Language of document : ECLI:EU:C:2010:490

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-2 ta’ Settembru 2010 (1)

Kawża C‑283/09

Artur Weryński

vs

Mediatel 4B Spółka

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia (il-Polonja)]

“Kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kisba ta’ provi – Regolament (KE) Nru 1206/2001 – Kisba transkonfinali ta’ provi – Smigħ tax-xhieda mill-qorti rikjesta – Indennizz mogħti lix-xhieda – Obbligu ta’ ħlas bil-quddiem”





I –    Introduzzjoni

1.        It-talba preżenti għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda [kisba ta’ provi] f’materji ċivili jew kummerċjali (2). Essenzjalment huwa każ dwar jekk il-qorti rikjesta tistax tissuġġetta s-smigħ ta’ xhud għall-ħlas ta’ indennizz mogħti mill-qorti rikjedenti. Qabelxejn però jeħtieġ li jiġi ċċarat, jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli, minħabba li fil-mument tat-tressiq tat-talba, il-qorti tar-rinviju setgħet ma kellhiex ġurisdizzjoni biex tressaq din it-talba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

2.        Il-premessa 16 tar-Regolament Nru 1206/2001 tistabbilixxi dan li ġej:

“L-eżekuzzjoni tat-talba, skond l-Artikolu 10, m’għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimborż ta’ taxxi jew spejjeż. Madankollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ rimborż, il-miżati mħallsa lil esperti u interpreti, kif ukoll l-ispejjeż maħluqa mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(3) u (4), m’għandhomx jitħallsu minn dik il-qorti. F’każ bħal dan, il-qorti rikjedenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura rimborż mingħajr dewmien. Fejn tinħtieġ l-opinjoni ta’ espert, il-qorti rikjesta tista, qabel ma teżegwixxi it-talba, titlob lill-qorti rikjedenti depożitu xieraq jew ħlas bil-quddiem ta’ l-ispejjeż.”

3.        L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1206/2001 fih id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-eżekuzzjoni tat-talbiet u jipprovdi hekk:

“1. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba mingħajr dewmien u, l-aktar tard, fi żmien 90 ġurnata mill-irċevuta tat-talba.

2. Il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi it-talba bi qbil mal-liġi ta’ l-Istat Membru tagħha.

[…].”

4.        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1206/2001 jipprovdi hekk:

“1. Talba għas-smigħ ta’ persuna m’għandhiex tkun eżegwita meta l-persuna konċernata tippretendi d-dritt li tirrifjuta li tagħti xhieda jew li tiġi projbita milli tagħti xhieda,

a)      skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjesta; jew

b)      skond il-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti, u dan id-dritt ġie speċifikat fit-talba, jew, jekk ikun hemm bżonn, fl-okkażjoni tal-qorti rikjesta, ġie konfermat mill-qorti rikjedenti.

2. B’żieda mar-raġunijiet riferiti f’paragrafu 1, l-eżekuzzjoni ta’ talba tista’ tiġi rifjutata biss jekk:

[…]

d)      depożitu jew ħlas bil-quddiem li jintalab bi qbil ma’ l-Artikolu 18(3) ma jsirx fi żmien 60 ġurnata wara li l-qorti rikjesta tkun saqsiet għal dan id-depożitu jew ħlas bil-quddiem.

[…].”

5.        L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1206/2001 jipprovdi hekk:

“1. L-eżekuzzjoni tat-talba, bi qbil l-Artikolu 10, m’għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimborż ta’ taxxi jew spejjeż.

2. Madanakollu, jekk il-qorti rikjesta teħtieġ dan, il-qorti rikjedenti għandha tiżgura r-rimborż, mingħajr dewmien, ta:

–        l-miżati mħallsa lil esperti u interpreti, u

–        l-ispejjeż li jinħolqu mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 10(3) u (4).

Il-dmir ta’ dawn il-partijiet li jħallsu dawn il-miżati jew spejjeż għandu jiġi regolat mill-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.

3. Fejn tinħtieġ l-opinjoni ta’ espert, il-qorti rikjesta tista’, qabel ma teżegwixxi it-talba, titlob lill-qorti rikjedenti depożitu xieraq jew ħlas bil-quddiem ta’ l-ispejjeż mitluba. Fil-każijiet l-oħra kollha, depożitu jew ħlas bil-quddiem m’għandux ikun kondizzjoni għall-eżekuzzjoni ta’ talba.

Id-depożitu jew ħlas bil-quddiem għandu jsir mill-partijiet jekk dan ikun provvdut mill-liġi ta’ l-Istat Membru tal-qorti rikjedenti.”

B –    Il-ftehim internazzjonali

6.        Il-Konvenzjoni dwar il-kisba ta’ provi barra mill-pajjiż f’materji ċivili jew kummerċjali konkluża f’Den Haag, fit-18 ta’ Marzu 1970 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag”), ma kinitx fis-seħħ fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament Nru 1206/2001 għandu joħloq regola applikabbli għall-Istati Membri kollha (3) u b’dan il-mod, jissostitwixxi l-Konvenzjoni ta’ Den Haag li għaliha tagħmel riferiment ukoll il-premessa 6 tar-regolament.

7.        L-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jipprovdi dan li ġej:

“L-eżekuzzjoni ta’ talba ma għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimbors ta’ taxxa jew spejjeż tkun xi tkun in-natura tagħhom.

Madankollu, l-Istat rikjest għandu d-dritt li jeżiġi mill-Istat rikjedenti, ir-rimbors tal-miżati mħallsa lill-esperti u lill-interpreti, kif ukoll l-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ proċedura partikolari mitluba mill-Istat rikjedenti, skont l-Artikolu 9(2).

