Language of document : ECLI:EU:C:2017:178

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Marzu 2017 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(1) TFUE – Artikolu 106(2) TFUE – Miżura tal-awtoritajiet Daniżi favur xandar Daniż ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark – Kumpens għall-ispejjeż inerenti għall-eżekuzzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern”

Fil-Kawża C-660/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-8 ta’ Diċembru 2015,

Viasat Broadcasting UK Ltd, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Honoré u S. E. Kalsmose-Hjelmborg, avukat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Grønfeldt kif ukoll minn L. Flynn u B. Stromsky, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn M. C. Thorning, bħala aġent, assistit minn R. Holdgaard, avukat,

TV2/Danmark A/S, stabbilita f’Odense (id-Danimarka), irrappreżentata minn O. Koktvedgaard, avukat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-10 ta’ Novembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Viasat Broadcasting UK Ltd (iktar ’il quddiem “Viasat”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2015, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni (T-125/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2015:687) li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/839/UE, tal-20 ta’ April 2011, dwar il-miżuri implimentati mid-Danimarka (C 2/03) għal TV2/Danmark (ĠU L 340, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) li permezz tagħha l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li rrikonoxxiet in-natura ta’ għajnuna mill-Istat tad-diversi miżuri adottati mir-Renju tad-Danimarka favur TV2/Danmark (iktar ’il quddiem “TV2”), iddeċidiet li dawn tal-aħħar kellhom jitqiesu bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Fil-punti 1 sa 17 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreżentat il-fatti li wasslu għall-kawża, kif ġej:

“1.      Dan ir-rikors għandu bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni [kkontestata], sa fejn hija tikkonstata li l-[miżuri adottati mir-Renju tad-Danimarka fir-rigward ta’ TV2], għalkemm jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, huma madankollu kompatibbli mas-suq intern, fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE. Huwa ppreżentat minn [Viasat], li hija kumpannija ta’ xandir televiżiv kummerċjali attivi fis-suq Daniż u kompetitur dirett tal-kumpannija tax-xandir Daniża TV2/Danmark A/S (iktar 'il quddiem “TV2 A/S”).

2.      TV2 A/S inħolqot sabiex tissostitwixxi, b’effetti ta’ kontabbiltà u fiskali fl-1 ta’ Jannar 2003, l-impriża statali awtonoma [TV2], stabbilita fl-1986, permezz tal-Lov n° 335 om ændring af Lov om radio-og fjernsynsvirksomhed [(liġi Nru 335 li temenda l-liġi dwar is-servizz tax-xandir), tal-4 ta’ Ġunju 1986]. TV2 A/S, bħalma kienet il-predeċessur tagħha, TV2, hija t-tieni stazzjon tat-televiżjoni pubblika fid-Danimarka, peress li l-ewwel wieħed kien Danmarks Radio (iktar 'il quddiem “DR”).

3.      Il-missjoni ta’ TV2 A/S, bħal dik, preċedentement, ta’ TV2, hija li tipprovdi u tiddistribwixxi programmi televiżivi nazzjonali u reġjonali. Id-distribuzzjoni tista’ ssir permezz ta’ apparat tar-radju, sistemi tas-satellita jew tal-kejbil. Regoli li jikkonċernaw l-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 A/S u, preċedentement, ta’ TV2, huma stabbiliti mill-Ministru tal-Kultura Daniż.

4.      Barra x-xandara pubbliċi, fis-suq Daniż kollu tat-televiżjoni joperaw xandara kummerċjali. Dawn huma b’mod partikolari, minn naħa, [Viasat] u, min-naħa l-oħra, il-grupp magħmul mill-kumpanniji SBS TV A/S u SBS Danish Television Ltd (iktar 'il quddiem “SBS”).

