Language of document : ECLI:EU:C:2023:546

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

6 ta’ Lulju 2023 (*)

“Appell – Ambjent – Konvenzjoni ta’ Aarhus – Regolament (KE) Nru 1367/2006 – Artikolu 2(1)(f) – Kunċett ta’ ‘liġi ambjentali’ – Artikolu 2(1)(g) – Kunċett ta’ ‘att amministrattiv’ – Artikolu 10(1) – Eżami mill-ġdid intern ta’ atti amministrattivi – Riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) li tapprova l-finanzjament ta’ proġett ta’ impjant li jipproduċi elettriku mill-bijomassa – Ċaħda tat-talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din ir-riżoluzzjoni bħala inammissibbli – Indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu – Artikolu 271(c) TFUE – Portata”

Fil-Kawżi magħquda C‑212/21 P u C‑223/21 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati fit‑2 ta’ April 2021,

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn K. Carr, G. Faedo u T. Gilliams, bħala aġenti, assistiti minn J. Bouckaert u G. Schaiko, avocats,

appellant fil-Kawża C‑212/21 P,

il-parti l-oħra fil-kawża hija:

ClientEarth, stabbilita f’Londra (ir-Renju Unit), irrappreżentata S. Abram u J. Flynn, KC, kif ukoll minn H. Leith, barrister,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Blanc u G. Gattinara, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Blanc u G. Gattinara, bħala aġenti,

appellanti fil-Kawża C‑223/21 P,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

ClientEarth, stabbilita f’Londra, irrappreżentata minn S. Abram u J. Flynn, KC, kif ukoll minn H. Leith, barrister,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn K. Carr, G. Faedo u T. Gilliams, bħala aġenti, assistiti minn J. Bouckaert u G. Schaiko, avocats,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra (Relatur), N. Jääskinen u M. Gavalec, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: R. Stefanova-Kamisheva, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑20 ta’ Ottubru 2022,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) (Kawża C‑212/21 P) u l-Kummissjoni Ewropea (Kawża C‑223/21 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑27 ta’ Jannar 2021, ClientEarth vs BEI (T‑9/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:42). Permezz ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-BEI, ikkomunikata lil ClientEarth permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018, li kienet ċaħdet bħala inammissibbli t-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, tat‑12 ta’ April 2018, li tapprova l-finanzjament ta’ proġett ta’ impjant li jipproduċi l-elettriku mill-bijomassa f’Galicia (Spanja), li ClientEarth kienet ressqet, fid‑9 ta’ Awwissu 2018, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑6 ta’ Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13), u skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/50/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2007 li tistipula regoli ddettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward ta’ talbiet għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi (ĠU 2008, L 13, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt internazzjonali

2        L-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni Pubblika fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali, iffirmata f’Aarhus (id-Danimarka) fil‑25 ta’ Ġunju 1998 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas‑17 ta’ Frar 2005 (ĠU 2006, L 164M, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Aarhus”), jipprevedi li, għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni:

“L-espressjoni ‘awtorità pubblika’ tfisser:

[…]

(d)      l-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali prevista fl-Artikolu 17 li hija Parti għal din il-Konvenzjoni.

Din id-definizzjoni ma tinkludix il-korpi jew l-istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

3        L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, intitolat “Aċċess għall-ġustizzja”, jistipula, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu, li kull Parti għal din il-konvenzjoni għandha tiżgura li l-membri tal-pubbliku li jissodisfaw il-kriterji eventwalment previsti fid-dritt nazzjonali tagħha għandhom ikunu jistgħu jibdew proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji sabiex jikkontestaw l-atti jew l-ommissjonijiet ta’ individwi jew ta’ awtoritajiet pubbliċi li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-ambjent, u li dawn il-proċeduri għandhom joffru rimedji suffiċjenti u effettivi u għandhom ikunu oġġettivi, ekwi u rapidi, mingħajr ma jkunu jinvolvu spejjeż projbittivi.

 Iddritt talUnjoni

4        Il-premessi 3, 7, 10, 11, 18 u 20 tar-Regolament Nru 1367/2006 jiddikjaraw:

“(3)      […] Id-disposizzjonijiet tal-liġi [tal-Unjoni] għandhom ikunu konsistenti ma’ dik il-Konvenzjoni [ta’ Aarhus].

[…]

(7)      Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tiddefinixxi ‘awtoritajiet pubbliċi’ f’sens wiesa’, fejn il-kunċett bażiku huwa li kull fejn tiġi eżerċitata awtorità pubblika, għandu jkun hemm drittijiet għall-individwi u l-organizzazzjonijiet tagħhom. Huwa għalhekk neċessarju li l-istituzzjonijiet u l-korpi [tal-Unjoni] koperti minn dan ir-Regolament jiġu definiti bl-istess mod ġenerali u funzjonali. Taħt il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, l-istituzzjonijiet u l-korpi [tal-Unjoni] jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġislattiva. […]

[…]

(10)      Fid-dawl tal-fatt li l-liġi dwar l-ambjent qed tevolvi kontinwament, id-definizzjoni ta’ liġi ambjentali għandha tirriferi għall-għanijiet tal-politika [tal-Unjoni] dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat.

(11)      Atti amministrattivi li għandhom applikazzjoni individwali għandhom ikunu miftuħa għall-possibbiltà ta’ reviżjoni interna fejn dawn jorbtu legalment u għandhom effetti esterni. […] Billi l-atti adottati minn xi istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni], meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva, jistgħu jiġu esklużi, l-istess għandu japplika għal proċeduri oħra ta’ inkjesta meta l-istituzzjoni jew il-korp tal-[Unjoni] jaġixxu bħala korpi amministrattivi ta’ reviżjoni skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat.

[…]

(18)      L-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus jipprovdi għal aċċess għal proċeduri ġudizzjarji jew proċeduri oħra ta’ reviżjoni għall-kontestazzjoni ta’ atti u ommissjonijiet minn persuni fiżiċi u minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru disposizzjonijiet tal-liġi relattivi għall-ambjent. Id-disposizzjonijiet dwar l-aċċess għall-ġustizzja għandhom ikunu konsistenti mat-Trattat. Huwa xieraq f’dan il-kuntest li dan ir-Regolament jindirizza biss atti u ommissjonijiet minn awtoritajiet pubbliċi.

[…]

(20)      Organizzazzjonijiet mhux governattivi attivi fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-ambjent li jissodisfaw ċerti kriterji, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat li huma organizzazzjonijiet indipendenti u responsabbli li wrew li l-objettiv primarju tagħhom huwa li jippromwovu l-protezzjoni ta’ l-ambjent, għandhom ikunu awtorizzati jitolbu reviżjoni interna fil-livell [tal-Unjoni] ta’ atti adottati jew ta’ ommissjonijiet taħt il-liġi ta’ l-ambjent minn xi istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] bil-ħsieb ta’ konsiderazzjoni mill-ġdid mill-istituzzjoni jew korp in kwistjoni.”

5        L-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-għan tiegħu kif ġej:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ l-obbligi li jirriżultaw taħt [il-Konvenzjoni ta’ Aarhus], billi jiġu stabbiliti regoli sabiex jiġu applikati d-disposizzjonijiet [ta’ din il-]Konvenzjoni għall-istituzzjonijiet u korpi tal-[Unjoni], partikolarment billi:

[…]

(d)      jingħata aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali fil-livell Komunitarju taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.”

6        Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(ċ)      ‘istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] tfisser kwalunkwe istituzzjoni pubblika, korp, uffiċċju jew aġenzija stabbiliti mit-Trattat jew abbażi ta’ l-istess Trattat ħlief meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva. […]

[…]

(f)      ‘liġi ambjentali’ tfisser leġislazzjoni [tal-Unjoni] li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-politika Komunitarja dwar l-ambjent kif stabbiliti fit-Trattat […]

(g)      ‘att amministrattiv’ tfisser kwalunkwe miżura ta’ ambitu individwali taħt il-liġi ambjentali, meħuda minn xi istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni], u li għandha effetti esterni u li jorbtu legalment;

[…]”

7        L-Artikolu 10 tal-istess regolament, intitolat “Talba għal reviżjoni interna ta’ l-atti amministrattivi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 11 għandha d-dritt li tagħmel talba għal reviżjoni interna lill-istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni] li adottaw att amministrattiv taħt xi liġi ambjentali […]”

8        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006 intitolat “Proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 tiegħu:

“L-organizzazzjoni mhux governattiva li għamlet it-talba għal reviżjoni interna skond l-Artikolu 10 tista’ tiftaħ kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skond id-disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat.”

