Language of document : ECLI:EU:T:2018:917

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

12 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances tal-familja – It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal – Kunċett ta’ ‘wild dipendenti’ – Sentenza ta’ kustodja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz dwar il-protezzjoni tal-minuri – Rifjut li jingħata l-istatus ta’ wild dipendenti lil tfal taħt kustodja – Ugwaljanza fit-trattament – Dritt għall-edukazzjoni – L-aħjar interessi tal-minuri”

Fil-Kawża T-283/17,

SH, aġent kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. de Montigny, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn M. Mensi, T. S. Bohr u A.-C. Simon, sussegwentement minn T. S. Bohr u G. Berscheid, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Steele u M. Windisch, bħala aġenti,

u minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn M. Bauer u R. Meyer, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2016 li biha l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ċaħdet l-estensjoni tal-ħlas tal-allowance għat-tfal dipendenti lir-rikorrenti, kif ukoll, sa fejn huwa neċessarju, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Frar 2017 li tiċħad l-ilment tar-rikorrenti tal-5 ta’ Ottubru 2016,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

komposta minn H. Kanninen, President, L. Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín (Relatur) u I. Reine, Imħallfin,

Reġistratur: G. Predonzani, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, SH, hija aġent kuntrattwali tal-Kummissjoni Ewropea u stazzjonata fiż-Żimbabwe.

2        Permezz tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi (il-Burundi) tat-30 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi”), żewġt itfal ta’ erbatax u tnax-il sena rispettivament, Burundjani, u bl-isem ta’ Joe u Claire, tqiegħdu taħt il-kustodja tar-rikorrenti fuq il-bażi tal-Artikoli 300 et seq. tal-Kodiċi Ċivili tal-Burundi. Meta ngħatat is-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi, ir-rikorrenti kellha r-residenza abitwali tagħha fit-Togo.

3        F’Ġunju 2011, ir-rikorrenti talbet u kisbet l-allowance għall-ulied dipendenti għal Joe u Claire abbażi tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) u l-paragrafu 3(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), applikabbli għall-aġenti kuntrattwali skont l-Artikolu 21 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”). L-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jgħid dan li ġej:

“1.      Skont il-paragrafi 2 u 3 ta’ hawn taħt, uffiċjal li għandu wild dipendenti wieħed jew aktar għandu jirċievi allowance ta’ EUR […] fix-xahar għal kull wild dipendenti.

2.      ‘Wild dipendenti’ ifisser il-wild leġittimu, naturali jew adottat ta’ uffiċjal, jew tal-konsorti tiegħu li attwalment mantnut mill-uffiċjal.

L-istess għandu japplika għal wild li għalih saret applikazzjoni għall-adozzjoni u nbdiet il-proċedura ta’ l-adozzjoni.

Kull wild li l-uffiċjal għandu r-responsabbiltà li jmantni taħt deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-ħarsien tal-minuri, għandu jitqies bħala wild dipendenti.

3.      L-allowance għandha tingħata:

(a)      awtomatikament lit-tfal taħt it-18-il sena;

(b)      fuq applikazzjoni motivata tal-uffiċjal ikkonċernat, għal tfal bejn it‑18 u s-26 li qegħdin jirċievu taħriġ edukattiv jew vokazzjonali.

4.      Kull persuna li l-uffiċjal għandu responsabbiltà legali li jżomm u li l-manteniment tagħha jinvolvi spejjeż kbar tista’, bħala eċċezzjoni, titqies li hija wild dipendenti b’deċiżjoni raġunata speċjali tal-awtorità tal-ħatra, ibbażata fuq dokumenti ta’ appoġġ.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Fit-3 ta’ Awwissu 2014, Joe għalaq 18-il sena.

5        Fis-6 ta’ Mejju 2015, il-Kap tat-Taqsima tar-Remunerazzjoni u ġestjoni tal-intitolamenti finanzjarji individwali tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) bagħat nota lir-rikorrenti (iktar ’il quddiem in-“nota tal-PMO tas-6 ta’ Mejju 2015”), fejn spjega lil din tal-aħħar, minn naħa, li hija ma kinitx intitolata iktar għall-allowances għall-wild dipendenti għal Joe, peress li dan għalaq it-18-il sena, u, min-naħa l-oħra, li l-ħlas ta’ dawn l-allowances kien se jitwaqqaf b’effett retroattiv mill-31 ta’ Awwissu 2014. Ir-rikorrenti ma ressqitx ilment kontra din in-nota.

6        Madankollu, l-allowance għall-wild dipendenti imħallsa għal Joe għall-perijodu ta’ bejn l-1 ta’ Settembru 2014 u t-30 ta’ April 2015, finalment ma ġietx irkuprata.

7        Fit-2 ta’ Mejju 2016, Claire għalqet 18-il sena.

8        Fis-17 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat, quddiem il-PMO, talba ta’ estensjoni tal-ħlas tal-allowance għall-wild dipendenti għal Joe u Claire. Din it-talba kienet ibbażata fuq l-Artikolu 2(3)(b), tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fit-talba tagħha, ir-rikorrenti sostniet li dawn it-tfal kienu għadhom taħt il-kustodja tagħha u pprovdiet dokumenti li jsostnu l-fatt li kienu għadhom qegħdin jistudjaw. Hija speċifikat ukoll li hija ma kinitx ippreżentat ilment kontra n-nota tal-PMO tas-6 ta’ Mejju 2015, minħabba li ma kinitx ġiet informata bid-drittijiet tagħha.

9        Fit-13 ta’ Lulju 2016, il-PMO bagħat nota lir-rikorrenti intiża biex tiċċara d-drittijiet statutorji ta’ din tal-aħħar u li kienet tirrifjuta l-estensjoni tal-ħlas tal-allowances mitluba għal Joe u Claire (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Il-PMO enfasizza li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-allowance għat-tifel dipendenti tista’ tingħata għal wild taħt il-kustodja ta’ aġent, b’mod partikolari abbażi ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minuri. Il-PMO qies li d-dritt għall-allowances għaż-żewġ ulied ikkonċernati kien intemm wara li dawn għalqu 18-il sena. Fil-fatt, skont il-PMO, l-intitolament għall-allowances kien ibbażat esklussivament, f’dan il-każ, fuq il-kustodja, li tintemm meta t-tfal jilħqu l-età maġġuri. Il-PMO sostna wkoll li l-intitolament għall-allowances seta’ ċertament jingħata għall-wild bijoloġiku jew adottat, skont l-Artikolu 2(3)(b), tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, sakemm il-wild jagħlaq is-26 sena. Madankollu, skont il-PMO, din il-possibbiltà ma tapplikax għat-tfal taħt kustodja.

