Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Litwanja) fis-26 ta’ Frar 2021 – Lietuvos notarų rūmai, M. S., S. Š., D. V., V. P., J. P., D. L.-B., D. P., R. O. I. vs Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba

(Kawża C-128/21)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Lietuvos notarų rūmai, M. S., S. Š., D. V., V. P., J. P., D. L.-B., D. P., R. O. I.

Konvenuta: Lietuvos Respublikos konkurencijos taryba

Domandi preliminari

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nutara fir-Repubblika tal-Litwanja, meta jwettqu attività relatata mal-kjarifiki adottati mill-Kunsill Notarili li huma deskritti f’din il-kawża, jikkostitwixxu impriża fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE?

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kjarifiki adottati mill-Kunsill tan-Nutara Litwan li huma deskritti f’din il-kawża jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE?

Fil-każ li r-risposta għat-tieni domanda tkun fl-affermattiv, l-għan jew effett ta’ dawn il-kjarifiki huwa l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

F’deċiżjoni dwar eventwali ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, dawn il-kjarifiki, deskritti f’din il-kawża, għandhom jiġu evalwati bi qbil mal-kriterji stabbiliti fil-punt 97 tas-sentenza Wouters 1 ?

Fil-każ li r-risposta għar-raba’ domanda tkun fl-affermattiv, l-għanijiet imsemmija mir-rikorrenti, jiġifieri li l-prattika notarili ssir uniformi, il-mili ta’ lakuna regolatorja, il-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi, is-salvagwardja tal-prinċipji ta’ trattament ugwali tal-konsumaturi u ta’ proporzjonalità, u l-protezzjoni tan-nutara kontra responsabbiltà ċivili mhux ġustifikata, jikkostitwixxu għanijiet leġittimi fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-kjarifiki bi qbil mal-kriterji stabbiliti fil-punt 97 tas-sentenza Wouters?

Fil-każ li r-risposta għall-ħames domanda tkun fl-affermattiv, ir-restrizzjonijiet imposti f’dawk il-kjarifiki għandhom jiġu kkunsidrati bħala li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu dawn l-għanijiet?

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li nutara li kienu membri tal-presidium jistgħu jiġu kkunsidrati li kisru dan l-artikolu u jistgħu jiġu mmultati minħabba li pparteċipaw fl-adozzjoni tal-kjarifiki deskritti f’din il-kawża filwaqt li kienu jaħdmu bħala nutara?

____________

1 Sentenza tad-19 ta’ Frar 2002, C-309/99, EU:C:2002:98.