Language of document : ECLI:EU:T:2018:838

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

26 ta’ Novembru 2018 (*)

“Rikors għal annullament – Dritt istituzzjonali – Ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni – Ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti tal-ħruġ – Artikolu 50 TUE – Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit sabiex jiġi konkluż l-imsemmi ftehim – Ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni – Att preparatorju – Att li ma jistax jiġi kkontestat – Nuqqas ta’ inċidenza diretta – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża T‑458/17,

Harry Shindler, residenti f’Porto d’Ascoli (l-Italja), u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness (1), irrappreżentati minn J. Fouchet, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) tat-22 ta’ Mejju 2017 li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għal ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea (dokument XT 21016/17), inkluż l-anness ta’ din id-deċiżjoni li jistabbilixxi d-direttivi għan-negozjar tal-imsemmi ftehim (dokument XT 21016/17 ADD 1 REV 2),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise, R. da Silva Passos, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-5 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fit-23 ta’ Ġunju 2016, iċ-ċittadini tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ivvutaw f’referendum favur il-ħruġ tal-pajjiż tagħhom mill-Unjoni Ewropea.

2        Fit-13 ta’ Marzu 2017, il-Parlament tar-Renju Unit adotta l-European Union (Notification of Withdrawal) Act 2017 (il-Liġi tal-2017 dwar l-Unjoni Ewropea (Notifika tal-ħruġ)), li jawtorizza lill-Prim Ministru jinnotifika l-intenzjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni b’applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) TUE.

3        Fid-29 ta’ Marzu 2017, il-Prim Ministru tar-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew l-intenzjoni ta’ dan l-Istat Membru li joħroġ mill-Unjoni u mill-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (Euratom) (iktar ’il quddiem l-“att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ”).

4        Permezz ta’ dikjarazzjoni li saret fl-istess jum, il-Kunsill Ewropew indika li rċieva l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ.

5        Fid-29 ta’ April 2017, il-Kunsill Ewropew adotta Linji gwida li jiddefinixxu l-qafas tan-negozjati previsti mill-Artikolu 50 TUE u jistabbilixxu l-pożizzjonijiet u l-prinċipji ġenerali li l-Unjoni ser tiddefendi matul in-negozjati.

6        Fit-22 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 TUE moqri flimkien mal-Artikolu 218(3) TFUE, u fuq rakkomandazzjoni tat-3 ta’ Mejju 2017 tal-Kummissjoni Ewropea, id-deċiżjoni li tawtorizza lil din tal-aħħar tiftaħ in-negozjati mar-Renju Unit għal ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni u mill-Euratom (iktar ’il quddiem, minn naħa, il-“ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ” jew il-“ftehim tal-ħruġ” u, min-naħa l-oħra, id-“deċiżjoni kkontestata”).

7        Id-deċiżjoni kkontestata taħtar lill-Kummissjoni bħala negozjatur tal-Unjoni (Artikolu 1) u tippreċiża li n-negozjati ser jitmexxew fid-dawl tal-Linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew u konformement mad-direttivi għan-negozjar li jinsabu fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni (Artikolu 2).

8        L-Anness tad-deċiżjoni kkontestata (dokument XT 21016/17 ADD 1 REV 2) jinkludi d-direttivi għan-negozjar, intiżi għall-ewwel stadju tan-negozjati, għal dak li jikkonċerna b’mod partikolari d-drittijiet taċ-ċittadini, arranġament finanzjarju uniku, is-sitwazzjoni tal-merkanzija mqiegħda fis-suq u r-riżultat ta’ proċeduri bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni, il-kwistjonijiet l-oħra amministrattivi marbuta mal-funzjonament tal-Unjoni kif ukoll il-governanza tal-ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

9        Permezz ta’ rikors irreġistrat fil-21 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrent, Harry Shindler u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness, bdew din l-azzjoni.

10      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fis-16 ta’ Ottubru 2017, il-Kunsill qajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

11      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti Ġenerali tawtorizzaha tintervjeni fil-kawża preżenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, konformement mal-Artikolu 143 tar-Regoli tal-Proċedura.

12      Fit-30 ta’ Novembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà.

13      Fuq proposta tad-Disa’ Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem Kulleġġ Ġudikanti Estiż.

14      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) iddeċidiet, konformement mal-Artikolu 130(6) tar-Regoli tal-Proċedura, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura, limitata għall-ammissibbiltà tar-rikors.

15      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu matul is-seduta tal-5 ta’ Lulju 2018.

16      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, inklużi d-direttivi għan-negozjar li huma annessi magħha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-avukat fl-ammont ta’ EUR 5 000.

17      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

18      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw prova ġdida, fis-sens tal-Artikolu 85 tar-Regoli tal-Proċedura, li fuqha l-Kunsill ingħata l-possibbiltà li jieħu pożizzjoni.

 Id-dritt

19      Il-Kunsill isostni li r-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE huwa manifestament inammissibbli, peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkontestata minn persuna fiżika jew ġuridika u peress li r-rikorrenti la għandhom interess ġuridiku u lanqas locus standi kontra d-deċiżjoni kkontestata.