10      Fil-5 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti ppreżentat ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, li sar japplika għall-aġenti kuntrattwali permezz tal-Artikolu 117 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg. Insostenn tal-ilment tagħha, ir-rikorrenti invokat l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-PMO u “żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 67 tar-Regolamenti tal-Persunal u 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ddikjarat li, skont il-kodiċi ċivili tal-Burundi, persuna adulta hija l-persuna li tkun għalqet il-21 sena. Għalhekk, l-ebda wieħed miż-żewġt ulied inkwistjoni ma huwa kkunsidrat bħala adult skont il-kodiċi ċivili tal-Burundi. Għaldaqstant it-tnejn li huma jibqgħu taħt il-kustodja tar-rikorrenti sa ma jagħlqu 21 sena. Ir-rikorrenti kkonkludiet li, skont l-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kienet intitolata għall-allowances għall-wild dipendenti għaż-żewġt ulied ikkonċernati sakemm jagħlqu l-21 sena u sakemm tintemm il-kustodja.

11      Permezz tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2017 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment”), l-awtorità awtorizzata tikkonkludi l-kuntratti tal-impjieg tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem l-“AAKK”) ċaħdet l-ilment tar-rikorrenti. L-AAKK fakkret il-ġurisprudenza li tgħid li d-dispożizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji għandhom jiġu interpretati strettament, billi rreferiet f’dan ir-rigward għall-punt 90 tas-sentenza tat-8 ta’ April 2008, Bordini vs Il-Kummissjoni (F-134/06, EU:F:2008:40). Barra minn hekk, l-AAKK indikat li, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, l-ulied ikkonċernati ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala dipendenti fuq ir-rikorrenti, peress li din id-dispożizzjoni tipprovdi li l-obbligu ta’ manteniment li l-aġent għandu fir-rigward tal-wild ikkonċernat għandu jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Madankollu, skont l-AAKK, is-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi kienet ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz. Minn dan l-AAKK ikkonkludiet li r-rikorrenti ma kinitx intitolata għall-allowances għall-wild dipendenti għaż-żewġt ulied ikkonċernati u li l-PMO kien wera rieda tajba billi jagħtiha dawn l-allowances sakemm Claire u Joe għalqu t-18-il sena.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

13      Fl-1 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha.

14      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-5 u fl-10 ta’ Lulju 2017 rispettivament, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew talbu li jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

15      Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Awwissu u tat-13 ta’ Settembru 2017, il-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta l-interventi tal-Kunsill u tal-Parlament. Il-partijiet intervenjenti ppreżentaw in-noti rispettivi tagħhom fl-20 u fis-27 ta’ Ottubru 2017 u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq dawn in-noti fit-termini previsti.

16      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Settembru 2017, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lir-rikorrent li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 83(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li t-tieni skambju ta’ noti ma kienx meħtieġ.

17      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti talbet l-awtorizzazzjoni biex tressaq replika skont l-Artikolu 83(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. B’mod partikolari, ir-rikorrenti talbet, essenzjalment, l-awtorizzazzjoni li twieġeb għall-argumenti li jidhru fil-punti 48 et seq. tar-risposta.

18      B’deċiżjoni tad-29 ta’ Settembru 2017, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrenti tippreżenta replika li tirrigwarda l-punti 48 sa 59 tar-risposta. Ir-rikorrenti ppreżentat ir-replika fit-13 ta’ Novembru 2017. Il-Kummissjoni ppreżentat il-kontroreplika fil-5 ta’ Jannar 2018.

19      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) iddeċidiet, fit-8 ta’ Marzu 2018, li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

20      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-13 ta’ April 2018.

21      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tikkonstata l-illegalità tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

23      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

24      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tesprimi dubji dwar l-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża.

25      Minn naħa, fir-rigward ta’ Joe, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti kellha tressaq ilment kontra n-nota tas-6 ta’ Mejju 2015 tal-PMO, minflok ma tressaq ilment kontra d-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ Claire, il-Kummissjoni tenfasizza li l-ħlas tal-allowances twaqqaf f’Ġunju 2016, li jirriżulta mir-rendikont ta’ remunerazzjoni tar-rikorrenti ta’ dak ix-xahar. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti kellha tressaq ilment kontra r-rendikont ta’ remunerazzjoni ta’ Ġunju 2016 u mhux kontra d-deċiżjoni kkontestata.

26      Ir-rikorrenti titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni tiġi miċħuda billi enfasizzat li t-talba tagħha għall-estensjoni tal-ħlas tal-allowances għall-wild dipendenti mressqa fis-17 ta’ Mejju 2016 quddiem il-PMO kien talba ġdida għall-allowances ibbażata fuq l-Artikolu 2(3)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

27      L-argument tal-Kummissjoni huwa, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata kienet konfermattiva, minn naħa, tan-nota tal-PMO tas-6 ta’ Mejju 2015 f’dak li jirrigwarda l-allowance mħallsa għal Joe u, min-naħa l-oħra, tad-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni tar-rikorrenti ta’ Ġunju 2016 f’dak li jirrigwarda lil Claire.

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat kontra att purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti mhux ikkontestata fit-termini huwa inammissibbli (ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il-Kummissjoni, T-186/98, EU:T:2001:42, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Att għandu jitqies sempliċement konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti jekk ma jkun fih ebda element ġdid fir-rigward tad-deċiżjoni preċedenti u jekk qabel l-adozzjoni tiegħu ma jkunx sar eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (ara d-digriet tas-26 ta’ Ottubru 2016, Edeka-Handelsgesellschaft Hessenring vs Il-Kummissjoni, T-611/15, mhux ippubblikat, EU:T:2016:643, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      F’dan il-każ, minn naħa, fir-rigward Joe, għandu jiġi kkonstatat li n-nota tal-PMO tas-6 ta’ Mejju 2015 kienet tikkonċerna t-tneħħija tal-ħlas tal-allowance għall-wild dipendenti għal Joe skont l-Artikolu 2(3)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li n-nota tal-PMO tas-6 ta’ Mejju 2015 saret finali, peress li r-rikorrenti ma ppreżentatx ilment kontriha.

30      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda t-talba ta’ estensjoni tal-ħlas tal-allowance għall-wild dipendenti għal Joe u Claire ippreżentata mir-rikorrenti fis-17 ta’ Mejju 2016 quddiem il-PMO. Madankollu, din it-talba ma kinitx ibbażata fuq l-Artikolu 2(3)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda fuq l-Artikolu 2(3)(b) tal-istess anness. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata kellha għan distint minn dak tan-nota tal-PMO tas-6 ta’ Mejju 2015 u għalhekk ma hijiex konfermattiva ta’ din tal-aħħar.

31      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda lil Claire, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni tar-rikorrenti ta’ Ġunju 2016 li l-ħlas tal-allowance skont l-Artikolu 2(3)(a) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tneħħa. Issa, kif ġie mfakkar fil-punt 30 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata kienet tirrigwarda t-talba għal estensjoni tal-ħlas tal-allowance għall-ulied dipendenti għal Joe u Claire mressqa mir-rikorrenti fis-17 ta’ Mejju 2016 quddiem tal-PMO fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3)(b) tal-istess anness. Id-deċiżjoni kkontestata kellha għalhekk għan differenti minn dak tad-deċiżjoni rifless fid-dikjarazzjoni ta’ remunerazzjoni ta’ Ġunju 2016 u, għalhekk, ma hijiex konfermattiva ta’ din tal-aħħar.