Fejn il-liġi tħalli f’idejn il-partijiet l-obbligu li jiġbru l-provi u l-qorti rikjesta ma hijiex f’pożizzjoni li teżegwixxi t-talba hija stess, din tista’ bil-kunsens bil-quddiem tal-qorti rikjedenti, tinkariga persuna awtorizzata għal dan il-għan. Fit-talba għal tali kunsens, il-qorti rikjesta tindika l-ammont approssimattiv tal-ispejjeż li għandhom jirriżultaw minn tali intervent. Il-kunsens jimplika l-obbligu tar-rimbors tal-ispejjeż mill-qorti. Fin-nuqqas tal-istess, il-qorti rikjedenti ma hijiex marbuta tħallas l-imsemmija spejjeż.”

8.        L-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jipprovdi hekk:

“Kull Stat kontraenti li huwa obbligat jagħmel dan għal raġunijiet ta’ dritt kostituzzjonali, jista’ jistieden l-Istat rikjedenti sabiex dan jirrimborsa l-ispejjeż ta’ eżekuzzjoni tat-talba u l-ispejjeż relattivi għan-notifika jew it-taħrika biex jidher quddiem il-qorti, l-indennizzi dovuti lill-persuna li tixhed u għar-redazzjoni tal-proċess verbal tal-att ta’ ġbir ta’ provi.

Meta Stat ikun għamel użu tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti, kull Stat kontraenti ieħor jista’ jistieden tali Stat sabiex dan jirrimborsa l-ispejjeż korrispondenti.”

III – Il-fatti tal-kawża u d-domanda preliminari

9.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta minn kawża bejn A. Weryński u Mediatel 4B spólka z o.o. li għandha bħala suġġett il-kumpens għad-danni fuq il-bażi ta’ kuntratt ta’ nuqqas ta’ kompetizzjoni. Fis-6 ta’ Jannar 2009, fil-kuntest ta’ tali proċedura, is-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia (il-qorti tar-rinviju) talbet lill-qorti Irlandiża, id-Dublin Metropolitan District Court, tisma’ xhud skont ir-Regolament Nru 1206/2001. Madankollu, il-qorti rikjesta ssuġġettat is-smigħ tax-xhud għall-ħlas tal-ammont ta’ EUR 40, ammont li kien jikkonċerna l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lix-xhud abbażi tad-dritt Irlandiż u stiednet lill-qorti Pollakka biex tħallas din is-somma, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2009.

10.      Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Lulju 2009, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda f’materji ċivili jew kummerċjali, il-qorti rikjesta għandha d-dritt titlob lill-qorti rikjedenti somma flus bil-quddiem sabiex tkopri l-indennizz jew ir-rimbors tal-indennizz dovut lix-xhud li jkun xehed, jew għandha tkopri dan l-indennizz bir-riżorsi finanzjarji tagħha stess.”

11.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Irlandiż, il-Gvern Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u orali. Barra minn hekk, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Finlandiż u l-Gvern Ċek ħadu sehem fil-fażi bil-miktub.

IV – Il-kunsiderazzjonijiet

A –    L-Ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

12.      Qabelxejn jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk it-talba għal deċiżjoni preliminari hijiex ammissibbli.

1.      Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

13.      It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda r-Regolament Nru 1206/2001, adottat abbażi tal-Artikoli 61(c) u 67(1) KE, inklużi fit-Titolu IV tat-tielet parti tat-Trattat KE (“Il-visa, l-asil, l-immigrazzjoni u politiki oħra relatati mal-moviment liberu ta’ persuni”). Skont l-Artikolu 68(1) KE, b’relazzjoni għall-atti legali bbażati fuq dan it-titolu, jistgħu biss jadixxu l-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari dawk il-qrati li kontra d-deċiżjoni tagħhom ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju skont id-dritt nazzjonali. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-Artikolu 68 KE tneħħa u b’hekk l-imsemmija restrizzjoni tal-leġittimazzjoni għar-rinviju ma għadhiex fis-seħħ (4).

14.      Id-domanda saret lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisona (fit-23 ta’ Lulju 2009). Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 68 KE, li kien fis-seħħ sa tali data, jeħtieġ li jiġi ċċarat jekk il-qorti tar-rinviju tikkostitwixxix qorti tal-aħħar istanza.

15.      Is-Sąd Rejonowy dla Warszawy Śródmieścia (qorti distrettwali) hija qorti tal-ewwel istanza, li d-deċiżjonijiet tagħha jistgħu jiġu appellati quddiem is-Sąd Okręgowy (qorti reġjonali). Madankollu, fil-kuntest tal-Artikolu 68(1) KE, kif ukoll f’dak tal-Artikolu 234(3) KE, il-kwalifikazzjoni ta’ qorti tal-aħħar istanza hija bbażata fuq evalwazzjoni konkreta: skont l-imsemmija dispożizzjoni (5), anki l-qrati inferjuri, li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex suġġetti għall-appell fil-proċedura speċifika, jikkostitwixxu qrati tal-aħħar istanza.

16.      Kif diġà kelli mod li nesponi fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża li tat lok għas-sentenza Tedesco jeħtieġ, effettivament, li jinżamm kont tal-fatt li, proprju fil-kuntest tar-Regolament Nru 1206/2001, tipikament il-konstatazzjoni tal-fatti taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati inferjuri u mhux tal-qrati tal-aħħar istanza (6). Qabelxejn, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja titħalla tagħti interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001, il-kunċett ta’ qorti tal-aħħar istanza msemmi fl-Artikolu 68(1) KE ma għandux jiġi interpretat f’sens eċċessivament restrittiv. B’mod partikolari, wieħed ma jistax isostni li l-qrati superjuri biss huma awtorizzati jagħmlu rinviju għal deċiżjoni preliminari.

17.      Il-Gvern Pollakk ġibed l-attenzjoni li d-dritt Pollakk ma jipprevedix appell mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ispejjeż għas-smigħ tax-xhieda.

18.      Huwa minnu li qorti ma tistax tikkwalifika bħala qorti tal-aħħar istanza, skont l-Artikolu 68(1) KE, sempliċement minħabba l-fatt li tadotta miżura proċedurali permezz ta’ digriet li mhux suġġett għal appell. Id-deċiżjoni interlokutorja li ma hijiex suġġetta għall-appell pjuttost għandha tagħlaq proċedura awtonoma jew fażi partikolari tal-proċedura, u d-domanda preliminari għandha tkun relatata preċiżament ma’ dik il-proċedura jew ma’ dik il-fażi tal-proċedura (7).

