Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fil-11 ta’ Marzu 2021 – Ministerio Fiscal, Abogacía del Estado y Partido político VOX vs Lluís Puig Gordi, Carles Puigdemont Casamajó, Antoni Comín Oliveres, Clara Ponsatí Obiols, Meritxell Serret Aleu, Marta Rovira Vergés u Anna Gabriel Sabaté

(Kawża C-158/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ministerio Fiscal, Abogacía del Estado u Partido político VOX.

Konvenuti: Lluís Puig Gordi, Carles Puigdemont Casamajó, Antoni Comín Oliveres, Clara Ponsatí Obiols, Meritxell Serret Aleu, Marta Rovira Vergés u Anna Gabriel Sabaté.

Domandi preliminari

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI 1 tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta permezz ta’ mandat ta’ arrest Ewropew [iktar ʼil quddiem il-“MAE”] abbażi ta’ raġunijiet għal rifjut previsti fid-dritt nazzjonali tagħha, iżda mhux previsti bħala tali fid-Deċiżjoni Qafas?

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fl-affermattiv, u sabiex tiġi żgurata l-vijabilità tal-MAE u sabiex isir użu xieraq mir-rimedju offrut fl-Artiklu 15(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI:

L-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tinvestiga u teżamina d-dritt tadpdiversi Stati sabiex tieħu inkonsiderazzjoni r-raġunijiet possibbli ta’ ċaħda ta’ MAE li ma humiex previsti fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI?

Fid-dawl tar-risposti għad-domandi preċedenti, u meta jittieħed inkonsiderazzjoni li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI, il-kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti sabiex toħroġ MAE hija stabbilita skont il-liġi tal-Istat emittenti:

Din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni jista’ jkollha dubju dwar il-ġurisdizzjoni li l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha sabiex taġixxi fil-kawża kriminali inkwistjoni u tirrifjuta l-konsenja peress li ma għadhiex kompetenza sabiex toħroġ MAE?

Fir-rigward tal-possibbiltà ta’ stħarriġ mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tar-rispett għad-drittijiet fundamentali tal-persuna rikjesta fl-Istat emittenti:

4.1     Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tagħmilha possibbli għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-konsenja tal-persuna rikjesta minħabba li tqis li hemm riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha fl-Istat Membru emittenti, ibbażat fuq ir-rapport ta’ Grupp ta’ Ħidma ippreżentat lill-awtorità nazzjonali ta’ eżekuzzjoni mill-persuna rikjesta?

4.2    Għall-finijiet tad-domanda preċedenti, tali rapport jikkostitwixxi element oġġettiv, affidabbli, preċiż u debitament aġġornat sabiex jiġġustifika, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut li l-persuna rikjesta tiġi kkonsenjata abbażi ta’ riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tagħha?

4.3    Jekk it-tweġiba għad-domanda preċedenti hija affermattiva, liema elementi jirrikjedi d-dritt tal-Unjoni sabiex Stat Membru jkun jista’ jikkonkludi li fl-Istat Membru emittenti hemm ir-riskju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali allegat mill-persuna rikjesta u li jiġġustifika r-rifjut li jiġi eżegwit MAE?

5)    It-tweġibiet għad-domandi preċedenti huma affettwati mill-fatt li l-persuna li tintalab il-kunsinna tagħha kienet kapaċi tinvoka quddiem il-qrati tal-Istat Membru emittenti, anke sat-tieni grad ta’ ġurisdizzjoni, argumenti dwar in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti, il-mandat ta’ arrest maħruġ kontriha u l-garanzija tad-drittijiet fundamentali tagħha?

6)    Ir-risposti għad-domandi preċedenti huma affettwati mill-fatt li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tirrifjuta li teżegwixxi MAE għal raġunijiet mhux previsti espressament fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI msemmija iktar ʼil fuq, b’mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtorità ġudizzjarja emittenti u r-riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali fl-Istat emittenti, u tagħmel dan mingħajr ma titlob mill-awtorità ġudizzjarja emittenti l-informazzjoni supplimentari speċifika li fuqha hija bbażata dik id-deċiżjoni?

7)    Jekk mir-risposti għad-domandi preċedenti jidher li, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tipprekludi l-konsenja ta’ persuna abbażi ta’ dawk ir-raġunijiet għar-rifjut:

Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI tipprekludi li din il-qorti tar-rinviju toħroġ MAE ġdid kontra l-istess persuna u quddiem l-istess Stat Membru?

____________

1     Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).