32      Kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni, huwa tabilħaqq kontra d-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti kellha tressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, ir-rikorrenti ppreżentat tali lment fil-5 ta’ Ottubru 2016.

33      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-proċedura prekontenzjuża ġiet osservata f’dan il-każ.

34      Għaldaqstant, dan ir-rikors għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

B.      Fuq il-mertu

1.      Fuq l-ewwel kap ta’ talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tikkonstata l-illegalità tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal

35      Permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata l-illegalità tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kif applikat mill-PMO fid-deċiżjoni kkontestata.

36      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ma huwiex il-kompitu tal-qorti tal-Unjoni li twettaq konstatazzjonijiet ta’ prinċipju (sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T-120/01 u T-300/01, EU:T:2004:367, punt 136). Madankollu, fid-dawl tar-rikors, hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, b’mod inċidentali għar-rikors tagħha għal annullament, eċċezzjoni ta’ illegalità tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjoni kontenzjuża”).

2.      Fuq it-tieni kap ta’ talbiet, intiż sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-deċiżjoni kkontestata u, sa fejn meħtieġ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment

a)      Fuq is-suġġett tat-tieni kap tat-talbiet

37      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-ilment amministrattiv u ċ-ċaħda tiegħu, espliċita jew impliċita, jagħmlu parti integrali minn proċedura kumplessa u jikkostitwixxu biss kundizzjoni preliminari sabiex tkun tista’ tiġi adita l-qorti (sentenzi tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T-325/09 P, EU:T:2011:506, punt 32, u tal-15 ta’ Settembru 2017, Skareby vs SEAE, T-585/16, EU:T:2017:613, punt 18). Għaldaqstant, peress li, fis-sistema tar-Regolamenti tal-Persunal, il-persuna kkonċernata għandha tressaq ilment kontra d-deċiżjoni li hija tikkontesta, ir-rikors sussegwenti jitqies ammissibbli, kemm jekk jiġi ppreżentat biss kontra d-deċiżjoni li tkun is-suġġett tal-ilment, kemm jekk kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment u kemm jekk kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien, bil-kundizzjoni li l-ilment u r-rikors ikunu ġew ippreżentati fit-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punt 7, u tal-5 ta’ Novembru 2014, Il-Kummissjoni vs Thomé, T-669/13 P, EU:T:2014:929, punt 21). Madankollu, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni speċifikament fuq it-talbiet imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment meta hija tikkonstata li dawn tal-aħħar ma għandhomx kontenut awtonomu u, fir-realtà, ma jistgħux jiġu sseparati minn dawk imressqa kontra d-deċiżjoni li kontriha tressaq l-ilment (sentenzi tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punti 7 u 8, u tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T-584/16, EU:T:2017:282, punt 72). Jista’ jkun hekk, b’mod partikolari, meta hija tikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment hija purament konfermattiva tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tal-ilment u li, għalhekk, l-annullament taċ-ċaħda tal-ilment ma jipproduċi l-ebda effett differenti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata minn dak li jirriżulta mill-annullament tad-deċiżjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T-325/09 P, EU:T:2011:506, punt 33).

38      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, l-amministrazzjoni jista’ jkollha tikkompleta jew temenda waqt iċ-ċaħda tal-ilment, il-motivi li fuq il-bażi tagħhom hija kienet adottat l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T-377/08 P, EU:T:2009:485, punti 55 sa 60).

39      Għalhekk, l-amministrazzjoni tista’ tipprovdi motivi iktar espliċiti matul il-proċedura prekontenzjuża, sabiex twieġeb għal dan l-ilment. Tali motivi speċifiċi rigward il-każ individwali, ikkomunikati qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors ġudizzjarju, huma meqjusa li jikkoinċidu mad-deċiżjoni ta’ rifjut u għandhom jitqiesu, għalhekk, bħala elementi ta’ informazzjoni rilevanti għall-eżami tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T-377/08 P, EU:T:2009:485, punti 59 u 60).

40      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tikkonferma ċ-ċaħda tal-estensjoni tal-ħlas tal-allowances għall-wild dipendenti li dwarha kkonkluda l-PMO fid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, kif jirriżulta mill-punt 11 iktar ’il fuq, l-AAKK ikkompletat id-deċiżjoni kkontestata, fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment, billi żiedet li, biex jinkiseb id-dritt għall-għoti tal-allowance għall-wild dipendenti, l-obbligu ta’ manteniment għandu jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Abbażi ta’ din il-motivazzjoni ġdida, l-AAKK ikkonkludiet li l-ulied ikkonċernati ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala dipendenti fuq ir-rikorrenti, peress li s-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi ma kinitx ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. Madankollu, l-AAKK indikat li l-amministrazzjoni kienet uriet rieda tajba meta tat lir-rikorrenti allowances għall-wild dipendenti sa 18-il sena għal Joe u Claire, anki jekk hija ma kellhiex id-dritt għal dawn l-allowances.

41      Minn dak li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tieħu inkunsiderazzjoni elementi ta’ dritt li l-PMO ma kienx ħa inkunsiderazzjoni meta adotta d-deċiżjoni kkontestata.

42      Hija għalhekk, fid-dawl tan-natura evoluttiva tal-proċedura prekontenzjuża, il-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-eżami tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata.

b)      Fuq il-motivi tar-rikors

43      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, li l-ewwel erbgħa minnhom huma invokati insostenn ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità diretta kontra d-dispożizzjoni kontenzjuża. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq it-twelid. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni bejn uffiċjali u aġenti. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għall-edukazzjoni u l-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ leġittimità. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza.

44      Barra minn hekk, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tinvoka s-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, prevedibbiltà u drittijiet kweżiti.

1)      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità jew fuq it-twelid

45      Ir-rikorrenti ssostni li d-dispożizzjoni kontenzjuża tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq it-twelid jew fuq in-nazzjonalità stabbilita fl-Artikolu 21 tal-Karta u fl-Artikolu 1(d) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li tipprekludi li wild mhux ċittadin tal-Unjoni Ewropea li huwa dipendenti minn ċittadin tal-Unjoni jiġi rrikonoxxut bħala wild dipendenti għall-finijiet tal-għoti tal-allowance inkwistjoni.

46      Ir-rikorrenti tenfasizza li, skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali privat, l-istatus personali ta’ persuna fiżika huwa rregolat mil-liġi tal-pajjiż tan-nazzjonalità ta’ dik il-persuna, tkun liema tkun il-qorti kompetenti. Minn dan jirriżulta li, peress li Joe u Claire huma ta’ nazzjonalità Burundjana, il-liġi tal-Burundi hija applikabbli għall-istatus personali tagħhom. B’hekk huwa biss minħabba n-nazzjonalità ta’ dawn it-tfal li l-estensjoni tal-ħlas tal-allowance għall-wild dipendenti ġiet irrifjutat lir-rikorrenti.