20      Ir-rikorrenti jikkontestaw l-argumenti tal-Kunsill u jqisu li r-rikors huwa ammissibbli.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

21      Il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tesprimi ruħha dwar jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi kkontestata kif ukoll dwar il-locus standi tar-rikorrenti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u li teżamina, f’dan ir-rigward, jekk ir-rikorrenti huwiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. B’mod iktar preċiż, għandu jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

22      Il-Kunsill isostni li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament peress li din hija, fir-rigward tar-rikorrenti, miżura preliminari jew waħda ta’ natura preparatorja, li l-iskop tagħha huwa li tipprepara l-ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ previst mill-Artikolu 50 TUE. Il-fatt li l-Kummissjoni ġiet awotirzzata tifaħ in-negozjati f’isem l-Unjoni u tmexxihom fid-dawl tal-Linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew u skont id-direttivi għan-negozjar annessi hemmhekk ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, li tibqa’ l-istess kemm qabel kif ukoll wara l-adozjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

23      Barra minn hekk, il-Kunsill isostni li r-rikorrenti ma għandhomx locus standi fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, peress li inter alia ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata. B’mod partikolari, id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċi ebda effett fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. L-ewwel nett, ma hijiex id-deċiżjoni kkontestata li tat bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE, iżda l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ. Kieku l-Kunsill ma adottax id-deċiżjoni kkontestata, il-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE kienet tkompli għaddejja u, sentejn wara l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ, ir-Renju Unit kien joħroġ mill-Unjoni mingħajr ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ. It-tieni net, id-deċiżjoni kkontestata lanqas ma “approvat” l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ u ma għamlet xejn ħlief siltet il-konsegwenzi ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali, mingħajr ma għandha ebda effett fuq id-drittijiet tar-rikorrenti. Irrispettivament mill-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Renju Unit jibqa’ membru tal-Unjoni sad-data tal-ħruġ tiegħu u r-rikorrenti jibqgħu jibbenefikaw mid-drittijiet li għandhom taħt it-Trattati abbażi ta’ dan. Huwa biss fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 50 TUE li d-drittijiet tar-rikorrenti jistgħu jkunu affettwati, u dan sa punt li, barra minn hekk, ma jistax jiġi previst.

24      Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Huma jsostnu wkoll li l-locus standi tagħhom jirriżulta mill-fatt li huma ċittadini espatrijati tar-Renju Unit u ċittadini tal-Unjoni, li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni u li ġew imċaħħda, minħabba l-leġiżlazzjoni msejħa “15 years rule” (ir-regola ta’15-il sena), mid-dritt li jivvutaw fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 u fl-elezzjonijiet ġenerali tas-7 ta’ Mejju 2015 li wasslet għall-ħatra tal-Membri Parlamentari li “kkonfermaw” ir-referendum bl-adozzjoni tal-Liġi tal-2017 dwar l-Unjoni Ewropea (Notifika ta’ ħruġ).

25      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha konsegwenzi diretti fuq id-drittijiet li huma jisiltu mit-Trattati, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u d-dritt tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali, id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom, il-moviment liberu tagħhom, il-liberta’ tagħhom ta’ soġġorn u ta’ xogħol, id-dritt tagħhom għall-proprjetà u d-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji soċjali.

26      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jesponu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex sempliċement miżura intermedja qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, peress li hija tinkludi, minbarra att espliċitu tal-ftuħ ta’ negozjati, att impliċitu li bih il-Kunsill aċċetta l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ. Id-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet il-“ħruġ” irreversibbli tar-Renju Unit mill-Unjoni fid-29 ta’ Marzu 2019.

27      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jindikaw li d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari d-direttivi tagħha għan-negozjar li jipproduċu effetti legali, ma tinkludix l-għan li tiżgura li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li kisbu l-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni qabel id-29 ta’ Marzu 2019 iżommu din il-kwalità. Jekk isir ftehim jew le, ma jeżisti ebda dubju għal dak li jikkonċerna t-telf fuq perijodu qasir jew medju tad-drittijiet u tal-libertajiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni liċ-ċittadini tar-Renju Unit, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna ċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

28      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kien messu rrifjuta jew issospenda l-ftuħ tan-negozjati. Huma jesponu li l-proċess tal-ħruġ huwa null fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni kostituzzjonali ċerta u bbażata fuq il-vot taċ-ċittadini tar-Renju Unit kollha, li huma wkoll ċittadini tal-Unjoni. Huma jenfasizzaw li l-Kunsill u r-Renju Unit kien messhom talbu l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kostituzzjonalità tal-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE u li l-Kunsill kien messu talab l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, rigward il-kompatibbiltà taċ-ċaħda tad-dritt għal vot taċ-ċittadini espatrijati tar-Renju Unit u tar-rappreżentazzjoni indiretta tagħhom mill-Membri Parlamentari mat-Trattati, skont l-Artikolu 218(11) TFUE. Huma jsostnu wkoll li jekk ir-rikors preżenti jiġi miċħud bħala inammissibbli, dan jikser il-prinċipju ta’ demokrazija.

29      Fil-ħames lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors preżenti huwa l-uniku rimedju legali effettiv quddiem il-qorti tal-Unjoni qabel ma inevitabbilment jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni li ser iseħħ fid-29 ta’ Marzu 2019, minħabba d-deċiżjoni kkontestata.