5.      TV2 ġiet ikkostitwita bl-għajnuna ta’ self mill-Istat b’interess u l-attività tagħha kellha, bħal dik ta’ DR, tiġi ffinanzjata bl-għajnuna tal-qligħ tad-dritt tal-liċenzji mħallsa mit-telespettaturi Daniżi. Il-leġiżlatur Daniż kien, madankollu, iddeċieda li, kuntrarjament għal DR, TV2 ikollha wkoll l-opportunità li tibbenefika, b’mod partikolari, mill-qligħ tal-attività ta’ reklamar.

6.      Wara lment imressaq fil-5 ta’ April 2000, mill-kumpannija SBS Broadcasting AS vs TvDanmark, xandar kummerċjali ieħor preżenti fis-suq Daniż, is-sistema ta’ finanzjament ta’ TV2 kienet is-suġġett ta’ eżami mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-Deċiżjoni tagħha fid-Deċiżjoni tagħha 2004/217/KE tad-19 ta’ Mejju 2004, dwar il-miżuri meħuda mid-Danimarka favur [TV2] (ĠU 2006, L 85, p. 1, rettifika fil-ĠU 2006, L 368, p. 1, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni TV2 I”). Din id-deċiżjoni kienet tkopri l-perijodu mill-1995 sal-2002 u kienet tirrigwarda l-miżuri segwenti: ir-riżorsi bbażati fuq it-tariffa, it-trasferiment ta’ fondi responsabbli għall-finanzjament ta’ TV2 (Fondi TV2 u Radiofonden), somom mogħtija ad hoc, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji, l-eżenzjoni mill-ħlas ta’ interessi u mir-rimbors tal-kapital tas-self mogħti lil TV2 waqt il-kostituzzjoni tagħha, il-garanzija tal-Istat għas-self operattiv kif ukoll il-kundizzjonijiet favorevoli ta’ ħlas tat-tariffa dovuta minn TV2 għall-użu tal-frekwenza ta’ trażmissjoni nazzjonali (iktar 'il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri rilevanti”). Fl-aħħar nett, l-investigazzjoni tal-Kummissjoni ffokat ukoll fuq l-awtorizzazzjoni mogħtija lil TV2 sabiex ixxandar fuq frekwenzi lokali fin-netwerk u fuq l-obbligu tas-sidien kollha ta’ antenni komunali li jxandru l-programmi ta’ servizz pubbliku ta’ TV2 fuq il-faċilitajiet tagħhom.

7.      Fit-tmiem tal-eżami tal-miżuri kkonċernati, il-Kummissjoni kkonkludiet li huma jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (li sar l-Artikolu 107(1) TFUE). Din il-konklużjoni kienet ibbażata fuq l-evalwazzjoni li biha l-iskema ta’ finanzjament ta’ TV2, li kienet intiża sabiex tikkumpensa l-ispiża tal-provvisti tagħha ta’ servizz pubbliku, ma kinitx tissodisfa t-tieni u r-raba’ kundizzjoni stabbiliti minn il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg [(C-280/00, EU:C:2003:415) (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet Altmark”)].

8.      Il-Kummissjoni barra minn hekk iddeċidiet li l-għajnuna mogħtija bejn l-1995 u l-2002 mir-Renju tad-Danimarka lil TV2, fil-forma ta’ dħul mil-liċenzji u ta’ miżuri oħra deskritti fid-deċiżjoni TV2 1, kienet kompatibbli mas-suq intern konformement mal-Artikolu 86(2) KE (li sar l-Artikolu 106(2) TFUE) bl-eċċezzjoni ta’ ammont ta’ DKK (kroner Daniżi) 628.2 miljun li hija kklassifikat bħala kumpens żejjed (premessa 163 u Artikolu 1 tad-Deċiżjoni TV2 I). Hija b’hekk ordnat lir-Renju tad-Danimarka l-irkupru ta’ dan l-ammont bl-interessi minn TV2 A/S (Artikolu 2 tad-Deċiżjoni TV2 I) li ssostitwixxiet sadanittant TV2 (ara l-punt 2 iktar 'il fuq).

