat-talba tagħhom li r-rikorrenti kisbu tnaqqis ta’ 30 %, minkejja l-fatt li huwa kienu biss it-tielet impriża, wara Masco u Grohe, li ressqu talba lill-Kummissjoni abbażi tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, it-tnaqqis ta’ multa mogħtija lir-rikorrenti mill-Kummissjoni tissodisfa, f’dan il-każ, l-għan li l-impriżi jiġu inkoraġġuti jressqu bl-iktar mod komplet u fl-iqsar żmien possibbli t-talbiet intiżi sabiex huma jibbenefikaw mill-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għoti ta’ perċentwali ta’ tnaqqis ta’ 30 % kemm lil Grohe kif ukoll lir-rikorrenti huwa ekwu. Fil-fatt, għalkemm ir-rikorrenti kienu ftit inqas ħfief minn Grohe meta huma ressqu t-talba tagħhom, it-talba tagħhom kienet min-naħa l-oħra toffri ftit elementi ta’ valur miżjud sinjifikattiv minn dik imressqa minn Grohe.

199    L-argument tar-rikorrenti, li skontu l-Kummissjoni “aċċettat” l-argumenti tagħhom li jgħidu li l-Qorti Ġenerali kellha tagħtihom tnaqqis ta’ multa ta’ 50 % peress li fir-risposta l-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat l-allegazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, ma huwiex konvinċenti. Minn naħa, għalkemm huwa veru li l-Kummissjoni ma weġbitx speċifikament fir-risposta għat-talba għal tnaqqis imressqa mir-rikorrenti abbażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, xorta jibqa’ l-fatt li hija talbet iċ-ċaħda tat-tielet motiv, li kien jinkludi t-talba għat-tnaqqis tal-multa tar-rikorrenti minħabba l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, u f’kull każ, l-assenza ta’ kontestazzjoni mill-Kummissjoni tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma tistax torbot lill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

200    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel talba tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb tnaqqis supplimentari abbażi tal-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni.

201    It-tieni nett, ir-rikorrenti jitolbu li l-multa titnaqqas sa fejn, fil-mument li fih huma ddeċidew li jressqu t-talba tagħhom intiża sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ multa abbażi tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni, il-Linji gwida tal-1998 kienu jipprevedu l-impożizzjoni ta’ multi ta’ ammont iżgħar minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni retroattiva tal-Linji gwida tal-2006.

202    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument.

203    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li ebda element tal-proċess ma jippermetti li jitqies li l-ammonti tal-multi, kif hija kkalkolathom mill-ġdid u stabbilixxiethom fil-punt 198 iktar ’il fuq, huma inadatti, minħabba, minn naħa, il-gravità u t-tul tal-ksur li r-rikorrenti wettqu u, min-naħa l-oħra, in-neċessità li jiġu imposti fuq ir-rikorrenti multi ta’ ammont dissważiv.

204    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni talba tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

205    Għaldaqstant, hemm lok li jinbidel l-Artikolu 2(3)(a)(b) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata kif indikat fil-punt 193 iktar ’il fuq u li jiġu miċħuda l-kumplament tat-talbiet għal tnaqqis fl-ammont tal-multi mressqa mir-rikorrenti.

206    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok, skont il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 184 u 204 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, li jiġu annullati parzjalment il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 1(1) tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni indikata fil-punt 184 iktar ’il fuq, it-tieni nett, li jinbidel l-Artikolu 2(3)(a)(b) u (e) tad-deċiżjoni kkontestata kif indikat fil-punt 193 iktar ’il fuq u, it-tielet nett, li l-kumplament tar-rikors jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

207    Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha, jekk il-partijiet ikunu tilfu rispettivament fuq kap jew iktar tat-talbiet tagħhom.

208    Peress li r-rikors ġie parzjalment milqugħ, issir evalwazzjoni ġusta taċ-ċirkustanzi tal-kawża jekk jiġi deċiż li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti għandhom għaldaqstant ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-punti 3 u 4 tal-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta’ Ġunju 2010, dwar proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 — Installazzjonijiet sanitarji għall-kmamar tal-banju), huma annullati sa fejn il-Kummissjoni Ewropea fihom tikkundanna lil Trane Inc., lil Wabco Europe u lil Ideal Standard Italia Srl għal ksur relatat ma’ akkordju fis-suq Taljan tal-oġġetti taċ-ċeramika għal perijodu għajr dak mit-12 ta’ Mejju 2000 sad-9 ta’ Marzu 2001.

2)      L-ammont tal-multa imposta fuq Trane fl-Artikolu 2(3)(a) tad-Deċiżjoni C (2010) 4185 finali huwa ta’ EUR 92 664 493.

3)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Wabco Europe u fuq Trane fl-Artikolu 2(3)(b) tad-Deċiżjoni C (2010) 4185 huwa ta’ EUR 15 820 767.

4)      L-ammont tal-multa imposta in solidum fuq Ideal Standard Italia, fuq Wabco Europe u fuq Trane fl-Artikolu 2(3)(e) tad-Deċiżjoni C (2010) 4185 huwa ta’ EUR 4 520 220.

5)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

6)      Il-Kummissjoni għandha tbati nofs l-ispejjeż sostnuti minn Wabco Europe, minn Wabco Austria GesmbH, minn Trane, minn Ideal Standard Italia u minn Ideal Standard GmbH kif ukoll l-ispejjeż tagħha.

7)      Wabco Europe, Wabco Austria, Trane, Ideal Standard Italia u Ideal Standard għandhom ibatu nofs l-ispejjeż tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-16 ta’ Settembru 2013.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet, imressqa b’mod prinċipali, intiżi għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

1.  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fil-kalkolu tal-multa li jirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ mir-rikorrenti tal-oġġetti taċ-ċeramika fis-suq Taljan

a)  Tfakkira tal-ġurisprudenza relatata mal-eżistenza u mal-prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE

b)  Espożizzjoni fil-qosor tal-evalwazzjonijiet li wasslu lill-Kummissjoni tissanzjona, fid-deċiżjoni kkontestata, lir-rikorrenti għall-parteċipazzjoni tagħhom fi ksur fl-Italja

c)  Eżami tal-provi meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004

Fuq il-kontestazzjoni mir-rikorrenti, waqt il-proċedura amministrattiva, tal-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004

Fuq il-provi meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fl-Italja, mill-15 ta’ Marzu 1993 sad-9 ta’ Novembru 2004

–  Fuq il-prova tal-eżistenza ta’ akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, fir-rigward tal-laqgħat li matulhom ir-rikorrenti kienu l-unika impriża preżenti li timmanifattura dawn l-oġġetti

–  Fuq il-prova tal-eżistenza ta’ akkordju relatat mal-oġġetti taċ-ċeramika fi ħdan Euroitalia u fi ħdan Michelangelo, fir-rigward tal-laqgħat li matulhom ir-rikorrenti kienu preżenti ma’ manifatturi oħra ta’ dawn l-oġġetti

2.  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu tal-ammont tal-multa, tal-fatt li r-rikorrenti bbenefikaw minn immunitŕ parzjali minn multi fir-rigward tal-ksur imwettaq fil-Belġju u fi Franza

3.  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-rikorrenti kienu biss it-tieni impriża, u mhux l-ewwel waħda, li pprovdewlha provi ta’ valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punt 21 tal-Komunikazzjoni tal-2002 dwar il-kooperazzjoni

4.  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni retroattiva tal-Linji gwida tal-2006

B –  Fuq it-talbiet, imressqa sussidjarjament, intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti

1.  Fuq il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont tal-multi

2.  Fuq l-argumenti addizzjonali mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħhom għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.