30      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rikors għal annullament jista’ jiġi ppreżentat kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun in-natura jew il-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51).

31      Barra minn hekk, meta, bħal f’dan il-każ, rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrenti bħala partijiet mhux privileġġati kontra att li tiegħu ma humiex id-destinatarji, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti legali vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 38).

32      Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li l-locus standi ta’ persuna fiżika jew ġuridika sabiex tippreżenta rikors kontra att li tiegħu ma hijiex id-destinatarja jippreżumi, mill-inqas, li dan l-att, sew jekk regolatorju u sew jekk le, ikun jikkonċernaha direttament. Il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li jkun is-suġġett tar-rikors teħtieġ, fiha nnifisha, li l-miżura kkontestata tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il-Kummissjoni, C‑386/96 P, EU:C:1998:193, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66).

33      Għaldaqstant, kemm ir-rekwiżit li l-effetti legali vinkolanti tal-miżura kkontestata għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, kif ukoll il-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika għandha tkun direttament ikkonċernata mill-att li huwa s-suġġett tar-rikors, kif previst mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jippreżumu li d-deċiżjoni kkontestata fir-rikors preżenti tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

34      Issa, fil-każ ineżami, id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix tali effetti diretti.

35      Id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet mill-Kunsill abbażi tad-dispożizzjonijiet tat-tielet sentenza tal-Artikolu 50(2) TUE flimkien mal-Artikolu 218(3) TFUE.

36      Skont l-Artikolu 50(1) sa (3) TUE:

“1. Kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi, skond il-ħtiġijiet kostituzzjonali tiegħu, li joħroġ mill-Unjoni.

2. L-Istat Membru li jiddeċiedi li joħroġ għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu. Fid-dawl tal-linji gwida provduti mill-Kunsill Ewropew, l-Unjoni għandha tinnegozja u tikkonkludi ma’ dak l-Istat ftehim li jistabbilixxi l-arranġamenti għall-ħruġ tiegħu, filwaqt li jittieħed kont tal-qafas tar-relazzjonijiet futuri tiegħu ma’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim għandu jkun innegozjat skond l-Artikolu 218(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan għandu jiġi konkluż f’isem l-Unjoni mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

3. It-Trattati għandhom jieqfu milli japplikaw għall-Istat in kwistjoni mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika prevista fil-paragrafu 2, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim ma’ l-Istat Membru in kwistjoni, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perijodu.”

37      Skont l-Artikolu 218(3) TFUE, li għalih jirreferi l-Artikolu 50(2) TUE:

“3. Il-Kummissjoni […] għandh[a] [t]ippreżent[a] rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill, li għandu jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati u li tinnomina, skond is-suġġett tal-ftehim previst, in-negozjatur ta’ l-Unjoni jew il-kap tal-grupp ta’ negozjaturi ta’ l-Unjoni.”

38      Id-deċiżjoni kkontestata hija, skont l-Artikolu 288 TFUE, vinkolanti fl-elementi kollha tagħha. Din id-deċiżjoni tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati, f’isem l-Unjoni, għal ftehim mar-Renju Unit li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni u mill-Euratom u jinnomina lill-Kummissjoni bħala n-negozjatur tal-Unjoni (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Id-deċiżjoni kkontestata tippreċiża li n-negozjati għandhom jitmexxew fid-dawl tal-Linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew u konformement mad-direttivi għan-negozjar li jinsabu fl-anness (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

39      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 218(3) u (4) TFUE, tipproduċi effetti legali fir-relazzjonijiet ta’ bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑114/12, EU:C:2014:2151, punt 40, u tas‑16 ta’ Lulju 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑425/13, EU:C:2015:483, punt 28).

40      Għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-Kummissjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni hija, permezz ta’ din id-deċiżjoni, awtorizzata tiftaħ in-negozjati għal ftehim mar-Renju Unit, fid-dawl tal-Linji gwida adottati mill-Kunsill Ewropew u konformement mad-direttivi għan-negozjar adottati mill-Kunsill.

41      Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ma tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti.

42      Qabel kollox, id-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha l-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Renju Unit bl-applikazzjoni tal-Artikolu 50(2) TUE, ma għandhiex tiġi konfuża mad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, kif prevista mill-Artikolu 50(1) TUE.

43      Għandha wkoll issir distinzjoni bejn id-deċiżjoni kkontestata u l-att tad‑29 ta’ Marzu 2017, li permezz tiegħu l-Prim Ministru tar-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni ta’ dan il-pajjiż li joħroġ mill-Unjoni u mill-Euratom. Huwa l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ u mhux id-deċiżjoni kkontestata, li beda l-proċedura tal-ħruġ prevista fl-Artikolu 50(2) u (3) TUE u li ta bidu għat-terminu ta’ sentejn, previst fl-Artikolu 50(3) TUE, li fl-iskadenza tiegħu, jekk ma jkunx għad hemm ftehim dwar il-ħruġ, it-Trattati ma jibqgħux japplikaw għall-Istat ikkonċernat ħlief jekk il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mal-Istati Membri kkonċernati, jiddeċiedu b’mod unanimu li jestendu dan it-terminu.

