Language of document : ECLI:EU:C:2016:854

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WAHL

ippreżentati fl-10 ta’ Novembru 2016 (1)

Kawża C‑660/15 P

Viasat Broadcasting UK Ltd

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Għajnuna mill-Istat — Għajnuna implementata mill-awtoritajiet Daniżi favur ix-xandar ta’ servizz pubbliku Daniż TV2/Danmark — Finanzjament pubbliku mogħti sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż involuti fl-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Relazzjoni bejn l-Artikoli 106(2) u 107(1) TFUE”





1.        Bl-appell tagħha, Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tannulla s-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2015 fil-Kawża T‑125/12 (2) li fiha l-Qorti Ġenerali caħdet it-talba tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni 2011/839/UE (3) sa fejn il-Kummissjoni ddeċidiet permezz tagħha li ċerti miżuri implementati mir-Renju tad-Danimarka favur TV2/Danmark kienu kompatibbli mas-suq intern taħt l-Artikolu 106(2) TFUE (4).

2.        Meta tarah mil-lenti tal-qasam tal-għajnuna mill-Istat, dan l-appell iqajjem kwistjoni importanti fir-rigward tal-finanzjament tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Essenzjalment, Viasat tpoġġi dubji fuq ir-relazzjoni bejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza storika Altmark (5) u dawk li jsegwu mill-Artikolu 106(2) TFUE (6). Il-qofol tal-appell ta’ Viasat huwa li jiġi ssuġġerit li l-Kummissjoni Ewropea għandha tapplika l-kundizzonijiet Altmark meta teżamina jekk għajnuna tistax tiġi ddikjarata kompatibbli skont l-Artikolu 106(2) TFUE. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet dik l-idea f’diversi okkażjonijiet (7), u issa l-Qorti tal-Ġustizzja qed tintalab tirrikkunsidraha għall-ewwel darba minn mindu ngħatat s-sentenza Altmark.

3.        Għar-raġunijiet li ġejjin, jiena tal-fehma li l-Qorti Ġenerali għamlet sew meta ċaħdet dik l-idea. Għaldaqstant, jiena nirrakkomanda li dan l-appell jiġi miċħud.

I –    L-isfond tal-proċeduri

4.        Wara lment ippreżentat fil-5 ta’ April 2000, b’deċiżjoni tad-19 ta’ Mejju 2004 il-Kummissjoni ordnat lir-Renju tad-Danimark biex jirkupra l-ammont ta’ DKK 628.2 miljuni, flimkien mal-imgħax, mill-impriża awtonoma tal-Istat TV2/Danmark (8). Dik id-deċiżjoni ġiet sussegwentement annullata mill-Qorti Ġenerali f’Ottubru 2008 (9).

5.        Fil-frattemp, billi l-effett ta’ dik id-deċiżjoni kien li jirrendi insolventi lis-suċċessur ta’ TV2/Danmark (il-kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata TV2/Danmark A/S (10)), b’ittra tat-23 ta’ Lulju 2004, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni b’rikapitalizzazzjoni ppjanata ta’ TV2. B’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni kkunsidrat li kwalunkwe element ta’ għajnuna mill-Istat li jista’ jkun konness mar-rikapitalizzazzjoni tat-TV2 kien kompatibbli mas-suq intern taħt dak li issa huwa l-Artikolu 106(2) TFUE (11). F’Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx meħtieġ li tiddeċiedi dwar ċerti kontestazzjonijiet legali magħmulin kontra dik id-deċiżjoni (12).

6.        Wara l-annullament tad-deċiżjoni msemmija iktar ’il fuq fil-punt 4, f’April 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata wara li evalwat mill-ġdid il-miżuri inkwistjoni u wara li kkonsultat il-partijiet interessati. Id-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda l-miżuri mogħtija lil TV2 bejn l-1995 u l-2002. Madankollu, il-Kummissjoni, fl-analiżi tagħha, ħadet inkunsiderazzjoni wkoll l‑miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni adottati fl-2004 li sar riferiment għalihom fil-punt 5 (meħudin flimkien, iktar ’il quddiem: “il-miżuri inkwistjoni”).

7.        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE favur TV2. Sussegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li s-somma ta’ DKK 628.2 miljun kienet bafer kapitali xieraq għal TV2. Għaldaqstant, l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jiddikajara:

“Il-miżuri li [r-Renju ta]d-Danimarka implimenta[...] favur [TV2] bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE]”.

II – Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

8.        Permezz ta’ rikors ippreżentat fl-14 ta’ Marzu 2012, Viasat fetħet kawża għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

9.        Insostenn tal-azzjoni tagħha, Viasat invokat żewġ motivi għall-annullament, jiġifieri, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi meta evalwat il-kompatibbiltà tal-miżuri inkwistjoni mas-suq intern taħt l-Artikolu 106(2) TFUE, mingħajr ma tat kas tat-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark, u, it-tieni nett, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 296 TFUE meta naqset milli tispjega, fid-deċiżjoni kkontestata, għaliex l-Artikolu 106(2) TFUE kien japplika f’dak il-każ, anki għalkemm it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark ma kinux issodisfatti.

10.      Wara seduta pubblika li saret fil-15 ta’ Jannar 2015, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li ma kienx meħtieġ li l-kawża tiġi deċiża sa fejn intalab l-annullament tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata li fiha l-Kummissjoni ddeċidiet li d-dħul mir-reklamar mill-1995 u l-1996 imħallas lil TV2 mill-hekk imsejjaħ Fond TV2 kien jammonta għal għajnuna mill-Istat (għar-raġunijiet għal dan, ara l-punt 18 iktar ’l isfel), u ċaħdet il-bqija tal-kawża. Ordnat ukoll lil Viasat li tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tal-Kummissjoni, u ordnat lir-Renju tad-Danimarka u lil TV2 biex kull wieħed minnhom ibati l-ispejjeż tiegħu.

III – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet imressqa

11.      B’appell ippreżentat fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Diċembru 2015, Viasat tissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ Viasat kemm fl-ewwel istanza kif ukoll dawk fil-Qorti tal-Ġustizzja;

alternattivament:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali;

–        tirriżerva l-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

12.      B’risposta ppreżentata fil-11 ta’ Frar 2016, il-Kummissjoni tissottometti li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiċħad l-appell bħala inammissibbli, infondat u ineffettiv, u tikkundanna lil Viasat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

13.      B’risposta ppreżentata fid-19 ta’ Frar 2016, TV2 qed titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell. Alternattivament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell, TV2 titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja żżomm l-effetti tas-sentenza appellata, u d-deċiżjoni kkontestata, bis-saħħa tal-Artikolu 264(2) TFUE. Fl-aħħar nett, TV2 titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkundanna lill-Viasat għall-ispejjeż ta’ TV2.

14.      B’risposta ppreżentata fit-22 ta’ Frar 2016, ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiċħad l-appell.

15.      Bis-saħħa tal-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma saret l-ebda seduta.

IV – Analiżi

A –    Rimarki introduttorji

16.      Il-kwistjoni tal-kumpens għat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku tax-xandir impost fuq TV2 kien is-suġġett ta’ litigazzjoni qawwija fil-Qorti Ġenerali (13). Madankollu, din hija l-ewwel darba li l-Qorti Ġenerali qed tintalab tikkunsidra din il-kwistjoni li ilha għaddejja.

17.      Flimkien mal-kawża ineżami, il-Qorti tal-Ġustizzja bħalissa hija adita wkoll bi tliet appelli ppreżentati rispettivament minn Viasat, TV2 u l-Kummissjoni. Dawk l-appelli jirrigwardaw kollha deċiżjoni, mogħtija fl-istess jum bħas-sentenza appellata, fejn il-Qorti Ġenerali laqgħet parzjalment kawża ppreżentata minn TV2 li talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dik id-deċiżjoni stabbilixxiet li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat (14).

18.      Fis-sentenza l-oħra appellata, il-Qorti Ġenerali, fuq il-linja tal-argumenti ta’ TV2, l-ewwel annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet stabilixxiet li d-dħul mir-reklamar għas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2 permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, billi l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li ma ġiex issodisfatt ir-rekwiżit ta’ “riżorsi tal-Istat” (ara l-paragrafi 211 sa 220 tas-sentenza l-oħra appellata). (15) It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fir-rigward tat-tieni kundizzjoni Altmark, li l-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi meta rrikjediet li l-kumpens pagabbli lil TV2 kellu jinħadem b’tali mod li jiżgura t-twettiq effiċjenti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku (ara l-pargrafu 106 tas-sentenza l-oħra appellata). Dawk id-deċiżjonijiet qegħdin fil-qofol tal-appelli simultanji pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

19.      Jekk TV2 ikollha suċċess fil-pretenzjoni fl-appell tagħha fil-Kawża C‑649/15 P li l-Qorti Ġenerali għamlet żball meta ddeċidiet li parti biss mill-miżuri inkwistjoni ma jinvolvux għajnuna mill-Istat, allura l-appell odjern, li huwa bbażat fuq il-kunċett li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, jista’ jispiċċa mingħajr skop.

20.      Madankollu fil-kawża odjerna jqum il-punt ta’ liġi importanti li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx preċedentement u li jeħtieġ attenzjoni. Minkejja l-eżitu ta’ dawk il-proċeduri l-oħrajn tal-appell, jiena se nikkunsidra dan l-appell fl-istat kurrenti tiegħu.

21.      Viasat tinvoka tliet aggravji. L-ewwel nett, Viasat ssostni li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ċaħdet it-talba ta’ Viasat li l-Kummissjoni naqset, fid-deċiżjoni kkontestata, milli tosserva d-dmir ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE. It-tieni nett, Viaset tikkontendi li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta qalet li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa, għall-finijiet tal-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 106(2) TFUE, li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li għajnuna lill-TV2 kienet ingħatat mingħajr l-osservanza tal-prinċipji fundamentali ta’ trasparenza u ta’ kosteffiċjenza. Fl-aħħar nett, Viasat ssostni li l-Qorti Ġenerali nnifisha għamlet żball meta naqset milli teżamina bid-diliġenza u tittratta t-talbiet ta’ Viasat.

22.      Naħseb li huwa xieraq li nibda l-analiżi tiegħi bit-tieni aggravju.

B –    It-tieni aggravju

1.      Argumenti tal-partijiet

23.      Viasat tissottometti li sabiex għajnuna tiġi ddikjarata bħala kompatibbli skont l-Artikolu 106(2) TFUE, għandhom jiġu ssodisfatti ċerti kundizzjonijiet. L-ewwel nett, għandu jiġi ddefinit mill-Istat Membru x’inhu servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (iktar ’il quddiem “ir-rekwiżit ta’ definizzjoni”); it-tieni nett, il-provvista ta’ dak is-servizz għandha tiġi fdata minn dak l-Istat Membru lil impriża partikolari (iktar ’il quddiem “ir-rekwiżit ta’ inkarigu”); u t-tielet nett, (i) l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati, inklużi r-regoli fuq l-għajnuna mill-Istat, għandha tostakola t-twettiq tal-kompiti partikolari assenjati lil dak il-fornitur (iktar ’il quddiem “it-test tal-ostakolu”), u (ii) deroga minn dawk ir-regoli ma għandhiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ sa tali mod li jkun kuntrarju għall-interessi tal-Unjoni (iktar ’il quddiem “it-test tal-ibbilanċjar”).

