Language of document : ECLI:EU:T:2023:149

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

22 ta’ Marzu 2023 (*)

“Politika ekonomika u monetarja – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Regolament (UE) Nru 468/2014 – Entitajiet suġġetti għas-superviżjoni prudenzjali – Proċedura amministrattiva komposta – Rifjut ta’ aċċess għall-fajl – Deċiżjoni 2004/258/KEE – Aċċess għad-dokumenti tal-BĊE”

Fil-Kawża T‑72/20,

Satabank plc, stabbilita f’St Julian’s (Malta), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentata minn G. Buono, A. Lefterov u E. Koupepidou, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta, waqt is-seduti, minn H. Kanninen, President, M. Jaeger, N. Półtorak (Relatriċi), O. Porchia u M. Stancu, Imħallfin,

Reġistratur: M P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari d-digriet li l-eċċezzjoni tingħaqad mal-mertu tad‑9 ta’ Marzu 2021,

wara s-seduta tas‑7 ta’ Ġunju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Satabank plc, titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas‑26 ta’ Novembru 2019 li permezz tagħha dan ċaħad it-talba tagħha għal aċċess għall-fajl li jikkonċernaha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tar-rikors

2        Fil-mument tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti kienet istituzzjoni ta’ kreditu tad-dritt Malti, li kienet ġiet ikklassifikata bħala istituzzjoni inqas importanti fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal‑15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63, iktar ’il quddiem ir-“Regolament MSU”) u kienet suġġetta għas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-Malta Financial Services Authority (MFSA, l-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta).

3        Fis‑16 ta’ Novembru 2019, l-avukat tar-rikorrenti, inkarigat, minħabba li din ma kellhiex iktar kunsill ta’ amministrazzjoni, mill-azzjonisti tar-rikorrenti, talab lill-BĊE l-aċċess għall-fajl li jikkonċernaha (iktar ’il quddiem it-“talba għal aċċess”).

4        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE ċaħad it-talba għal aċċess, billi kkonstata li r-rikorrenti ma kienet suġġetta għal ebda proċedura fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u li, konsegwentement, ebda aċċess għall-imsemmi fajl ma seta’ jingħatalha abbażi tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas‑16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Qafas MSU”).

5        Fit‑12 ta’ Frar 2020, konformement mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU u mal-Artikolu 80 tar-Regolament Qafas MSU, il-MFSA ssottomettiet lill-BĊE abbozz ta’ deċiżjoni li jipprevedi l-irtirar tal-approvazzjoni tar-rikorrenti u, fis‑17 ta’ Frar 2020, din ippreżentatlu verżjoni riveduta tal-proġett tagħha.

6        Fis‑16 ta’ Marzu 2020, il-BĊE nnotifika lill-avukat tar-rikorrenti u lill-persuna kompetenti, li kienet inħatret mill-MFSA sabiex tagħti parir u tissorvelja lir-rikorrenti fit-twettiq tajjeb tal-attivitajiet tagħha, abbozz ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni u tathom il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar l-imsemmi abbozz.

7        Fl‑24 ta’ Marzu 2020, l-avukat tar-rikorrenti ppreżenta talba għal aċċess għall-fajl.

8        Il-BĊE ta l-imsemmi aċċess għall-fajl fit‑30 ta’ April, fl‑4 ta’ Mejju u fit‑3 ta’ Ġunju 2020.

9        Fit‑30 ta’ Ġunju 2020, il-BĊE adotta deċiżjoni li tirtira lir-rikorrenti l-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ rtirar”), li r-rikorrenti kkonfermat li rċeviet fl‑1 ta’ Lulju 2020. L-Avukat tar-rikorrenti talab l-annullament tad-deċiżjoni ta’ rtirar permezz ta’ rikors ippreżentat fid‑9 ta’ Settembru 2020 u rreġistrat bin-numru T‑563/20. Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ Frar 2020, ir-rikorrenti informat lill-Qorti Ġenerali, skont l-Artikolu 125 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li hija kienet qed tirrinunzja għal dan ir-rikors. Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ April 2022, Satabank vs BĊE (T‑563/20, mhux ippubblikat, EU:T:2022:240), l-imsemmija kawża tneħħiet mir-reġistru tal-Qorti Ġenerali.

 Talbiet talpartijiet

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

11      Il-BĊE jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

 Fuq lammissibbiltà tarrikors u linteress ġuridiku tarrikorrenti

12      L-ewwel nett, il-BĊE qajjem, permezz ta’ att separat, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward ta’ dan ir-rikors.

13      Fl-ewwel lok, il-BĊE jqis li d-deċiżjoni kkontestata ma taffettwax is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti. Il-BĊE jsostni f’dan ir-rigward li, meta jkunu involuti atti jew deċiżjonijiet li l-elaborazzjoni tagħhom issir f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. Għaldaqstant, ir-risposta tal-BĊE għal talba ta’ aċċess għal fajl ta’ sorveljanza ma għandhiex effett awtonomu fuq il-pożizzjoni legali tal-persuni kkonċernati.

14      Fit-tieni lok, il-BĊE jikkonstata li r-rikorrenti ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ interess ġuridiku fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Fir-rigward tal-proċedura ta’ rtirar mibdija mill-BĊE, ir-rikorrenti tqiegħdet f’pożizzjoni li tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-BĊE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kull interess ġuridiku għal annullament li jirriżulta mill-allegazzjonijiet żviluppati fir-rikors huwa ipotetiku u, fi kwalunkwe każ, nieqes minn kull rabta mad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti. Konsegwentement, il-BĊE jissuġġerixxi li dan ir-rikors ma jagħti ebda benefiċċju lir-rikorrenti.

15      Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument.

16      Fir-rigward tal-ewwel argument tal-BĊE, li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att preparatorju li ma jaffettwax is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, għandu qabel kollox jitfakkar li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il‑Kummissjoni, C‑362/08 P, EU:C:2010:40, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Meta t-tfassil ta’ att jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, bħala prinċipju jikkostitwixxi att kontestabbli biss il-miżura li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss fil-każ ta’ rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fi tmiem il-proċedura li r-rikorrent jista’ jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti li huma strettament marbuta miegħu (ara d-digriet tal‑31 ta’ Marzu 2020, ZU vs SEAE, T‑499/19, mhux ippubblikat, EU:T:2020:134, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, li l-BĊE kkonstata li huwa ma kien involut fl-ebda proċedura ta’ sorveljanza speċifika relatata mar-rikorrenti fil-mument meta saret it-talba għal aċċess.