9.      Peress li l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni TV2 I irrenda lil TV2 A/S insolventi, ir-Renju tad-Danimarka nnotifika lill-Kummissjoni, b’ittra tat-23 ta’ Lulju 2004, pjan ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ din tal-aħħar. Fir-rigward tal-miżuri ffinanzjati mill-Istat, dan il-pjan kien jipprovdi, minn naħa, kontribuzzjoni ta’ kapital ta’ DKK (kroner Daniż) 440 miljun u, min-naħa l-oħra, il-konverżjoni f’kapital ta’ self mill-Istat ta’ DKK 394 miljun. Permezz tad-deċiżjoni tagħha C (2004) 3632 finali, tas-6 ta’ Ottubru 2004, fil-każ dwar għajnuna mill-Istat Nru 313/2004, relattiv għar-rikapitalizzazzjoni ta’ TV2 A/S (ĠU 2005, C 172, p. 3, iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni”), il-Kummissjoni kkonkludiet li ż-żewġ miżuri maħsuba favur TV2 A/S kienu “neċessarji sabiex jiġi rrikostitwit il-kapital li TV2 [A/S], wara t-trasformazzjoni tagħha f’kumpannija [pubblika] b’responsabbiltà limitata, għandha [kellha] bżonn sabiex tkun tista’ twettaq il-funzjoni tagħha ta’ servizz pubbliku” (premessa 53 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni). Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li kull element ta’ għajnuna mill-Istat li jista’ jkun marbut mar-rikapitalizzazzjoni prevista ta’ TV2 A/S huwa kompatibbli mas-suq komuni, skont l-Artikolu 86(2) KE (premessa 55 tad-deċiżjoni fuq ir-rikapitalizzazzjoni).

10.      Id-Deċiżjoni TV2 I kienu is-suġġett ta’ erba’ rikorsi għal annullament ippreżentati, minn naħa, minn TV2 A/S (Kawża T-309/04) u mir-Renju tad-Danimarka (Kawża T-317/04) u, min-naħa l-oħra, mill-kompetituri ta’ TV2 A/S, Viasat (Kawża T-329/04) u SBS (Kawża T-336/04).

11.      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il-Kummissjoni (T-309/04, T-317/04, T-329/04 u T-336/04, Ġabra, iktar 'il quddiem is-“sentenza TV2 I”, EU:T:2008:457), il-Qorti Ġenerali annulla id-deċiżjoni TV2 I. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset li kien ġustament li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li l-missjoni tas-servizz pubbliku fdat lil TV2 kienet tissodisfa d-definizzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali tax-xandir (sentenza TV2 I, iċċitata iktar 'il fuq, EU:T:2008:457, punt 124). Madankollu, hija kkonstatat ukoll l-eżistenza ta’ diversi illegalitajiet li jivvizjaw id-deċiżjoni TV2, li, finalment, wasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni.

12.      B’hekk, l-ewwel nett, meta eżaminat il-kwistjoni dwar jekk il-miżuri ntiżi mid-deċiżjoni TV2 I kinux jinvolvu riżorsi tal-Istat, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx immotivat id-deċiżjoni tagħha fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni, de facto, tad-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 sa 1996 bħala riżorsi tal-Istat (sentenza TV2 I, punt 11 iktar 'il fuq, EU:T:2008:457, punti 160 sa 167). It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-eżami, mill-Kummissjoni, tad-domanda dwar jekk it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark kinux issodisfatti ma kinitx ibbażata fuq analiżi serja, tal-kundizzjonijiet legali u ekonomiċi konkreti li fuq il-bażi tagħhom ġie stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2. Konsegwentement, id-deċiżjoni TV2 I kienet ivvizzjata minn difett ta’ motivazzjoni fuq dan il-punt (sentenza TV2 I, punt 11 iktar 'il fuq, EU:T:2008:457, punti 224 sa 233). It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni rigward l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna skont l-Artikolu 86(2) KE, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ kumpens żejjed, kienu, huma wkoll, ivvizzjati bi żball ta’ motivazzjoni. Skont il-Qorti Ġenerali, dan in-nuqqas ta’ motivazzjoni huwa spjegat mill-assenza ta’ eżami serju tal-kundizzjonijiet konkreti, ġuridiċi u ekonomiċi, li wasslu sabiex jiġi stabbilit l-ammont tad-dħul mil-liċenzji li kellu jingħata lil TV2 matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (sentenza TV2 I, punt 11 iktar 'il fuq, EU:T:2008:457, punti 192 u 197 sa 203).