24.      Viasat issostni li t-test tal-ostakolu għandu dejjem jirrifletti r-regoli tat-Trattat li minnhom tintalab deroga. F’dak is-sens, Viasat tiddikjara li r-rekwiżiti ta’ definizzjoni u inkarigu, u l-projbizzjoni fuq kumpens żejjed li jsegwi mit-test tal-ibbilanċjar, li kollha għandhom jiġu osservati skont l-Artikolu 106(2) TFUE, jikkorrespondu fil-fehma tagħha mal-ewwel u t-tielet kundizzjonijiet Altmark. Fuq dik il-bażi, Viasat issostni li, wara s-sentenza Altmark, it-test tal-ostakolu jeħtieġ analiżi dwar jekk ikunx jostakola t-twettiq tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, ir-rekwiżit li (a) il-parametri ta’ kumpens jiġu stabbiliti b’mod trasparenti u oġġettiv (f’konformità mat-tieni kundizzjoni Altmark), u (b) is-servizz inkwistjoni għandu jingħata wara sejħa għal offerti pubblika jew dak il-kumpens għandu jiġi limitat għal dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispiża ta’ impriża mmexxija tajjeb u kosteffiċjenti (f’konformità mar-raba’ kundizzjoni Altmark). Viasat issostni li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel hekk fid-deċiżjoni kkontestata u li l-Qorti Ġenerali, min-naħa tagħha, naqset milli dan tiċċensurah fis-sentenza appellata.

25.      Barra minn hekk, Viasat tikkontendi speċifikament li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta (i) qagħdet fuq is-sentenza M6 (16) u sentenzi oħra li tat dik il-qorti biex tiċħad l-azzjoni ta’ Viasat; (ii) iddeċidiet li l-argumenti ta’ Viasat iwasslu għal impass loġiku, billi l-Artikolu 106(2) TFUE isir, inter alia, mingħajr effett; (iii) ċaħdet is-sinjifikat ta’ ċerti komunikazzjonijiet u deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-2005 u l-2011, kif imsemmi fil-punt 67 tas-sentenza appellata; u (iv) iddeċidiet li l-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir 2001 (17) kienet tipprekludi lill-Kummissjoni milli tapplika l-metodoloġija li, fil-fehma ta’ Viasat, tirriżulta mill-Artikolu 106(2) TFUE.

26.      Il-Kummissjoni, sostnuta minn TV2 u mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta l-allegazzjonijiet ta’ Viasat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tikkunsidra li sa fejn Viasat issostni li l-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir hija invalida, dak l-argument huwa tardiv u għalhekk inammissibbli. Min-naħa tiegħu, ir-Renju tad-Danimarka jgħid, inter alia, li sa fejn il-linja tal-argument ta’ Viasat hija intiża li tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ma vverifikatx jekk il-Kummissjoni ssodisfatx lilha nnifisha, meta kienet qed tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri ta’ għajnuna fid-deċiżjoni kkontestata, li l-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 kienu tqiegħdu għal sejħa għal offerti bis-saħħa tal-prinċipju ta’ trasparenza li jirriżulta mir-regoli fuq il-moviment liberu fit-Trattat FUE, dak l-argument ma tressaqx quddiem il-Qorti Ġenerali u għaldaqstant huwa inammissibbli.

2.      Evalwazzjoni

27.      Naħseb li huwa xieraq li nittratta l-oġġezzjonijiet ta’ ammissibbiltà li jqajmu l-Kummissjoni u r-Renju tad-Danimarka fir-rigward tal-argumenti relatati magħhom. Għalhekk, se ngħaddi mill-ewwel għas-sustanza tal-aggravju ta’ Viasat.

28.      Ċertament, ir-relazzjoni matul is-snin bejn l-Artikolu 106(2) u l-Artikolu 107(1) TFUE ma tantx kienet ċara. Dak in-nuqqas ta’ ċarezza kien l-iktar apparenti fil-qasam tal-finanzjament ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali. Madankollu, fis-sentenza Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja, sedenti f’Awla Manja, notorjament adottat approċċ ġdid li wħud sejħulu l-“approċċ ta’ kumpens kundizzjonali” (18).

29.      L-erba’ kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk vantaġġ ingħatax lil impriża. Għalhekk, jirrigwardaw parti kostitwenti tal-kunċett ta’ “għajnuna” skont l-Artikolu 107(1) TFUE.(19) Fil-prattika, kummentaturi osservaw li, minħabba li huma stretti, dawk il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfatti f’ħafna każijiet (20). Il-konsegwenza diretta ta’ dan hi li d-dispożizzjonijiet ewlenin li bihom għajnuna mill-Istat li altrimenti kienet tkun illegali, tista’ tiġi awtorizzata, jiġifieri l-Artikolu 106(2) u l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE, għad għandhom rwol ċentrali.

30.      Dawk il-kundizzjonijiet jidher li ġew irrikonoxxuti impliċitament fis-sentenza appellata. Fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li anki jekk huma kemxejn simili, iż-żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet li jsegwu, rispettivament, mis-sentenza Altmark u mill-Artikolu 106(2) TFUE, iwieġbu kwistjonijiet fundamentalment differenti. Fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet Altmark imorru kontra l-kurrent tal-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 106(2) TFUE, li jirrigwardaw il-kompatibbiltà. Dik il-konklużjoni ewlenija wasslet lill-Qorti Ġenerali, fil-paragrafi 75 sa 99 tas-sentenza appellata, biex tikkunsidra u tiċħad id-diversi argumenti li l-appellanti ressqet biex issostni t-teorija tagħha. Issa l-appellanti tixtieq li l-Qorti tal-Ġustizzja tivvalida dik it-teorija u tiddeċiedi li, billi ċaħdet l-argumenti vantati mill-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.