19.      Hemm dubju jekk id-digrieti tal-qorti tar-rinviju inkwistjoni, li għandhom bħala suġġett is-smigħ tax-xhieda u l-ispejjeż relatati ma’ dan, jissodisfawx l-imsemmi kriterju tal-fażi ta’ proċedura awtonoma.

20.      Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, tista’ ma tiġix ikkunsidrata l-kwistjoni ta’ jekk il-qorti tar-rinviju għandhiex tikkwalifika bħala qorti tal-aħħar istanza u għaldaqstant, tkun diġà awtorizzata skont l-Artikolu 68(1) KE, biex tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, it-talba għal deċiżjoni preliminari saret f’kull każ ammissibbli a posteriori.

21.      Permezz tat-Trattat ta’ Lisbona, il-limitazzjoni preċedenti tad-dritt li jsir rinviju skont l-Artikolu 68(1) KE tneħħiet mingħajr ma ġiet sostitwita. Fir-rigward tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ atti legali fis-settur ta’ viżi, asil, immigrazzjoni u politika oħra marbuta mal-moviment liberu tal-persuni u għalhekk, anki tar-Regolament Nru 1206/2001, issa tapplika r-regola ġenerali stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE. Għalhekk, anki f’dan is-settur, il-qrati inferjuri huma leġittimati biex jagħmlu rinviju.

22.      Għalkemm it-Trattat ta’ Lisbona daħal fis-seħħ biss wara li tressqet it-talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema prevista mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija applikabbli wkoll ratione temporis għat-talba preżenti. Fil-fatt, għall-fini tal-kwistjoni tad-dritt li ssir talba għal deċiżjoni preliminari, ma għandux ikun deċiżiv il-mument tar-riċezzjoni tat-talba, iżda dak tad-deċiżjoni dwar l-istess.

23.      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli tal-proċedura huma ġeneralment meqjusa applikabbli għall-kawżi kollha pendenti fid-data li fiha dawn jidħlu fis-seħħ, għall-kuntrarju tar-regoli sostantivi li bħala prinċipju, ma japplikawx għal sitwazzjonijiet li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom (8). Tista’ ma tiġix ikkunsidrata l-kwistjoni jekk tali ġurisprudenza tapplikax għad-dispożizzjonijiet dwar id-dritt tal-qrati nazzjonali li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari. Mir-ratio tal-limitazzjoni preċedenti tad-dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari kif imsemmi fl-Artikolu 68 KE, isegwi, f’kull każ, li talba li oriġinarjament ma kinitx ammissibbli, saret ammissibbli suċċessivament. Permezz ta’ tali restrizzjoni, minn naħa, kien jitfittex l-għan li l-Qorti tal-Ġustizzja tinħeles mill-possibbiltá ta’ piż żejjed ta’ xogħol minħabba numru imprevedibbli ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (9). Min-naħa l-oħra, wieħed ried jipprevjeni li t-talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mill-qrati tal-ewwel u t-tieni istanzi jtawlu mingħajr bżonn il-proċeduri nazzjonali.

24.      It-tneħħija tal-limitazzjoni tad-dritt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari b’effett tat-Trattat ta’ Lisbona juri li l-Istati Membri ma baqgħux iħossu l-preżenza ta’ dawn ir-riskji u, bil-kontra, għandhom l-intenzjoni li jagħtu lill-qrati kollha l-possibbiltà li jagħmlu rinviju anki għall-proċeduri msemmija f’dak li kien it-Titolu IV tat-Trattat KE bħal fl-ipoteżijiet l-oħra ta’ proċedura preliminari. Fl-2008, iddaħħlet proċedura mħaffa (10) sabiex jiġi evitat dewmien fil-proċeduri fil-każijiet li jaqgħu taħt tali settur, każijiet li jkunu kkaratterizzati minn urġenza partikolari ta’ soluzzjoni imminenti. Din il-bidla fil-perspettiva tixhed favur l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa qabel id-dħul fis-seħħ iżda li għad ma ġietx deċiża.

25.      Fl-aħħar, raġunijiet ta’ konvenjenza u l-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju jwasslu sabiex wieħed jikkunsidra t-talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qrati inferjuri bħala ammissibbli, matul il-perjodu transitorju, matul il-perjodu li immedjatament jippreċedi d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona u eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja biss wara li daħal fis-seħħ. F’analiżi aħħarija, deċiżjoni ta’ inammissibbiltà, tista’ twassal f’sitwazzjoni fejn il-qorti, medio tempore leġittimata biex tagħmel rinviju, tista’ tagħmel mill-ġdid l-istess domanda preliminari (11), u dan jiddetermina taxxi amministrattivi addizzjonali rilevanti u dewmien mhux meħtieġ tat-tul tal-proċeduri tal-kawża prinċipali.

26.      Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti tar-rinviju għandha dritt tagħmel talba għal deċiżjoni preliminari.

2.      Ir-rilevanza tad-domanda preliminari

27.      Jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju humiex rilevanti.

28.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 234 KE, applikabbli bl-istess mod għall-Artikolu 267 TFUE, hija fil-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qorti nazzjonali li tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti biex tiddeċiedi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, jekk tkunx meħtieġa deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll dwar ir-relevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi preliminari li jkunu saru jkunu relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, obbligata li tagħti risposta (12) u b’hekk hemm preżunzjoni ta’ rilevanza marbuta mad-domandi preliminari magħmula mill-qrati nazzjonali (13).

29.      Din il-preżunzjoni ta’ rilevanza madankollu, tista’ tiġi eskluża f’każijiet eċċezzjonali biss, meta jkun manifestament ċar li l-interpretazzjoni mitluba tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea kkunsidrati f’dawn id-domandi ma jkollha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex quddiemha l-punti ta’ fatt jew ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula. Ħlief f’ipoteżijiet bħal dawn, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, bħala prinċipju, tagħti deċiżjoni fir-rigward tad-domandi preliminari mressqa quddiemha dwar l-interpretazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni (14).