47      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-kompetenza ġudizzjarja fil-qasam tad-dritt tal-familja hija bbażata fuq ir-residenza tas-soltu tal-wild jew tal-ġenitur. Għalhekk, hija ssostni li, peress li la hi u lanqas uliedha ma kellhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru fiż-żmien meta seħħew il-fatti, il-qrati tal-Unjoni ma kellhomx ġurisdizzjoni jagħtu deċiżjoni dwar il-kustodja tat-tfal imsemmija hawn fuq. Ir-rikorrenti ssostni li, fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar il-kustodja tat-tfal, dawn ma kinux jistgħu joħorġu mit-territorju tal-Burundi fil-preżenza tar-rikorrenti sabiex tressaq applikazzjoni għall-kustodja fi Stat Membru. Ir-rikorrenti tqis li jirriżulta li huwa fid-dawl tan-nazzjonalità tat-tfal inkwistjoni li l-awtoritajiet Burundjani kienu kompetenti biex jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-kustodja.

48      Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li hija ma setgħetx tintroduċi talba ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi fi Stat Membru. F’dan ir-rigward, hija tqis li, anki jekk, skont l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal, iffirmata f’Den Haag fid-19 ta’ Ottubru 1996 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal‑1996”), dwar il-miżuri ta’ protezzjoni tat-tfal, għandha tapplika l-liġi tal-post ta’ residenza tal-minuri, din il-konvenzjoni ma hijiex rilevanti f’dan il-każ. Dan jirriżulta mill-fatt li l-Burundi ma huwiex parti għal din il-Konvenzjoni u li huwa biss jekk ir-residenza abitwali tat-tfal tinsab fit-territorju ta’ Stat Kontraenti li dik il-Konvenzjoni tapplika. Issa, f’dan il-każ, kien ikun impossibbli għaliha li tressaq talba ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi fi Stat Membru minħabba li la hija u lanqas it-tfal ikkonċernati ma kellhom ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat tal-Unjoni. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li, fil-mument li ngħatat is-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi, hija ma kellhiex ir-residenza abitwali tagħha fil-Belġju.

49      Barra minn hekk, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti sostniet li, sabiex tilqa’ għall-eventwalità li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkonferma d-deċiżjoni li l-ulied ikkonċernati jiġu esklużi mill-allowances inkwistjoni, hija ressqet talba ta’ adozzjoni fil-Belġju fir-rigward tagħhom.

50      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki kieku hija kisbet ir-rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi fi Stat Membru, din is-sentenza tibqa’ bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz u d-deċiżjoni ta’ rikonoxximent ma tistax titqies bħala deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-protezzjoni ta’ minuri.

51      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu ċ-ċaħda tal-ewwel motiv.

52      Hemm lok, qabelxejn, li jiġi enfasizzat li d-dispożizzjoni kontenzjuża ma tistabbilixxix b’mod espliċitu bħala kriterju għall-għoti tal-allowance għall-wild dipendenti, in-nazzjonalità tal-wild ikkonċernat, iżda l-liġi li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ġudizzjarja li minnha jirriżulta l-obbligu ta’ manteniment lejn il-wild li għalih titħallas din l-allowance.

53      Ir-rikorrenti ssostni, madankollu, li dan il-kriterju għandu l-effett li jistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tal-wild kkonċernat. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, il-liġi li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ġudizzjarja li minnu jirriżulta l-obbligu ta’ manteniment lejn il-wild hija l-liġi tan-nazzjonalità tal-wild.

54      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, li hija invokata mill-Kummissjoni sabiex issostni li l-liġi applikabbli tal-minuri hija l-liġi tal-pajjiż tar-residenza abitwali tagħhom, ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, minn naħa, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-Burundi ma huwiex parti għal din il-konvenzjoni u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2 tagħha, din il-konvenzjoni għandha tapplika biss għal tfal li ma jkunux għalqu t-18-il sena, filwaqt li Joe u Claire għandhom aktar minn 18-il sena.

55      It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, f’dan il-każ, fl-assenza ta’ ftehim internazzjonali applikabbli, il-kwistjoni ta’ liema liġi nazzjonali tirregola l-kustodja ta’ Joe u ta’ Claire hija r-responsabbiltà tal-parti li tkun qiegħda tinvokaha li tagħti prova tagħha. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti lanqas ma identifikat id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali skont liema l-liġi applikabbli għall-kustodja tat-tfal ikkonċernati hija, fil-fehma tagħha, il-liġi tan-nazzjonalità tagħhom.

56      Minn dan jirriżulta li r-rikorrenti ma wrietx li d-dispożizzjoni kontenzjuża kellha l-effett li tistabbilixxi diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.

57      Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2)      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ nondiskriminazzjoni bejn uffiċjali u aġenti

58      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi diskriminazzjoni bejn l-uffiċjali u l-aġenti li qegħdin jitolbu r-rikonoxximent ta’ wild bħala wild dipendenti skont jekk it-talba tagħhom hijiex ibbażata fuq l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jew fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-istess anness, jiġifieri d-dispożizzjoni kontenzjuża. Id-dispożizzjoni kontenzjuża tpoġġi f’sitwazzjoni ta’ inugwaljanza lil uffiċjali u lil aġenti li, għalkemm ikunu fl-istess sitwazzjoni li jkollhom jassumu r-responsabbiltà ta’ wild jew qarib, għalihom japplikaw kundizzjonijiet differenti ta’ għoti skont il-leġiżlazzjoni li fuqha tkun ibbażata r-responsabbiltà tagħhom.

59      L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jippermetti li, kwalunkwe persuna li fil-konfront tagħha l-uffiċjal għandu obbligi legali li jimponulu spejjeż kbar, tiġi assimilata ma’ wild dipendenti, ma jipprekludix din l-assimilazzjoni jekk il-liġi li fuqha huwa bbażat l-obbligu tal-manteniment legali hija l-liġi ta’ pajjiż terz.

60      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirrikonoxxi l-istatus ta’ wild dipendenti għat-tfal li jkunu ġew adottati jew li għalihom tkun inbdiet il-proċedura ta’ adozzjoni, lanqas ma jipprekludi r-rikonoxximent tiegħu bħala wild dipendenti jekk l-adozzjoni tkun ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz.

61      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li t-tieni motiv jiġi miċħud.

62      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jkunux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx iġġustifikat oġġettivament (sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, IATA u ELFAA, C-344/04, EU:C:2006:10, punt 95, u tat-12 ta’ Settembru 2006, Eman u Sevinger, C-300/04, EU:C:2006:545, punt 57). Il-prinċipju ta’ trattament ugwali jew ta’ nondiskriminazzjoni, stipulat fl-Artikolu 1(d) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa regola ta’ natura ġenerali, applikabbli għad-dritt tas-servizz pubbliku tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Diċembru 1982, Micheli et vs Il-Kummissjoni, 198/81 sa 202/81, EU:C:1982:411, punti 5 u 6, u tal-15 ta’ April 2010, Gualtieri vs Il-Kummissjoni, C-485/08 P, EU:C:2010:188, punt 70).