13.      Id-deċiżjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni kienet is-suġġett ta’ żewġ rikorsi għal annullament ippreżentati minn SBS u Viasat. Permezz ta’ żewġ digrieti mogħtija fl-24 ta’ Settembru 2009, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li, fid-dawl tal-annullament tad-deċiżjoni TV2 u tar-rabta mill-qrib li hemm bejn l-obbligu li tiġi rkuprata l-għajnuna li jirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni u l-miżuri koperti mid-deċiżjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni, ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni fil-kawżi ċċitati iktar 'il fuq (digrieti tal-24 ta’ Settembru 2009, SBS TV u SBS Danish Television/Commissjoni, T-12/05, EU:T:2009:357, u tal-24 ta’ Settembru 2009, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni, T-16/05, EU:T:2009:358).

14.      Insegwitu għall-annullament tad-deċiżjoni TV2 I, il-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-miżuri kkonċernati. F’din l-okkażjoni, hija kkonsultat lir-Renju tad-Danimarka u lil TV2 A/S u, barra minn hekk, irċeviet ukoll osservazzjonijiet minn terzi.

15.      Il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati tal-eżami mill-ġdid tagħha tal-miżuri kkonċernati fid-deċiżjoni kkontestata, li hija koperta wkoll minn rikors ieħor ippreżentat minn Viasat Broadcasting UK (Kawża T-125/10, Viasat Broadcasting UK vs Il-Kummissjoni) li l-Qorti Ġenerali iddeċidiet b’sentenza tal-lum.

16.      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna l-miżuri meħuda fir-rigward ta’ TV2 bejn l-1995 u l-2002 Madankollu, fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni wkoll il-miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni meħuda fl-2004 wara d-deċiżjoni TV2 I.

17.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żammet il-pożizzjoni tagħha dwar il-klassifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE favur TV2 (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). L-ewwel nett, hija qieset li d-dħul tar-reklamar għas-snin 1995 u 1996 kien jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat (premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata) u, it-tieni nett, meta vverifikat l-eżistenza ta’ vantaġġ selettiv, ikkonkludiet li l-miżuri kkonċernati ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjonijiet Altmark (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, filwaqt li fid-deċiżjoni TV2 I hija kienet ikkonkludiet li s-somma ta’ DKK 628.2 miljun kienu jikkostitwixxu kumpens żejjed inkompatibbli mal-Artikolu 86(2) KE, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li din is-somma kienet riżerva ta’ fondi xierqa għal TV2 A/S. Fid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, hija għaldaqstant iddikjarat kif ġej:

‘Artikolu 1

Il-miżuri li d-Danimarka implimentat favur [TV2] bejn l-1995 u l-2002 fil-forma ta’ fondi mid-drittijiet tal-liċenzja u miżuri oħra identifikati fid-deċiżjoni preżenti huma kompatibbli mas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 106(2) [TFUE]’.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

3        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Marzu 2012, Viasat talbet l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

4        Permezz ta’ żewġ motivi Viasat sostniet li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lil TV2 kienu inkompatibbli mas-suq intern. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni li, waqt li evalwat il-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, ma ħaditx inkunsiderazzjoni it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark. It-tieni motiv kien ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni li tipprovdi motivazzjoni sa fejn din l-istituzzjoni, mingħajr ma pprovdiet ebda raġuni, iddeċidiet li l-Artikolu 106(2) TFUE kien japplika għal dan il-każ, filwaqt li t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark ma kinux issodisfatti.