 Ilfatti li wasslu għallkawża

9        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mill-punti 37 sa 62 tas-sentenza appellata, jistgħu jitqassru kif ġej.

10      Permezz ta’ riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, ippubblikata fis-sit internet tal-BEI fit‑28 ta’ Ġunju 2018, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI approva l-proposta ta’ finanzjament tal-proġett ta’ kostruzzjoni, fil-komun ta’ Curtis (Teixeiro), li jinsab fil-provinċja ta’ La Coruña, f’Galicia (Spanja), ta’ impjant għall-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa b’kapaċità ta’ madwar 50 megawatt elettriku, li juża skart li ġej mis-silvikultura miġbur f’raġġ ta’ 100 km (iktar ’il quddiem il-“proġett Curtis”), fil-forma ta’ self, li kellu jingħata lil entità ad hoc, għal ammont massimu ta’ EUR 60 miljun (iktar ’il quddiem ir-“riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018”).

11      Permezz ta’ ittra tat‑13 ta’ April 2018, il-BEI informa lill-promotur tal-proġett Curtis bir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, filwaqt li indika li l-approvazzjoni preliminari tal-finanzjament ta’ dan il-proġett ma kienet toħloq ebda obbligu għall-BEI li jagħti s-self, iżda kienet tippermetti lil dan il-promotur jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-formalizzazzjoni ta’ dan is-self.

12      Fit‑23 ta’ Lulju 2018, id-dipartimenti tal-BEI ffirmaw ftehim intern dwar il-modalitajiet tal-kuntratt ta’ finanzjament tal-proġett Curtis. Id-dokumentazzjoni relatata miegħu ġiet iffirmata fil‑25 ta’ Lulju 2018. L-ewwel ħlas marbut mal-finanzjament tal-BEI sar fid‑29 ta’ Awwissu 2018.

13      Fid‑9 ta’ Awwissu 2018, ClientEarth, organizzazzjoni mhux governattiva li tiddedika ruħha għall-protezzjoni tal-ambjent, ressqet quddiem il-BEI, abbażi tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018.

14      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, ikkomunikata lil ClientEarth permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018 u ffirmata mis-Segretarju Ġenerali kif ukoll mill-Viċi Kap tas-Servizz Legali tal-BEI, din it-talba ġiet miċħuda bħala inammissibbli minħabba li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 ma kinitx tikkostitwixxi “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, u għaldaqstant ma setgħetx tkun is-suġġett ta’ eżami mill-ġdid intern imwettaq mill-BEI.

 Ir-rikors quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Jannar 2019, ClientEarth ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, li insostenn tiegħu hija qajmet żewġ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq żbalji ta’ evalwazzjoni fl-applikazzjoni ta’ żewġ kundizzjonijiet li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 kellha tissodisfa sabiex tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, jiġifieri, minn naħa, li l-att ikun ġie adottat “taħt il-liġi ambjentali” u, min-naħa l-oħra, li dan l-att jipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-BEI.

16      Il-BEI, sostnut mill-Kummissjoni, talab li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad dan ir-rikors. Preliminarjament, il-BEI allega li t-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 imressqa minn ClientEarth kienet inkompatibbli mal-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu u, għaldaqstant, kienet inammissibbli.

17      Il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, fil-punti 86 sa 92 tas-sentenza appellata, ċaħdet dan il-motiv ta’ difiża tal-BEI bħala inammissibbli. Hija rrilevat li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tikkunsidra biss li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 ma kinitx “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, minħabba li din ma kinitx ġiet adottata “taħt il-liġi ambjentali” u ma kinitx tipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”. Skont il-Qorti Ġenerali, il-BEI kien semma “biss fil-kuntest tal-eżami ta’ dawn iż-żewġ sottomotivi, u mhux ta’ motiv awtonomu, […] b’mod vag u ġenerali, is-setgħa kummerċjali u politika diskrezzjonali li hija rrikonoxxuta lilu mit-Trattati u mill-[I]statut tiegħu kif ukoll ir-rwol istituzzjonali tiegħu u l-missjoni tiegħu skont l-imsemmija statut”. Il-Qorti Ġenerali għalhekk iddeċidiet, fil-punt 91 tas-sentenza tagħha, li l-evalwazzjoni tal-allegata inkompatibbiltà tat-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 mal-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu kienet ser twassal sabiex tissostitwixxi l-motivazzjoni mogħtija mill-BEI insostenn tad-deċiżjoni kontenzjuża bil-motivazzjoni tagħha stess.

18      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-punt 92 tas-sentenza appellata sabiex tiċħad bħala inammissibbli, fil-punt 151 tal-istess sentenza, argument ibbażat fuq il-fatt li, fid-dawl tal-Artikolu 271(c) TFUE u tal-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

19      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 102 sa 104 tas-sentenza appellata, eżaminat it-tieni motiv invokat minn ClientEarth insostenn tar-rikors tagħha u ddeċidiet li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet tippermettilha tifhem il-motivi li għalihom il-BEI kien ċaħad, bħala inammissibbli, it-talba tagħha għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, kif ukoll tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn il-motivi. Peress li din id-deċiżjoni kienet tippermetti wkoll lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha, hija għalhekk ċaħdet it-tieni motiv bħala infondat.

20      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-ewwel motiv invokat minn ClientEarth insostenn tar-rikors tagħha, li l-Qorti Ġenerali eżaminat fl-aħħar lok, mill-punt 107 tas-sentenza appellata jirriżulta li dik il-qorti rrilevat, preliminarjament, li ż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza u li jinsabu fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 kellhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, “fid-dawl tal-Artikolu 9(3) u (4) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus […] u, għaldaqstant, fid-dawl tar-rekwiżit li jikkonsisti f’li jiġi żgurat aċċess ġudizzjarju effettiv [ta’ ClientEarth]”.

21      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li l-att ikun ġie adottat “taħt il-liġi ambjentali”, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ried jagħti lill-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006, “tifsira wiesgħa, li ma hijiex limitata għal kwistjonijiet marbuta mal-protezzjoni tal-ambjent naturali fis-sens strett”.

22      Fil-punt 121 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li r-riferiment għal “leġislazzjoni Komunitarja”, li jinsab f’dan l-Artikolu 2(1)(f), kellu jinftiehem bħala li jkopri “kwalunkwe dispożizzjoni tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li għandha portata ġenerali”, bid-differenza ta’ “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rrilevat li, peress li, fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmi regolament, id-distinzjoni bejn l-atti leġiżlattivi, adottati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew speċjali, u l-atti regolatorji, adottati skont proċedura oħra, ma kinitx stabbilita fil-livell tat-Trattati tal-Unjoni, il-kunċett ta’ “dispożizzjoni leġiżlattiva”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tal-imsemmi regolament, ma setax jiġi interpretat fis-sens li jeskludi li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala “liġi ambjentali”, id-dispożizzjonijiet ta’ “att regolatorju” adottat f’dan il-qasam.

23      Fil-punti 122 sa 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kellhom jiġu assimilati ma’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-“liġi ambjentali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 2(1)(f), ir-regoli ta’ portata ġenerali li jirregolaw l-attività tal-BEI fil-qasam tal-għoti ta’ self għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ambjentali, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw, minn naħa, mid-Dikjarazzjoni tal-prinċipji u tal-istandards fil-qasam soċjali u ambjentali, approvata mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fit‑3 ta’ Frar 2009 (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tal‑2009”), u, min-naħa l-oħra, mill-Istrateġija ta’ azzjoni għall-klima, intiża għall-mobilizzazzjoni tal-finanzjament għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx tal-karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, adottata mill-BEI fit‑22 ta’ Settembru 2015 (iktar ’il quddiem l-“Istrateġija dwar il-klima”).