30.      Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-qorti rikjesta, jiġifieri l-Metropolitan District Court, għandhiex id-dritt li titlob ħlas bil-quddiem tal-ispejjeż jew rimbors għas-smigħ ta’ xhieda jew pjuttost, jekk il-qorti rikjesta, hijiex mitluba tħallas hija stess dawn l-ispejjeż.

31.      Permezz ta’ din il-formulazzjoni, id-domanda preliminari tirrigwarda biss l-atti u l-obbligi tal-qorti rikjesta. B’dan il-mod, is-soluzzjoni tal-kwistjoni ma tirrigwardax direttament il-qorti tar-rinviju. Fil-każ ta’ dubju dwar l-obbligi tal-qorti rikjesta, din il-qorti jkollha eventwalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex din tagħti interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001. Kieku wieħed kellu joqgħod fuq il-kontenut litterali tal-kwistjoni, din ma tkunx rilevanti għall-finiiet tas-soluzzjoni tal-kawża mill-qorti tar-rinviju.

32.      Madankollu, il-kwistjoni proprjament imqajma mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-eventwali obbligu tagħha li tagħmel tali ħlas tal-ispejjeż bil-quddiem jew li tirċievi rimbors tal-ispejjeż sostnuti. Għaldaqstant, ma hijiex kwistjoni li tikkonċerna d-drittijiet u l-obbligi ta’ qorti oħra. Id-drittijiet u l-obbligi tal-qorti rikjesta, li jikkostitwixxu s-suġġett tad-domanda preliminari, pjuttost jikkorrispondu b’mod spekulattiv għal dawk tal-qorti tar-rinviju u rikjedenti. Għal din ir-raġuni, inqis li huwa raġonevoli li nerġa’ nifformula d-domanda fil-kliem li ġej: il-qorti rikjedenti għandha tħallas bil-quddiem l-ispejjeż lill-qorti rikjesta jew tirrimborsa suċċessivament l-ispejjeż sostnuti minn din tal-aħħar?

33.      Madankollu, f’dan il-każ speċifiku, anki meta d-domanda tiġi riformulata, xorta tibqa’ l-problema tar-rilevanza tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001. Fil-fatt, obbligu eventwali ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mix-xhieda fih innifsu jirrigwarda biss ir-rapport bejn il-qorti rikjesta u l-qorti rikjedenti. Dan ma għandu l-ebda effett immedjat fuq ir-riżultat tal-kawża prinċipali li hija bbażata fuq talba ta’ ħlas tad-danni.

34.      Il-Kummissjoni wkoll sostniet li, prima facie, id-domanda preliminari tidher inammissibbli, minħabba li hija tirrigwarda esklużivament il-kooperazzjoni bejn il-qrati u, għaldaqstant, tirrigwarda l-attività amministrattiva, u mhux dik ġurisdizzjonali, tal-qorti tar-rinviju.

35.      F’kull każ, id-domanda għandha titqies rilevanti, fil-qies fejn wieħed jiddiskuti l-kwistjoni jekk il-qorti rikjedenti għandhiex tħallas bil-quddiem l-ispejjeż li għandhom jitħallsu lil xhud sabiex il-qorti rikjesta tisimgħu. Kieku l-qorti Irlandiża rikjesta kellha tissuġġetta din l-attività għall-ħlas bil-quddiem, il-qorti Pollakka rikjedenti ma jibqagħlha xejn ħlief il-possibbiltà li tirrinunzja għall-produzzjoni tal-prova jew li tħallas bil-quddiem l-ispejjeż li tista’ ma tkunx obbligata tħallas, skont ir-Regolament Nru 1206/2001. Fil-każ fejn il-pagament ma jsirx, il-konsegwenti nuqqas ta’ smigħ tax-xhud, jista’ fil-mertu jipproduċi effetti immedjati fuq id-deċiżjoni tal-kawża prinċipali. Fil-fatt, minħabba n-nuqqas ta’ provi ulterjuri, il-qorti tista’ pereżempju tiddeċiedi abbażi tal-obbligu tal-prova u kontra l-parti li kienet indikat ix-xhud barrani.

36.      L-evalwazzjoni tar-rilevanza tad-domanda dwar ir-rimbors suċċessiv tal-ispejjeż imħallsa mix-xhieda hija iktar komplessa. Minħabba li f’din l-ipoteżi, il-qorti rikjesta kienet semgħet ix-xhieda, il-qorti rikjedenti tista’ tużaha għall-fini tad-deċiżjoni tagħha fil-kawża prinċipali. Però, il-kwistjoni tar-rimbors tal-ispejjeż hija rilevanti, f’kull każ għall-fini tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-kawża prinċipali, u b’hekk, hija ma hijiex, f’kull każ, manifestament irrilevanti għad-deċiżjoni ta’ tali kawża. Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed ifakkar li l-parti l-kbira tad-domandi ta’ interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1206/2001 dwar il-produzzjoni tal-provi, ser tirrigwarda l-mertu tal-kawża b’mod indirett biss. Kieku kellhom jiġu ffisati rekwiżiti għolja wisq għall-evalwazzjoni tar-rilevanza, f’ħafna każijiet, l-interpretazzjoni tar-regolament wara talba għal deċiżjoni preliminari tirriżulta impossibbli.

37.      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja baqa’ dubju dwar jekk il-qorti nazzjonali kinitx forsi diġà ħallset l-indennizz mogħti lix-xhud mill-qorti Irlandiża. Il-qorti tar-rinviju ma qalet xejn f’dan ir-rigward. Anki wara l-ħlas (15), id-domanda preliminari ma tkunx f’kull każ irrilevanti b’mod manifest. Jekk ir-Regolament Nru 1206/2001 ma jipprevjenix il-pagament, għall-qorti rikjedenti tqum il-kwistjoni tar-rimbors. Barra minn hekk, fil-kuntest tad-deċiżjoni dwar l-ispejjeż, tkun ukoll rilevanti l-kwistjoni tal-leġittimità tat-talba dwar l-ispejjeż mill-qorti rikjesta.