5        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors, sa fejn dan tal-aħħar kellu bħala l-għan tiegħu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li l-Kummissjoni kienet qieset li d-dħul mir-reklamar tas-snin 1995 u 1996 imħallas lil TV2 permezz tal-Fond TV2 kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u ċaħdet il-kumplament ta’ dan ir-rikors.

6        Permezz tas-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2015, TV2/Danmark vs Il-Kummissjoni (T-674/11, EU:T:2015:684), il-Qorti Ġenerali, fuq rikors ta’ TV2, annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din kienet ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat id-dħul mir-riklami fis-snin 1995 u 1996, mħallas lil TV2.

 It-talbiet tal-partijiet;

7        Viasat titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħha u d-deċiżjoni kkontestata kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-istanzi il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

8        Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lil Viasat għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

9        Ir-Renju tad-Danimarka jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell.

10      TV2 A/S titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, iżżomm fermi l-effetti tas-sentenza appellata u tad-deċiżjoni kkontestata, u

–        tikkundanna lil Viasat għall-ispejjeż.

 Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

11      Wara l-ħruġ tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Jannar 2017, Viasat talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura. Insostenn tat-talba tagħha, Viasat issostni li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali jiddifformaw uħud mill-argumenti tagħha u jinvokaw argumenti distinti li ma ġewx diskussi mill-partijiet.

12      Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, din tal-aħħar tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

13      Madankollu, dan l-istatut u dawn ir-regoli ma jipprovdux għall-possibbiltà, tal-partijiet ikkonċernati, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara s-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, Vnuk, C-162/13, EU:C:2014:2146, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      F’dan ir-rigward, mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE jirriżulta li l-Avukat Ġenerali għandu ir-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-imparzjalità u l-indipendenza kollha, konklużjonijiet motivati fuq il-kawżi li jkunu jirrikjedu l-intervent tiegħu, bl-intiż li l-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas bil-motivazzjoni tagħhom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-imsemmija konklużjonijiet, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet eżaminati fihom, ma jistax fih innifsu jikkostitwixxi bażi li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Il-Kunsill vs Front Polisario, C-104/16 P, EU:C:2016:973, punti 60 u 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tieħu deċiżjoni u li dawn l-elementi kienu ġew diskussi mill-partijiet.

16      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel aggravju ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

17      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Viasat tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-proporzjonalità tal-miżuri kkonċernati fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti mill-Artikolu 106(2) TFUE, b’mod partikolari dawk li skonthom, minn naħa, l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati għandha tostakola l-missjoni stabbilita u, min-naħa l-oħra, l-implementazzjoni ta’ din il-missjoni ma għandhiex taffettwa l-iżvilupp tal-kummerċ b’mod li jkun kontra l-interess tal-Unjoni Ewropea, din l-istituzzjoni ma kinitx obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn il-miżuri ma kinux jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark. Skont dawn il-kundizzjonijiet, il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għat-twettiq ta’ servizz pubbliku għandhom jiġu stabbilit minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, u dan il-kumpens għandu jiġi ddeterminat abbażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li kien ikollha tagħmel impriża ta’ daqs medju, li tkun immexxija tajjeb sabiex teżegwixxi l-missjoni ta’ servizz pubbliku inkwistjoni.

18      Viasat issostni li mill-formulazzjoni tal-Artikolu 106(2) TFUE jirriżulta li r-rekwiżit li skontu l-applikazzjoni tar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari tar-regoli tal-kompetizzjoni, għandha tostakola t-twettiq tal-missjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li din tagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat. Għalhekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fid-dawl ta’ dan l-Artikolu 106(2), dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra għandhom jiġu eżaminati minn qabel. Għaldaqstant, f’dan il-każ, f’dan il-kuntest, kien jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk kull waħda mill-kundizzjonijiet Altmark kinitx tostakola jew le t-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku imposta fuq TV2. Li kieku sar dan l-eżami, il-Kummissjoni kienet tikkonkludi li l-adozzjoni, favur TV2, ta’ miżuri li jissodisfaw it-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark, ma kinitx tostakola t-twettiq ta’ din il-missjoni.