19      Issa, il-BĊE ma jistax jippretendi, minn naħa, li huwa jirrifjuta l-aċċess għall-fajl tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ proċedura pendenti u, min-naħa l-oħra, li tali rifjut, bħala att preparatorju, jista’ jiġi kkontestat biss fil-kuntest ta’ rikors kontra deċiżjoni li tagħlaq din il-proċedura ineżistenti. Peress li l-BĊE qies, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienet infetħet ebda proċedura kontra r-rikorrenti, l-imsemmija deċiżjoni ma kellha tiġi segwita minn ebda att ulterjuri li jtemm proċedura ta’ sorveljanza li kontriha r-rikorrenti setgħet taġixxi u, f’din l-okkażjoni, tikkontesta din l-istess deċiżjoni.

20      Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata għandha titqies li tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-BĊE.

21      Fir-rigward tat-tieni argument tal-BĊE, li jgħid li l-interess ġuridiku tar-rikorrenti huwa ipotetiku u mingħajr relazzjoni mad-drittijiet tad-difiża tagħha, għandu qabel kollox jitfakkar, minn naħa, li rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, fih innifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Binca Seafoods vs Il‑Kummissjoni, C‑268/16 P, EU:C:2017:1001, punt 44). Għandu jitfakkar ukoll, min-naħa l-oħra, li l-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-interess ġuridiku għandha tiġi evalwata fil-mument tal-preżentata tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs L-Awtorità Għolja, 14/63, EU:C:1963:60, punt 719, u d-digriet tat‑30 ta’ Novembru 1998, N vs Il‑Kummissjoni, T‑97/94, EU:T:1998:270, punt 23).

22      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-BĊE għandha tiġi miċħuda peress li, fil-jum tal-preżentata tar-rikors, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata seta’ jagħti benefiċċju lir-rikorrenti, li jikkonsisti fl-aċċess għal ċerti dokumenti li ġie rrifjutat lilha mill-BĊE.

23      It-tieni nett, il-BĊE jqis li l-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar dan ir-rikors, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura, sa fejn ir-rikors issa ma għadx għandu skop minħabba l-għoti ulterjuri tal-aċċess għall-fajl, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali relatata mad-deċiżjoni ta’ rtirar.

24      Għandu jitfakkar li l-interess ġuridiku ta’ rikorrent fir-rigward tas-suġġett tar-rikors għandu jibqa’ jeżisti sal-għoti tad-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑42/06, EU:T:2010:102, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, il-BĊE jammetti huwa stess li, fl-għoti sussegwenti tal-aċċess għall-fajl, fil-kuntest tal-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali, huwa ma bagħatx lir-rikorrenti d-dokumenti kollha li jikkonċernawha.

26      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għandha interess ġuridiku f’din il-kawża sa fejn, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-BĊE rrifjuta li jiżvela ċerti dokumenti li jikkonċernawha u li ma jidhrux fil-fajl dwar il-proċedura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha bħala istituzzjoni ta’ kreditu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2011, LPN vs Il‑Kummissjoni, T‑29/08, EU:T:2011:448, punti 55 et seq, u tat‑23 ta’ Settembru 2015, ClientEarth u International Chemical Secretariat vs ECHA, T‑245/11, EU:T:2015:675, punti 119 et seq).

27      Għalhekk, l-allegazzjonijiet tal-BĊE dwar in-nuqqas ta’ lok li tingħata deċiżjoni għandhom jiġu miċħuda.

28      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li, mingħajr ma jqajjem formalment eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, il-BĊE jpoġġi indiskussjoni l-ammissibbiltà tar-rikors fir-rigward tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura. Fil-fatt, il-BĊE jsostni li, għalkemm prima facie r-rikors jinkludi, f’dan il-każ, id-dikjarazzjoni ta’ tmien motivi, l-elementi li allegatament isostnuhom huma wisq fil-qosor biex jippermettu lill-BĊE jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors. B’mod partikolari, ir-raba’, il-ħames, is-sitt, is-seba’ u t-tmien motivi ma huma sostnuti minn ebda argument preċiż u ma humiex strutturati.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jinkludi s-suġġett tal-kawża u espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati.

30      Għandu jitfakkar ukoll li, skont il-ġurisprudenza, ir-rikors għandu jiġi interpretat bil-għan li jagħtih effett utli, billi ssir evalwazzjoni globali tiegħu. Ir-rikors jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mir-Regoli tal-Proċedura, peress li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors jirriżultaw, minn tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess u li jippermetti kemm lill-Qorti Ġenerali kif ukoll lill-konvenut jidentifika l-aġir li huwa akkużat bih dan tal-aħħar u l-fatti u ċ-ċirkustanzi li wasslu għall-kawża. L-espożizzjoni tal-motivi tar-rikors, fis-sens tar-Regoli tal-Proċedura, ma hijiex marbuta ma’ formulazzjoni partikolari tagħhom. Il-preżentazzjoni tal-motivi, permezz tas-sustanza tagħhom pjuttost milli bil-klassifikazzjoni legali tagħhom, tista’ tkun suffiċjenti peress li l-imsemmija motivi jirriżultaw mir-rikors b’ċarezza suffiċjenti (sentenza tad‑29 ta’ April 2020, Intercontact Budapest vs CdT, T‑640/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:167, punt 25).

31      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat, kuntrarjament għal dak li jsostni l-BĊE, li r-rikors jippermetti li jiġi identifikat mingħajr diffikultà s-suġġett tal-kawża kif ukoll il-motivi tiegħu, invokati b’mod suffiċjentement koerenti u li jinftiehem sabiex jippermetti lill-BĊE jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

32      Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tal-BĊE dwar l-assenza ta’ ċarezza tar-rikors għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq lammissibbiltà taleċċezzjoni ta’ illegalità talArtikolu 22 tarRegolament MSU u talArtikoli 31 u 32 tarRegolament Qafas MSU

33      Il-BĊE jallega li r-rikorrenti tqajjem, fl-istadju tar-replika, motivi ġodda bbażati fuq l-allegata illegalità tal-Artikolu 22 tar-Regolament MSU kif ukoll tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas MSU, li huma kemm inammissibbli kif ukoll infondati fl-intier tagħhom.

34      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma qajmitx espliċitament eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rikors. Madankollu, fir-replika tagħha, hija ssostni li l-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas tal-MSU jkunu illegali jekk jiġu interpretati konformement mal-pożizzjoni tal-BĊE, peress li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

35      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li hija qajmet eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas MSU.

36      Mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura jirriżulta li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi introdott matul il-proċeduri sakemm dawn ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li jkunu ħarġu matul il-proċeduri. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi l-amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkollu rabta mill-qrib miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Alferink et vs Il‑Kummissjoni, T‑94/98, EU:T:2008:226, punt 38).