31.      Madankollu, l-Qorti Ġenerali ma għamlet l-ebda żball ta’ liġi bħal dak.

32.      Mill-bidu jingħad li hemm distinzjoni importanti bejn, minn naħa, is-sentenza Altmark u l-kundizzjonijiet li hemm fiha u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 106(2) TFUE u r-rekwiżiti tiegħu. Kif semmejt, tal-ewwel jintużaw biex jiġi ddeterminat jekk ingħatax vantaġġ u għalhekk, b’mod iktar ġenerali, jirrigwardaw il-kunċett ta’ “għajnuna” skont l-Artikolu 107(1) TFUE. Dan jiġi qabel l-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 106(2) TFUE, li jittratta l-kwistjoni dwar jekk miżura ta’ għajnuna tistax tiġi ddikjarata kompatibbli. Jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet Altmark, ma jkunx hemm għajnuna għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE u, għaldaqstant, l-ebda raġuni biex jiġi kkunsidrat li jiġi applikat l-Artikolu 106(2) TFUE. Barra minn hekk, dik id-distinzjoni ġġib magħha effetti prattiċi differenti.

33.      Min-naħa l-oħra, konstatazzjoni li kien hemm għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE tiskatta ċerti konsegwenzi legali, bħad-dmir ta’ notifikazzjoni minn qabel u l-projbizzjoni dwar l-implementazzjoni mmirata lejn Stati Membri skont l-Artikolu 108(3) TFUE (21). Dawk il-kunsiderazzjonijiet jispjegaw għaliex deċiżjoni bbażata fuq l-Artikolu 107(1) u (3) TFUE li, filwaqt li tikklassifika l-miżura bħala għajnuna mill-Istat, tiddikjaraha kompatibbli mas-suq komuni, għandha titqies bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (22). Barra minn hekk, il-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-individwi minn ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE (23).

34.      Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ miżuri ta’ għajnuna mas-suq intern taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni (24). Dik il-kompetenza esklużiva fl-approvazzjoni tal-għajnuna mill-Istat testendi għall-Artikolu 106(2) TFUE (25). Dak ifisser li l-Artikolu 106(2) TFUE ma huwiex applikabbli direttament għall-finijiet tal-awtorizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat (26). Jekk jiġi deċiż mod ieħor, allura jiġi mxejjen l-għan tas-sistema ta’ kontroll minn qabel ta’ għajnuna mill-Istat, li teħtieġ li l-implementazzjoni ta’ għajnuna ppjanata għandha tiġi posposta sakemm id-dubju dwar il-kompatibbiltà tagħha jitneħħa mid-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni (27).

35.      Isegwi minn dak li ntqal iktar ’il fuq li l-Artikolu 106(2) TFUE jsir irrilevanti jekk l-uniku mod biex miżura ta’ għajnuna tirċievi l-approvazzjoni tal-Kummissjoni taħt dik id-dispożizzjoni jkun li tikkonforma mal-kundizzjonijiet Altmark.

36.      Min-naħa tagħha, Viasat tiddikjara li taqbel mal-kunċett li l-Artikoli 106(2) u 107(1) TFUE jirrigwardaw kwistjonijiet distinti, imma ssostni li dan ma jindirizzax l-argumenti li ressqet fl-ewwel istanza. Madankollu, dik l-istqarrija hija mingħajr sustanza għaliex tirrifjuta li tirrikonoxxi l-konsegwenzi li joħorġu minn dik id-distinzjoni.

37.      L-ewwel nett, nixtieq infakkar li l-konsegwenza tas-sentenza Altmark hija l-faċilitazzjoni tal-evalwazzjoni, mill-awtoritajiet tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, dwar jekk il-kumpens imħallas lil impriża bħala kontroparti għat-twettiq ta’ obbligu ta’ servizz pubbliku jammontax għal “vantaġġ” għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. F’dak ir-rigward, dawk il-kundizzjonijiet jipprovaw iwieġbu l-mistoqsija ipotetika u kontrofattwali jekk l-impriża kkonċernata kinitx tikseb il-kumpens inkwistjoni taħt kundizzjonijiet tas-suq normali, jiġifieri, il-kundizzjonijiet li japplikaw għal suq partikolari fl-assenza ta’ intervent minn Stat Membru (28). B’kuntrast, l-Artikolu 106(2) TFUE huwa bbażat fuq l-idea li l-Istat Membru fil-fatt jintervjeni favur impriża meta jafdalha l-operazzjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali.

38.      It-tieni nett, huwa veru li fis-sentenza Ferring, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kumpens lil operatur ta’ servizz pubbliku jammonta għal għajnuna mill-Istat skont dak li issa huwa l-Artikolu 107(1) TFUE sa fejn dak il-vantaġġ inkwistjoni jaqbeż l-ispejjeż addizzjonali li jsiru fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku imposti, u jekk dak huwa l-każ, dak il-vantaġġ ma jistax, fi kwalunkwe każ, jitqies bħala neċessarju sabiex ikun jista’ jwettaq kompiti partikolari li jkunu assenjati lilu u għalhekk ma jistgħux ikunu koperti minn dak li issa huwa l-Artikolu 106(2) TFUE (29). Madankollu, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt għamlet riferiment għas-sentenza Ferring f’dik Altmark, hija ffurmat iktar il-kunċett ta’ “vantaġġ” għal dak il-kumpens taħt dak li issa huwa l-Artikolu 107(1) TFUE fis-sura li għandu issa. Madankollu, b’differenza mis-sentenza Ferring, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ntalbitx tinterpreta fis-sentenza Altmark dak li issa huwa l-Artikolu 106(2) TFUE, li jista’ jispjega għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja ma ħaditx pożizzjoni dwar l-interrelazzjoni bejn dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet (30). Iżda dak is-silenzju ma jistax jinftiehem bħala li jimplika li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet il-kundizzjonijiet Altmark jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, billi jekk isir hekk l-Artikolu 106(2) TFUE jitneħħielu l-iskop tiegħu (31). Għall-kuntrarju, waqt li ssoktat issegwi s-sentenza Altmark, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet tinterpreta l-Artikolu 106(2) TFUE bl-istess mod li għamlet qabel (32).