63      F’dan il-każ, għandhom jiġu pparagunati, fl-ewwel lok, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-aġenti li huma responsabbli għal wild taħt deċiżjoni ta’ adozzjoni bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz, koperta mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-tieni lok, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali jew tal-aġenti b’obbligi legali bbażati fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz fir-rigward ta’ persuna li ż-żamma tagħha toħloq spejjeż kbar, koperta mill-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, u, fit-tielet lok, is-sitwazzjoni tal-uffiċjali u tal-aġenti b’obbligi tal-manteniment li jirriżultaw minħabba deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżi terzi, li, għall-kuntrarju tas-sitwazzjonijiet preċedenti, ma hija koperta minn l-ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

64      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li għandhom jitqiesu bħala “tifel dipendenti”, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tfal adottivi ta’ uffiċjal jew tal-konsorti tiegħu, bil-kundizzjoni li dawn ikunu “attwalment mantnut[i] mill-uffiċjal”. It-tieni nett, huma kkunsidrati bħala “tifel dipendenti”, skont id-dispożizzjoni kontenzjuża, it-tfal li ma humiex it-tfal leġittimi, naturali jew adottivi ta’ uffiċjal jew tal-konsorti tiegħu iżda lil fir-rigward tagħhom l-uffiċjal għandu “r-responsabbiltà li jmantni taħt deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri dwar il-ħarsien tal-minuri”. Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, b’mod eċċezzjonali u b’deċiżjoni raġunata mill-awtorità tal-ħatra tal-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernati, kwalunkwe persuna, inkluż persuna anzjana u membru tal-familja ta’ uffiċjal, għajr uliedu leġittimi, naturali jew adottivi jew dawk tal-konsorti tiegħu, tista’ titqies, skont l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala “wild dipendenti” meta l-uffiċjal ikollu “responsabbiltà legali li jżomm[ha] u “li l-manteniment tagħha jinvolvi spejjeż kbar” (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il-Kunsill, T‑231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 38). [traduzzjoni mhux uffiċjali]

65      Għalhekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimponix li l-liġi li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni tal-adozzjoni tkun il-liġi ta’ Stat Membru. L-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal lanqas ma jimponi li l-liġi li fuqha huwa bbażat l-obbligu ta’ manteniment tkun il-liġi ta’ Stat Membru. Min-naħa l-oħra, id-dispożizzjoni kontenzjuża teżiġi li l-liġi li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni ġudizzjarja li minnha joriġina l-obbligu ta’ manteniment tkun il-liġi ta’ Stat Membru. Minn dan isegwi li, billi jeżiġu li l-liġi li fuqha huwa bbażat l-obbligu ta’ manteniment imsemmi fid-dispożizzjoni kontenzjuża tkun il-liġi ta’ Stat Membru, ir-Regolamenti tal-Persunal irriżervaw trattament inqas favorevoli għall-uffiċjali u l-aġenti li jaqgħu taħt l-imsemmija dispożizzjoni.

66      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ddeterminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-uffiċjali u l-aġenti msemmija fl-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-istess Anness, minn naħa, u dawk li, min-naħa l-oħra, bħar-rikorrenti, jaqgħu taħt id-dispożizzjoni kontenzjuża, jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli (ara s-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2017, Milkova, C-406/15, EU:C:2017:198, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      F’dan ir-rigward, għandu jiġi indikat li kien ġie kkunsidrat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, id-dispożizzjoni kontenzjuża u l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ikopru, rispettivament, tliet gruppi separati ta’ wlied jew ta’ persuni li jistgħu jiġu rrikonoxxuti bħala “tifel dipendenti” fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il-Kunsill, T-231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 37).

68      Fil-fatt, minn naħa, id-dispożizzjoni kontenzjuża u l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal huma t-tnejn ibbażati fuq l-eżistenza ta’ obbligi ta’ manteniment lejn persuni li ma għandhom l-ebda rabta ta’ filjazzjoni mal-uffiċjal inkwistjoni. Issa, billi uża żewġ kunċetti distinti ta’ obbligu ta’ manteniment f’dawn id-dispożizzjonijiet, wieħed “li jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja” u l-ieħor “legali”, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried ikopri żewġ sitwazzjonijiet differenti (sentenza tas-16 ta’ Jannar 2018, SE vs Il-Kunsill, T-231/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:3, punt 39). Id-dispożizzjoni kontenzjuża teħtieġ li l-obbligu ta’ manteniment ikun impost minn deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-minuri. Din id-dispożizzjoni tkopri, b’mod partikolari, l-istituzzjoni tal-kustodja ta’ minorenni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal jirreferi għal obbligu ta’ manteniment legali fir-rigward ta’ qarib jew ta’ qarib bi żwieġ u mhux neċessarjament ta’ minuri. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teħtieġ li l-manteniment tal-persuna li lejha l-uffiċjal għandu dan l-obbligu ta’ manteniment jinvolvi “spejjeż kbar” u li l-uffiċjal jipprovdi “dokumenti ta’ appoġġ” intiżi sabiex jistabbilixxu li l-ispejjeż imposti għall-manteniment tal-persuna kkonċernata huma straordinarji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2009, Klein vs Il-Kummissjoni, F‑32/08, EU:F:2009:3, punt 45).

69      Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni tal-aġenti u tal-uffiċjali li għandhom obbligu ta’ manteniment li jirriżulta mid-dispożizzjoni kontenzjuża u dik tal-aġenti u l-uffiċjali li għandhom fil-kustodja tagħhom wild skont deċiżjoni ta’ adozzjoni, imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala komparabbli. Fil-fatt, l-adozzjoni u l-kustodja jippreżentaw differenzi kbar. L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza mill-adozzjoni, il-kustodja tispiċċa, bħala prinċipju, meta l-wild isir adult. It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-kustodja hija, fil-prinċipju, revokabbli, filwaqt li l-adozzjoni, li hija forma ta’ filjazzjoni, hija ta’ natura permanenti.

70      Minn dak li ntqal jirriżulta li l-uffiċjali u l-aġenti msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 2(4) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll mid-dispożizzjoni kontenzjuża ma jistgħux jitqiesu li jinsabu fl-istess sitwazzjoni b’mod li l-istabbiliment, mir-Regolamenti tal-Persunal, ta’ kundizzjonijiet differenti għall-għoti tal-allowance għall-wild dipendenti ma jistax jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

71      Għalhekk, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3)      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-edukazzjoni u tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal

72      Ir-rikorrenti ssostni li kull wild għandu d-dritt għall-edukazzjoni. Madankollu, din l-edukazzjoni għandha prezz. Dan jgħodd b’mod speċjali fir-rigward tal-edukazzjoni tat-tfal li taqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ aġent li, bħar-rikorrenti, huwa assenjat lil delegazzjoni tal-Unjoni f’pajjiż terz, fejn l-edukazzjoni ekwivalenti għall-edukazzjoni fl-Ewropa hija għolja. Madankollu, meta ma tippermettix l-għoti tal-allowance għal wild dipendenti lill-uffiċjali u lill-aġenti li għandhom fil-kustodja tagħhom tfal ċittadini ta’ pajjiż terz, id-dispożizzjoni li hija s-suġġett tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tikser l-Artikoli 14 u 24 tal-Karta.