24      Fil-punt 126 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunċett ta’ “att amministrattiv”, previst fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, kellu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi “kull miżura ta’ portata individwali suġġetta għal rekwiżiti tad-dritt sekondarju tal-Unjoni li, indipendentement mill-bażi legali tagħhom, jirrigwardaw direttament l-ilħieq tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent”.

25      Fil-punti 138 sa 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, sa fejn qieset li l-proġett Curtis jissodisfa l-għanijiet tal-attività ta’ self tal-BEI u l-kriterji ta’ natura ambjentali li jirrigwardaw l-eliġibbiltà tal-proġetti għal finanzjament ta’ dan il-korp, stabbiliti fid-Dikjarazzjoni tal‑2009 u fl-Istrateġija dwar il-klima, kienet miżura ta’ portata individwali adottata “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament. Hija għaldaqstant laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv.

26      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjoni li l-att jipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 167 sa 170 tas-sentenza appellata, li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 kienet tirrifletti teħid ta’ pożizzjoni definittiva mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI fir-rigward tal-eliġibbiltà tal-proġett Curtis għal finanzjament, minn dan il-korp, fid-dawl tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu, b’tali mod li “d-deċiżjoni sussegwenti tal-Kumitat ta’ Tmexxija li jagħti s-self, wara li kompla l-verifika tal-proġett Curtis fuq l-aspetti l-oħra li kien għad fadal li jiġu eżaminati, setgħet biss titqies bħala deċiżjoni ta’ sempliċi eżekuzzjoni”.

27      Wara li kkonstatat li t-talba għal eżami mill-ġdid intern imressqa minn ClientEarth kienet tikkonċerna, “minn tal-inqas parzjalment, l-effetti legali definittivi prodotti fir-rigward ta’ terzi [mir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018]”, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 171 u 172 tas-sentenza appellata, laqgħet l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikors u, għalhekk, annullat id-deċiżjoni kontenzjuża.

 Ittalbiet talpartijiet u lproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja

28      Permezz tal-appell tiegħu fil-Kawża C‑212/21 P, il-BEI jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza, u

–        tikkundanna lill-ClientEarth għall-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza u tal-appell.

29      Permezz tal-appell tagħha fil-Kawża C‑223/21 P, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza bħala infondat, u

–        tikkundanna lil ClientEarth għall-ispejjeż.

30      Fir-risposta tagħha għaż-żewġ appelli, ClientEarth titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad dawn l-appelli, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni kif ukoll lill-BEI għall-ispejjeż.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ April 2021, il-Kawżi C‑212/21 P u C‑223/21 P ġew magħquda għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll għall-finijiet tas-sentenza.

 Fuq lappelli

32      Insostenn tal-appelli rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni u l-BEI jinvokaw, it-tnejn li huma, tliet aggravji li permezz tagħhom jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ liġi fl-evalwazzjoni tal-indipendenza funzjonali invokata mill-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu kif ukoll fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus u tal-kunċett ta’ “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

 Fuq lewwel aggravju u fuq ittieni parti tattieni aggravju filKawża C212/21 P kif ukoll fuq ittielet aggravju filKawża C223/21 P, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi flevalwazzjoni talindipendenza talBEI filqasam taloperazzjonijiet finanzjarji tiegħu

 Largumenti tal-partijiet

33      Il-BEI, permezz tal-ewwel aggravju u permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑212/21 P, u l-Kummissjoni, permezz tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑223/21 P, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, b’mod partikolari fil-punti 89 sa 92 u 151 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi sa fejn ċaħdet bħala inammissibbli l-motiv ta’ difiża bbażat fuq l-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu. Fil-fehma tagħhom, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kontenzjuża ma kinitx ibbażata fuq din l-indipendenza “fil-kuntest ta’ motiv awtonomu” sabiex tiġi miċħuda bħala inammissibbli t-talba għal eżami intern mill-ġdid tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018. Fi kwalunkwe każ, skont il-BEI, il-kwistjoni ta’ jekk it-talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din ir-riżoluzzjoni kinitx tippreġudika l-imsemmija indipendenza, peress li din tirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni, kienet kwistjoni ta’ ordni pubbliku u l-Qorti Ġenerali kien imissha eżaminatha ex officio.

34      F’dan ir-rigward, il-BEI jikkritika, fl-ewwel lok, lill-Qorti Ġenerali li, fil-punt 90 tas-sentenza appellata, żnaturat, b’mod manifest, il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn l-argument ibbażat fuq l-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu kien espliċitament imsemmi fil-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Għall-kuntrarju tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 91 tal-imsemmija sentenza, l-eżami ta’ dan l-argument għalhekk ma kienx ser iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tissostitwixxi l-motivazzjoni mogħtija mill-BEI b’dik tagħha u lanqas ma kien ser iwassal għal “żbilanċ bejn il-partijiet”, fis-sens tas-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo (C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 59), peress li ClientEarth hija organizzazzjoni esperjenzata u familjari mad-dritt tal-Unjoni.

35      Fit-tieni lok, il-BEI u l-Kummissjoni jsostnu li talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, imressqa skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, tippreġudika l-indipendenza li għandu dan il-korp fis-swieq finanzjarji, li hija indispensabbli għat-twettiq tal-missjoni ta’ interess ġenerali fdata lilu mill-Artikolu 309 TFUE. Barra minn hekk, tali talba tista’ tkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni u għall-kredibbiltà tal-BEI f’dawn is-swieq. Fil-fatt, matul il-perijodu li matulu tkun tista’ titressaq din it-talba kif ukoll matul il-perijodu kollu ta’ dan l-eżami mill-ġdid u ta’ eventwali proċeduri ġudizzjarji ulterjuri, il-BEI fil-prattika ma jkunx jista’ jinnegozja u jiffirma d-dokumentazzjoni kuntrattwali dwar il-finanzjament tal-proġetti diġà approvati mill-Bord tad-Diretturi tiegħu. L-inċertezza li tirriżulta minn dan hija ikbar minħabba n-numru imprevedibbli ta’ talbiet għal eżami mill-ġdid intern li jistgħu jitressqu.

36      Il-BEI u l-Kummissjoni jsostnu wkoll li l-Qorti Ġenerali kien imissha eżaminat ex officio l-ammissibbiltà tat-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, imressqa skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, fid-dawl tal-Artikolu 15(3) TFUE, tal-Artikolu 271(c) TFUE u tal-Artikoli 308 TFUE u 309 TFUE, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Istatut tal-BEI. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kien imissha bbażat ruħha ex officio fuq l-Artikolu 271(c) TFUE sabiex tiċħad ir-rikors ippreżentat minn ClientEarth, sa fejn din id-dispożizzjoni, moqrija flimkien mal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-BEI, teskludi r-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi ta’ dan il-korp minn kull forma ta’ stħarriġ ġudizzjarju fuq il-mertu.

37      F’dan il-kuntest, kemm il-BEI kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw, minn naħa, li l-eżami mill-ġdid intern ta’ att amministrattiv, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma jistax jiġi sseparat mill-azzjoni ġudizzjarja msemmija fl-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 271(c) TFUE huwa wieħed mid-“disposizzjonijiet pertinenti tat-Trattat” li, skont it-termini ta’ dan l-Artikolu 12, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-locus standi in judicio li din l-aħħar dispożizzjoni tirrikonoxxi lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi ta’ protezzjoni tal-ambjent. Issa, dan l-Artikolu 271(c) ikun miksur jekk riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI li kienet is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern tkun is-suġġett ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1367/2006, fid-dawl tat-tħassib ambjentali mqajjem mill-organizzazzjoni mhux governattiva li ressqet din it-talba.