19      Addizzjonalment, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tar-rekwiżiti marbuta mal-ostakolu għat-twettiq tal-missjoni inkwistjoni u l-assenza ta’ preġudizzju għall-iżvilupp tal-kummerċ b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni, il-Kummissjoni kellha titlob lir-Renju tad-Danimarka jipprova li l-osservanza tat-tieni u tar-raba’ kundizzjoni Altmark kienet tostakola t-twettiq tal-missjoni ta’ interess ekonomiku ġenerali impost fuq TV2.

20      Il-Kummissjoni, ir-Renju tad-Danimarka kif ukoll TV2 A/S jikkunsidraw li l-aggravju huwa infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

21      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Viasat issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha skont l-Artikolu 106(2) TFUE, li tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark bil-għan li tivverifika jekk l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet kinitx tostakola t-twettiq minn TV2 tal-missjoni li ġiet imposta fuqha.

22      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li sabiex miżura nazzjonali tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, qabel kollox, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat; it-tieni, l-intervent għandu jkun tali li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri; it-tielet, għandu jagħti vantaġġ selettiv lil impriża u, ir-raba’, għandu jwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Deutsche Post, C-399/08 P, EU:C:2010:481, punt 39 u l-ġurisprudenza stabbilita).

23      Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, miżura statali ma tistax tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat jekk waħda minnhom ma tkunx issodisfatta. Għall-kuntrarju, jekk ikun ssodisfatti l-imsemmija kundizzjonijiet kollha, dik il-miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u, għaldaqstant, salv għad-derogi previsti mit-Trattati, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

24      Fir-rigward tat-tielet kriterju tal-klassifikazzjoni ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat, skont ġurisprudenza stabbilita, huma kkunsidrati bħala għajnuna dawk l-interventi li, irrispettivament mill-forma tagħhom, ikunu jistgħu jiffavorixxu direttament jew indirettament impriżi jew li għandhom jitqiesu bħala vantaġġ ekonomiku li l-impriża benefiċjarja ma setgħetx tikseb fil-kundizzjonijiet normali tas-suq (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-270/15 P, EU:C:2016:489, punt 34).

25      Madankollu jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, fejn miżura jew intervent statali għandu jitqies bħala kumpens għal servizzi mogħtija mill-impriżi benefiċjarji sabiex jeżegwixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’tali mod li dawk l-impriżi ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali u l-miżura b’hekk ma jkollhiex l-effett li tpoġġihom f’pożizzjoni kompetittiva aktar favorevoli minn impriżi oħrajn li qed jikkompetu magħhom, tali intervent ma jaqax taħt il-projbizzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C-280/00, EU:C:2003:415, punt 87).

26      Skont il-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, EU:C:2003:415), sabiex tali intervent ma jkunx suġġett għall-klassifikazzjoni bħala għajnuna mill-Istat, għandhom jiġu ssodisfatti ċertu numru ta’ kundizzjonijiet. Fl-ewwel lok, l-impriża benefiċjarja għandha effettivament tkun inkarigata twettaq obbligi ta’ servizz pubbliku u dawn l-obbligi għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar. Fit-tieni lok il-parametri li abbażi tagħhom jiġi kkalkolat il-kumpens għandhom ikunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti. Fit-tielet lok, il-kumpens ma għandux jeċċedi dak li huwa neċessarju sabiex jiġu koperti, b’mod sħiħ jew parzjali, l-ispejjeż imġarrba fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku. Fir-raba’ lok, il-livell ta’ kumpens neċessarju għandu jiġu ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija sew u adegwatament attrezzata sabiex twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku, kienet iġġarrab sabiex twettaq tali obbligi.