73      Il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li t-tielet motiv jiġi miċħud.

74      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-esklużjoni, permezz tad-dispożizzjoni kontenzjuża, tal-kunċett ta’ wild dipendenti ta’ tfal fil-kustodja ta’ uffiċjal jew ta’ aġent permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz għandhiex titqies bħala ksur tal-Artikolu 14 tal-Karta. Din id-dispożizzjoni, intitolata “Id-dritt għall-edukazzjoni”, tipprovdi dan li ġej:

“Kull persuna għandha d-dritt għall-edukazzjoni u li jkollha aċċess għall-formazzjoni professjonali u kontinwa.”

75      Għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta (ĠU 2007, C 303, p. 17), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 52(7) tal-Karta (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Réexamen Commission vs Strack, C-579/12 RX-II, EU:C:2013:570, punt 27). Mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 14 tal-Karta jirriżulta li dan l-Artikolu huwa ispirat kemm mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri kif ukoll mill-Artikolu 2 tal-Ewwel Protokoll Addizzjonali tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li jgħid:

“Ħadd ma għandu jiġi pprivat mid-dritt għall-edukazzjoni. Fl-eżerċizzju ta’ kull funzjoni li jassumi dwar edukazzjoni u tagħlim, l-Istat għandu jirrispetta d-dritt tal-ġenituri li jiżguraw dik l-edukazzjoni u dak it-tagħlim in konformità mal-konvinzjonijiet tagħhom reliġjużi u filosofiċi.”

76      Kuntrarjament għal dak li jagħti x’jifhem l-argument tar-rikorrenti, minn dan li ntqal ma jistax jiġi dedott obbligu pożittiv fuq l-Unjoni, impost mill-Artikolu 14 tal-Karta, li tiżgura l-mezzi finanzjarji tal-uffiċjali u tal-aġenti tagħha biex it-tfal dipendenti tagħhom isegwu forma partikolari ta’ edukazzjoni.

77      Għaldaqstant, anki jekk jitqies li l-allowance għal wild dipendenti hija intiża biex tkopri spejjeż skolastiċi sostnuti minn uffiċjal jew aġent għall-wild dipendenti tiegħu, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-dritt għall-edukazzjoni, sanċit fl-Artikolu 14 tal-Karta, jeħtieġ li l-għoti ta’ din l-allowance jiġi estiż għat-tfal imqiegħda taħt il-kustodja ta’ uffiċjal jew ta’ aġent skont deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz.

78      Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-esklużjoni, permezz tad-dispożizzjoni kontenzjuża, tal-kunċett ta’ wild dipendenti għat-tfal taħt il-kustodja ta’ uffiċjal jew ta’ aġent skont deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz għandhiex titqies bħala ksur tal-aħjar interess tat-tfal kif stabbilit fl-Artikolu 24(2) tal-Karta. Din id-dispożizzjoni tipprovdi:

“Fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.”

79      F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li mill-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 24 tal-Karta jirriżulta li dan l-artikolu huwa bbażat fuq il-Konvenzjoni ta’ New York dwar id-Drittijiet tat-Tfal, iffirmata fl-20 ta’ Novembru 1989 u rratifikata mill-Istati Membri kollha, u b’mod partikolari fuq l-Artikoli 3, 9, 12 u 13 tagħha. Jirriżulta mill-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni li, “għall-finijiet ta’ din il-Konvenzjoni, wild tfisser kull bniedem taħt l-età ta’ tmintax-il sena, ħlief jekk l-età maġġuri tintlaħaq qabel skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għalih” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

80      F’dan il-każ, peress li Joe u Claire għandhom iktar minn 18-il sena, dawn ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “tfal” fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ New York tal‑1989 msemmija fil-punt 79 iktar ’il fuq, b’mod li l-Artikolu 24 tal-Karta ma jistax japplika għalihom.

81      Minn dan jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma tistax tikkunsidra li l-esklużjoni, permezz tad-dispożizzjoni kontenzjuża, ta’ ċerta kategorija ta’ tfal mill-kunċett ta’ wild dipendenti u mill-ħlas tal-allowance għat-tfal dipendenti tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 24 tal-Karta.

82      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4)      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta u tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ leġittimità

83      Ir-rikorrenti ssostni li l-leġiżlatur kellu jispjega espressament, fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sanċit fl-Artikolu 52 tal-Karta, ir-raġunijiet li għalihom huwa eskluż r-rikonoxximent bħala tfal dipendenti ta’ tfal taħt il-kustodja ta’ uffiċjal jew ta’ aġent, skont deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz. Billi ma pprovdietx spjegazzjonijiet f’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni kontenzjuża tikser l-Artikolu 52 tal-Karta.

84      Il-Kunsill u l-Kummissjoni jitolbu li r-raba’ motiv jiġi miċħud bħala infondat, filwaqt li l-Parlament, min-naħa tiegħu, jitlob l-inammissibbiltà ta’ dan il-motiv.

i)      Fuq l-ammissibbiltà tar-raba’ motiv

85      Il-Parlament iqis li r-raba’ motiv huwa inammissibbli, peress li l-punti essenzjali ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat dan il-motiv ma jirriżultawx, fil-fehma tiegħu, mit-test tar-rikors stess. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda argument legali insostenn ta’ allegat ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ leġittimità.

86      Għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li japplika għall-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess Statut u tal-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tal-kwistjoni u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi tat-talba. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preċiżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jipprepara d-difiża tiegħu u l-Qorti Ġenerali tkun tista’ tiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu (digrieti tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, EU:T:1993:39, punt 20, u tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-154/98, EU:T:1999:109, punt 49).

87      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreċiżatx fir-rikors tagħha, f’xiex kien jikkonsisti l-ksur tal-prinċipju ta’ leġittimità li hija tinvoka fit-titolu tar-raba’ motiv tagħha. Għalhekk, dan il-motiv għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-allegat ksur tal-imsemmi prinċipju.

88      Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ proporzjonalità invokat mir-rikorrenti, għandu, ċertament, jiġi kkonstatat li l-argument tagħha huwa qasir. Madankollu, jirriżulta b’mod suffiċjentement ċar u koerenti mill-argumenti tagħha li hija tinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li l-Artikolu 52 tal-Karta jimponi li jiġi rrispettat fil-limitazzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti minn din tal-aħħar.