38      ClientEarth tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

39      Permezz tal-argumenti tagħhom, il-BEI u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 89 sa 92 u 151 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi sa fejn ċaħdet bħala inammissibbli l-argument ibbażat fuq preġudizzju għall-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, iggarantita mid-dritt primarju tal-Unjoni, peress li dan l-argument ma kienx ġie invokat bħala motiv awtonomu tad-deċiżjoni kontenzjuża. Issa, l-imsemmi argument kellu, fi kwalunkwe każ, jiġi eżaminat bħala kwistjoni ta’ ordni pubbliku li tista’ twassal għaċ-ċaħda tar-rikors ippreżentat minn ClientEarth.

40      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-allegat żnaturament manifest tal-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, imwettaq fil-punti 89 sa 91 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, mir-raba’, mill-ħames u mis-seba’ paragrafu ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li t-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 ġiet miċħuda bħala inammissibbli minħabba li din ir-riżoluzzjoni ma kinitx “att amministrattiv”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, minħabba li ma kinitx adottata “taħt il-liġi ambjentali” u minħabba li ma kinitx tipproduċi “effetti esterni u li jorbtu legalment”, u mhux minħabba li din it-talba għal eżami mill-ġdid intern tippreġudika l-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu.

41      Fil-fatt, fis-sitt paragrafu tagħha, id-deċiżjoni kontenzjuża tindika li “kull deċiżjoni tal-BEI li jsostni jew le proġett potenzjalment eliġibbli u, jekk ikun il-każ, il-forma ta’ dan is-sostenn, taqa’ taħt is-setgħa kummerċjali u politika diskrezzjonali mogħtija lill-[BEI] mit-Trattati u mill-Istatut” u, fit-tmien paragrafu tiegħu, li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tal-imsemmi regolament, sostnuta minn ClientEarth, “la hija kompatibbli mar-rwol istituzzjonali tal-BEI u lanqas mal-kompitu li huwa għandu skont l-Istatut tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

42      Għalhekk, fil-punti 89 u 90 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali setgħet tiddeċiedi mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi li, fid-deċiżjoni kontenzjuża, il-BEI semma biss “b’mod vag u ġenerali, is-setgħa kummerċjali u politika diskrezzjonali li hija rrikonoxxuta lilu mit-Trattati u mill-istatut tiegħu kif ukoll ir-rwol istituzzjonali tiegħu u l-missjoni tiegħu skont l-imsemmija statut”, mhux bħala motiv awtonomu ta’ inammissibbiltà tat-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, iżda biss fil-kuntest tal-eżami taż-żewġ motivi sussidjarji msemmija fil-punt 40 ta’ din is-sentenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li żnaturat b’mod manifest il-kontenut tal-imsemmija deċiżjoni.

43      F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li l-qorti tal-Unjoni ma hijiex obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet addizzjonali pprovduti biss fil-mori tal-kawża mill-awtur tal-att inkwistjoni sabiex tevalwa l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għaliex jekk ma jkunx hekk tkun qiegħda tippreġudika t-tqassim tal-kompetenzi bejn l-amministrazzjoni u l-qorti tal-Unjoni u ddgħajjef l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Ġunju 2020, Il‑Kummissjoni vs Di Bernardo, C‑114/19 P, EU:C:2020:457, punt 58).

44      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-obbligu tal-Qorti Ġenerali li teżamina ex officio l-allegat preġudizzju, permezz tat-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, għall-indipendenza tal-BEI fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, li dan il-korp jibbaża b’mod partikolari fuq l-Artikolu 15(3) TFUE, fuq l-Artikolu 271(c) TFUE u fuq l-Artikoli 308 TFUE u 309 TFUE, kif ukoll fuq ċerti dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-BEI, għandu jiġi rrilevat qabel kollox li allegat ksur tad-dritt primarju tal-Unjoni ma huwiex biżżejjed sabiex joħloq obbligu ta’ eżami ex officio mill-qorti tal-Unjoni.

45      Fil-fatt, għalkemm ċerti motivi jistgħu, jekk mhux ukoll għandhom, jiġu rrilevati ex officio, bħalma huma n-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, motiv li jikkonċerna l-legalità fil-mertu ta’ din id-deċiżjoni, li jqajjem ksur tat-Trattati jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali dwar l-applikazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, ma jistax, għall-kuntrarju, jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni jekk ma jkunx ġie invokat mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs L‑Italja, C‑467/15 P, EU:C:2017:799, punti 14 u 15 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta naqset milli teżamina fil-mertu l-argument tal-BEI bbażat fuq preġudizzju għall-indipendenza tiegħu fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, li skontu tirriżulta mill-Artikolu 15(3) TFUE u mill-Artikoli 308 TFUE u 309 TFUE, kif ukoll minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Istatut tal-BEI.

47      Madankollu, l-invokazzjoni mill-BEI tal-ħarsien tal-indipendenza tiegħu fil-qasam tal-operazzjonijiet finanzjarji tiegħu, b’rabta mal-Artikolu 271(c) TFUE, kif jirriżulta mill-punt 110 tar-risposta li huwa ppreżenta quddiem il-Qorti Ġenerali, setgħet tinftiehem bħala kontestazzjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li tistħarreġ, anki jekk indirettament, ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, fl-okkażjoni ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra r-rifjut tal-BEI li jwettaq eżami mill-ġdid intern ta’ din ir-riżoluzzjoni. Barra minn hekk, il-BEI, sostnut fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, allega, b’mod partikolari waqt is-seduta li nżammet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li teżisti rabta inseparabbli bejn id-dritt li titressaq talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI u d-dritt li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni meħuda mill-BEI wara dan l-eżami mill-ġdid. Għaldaqstant, il-ħarsien tal-indipendenza tal-BEI jeħtieġ, fil-fehma tagħhom, li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi tal-protezzjoni tal-ambjent, bħalma hija ClientEarth, jiġu mċaħħda kemm mid-dritt li jitolbu l-eżami mill-ġdid intern ta’ tali riżoluzzjoni kif ukoll mid-dritt li jippreżentaw rikors għal annullament kontra eventwali deċiżjoni ta’ ċaħda.

48      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali kellha tivverifika, ex officio, il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors għal annullament indirizzat kontra deċiżjoni li tiddeċiedi dwar talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI. Fil-fatt, sa fejn il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tieħu konjizzjoni ta’ tilwima hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, tali kwistjoni tista’ tiġi eżaminata f’kull mument tal-proċedura, anki ex officio, mill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Bank Refah Kargaran vs Il‑Kunsill, C‑134/19 P, EU:C:2020:793, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Konformement mal-Artikolu 271(c) TFUE, ir-rikorsi kontra r-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI jistgħu jiġu ppreżentati biss, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE, “minn Stati Membri jew mill-Kummissjoni, […] u biss abbażi ta’ nonkonformità mal-proċedura indikata fl-Artikolu 19(2), (5) sa (7) ta’ l-Istatut tal-[BEI]”.

50      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 271(c) TFUE jirriżulta li din id-dispożizzjoni tissuġġetta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra r-riżoluzzjonijiet tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk imposti mill-Artikolu 263 TFUE. L-Artikolu 271(c) TFUE jinkludi, għalhekk, limitazzjoni għall-ġurisdizzjoni ġenerali li it-Trattat jagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, L‑Ungerija vs Il‑Parlament, C‑650/18, EU:C:2021:426, punt 31). Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punti 63 u 64 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-limitazzjoni tikkonċerna, minn naħa, iċ-ċirku ta’ rikorrenti potenzjali u, min-naħa l-oħra, is-setgħat ta’ stħarriġ fuq il-mertu tal-qorti tal-Unjoni.

51      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 271(c) TFUE ma jirregolax direttament l-ipoteżi ta’ rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kontra deċiżjoni tal-BEI li tiddeċiedi dwar talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tiegħu. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmi Artikolu 271(c) jikkostitwixxi dispożizzjoni rilevanti tat-Trattat, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 12(1), li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà li titressaq kawża quddiem il-qorti tal-Unjoni.

52      Issa, kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punt 68 tal-konklużjonijiet tagħha, l-Artikolu 271(c) TFUE jkun imċaħħad minn effett utli jekk, fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni tal-BEI li tiddeċiedi dwar talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tiegħu, il-qorti tal-Unjoni tipproċedi, b’mod indirett, għall-istħarriġ tal-fondatezza ta’ din ir-riżoluzzjoni.

