Language of document : ECLI:EU:C:2011:652

Kawża C-83/10

Aurora Sousa Rodríguez et

vs

Air France SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de lo Mercantil nº 1 de Pontevedra)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Trasport bl-ajru — Regolament (KE) Nru 261/2004 — Artikolu 2(l) — Kumpens għall-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira — Kunċett ta’ ‘kanċellazzjoni’ — Artikolu 12 — Kunċett ta’ ‘kumpens ulterjuri’ — Kumpens taħt id-dritt nazzjonali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Kanċellazzjoni — Kunċett

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 2(l) u 5(3))

2.        Trasport — Trasport bl-ajru — Regolament Nru 261/2004 — Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet — Kumpens ulterjuri — Portata — Assigurazzjoni għal dannu morali — Inklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 261/2004, Artikoli 8, 9 u 12; Konvenzjoni ta’ Montréal tal-1999)

1.        Il-kunċett ta’ “kanċellazzjoni” kif iddefinit fl-Artikolu 2(l) tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jirrigwardax esklużivament il-każ tan-nuqqas ta’ kull tluq tal-ajruplan ikkonċernat, iżda jkopri wkoll il-każ fejn l-ajruplan telaq, iżda għal raġuni liema tkun, kellu iktar tard jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq u minn fejn il-passiġġieri ta’ dan l-ajruplan ġew ittrasferiti għal fuq titjiriet oħra.

Ir-raġuni għalfejn l-ajruplan kellu jirritorna lejn l-ajruport tat-tluq hija għalhekk mingħajr effett. Fil-fatt, din ir-raġuni hija biss rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk, fejn ikun il-każ, din il-kanċellazzjoni hijiex dovuta għal ċirkustanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki kieku ġew adottati l-miżuri raġonevoli kollha, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, f’liema każ l-ebda kumpens ma jkun dovut.

(ara l-punti 34, 35 u d-dispożittiv 1)

2.        Il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 261/2004, li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li jħassar ir-Regolament Nru 295/91, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-qorti nazzjonali li tagħti kumpens, taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Montréal jew mil-liġi nazzjonali, għall-ħsara, inkluża dik morali, li tirriżulta minn ksur tal-kuntratt tat-trasport bl-ajru. Barra minn hekk, dan il-kunċett ta’ “kumpens ulterjuri” ma jistax iservi bħala bażi legali għall-qorti nazzjonali sabiex tikkundanna lit‑trasportatur bl-ajru jirrimborsa lill-passiġġieri, li t-titjiriet tagħhom ikunu mdewma jew ikkanċellati, l-ispejjeż li kellhom iġarrbu minħabba li dan it-trasportatur naqas mill-obbligi tiegħu li jipprovdi għajnuna u li jieħu ħsiebhom kif previst fl-Artikoli 8 u 9 ta’ dan ir-regolament.

(ara l-punt 46 u d-dispożittiv 2)