89      Għalhekk ir-raba’ motiv għandu jiġi ddikjarat ammissibbli f’dak li jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

ii)    Fuq il-mertu

90      L-Artikolu 52(1) tal-Karta jipprovdi:

“Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

91      Mill-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52 jirriżulta li dan għandu l-għan li jiddefinixxi l-portata tad-drittijiet u tal-prinċipji tal-Karta, u li jistabbilixxi regoli għall-interpretazzjoni tagħhom. B’mod partikolari, l-Artikolu 52(1) jistabbilixxi r-regoli dwar il-limitazzjonijiet.

92      Issa, f’dan il-każ, minn naħa, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma speċifikatx liema dritt, jew liema libertà rikonoxxuti mill-Karta ġew illimitati mid-dispożizzjoni kontenzjuża.

93      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-ewwel u t-tielet motivi mqajma insostenn tal-eċċezzjoni ta’ illegalità tad-dispożizzjoni kontenzjuża, il-Qorti Ġenerali ma sabet ebda limitazzjoni, mid-dispożizzjoni kontenzjuża, tad-drittijiet previsti mill-Karta.

94      Minn dan isegwi li r-rikorrenti naqset milli tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 52(1) tal-Karta.

95      Għaldaqstant, ir-raba’ motiv u, konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

5)      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza

96      Ir-rikorrenti ssostni li peress li d-dispożizzjoni kontenzjuża hija illegali għar-raġunijiet invokati fil-kuntest tal-ewwel u r-raba’ motivi tagħha, l-AAKK wettqet żball ta’ liġi u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi adottat id-deċiżjoni kkontestata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni. Hija tenfasizza li, sal-komunikazzjoni tan-nota tal-PMO tas-6 ta’ Mejju 2015, il-PMO ma kienx informaha li hija kienet eskluża mill-benefiċċju tal-allowance għall-wild dipendenti skont id-dispożizzjoni kontenzjuża. Hija tinnota wkoll li l-ħlas ta’ dawn l-allowances ġie interrott f’daqqa.

97      Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tinvoka wkoll ksur tad-dmirijiet ta’ premura u ta’ assistenza. Il-Kummissjoni naqset milli twettaq dawn id-dmirijiet meta naqset milli tassisti u tiggwida lir-rikorrenti fil-proċess tagħha mill-2011 jew milli tħallilha ż-żmien li tikkonforma, mill-2016, mar-rekwiżiti l-ġodda tal-PMO li skonthom kien imissha tipproduċi deċiżjoni bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li hija saret taf biss mill-qari tar-risposta tal-Kummissjoni li l-PMO kien iqis li deċiżjoni ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi setgħet titqies bħala deċiżjoni bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru u, b’konsegwenza, tiġi ammessa mill-PMO bħala bażi għall-għoti ta’ allowances għall-wild dipendenti.

98      Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-iżball ta’ liġi invokat mir-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din tal-aħħar sempliċement tagħmel referenza għall-motivi ta’ illegalità mqajma fil-kuntest tal-ewwel erba’ motivi tagħha u li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, hija ma ressqet ebda argument addizzjonali intiż għall-konstatazzjoni tal-illegalità tad-dispożizzjoni kontenzjuża jew żball ta’ liġi mwettaq mill-AAKK. Peress li l-ewwel erba’ motivi tar-rikorrenti ġew miċħuda, ma hemmx lok li jiġi eżaminat iktar l-iżball ta’ liġi invokat insostenn ta’ dan il-motiv.

99      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-AAKK ma waqqfitx il-ħlas tal-allowances inkwistjoni f’daqqa. Fil-fatt, kif tfakkar fil-punt 5 iktar ’il fuq, permezz tan-nota tiegħu tas-6 ta’ Mejju 2015, il-PMO kien informa lir-rikorrenti minn qabel li l-ħlas ta’ dawn l-allowances kien se jitwaqqaf.

100    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ksur tad-dmir ta’ premura invokata mir-rikorrenti fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li dan l-argument tar-rikorrenti huwa inammissibbli, għaliex tqajjem tard.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-aġenti tagħha, li jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħolqu fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-aġenti tas-servizz pubbliku, u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba jingħaqdu biex jimponu fuq l-awtorità ġerarkika, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, li tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenzi tas-7 ta’ Marzu 2007, Sequeira Wandschneider vs Il-Kummissjoni, T-110/04, EU:T:2007:78, punti 184 u 185, u tat-13 ta’ Novembru 2014, De Loecker vs SEAE, F-78/13, EU:F:2014:246, punt 76).

102    Issa, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti allegat ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha. Konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura huwa żvilupp tal-ħames motiv tagħha. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat bħala ammissibbli.

103    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dmir ta’ premura jimplika b’mod partikolari li, meta tiddeċiedi dwar is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità ġerarkika tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha u li, b’hekk, hija tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz, iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1999, Rodríguez Pérez et vs Il-Kummissjoni, T-114/98 u T-115/98, EU:T:1999:114, punt 32).

104    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti għandha l-intenzjoni, essenzjalment, li tiddeduċi mid-dmir ta’ premura obbligu pożittiv min-naħa tal-amministrazzjoni li tassistiha u tiggwidaha fil-proċess tagħha sa minn tal-inqas l‑2011.

105    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li d-dmir ta’ premura ma jimponix, bħala prinċipju, obbligu pożittiv ġenerali tal-amministrazzjoni li tassisti lill-uffiċjali jew lill-aġenti tal-Unjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi raġonevolment mistenni minn amministrazzjoni diliġenti li tittratta għadd kbir ta’ talbiet għal allowances għall-ulied dipendenti li tieħu l-inizjattiva li tassisti u tiggwida lill-applikanti kkonċernati kollha fi kwalunkwe proċess li jistgħu jkollhom jibdew biex jiksbu tali allowances (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, Barroso Truta et vs Cour, F-126/15, EU:F:2016:159, punt 74).

106    L-amministrazzjoni tista’, l-iktar l-iktar, tkun meħtieġa tissodisfa obbligi msaħħa skont id-dmir ta’ premura meta jkunu sodisfatti ċirkustanzi speċifiċi, b’mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà estrema li fiha tkun tinsab il-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, U vs Il-Parlament, F‑92/09, EU:F:2010:140, punti 65 sa 67, 85 u 88). Issa, ir-rikorrenti ma turix u lanqas tallega li tali ċirkustanzi humiex sodisfatti f’dan il-każ.