53      Mill-banda l-oħra, fid-dawl tal-punt 50 ta’ din is-sentenza u għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tal-BEI u tal-Kummissjoni, l-Artikolu 271(c) TFUE ma jipprekludix, bħala prinċipju, li organizzazzjoni mhux governattiva titlob, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, l-eżami mill-ġdid intern ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI u lanqas li l-qorti tal-Unjoni tkun adita, abbażi tal-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-regolament, b’rikors għal annullament kontra deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI.

54      Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, ir-rikors ma jkunx intiż li l-qorti tal-Unjoni teżamina l-legalità jew il-fondatezza ta’ riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI, iżda jkun intiż biss li jiġi eżaminat jekk il-BEI kellux raġun jiċħad bħala inammissibbli talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ tali riżoluzzjoni. Kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 73 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk jintlaqa’ tali rikors, dan ikollu bħala konsegwenza biss li l-BEI jkollu jwettaq huwa stess eżami mill-ġdid intern tal-imsemmija riżoluzzjoni.

55      F’dan il-każ, ir-rikors ippreżentat minn ClientEarth quddiem il-Qorti Ġenerali kellu bħala suġġett l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(1)(g) u tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, ikkomunikata lil ClientEarth permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Ottubru 2018, iffirmata mis-Segretarju Ġenerali u mill-Viċi Kap tas-Servizz Legali tal-BEI, li permezz tagħha t-talba għal eżami mill-ġdid intern tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 ġiet miċħuda bħala inammissibbli.

56      Peress li dan ir-rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, kellu bħala għan l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, abbażi ta’ allegata klassifikazzjoni legali żbaljata, mill-BEI, tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 fid-dawl tal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament, fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-BEI tal-ammissibbiltà tat-talba għal eżami mill-ġdid intern ta’ din ir-riżoluzzjoni, u mhux il-fondatezza tal-imsemmija riżoluzzjoni, l-Artikolu 271(c) TFUE ma jistax jostakola l-preżentata ta’ tali rikors.

57      Huwa għalhekk mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali qieset li kellha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tar-rikors ippreżentat minn ClientEarth kontra d-deċiżjoni kontenzjuża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li hija ma eżaminatx espliċitament l-argumenti bbażati fuq l-Artikolu 271(c) TFUE ma huwiex ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tas-sentenza appellata.

58      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, hemm lok li jiġu miċħuda bħala infondati l-ewwel aggravju u t-tieni parti tat-tieni aggravju tal-BEI fil-Kawża C‑212/21 P kif ukoll it-tielet aggravju tal-Kummissjoni fil-Kawża C‑223/21 P.

 Fuq ittielet parti tattielet aggravju u fuq lewwel parti tattieni aggravju filKawża C212/21 P kif ukoll fuq lewwel aggravju filKawża C223/21 P, ibbażati fuq żbalji ta’ liġi flinterpretazzjoni u flapplikazzjoni talKonvenzjoni ta’ Aarhus

 Largumenti tal-partijiet

59      Il-BEI, permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑212/21 P, u l-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑223/21 P, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 107, 125 u 126 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

60      L-ewwel, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe (C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5) u tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630), teskludi l-obbligu li r-Regolament Nru 1367/2006 jiġi interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni.

61      It-tieni, mill-punt 40 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, ClientEarth vs Il‑Kummissjoni (C‑612/13 P, EU:C:2015:486), jirriżulta li, peress li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus kienet tfasslet filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, u mhux il-karatteristiċi legali speċifiċi tal-organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali, bħalma hija l-Unjoni, ma tista’ tiġi stabbilita ebda analoġija bejn l-implimentazzjoni ta’ din il-konvenzjoni mill-Istati Membri u l-implimentazzjoni tagħha fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tibbaża ruħha, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, fuq “motivi simili”, li barra minn hekk ma ġewx speċifikati, sabiex tinterpreta l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006 fid-dawl tal-Artikolu 9(3) u (4) ta’ din il-konvenzjoni.

62      It-tielet, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat, fil-punti 125 u 126 tas-sentenza appellata, fuq il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mal-Konvenzjoni ta’ Aarhus sabiex tevalwa jekk ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 kinitx tikkostitwixxi “miżura ta’ portata individwali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, meta dan il-kunċett kellu jiġi interpretat biss abbażi tal-kriterji li jirriżultaw mill-Artikoli 263 TFUE u 288 TFUE. F’dan ir-rigward, mill-punt 25 tas-sentenza tat‑3 ta’ Diċembru 2020, Région de Bruxelles-Capitale vs Il‑Kummissjoni (C‑352/19 P, EU:C:2020:978) jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tistax tiddetta l-interpretazzjoni tad-dritt primarju tal-Unjoni.

63      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑212/21 P u permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-Kawża C‑223/21 P, il-BEI u l-Kummissjoni, rispettivament, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, barra minn hekk, wettqet żball ta’ liġi, fil-punt 107 tas-sentenza appellata, fl-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 9 tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Fil-fatt, meta adotta r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI ma aġixxiex bħala “awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din il-konvenzjoni, b’tali mod li l-Artikolu 9(3) tagħha ma huwiex applikabbli. Għall-kuntrarju, l-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni tagħmel parti mill-attività finanzjarja tal-BEI bħala bank.

64      ClientEarth tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

65      Permezz tal-argumenti tagħhom, il-BEI u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali wettqet, fil-punti 107, 125 u 126 tas-sentenza appellata, diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

66      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li t-testi tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta dawn it-testi jkunu intiżi li jimplementaw ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech, C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 22, kif ukoll tad‑19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers (C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 38).

67      Dan huwa l-każ tar-Regolament Nru 1367/2006, li għandu l-għan li jimplementa, fir-rigward tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Lesoochranárske zoskupenie, C‑240/09, EU:C:2011:125, punt 41).

68      Għalkemm dan l-Artikolu 9(3) ma jistax jiġi invokat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill et vs Vereniging Milieudefensie u Stichting Stop Luchtverontreiniging Utrecht, C‑401/12 P sa C‑403/12 P, EU:C:2015:4, punt 61, kif ukoll tat-13 ta’ Jannar 2015, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Stichting Natuur en Milieu u Pesticide Action Network Europe, C‑404/12 P u C‑405/12 P, EU:C:2015:5, punt 53), tali konstatazzjoni ma tipprekludix li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, konformement mal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 66 ta’ din is-sentenza, jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni, C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punt 77).

69      Fil-fatt, tali interpretazzjoni tikkostitwixxi mezz essenzjali sabiex jiġi ggarantit, konformement mar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni espress fil-premessa 3 tal-imsemmi regolament, li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jibqgħu kompatibbli ma’ dawk ta’ din il-konvenzjoni.

70      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tal-BEI u tal-Kummissjoni li, meta adotta r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI ma aġixxiex bħala “awtorità pubblika”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu jitfakkar, minn naħa, li, skont l-Artikolu 2(2)(d) ta’ din il-konvenzjoni, l-istituzzjonijiet ta’ kwalunkwe organizzazzjoni ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali li, bħall-Unjoni, tkun Parti għal din il-konvenzjoni għandhom jitqiesu li huma awtoritajiet pubbliċi għall-finijiet tal-imsemmija konvenzjoni, ħlief meta jaġixxu fl-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi.

71      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-kunċett ta’ “istituzzjoni jew korp tal-[Unjoni]”, li għalihom japplika dan ir-regolament konformement mal-Artikolu 1(1) tiegħu, tkopri “kwalunkwe istituzzjoni pubblika, korp, uffiċċju jew aġenzija stabbiliti mit-Trattat jew abbażi ta’ l-istess Trattat ħlief meta jaġixxu f’kapaċità ġudizzjarja jew leġiżlattiva”. F’dan ir-rigward, il-premessa 7 tal-imsemmi regolament tispeċifika li dan il-kunċett għandu jiġi ddefinit b’“mod ġenerali u funzjonali”, minħabba s-“sens wiesa’” li bih il-Konvenzjoni ta’ Aarhus tiddefinixxi l-awtoritajiet pubbliċi li tapplika għalihom, sabiex jiġu ggarantiti drittijiet lill-persuni u lill-organizzazzjonijiet ta’ persuni meta tkun eżerċitata l-awtorità pubblika. Barra minn hekk, il-premessa 11 tal-istess regolament tiddikjara li għandhom jiġu esklużi wkoll “proċeduri oħra ta’ inkjesta meta l-istituzzjoni jew il-korp tal-[Unjoni] jaġixxu bħala korpi amministrattivi ta’ reviżjoni skond id-disposizzjonijiet tat-Trattat”.