39.      It-tielet nett, interpretazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE li tinneċessita l-evalwazzjoni jekk ikunx ostakolat it-twettiq tas-servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jekk tenħtieġ il-konformità mat-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark ma hijiex sostnuta fil-kliem ta’ dik id-dispożizzjoni jew fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

40.      L-Artikolu 106(2) TFUE jrid jirrikonċilja l-interess tal-Istati Membri fl-użu ta’ ċerti impriżi, partikolarment fis-settur pubbliku, bħala strument ta’ politika ekonomika jew fiskali (jew ta’ politiki b’impatt ekonomiku jew fiskali), mal‑interess tal-Unjoni f’li tiġi żgurata l-konformità, primarjament, mar-regoli tal-kompetizzjoni u l-preservazzjoni tal-unità tas-suq intern. Sabiex ir-regoli tat-Trattati potenzjalment ma japplikawx għall-impriża fdata b’servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali skont l-Artikolu 106(2) TFUE, huwa biżżejjed li l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli tostakola t-twettiq, fil-fatt u fid-dritt, tal-obbligi speċjali li jorbtu dik l-impriża (33).

41.      F’dak ir-rigward, ma huwiex meħtieġ, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, li s-sopravivenza tal-impriża stess tkun mhedda. Ikun biżżejjed li, fin-nuqqas tad-drittijiet jew il-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni, ma jkunx possibbli għall-impriża li twettaq il-kompiti partikolari fdati lilha, iddefiniti b’riferiment għall-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha. B’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE jiġu ssodisfatti jekk iż-żamma tad-drittijiet jew il-miżuri tal-għajnuna inkwistjoni tkun meħtieġa sabiex id-detentur jew ir-riċevent tagħhom ikunu jistgħu jwettqu kompiti ta’ interess ekonomiku ġenerali assenjati lilhom taħt “kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli” (34).

42.      B’kuntrast, l-argument ta’ Viasat jimplika li skema ta’ kumpens għall-fornitur ta’ servizz pubbliku li, meta ma tissodisfax il-kundizzjonijiet Altmark kumulattivi, fiha elementi ta’ għajnuna, sabiex tiġi approvata, għandha tissodisfa dawk l-istess rekwiżiti ta’ oġġettività, trasparenza u kosteffiċjenza. Dan jillimita indebitament il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli”. Għalkemm, kif issostni Viasat, l-Artikolu 106(2) TFUE huwa dispożizzjoni li tippermetti deroga mir-regoli li hemm fit-Trattati u għalhekk għandhom jiġu interpretati b’mod strett, hemm limiti kemm tista’ tkun ristrettiva l-interpretazzjoni tiegħu mingħajr ma tiġi ffrustrata l-effettività tiegħu (35).

43.      L-interpretazzjoni ta’ Viasat tal-Artikolu 106(2) TFUE xejn ma hija persważiva fir-rigward tal-isfera tax-xandir ta’ servizz pubbliku. Fil-fatt, il-Protokoll fuq is-sistema ta’ xandir pubbliku fl-Istati Membri, anness mat-Trattat tal-Komunità Ewropea (36), jiddikjara li d-dispożizzjonijiet ta’ dak li issa huwa t-Trattat FUE “għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu finanzi għax-xandir pubbliku sakemm dawn il-finanzi jingħataw lill-organizazzjonijiet tax-xandir biex isiru termini ta’ referenza għal servizz pubbliku magħmul, definit, u organizzat minn kull Stat Membru, u sakemm dawn il-finanzi ma jaffettwax il-kondizzjonijiet tal-kummerċ u l-kompetizzjoni [fl-Unjoni] sal-punt li jmur kontra l-interess komuni, mentri r-realizzazzjoni tat-termini ta’ referenza ta’ dak is-servizz pubbliku jkunu kkunsidrati. Dak il-Protokoll, filwaqt li jagħmel riferiment għat-test tal-ibbilanċjar, ma jagħmilx riferiment għat-test tal-ostakolu, u wisq inqas bil-mod kif qed issostni Viasat.

44.      Isegwi minn dak li ntqal iktar ’il fuq li applikazzjoni xierqa tal-Artikolu 106(2) TFUE ma teħtieġx li jitqiesu t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark.

45.      L-ebda argument ta’ sostenn li ressqet Viasat fl-appell tagħha ma jpoġġi f’dubju lil din il-konklużjoni.

46.      L-ewwel nett, fir-rigward tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali li Viasat kkritikat (37), il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta b’dik il-ġurisprudenza, u l-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ appell, lanqas ma tista’ tivverifika jekk dawk is-sentenzi humiex korretti. Għalhekk, huwa irrilevanti argument ibbażat fuq linja ġurisprudenzjali allegatament skorretta tal-Qorti Ġenerali f’kif ġew ittrattati kawżi preċedenti dwar l-Artikolu 106(2) TFUE. L-istess jgħodd għall-Konklużjonijiet tal-Avukati Ġenerali (38) li Viasat tikkontesta; lanqas dawn ma jorbtu lill-Qorti tal-Ġustizzja (39).