107    It-tieni nett, huwa importanti wkoll li jiġi osservat li kull uffiċjal normalment diliġenti għandu jkun jaf ir-Regolamenti tal-Persunal u, b’mod iktar partikolari, ir-regoli li jirregolaw ir-remunerazzjoni tiegħu, inklużi dawk relatati mal-allowances tal-familja. Skont il-ġurisprudenza, id-diliġenza normali li tista’ tkun mistennija minn uffiċjal jew minn aġent hija evalwata skont it-taħriġ tiegħu, il-grad tiegħu u l-esperjenza professjonali tiegħu (sentenza tas-17 ta’ Mejju 2017, Piessevaux vs Il-Kunsill, T-519/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:343, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti daħlet taħdem mal-Kummissjoni fl-2007 bħala aġent kuntrattwali li taqa’ taħt il-grupp ta’ funzjonijiet IV. Skont it-tabella li tinsab fl-Artikolu 80(2) tas-CEOS, dan il-grupp ta’ funzjonijiet ikopri l-kompiti deskritti kif ġej: “Kompiti amministrattivi, ta’ konsulenza, lingwisti u tekniċi ekwivalenti, imwettqa taħt is-superviżjoni ta’ l-uffiċjali jew tal-persunal temporanju.” Skont l-Artikolu 82(2)(c), ir-reklutaġġ ta’ aġent kuntrattwali fl-imsemmi grupp ta’ funzjonijiet jirrikjedi mill-inqas livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji ta’ mill-inqas tliet snin iċċertifikati b’diploma jew, fejn iġġustifikat fl-interess tas-servizz, taħriġ professjonali ta’ livell ekwivalenti. Madankollu, il-kliem tad-dispożizzjoni kontenzjuża huwa ċar inkwantu tissuġġetta espressament il-ħlas ta’ allowance għal wild dipendenti għal wild li l-uffiċjal għandu r-responsabbiltà ta’ obbligu ta’ manteniment lejh għal li dan tal-aħħar jirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, b’tali mod li kellha tidher ovvja għal aġent kuntrattwali b’esperjenza, b’livell ta’ taħriġ u grad bħal dawk tar-rikorrenti li deċiżjoni bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ pajjiż terz bħas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi ma setgħetx isservi ta’ bażi għall-għoti tal-allowance għat-tfal dipendenti. Tal-inqas, id-diliġenza normali li tista’ tkun mistennija minn tali aġent teħtieġ li dan għandu jikseb informazzjoni f’dan ir-rigward mingħand l-amministrazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma hijiex iġġustifikata li ssostni li r-rekwiżit li tippreżenta deċiżjoni bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru huwa ġdid u li l-Kummissjoni, konsegwentement, kellha tagħtiha ż-żmien mill-2016 biex tikkonforma magħha.

109    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura bħala infondat.

110    Fir-rigward tad-dmir ta’ assistenza tal-amministrazzjoni, taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, dan huwa intiż biex l-istituzzjoni tiddefendi lill-uffiċjali minn aġir ta’ terzi u mhux kontra l-atti li jirriżultaw mill-istituzzjoni nnifisha, li l-kontroll tagħhom joħroġ minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tad-9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il-Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Issa, f’dan il-każ, l-argument tar-rikorrenti ma jkoprix l-aġir ta’ terzi, iżda att jew ommissjoni tal-Kummissjoni. Għaldaqstant ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-ksur tad-dmir ta’ assistenza.

112    B’hekk, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

6)      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet kweżiti u tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà

113    Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti invokat, għall-ewwel darba fil-proċedura, ksur tal-prinċipju ta’ drittijiet kweżiti, kif ukoll tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà.

114    F’dan ir-rigward, hija ssostni li ġiet imqarrqa mill-PMO sakemm ġiet adottata d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment. Dan jirriżulta mill-fatt li, f’Ġunju 2011, il-PMO kien aċċetta s-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi bħala deċiżjoni ġudizzjarja li tagħti d-dritt għall-għoti tal-allowances inkwistjoni. Kien biss permezz tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li hija kienet taf li s-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi ma baqgħetx irrikonoxxuta bħala deċiżjoni li tagħti d-dritt għall-allowances. Qabel Frar 2017, hija lanqas ma kienet taf li l-PMO aċċetta, bħala deċiżjoni li tagħti d-dritt għall-allowances għall-wild dipendenti, deċiżjoni ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi adottata minn qorti ta’ Stat Membru. Huwa għal din ir-raġuni li hija kienet ippreżentat talba għall-adozzjoni ta’ Joe u Claire quddiem l-awtoritajiet Belġjani. Billi marret lura daqstant tard u f’daqqa mid-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi, bejn l-2011 u l-2016, l-effetti legali tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tal-Burundi u billi tirrikjedi li r-rikorrenti titlob tali deċiżjoni ta’ rikonoxximent, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet kweżiti tar-rikorrenti kif ukoll il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà.

115    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li deċiżjoni ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi minn qorti tal-Unjoni tibqa’ dejjem ibbażata fuq liġi barranija u għalhekk ma tistax titqies bħala deċiżjoni ġudizzjarja bbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru dwar il-protezzjoni ta’ minuri fis-sens tad-dispożizzjoni kontenzjuża, sa fejn, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet li jagħtu dritt għal allowances finanzjarji għandhom jiġu interpretati strettament.

116    Il-Kummissjoni titlob l-inammissibbiltà tal-ilmenti tar-rikorrenti msemmija fil-punti 113 sa 115 iktar ’il fuq, billi targumenta li dawn tqajmu tardivament u li setgħu jiġu invokati fl-istadju tar-rikors.

117    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-rikorrenti sostniet li invokat dawn l-ilmenti għall-ewwel darba fir-replika tagħha peress li hija saret taf fil-qari tar-risposta li l-PMO kien aċċetta deċiżjoni ta’ rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi adottata minn qorti ta’ Stat Membru bħala li tagħti d-dritt għall-ħlas tal-allowances għall-wild dipendenti għal Joe u Claire.

118    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li jirriżulta mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq elementi ta’ dritt u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

119    F’dan il-każ, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, kif ammettiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, l-AAKK kienet diġà informatha fid-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment li r-raġuni għat-tneħħija tal-ħlas tal-allowances inkwistjoni kien il-fatt li s-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi ma kinitx ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru.

120    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel darba li r-rikorrenti fehmet ir-raġunijiet għat-tneħħija tal-allowances għall-wild dipendenti li kienet qiegħda tirċievi ma kinitx waqt il-qari tar-risposta.

121    Minn dan jirriżulta li, sa fejn jirrigwarda r-raġunijiet għat-tneħħija tal-allowances għall-wild dipendenti, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tad-drittijiet kweżiti u ta’ prevedibbiltà ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li ħarġu matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, dan għandu jiġu miċħud bħala inammissibbli.

122    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-argument tar-rikorrenti dwar ir-rikonoxximent tas-sentenza tal-Qorti ta’ Residenza ta’ Buyenzi minn qorti ta’ Stat Membru jikkonċerna aġir mhux deċiżjonali tal-Kummissjoni, u għalhekk ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi ddikjarat ineffettiv, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

123    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal qabel li hemm lok li r-rikors jiġi miċħud.

IV.    Fuq l-ispejjeż

124    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

125    F’dan il-każ, ir-rikorrenti tilfet u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għalhekk, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tal-Kummissjoni minbarra l-ispejjeż tagħha stess.

126    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ibatu għalhekk l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      SH hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

3)      Il-Parlament u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Kanninen

Calvo-Sotelo Ibáñez-Martín

Reine

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Diċembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.