38.      Għaldaqstant, jiena tal-opinjoni li d-domanda mqajma, hija rilevanti kemm fir-rigward tal-obbligu tal-ħlas bil-quddiem, kif ukoll fir-rigward tal-obbligu ta’ rimbors tal-ispejjeż imħallsa mill-qorti rikjedenti, u għaldaqstant hija ammissibbli.

B –    Id-domanda preliminari

39.      Id-domandi preliminari mqajma mill-qorti Pollakka huma essenzjalment diretti biex jaċċertaw jekk hijiex obbligata tipprovdi indennizz lix-xhud mismugħ mill-qorti rikjesta, kemm fil-forma ta’ ħlas bil-quddiem kif ukoll fil-forma ta’ rimbors suċċessiv tal-ispejjeż.

40.      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi osservat li skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1206/2001, il-kawża ineżami taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fil-fatt, hija qorti ta’ Stat Membru li titlob att ta’ ġbir ta’ provi fil-qasam ċivili mill-qorti li għandha ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Is-smigħ ta’ xhud huwa indikat espliċitament fl-Artikolu 4(1)(e) bħala suġġett ta’ talba.

41.      Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1206/2001, il-qorti rikjesta għandha teżegwixxi t-talba bi qbil mad-dritt tal-Istat Membru tagħha. Abbażi tad-dritt Irlandiż, xhud huwa obbligat li jidher quddiem qorti biss jekk jitħallas indennizz bil-quddiem għall-ispejjeż (pereżempju, l-ispejjeż tal-vjaġġ). Il-partijiet jaqblu dwar il-fatt li x-xhud ma jistax jiċċaħħad mill-indennizz li għandu jirċievi. Jibqa’ inċertezza biss dwar il-fatt jekk dan għandux jitħallas mill-qorti rikjedenti.

1.      Ħlas bil-quddiem tal-indennizz mogħti lix-xhieda

42.      Għalhekk qabelxejn, jeħtieġ li wieħed jgħaddi għall-eżami tal-kwistjoni jekk il-qorti rikjedenti tistax tiġi obbligata tħallas bil-quddiem l-indennizz mogħti lix-xhieda lill-qorti rikjesta sabiex din tisma’ x-xhieda, fi kliem ieħor, jekk il-qorti rikjesta tistax tirrifjuta li tipproċedi bis-smigħ tax-xhieda sakemm il-qorti rikjedenti ma tkunx ħallset bil-quddiem l-indennizz mogħti lix-xhieda.

43.      Il-Gvern Irlandiż isostni li, minħabba li l-eżekuzzjoni tat-talba ssir abbażi tad-dritt Irlandiż, is-suġġettar tal-proċess tas-smigħ tax-xhieda għall-ħlas bil-quddiem mill-qorti rikjedenti tal-indennizz mogħti lix-xhieda jkun kompatibbli mar-regolament. Fil-fatt, skont id-dritt Irlandiż, ix-xhud huwa obbligat li jixhed f’kawża wara l-ħlas tal-indennizz biss.

44.      L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1206/2001 jindika r-raġunijiet għar-rifjut ta’ eżekuzzjoni. L-ewwel inċiż jirrigwarda r-rifjut ta’ eżekuzzjoni ta’ talba għas-smigħ, fil-każ fejn jeżisti dritt jew obbligu tal-persuna kkonċernata li tastjeni milli tixhed. Fit-tieni inċiż, jiġu indikati raġunijiet ulterjuri li minħabba fihom l-eżekuzzjoni ta’ talba għas-smigħ għandha tiġi rifjutata. Fl-Artikolu 14(2)(d) jiġi espost il-każ fejn ma jsirx depożitu jew ħlas bil-quddiem li jintalab bi qbil mal-Artikolu 18(3). Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jista’ jintalab ħlas bil-quddiem għall-parir ta’ espert. Min-naħa l-oħra ma jidhirx li din id-dispożizzjoni tipprovdi għal talba ta’ ħlas bil-quddiem għas-smigħ ta’ xhud.

45.      Is-suġġettar tal-eżekuzzjoni ta’ talba għall-ħlas ta’ indennizz mogħti lix-xhieda ma tkunx tmur kontra l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1206/2001 biss jekk ir-raġunijiet tar-rifjut indikati hemmhekk jiġu kkunsidrat mhux f’sens eżawrjenti iżda biss bħala eżempju. Il-kontenut litterali tal-Artikolu 14(2) jixhed kontra interpretazzjoni bħal din tad-dispożizzjoni. Fil-fatt, wieħed jista’ jaqra li, flimkien mar-raġunijiet imsemmija fl-ewwel inċiż, “l-eżekuzzjoni ta’ talba [tista’] tiġi rifjutata biss jekk […]” (16). Fl-aħħar, sabiex tiġi żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1206/2001 issostni li l-possibbiltà li l-eżekuzzjoni ta’ att ta’ ġbir ta’ provi tiġi rifjutata għandha tiġi llimitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali strettament limitati. Bħala konsegwenza, ir-raġunijiet tar-rifjut ta’ talba inklużi fl-Artikolu 14 huma eżawrjenti.

46.      Il-qorti rikjesta għalhekk ma għandhiex id-dritt li tissuġġetta l-eżekuzzjoni ta’ smigħ tax-xhieda għall-ħlas bil-quddiem tal-indennizz mogħti lix-xhieda. Il-qorti rikjedenti ma hijiex, bħala konsegwenza, mitluba tħallas bil-quddiem.

2.      Ir-rimbors tal-indennizz mogħti lix-xhieda

47.      Għad fadal li jiġi vverifikat jekk il-qorti rikjesta tistax tippretendi li l-qorti rikjedenti tirrimborsa suċċessivament l-indennizz mogħti lix-xhieda.