27      Fil-każ li ma jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti, il-miżura statali inkwistjoni tkun tikkonċedi vantaġġ selettiv lil impriża li tkun il-benefiċjarja tagħha, u jekk, barra minn hekk, il-kriterji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE ma jkunux ġew sodisfatti, din il-miżura tkun tikkostitwixxi għajnuna li fil-prinċipju hija inkompatibbli mas-suq intern.

28      Fir-rigward tal-Artikolu 106(2) TFUE, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-impriżi inkarigati mill-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali huma suġġetti għar-regoli tat-Trattati u, b’mod partikolari, għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tfixkilx it-twettiq de jure jew de facto tal-missjoni partikolari li ngħatat lilhom u li l-iżvilupp tal-kummerċ m’għandux isir b’mod kuntrarju għall-interess tal-Unjoni.

29      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, il-kliem stess tal-Artikolu 106(2) TFUE juri li d-derogi mir-regoli tat-Trattat huma permessi biss jekk dawn ikunu neċessarji għat-twettiq tal-missjoni partikolari li tkun ġiet fdata lil impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, EU:C:1997:501, punt 54, u tat-28 ta’ Frar 2013, Ordem dos Técnicos Oficiais de Contas, C-1/12, EU:C:2013:127, punt 106).

30      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li li ma huwiex neċessarju li l-ekwilibriju finanzjarju jew il-vijabbiltà ekonomika tal-impriża inkarigata mill-ġestjoni ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali jkunu mhedda. Huwa suffiċjenti li, fl-assenza ta’ drittijiet kontenzjużi, li jkun ostakolat it-twettiq tal-missjonijiet partikolari imposti fuq impriża u li ż-żamma ta’ dawn id-drittijiet tkun neċessarja sabiex tippermetti lid-detentur iwettaq il-missjonijiet ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu ġew imposti fuqu f’kundizzjonijiet ekonomikament aċċettabbli (ara s-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2007, International Mail Spain, C-162/06, EU:C:2007:681, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Filwaqt li jippermetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, derogi mir-regoli ġenerali tat-Trattat, l-Artikolu 106 (2) TFUE huwa intiż li jikkonċilja l-interess tal-Istati Membri li jużaw ċerti impriżi, b’mod partikolari tas-servizz pubbliku, bħala strument tal-politika ekonomika jew fiskali mal-interess tal-Unjoni fl-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni u fil-preżervazzjoni tal-unità tas-suq komuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza, C-159/94, EU:C:1997:501, punt 55).

32      Kif ġie espost fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, Viasat ikkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata tivverifika, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha abbażi tal-Artikolu 106(2) TFUE, jekk l-osservanza tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark ostakolatx it-twettiq minn TV2 tal-missjoni li kienet ġiet imposta fuqha.

33      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, sabiex twettaq eżami ta’ miżura skont l-Artikolu 106(2) TFUE, il-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma kellhiex teżamina l-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza Altmark, b’mod partikolari it-tieni u r-raba’ kundizzjoni tagħha.

34      Eżattament kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata, l-istħarriġ tal-osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti minn dik il-ġurisprudenza għandu jsir fi stadju preċedenti, jiġifieri għandu jsir waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk il-miżuri inkwistjoni għandhomx jiġu kklassifikati bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, din il-kwistjoni tiġi qabel dik tal-verifika, fejn applikabbli, dwar jekk l-għajnuna inkompatibbli hijiex madankollu neċessarja għat-twettiq tal-missjoni imposta fuq il-benefiċjarja tal-miżura inkwistjoni, abbażi tal-Artikolu 106 (2) TFUE.

35      Għall-kuntrarju, ma jkunx għad hemm lok li jiġu applikati l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza Altmark meta l-Kummissjoni, wara li tikkonstata li miżura għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna, b’mod partikolari, peress li l-impriża benefiċjarja ma tkunx f’pożizzjoni li tgħaddi mit-test tal-paragun ma’ impriża ta’ daqs medju, immexxija tajjeb u attrezzata b’mod adegwat sabiex tissodisfa r-rekwiżiti tas-servizz pubbliku rikjesti, teżamina jekk tistax tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 106(2) TFUE.