47.      It-tieni nett, fir-rigward tal-argument ta’ Viasat li, kuntrarjament għall-pożizzjoni li ħadet il-Qorti Ġenerali fil-punt 91 tas-sentenza appellata, il-fehma tagħha ma twassalx għal impass loġiku, biżżejjed jingħad li dan il-paragrafu jibda bil-kliem “[b]arra minn hekk”, li jindika n-natura supererogatorja ta’ dik ir-raġuni. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ineffettiv. Fi kwalunkwe każ, Viasat tikkontradixxi lilha nnifisha meta tikkontendi li l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 106(2) TFUE ma tirrendix dik id-dispożizzjoni bla effett: Viasat ma tistax tippretendi li l-Kummissjoni tista’, fuq bażi minn każ għal każ, twarrab waħda mill-kundizzjonijiet Altmark fl-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà, u fl-istess ħin tassumi bħala fatt li t-test tal-ostakolu taħt l-Artikolu 106(2) TFUE jeħtieġ, sabiex ikun jirrifletti l-Artikolu 107(1) TFUE, l-applikazzjoni tal‑kundizzjonijiet Altmark, billi dawk il-kundizzjonijiet huma kumulattivi skont l-Artikolu 107(1) TFUE.

48.      It-tielet nett, fir-rigward tal-komunikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-2005 u l-2011, imsemmija fil-paragrafu 67 tas-sentenza appellata, Viasat tikkonċedi li dawk il-komunikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet ma humiex applikabbli, kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-pargrafu 93 tas-sentenza appellata. Isegwi li ma huma ta’ ebda rilevanza f’din il-vertenza, li l-qofol tagħha huwa jekk il-Qorti Ġenerali kellhiex raġun tiddeċiedi li l-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa tikkunsidra t-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark meta tevalwa l-kompatibbiltà ta’ miżura ta’ għajnuna skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

49.      Ir-raba’ nett, dwar l-argument li l-Qorti Ġenerali naqset li tikkunsidra, fil-punti 97 sa 99 tas-sentenza appellata, is-sinjifikat tal-Komunikazzjoni dwar ix-Xandir tal-2001, kuntrarjament għal dak li tinsinwa l-Kummissjoni, ma jidhirx li Viasat qed tikkontesta l-validità ta’ dik il-komunikazzjoni. Dwar il-merti ta’ dak l-argument, il-fatt li seta’ kien possibbli għall-Kummissjoni, fid-dawl ta’ komunikazzjonijiet u linji gwida, li tiġi adottata interpretazzjoni iktar konformi mal-mod kif taħsibha l-appellanti, ma jurix li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx meħtieġa tagħmel hekk.

50.      Fl-aħħar nett, dwar l-argument ta’ Viasat li l-Artikolu 106(2) TFUE jeħtieġ proċedura kompetittiva ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali, l-oġġezzjoni ta’ ammissibbiltà li qajjem ir-Renju tad-Danimarka, imsemmi iktar ’il fuq fil-punt 26, għandha tiġi miċħuda, billi jidher li Viasat fil-fatt issottomettiet argument simili fl-ewwel istanza. Madankollu, il-kontenzjoni speċifika ta’ Viasat li l-kuntratt ta’ xandir ta’ servizz pubbliku inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa ta’ interess transkonfinali, ma jsegwix mis-sentenza appellata, u Viasat ma tidhirx li sostniet punt bħal dak fl-ewwel istanza. Barra minn hekk, dik l-evalwazzjoni teħtieġ evalwazzjoni fattwali, li ma hijiex kwistjoni għall-Qorti tal-Ġustizzja f’appell. Għaldaqstant, dik il-kontenzjoni speċifika hija inammissibbli.

51.      Fir-rigward tal-punt ta’ dritt li qajjem dak l-argument, il-Qorti Ġenerali ma żbaljatx, fil-punt 99 tas-sentenza appellata, meta ddikjarat li l-Artikolu 106(2) TFUE ma jeħtieġx proċedura kompetittiva ta’ sejħa għal offerti għall-għoti ta’ servizz ta’ interess ekonomiku inġenerali. Kif qalet il-Kummissjoni, l-Artikolu 106(2) TFUE jippermetti d-deroga mir-“regoli li hemm fit-Trattati”, li jinkludu r-regoli fuq il-libertà ta’ moviment u l-prinċipji ġenerali ġejjin minnhom, sa fejn dik l-istituzzjoni hija ssodisfatt li t-testijiet ta’ ostakolu u bbilanċjar huma osservati u suġġetti għal stħarriġ mill-Qrati tal-UE. F’dak is-sens, il-Protokoll ta’ Amsterdam ma jistax jinftiehem mod ieħor għajr li jikkonferma l-prinċipju li l-Istati Membri jistgħu jagħtu direttament, fl-interess pubbliku, drittijiet speċjali jew esklużivi lil impriża f’forma ta’ konċessjoni ta’ xandir ta’ servizz pubbliku.

52.      Minn dak li ntqal preċedentement isegwi li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

C –    L-ewwel aggravju

53.      Fl-ewwel aggravju tagħha, Viasat issostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet il-motiv tagħha għal annullament li kien jallega li l-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata naqset milli tosserva d-dmir tagħha ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE.

54.      Fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan il-motiv għal annullament meta qalet li s-“silenzju tad-deċiżjoni dwar ir-rwol tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern ma huwiex dovut għal żball ta’ raġunament tal-Kummissjoni jew għal difett ta’ motivazzjoni li jivvizjaw id-deċiżjoni kkontestata, iżda għall-fatt li din id-deċiżjoni tapplika qafas ta’ analiżi differenti minn dak li tiffavorixxi [Viasat]”.

55.      Kif irrikonoxxut minn Viasat, id-deċiżjoni kkontestata kien ikun fiha motivazzjoni inadegwata biss kieku l-Kummissjoni kienet taħt obbligu li tapplika l-qafas analitiku li, skont Viasat, jirriżulta mill-Artikolu 106(2) TFUE.