48.      L-Artikolu 18(1) tar-regolament jipprovdi li l-eżekuzzjoni tat-talba, ma għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimbors ta’ taxxi jew spejjeż. Għaldaqstant, huwa determinanti li jiġi aċċertat jekk anki l-indennizzi mogħtija lix-xhieda jistgħux jikkwalifikaw bħala taxxi jew spejjeż skont l-imsemmija dispożizzjoni.

49.      Il-qorti rikjesta u l-Gvern Irlandiż jirrilevaw li, skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 1206/2001, il-qorti rikjesta teżegwixxi t-talba billi tapplika d-dritt tal-Istat Membru tagħha. Skont id-dritt Irlandiż, ix-xhieda huma obbligati jidhru għad-depożizzjoni quddiem il-qorti jekk jitħallsu bil-quddiem indennizz għall-ispejjeż tagħhom biss. Il-ħlas ta’ dan l-indennizz ma għandux isir mill-qorti, iżda mill-parti li tħarrek lix-xhud. F’dan il-każ, mhux kwistjoni ta’ spejjeż tal-kawża, u dawn ma jistgħux jitħallsu mill-qorti. Dan ikun konformi man-natura kontradittorja tal-proċedura ċivili Irlandiża.

50.      Il-Gvern Irlandiż huwa tal-parir li l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1206/2001 jirrigwarda esklużivament l-ispejjeż ta’ amministrazzjoni, jiġifieri dawk li l-qorti tonfoq għall-attività tagħha. L-ispejjeż mogħtija lix-xhieda ma humiex inklużi, minħabba li huwa l-każ ta’ spejjeż, li skont id-dritt Irlandiż, għandhom jitħallsu mill-partijiet u ma jikkostitwixxux spejjeż ta’ amministrazzjoni. Minħabba li huwa eskluż għal kollox li l-ispejjeż tax-xhieda jaqgħu fl-isfera tal-Artikolu 18(1), ir-Regolament Nru 1206/2001 ma jeskludix talba ta’ ħlas tal-ispejjeż tax-xhieda mill-qorti rikjesta. Allura, dawn ikollhom jitħallsu mill-qorti rikjedenti jew minn waħda mill-partijiet tal-kawża prinċipali.

51.      Qabelxejn, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, il-kunċett ta’ spejjeż għandu jiġi ddeterminat b’mod awtonomu skont id-dritt tal-Unjoni u ma għandux jiddependi mid-definizzjoni skont id-drittijiet nazzjonali individwali. Kieku l-kwistjoni tal-ispejjeż kellha tiddependi kull darba fuq il-kunċett nazzjonali ta’ spejjeż, dan kien imur kontra r-ratio tar-regolament li jimmira lejn eżekuzzjoni rapida u sempliċi tat-talbiet ta’ kisba ta’ provi.

52.      Fl-opinjoni tiegħi, l-indennizz imħallas lil xhud interrogat mill-qorti rikjesta huwa inkluż fil-kunċett ta’ taxxi u ta’ spejjeż skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1206/2001.

53.      Jixhed favur din il-konklużjoni, minn naħa, il-kontenut litterali tad-dispożizzjoni. L-Artikolu 18(1) isemmi t-“taxxi” u l-“ispejjeż”. Il-kelma “taxxi” tfisser dawk l-ammonti mħallsa lill-qorti għall-attività tagħha, u għalhekk l-ispejjeż istituzzjonali msemmija mill-Gvern Irlandiż, filwaqt li l-kelma “spejjeż” tfisser dawk l-ammonti li l-qorti tħallas bil-quddiem lil terzi matul il-proċedura, bħal esperti jew xhieda. Il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra wkoll isostnu t-teżi li tgħid li l-indennizz mogħti lix-xhieda ma jistax jiġi rregolat mill-Artikolu 18(1) (17), minħabba li dan jista’ jiġi bl-istess mod inkluż fil-kunċetti użati minn darba sa oħra.

54.      Anki l-interpretazzjoni sistematika topponi l-interpretazzjoni tal-Gvern Irlandiż. Kieku l-Artikolu 18(1) jirrigwarda biss effettivament l-ispejjeż istituzzjonali, allura ma kienx ikun hemm bżonn li l-Artikolu 18(2), bħala eċċezzjoni għal dan il-prinċipju, jipprovdi rimbors tal-ispejjeż għall-esperti, li fil-perspettiva tal-Gvern Irlandiż ukoll, għandhom ikunu spejjeż mhux istituzzjonali. Allura dawn huma pjuttost esklużi direttament mill-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 18(1).

55.      Ir-ratio tar-regolament bl-istess mod jixhed favur interpretazzjoni estensiva tal-kunċett ta’ spejjeż skont l-Artikolu 18(1), bil-konsegwenza li jinkludi fih bl-istess mod l-indennizz mogħti lix-xhieda.

56.      Skont dak li jirriżulta mill-premessi tiegħu (18), l-għan tar-Regolament Nru 1206/2001 huwa l-eżekuzzjoni sempliċi, effiċjenti u rapida tal-kisba transkonfinali ta’ provi. Il-kisba ta’ provi fi Stat Membru ma għandhiex tiġġenera dewmien fil-proċeduri nazzjonali u kien għalhekk li ġiet adottata, permezz tar-Regolament Nru 1206/2001, sistema vinkolanti għall-Istati Membri (19) kollha, sabiex jitneħħew l-ostakoli li jistgħu jissussistu f’dan is-settur.

