Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-13 ta' Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra - Spanja) - Aurora Sousa Rodríguez, Yago López Sousa, Rodrigo Puga Lueiro, Luis Rodríguez González, María del Mar Pato Barreiro, Manuel López Alonso, Yaiza Pato Rodríguez vs Air France

(Kawża C-83/10) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trasport bl-ajru - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikolu 2(l) - Kumpens għall-passiġġieri f'każ ta' kanċellazzjoni ta' titjira - Kunċett ta' 'kanċellazzjoni' - Artikolu 12 - Kunċett ta' 'kumpens ulterjuri' - Kumpens taħt id-dritt nazzjonali)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Aurora Sousa Rodríguez, Yago López Sousa, Rodrigo Puga Lueiro, Luis Rodríguez González, María del Mar Pato Barreiro, Manuel López Alonso, Yaiza Pato Rodríguez

Konvenuta: Air France

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra - Interpretazzjoni tal-Artikoli 2(l), 8, 9 u 12 tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10) - Kunċett ta' "kanċellazzjoni ta' titjira" - Ħsarat tekniċi - Kunċett ta' "kumpens ulterjuri" - Dritt għal kumpens skont id-dritt nazzjonali

Dispożittiv

1)    Il-kunċett ta' "kanċellazzjoni" kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal 11 ta' Frar 2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li jħassar ir Regolament (KEE) Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f'sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tirrigwardax esklużivament il-każ tan-nuqqas ta' kull tluq tal-ajruplan ikkonċernat, iżda tkopri wkoll il-każ fejn l-ajruplan telaq, iżda għal raġuni liema tkun, kellu iktar tard jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq u minnfejn il-passiġġieri ta' dan l-ajruplan ġew ittrasferiti għal fuq titjiriet oħra.

2)    Il-kunċett ta' "kumpens ulterjuri" imsemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali li tagħti kumpens, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni jew mil-liġi nazzjonali, għall-ħsara, inkluża dik morali, li tirriżulta minn ksur tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, dan il-kunċett ta' "kumpens ulterjuri" ma jistax iservi bħala bażi legali għall-qorti nazzjonali sabiex tikkundanna lit-trasportatur bl-ajru jirrimborsa lura lill-passiġġieri meta t-titjiriet ikunu mdewma jew ikkanċellati, l-ispejjeż li kellhom iġarrbu minħabba li dan it-trasportatur naqas mill-obbligi tiegħu li jipprovdi għajnuna u li jieħu ħsiebhom kif previst fl-Artikoli 8 u 9 ta' dan ir-regolament.

____________

1 - ĠU C 113, 01.05.2010.