37      Sabiex ikun jista’ jitqies bħala amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, argument ġdid għandu jkollu, mal-motivi inizjalment esposti fir-rikors, rabta stretta biżżejjed biex ikun jista’ jitqies bħala li jirriżulta mill-iżvilupp normali tad-dibattitu fi proċedura kontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2013, Groupe Gascogne vs Il‑Kummissjoni, C‑58/12 P, EU:C:2013:770, punt 31).

38      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-allegazzjonijiet allegatament ġodda tar-rikorrenti dwar l-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas MSU għandhom jitqiesu bħala amplifikazzjoni tal-allegazzjonijiet tagħha li jinsabu fit-tieni motiv tar-rikors dwar interpretazzjoni wisq restrittiva tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU. Fil-fatt, permezz tal-imsemmi motiv, ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni restrittiva tal-BĊE dwar it-trattament tat-talba tagħha għal aċċess u tqajjem allegazzjonijiet dwar il-legalità ta’ tali interpretazzjoni. F’dan ir-rigward, minn naħa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU hija direttament is-suġġett tat-tieni motiv tar-rikors. Min-naħa l-oħra, permezz tal-eċċezzjoni ta’ illegalità fformulata fir-replika, ir-rikorrenti żżid sempliċement li l-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas MSU, fl-interpretazzjoni tal-BĊE, huma illegali fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta.

39      Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet tal-BĊE dwar l-inammissibbiltà tal-ilmenti bbażati fuq l-allegata illegalità tal-Artikolu 22 tar-Regolament MSU kif ukoll tal-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas MSU għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq ilmertu

40      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-eżistenza ta’ dritt fundamentali ta’ aċċess għall-fajl, it-tieni wieħed, fuq interpretazzjoni wisq restrittiva tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU, it-tielet motiv, li jista’ jinqasam f’żewġ partijiet, ibbażati, l-ewwel waħda, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU u, it-tieni waħda, fuq motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl stabbilit fl-Artikolu 15(3) TFUE, fl-Artikolu 42 tal-Karta, fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331), u fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2004/258/KE tal‑4 ta’ Marzu 2004 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 5, p. 51), kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) 2015/529 tal‑21 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 84, p. 64) (iktar ’il quddiem, kif emendata, id-“Deċiżjoni 2004/258”), ir-raba’, ksur tad-dritt għal smigħ, il-ħames, ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, is-sitt, ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, is-seba’, ksur tal-prinċipju ta’ nemo auditur u, it-tmien, ksur tad-dritt għal rimedju effettiv.

41      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel tiġi analizzata l-ewwel parti tat-tielet motiv u t-tieni, il-ħames, is-sitt, is-seba’ u t-tmien motivi.

 Fuq lewwel parti tattielet aggravju u ttieni, ilħames, issitt, isseba’ u ttmien motivi

42      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti tallega l-assenza ta’ motivazzjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU f’dan il-każ. Permezz tat-tieni, tal-ħames, tas-sitt, tas-seba’ u tat-tmien motiv, ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-BĊE rrifjuta l-aċċess għall-fajl tagħha abbażi ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU.

–       Fuq lewwel parti tattielet motiv

43      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li jingħata l-aċċess għall-fajl skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU ma huwiex immotivat biżżejjed. Il-BĊE ma jispjegax il-pożizzjoni tiegħu estremament restrittiva u l-mod kif din tista’ tiġi ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU.

44      Il-BĊE jikkontesta dawn l-argumenti.

45      Skont l-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta, l-amministrazzjoni għandha l-obbligu li timmotiva d-deċiżjonijiet tagħha. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jimplika, skont ġurisprudenza stabbilita sew, li, skont l-Artikolu 296 TFUE, l-awtur ta’ att għandu juri b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li fuqu huwa bbażat l-imsemmi att, b’mod li, minn naħa, jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2017, Systema Teknolotzis vs Il‑Kummissjoni, T‑234/15, EU:T:2017:461, punt 126 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkonsisti f’li jiġi indikat li r-rikorrenti ma kienet suġġetta għal ebda proċedura fis-sens tal-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u li, konsegwentement, hija taqa’ taħt ir-regola li tipprovdi li ma jista’ jingħata aċċess għal ebda fajl tal-BĊE skont l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU.

47      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tar-raġuni mhux ekwivoka tar-rifjut ta’ aċċess mill-BĊE kienet suffiċjenti biex tippermetti lir-rikorrenti tifhem id-deċiżjoni kkontestata, kif juru l-argumenti li jinsabu f’dan ir-rikors, u biex il-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ tagħha.

48      Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq ittieni motiv

49      Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni indebitament restrittiva tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU.

50      Il-BĊE jikkontesta dan l-argument.

51      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE għandu relazzjoni ta’ superviżjoni permanenti mal-banek kollha taż-żona tal-euro u li dawn kollha huma suġġetti għal superviżjoni prudenzjali kostanti, fatt li jimplika li teżisti proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali kontinwa mwettqa mill-BĊE.

52      Ir-rikorrenti tallega li l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU għandu jiġi interpretat fis-sens li jagħti lil kull bank dritt ta’ aċċess għall-fajl tiegħu biss abbażi tar-relazzjoni ta’ superviżjoni kontinwa mal-BĊE.

53      Huwa jżid li l-għoti tal-aċċess għall-fajl ma jirrikjedix li miżura speċifika tkun qed tiġi eżaminata mill-BĊE.

54      Fl-istadju tar-replika, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li teżisti proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali kontinwa mill-mument meta tingħata l-awtorizzazzjoni u sal-irtirar tagħha. Is-superviżjoni prudenzjali bankarja tikkostitwixxi għalhekk proċedura amministrattiva kontinwa, li fil-kuntest tagħha awtorità tivverifika jekk entità tikkonformax ruħha mar-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni jew jekk dan ma huwiex il-każ, b’tali mod li l-awtorizzazzjoni tagħha jkollha tiġi rtirata mingħandha.

55      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali għandha titqies li teżisti meta l-BĊE oġġettivament ikollu l-ħtieġa li jipprevedi u li jipprepara deċiżjoni. Indipendentement mill-mument preċiż meta bdiet il-proċedura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni, ma hemm l-ebda dubju raġonevoli dwar il-fatt li din il-proċedura bdiet ħafna żmien qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

56      Ir-rikorrent iżid li l-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas MSU jkunu illegali jekk jiġu interpretati fis-sens propost mill-BĊE.