57.      L-obbligi li jitħallsu bil-quddiem u li jiġi rimborsat l-indennizz mogħti lix-xhieda joħolqu diffikultà u jdewmu s-smigħ transkonfinali tax-xhieda. Min-naħa l-oħra, huma jirrappreżentaw ukoll obbligu finanzjarju għall-Istat Membru rikjest. Però, dwar dan il-punt għandu jiġi osservat, hekk kif għamel il-Gvern Finlandiż, li kull Stat Membru jista’ jsib ruħu, minn darba għal oħra, fil-pożizzjoni kemm ta’ rikjest kif ukoll ta’ rikjedenti, u b’hekk l-ispejjeż li jintefqu fl-aħħar mill-aħħar jiġu nnewtralizzati. Naturalment, mhux il-każ ta’ kumpens eżatt. Lanqas ma huwa dan ir-riżultat mixtieq, minħabba li effettivament il-fatt li seta’ jkun hemm skwilibriju ta’ tip finanzjarju ttieħed inkunsiderazzjoni, b’riferiment għall-għanijiet tar-regolament. Għaldaqstant sabiex jiġu evitati żvantaġġi eċċessivi, l-ispejjeż partikolarment konsistenti, bħal dawk għall-esperti u l-interpreti, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala spejjeż li għandhom jiġu rimborsati.

58.      Sadanittant, għalhekk jista’ jkun hemm obbligu ta’ ħlas tal-indennizz tal-qorti tar-rinviju, minħabba li tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1206/2001.

59.      Din id-dispożizzjoni tipprovdi l-possibbiltà ta’ rimbors tal-kumpensi mħallsa lill-esperti jew lill-interpreti u tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) u (4). L-Artikolu 10(3) u (4) jirrigwarda, minn naħa, il-każ li t-talba tiġi eżegwita bi qbil ma’ proċedura speċjali fuq talba tal-qorti rikjedenti, l-Artikolu 10(4) jirregola l-att ta’ ġbir ta’ provi permezz tal-użu ta’ teknoloġiji tal-komunikazzjoni. L-indennizz mogħti lix-xhieda ma huwiex imsemmi hemm. Obbligu ta’ rimbors tal-indennizz mogħti lix-xhieda jkun kompatibbli mar-regolament biss jekk din il-lista ta’ eċċezzjonijiet għall-libertà ta’ rimbors imsemmija fl-Artikolu 18(2) tkun sempliċement bħala eżempju. Iżda r-ratio tar-regolament imur kontra din il-konklużjoni. Huwa għandu l-għan li jissimplifika u jgħaġġel il-ġbir transkonfinali ta’ provi. Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(2) għandhom jiġu kkunsidrati bħala eżawrjenti.

60.      Fl-aħħar, anki x-xogħlijiet preparatorji tar-regolament jikkonfermaw li l-indennizz mogħti lix-xhieda ma jistax jagħti lok għal rifużjoni. Abbażi ta’ dak li jirriżulta mill-premessa 6 u mill-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 1206/2001, dan jimmira li jissostitwixxi l-Konvenzjoni dwar il-kumpilazzjoni ta’ provi barra mill-pajjiż f’materji ċivili jew kummerċjali konkluża f’Den Haag, fit-18 ta’ Marzu 1970, u għal din ir-raġuni, għall-fini ta’ interpretazzjoni jista’ wkoll isisr riferiment għad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag.

61.      L-Artikolu 18 tar-regolament jikkorrispondi fil-kontenut għall-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, fejn l-ewwel inċiż jipprovdi li l-eżekuzzjoni ta’ talba ma għandhiex toħloq pretensjoni għal xi rimbors ta’ taxxi jew spejjeż. L-Artikolu 14(2) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jirrikonoxxi lill-Istat rikjest id-dritt li jeżiġi mill-Istat rikjedenti biss ir-rimbors tal-miżati mħallsa lill-esperti u lill-interpreti kif ukoll l-ispejjeż riżultanti mill-applikazzjoni ta’ proċedura partikolari mitluba mill-Istat rikjedenti, skont l-Artikolu 9(2) (20). Fil-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-1 ta’ Marzu 1954, dwar il-proċedura ċivili, kien hemm espressament previst (21) li l-indennizz mogħti lix-xhieda kellu jkun, bħala regola ġenerali, rimborsat. Mill-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag jirriżulta li l-każijiet fejn l-ispejjeż setgħu jiġu rimborsati kienu tnaqqsu intenzjonalment fir-rigward tal-Konvenzjoni tal-1954, u għalhekk ir-rimbors tal-ispejjeż tax-xhieda – proprju b’kunsiderazzjoni tal-ammont normalment baxx tagħhom – tneħħa b’mod intenzjonali (22). Ġiet riprodotta biss ir-riżerva kostituzzjonali fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag li ssostni li Stat kontraenti jista’ jitlob mill-Istat rikjedenti, inter alia, ir-rimbors tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-indennizz imħallas lill-persuna li tixhed fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ talba biss jekk dan huwa impost mid-dritt kostituzzjonali tiegħu.

62.      Il-fatt li r-Regolament Nru 1206/2001 irriproduċa kelma b’kelma t-test tal-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, mingħajr madankollu ma rriproduċa l-eċċezzjoni kostituzzjonali msemmija fl-Artikolu 26 tal-istess Konvenzjoni, jixhed favur il-fatt li l-indennizz mogħti lix-xhieda ma għandux ikun, bħala regola ġenerali rimborsat. Għalhekk, bħala prinċipju huwa ma għandux jiġi rimborsat skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1206/2001.

63.      L-aħħar aspett tal-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri jekk il-qorti rikjesta għandhiex tipprovdi, fl-aħħar mill-aħħar, għall-indennizz bir-riżorsi finanzjarji tagħha, ma għandha l-ebda rilevanza għall-fini tas-soluzzjoni tad-domanda preliminari. It-talba tiġi eżegwita, fis-sens tal- Artikolu 10(2), bl-applikazzjoni tad-dritt tal-Istati Membri. Hija tirregola wkoll kif u mingħand min għandhom jiġu indennizati x-xhieda. Minħabba li din il-kwistjoni tikkostitwixxi sempliċement sinteżi tal-ewwel żewġ partijiet tad-domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex obbligata li tagħti risposta separata għaliha.