44      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu f’wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni b’27 Stat Membru (iktar ’il quddiem l-“Unjoni b’27 Stat Membru”), sew jekk tirrigwarda s-sitwazzjoni tagħhom fid-data tad-deċiżjoni kkontestata jew jekk tirrigwarda s-sitwazzjoni tagħhom mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. B’mod partikolari, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li huma direttament affettwati, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni u d-dritt tagħhom għal vot fl-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali, id-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħhom, il-moviment liberu tagħhom, il-liberta’ tagħhom ta’ soġġorn u ta’ xogħol, id-dritt tagħhom għall-proprjetà u d-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji soċjali.

45      Id-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax id-drittijiet tar-rikorrenti, li jibbenefikaw, hekk kif jenfasizza l-Kunsill, mill-istess drittijiet kemm qabel kif ukoll wara d-deċiżjoni kkontestata. Għal dak li jikkonċerna d-drittijiet taċ-ċittadin tar-Renju Unit fl-Unjoni b’27 Stat Membru mid-data tal-ħruġ, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi biss att preparatorju tal-ftehim finali, li l-konklużjoni tiegħu hija biss possibbli u għandha tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, li jiddeċiedi bil-maġġoranza kwalifikata, wara approvazzjoni mill-Parlament Ewropew (ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal ftehim internazzjonali, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2017, Efler et vs Il‑Kummissjoni, T‑754/14, EU:T:2017:323, punt 34).

46      L-annullament potenzjali tad-deċiżjoni kkontestata għaldaqstant ma jkollux impatt fuq is-sitwazzjoni legali taċ-ċittadini tar-Renju Unit, b’mod partikolari dawk li, bħar-rikorrenti, jirrisjedu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni u ma bbenefikawx mid-dritt għal vot matul ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 u l-elezzjonijiet ġenerali tar-Renju Unit. Hija la twassal għall-annullament tal-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ u lanqas għas-sospensjoni tat-terminu ta’ sentejn previst mill-Artikolu 50(3) TUE. Id-drittijiet tar-rikorrenti jibqgħu l-istess.

47      Għalkemm huwa minnu li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, tista’ tiġi affettwata matul il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, sew jekk jintlaħaq ftehim dwar il-ħruġ u sew jekk le, dan l-impatt potenzjali fuq id-drittijiet tagħhom, li n-natura u l-portata tiegħu ma jistgħux madankollu jiġu evalwati għal issa, ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, bħalma ġustament jirrileva l-Kunsill.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma jistgħux jippreżentaw rikors għal annullament u ma għandhomx, barra minn hekk, locus standi taħt id-dispożizzjonijiet tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

49      Ebda wieħed mill-argumenti l-oħrajn invokati mir-rikorrenti ma huwa tali li jimmina din l-analiżi.

50      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex sempliċement miżura intermedja qabel il-ħruġ tal-Renju Unit mill-Unjoni, peress li hija tinkludi, barra att espliċitu ta’ ftuħ ta’ negozjati, att impliċitu li permezz tiegħu l-Kunsill aċċetta l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ. Id-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet il-“ħruġ” irreversibbli tar-Renju Unit mill-Unjoni fid-29 ta’ Marzu 2019.

51      Tali argument ma jistax jintlaqa’.

52      Huwa minnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex sempliċi miżura intermedja jew att preparatorju qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, sa fejn hija tapplika għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha kif ukoll bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, għall-Istati Membri kif ukoll għal dawn l-istituzzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legali tali kif deskritti fil-punt 40 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ għal dak li jikkonċerna lir-rikorrenti, li għalihom hija għandha titqies li hija att preparatorju li, hekk kif intqal fil-punti 41 sa 48 iktar ’il fuq, ma jipproduċix effetti legali diretti.

53      Barra minn hekk, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi att impliċitu li jaċċetta l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ u li hija rrikonoxxiet il-“ħruġ” tar-Renju Unit mill-Unjoni.

54      Hekk kif intqal fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata la għandha tiġi konfuża mad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni, kif previst mill-Artikolu 50(1) TUE, u lanqas mal-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ.

55      Barra minn hekk, il-Kunsill ma ħax deċiżjoni impliċita, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li jaċċetta l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ.

56      Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 50 TUE jirriżulta li l-possibbiltà għal Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni tibbaża ruħha fuq deċiżjoni unilaterali tiegħu meħuda skont ir-regoli kostituzzjonali tiegħu. L-Artikolu 50(1) TUE jipprovdi għaldaqstant li Stat Membru jista’ “jiddeċiedi” li joħroġ mill-Unjoni. L-Artikolu 50(2) TUE jipprovdi wkoll li Stat Membru “jiddeċiedi” li joħroġ mill-Unjoni u għandu jinnotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni u mhux jagħmel talba għal ħruġ.

57      L-Artikolu 50(3) TUE jikkonferma li l-possibbiltà għal Stat Membru li joħroġ mill-Unjoni ma hijiex suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-istituzzjonjiet tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 50(3) TUE, fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ, it-Trattati jieqfu japplikaw għall-Istat ikkonċernat sentejn wara n-notifika minn dan l-Istat tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, ħlief jekk il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mal-Istat Membru kkonċernat, jiddeċiedi b’mod unanimu li jestendi dan it-terminu.