72      Minn dan isegwi li l-azzjoni ta’ “istituzzjoni jew korp [tal-Unjoni]” ma tistax tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 u tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ħlief meta dawn l-istituzzjonijiet u dawn il-korpi jeżerċitaw setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi, jew meta jaġixxu fil-kwalità ta’ organu ta’ stħarriġ amministrattiv skont it-Trattat.

73      Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Fil-fatt, ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, li tapprova l-proposta ta’ finanzjament tal-proġett Curtis, abbażi tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 19(3) tal-Istatut tal-BEI, ma tirriżultax mill-eżerċizzju ta’ setgħat ġudizzjarji jew leġiżlattivi mill-Bord tad-Diretturi tal-BEI, li lanqas ma aġixxa bħala “organu ta’ stħarriġ amministrattiv skont it-Trattat”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri fid-dawl tal-premessa 11 tiegħu.

74      Kif irrilevat essenzjalment l-Avukata Ġenerali fil-punti 92 sa 94 tal-konklużjonijiet tagħha, il-BEI jeżerċita kompetenzi ta’ natura doppja fil-kuntest ta’ finanzjament organizzat kuntrattwalment. Fil-fatt, f’dan il-kuntest, huwa minnu li l-BEI jaġixxi bħala sieħeb privat tal-benefiċjarju, iżda huwa jaqdi wkoll missjonijiet ta’ interess ġenerali. B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament fis-sens li, meta jeżerċita l-attività ta’ finanzjament tiegħu, il-BEI għandu jiġi kklassifikat bħala “korp [tal-Unjoni]”, tiżgura implimentazzjoni tal-imsemmi regolament li tkun kompatibbli mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

75      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-ewwel parti tat-tieni aggravju u t-tielet parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑212/21 P kif ukoll l-ewwel aggravju fil-Kawża C‑223/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ittieni u ttielet parti tattieni aggravju u fuq lewwel u ttieni parti tattielet aggravju filKawża C212/21 P kif ukoll fuq ittieni aggravju filKawża C223/21 P, ibbażati fuq ksur talArtikolu 2(1)(f) u (g) tarRegolament Nru 1367/2006

 Fuq il-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006

–       Largumenti talpartijiet

76      Il-BEI, permezz tal-ewwel u tat-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑212/21 P, u l-Kummissjoni, permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑223/21 P, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 120 sa 124 u 138 sa 140 tas-sentenza appellata, assimilat b’mod żbaljat il-kriterji ta’ natura ambjentali dwar l-eliġibbiltà tal-proġetti għal finanzjament tal-BEI, li jirriżultaw mid-Dikjarazzjoni tal‑2009 u mill-Istrateġija dwar il-klima, ma’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi tad-dritt tal-ambjent tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006, u, għaldaqstant, li qieset li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 kienet ġiet adottata “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament.

77      F’dan ir-rigward, il-BEI u l-Kummissjoni jsostnu, l-ewwel nett, li l-kunċett ta’ “dispożizzjoni leġiżlattiva”, li jinsab fl-Artikolu 2(1)(f) tal-imsemmi regolament, huwa kunċett formali, iddefinit mill-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkonċernat. Għalhekk, skont l-Artikolu 289 TFUE, hija biss dispożizzjoni li tinsab f’att tal-Unjoni adottat abbażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tipprevedi l-adozzjoni ta’ dan l-att permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew permezz tal-proċedura leġiżlattiva speċjali li tista’ tiġi kklassifikata bħala “dispożizzjoni leġiżlattiva”. Għaldaqstant, fil-punti 120 sa 124 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali injorat ir-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 289 TFUE u wettqet interpretazzjoni li tmur lil hinn mill-kunċetti ta’ “liġi” u ta’ “dispożizzjoni leġiżlattiva”, imsemmija fl-Artikolu 2(1)(f) u (g) tar-Regolament Nru 1367/2006. B’mod partikolari, il-punt 121 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-distinzjoni, introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, bejn l-atti leġiżlattivi u l-atti regolatorji hija irrilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(f) ta’ dan ir-regolament.

78      Sussegwentement, il-BEI u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kkunsidrat li d-Dikjarazzjoni tal‑2009 u l-Istrateġija dwar il-klima għandhom natura vinkolanti. Dawn iż-żewġ strumenti sempliċement jiggwidaw l-attività tal-BEI fid-diversi stadji tal-evalwazzjoni tal-proġetti, mingħajr madankollu ma jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali li għandu dan il-korp. Il-fatt li proġett jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà għal finanzjament li jirriżultaw mill-imsemmija strumenti ma jimplika ebda dritt li jinkiseb finanzjament mill-BEI, ebda obbligu għall-Bord tad-Diretturi tiegħu li japprova dan il-finanzjament, u ebda obbligu għall-BEI li jiffirma kuntratt ta’ self, inkluż wara l-approvazzjoni tal-Bord tad-Diretturi.

79      Anki jekk jitqies li d-Dikjarazzjoni tal‑2009 u l-Istrateġija dwar il-klima jillimitaw l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tal-BEI, tali limitazzjoni ma tistax titqies li hija imposta minn dispożizzjoni legali. Barra minn hekk, direttiva interna li l-uniku effett tagħha jkun li ġġiegħel lill-istituzzjoni li titbiegħed minnha timmotiva d-deċiżjoni tagħha ma tikkostitwixxix, madankollu, sors ta’ dritt. Għalhekk, il-kunċett ta’ “dispożizzjoni leġiżlattiva”, imsemmi fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006, ikopri biss ir-regoli li għandhom effett legali vinkolanti immedjat fuq iċ-ċittadin. Madankollu, dan ma jkunx il-każ ta’ linji gwida li permezz tagħhom istituzzjoni tillimita l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha għall-futur.

80      Fl-aħħar nett, il-BEI u l-Kummissjoni jikkontestaw l-analoġija stabbilita, fil-punt 123 tas-sentenza appellata, bejn il-politiki ta’ self tal-BEI fil-qasam tal-ambjent u r-regoli interni tiegħu fil-qasam tal-persunal. Huma jsostnu li, f’dan l-aħħar qasam, il-BEI jaġixxi bħala awtorità amministrattiva u d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju, filwaqt li l-attività ta’ self tal-BEI fil-qasam tal-ambjent taqa’ taħt l-eżerċizzju tar-rwol finanzjarju tiegħu u ma tirriżultax f’deċiżjonijiet amministrattivi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju fil-mertu.

81      ClientEarth tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

82      Permezz tal-argumenti tagħhom, il-BEI u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 120 sa 124 u 138 sa 140 tas-sentenza appellata, iddeċidiet b’mod żbaljat li kemm id-Dikjarazzjoni tal‑2009 kif ukoll l-Istrateġija dwar il-klima jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006, u, għaldaqstant, li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 kienet ġiet adottata “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) ta’ dan ir-regolament.

83      Il-kunċett ta’ “liġi ambjentali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 bħala li jkopri “leġislazzjoni [tal-Unjoni] li, irrispettivament mill-bażi legali tagħha, tikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet tal-politika [tal-Unjoni] dwar l-ambjent”, previsti fl-Artikolu 191(1) TFUE. Kif jirriżulta mill-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, ir-riferiment għal dawn l-għanijiet huwa ġġustifikat sa fejn il-“liġi dwar l-ambjent qed tevolvi kontinwament”.