V –    Konklużjoni

64.      Għal dawn ir-raġunijet nipproponi li d-domanda preliminari tas-Sąd Rejonowy tingħata r-risposta li ġejja:

“L-Artikoli 14 u 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1206/2001, tat-28 ta’ Mejju 2001, dwar kooperazzjoni bejn il-qrati tal-Istati Membri fil-kumpilazzjoni ta’ xhieda [kisba ta’ provi] f’materji ċivili jew kummerċjali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti rikjedenti ma hijiex obbligata tħallas lill-qorti rikjesta somma flus bil-quddiem sabiex tkopri l-indennizz jew ir-rimbors ta’ tali indennizz dovut lix-xhud li jkun xehed.”


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 121 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1206/2001”). Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, l-imsemmija Stati Membri wrew ix-xewqa tagħhom li jieħdu parti fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament (premessa 21 tar-Regolament Nru 1206/2001).


3 – Bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ara l-Artikolu 1(3) tar-regolament.


4 – Skont l-Artikolu 10(1) tal-Protokoll Nru 36 għat-Trattat ta’ Lisbona (dwar id-dispożizzjonijiet transitorji), bħala miżura transitorja, u fir-rigward tal-atti tal-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali li ġew adottati qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tibqa’ l-istess. Abbażi tal-Artikolu 10(3), fi kwalunkwe każ, il-miżura transitorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf milli jkollha effett ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. F’dan ir-rigward, fil-futur, tista’ terġa’ tqum il-kwistjoni, rilevanti fil-każ preżenti, tat-telf a posteriori tal-limitazzjoni tad-dritt li ssir talba għal deċiżjoni preliminari.


5 – Ara l-punti 21 u 22 tal-konklużjonijiet tiegħi ppreżentati fit-18 ta’ Lulju 2007 fil-kawża Tedesco (digriet tas-27 ta’ Settembru 2007, C‑175/06, Ġabra p. I‑7929), kif ukoll is-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2009, Roda Golf & Beach Resort (C‑14/08, Ġabra p. I‑5439, punt 29) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer tal-5 ta’ Marzu 2009 fl-istess kawża (punti 28 et seq).


6 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 22).


7 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi ċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 26).


8 – Ara, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Beemsterboer Coldstore Services (C‑293/04, Ġabra p. I‑2263, punt 21), u tat-28 ta’ Ġunju 2007, Dell’Orto (C‑467/05, Ġabra p. I‑5557, punti 48 u 49).


9 – Ara f’dan ir-rigward ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 22 et seq).


10 – Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/79/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2007, li temenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ĠU 2008, L 24, p. 42); l-emendi tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ġew adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 24, p. 39).


11 – Ġara hekk fil-kawża Martinez, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma kellhiex ġurisdizzjoni permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2009 – għalhekk qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona – minħabba l-limitazzjoni tad-dritt li ssir talba għal deċiżjoni preliminari kif imsemmija fl-Artikolu 68 KE (C‑278/09, Ġabra p. I‑11099): il-qorti tar-rinviju ressqet mill-ġdid it-talba għal deċiżjoni preliminari fis-6 ta’ April 2010 (C‑161/10).


12 – Ara, inter alia, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 2005, Bosman (C‑415/93, Ġabra p. I‑4921, punt 59) u tat-13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, Ġabra p. I‑6619, punt 26).


13 – Sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino (C‑105/03, Ġabra p. I‑5285, punt 30); tad-9 ta’ Ottubru 2008, Katz (C‑404/07, Ġabra p. I‑7607, punt 31), u tat-22 ta’ April 2010, Dimos Agios Nikolaos (C‑82/09, Ġabra p. I‑3649, punt 15).


14 – Ara, fost l-oħrajn, is-sentenzi Bosman (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 61) u tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA (C‑344/04, Ġabra p. I‑403, punt 24).


15 – Wara s-seduta, l-Irlanda u l-Gvern Pollakk iddikjaraw bil-miktub li l-qorti tar-rinviju ħallset minn qabel EUR 40 għax-xhud.


16 – Il-korsiv huwa tiegħi.


17 – Ara fil-verżjoni Franċiża “Frais” jew “remboursement de taxes ou de frais”; f’dik Spanjola “Gastos” jew “abono de tasas o gastos”; f’dik Ingliża “Costs” jew “reimbursement of taxes and costs”; f’dik Żvediza “Kostnader” jew “avgifter och kostnader”; f’dik Taljana “Spese” jew “rimborso di tasse o spese”.


18 – Ara l-premessi 1, 2, 8, 10 u 11 tar-regolament.


19 – Bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, ara l-Artikolu 1(3) tar-regolament.


20 – Barra minn hekk, l-Artikolu 14(3), jipprevedi każ ulterjuri ta’ ħlas tal-ispejjeż. Abbażi ta’ dan, fejn qorti li ma tistax tagħti lok għal talba ta’ assistenza legali, din tista’ tinkariga persuna awtorizzata f’dan ir-rigward, wara li tkun kisbet il-kunsens tal-qorti rikjedenti. Fit-talba ta’ dan il-kunsens, il-qorti rikjesta tindika l-ammont approssimattiv tal-ispejjeż li jirriżultaw minn tali intervent. Il-kunsens jinvolvi għall-qorti rikjedenti l-obbligu tar-rimbors ta’ dawn l-ispejjeż.


21 – Ara l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag, tal-1 ta’ Marzu 1954, dwar il-proċedura ċivili: “L-eżekuzzjoni ta’ ittri rogatorji ma tistax tiġġustifika r-rimbors ta’ taxxi jew ta’ spejjeż ta’ kull tip. Madankollu, salv ftehim different, l-Istat rikjest ikollu d-dritt li jeżiġi mill-Istat rikjedenti, ir-rimbors tal-miżati mħallsa lix-xhieda jew lill-esperti, kif ukoll tal-ispejjeż li jsiru minħabba l-intervent ta’ messaġġier li kien meħtieġ minħabba li x-xhieda ma jidhrux quddiem il-qorti meta msejjħa, jew tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-applikazzjoni eventwali tal-Artikolu 14(2)”.


22 – Ara r-rapport ta’ spjega ta’ Philip W. Amram, “Explanatory Report on the 1970 Hague Evidence Convention”, ittra J.), li jinsab fuq: http://hcch.e-vision.nl/upload/expl20e.pdf