Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Diċembru 2012 – ZZ vs Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

(Kawża F-159/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: V. Kolias, avukat)

Konvenut: Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

Suġġett

Talba għall-annullament tad-deċiżjoni li jiġi tterminat il-kuntratt tar-rikorrent, li r-rikorrent jiġi integrat mill-ġdid fil-funzjonijiet tiegħu u li titħallas lilu d-differenza bejn ir-remunerazzjoni li seta’ jibqa’ jirċievi mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kkontestata u l-kumpens li rċieva.

Talbiet tar-rikorrent

jannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-ECDC tal-24 ta’ Frar 2012 li jiġi tterminat il-kuntratt tar-rikorrent, b’tali mod li sabiex ikun konformi mas-sentenza, l-ECDC jkun marbut, abbażi tal-Artikolu 266 TFUE, li jerġa jintegrah fis-servizz u li jħallsu r-remunerazzjonijiet kollha li kien jirċievi mid-data tad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni kkontestata bl-interessi moratorji bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b’żewġ punti perċentwali u mnaqqsa bil-kumpens li rċieva kif ukoll bil-benefiċċji għall-qagħad li jkun irċieva sa meta jerġa jiġi integrat;jannulla l-ittra tat-18 ta’ Settembru 2012 mingħand il-Kap tal-Unità OCS (Office of the Chief Scientist) tal-ECDC li tiċħad l-ilment amministrattiv tar-rikorrent kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn l-ittra msemmija tista’ toħloq effetti legali awtonomi;jikkundanna lil ECDC għall-ispejjeż.