57      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament MSU, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu li, “[f]il-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu[…] ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti”. Issegwi lista ta’ disa’ kompiti.

58      L-Artikolu 6 tar-Regolament MSU, intitolat “Kooperazzjoni fi ħdan il-MSU”, jenfasizza, fil-paragrafu 1 tiegħu li, “[i]l-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali” u li “[i]l-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU”. Mill-istruttura tal-Artikolu 6(4) sa (6) tar-Regolament MSU tirriżulta differenzazzjoni bejn is-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “sinifikanti” u dik tal-entitajiet ikklassifikati bħala “inqas sinifikanti”, fir-rigward ta’ sebgħa minn disa’ kompiti li l-lista tagħhom hija stabbilita mill-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 21).

59      Minn dan jirriżulta, minn naħa, li s-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “sinifikanti” taqa’ taħt il-BĊE biss. L-istess japplika għas-superviżjoni prudenzjali tal-entitajiet “inqas sinifikanti”, fir-rigward tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) u (c) tar-Regolament MSU (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 22).

60      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-entitajiet “inqas sinifikanti” u fir-rigward tal-kompiti l-oħra previsti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament MSU, minn qari flimkien tal-Artikolu 6(5) u (6) tal-imsemmi regolament jirriżulta li l-implementazzjoni tagħhom hija attribwita, taħt il-kontroll tal-BĊE, lill-awtoritajiet nazzjonali, li għaldaqstant jeżerċitaw is-superviżjoni prudenzjali diretta tal-imsemmija entitajiet. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament MSU, “[m]ingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti […] u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas u soġġett għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.” (sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 23).

61      It-tieni nett, mill-Artikolu 22(2) tar-Regolament MSU jirriżulta li “d-drittijiet tad-difiża tal-persuni kkonċernati għandhom ikunu żgurati bis-sħiħ fil-proċedimenti” u li dawn “għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-BĊE”. Din id-dispożizzjoni hija ppreċiżata mir-Regolament Qafas MSU.

62      Għandu jitfakkar li l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU jipprovdu li “d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet ikkonċernati għandhom ikunu rispettati bis-sħiħ fil-proċeduri superviżorji tal-BĊE” u li, “[g]ħal dan l-iskop, u wara li tinfetaħ proċedura superviżorja tal-BĊE, il-partijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-BĊE, suġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi minbarra l-parti relevanti, għall-finijiet ta’ protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom”.

63      Talba għal aċċess għall-fajl hija bbażata fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punti 98 u 99; tal‑15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il‑Kunsill, T‑348/14, EU:T:2016:508, punt 68, u tat‑2 ta’ Diċembru 2020, Kalai vs Il‑Kunsill, T‑178/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:580, punt 73). Tali talba ma għandhiex suġġett fl-assenza ta’ proċedura amministrattiva li taffettwa l-interessi legali tal-applikant għal aċċess u, konsegwentement, fl-assenza tal-eżistenza ta’ fajl li jikkonċernah (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, OCU vs BĊE, T‑15/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:661, punt 94).

64      Għalhekk, l-Artikolu 32(1) tar-Regolament Qafas MSU juża espressament l-espressjoni “proċedura superviżorja [prudenzjali]” u mhux “superviżjoni prudenzjali”. Fil-fatt, il-punt 24 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Qafas MSU jiddefinixxi l-“proċedura superviżorja tal-BĊE” bħala “kwalunkwe attività tal-BĊE mmirata lejn it-tħejjija tal-ħruġ ta’ deċiżjoni superviżorja tal-BĊE, inklużi proċeduri komuni u l-impożizzjoni ta’ penali finanzjarji amministrattivi” u jippreċiża li, “[i]l-proċeduri superviżorji tal-BĊE kollha huma soġġetti għall-Parti III”.

65      Konsegwentement, is-superviżjoni prudenzjali fir-rigward tal-kompiti tal-BĊE ma tistax tiġi assimilata ma’ proċedura ta’ superviżjoni, intiża li twettaq missjoni ta’ superviżjoni speċifika u li tieħu deċiżjoni dwar dan is-suġġett. Kieku l-portata tas-superviżjoni prudenzjali kienet identika għal dik tal-proċedura ta’ superviżjoni, allura t-Titolu 2 tar-Regolament Qafas MSU, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali relatati mal-proċess ġust għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE”, li l-Kapitolu 1 tiegħu (li jinkludi fih l-Artikolu 32), intitolat “Proċeduri superviżorji tal-BĊE”, jipprevedi stadji tal-proċedura ta’ superviżjoni, ikun imċaħħad mill-effettività tiegħu. Fil-fatt, f’tali kuntest, qatt ma jkun hemm proċedura ta’ superviżjoni, peress li din hija neċessarjament dejjem pendenti fil-kuntest ta’ superviżjoni prudenzjali pendenti.

66      Issa, is-sempliċi persistenza ta’ superviżjoni prudenzjali, mingħajr proċedura ta’ superviżjoni speċifika pendenti, ma tistax titqies li tiġġustifika l-aċċess għall-fajl skont l-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU.

67      Barra minn hekk, ma jistax jiġi preżunt, kif tallega r-rikorrenti, li l-proċedura għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni hija diġà pendenti wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni, peress li l-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU jindika b’mod ċar li tali proċedura tista’ tinbeda mill-BĊE fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq proposta ta’ awtorità kompetenti nazzjonali.

68      F’dan il-każ, xejn ma jissuġġerixxi li, fid-data tal-preżentata mir-rikorrenti tal-applikazzjoni tagħha għal aċċess, jiġifieri fis‑16 ta’ Novembru 2019, proċedura superviżorja quddiem il-BĊE kienet pendenti fil-konfront tagħha. Minn naħa, għandu jiġi nnotat li, f’dan l-istadju, il-BĊE ma kien ħa ebda miżura ta’ sorveljanza fir-rigward tar-rikorrenti u li l-abbozz ta’ deċiżjoni li tipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti ġie sottomess lill-BĊE mill-MFSA fit‑12 ta’ Frar 2020. Ir-rikorrenti ġiet informata mill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu li jieħu deċiżjoni ta’ rtirar tal-imsemmija awtorizzazzjoni fis‑16 ta’ Marzu 2020.

69      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni, b’mod żbaljat, li, fil-mument tat-talba tagħha għal aċċess, il-proċedura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha ta’ istituzzjoni ta’ kreditu kienet diġà pendenti fuq livell nazzjonali, jiġifieri quddiem il-MFSA, li kien ifisser li nbdiet proċedura ta’ sorveljanza quddiem il-BĊE.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni hija proċedura amministrattiva komposta li ssir l-ewwel quddiem l-awtorità kompetenti nazzjonali, imbagħad quddiem il-BĊE.

