Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tat-12 ta’ Mejju 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgerichtshof - l-Awstrija) – CS, Finanzamt Österreich, Dienststelle Graz-Stadt, li qabel kienet Finanzamt Graz-Stadt vs Finanzamt Österreich, Dienststelle Judenburg Liezen, li qabel kienet Finanzamt Judenburg Liezen, technoRent International GmbH
(KawżaC-844/19) 1
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – Direttiva 2006/112/KE – Artikolu 90 – Tnaqqis tal-valur taxxabbli – Artikolu 183 – Rimbors tal-eċċess ta’ VAT – Interessi moratorji – Assenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali – Prinċipju ta’ newtralità fiskali – Applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Verwaltungsgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: CS, Finanzamt Österreich, li qabel kienet Finanzamt Graz-Stadt
Konvenuti: Finanzamt Österreich, Dienststelle Judenburg Liezen, li qabel kienet Finanzamt Judenburg Liezen, technoRent International GmbH
Dispożittiv
L-Artikolu 90(1) u l-Artikolu 183 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tal-VAT, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li rimbors li jirriżulta minn regolarizzazzjoni tal-valur taxxabbli taħt l-Artikolu 90(1) ta’ din id-direttiva għandu, l-istess bħal rimbors ta’ eċċess ta’ taxxa fuq il-valur miżjud taħt l-Artikolu 183 tal-imsemmija direttiva, jagħti lok għall-ħlas ta’ interessi meta ma jsirx f’terminu raġonevoli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tagħmel dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħha sabiex tiżgura l-effett sħiħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet billi tinterpreta d-dritt nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni.
____________
1 ĠU C 77 tad-9/3/2020.