58      F’dan ir-rigward, għalkemm l-Artikolu 50(1) TUE jipprovdi li d-deċiżjoni li biha Stat Membru jiddeċiedi li joħroġ mill-Unjoni tittieħed skont ir-regoli kostituzzjonali tiegħu, dan ma jfissirx li d-deċiżjoni tal-ħruġ tagħti lok, min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, għal deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni li permezz tagħha dawn l-istituzzjonijiet jikkonfermaw li l-Istat ikkonċernat osserva l-imsemmija regoli. Fil-fatt, tali deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni mill-Kunsill jew minn kwalunkwe istituzzjoni oħra tal-Unjoni ma hijiex meħtieġa u ma hijiex prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 TUE.

59      Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 TUE, id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda deċiżjoni li tapprova jew taċċetta l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ. Barra minn hekk, l-istituzzjoni destinatarja tal-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ ma kienx il-Kunsill iżda l-Kunsill Ewropew li, permezz ta’ dikjarazzjoni tad-29 ta’ Marzu 2017, indika li rċieva l-imsemmija notifika. Bl-istess mod, il-Kunsill ma ddeċidiex, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju Unit “ser joħroġ” mill-Unjoni fid‑29 ta’ Marzu 2019. Għalkemm il-premessa 4 tad-deċiżjoni kkontestata tipprovdi li t-Trattati jieqfu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara n-notifika, ħlief jekk il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, jiddeċiedi b’mod unanimu li jestendi dan it-terminu, din il-kunsiderazzjoni, li sempliċement tfakkar it-termini stess tal-Artikolu 50(3) TUE, ma tfissirx li l-Kunsill iddeċieda li l-ħruġ tar-Renju Unit ser iseħħ fid-29 ta’ Marzu 2019.

60      Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma humiex iġġustifikati meta jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi att impliċitu li permezz tiegħu l-Kunsill aċċetta l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ u lanqas li d-deċiżjoni kkontestata rrikonoxxiet il-“ħruġ” tar-Renju Unit tal-Unjoni fid-29 ta’ Marzu 2019.

61      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari d-direttivi għan-negozjar annessi magħha u li jipproduċu effetti legali, ma tinkludix l-għan li tiżgura li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li kisbu l-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni qabel id-29 ta’ Marzu 2019 iżommu din il-kwalità. Ma jeżisti ebda dubju għal dak li jikkonċerna t-telf fuq perijodu qasir jew medju tad-drittijiet u tal-libertajiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni liċ-ċittadini tar-Renju Unit. Jekk jintlaħaq ftehim finali mill-Kunsill, in-negozjati li għaddejjin jistgħu biss jiddeterminaw l-ambitu tat-telf tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni taċ-ċittadini espatrijati tar-Renju Unit. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, fid-deċiżjoni kkontestata u d-direttivi għan-negozjar, il-Kunsill ma jkun ippreveda ebda għan li d-drittijiet miksuba taċ-ċittadini tar-Renju Unit jinżammu. Għaldaqstant, din id-deċiżjoni ma żżomx il-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni taċ-ċittadini tar-Renju Unit u ma tagħti ebda ċertezza dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat, għall-perijodu ta’ wara d-data tal-ħruġ.

62      Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari sa fejn tinkludi d-direttivi għan-negozjar għal ftehim dwar il-ħruġ, ma tikkostitwixxix att li jistabbilixxi d-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-Unjoni b’27 Stat Membru fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim. Id-direttivi għan-negozjar sempliċement jippreċiżaw, billi jużaw, tal-inqas fil-verżjoni bil-Franċiż kif ukoll dik bl-Ingliż, il-kundizzjonal minflok kliem imperattivi, l-għanijiet tal-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati mar-Renju Unit. Il-paragrafu 11 tad-direttivi għan-negozjar isemmu b’mod partikolari li s-salvagwardja tal-istatus u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni b’27 Stat Membru u tal-familji tagħhom fir-Renju Unit kif ukoll dawk taċ-ċittadini tar-Renju Unit u tal-familji tagħhom fl-Unjoni b’27 Stat Membru tikkostitwixxi l-ewwel prijorità tan-negozjati. Il-punt III.1 tad-direttivi għan-negozjar, iddedikat għad-drittijiet taċ-ċittadini, jipprevedi għaldaqstant li l-ftehim “għandu” jżomm l-istatus u d-drittijiet misluta mid-dritt tal-Unjoni fid-data tal-ħruġ, inkluż dawk li l-benefiċċju tagħhom jitgawdu biss f’data sussegwenti kif ukoll id-drittijiet li qegħdin fil-proċess li jinkisbu (Artikolu 20). Il-punt III.1 jipprevedi wkoll li l-ftehim “għandu” tal-inqas ikopri d-definizzjoni tal-persuni li ser ikunu kkonċernati u li l-kamp ta’ applikazzjoni rationae personae tiegħu “għandu” jkun l-istess bħal dak tad-Direttiva 2004/38/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) u jinkludi l-persuni li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) (Artikolu 21).

63      Għaldaqstant, id-direttivi għan-negozjar ma jistgħux jipproduċu effetti legali fir-rigward taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fi Stat Membru tal-Unjoni b’27 Stat Membru. L-ewwel nett, huma ma jippreċiżawx neċessarjament il-pożizzjonijiet definittivi tal-Unjoni fil-kuntest tan-negozjati, peress li, hekk kif jindika espressament l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttivi, huma jistgħu jkunu mibdula u kkompletati, jekk ikun hemm bżonn, matul in-negozjati kollha, b’mod partikolari sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal-Linji gwida tal-Kunsill Ewropew. It-tieni nett, in-negozjati jistgħu ma jirriżultawx neċessarjament fil-konklużjoni ta’ ftehim. It-tielet nett, jekk jiġi preżunt li n-negozjati jwasslu għal ftehim, id-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni b’27 Stat Membru li eventwalment jiġu ddeterminati b’dan il-ftehim mhux ser ikunu, skont id-definizzjoni, stabbiliti unilateralment mill-Unjoni, iżda ser jiddependu wkoll mill-pożizzjonijiet tar-Renju Unit. Ir-raba’ nett, id-dispożizzjonijiet relattivi għaż-żamma tal-istatus u tad-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni b’27 Stat Membru mid-data tal-ħruġ, kif previst minn ftehim potenzjali, ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-Kunsill biss, peress li d-deċiżjoni li jiġi konkluż ftehim dwar il-ħruġ tittieħed mill-Kunsill, li jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata, wara approvazzjoni tal-Parlament. Għal dawn ir-raġunijiet kollha, id-direttivi għan-negozjar huma indirizzati biss lill-Kummissjoni u ma jistax ikollhom l-effett li jiddeterminaw id-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu fl-Unjoni b’27 Stat Membru mid-data tal-ħruġ.

64      Barra minn hekk, il-fatt, enfasizzat mir-rikorrenti, li d-direttivi għan-negozjar ma jinkludux l-għan li jiżguraw li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li kisbu l-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni qabel id-29 ta’ Marzu 2019 iżommu din il-kwalità, b’mod partikolari d-dritt għal vot għall-elezzjonijiet Ewropej u muniċipali, ma jaffettwax direttament is-sitwazzjoni legali tagħhom. Fil-fatt, hekk kif ġie enfasizzat, id-deċiżjoni kkontestata, inklużi d-direttivi għan-negozjar, hija biss att preparatorju li ma jistax jippreġudika l-kontenut ta’ kwalunkwe ftehim finali, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kamp ta’ applikazzjoni rationae personae ta’ kwalunkwe dispożizzjonijiet dwar iż-żamma tal-istatus u tad-drittijiet taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni b’27 Stat Membru.

65      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata, li hija relattiva għan-negozjati bejn l-Unjoni u r-Renju Unit għal ftehim li jistipula l-arranġamenti dwar il-ħruġ, ma għandhiex bħala għan li tiddetermina d-drittijiet taċ-ċittadini ta’ dan l-Istat Membru li jirrisjedu fl-Unjoni b’27 Stat Membru mid-data tal-ħruġ, fil-każ li ma jintlaħaqx ftehim. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod validu li l-Kunsill ma pprevediex, fid-deċiżjoni kkontestata u fid-direttivi għan-negozjar, għan ta’ konservazzjoni tad-drittijiet miksuba miċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-assenza ta’ ftehim u li, bħala riżultat, id-deċiżjoni kkontestata ma tagħti ebda ċertezza dwar id-drittijiet taċ-ċittadini espatrijati tar-Renju Unit mid-data tal-ħruġ.

66      L-argument tar-rikorrenti, dwar l-għanijiet tad-deċiżjoni kkontestata u tad-direttivi għan-negozjar, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

67      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kunsill kien messu rrifjuta jew issospenda l-ftuħ tan-negozjati. Huma jaffermaw li l-proċess tal-ħruġ huwa null fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni kostituzzjonali ċerta u bbażata fuq il-vot taċ-ċittadini tar-Renju Unit kollha, li huma wkoll ċittadini tal-Unjoni, u li probabbilment xejn ma seħħ li rrikjeda l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-rikorrenti jindikaw li huma ġew imċaħħda mid-dritt għal vot fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 kif ukoll fl-elezzjoni tal-Membri Parlamentari li adottaw il-Liġi tal-2017 dwar l-Unjoni Ewropea (Notifika ta’ ħruġ), minħabba r-“regola ta’ 15-il sena” (15 years rule), li ċċaħħad liċ-ċittadini tar-Renju Unit li ilhom jirrisjedu barra għal iktar minn 15-il sena mid-dritt għal vot. Barra minn hekk, il-Liġi tal-2017 dwar l-Unjoni Ewropea (Notifika ta’ ħruġ) ma tindikax li r-Renju Unit ser joġroġ mill-Unjoni iżda tawtorizza biss lill-Prim Ministru jinnotifika lill-Unjoni bid-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ milll-Unjoni. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li azzjoni ġudizzjarja hija attwalment pendenti quddiem qorti tar-Renju Unit, li l-Kunsill u r-Renju Unit kien messhom talbu l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kostituzzjonalità tal-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni legali previst fl-Artikolu 4(3) TUE u li l-Kunsill kien messu talab ukoll l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, rigward il-kompatibbiltà taċ-ċaħda tad-dritt għal vot taċ-ċittadini espatrijati tar-Renju Unit u tar-rappreżentanza indiretta tagħhom mill-Membri Parlamentari mat-Trattati, skont l-Artikolu 218(11) TFUE. Huma jsostnu wkoll li jekk ir-rikors preżenti jiġi miċħud bħala inammissibbli, dan jikser il-prinċipju ta’ demokrazija, sa fejn l-eliminazzjoni taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, f’Marzu 2019, isseħħ f’ċirkustanzi illegali fejn iċ-ċittadini tal-Unjoni ġew imċaħħda mid-dritt għal vot.

68      Permezz ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jqajmu motivi dwar il-mertu, li fir-realtà jfittxu li jikkontestaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt huma jikkontestaw din tal-aħħar, inkwantu ma rrifjutatx jew ma ssospendietx il-ftuħ tan-negozjati fid-dawl tal-kundizzjonijiet li fihom seħħew ir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016 u l-elezzjonijiet ġenerali tar-Renju Unit kif ukoll fid-dawl tal-kontenut tal-Liġi tal-2017 dwar l-Unjoni Ewropea (Notifika ta’ ħruġ). Huma jikkontestaw ukoll id-deċiżjoni kkontestata, inkwantu ma kinitx ippreċeduta minn proċeduri ġudizzjarji intiżi b’mod partikolari sabiex jivverifikaw il-kostituzzjonalità tal-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ u l-kompatibbiltà tal-assenza tad-dritt għal vot taċ-ċittadini espatrijati tar-Renju Unit mat-Trattati.

69      Madankollu, dawn il-motivi dwar il-mertu ma għandhomx effett fuq l-amissibbiltà tar-rikors, peress li huma ma jikkontestawx li d-deċiżjoni kkontestata ma għandhiex effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Anki jekk jiġi preżunt li l-Kunsill kien messu rrifjuta li jiftaħ in-negozjati jew kien messu vverifika jekk id-deċiżjoni li biha r-Renju Unit iddeċieda li joħroġ mill-Unjoni kinitx ittieħdet skont ir-regoli kostituzzjonali tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, li sempliċement tawtorizza l-ftuħ tan-negozjati mar-Renju Unit u tistabbilixxi direttivi għat-tmexxija tal-imsemmija negozjati, ma tibdilx is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. B’mod partikolari, il-fatt li, b’mod żbaljat, il-Kunsill ma użax il-possibbiltà prevista mill-Artikolu 218(11) TFUE, li jieħu l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim previst mat-Trattati, jew mar kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, ma jistax iwassal sabiex jitwarrbu l-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà espressament previsti fl-Artikolu 263 TFUE (ara, f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ kooperazzjoni legali, is-sentenza tal-20 ta’ Frar 2018, Il-Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑16/16 P, EU:C:2018:79, punt 40), peress li t-talba għal opinjoni hija biss possibbiltà u mhux obbligu min-naħa tal-Kunsill.

70      Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjonijiet ta’ preġudizzju għall-prinċipju ta’ demokrazija, li jinsab b’mod partikolari fil-preambolu tat-Trattat UE, fl-Artikolu 2 TUE kif ukoll fil-preambolu tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li r-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli sa fejn id-deċiżjoni kkontestata ttieħdet bi ksur tal-prinċipju ta’ demokrażija. Fil-fatt, tali raġunament iwassal sabiex l-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE tiġi dedotta mill-illegalità potenzjali tal-att ikkontestat. Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-gravità ta’ allegat nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-istituzzjoni kkonċernata jew l-importanza tal-preġudizzju li jirriżulta minnu f’dak li jirrigwarda r-rispett tad-drittijiet fundamentali ma jippermettix li tiġi miċħuda l-applikazzjoni ta’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku previsti mit-Trattat FUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-10 ta’ Mejju 2001, FNAB et vs Il-Kunsill, C‑345/00 P, EU:C:2001:270, punt 40). Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv peress li d-deċiżjoni kkontestata, fiha nnifisha, ma tirrestrinġix id-drittijiet tar-rikorrenti.

71      L-argument tar-rikorrenti li l-Kunsill kien messu rrifjuta jew issospenda l-ftuħ tan-negozjati, fid-dawl b’mod partikolari tal-assenza ta’ awtorizzazzjoni kostituzzjonali ċerta u bbażata fuq il-vot taċ-ċittadini kollha tar-Renju Unit, għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

72      Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti jsostnu li r-rikors preżenti huwa l-uniku rimedju legali effettiv quddiem il-qorti tal-Unjoni qabel ma inevitabbilment jitilfu l-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni li ser iseħħ fid-29 ta’ Marzu 2019, minħabba d-deċiżjoni kkontestata. La proċedura b’urġenza u lanqas a fortiori rikors għad-danni, ma jistgħu jipprekludu ċ-ċaħda immedjata taċ-ċittadinanza tal-Unjoni f’din id-data. Ir-rimedju preżenti għandu jintlaqa’ skont il-prinċipju ta’ Unjoni bbażata fuq l-istat tad-dritt u skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

73      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill ma ddeċidiex, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li r-Renju Unit “joħroġ” mill-Unjoni fid‑29 ta’ Marzu 2019, kif intqal fil-punt 59 iktar ’il fuq. It-telf potenzjali tal-kwalità ta’ ċittadini tal-Unjoni miċ-ċittadini tar-Renju Unit fid-29 ta’ Marzu 2019 għaldaqstant ma jirriżultax mid-deċiżjoni kkontestata, li tikkostitwixxi biss, fir-rigward tar-rikorrenti, att preparatorju.

74      Barra minn hekk, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa zgurat, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 19(1) TUE, mhux biss mill-Qorti tal-Ġustizzja, iżda wkoll mill-qrati tal-Istati Membri (ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2015, T & L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni, C‑456/13 P, EU:C:2015:284, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ ineżami, hekk kif jenfasizza l-Kunsill, wieħed mill-ilmenti prinċipali invokati mir-rikorrenti huwa li ma setgħux jivvutaw fir-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016, u lanqas fl-elezzjonijiet tal-Membri Parlamentari li adottaw il-Liġi tal-2017 dwar l-Unjoni Ewropea (Notifika ta’ ħruġ). Madankollu, dawn il-proċeduri ta’ votazzjoni taċ-ċittadini tar-Renju Unit kif ukoll, barra minn hekk, l-att li jinnotifika l-intenzjoni ta’ ħruġ, setgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati tar-Renju Unit, li setgħu, skont il-każ, jistaqsu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati permezz ta’ domandi preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-Renju Unit ġiet adita diversi drabi fir-rigward tal-legalità tal-proċeduri u tal-atti tal-awtoritajiet tar-Renju Unit intiżi li jimplimentaw il-proċedura tal-ħruġ prevista mill-Artikolu 50 TUE. Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ April 2016, il-High Court of Justice (England and Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) (il-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales), Sezzjoni tal-Queen’s Bench (Awla Amministrattiva), ir-Renju Unit) tat deċiżjoni dwar ir-rikors li permezz tiegħu H. Shindler u rikorrenti oħra kkontestaw ir-regolarità tar-referendum tat-23 ta’ Ġunju 2016, billi sostnew li ċ-ċittadini tar-Renju Unit li ilhom jirrisjedu fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni għal iktar minn 15-il sena ġew imċaħħda mid-dritt għal vot bir-“regola ta’ 15-il sena” (15 years rule), bi ksur tad-dritt tal-Unjoni. Hekk kif ġie enfasizzat matul is-seduta, l-istess qorti ċaħdet ukoll, permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2018, rikors li permezz tiegħu E. Webster u rikorrenti oħrajn ikkontestaw it-tmexxija mir-Renju Unit, fid-dawl tal-allegata assenza ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ meħuda konformement mar-regoli kostituzzjonali tar-Renju Unit, tan-negozjati għal ftehim dwar il-ħruġ.

75      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu, insostenn tal-argument tagħhom li r-rikors preżenti huwa l-uniku li jiggarantixxi d-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li wara d-29 ta’ Marzu 2019, fil-każ ta’ tilwim rigward il-ftehim potenzjali dwar il-ħruġ, ir-Renju Unit ikun Stat terz għall-Unjoni u jista’ jqis lilu nnifsu mhux marbut b’deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni. Wara din id-data, ebda forza eżekutorja ma tista’ tingħata lil deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni rigward il-ftehim potenzjali dwar il-ħruġ.

76      Madankollu, l-inammissibbiltà tar-rikors preżenti ma hijiex dedotta mill-possibbiltà li r-rikorrenti jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni kontra d-deċiżjoni ta’ konklużjoni ta’ ftehim potenzjali dwar il-ħruġ, iżda tirriżulta mill-konstatazzjoni li l-kundizzjoni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti ma hijiex issodisfatta fil-każ ineżami. Għalkemm din il-kundizzjoni għall-ammissibbiltà għandha tiġi interpretata fid-dawl tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, hija ma tistax tiġi miċħuda mingħajr ma wieħed imur lil hinn mill-kompetenzi mogħtija mit-Trattat FUE lill-qrati tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑583/11 P, EU:C:2013:625, punti 97 u 98). L-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors preżenti, irregolata mir-regoli tat-Trattat FUE, lanqas ma tiddependi mill-kwistjoni dwar jekk ir-Renju Unit huwiex ser iqis ruħu marbut minn deċiżjoni tal-qorti tal-Unjoni fil-każ ta’ tilwim rigward il-ftehim potenzjali dwar il-ħruġ.

77      L-argument dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata, li ma tipproduċix effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi tibddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali ta’ dawn tal-aħħar, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, li ma humiex direttament ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata, ma għandhomx locus standi taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala inammissibbli.

 Fuq it-talba għal intervent

79      Skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervent huwa sekondarju għall-kawża prinċipali u jitlef l-għan tiegħu fil-każ, b’mod partikolari, li r-rikors jiġi ddikjarat inammissibbli.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent tal-Kummissjoni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

82      Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

83      B’applikazzjoni tal-Artikolu 144(10) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-istanza fil-kawża prinċipali ntemmet qabel ma ngħatat deċiżjoni dwar it-talba għal intervent, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mat-talba għal intervent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba għal intervent tal-Kummissjoni Ewropea.

3)      Harry Shindler u r-rikorrenti l-oħrajn li isimhom jidher fl-anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom, kif ukoll dawk imġarrba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mat-talba għal intervent.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Kowalik-Bańczyk

 

       Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.