56.      Madankollu, il-Qorti Ġenerali la għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kienet taħt l-ebda obbligu bħal dak, u għalhekk lanqas ma żbaljat meta kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata biżżejjed. Għaldaqstant, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

D –    It-tielet aggravju

57.      Fil-parti konklużiva tal-appell tagħha, Viasat tgħid, en passant, li “il-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli teżamina t-talba ta’ Viasat fl-istandard [meħtieġ]” u li “fil-każ preżenti, l-eżami mill-Qorti Ġenerali tal-pretenzjonijiet ta’ Viasat ma jissodisfawx il-livell meħtieġ […] fil-ġurisprudenza.”

58.      Jekk nassumu, għall-argument, li dan l-aggravju huwa mmirat lejn l-punti kollha tas-sentenza appellata, jiena naqbel mal-Kummissjoni li fi kwalunkwe każ ma huwiex żviluppat biżżejjed biex il-partijiet l-oħra jirrispondu jew biex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuqu. Għaldaqstant, dan l-aggravju huwa inammissibbli(40).

E –    Konklużjoni

59.      Fil-fehma tiegħi, isegwi minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq li l-ebda aggravju ta’ Viasat ma rnexxa. Għaldaqstant, l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

V –    Spejjeż

60.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skond l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba mill-parti li rebħet. Billi l-Kummissjoni u TV2 talbu l-ispejjeż u l-appellanti tilfet, Viasat għandha tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha u tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni u ta’ TV2. Barra minn hekk, jirriżulta mill-Artikolu 140(1) tal-imsemmija regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, li r-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

VI – Konklużjoni

61.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad l-appell;

–        tordna lil Viasat Bradcasting UK Ltd tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ TV2/Danmark A/S;

–        tordna li r-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.


1 – Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 –      Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2015, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T‑125/12, EU:T:2015:687 (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).


3 –      Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ April 2011, dwar miżuri implementati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (ĠU 2011 L 340, p. 1) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”).


4 Nirrimarka li, minkejja l-fatt li Viasat tablet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata (ara l-paragrafu 30 tas-sentenza appellata), jidher li l-Qorti Ġenerali ddefiniet mill-ġdid, fil-parti introduttorja tas-sentenza appellata, is-suġġett tal-kawża quddiemha billi ddikjarat li Viasat tilob l-“annullament parzjali tad-[deċiżjoni kkontesta]” (enfasi miżjuda).


5 –      Sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 89 sa 93 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Altmark” u “l-kundizzjonijiet Altmark”). Il-kundizzjonijiet Altmark jikkjarifikaw meta impriżi li jwettqu l-obbligi ta’ servizz pubbliku ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali mill-kumpens li jirċievu bħala korrispettiv għal dawk l-obbligi u għaldaqstant ma humiex f’pożizzjoni kompetittiva iktar favo revoli mill-kompetituri tagħhom. Dawk il-kundizzjonijiet huma kif ġej: l-ewwel nett, l-impriża li tirċievi l-kumpens għandu fil-fatt ikollha obbligi ta’ servizz pubbliku xi twettaq, u dawk l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. It-tieni nett, il-parametri li fuq il-bażi tagħhom jiġi kkalkulat il-kumpens iridu jiġu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li jingħata vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja fuq impriżi kompetituri. It-tielet nett, il-kumpens imħallas ma jistax jaqbeż dak li huwa neċessarju biex ikopri l-ispejjeż kollha jew parti mill-ispejjeż ikkawżati mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti u qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi. Ir-raba’ nett, il-kumpens għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża tipika, immexxija tajjeb u pprovduta b’mezzi adegwati sabiex tkun tista’ tissodisfa r-rekwiżit tas-servizz pubbliku neċessarji, tkun għamlet fit-twettiq ta’ dawk l-obbligi, wara li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul rilevanti u qligħ raġonevoli għat-twettiq ta’ dawk l-obbligi; ara l-formulazzjoni ta’ dawk il-kundizzjonijiet stabbiliti, inter alia, mis-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Libert et, C‑197/11 u C‑203/11, EU:C:2013:288, punti 87, 89, 91 u 92.


6 – Skont l-Artikolu 106(2) TFUE, “Kull impriża responsabbli sabiex topera servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jew li jkollha l-karattru ta’ monopolju fiskali għandha tkun suġġetta għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari dawk li jirriferu għall-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma jostakolawx it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjonijiet speċifiċi mogħtija lil dik l-impriża. L-iżvilupp tal-kummerċ ma għandux jiżviluppa b’mod kuntrarju għall-interessi ta’ l-Unjoni”.


7 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66, punti 124 sa 147; tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 vs Il-Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, EU:T:2010:272, punti 127 sa 141; tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni, T‑137/10, EU:T:2012:584, punti 289 sa 301; u tas-16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑275/11, għadha ma ġietx ippubblikata, EU:T:2013:535, punti 129 sa 145.


8 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/217/KE, tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar miżuri implementati mid-Danimarka għal TV2/Danmark (ĠU 2006 L 85, p. 1, corrigendum ippubblikat fil-ĠU 2006 L 368, p. 112).


9 – Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, EU:T:2008:457.


10 – Għal-leġibbiltà, f’dawn il-Konkużjonijiet se nuża t-taqsira “TV2” biex isir riferiment għax-xandar Daniż tat-televiżjoni ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark, irrispettivament mill-forma legali tiegħu.


11 – Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 3632 finali fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat Nru N 313/2004 fuq ir-rikapitalizzazzjoni ta’ TV2/Danmark A/S (pubblikazzjoni sommarja fil-ĠU 2005 C 172, p. 3).