84      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006, moqri flimkien mal-premessa 10 ta’ dan ir-regolament, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jagħti portata wiesgħa lill-kunċett ta’ “liġi ambjentali”.

85      F’dan il-kuntest, il-fatt li, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħall-verżjonijiet bl-Ispanjol, bl-Ingliż, bil-Franċiż jew bil-Portugiż, l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 jirreferi għall-“leġiżlazzjoni” jew għal “kwalunkwe dispożizzjoni leġislattiva” ma jistax jimplika, għall-kuntrarju tal-pożizzjoni difiża mill-BEI u mill-Kummissjoni, li l-kunċett ta’ “liġi ambjentali” huwa, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, limitat għal atti leġiżlattivi, fis-sens tal-Artikolu 289(3) TFUE. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 118 tal-konklużjonijiet tagħha, f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, u b’mod partikolari f’dik bil-Ġermaniż, l-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006 juża l-kunċett usa’ ta’ “dispożizzjonijiet legali”, li jista’ jinkludi kull att ta’ portata ġenerali legalment vinkolanti.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Tiketa, C‑536/20, EU:C:2022:112, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Issa, fid-dawl tal-punt 84 ta’ din is-sentenza kif ukoll tal-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent, hija meħtieġa interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, fis-sens li dan ikopri kull att tal-Unjoni li, indipendentement mill-bażi legali tiegħu, jikkontribwixxi għat-twettiq tal-għanijiet ta’ din il-politika, kif iddefiniti fl-Artikolu 191(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2022, Deutsche Umwelthilfe (Approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur), C‑873/19, EU:C:2022:857, punt 53). Il-fatt li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006, il-bażi legali li fuqha jiġi adottat att ma hijiex kriterju rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tiegħu bħala “liġi ambjentali” jippermetti li minn dan jiġi dedott li l-proċedura ta’ adozzjoni ta’ tali att, li tiddetermina, konformement mal-Artikolu 289 TFUE, in-natura leġiżlattiva jew le tiegħu, lanqas ma hija kriterju rilevanti għall-finijiet ta’ din il-klassifikazzjoni.

88      F’dan il-każ, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI, meta jiddeċiedi dwar l-għoti ta’ finanzjamenti abbażi tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 19(3) tal-Istatut tal-BEI, ma jistax jitbiegħed, mingħajr ġustifikazzjoni, mill-kriterji ta’ natura ambjentali dwar l-eliġibbiltà tal-proġetti għal finanzjament li jirriżultaw mid-Dikjarazzjoni tal‑2009 u mill-Istrateġija dwar il-klima, li l-BEI stess intrabat li jsegwi fl-attività ta’ self tiegħu, għaliex jekk ma jkunx hekk jikser, jekk ikun il-każ, prinċipji ġenerali tad-dritt bħalma huma l-ugwaljanza fit-trattament jew il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il‑Kummissjoni, C‑189/02 P, C‑202/02 P, C‑205/02 P sa C‑208/02 P u C‑213/02 P, EU:C:2005:408, punti 209 u 211).

89      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 122 sa 124 tas-sentenza appellata, qieset li kemm id-Dikjarazzjoni tal‑2009 kif ukoll l-Istrateġija dwar il-klima jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(f) tar-Regolament Nru 1367/2006, peress li dawn jiddefinixxu l-kriterji ta’ natura ambjentali dwar l-eliġibbiltà tal-proġetti għal finanzjament tal-BEI u, għalhekk, jirregolaw l-attività tiegħu fil-qasam tal-għoti ta’ self għall-finijiet tat-twettiq tal-għanijiet tat-Trattat FUE fil-qasam ambjentali.

90      Huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, fil-punti 138 sa 140 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, sa fejn kienet tikkonstata li l-proġett Curtis kien jissodisfa l-kriterji ta’ natura ambjentali dwar l-eliġibbiltà tal-proġetti għal finanzjament tal-BEI li jirriżultaw minn dawn iż-żewġ atti, ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 kienet ittieħdet “taħt il-liġi ambjentali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

91      Fid-dawl tal-motivi preċedenti, l-ewwel u t-tieni parti tat-tielet aggravju fil-Kawża C‑212/21 P kif ukoll l-ewwel parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑223/21 P għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ilkunċett ta’ “miżura ta’ portata individwali”, fissens talArtikolu 2(1)(g) tarRegolament Nru 1367/2006

–       Largumenti talpartijiet

92      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑223/21 P, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 126 sa 142 tas-sentenza appellata, marret kontra l-ġurisprudenza li tgħid li l-kunċett ta’ “miżura ta’ portata individwali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, għandu jiġi interpretat skont il-kriterji li jirriżultaw mill-Artikoli 263 TFUE u 288 TFUE. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, bi ksur tal-prinċipji li jirriżultaw mill-punti 65 sa 67 u 84 sa 86 tas-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630), li, sabiex ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 tiġi kklassifikata bħala “miżura ta’ portata individwali”, kien biżżejjed li, permezz ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Bord tad-Diretturi tal-BEI jkun iddeċieda b’mod definittiv dwar it-twettiq ta’ ċerti għanijiet ambjentali. Dan l-approċċ jimplika għalhekk li atti mhux vinkolanti, bħalma huma rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern, abbażi tal-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament, u sussegwentement ta’ rikors skont l-Artikolu 12(1) tal-imsemmi regolament.

93      Insostenn tal-Kummissjoni, il-BEI jsostni li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 tikkostitwixxi att intern, li l-uniku effett tiegħu huwa li jippermetti lid-dipartimenti ta’ dan il-korp ikomplu n-negozjati kuntrattwali għall-finanzjament approvat, b’tali mod li din ir-riżoluzzjoni ma tikkonċernax individwalment persuni esterni, fis-sens tas-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni (C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punt 66).

94      ClientEarth issostni li l-argument li l-att li jkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern għandu jitqies bħala “miżura ta’ portata individwali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, ma tqajjimx, la mill-BEI u lanqas mill-Kummissjoni, quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li l-Kummissjoni ma tistax tinvoka dan l-argument fl-istadju tal-appell, fid-dawl tan-natura ġdida tiegħu. Fi kwalunkwe każ, ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 hija “miżura ta’ portata individwali” peress li tapplika għal talba speċifika dwar il-finanzjament tal-proġett Curtis.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

95      Permezz tal-argumenti tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali li, fil-punti 126 sa 142 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “miżura ta’ portata individwali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, billi tat tali portata lir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018.

96      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kwistjoni, imqajma minn ClientEarth, dwar jekk il-Kummissjoni tistax tikkontesta, fl-istadju tal-appell, is-sentenza appellata sa fejn ikklassifikat b’mod żbaljat ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 bħala “miżura ta’ portata individwali”, għandu jitfakkar li appellant jista’ jippreżenta appell filwaqt li jsostni, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, aggravji u argumenti li jirriżultaw mis-sentenza appellata stess u li huma intiżi li jikkritikaw il-fondatezza fid-dritt tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2007, Stadtwerke Schwäbisch Hall et vs Il‑Kummissjoni, C‑176/06 P, mhux ippubblikata, EU:C:2007:730, punt 17, u tal‑4 ta’ Marzu 2021, Il‑Kummissjoni vs Fútbol Club Barcelona, C‑362/19 P, EU:C:2021:169, punt 47 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

97      Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista’ tikkontesta, fl-istadju tal-appell, il-klassifikazzjoni tar-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 bħala “miżura ta’ portata individwali”, magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 140 u 142 tas-sentenza appellata.

98      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fondatezza ta’ din il-klassifikazzjoni, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ġenerali jew individwali ta’ att, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-għan u l-kontenut tiegħu. Att ikollu portata ġenerali, fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE, jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt. Fir-rigward ta’ dan it-tieni kriterju, il-portata ġenerali ta’ att ma tiddaħħalx inkwistjoni mill-possibbiltà li jiġu ddeterminati, b’livell għoli jew baxx ta’ preċiżjoni, in-numru jew anki l-identità tas-suġġetti tad-dritt li għalihom japplika dan l-att f’mument partikolari, kemm-il darba jkun paċifiku li din l-applikazzjoni tirriżulta minn sitwazzjoni oġġettiva ta’ liġi jew ta’ fatt iddefinita permezz tal-att, inkonnessjoni mal-għan tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Mellifera vs Il‑Kummissjoni, C‑784/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:630, punti 65 sa 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

99      F’dan il-każ, ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018, sa fejn tirrigwarda l-approvazzjoni tal-proposta ta’ finanzjament tal-proġett Curtis fir-rigward tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu, tirrigwarda sitwazzjoni speċifika, jiġifieri l-finanzjament ta’ dan il-proġett, u tipproduċi effetti legali fil-konfront tal-promotur tal-imsemmi proġett, billi tippermettilu jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-formalizzazzjoni tas-self.

100    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 140 u 142 tas-sentenza appellata, li din ir-riżoluzzjoni tikkostitwixxi “miżura ta’ portata individwali”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

101    Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑223/21 P għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq ilkunċett ta’ “effetti esterni u li jorbtu legalment”, fissens talArtikolu 2(1)(g) tarRegolament Nru 1367/2006

–       Largumenti talpartijiet

102    Il-BEI, permezz tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑212/21 P, u l-Kummissjoni, permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑223/21 P, jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ddeċidiet b’mod żbaljat li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 tipproduċi effetti legalment vinkolanti u esterni, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, sa fejn din ir-riżoluzzjoni tirrifletti pożizzjoni definittiva tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI dwar l-eliġibbiltà tal-proġett Curtis għal finanzjament tal-BEI, fid-dawl tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu. Fil-fatt, tali riżoluzzjoni ma tagħtix dritt individwali li jinkiseb finanzjament min-naħa tal-BEI, peress li r-relazzjoni bejn dan il-korp u l-persuna li tissellef potenzjali ssir legalment vinkolanti biss mal-iffirmar tal-kuntratt rilevanti. Għaldaqstant, ebda effett legalment vinkolanti ma jista’ jintrabat ma’ din ir-riżoluzzjoni.

103    Barra minn hekk, skont il-BEI u l-Kummissjoni, is-sentenza appellata hija vvizzjata b’kontradizzjoni fil-motivi sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fl-istess ħin, li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 tipproduċi effetti legali fir-rigward tal-promotur tal-proġett Curtis u, fil-punti 167 sa 170 tal-istess sentenza, li din ir-riżoluzzjoni ma kinitx tgħodd bħala “impenn legali fir-rigward tal-għoti tas-self” u li l-proċedura tkompliet wara l-adozzjoni tagħha.

104    F’dan ir-rigward, il-BEI jsostni li riżoluzzjoni tal-Bord tad-Diretturi tiegħu, adottata abbażi tal-Artikolu 19(3) tal-Istatut tal-BEI, tikkostitwixxi deċiżjoni unika ta’ finanzjament ta’ proġett, mingħajr ma jkun possibbli li fiha tiġi sseparata “parti finanzjarja”, li ma tkunx definittiva u li ma jkollhiex effett vinkolanti u estern, u “parti ambjentali”, li tkun definittiva u legalment vinkolanti fir-rigward ta’ terzi.

105    Fi kwalunkwe każ, l-eżistenza ta’ effetti legalment vinkolanti u esterni, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, kien imissha ġiet stabbilita fir-rigward tas-sitwazzjoni legali ta’ ClientEarth. Il-Qorti Ġenerali, wara li eżaminat, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, is-sitwazzjoni legali tal-promotur tal-proġett Curtis, ikkonfermat li ma kien hemm ebda effett ta’ dan it-tip fir-rigward ta’ ClientEarth.

106    ClientEarth tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti kollha.

–       Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

107    Permezz tal-argumenti tagħhom, il-BEI u l-Kummissjoni jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 167 sa 171 tas-sentenza appellata, li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 hija att li għandu “effetti esterni u li jorbtu legalment”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006.

108    F’dan ir-rigward, mill-punt 149 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali, “fl-interess tal-koerenza ġenerali”, interpretat dan il-kunċett konformement ma’ dak ta’ “atti […] li joħolqu effetti legali fir-rigward ta’ terzi”, imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, li jeskludi, bħala prinċipju, l-atti li jipproduċu effetti biss fl-isfera interna tal-istituzzjoni, tal-korp jew tal-organu tal-Unjoni li jkunu l-awtur tagħhom, mingħajr ma joħolqu xi dritt jew obbligu fir-rigward ta’ terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑25 ta’ Frar 1988, Les Verts vs Il‑Parlament, 190/84, EU:C:1988:94, punt 8, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, Satcen vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

109    Issa, fil-punti 167 sa 171 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI dwar l-eliġibbiltà tal-proġett Curtis għal finanzjament ta’ dan il-korp fir-rigward tal-aspetti ambjentali u soċjali ta’ dan il-proġett, u, għaldaqstant, li din ir-riżoluzzjoni tipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ terzi, b’mod partikolari fir-rigward tal-promotur ta’ dan il-proġett, sa fejn din ir-riżoluzzjoni kienet tikkonstata l-eliġibbiltà tal-imsemmi proġett għal finanzjament min-naħa tal-BEI fid-dawl tal-aspetti ambjentali u soċjali tiegħu, u b’hekk kienet tippermetti lil dan il-promotur jieħu l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-formalizzazzjoni tas-self.

110    Ma tista’ tiġi kkonstatata ebda kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni li l-aspetti ambjentali tal-proġett Curtis kienu s-suġġett ta’ evalwazzjoni definittiva u, min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanzi, irrilevati wkoll fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 ma kinitx tgħodd bħala “impenn legali fir-rigward tal-għoti tas-self” u li l-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-finanzjament kompliet, peress li kien għad fadal li jiġu vverifikati aspetti tekniċi, ekonomiċi u finanzjarji oħra tal-imsemmi proġett.

111    Barra minn hekk, l-argument imressaq mill-BEI, fis-sens li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 167 sa 170 tas-sentenza appellata, li r-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 kien fiha “parti finanzjarja” li setgħet tiġi sseparata minn “parti ambjentali” u li din il-parti tal-aħħar biss kienet definittiva u legalment vinkolanti fir-rigward ta’ terzi huwa bbażat fuq qari żbaljat ta’ dawn il-punti. Fil-fatt, f’dawn il-punti, il-Qorti Ġenerali sempliċement irrilevat li din ir-riżoluzzjoni tikkonstata b’mod definittiv l-eliġibbiltà tal-proġett Curtis għal finanzjament min-naħa tal-BEI, fid-dawl tal-aspetti ambjentali u soċjali ta’ dan il-proġett, iżda bl-ebda mod ma ddeċidiet li l-imsemmija riżoluzzjoni hija bbażata fuq separazzjoni formali bejn dawn l-aħħar aspetti u l-aspetti finanzjarji jew aspetti oħra li jikkonċernaw l-imsemmi proġett.

112    Barra minn hekk, l-argument li l-Qorti Ġenerali kien imissha evalwat, fil-punt 170 tas-sentenza appellata, jekk ir-riżoluzzjoni tat‑12 ta’ April 2018 għandhiex “effetti esterni u li jorbtu legalment”, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, fir-rigward ta’ ClientEarth, ma għandu ebda bażi f’dan ir-regolament. Fil-fatt, la din id-dispożizzjoni u lanqas l-Artikolu 10(1) tal-imsemmi regolament ma jeżiġu li l-att amministrattiv li jkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern ikollu effett legalment vinkolanti u estern fir-rigward tal-organizzazzjoni mhux governattiva li tressaq din it-talba.

113    Fid-dawl tal-motivi preċedenti, it-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑212/21 P kif ukoll it-tielet parti tat-tieni aggravju fil-Kawża C‑223/21 P, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

114    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-appelli għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq lispejjeż

115    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

116    Peress li ClientEarth talbet li l-BEI u l-Kummissjoni jiġu kkundannati għall-ispejjeż, u peress li dawn tilfu fl-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti minn ClientEarth fiż-żewġ appelli.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appelli huma miċħuda.

2)      Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Kummissjoni Ewropea huma kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħhom, dawk sostnuti minn ClientEarth.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.