71      Huwa minnu li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-involviment eventwali tal-awtoritajiet nazzjonali matul proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-atti adottati mill-korpi jew mill-organi tal-Unjoni ma jistax ipoġġi indiskussjoni l-klassifikazzjoni tagħhom bħala atti tal-Unjoni, meta l-atti adottati mill-awtoritajiet nazzjonali jkunu stadju ta’ proċedura li fiha korp jew organu tal-Unjoni jeżerċita, waħdu, is-setgħa deċiżjonali finali mingħajr ma jkun marbut mill-atti preparatorji jew mill-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punti 42 u 43, u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punti 37 u 38).

72      Fil-fatt, f’każ ipotetiku bħal dan, fejn id-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi s-setgħa deċiżjonali esklużiva ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni, hija l-qorti tal-Unjoni, abbażi tal-ġurisdizzjoni esklużiva tagħha li tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, li għandha tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni finali adottata mill-korp jew mill-organu tal-Unjoni inkwistjoni u li għandha teżamina, sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet ikkonċernati, id-difetti eventwali li jivvizzjaw l-atti preparatorji jew il-proposti maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali li huma ta’ natura li jaffettwaw il-validità ta’ din id-deċiżjoni finali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2018, Berlusconi u Fininvest, C‑219/17, EU:C:2018:1023, punt 44, u tat‑3 ta’ Diċembru 2019, Iccrea Banca, C‑414/18, EU:C:2019:1036, punt 39).

73      Madankollu, l-ewwel nett, din il-ġurisprudenza ma tikkonċernax il-kwistjoni dwar liema stadju tal-proċedura amministrattiva komposta tagħti d-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-istabbilimenti ta’ kreditu quddiem il-BĊE.

74      It-tieni nett, f’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(5) tar-Regolament MSU ma jirriżultax li l-proċedura ta’ rtirar ta’ awtorizzazzjoni quddiem il-BĊE hija miftuħa minħabba l-adozzjoni, minn awtorità kompetenti nazzjonali, ta’ deċiżjoni li tordna lil stabbiliment ta’ kreditu jwaqqaf kull attività. Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza rrapportata mir-rikorrenti li tgħid li l-MFSA ħadet, fix-xahar ta’ Ottubru 2018, deċiżjoni li timponilha li twaqqaf kull attività ma setax ikollha l-effett li tiftaħ f’din id-data l-proċedura ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni tagħha quddiem il-BĊE.

75      Min-naħa l-oħra, l-abbozz ta’ deċiżjoni li jipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tar-rikorrenti ġie trażmess lill-BĊE mill-MFSA biss fit‑12 ta’ Frar 2020, jiġifieri wara t-talba għal aċċess u wara li ngħatat id-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, dan l-element ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, f’din il-kawża, sabiex jiġi ddeterminat jekk proċedura ta’ rtirar ta’ approvazzjoni kinitx miftuħa fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

76      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistabbilixxix li l-BĊE wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta ddeċieda, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienet infetħet ebda proċedura ta’ sorveljanza fil-jum meta ttieħdet id-deċiżjoni kkontestata.

77      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u l-Artikoli 31 u 32 tar-Regolament Qafas MSU jagħtu dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa iktar strett minn dak mogħti mill-Artikolu 41 tal-Karta u li għalhekk huma illegali.

78      Ir-rikorrenti żżid li l-Artikolu 31 tar-Regolament Qafas MSU jinkludi regola manifestament arbitrarja, sproporzjonata u għalhekk illegali, li tipprovdi li t-terminu għad-dritt għal smigħ ta’ istituzzjoni taħt superviżjoni prudenzjali huwa mnaqqas għal tlett ijiem ta’ xogħol fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament MSU.

79      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41 tal-Karta, intitolat “Id-dritt għal amministrazzjoni tajba”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. Fil-paragrafu 2 tal-istess artikolu, hemm iċċarat li dan id-dritt jinkludi b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess ta’ kull persuna għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju.

80      Għandu jiġi osservat li l-Artikolu 41(2) tal-Karta jipprevedi dritt ta’ aċċess għall-fajl li huwa assoċjat mad-dritt ta’ persuna li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali, ġust u fi żmien raġonevoli mill-amministrazzjoni. Dan id-dritt japplika għall-aċċess għall-fajl tal-persuna kkonċernata mill-imsemmija kawżi, u mhux għad-dokumenti kollha miżmuma minn istituzzjoni partikolari. Huwa għalhekk distint mid-dritt previst fl-Artikolu 42 tal-Karta, li jipprevedi l-aċċess għal kull dokument ta’ istituzzjoni, indipendentement mill-eżistenza tal-fajl ta’ persuna kkonċernata u mill-interess legali tagħha.

81      Barra minn hekk, il-kontenut tad-dritt fundamentali ta’ aċċess għall-fajl, stabbilit fl-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta, jimplika li l-persuna kkonċernata għandha l-possibbiltà li tinfluwenza l-proċess deċiżjonali inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, KF vs CSUE, T‑286/15, EU:T:2018:718, punt 230). Skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq, talba ta’ aċċess għall-fajl hija bbażata fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża u tali talba ma jkollhiex suġġett fl-assenza ta’ proċedura amministrattiva li taffettwa l-interessi legali tal-applikant għal aċċess u, konsegwentement, fl-assenza tal-eżistenza ta’ fajl li jikkonċernah.

82      Issa, l-Artikolu 22 tar-Regolament MSU u l-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU, sa fejn jissuġġettaw l-aċċess għall-fajl għall-ftuħ mill-BĊE ta’ proċedura amministrattiva ta’ superviżjoni, jagħtu lill-istabbilimenti ta’ kreditu l-possibbiltà li jesprimu l-pożizzjoni tagħhom waqt il-proċess deċiżjonali inkwistjoni, li jaffettwa l-interessi legali tagħhom, billi jieħdu konjizzjoni tal-fajl ikkostitwit għall-finijiet tal-imsemmija proċedura inklużi d-dokumenti elenkati fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament Qafas MSU.

83      Għalhekk, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-illegalità tad-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-aċċess għall-fajl matul proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta għandhom jiġu miċħuda.

84      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-illegalità tal-Artikolu 31 tar-Regolament Qafas MSU tirriżulta wkoll mill-fatt li d-dritt stabbilit fih jista’ jitnaqqas għal tlett ijiem ta’ xogħol fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament MSU, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra att ta’ portata ġenerali li d-deċiżjoni individwali kkontestata tiegħu ma tikkostitwixxix miżura ta’ applikazzjoni hija inammissibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2020, Il‑Kummissjoni vs Carreras Sequeros et, C‑119/19 P u C‑126/19 P, EU:C:2020:676, punti 68 sa 70 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament MSU ma kinux applikabbli waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, huma ma għandhomx relazzjoni ġuridika diretta magħha u, konsegwentement, ir-rikorrenti ma tistax teċċepixxi l-illegalità tagħhom fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

86      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tallega li mill-interpretazzjoni tal-BĊE jirriżulta li bank jista’ jikkonsulta l-fajl tiegħu biss jekk tkun mistennija deċiżjoni konkreta tal-BĊE. Issa, l-aċċess permanenti għall-fajl huwa neċessarju sabiex ir-rikorrenti tkun tista’ teżamina l-fajl tagħha u tippreżenta l-osservazzjonijiet xierqa jew titlob lill-BĊE jieħu ċerti deċiżjonijiet jew li jastjeni minn ċerti interventi.

87      F’dan ir-rigward, minn naħa, l-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU jiggarantixxi l-aċċess għall-fajl qabel l-adozzjoni ta’ miżura fi tmiem proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali mill-BĊE u jippermetti għalhekk il-preżentazzjoni ta’ osservazzjonijiet dwar it-teħid ta’ ċerti deċiżjonijiet jew dwar in-nuqqas ta’ ċerti interventi.

88      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li mill-eżami ta’ dan il-motiv jirriżulta biss li r-rikorrenti ma setgħetx tikseb aċċess għall-fajl skont id-dispożizzjonijiet relatati mal-proċedura ta’ sorveljanza, peress li ebda proċedura ta’ sorveljanza speċifika ma kienet pendenti fil-konfront tagħha. Madankollu, dan ma jfissirx li l-aċċess għad-dokumenti relatati mar-rikorrenti u miżmuma mill-BĊE ma huwiex possibbli skont id-dispożizzjonijiet ġenerali li jipprevedu d-dritt ta’ aċċess għal dokumenti. Dan l-aspett ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-ewwel motiv.

89      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li huwa fl-interess tal-BĊE li l-eżattezza tal-informazzjoni li tinsab fil-fajl tiegħu tkun fi kwalunkwe mument suġġetta għall-eżami tal-bank ikkonċernat u li aċċess permanenti għal fajl itejjeb il-kwalità tal-fajls tal-BĊE u, konsegwentement, il-kwalità tas-superviżjoni prudenzjali.

90      F’dan ir-rigward, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, kif jirriżulta mill-analiżi iktar ’il fuq, li, fl-assenza ta’ proċedura ta’ sorveljanza speċifika pendenti, l-aċċess għall-fajl skont ir-Regolament Qafas MSU ma kienx iġġustifikat. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument li jgħid li tali aċċess itejjeb il-kwalità tal-fajls tal-BĊE, għandu jiġi osservat li dan huwa purament spekulattiv, peress li r-rikorrenti ma tipproduċi ebda prova li ssostni din l-allegazzjoni.

91      Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kunċett ta’ “fajl” ma għandu ebda rilevanza awtonoma f’dan il-każ. Fajl huwa ddefinit fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament Qafas MSU bħala d-dokumenti kollha relatati mal-kawża kkonċernata. Għaldaqstant, il-BĊE huwa obbligat, b’risposta għal talba ta’ aċċess għall-fajl, li jiġbor id-dokumenti rilevanti kollha, anki jekk huwa ma kkalkolahomx minn qabel u jekk kinux maħżuna fiżikament jew elettronikament f’postijiet differenti.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ “proċess”, kif użat fl-Artikolu 32(2) tar-Regolament Qafas MSU, jirreferi direttament għad-dokumenti miġbura mill-BĊE fil-kuntest tal-proċedura ta’ sorveljanza. Skont din id-dispożizzjoni, il-fajls huma kkostitwiti mid-dokumenti kollha miksuba, prodotti jew miġbura mill-BĊE matul il-proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali. Għaldaqstant, l-assenza ta’ proċedura ta’ sorveljanza pendenti tfisser li d-dokumenti relatati mar-rikorrenti fil-pussess tal-BĊE ma jistgħux jiġu assimilati mal-“fajl” tagħha fis-sens tal-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU.

93      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

–       Fuq ilħames motiv

94      Permezz tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li l-pożizzjoni adottata mill-BĊE fid-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li huwa impossibbli għall-istituzzjonijiet suġġetti għal superviżjoni prudenzjali li jiddeterminaw f’liema mument il-BĊE jeżamina b’mod attiv eventwali deċiżjoni u f’liema mument l-aċċess għall-fajl għandu għalhekk jingħata. Barra minn hekk, is-superviżjoni prudenzjali timplika li l-awtorità ta’ superviżjoni prudenzjali tikkontrolla b’mod kostanti l-osservanza tar-rekwiżiti regolatorji u tipprevedi għalhekk kontinwament miżuri possibbli intiżi biex jindirizzaw tali lakuni.

95      Il-BĊE jikkontesta dan l-argument.

96      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u fuq l-impriżi (sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑290/12, EU:T:2015:221, punt 50).

97      L-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU jipprevedi b’mod ċar u preċiż l-aċċess għall-fajl wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ sorveljanza speċifika. L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk ma tipprevedix il-possibbiltà li jkun hemm tali aċċess meta l-BĊE “jissorvelja b’mod kostanti l-konformità mar-rekwiżiti regolatorji”.

98      F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti hija stabbiliment inqas importanti, il-BĊE ma eżerċitax superviżjoni permanenti, liema superviżjoni kienet tappartjeni lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li tiġi rtirata l-approvazzjoni tar-rikorrent taqa’ taħt missjoni tal-BĊE, li barra minn hekk beda l-proċedura korrispondenti fir-rigward tar-rikorrenti wara li rċieva l-abbozz ta’ deċiżjoni li tipprevedi l-irtirar tal-awtorizzazzjoni tal-MFSA.

99      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li r-rifjut ta’ aċċess għall-fajl qabel il-ftuħ tal-imsemmija proċedura mill-BĊE jista’ jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

100    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq issitt motiv

101    Permezz tas-sitt motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità billi timponi fuqha piż indebitu li ma huwa ġġustifikat minn ebda għan prudenzjali leġittimu. Il-pożizzjoni tal-BĊE għandha l-effett, fil-prattika, li twassal għal amministrazzjoni relattivament ftit trasparenti. Skont il-BĊE, jeżisti biss dritt ta’ aċċess għall-fajl limitat ħafna, jiġifieri biss matul perijodu relattivament qasir bejn komunikazzjoni tal-BĊE lill-istabbiliment suġġett għal superviżjoni prudenzjali li tinformah li huwa għandu l-intenzjoni li jieħu miżura speċifika u l-adozzjoni tal-miżura nnifisha.

102    Il-BĊE jikkontesta dan l-argument.

103    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adattati sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE, T‑122/15, EU:T:2017:337, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104    F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li s-sitt motiv, minkejja li t-titolu tiegħu jimplika l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jirrigwarda, essenzjalment, il-fondatezza tal-applikazzjoni mill-BĊE tal-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU. Kif jirriżulta mill-analiżi tat-tieni motiv iktar ’il fuq, tali argument ma jistax jintlaqa’.

105    Għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq isseba’ motiv

106    Permezz tas-seba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju nemo auditur, jiġifieri dak li jgħid li parti ma tistax tinvoka l-aġir illegali tagħha stess. Il-BĊE għandu r-responsabbiltà ġenerali tal-mekkaniżmu superviżorju uniku. Huwa jista’ jintervjeni f’kull mument, anki fil-kuntest tas-sorveljanza ta’ istituzzjoni inqas importanti. Il-BĊE ma jistax jibbaża ruħu fuq l-argument li jgħid li ma hemmx proċedura pendenti quddiemu meta għandu jkun hemm tali proċedura, peress li l-azzjonijiet tal-awtorità nazzjonali kompetenti jikkostitwixxu rtirar ta’ awtorizzazzjoni de facto u għalhekk miżura li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-BĊE.

107    Il-BĊE jikkontesta dan l-argument.

108    F’dan il-każ, minn naħa, ir-rikorrenti tqajjem allegazzjonijiet ta’ natura spekulattiva dwar in-natura tas-sorveljanza diretta tal-BĊE fuq l-entitajiet inqas importanti, mingħajr spjegazzjoni dwar l-effett li dan l-allegat ksur għandu fuq din il-kawża. Min-naħa l-oħra, l-allegazzjonijiet imressqa insostenn tas-seba’ motiv dwar il-fondatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU mill-BĊE diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv.

109    Għaldaqstant, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ittmien motiv

110    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-dritt għal rimedju effettiv previst fl-Artikolu 47 tal-Karta. Id-dritt amministrattiv Ġermaniż jirrikonoxxi dritt ġenerali għal eżerċizzju xieraq tas-setgħa diskrezzjonali b’risposta għal kull talba għal aċċess għall-fajl. L-aċċess għandu obbligatorjament jingħata jekk ikun meħtieġ jew anki mgħaġġel u potenzjalment utli sabiex persuna tkun tista’ tiddefendi u teżerċita d-drittijiet tagħha.

111    Il-BĊE jikkontesta dan l-argument.

112    Għandu jitfakkar li l-Unjoni Ewropea hija Unjoni ta’ dritt li fiha l-istituzzjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom, b’mod partikolari fuq il-bażi tat-Trattat FUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, peress li l-imsemmi trattat stabbilixxa sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi biex jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja bl-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni, li għalih jirreferi wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li joħroġ mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. Dan il-prinċipju ġie sanċit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950. Attwalment dan huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

114    F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata hija att ta’ istituzzjoni tal-Unjoni suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju tal-qorti tal-Unjoni, b’tali mod li kull riferiment għad-dritt Ġermaniż huwa irrilevanti, peress li dan id-dritt ma japplikax għal din it-tilwima.

115    Barra minn hekk, l-allegazzjonijiet imressqa fil-kuntest ta’ dan il-motiv jirrigwardaw essenzjalment il-fondatezza tal-applikazzjoni tal-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU mill-BĊE u diġà ġew miċħuda fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni motiv.

116    Għaldaqstant, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq lewwel motiv

117    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-BĊE kien obbligat jittratta l-applikazzjoni għal aċċess tagħha abbażi tal-prinċipji ġenerali dwar l-aċċess għad-dokumenti. Hija tallega li l-BĊE la ħa inkunsiderazzjoni d-dritt sostantiv fundamentali tagħha ta’ aċċess għad-dokumenti stabbilit fl-Artikolu 15(3) TFUE, fl-Artikolu 42 tal-Karta, fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1049/2001 u fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, u lanqas tal-fatt li talba għal aċċess ma tistax tiġi miċħuda bl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet speċjali jekk l-aċċess jingħata skont dispożizzjonijiet oħra.

118    Għalhekk, ir-rikorrenti ssostni li l-eżistenza ta’ proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali ma hijiex rilevanti, peress li aċċess kellu, fi kwalunkwe każ, jingħata abbażi tal-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti, indipendentement mill-eżistenza ta’ kull proċedura ta’ superviżjoni prudenzjali, u li dan l-aspett kellu jittieħed inkunsiderazzjoni.

119    Il-BĊE jikkontesta dan l-argument billi jibbaża ruħu fuq il-ġurisprudenza li tistabbilixxi d-differenzi bejn is-sistema ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti, li għandha l-għan li tiggarantixxi t-trasparenza, u l-possibbiltà ta’ aċċess għall-fajl ta’ proċedura amministrattiva pendenti, li hija intiża biex tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċedura regolari.

120    Skont il-BĊE, ir-rikorrenti bbażat it-talba tagħha fuq l-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU sa fejn huwa uża l-formulazzjoni “aċċess għall-fajl”. F’dan is-sens, it-talba tar-rikorrenti ma tistax għalhekk tiġi kkunsidrata mill-perspettiva tas-sistema ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti.

121    Qabel kollox, għandu jiġi ppreċiżat li l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-ksur tar-Regolament Nru 1049/2001 hija irrilevanti, peress li s-sistema applikabbli għall-applikazzjonijiet tal-pubbliku dwar l-aċċess għad-dokumenti tal-BĊE hija stabbilita mid-Deċiżjoni 2004/258, li d-dispożizzjonijiet tagħha huma, barra minn hekk, analogi għal dawk tar-Regolament Nru 1049/2001. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tifformula ebda allegazzjoni speċifika fir-rigward ta’ eventwali ksur tar-Regolament Nru 1049/2001.