12 – Ordnijiet tal-24 ta’ Settembru 2009 fil-kawża SBS TV u SBS Danish Television vs Il-Kummissjoni, T‑12/05, ma humiex ippubblikati, EU:T:2009:357; u Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T‑16/05, li ma ġewx ippubblikati, EU:T:2009:358.


13 – Apparti d-deċiżjonijiet imsemmija fil-Part I ta’ dawn il-Konklużjonijiet, qed isir ukoll riferiment għall-ordnijiet tat-22 ta’ Marzu 2012, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T‑114/09, li ma hijiex pubblikata, EU:T:2012:144; u tal-10 ta’ Diċembru 2012, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T‑210/12, li ma hijiex pubblikata, EU:T:2012:660.


14 – Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, T‑674/11, EU:T:2015:684 (iktar ’il quddiem “is-sentenza l-oħra appellata”). L-appelli li huma bħalissa pendenti huma l-kawżi TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni, C‑649/15 P; Il-Kummissjoni vs TV2/Danmark, C‑656/15 P; u Viasat Broadcasting UK vs TV2/Danmark, C‑657/15 P.


15 – Dan huwa għaliex il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis-sentenza appellata, li kien parzjalment mhux neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-parti tal-kawża ta’ Viasat għal annullament.


16 – Sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 vs Il-Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, EU:T:2010:272.


17 – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ regoli tal-għanuna mill-Istat għax-xandir ta’ servizz pubbliku (ĠU 2001 C 320, p. 5).


18 –      Ara Lynskey, O., “The Application of Article 86(2) EC to Measures Which do Not Fulfil the Altmark Criteria; Institutionalising Incoherence in the Legal Framework Governing State Compensation of Public Service Obligations”, World Competition Law and Economic Review, Kluwer Law International, 2007, Vol. 30, Ħarġa 1, p. 157.


19 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il-Kummissjoni, C-211/15 P, EU:C:2016:7987, punt 44.


20 –      Ara, inter alia, Klasse, M., “The Impact of Altmark: The European Commission Case Law Responses”, f’Szyzyczak, E., u van de Gronden, J.W. (edituri), Financing Services of General Economic Interest, TMC Asser Press, Den Haag, 2013, p. 36, u Nicolaides, P., “The Perennial Altmark Questions”, 27 ta’ Ottubru 2015, disponibbli fi http://www.stateaidhub.eu/blogs/stateaiduncovered/post/3961 (l-aħħar aċċess sar fis-7 ta’ Novembru 2016).


21 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 35. Id-dmir ta’ notifika minn qabel japplika wkoll għal miżuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE, ara s-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C‑261/01 u C‑262/01, EU:C:2003:571, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata.


22 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C‑279/08 P, EU:C:2011:551, punti 40 sa 42.


23 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ September 2016, PGE, C‑574/14, EU:C:2016:686, punti 31, 33 u 40 u l-ġurisprudenza ċċitata.


24 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata.


25 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 17.


26 – Bi qbil ma’ dan, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2003:13, punt 56. Għal fehma differenti, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Ferring, C‑53/00, EU:C:2001:253, punt 78.


27 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Novembru 2013, Deutsche Lufthansa, C‑284/12, EU:C:2013:755, punt 26.


28 – F’dak is-sens, ara l-ordni tal-5 ta’ Frar 2015, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, C‑296/14 P, ma hijiex ippubblikata , EU:C:2015:72, punt 34. Biex jiġu stabbiliti l-“kundizzjonijiet normali tas-suq” hemm il-presuppost ta’ analiżi ekonomika; ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, EU:C:1996:285, punt 61.


29 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2001, Ferring, C‑53/00, EU:C:2001:627, punti 32 u 33 (iktar ’il quddiem “is-sentenza Ferring”).


30 – Nixtieq nindika wkoll li, filwaqt li wieħed mill-aggravji tal-appell tal-Kummissjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C‑399/08 P, EU:C:2010:481, kien il-ksur ta’ dawk li issa huma l-Artikoli 106(2) u 107(1) TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat l-evalwazzjoni tagħha għal dak li issa huwa l-Artikolu 107(1) TFUE u ma interpretatx dak li issa huwa l-Artikolu 106(2) TFUE; ara, b’mod partikolari, il-punti 38 sa 48 ta’ dik is-sentenza.


31 – Ara, f’dak ir-rigward, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger f’Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, EU:C:2002:188, punt 79 et seq.


32– Ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C‑162/06, EU:C:2007:681, punti 34 u 35.


33 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punti 55, 56 u 59.


34 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tat-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:198, punti 14 u 16; 23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 59, 95 u 96; u tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C‑162/06, EU:C:2007:681, punti 34 u 35.


35 – Ara, f’dak is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑159/94, EU:C:1997:501, punt 53.


36 – ĠU 1997 C 340, p. 109 (iktar ’il quddiem “il-Protokoll ta’ Amsterdam”).


37 – Sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 vs Il-Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, EU:T:2010:272; tal-11 ta’ Marzu 2009, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑354/05, EU:T:2009:66; tas-7 ta’ Novembru 2012, CBI vs Il-Kummissjoni, T‑137/10, EU:T:2012:584, u tas-16 ta’ Ottubru 2013, TF1 vs Il-Kummissjoni, T‑275/11, ma hijiex ippubblikata, EU:T:2013:535.


38 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tesauro fil-kawża Corbeau, C‑320/91, EU:C:1993:52, u tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Ferring, C‑53/00, EU:C:2001:253. Viasat tikkritika wkoll is-sentenza tas-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il-Kummissjoni, T‑106/95, EU:T:1997:23, li tirreferi għal dawk il-Konklużjonijiet.


39 – Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Pesce et, C‑78/16 u C‑79/16, EU:C:2016:428, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.


40      Ara, f’dan is-sens, id-Digriet tas-6 ta’ Frar 2014, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, C-28/13P, EU:C:2014:230, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata.