Language of document : ECLI:EU:C:2018:557

Kawża C-15/17

Bosphorus Queen Shipping Ltd Corp.

vs

Rajavartiolaitos

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein oikeus)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konvenzjoni ta’ Montego Bay – Artikolu 220(6) – Setgħat tal-Istat kostali – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt internazzjonali – Direttiva 2005/35/KE – Tniġġis ikkawżat minn vapuri – Artikolu 7(2) – Konvenzjoni Marpol 73/78 – Tixrid ta’ żejt fiż-żona ekonomika esklużiva minn vapur fi tranżitu – Ċirkustanzi li fihom l-Istat kostali jista’ jibda proċedimenti kontra bastiment barrani – Libertà ta’ navigazzjoni – Protezzjoni tal-ambjent marittimu – Ħsara maġġuri jew theddid ta’ danni maġġuri għall-kosta jew l-interessi relatati jew għal xi riżorsi fil-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva – Evidenza ċara u effettiva”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-11 ta’ Lulju 2018

1.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Konvenzjoni internazzjonali li torbot lill-Unjoni – Interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ konvenzjoni ffirmata u approvata mill-Unjoni – Inklużjoni – Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 (Konvenzjoni ta’ Montego Bay)

(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, Artikolu 7(2))

2.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Konvenzjoni internazzjonali li ma torbotx lill-Unjoni – Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (Konvenzjoni Marpol 73/78) – Interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni – Inklużjoni – Inklużjoni

(Artikolu 267 TFUE; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, Artikolu 7(2))

3.        Domandi preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Limiti – Konvenzjoni internazzjonali li ma torbotx lill-Unjoni – Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f’Każi ta’ Aċċidenti ta’ Tniġġis miż-Żejt – Esklużjoni

(Artikolu 49 TFUE)

4.        Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur – Direttive 2005/35 – Miżuri ta’ inforzar mill-Istati kostali – Detenzjoni ta’ bastiment – Kundizzjonijiet – Evidenza ċara tal-ksur – Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 7(2))

5.        Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur – Direttiva 2005/35 – Miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-Istati kostali – Detenzjoni ta’ bastiment – Kundizzjonijiet – Ksur li jikkawża jew jhedded li jikkawża danni għall-kosta jew għall-interessi relatati tal-Istat Membru kkonċernat – Kunċett ta’ kosta jew interessi relatati

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, Artikolu 7(2))

6.        Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur – Direttiva 2005/35 – Miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-Istati kostali – Detenzjoni ta’ bastiment – Kundizzjonijiet – Danni kkawżati għar-riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-Żona Ekonomika Ewropea ta’ Stat kostali – Kunċett ta’ riżorsi – Interpretazzjoni wiesgħa

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 7(2))

7.        Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur – Direttiva 2005/35 – Miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-Istati kostali – Detenzjoni ta’ bastiment – Kundizzjonijiet – Ksur li jikkawża jew jhedded li jikkawża danni għall-kosta jew għall-interessi relatati tal-Istat Membru kkonċernat –Evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur – Rilevanza tal-kunċett ta’ tniġġiż sinjifikattiv fis-sens tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982 (Konvenzjoni ta’ Montego Bay) – Assenza

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 7(2))

8.        Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur – Direttiva 2005/35 – Miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-Istati kostali – Detenzjoni ta’ bastiment – Kundizzjonijiet – Ksur li jikkawża jew jhedded li jikkawża danni għall-kosta jew għall-interessi relatati tal-Istat Membru kkonċernat – Evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur – Kriterji

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, Artikolu 7(2))

9.        Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur – Direttiva 2005/35 – Miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-Istati kostali – Detenzjoni ta’ bastiment – Kundizzjonijiet – Ksur li jikkawża jew jhedded li jikkawża danni għall-kosta jew għall-interessi relatati tal-Istat Membru kkonċernat – Evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur – Teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi taż-żona marittima kkonċernata – Limiti

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/136, Artikolu 7(2))

10.      Trasport – Trasport marittimu – Tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u introduzzjoni ta’ sanzjonijiet fil-każ ta’ ksur – Direttiva 2005/35 – Miżuri ta’ eżekuzzjoni mill-Istati kostali – Detenzjoni ta’ bastiment – Possibbiltà għal Stat Membru li jimponi miżura iktar stretta skont id-dritt internazzjonali – Esklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/23, Artikoli 1(2) u 7(2))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 44, 49)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 45)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 46)

4.      L-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay fl-10 ta’ Diċembru 1982, u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar tniġġis ikkawżat minn vapuri u dwar l-introduzzjoni ta’ penali, inklużi pieni kriminali, għal reati ta’ tniġġis, kif emendata bid-Direttiva 2009/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kelmiet “evidenza ċara u oġġettiva”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma jirreferux biss għat-twettiq ta’ ksur iżda wkoll għall-prova tal-konsegwenzi ta’ dan il-ksur.

Għaldaqstant jidher li l-awturi tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay riedu jagħtu lill-Istat kostali d-dritt li jieħu tali miżura partikolarment severa għaliex, minn naħa, il-ksur imwettaq minn vapur ikkawża jew jirriskja li jikkawża ħsara maġġuri għal dan l-Istat u, min-naħa l-oħra, jirriżulta li dan il-vapur inkwistjoni huwa l-awtur ta’ tali ksur. Peress li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, li huma tal-istess importanza, huma kumulattivi, hemm lok għaldaqstant, li l-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay jiġi interpretat bħala li jipprevedi li s-setgħa ta’ intervent tal-Istat kostali hija suġġetta għall-eżistenza ta’ evidenza ċara u oġġettiva li tirrigwarda kemm it-twettiq, minn dan il-vapur, ta’ ksur fis-sens tal-Artikolu 220(3) ta’ din il-konvenzjoni, kif ukoll il-ħsara jew riskju ta’ ħsara maġġuri, għall-Istat kostali inkwistjoni, ikkawżata minnu.

(ara l-punti 61, 62, 65, u d-dispożittiv 1)

5.      Il-kelmiet “kosta jew interessi relatati”, li jinsabu fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-prinċipju, għandhom l-istess tifsira bħall-kelmiet “kosta jew [...] interessi relatati”, imsemmija fl-Artikolu I(1) u fl-Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ f’Każi ta’ Aċċidenti ta’ Tniġġis miż-Żejt, konkluża fi Brussell fid-29 ta’ Novembru 1969, filwaqt li jinftiehem li dan l-Artikolu 220(6) japplika wkoll għar-riżorsi mhux ħajjin tal-baħar territorjali tal-Istat kostali u għar-riżorsi kollha taż-żona ekonomika esklużiva tiegħu.

(ara l-punt 79, u d-dispożittiv 2)

6.      L-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-żona ekonomika esklużiva ta’ Stat kostali, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jirreferu għall-ispeċi maqbuda iżda wkoll għall-ispeċi ħajjin assoċjati mal-ispeċi maqbuda jew li huma dipendenti fuqhom, bħall-ispeċi ta’ annimali u ta’ pjanti li l-ispeċi maqbuda jieklu minnhom.

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay isemmi l-ħsara kkawżata jew li tirriskja li tiġi kkawżata għal “xi [kwalunkwe]” riżorsi tal-baħar territorjali jew taż-ŻEE ta’ Stat kostali. Din id-dispożizzjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata b’mod wiesa’ f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-kliem tagħha stess, u ma għandhiex tinftiehem bħala li teskludi ċerti riżorsi mill-portata tal-imsemmija dispożizzjoni.

(ara l-punti 81, 84, u d-dispożittiv 3)

7.      Ma huwiex neċessarju, fil-prinċipju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kunċett ta’ “tniġġiż sinifikanti” imsemmi fl-Artikolu 220(5) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, waqt l-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) ta’ din il-konvenzjoni u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123 u, b’mod partikolari, matul l-evalwazzjoni tal-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti f’dawn id-dispożizzjonijiet.

Issa, jekk il-protezzjoni tal-“interessi relatati” tal-Istat kostali tikseb rilevanza f’sitwazzjoni ta’ tniġġis, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu II(4) tal-Konvenzjoni dwar l-Intervent fil-Baħar Miftuħ tal-1969 ikopri, madankollu, b’mod speċifiku l-konsegwenzi negattivi ekonomiċi, soċjali u dawk li jirrigwardaw is-saħħa ta’ tali tniġġis fuq l-Istat kostali, jiġifieri, b’mod iktar partikolari, il-fatt li ħsara maġġuri hija kkawżata jew tirriskja li tiġi kkawżata, l-ewwel nett, lid-diversi attivitajiet professjonali, marbuta mal-użu tal-baħar, eżerċitati mill-popolazzjoni tiegħu li tgħix mal-kosta, li jikkostitwixxu mezz ta’ eżistenza essenzjali għal din il-popolazzjoni, sussegwentement, lill-attivitajiet turistiċi fir-reġjuni kostali tiegħu u, fl-aħħar nett, lis-saħħa u l-benesseri tal-imsemmija popolazzjoni. Minn dan il-paragun jirriżulta li jeżistu differenzi essenzjali bejn l-Artikolu 220(5) u l-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. Fil-fatt, minn naħa, dan l-Artikolu 220(5), moqri fid-dawl tal-Artikolu 1(4) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay, ma huwiex intiż jipproteġi b’mod speċifiku l-beni u l-interessi relatati tal-Istat kostali, u, min-naħa l-oħra, dan l-Istat ma stabbilixxiex l-eżistenza ta’ “ħsara maġġuri” għal dawn l-interessi.

(ara l-punti 88 sa 90, 92, u d-dispożittiv 4)

8.      Sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi ta’ ksur, kif iddefiniti fl-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-indizji kollha li jippermettu li jiġi stabbilit li ġiet ikkawżata ħsara jew li hemm riskju li tiġi kkawżata ħsara lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali, kif ukoll jiġi evalwat kemm hija kbira l-ħsara kkawżata jew li hemm riskju li tiġi kkawżata lil dawn il-beni jew lil dawn l-interessi, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari:

–        in-natura kumulattiva tal-ħsara lil diversi jew saħansitra lil dawn il-beni u lil dawn l-interessi relatati kollha kif ukoll differenzi fil-vulnerabbiltà tal-Istat kostali għal dak li jirrigwarda l-ħsara lid-diversi beni u interessi relatati;

–        konsegwenzi negattivi prevedibbli tat-tixrid fuq l-imsemmija beni u interessi relatati, abbażi mhux biss tad-data xjentifika disponibbli, iżda wkoll tan-natura tas-sustanza jew tas-sustanzi dannużi fit-tixrid inkwistjoni kif ukoll l-ammont, id-direzzjoni, il-veloċità u l-perijodu ta’ żmien li matulu l-imsemmi tixrid ikompli jinfirex.

(ara l-punt 102, u d-dispożittiv 5)

9.      Il-karatteristiċi ġeografiċi u ekoloġiċi partikolari u l-vulnerabbiltà taż-żona tal-Baħar Baltiku għandhom impatt fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għal dak li jirrigwarda d-definizzjoni u l-klassifikazzjoni tal-ksur kif ukoll, b’mod madankollu mhux awtomatiku, fuq l-evalwazzjoni ta’ kemm hija kbira l-ħsara li dan il-ksur ikkawża lill-beni u lill-interessi relatati tal-Istat kostali.

F’dan ir-rigward, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Baħar Baltiku huwa rrikonoxxut internazzjonalment bħala li huwa żona speċjali kkaratterizzata minn partikolaritajiet ġeografiċi u minn ekosistema f’sitwazzjoni partikolarment vulnerabbli li jeħtieġu protezzjoni partikolari. Fid-dawl ta’ dan, għandu jitfakkar li l-għan speċifiku tal-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay ma huwiex li tiġi żgurata protezzjoni partikolari lil żona speċjali, iżda li jiġu protetti ċerti beni u interessi tal-Istat kostali indipendentement mill-fatt jekk il-baħar biswit dan l-Istat jikkostitwixxix żona speċjali jew le.

(ara l-punti 104, 106, 108, u d-dispożittiv 6)

10.    L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2005/35, kif emendata bid-Direttiva 2009/123, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li l-Istati Membri jimponu miżuri iktar stretti, konformi mad-dritt internazzjonali, minn dawk imsemmija fl-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, meta din id-direttiva tkun applikabbli, filwaqt li l-Istati kostali huma awtorizzati jieħdu miżuri oħra ta’ portata ekwivalenti għal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 220(6).

Issa, skont il-punt 63 tas-sentenza preżenti, dan l-Artikolu 220(6) jirrifletti r-rieda tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay li tistabbilixxi, għaż-żoni marittimi kollha, bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati kostali u l-interessi tal-Istati fil-kwalità tagħhom ta’ Stati tal-bandiera. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2005/35 ma jistax jitqies li qiegħed jawtorizza lill-Istat kostali jieħu miżuri iktar stretti minn dawn previsti minn dan l-artikolu, b’riskju li jinkiser il-bilanċ ġust bejn l-interessi tal-Istat kostali u dawk tal-Istat tal-bandiera, imfittex mill-Artikolu 220(6) tal-Konvenzjoni ta’ Montego Bay. Fid-dawl ta’ dan, tali interpretazzjoni ma tistax tipprekludi lill-Istat kostali milli jieħu miżuri ta’ prortata ekwivalenti għal dawk previsti f’dan l-Artikolu 220(6), peress li l-imsemmi artikolu ma jipprevedix lista eżawrjenti ta’ miżuri awtorizzati, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-kelmiet “b’mod partikolari”.

(ara l-punti 115 sa 118, u d-dispożittiv 7)