122    Preliminarjament, għandu jitfakkar li d-dritt ta’ konsultazzjoni tal-fajl amministrattiv fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva u d-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma ġuridikament distinti, iżda xorta jibqa’ l-fatt li jwasslu għal sitwazzjoni paragunabbli mill-perspettiva funzjonali. Fil-fatt, indipendentement mill-bażi legali li fuqha jingħata, l-aċċess għall-fajl jippermetti lill-persuni kkonċernati li jiksbu l-osservazzjonijiet u d-dokumenti kollha ppreżentati lil istituzzjoni mill-partijiet ikkonċernati u mit-terzi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑404/10 P, EU:C:2012:393, punt 120).

123    L-aċċess għal fajl isegwi, f’dan ir-rigward, għanijiet differenti minn dawk segwiti mis-sistema ta’ aċċess ġenerali, peress li huma intiżi biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża li jibbenefikaw minnhom il-partijiet ikkonċernati u t-trattament diliġenti tal-ilmenti, filwaqt li jiżguraw l-osservanza tas-sigriet professjonali fil-proċeduri amministrattivi, u mhux biex jiġi ffaċilitat kemm jista’ jkun l-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti kif ukoll biex jiġu promossi l-prattiki amministrattivi tajba billi tiġi żgurata l-ikbar trasparenza possibbli tal-proċess deċiżjonali tal-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll tal-informazzjoni li fuqha huma bbażati d-deċiżjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2014, Il‑Kummissjoni vs EnBW, C‑365/12 P, EU:C:2014:112, punt 83).

124    Għandu jiġi osservat ukoll li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 2004/258 jagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni u lil kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-kundizzjonijiet u għal-limiti ddefiniti minn din id-deċiżjoni (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2012, Thesing u Bloomberg Finance vs BĊE, T‑590/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:635, punt 40).

125    Skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258, l-applikant għal aċċess ma huwiex obbligat li jiġġustifika l-applikazzjoni tiegħu u għalhekk ma għandux għalfejn juri interess sabiex ikollu aċċess għad-dokumenti mitluba. Minn dan isegwi li talba għal aċċess li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258 u li tressqet minn persuna li tinvoka ċerti ċirkustanzi partikolari li jiddistingwuha minn kull ċittadin ieħor tal-Unjoni għandha madankollu tiġi eżaminata bl-istess mod kif tkun talba minn kull persuna oħra (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, OCU vs BĊE, T‑15/18, mhux ippubblikata, EU:T:2021:661, punt 105).

126    F’dan il-każ, permezz tat-talba għal aċċess, ir-rikorrenti talbet aċċess għall-“fajl” li jikkonċernaha mingħajr ma rreferiet għal ebda bażi legali għat-talba tagħha.

127    Huwa stabbilit li ebda dispożizzjoni tad-Deċiżjoni 2004/258 ma tobbliga lill-applikant għal aċċess li jippreċiża l-bażi legali tal-applikazzjoni tiegħu. L-assenza ta’ obbligu li jsir riferiment espliċitu għar-Regolament Nru 1049/2001 jew għad-Deċiżjoni 2004/258 f’talba ta’ aċċess għal dokumenti hija barra minn hekk konformi mal-għan imfittex minn dawn l-atti li huma intiżi biex jiggarantixxu l-iktar aċċess wiesa’ possibbli għad-dokumenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Dragnea vs Il‑Kummissjoni, C‑351/20 P, EU:C:2022:8, punt 71).

128    Il-fatt li applikant ikun semma’, f’applikazzjoni għal aċċess, l-aċċess għall-fajl tiegħu huwa irrilevanti f’dan il-kuntest (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Dragnea vs Il‑Kummissjoni, C‑351/20 P, EU:C:2022:8, punt 74).

129    Konsegwentement, anki jekk ir-rikorrenti effettivament użat il-kwalifikattiv “fajl” fit-talba tagħha, il-BĊE ma setax jikkonkludi li t-talba għal aċċess kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU.

130    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-fatt li t-talba għal aċċess kienet tikkonċerna “fajl” tal-BĊE marbut ma’ stabbiliment ta’ kreditu, jiġifieri qasam irregolat mir-Regolament MSU u mir-Regolament Qafas MSU, ma jipprekludix li din it-talba kienet immedjatament ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti, peress li huwa stabbilit li dawn tal-aħħar jistgħu jservu bħala bażi legali għal talba ta’ aċċess għal dokumenti li jaqgħu taħt proċedura amministrattiva rregolata minn att ieħor tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑13 ta’ Jannar 2022, Dragnea vs Il‑Kummissjoni, C‑351/20 P, EU:C:2022:8, punt 75).

131    F’dan il-każ, peress li ebda proċedura ta’ sorveljanza ma kienet pendenti kontra r-rikorrenti fil-mument tat-talba għal aċċess tagħha, u għalhekk ma jeżisti ebda “fajl”, fis-sens tal-Artikolu 32 tar-Regolament Qafas MSU, l-imsemmija talba għandha tiġi eżaminata bħala talba għal aċċess għad-dokumenti li jikkonċernawha abbażi tad-dispożizzjonijiet ġenerali, u b’mod partikolari tad-Deċiżjoni 2004/258.

132    Il-BĊE jressaq ukoll argumenti intiżi biex isostnu li l-applikazzjoni għal aċċess ma kinitx tissodisfa, fi kwalunkwe każ, ir-rekwiżiti ta’ applikazzjoni għal aċċess għad-dokumenti. F’dan ir-rigward, it-talba għal aċċess kienet ta’ natura ġenerali ħafna u lanqas ma ppreċiżat id-dokumenti speċifiċi koperti mill-kontenut tagħha. Barra minn hekk, huwa manifest li l-applikazzjoni għal aċċess tissodisfa biss il-kundizzjonijiet l-iktar elementari imposti mill-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni 2004/258.

133    F’dan il-każ, peress li l-BĊE ma analizzax it-talba għal aċċess abbażi tad-Deċiżjoni 2004/258, huwa ma jistax validament isostni li l-imsemmija talba kienet, abbażi ta’ din l-istess deċiżjoni, impreċiża.

134    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-BĊE wettaq żball ta’ liġi sa fejn ma eżaminax it-talba tar-rikorrenti abbażi tad-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess għad-dokumenti previsti fid-Deċiżjoni 2004/258.

135    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi ttrattat la l-allegat ksur tal-Artikolu 15(3) TFUE u tal-Artikolu 42 tal-Karta, la t-tieni parti tat-tielet motiv, u lanqas ir-raba’ motiv.

 Fuq lispejjeż

136    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tas26 ta’ Novembru 2019 li permezz tagħha dan ċaħad it-talba ta’ Satabank plc għal aċċess għall-fajl li jikkonċernaha hija annullata.

2)      Il-BĊE huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Kanninen

Jaeger

Półtorak

Porchia

 

      Stancu

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.