36      Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni, peress li hija speċifikata mill-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali (ĠU C 83, p. 308) kif ukoll, fir-rigward tas-suġġett inkwistjoni f’din il-kawża, mill-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri (ĠU C 83, p. 312), ma tistax tiġi interpretata b’mod iżolat fid-dawl tal-kliem tagħha biss, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispeċifikazzjonijiet mwettqa mill-imsemmija protokolli.

37      Issa, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 35 tas-sentenza odjerna hija kkorroborata, kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-kliem tal-protokoll Nru 29, li jistabbilixxi li “Id-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhomhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-kompetenza ta’ l-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament ta’ servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament ikun mogħti lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, definita u organizzata minnkull Stat Membru, u sakemm dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kondizzjonijiet ta’ kummerċ u l-kompetizzjoni fl-Unjoni sal-punt li jkun kuntrarju għall-interess komuni, waqt li jibqa’ jittieħed kont tat-twettiq tal-missjoni ta’ dak is-servizz pubbliku”.

38      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat fis-sentenza appellata li l-Artikolu 106(2) TFUE ma jobbligax lill-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark sabiex tiddeċiedi jekk l-għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni.

39      Għaldaqstant, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

40      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Viasat tikkritika l-punti 103 u 104 tas-sentenza appellata peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ċaħdet il-motiv għal annullament ibbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha naxxenti mill-Artikolu 296 TFUE.

41      Viasat tallega wkoll li l-Qorti Ġenerali naqset milli tagħti risposta għall-motivi invokati fir-rikors tal-ewwel istanza.

42      Il-Kummissjoni ssostni li dan it-tieni aggravju huwa parzjalment inammissibbli u f’kull każ infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

43      Skont ġurisprudenza stabbilita il-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adatta għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun l-awtur tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punt 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali warrbet il-motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata billi osservat li “[is-]silenzju tad-deċiżjoni dwar ir-rwol tat-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark fl-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-miżuri kkonċernati mas-suq interna ma huwiex dovut għal żball ta’ raġunament tal-Kummissjoni jew għal difett ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw id-deċiżjoni kkontestata, iżda għall-fatt li din id-deċiżjoni tapplika qafas ta’ analiżi differenti minn dak li tiffavorixxi [Viasat]”.

45      Kif ammettiet Viasat, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun immotivata b’mod insuffiċjenti biss li kieku l-Kummissjoni kienet obbligata li tapplika l-kuntest tal-analiżi li, skont Viasat, jirriżulta mill-Artikolu 106(2) TFUE.

46      Issa, mill-punt 37 tas-sentenza odjerna jirriżulta li l-Artikolu 106(2) TFUE ma jobbligax lill-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-tieni u r-raba’ kundizzjoni Altmark sabiex tiddeċiedi jekk għajnuna mill-Istat hijiex kompatibbli mas-suq intern skont din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet immotivata b’mod suffiċjenti.

47      Barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 58 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ risposta għall-motivi invokati fir-rikors fl-ewwel istanza ma huwiex żviluppat biżżejjed sabiex il-partijiet l-oħra fl-appell ikunu jistgħu jwieġbu jew sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tagħti deċiżjoni dwar dan is-suġġett. Għaldaqstant huwa inammissibbli.

48      Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

49      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

50      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma huwiex fondat, din għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ l-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1), il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

51      Peress li Viasat tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni u TV2 A/S

52      Skont l-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li intervjenew fil-vertenza għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

53      Ir-Renju tad-Danimarka, bħala intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Viasat Broadcasting UK Ltd hija kkundannata għall-ħlas tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea u ta’ TV2/Danmark A/S.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.